Language of document : ECLI:EU:F:2009:8

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

3 ta’ Frar 2009

Kawża F-40/08

Daniela Paula Carvalhal Garcia

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Ex uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance tal-edukazzjoni – Rifjut ta’ għotja – Rikors tardiv – Inammissibbiltà manifesta”

Test sħiħ bil-lingwa tal-kawża (il-Portugiż) II-A-1 - 0000

Suġġett: Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu D. Carvalhal Garcia titlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Assistent Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, tas‑16 ta’ Novembru 2007, li ċaħdet l-ilment tagħha indirizzat kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha l-allowance tal-edukazzjoni għal bintha kien twaqqafilha.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

Proċedura – Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat – Kundizzjonijiet – Rikors manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt – Ilment amministrattiv imressaq qabel b’mod tardiv

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

Fl-ipoteżi ta’ rikors manifestament inammissibbli, il-possibbiltà, prevista fl‑Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li tittieħed deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat mingħajr ma wieħed isegwi l‑proċedura, ma tapplikax biss fil-każ fejn il-ksur tar-regoli fil-qasam tal‑ammissibbiltà jkun daqshekk evidenti u gravi li l-ebda argument serju ma jkun jista’ jiġi invokat favur l-ammissibbiltà, iżda wkoll fil-każ fejn, mill-qari tal‑proċess, il-kulleġġ ġudikanti, li tqis lilha nnifisha biżżejjed informata mill-atti tal-proċess, tkun totalment konvinta mill-inammissibbiltà tar-rikors, dovuta b’mod partikolari għall-fatt li dan tal-aħħar jikser ir-rekwiżiti stabbiliti minn ġurisprudenza stabbilita, u tqis, barra minn hekk, li miż-żamma ta’ seduta ma jkun ser jirriżulta l-ebda element ġdid f’dan ir-rigward. F’din l-ipoteżi, iċ-ċaħda ta’ rikors permezz ta’ digriet mhux biss tikkontribwixxi għall-ekonomija tal-ġudizzju, iżda wkoll tnaqqas l-ispejjeż lill-partijiet marbuta ma’ seduta.

Dan ikun il-każ meta uffiċjal, bi ksur ta’ ġurisprudenza stabbilita, li tgħid li l‑ammissibbiltà ta’ rikors hija suġġett għal kundizzjoni ta’ żvolġiment regolari, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-termini tal-proċedura amministrattiva preliminari prevista fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, u li peress li din ir-regola hija ta’ ordni pubbliku, it-termini ma huma għad-dispożizzjoni la tal‑partijiet u lanqas tal-qorti, iressaq sempliċi talba, u mhux ilment, kontra att li jikkawża preġudizzju jew jippreżenta ilment, fit-termini, kontra att purament konfermattiv jew, saħansitra, jippreżenta rikors tardiv wara li l-ilment tiegħu jkun ġie miċħud.

L-iżball skużabbli, li jikkostitwixxi eċċezzjoni eventwali jew deroga għal dawn it‑termini, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv u jirrigwarda biss ċirkustanzi eċċezzjonali fejn, b’mod partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata tkun adottat aġir ta’ natura li jipprovoka konfużjoni ammissibbli f’moħħ l-individwu ta’ bona fide u li juri d-diliġenza meħtieġa minn persuna normalment avżata. Dan ma huwiex il-każ meta l-amministrazzjoni tibgħat lill-awtur tal-ilment messaġġ elettroniku li fih tindikalu b’mod ċar l-obbligi tagħha li tapplika r-regoli fis-seħħ, anki jekk stretti, u tinformah li hija sejra tibgħat mill-ġdid il-każ tiegħu lill-esperti, mingħajr ma tiskoraġġixxi lill-interessat milli juża l-mezzi legali disponibbli sabiex jikkontesta d-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju jew id-deċiżjoni ta’ ċaħda, u mingħajr ma tipprovoka konfużjoni fir-rigward tat-termini għal teħid ta’ azzjoni legali relatati ma’ dawn il-mezzi jew tagħti x’tifhem li dawn it-termini setgħu jiġu pprorogati.

Is-sempliċi fatt li r-rikorrenti kellha l-interpretazzjoni tagħha dwar l-iżvolġiment tal‑fatti u tan-natura ġuridika tal-atti adottati u tal-messaġġi elettroniċi skambjati ma jippermettix li jiġi invokat b’mod impliċitu l-iżball skużabbli, taħt piena, għat‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li jkollu jfittex l-eżistenza tat-tali żball kważi f’kull kawża fejn tqum il-kwistjoni tal-ammissibbiltà u fejn l‑interpretazzjoni tar-rikorrenti ma tintlaqax.

(ara l-punti 13, 14, 16 sa 21 u 23 sa 25)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 12 ta’ Lulju 1984, Moussis vs Il-Kummissjoni, 227/83, Ġabra p. 3133, punt 12; 29 ta’ Ġunju 2000, Politi vs Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, C‑154/99 P, Ġabra p. I-5019, punt 15

Il-Qorti Ġenerali: 11 ta’ Mejju 1992, Whitehead vs Il-Kummissjoni, T‑34/91, Ġabra p. II‑1723, punt 18; 15 ta’ Frar 1995, Moat vs Il-Kummissjoni, T‑112/94, ĠabraSP p. I‑A‑37 u II‑135, punt 20; 24 ta’ April 1996, A vs Il-Parlament, T‑6/94, ĠabraSP p. I‑A‑191 u II‑555, punti 52 sa 54 ; 30 ta’ Marzu 2001, Tavares vs Il-Kummissjoni, T‑312/00, ĠabraSP p. I‑A‑75 u II‑367, punt 23; 10 ta’ April 2003, Robert vs Il-Parlament, T‑186/01, ĠabraSP p. I‑A‑131 u II‑631, punti 52, 53, 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, 55 u 56; 17 ta’ Mejju 2006, Lavagnoli vs Il-Kummissjoni, T‑95/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑121 u II‑A‑2‑569, punt 41

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 27 ta’ Marzu 2007, Manté vs Il-Kunsill, F‑87/06, ĠabraSP 2007 p. I-A-1-77, II-A-1-451, punti 16 u 18