Language of document : ECLI:EU:C:2022:298

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ April 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Moviment liberu tal-persuni – Regolament (UE) 2016/399 – Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen – Artikolu 25(4) – Introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni fil-limitu ta’ tul totali massimu ta’ sitt xhur – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi diversi perijodi konsekuttivi ta’ kontrolli li jwasslu għal qbiż ta’ dan it-tul ta’ żmien – Assenza ta’ konformità ta’ tali leġiżlazzjoni mal-Artikolu 25(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen fil-każ fejn il-perijodi suċċessivi jkunu bbażati fuq l-istess theddid jew theddida – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi li jiġi ppreżentat passaport jew karta tal-identità waqt il-kontroll fil-fruntiera interna taħt piena ta’ sanzjoni – Assenza ta’ konformità ta’ tali obbligu mal-Artikolu 25(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen meta l-kontroll innifsu jkun kuntrarju għal din id-dispożizzjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑368/20 u C‑369/20,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Steiermark, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑23 ta’ Lulju 2020, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Awwissu 2020, fil-proċeduri

NW

vs

Landespolizeidirektion Steiermark (C‑368/20),

Bezirkshauptmannschaft Leibnitz (C‑369/20),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan (Relatur), S. Rodin, I. Jarukaitis u J. Passer, Presidenti tal-Awla, M. Ilešič, J.-C. Bonichot, M. Safjan, F. Biltgen, P. G. Xuereb, N. Piçarra u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Ġunju 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal NW, minn C. Tometten, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, M. Witzmann, J. Schmoll u M. Augustin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, inizjalment minn M. Søndahl Wolff, J. Nymann-Lindegren u P. Brøchner Jespersen, sussegwentement minn M. Søndahl Wolff u V. Jørgensen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, inizjalment minn E. de Moustier, D. Dubois u T. Stéhelin, sussegwentement minn, M. Dubois u T. Stéhelin bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn H. Shev, C. Meyer-Seitz, A. Runeskjöld, M. Salborn Hodgson, R. Shahsavan Eriksson u H. Eklinder, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 22, 25 u 29 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), (ĠU 2016, L 77, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32) kif emendat bir-Regolament (UE) 2016/1624 tal Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Settembru 2016 (ĠU 2016, L 251, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”), kif ukoll tal-Artikolu 21(1) TFUE u tal-Artikolu 45(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, NW, u, min-naħa l-oħra, il-Landespolizeidirektion Steiermark (id-Direttorat Ġenerali tal-Pulizija ta’ Steiermark, l-Awstrija) (C‑368/20) u l-Bezirkshauptmannschaft Leibnitz (l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Leibnitz, l-Awstrija) (C‑369/20), dwar il-verifiki fil-fruntieri li fil-kuntest tagħhom il-persuna kkonċernata ntalbet tippreżenta, f’każ wieħed, passaport jew karta tal-identità u, fil-każ ieħor, passaport.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2004/38/KE

3        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38/KE tal Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46) jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli fil-kontrolli tal-fruntieri nazzjonali, l-Istati Membri għandhom iħallu jidħlu fit-territorju tagħhom iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni [Ewropea] li għandhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi, kif ukoll lill-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru li għandhom passaport validu.

[…]”

 Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006,

4        L-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1), intitolat “Verifiki fit-territorju” kien jipprovdi:

“It-tneħħija tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni m’għandhiex taffettwa:

a)      l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali, safejn l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat ma jkollux effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera; dan japplika wkoll f’żoni tal-fruntiera. […]

[…]”

 Ir-Regolament (UE) Nru 1051/2013

5        Skont il-premessi 1 u 2 tar-Regolament (UE) Nru 1051/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 sabiex jipprovdi regoli komuni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri interni f’ċirkostanzi eċċezzjonali (ĠU 2013, L 295, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 191, p. 8):

“(1)      Il-ħolqien ta’ żona li fiha l-moviment liberu tal-persuni bejn il-fruntieri interni huwa żgurat huwa waħda mill-kisbiet ewlenin tal-Unjoni. F’żona mingħajr kontrolli tal-fruntieri interni, jeħtieġ li jkun hemm rispons komuni għal sitwazzjonijiet li jaffettwaw b’mod serju l-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna ta’ dik iż-żona, jew ta’ partijiet minnha, jew ta’ wieħed jew aktar Stati Membri billi jippermetti l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri interni f’ċirkostanzi eċċezzjonali, mingħajr ma jipperikola l-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni. Minħabba l-impatt li tali miżuri bħala l-aħħar soluzzjoni jista’ jkollhom fuq il-persuni kollha li għandhom id-dritt li jiċċaqilqu fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ tali miżuri għandhom ikunu stabbiliti, sabiex jiġi assigurat huma eċċezzjonali u li l-prinċipju tal-proporzjonalità ikun rispettat. L-ambitu u t-tul taż-żmien ta’ kwalunkwe introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ tali miżuri għandhom ikunu ristretti għall-minimu indispensabbli meħtieġ sabiex tkun indirizzata t-theddida serja għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna.

