Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta' Settembru 2009 minn Giorgio Lebedef mis-sentenza mogħtija fis-7 ta' Lulju 2009 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-39/08, Lebedef vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-364/09 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Giorgio Lebedef (Senningerberg, il-Lussemburgu) (rappreżentant: F. Frabetti, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellant

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-7 ta' Lulju 2009 fil-kawża F-39/08, Giorgio Lebedef bl-indirizz 4, Neie Wee, L-1670, Senningerberg, il-Lussemburgu, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, assistit u rrappreżentat minn Frédéric Frabetti, 5, rue Jean Bertels, L-1230 il-Lussemburgu, avukat, b'indirizz għan-notifika fl-uffiċċju tiegħu, kontra l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata mill-aġenti tagħha, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, konvenuta, li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet tad-29.5.2007, 20.6.2007, 28.6.2007, 6.7.2007 kif ukoll iż-żewġ deċiżjonijiet tas-26.7.2007 u d-deċiżjoni tat-2.8.2007 dwar it-tnaqqis ta' 32-il ġurnata leave tar-rikorrent għas-sena 2007;

tilqa' it-talbiet tar-rikorrent li saru fl-ewwel istanza;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

tiddeċiedi fuq l-ispejjeż u tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tħallashom.

L-aggravji u l-argumenti prinċipali

B'dan l-appell, ir-rikorrent jitlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tas-7 ta' Lulju 2009, mogħtija fil-kawża Lebedef vs Il-Kummissjoni, F-39/08, li tiċħad ir-rikors li permezz tiegħu ir-rikorrent kien talab l-annullament ta' serje ta' deċiżjonijiet dwar it-tnaqqis ta' 32-il ġurnata mil-leave annwali tiegħu għas-sena 2007.

Insostenn tal-appell tiegħu, ir-rikorrent isostni disa' aggravji bbażati:

fuq il-ksur tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej fir-rigward tal-kompożizzjoni u l-modalitajiet tal-funzjonament tal-kumitat tal-persunal fost oħrajn, kif ukoll tal-Artikolu 1(2) tal-ftehim qafas li jirregola r-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet sindakali u professjonali;

fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tad-"dritt ta' assoċjazzjoni" abbażi tal-Artikolu 24b tar-Regolamenti;

fuq il-ksur tal-punt III.c fir-rigward tal-"part-time mediku" tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta' April 2004, dwar il-ħolqien tad-dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni fil-qasam ta' assenza minħabba mard jew inċident u b'mod partikolari il-punt li jipprovdi li "il-ġranet tal-leave annwali eventwalment meħuda għandhom jiġu magħduda fi ġranet sħaħ";

fuq il-fatt li ġie injorat l-istat ta' saħħa tar-rikorrent;

fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-kunċetti "parteċipazzjoni fir-rappreżentazzjoni tal-persunal", "distakk sindakali" u "missjoni sindakali";

fuq l-iżnaturament u d-deformazzjoni tal-fatti u tal-affermazzjonijiet tar-rikorrent, kif ukoll tal-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku f'dak li jikkonċerna r-reġistrazzjonijiet ta' "assenza irregolari" f'SysPer2;

fuq żball ta' liġi mwettaq mit-TSP fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta' "assenza" kif huwa ddefinit mill-Artikoli 57, 59 u 60 tar-Regolamenti tal-Persunal;

fuq żball ta' liġi mwettaq mit-TSP fl-applikazzjoni tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal; u

fuq nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tat-TSP li saru fil-kuntest tal-ewwel tmien aggravji.

____________