(2)      Moviment liberu ta’ persuni fi ħdan iż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni huwa kisba ewlenija tal-Unjoni. Billi moviment liberu ta’ persuni huwa affettwat mill-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri interni, kull deċiżjoni biex jiġi introdott mill-ġdid tali kontroll għandha tittieħed f’konformità mal-kriterji maqbula komunement u għandha tiġi nnotifikata debitament lill-Kummissjoni [Ewropea] jew tkun rakkomandata minn istituzzjoni tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri interni għandha tibqa’ tkun eċċezzjoni u għandha ssir bħala l-aħħar soluzzjoni, għal skop u perijodu ta’ żmien strettament limitati, ibbażata fuq kriterji oġġettivi speċifiċi u fuq valutazzjoni tan-neċessità tagħha li għandha tkun mgħassa fil-livell tal-Unjoni. Fejn theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tirrikjedi azzjoni immedjata, Stat Membru għandu jkun jista’ jintroduċi mill-ġdid il-kontrolli tal-fruntieri interni għal perijodu li ma jaqbiżx l-għaxart ijiem. Kull estensjoni ta’ dak il-perijodu teħtieġ li tkun issorveljata fil-livell tal-Unjoni.”

 Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

6        Ir-Regolament Nru 562/2006 u l-emendi suċċessivi tiegħu ġew ikkodifikati u ssostitwiti bil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

7        Skont il-premessa 21 ta’ dan il-kodiċi:

“F’żona fejn il-persuni jistgħu jiċċirkolaw b’mod liberu, id-dħul mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni għandu jibqa’ l-eċċezzjoni. Il-kontrolli fuq il-fruntiera m’għandhomx jitwettqu jew ikunu imposti formalitajiet biss minħabba li jkun hemm qsim ta’ tali fruntiera.”

8        Il-premessi 22 u 23 tal-imsemmi kodiċi jirriproduċu, essenzjalment, il-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 1051/2013.

9        Skont il-premessi 27 u 34 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen:

“(27)      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […], deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni għandha tiġi interpretata b’mod strett u l-kunċett ta’ ordni pubbliku jippresupponi l-eżistenza ta’ theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li taffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà.

[…]

(34)      Peress li l-objettiv tar-Regolament (KE) [Nru 562/2006] u l-emendi suċċessivi tiegħu, jiġifieri l-istabbiliment ta’ regoli applikabbli għall-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntieri, ma setax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri iżda seta’, minflok, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni setgħet tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif spjegat fl-Artikolu 5 [TUE]. […]”

10      L-Artikolu 1 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Suġġett u prinċipji”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jipprovdi għall-assenza ta’ kontrolli fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri interni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni.

[…]”

11      L-Artikolu 22 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, intitolat “Qsim tal-fruntieri interni”, huwa fformulat kif ġej:

“Fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kull punt mingħajr ma jsiru verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom.”

12      Skont l-Artikolu 23 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Verifiki fit-territorju”:

“L-assenza tal-kontrolli fuq il-fruntieri fil-fruntieri interni m’għandhiex taffettwa:

[…]

c)      il-possibbiltà għal Stat Membru li jipprovdi, permezz ta’ liġi, għal obbligu li wieħed ikun fil-pussess jew iġorr miegħu karti u dokumenti;

[…]”

13      L-Artikolu 25 tal-imsemmi kodiċi intitolat “Qafas ġenerali għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni” jipprevedi:

“1. Fejn, f’żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni jkun hemm theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fi Stat Membru, dak l-Istat Membru jista’ eċċezzjonalment jerġa’ jintroduċi l-kontrolli fuq il-fruntieri fil-partijiet kollha tal-fruntieri interni tiegħu jew f’partijiet speċifiċi tagħhom għal perijodu limitat ta’ mhux aktar minn 30 jum jew għall-perijodu prevedibbli tat-theddida serja jekk il-perijodu jaqbeż it-30 jum. L-iskop u t-tul ta’ żmien tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni m’għandux jaqbeż dak li hu strettament neċessarju b’risposta għat-theddida serja.

2.      Il-kontrolli fuq il-fruntieri interni għandhom jiġu introdotti mill-ġdid biss bħala l-aħħar soluzzjoni, u f’konformità mal-Artikoli 27, 28 u 29. Il-kriterji msemmija, rispettivament, fl-Artikoli 26 u 30, għandhom jiġu kkunsidrati f’kull każ fejn tiġi kkunsidrata deċiżjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni skont l-Artikolu 27, 28 jew 29 rispettivament.

3.      Jekk it-theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fl-Istat Membru konċernat tippersisti lil hinn mill-perijodu previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dak l-Istat Membru jista’ jestendi l-kontrolli fuq il-fruntieri interni tiegħu, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kriterji msemmija fl-Artikolu 26 u f’konformità mal-Artikolu 27, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u, filwaqt li jittieħed kont ta’ kwalunkwe element ġdid, għal perijodi li jistgħu jiġġeddu ta’ mhux aktar minn 30 jum.

4.      Il-perijodu totali li matulu jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri interni, inkluż kwalunkwe estensjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, m’għandux jaqbeż is-sitt xhur. Fejn hemm ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 29, dak il-perijodu totali jista’ jiġi estiż għal żmien massimu ta’ sentejn b’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu.”

14      L-Artikolu 26 tal-istess kodiċi, intitolat “Kriterji għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni”, jipprovdi:

“Fejn Stat Membru jiddeċiedi, bħala l-aħħar soluzzjoni, li jintroduċi mill-ġdid b’mod temporanju kontrolli ta’ xi waħda jew aktar mill-fruntieri interni tiegħu jew ta’ xi partijiet minnhom jew jiddeċiedi li jestendi tali introduzzjoni mill-ġdid, taħt l-Artikolu 25 jew l-Artikolu 28(1), huwa għandu jivvaluta sa fejn miżura x’aktarx li tirrimedja b’mod adegwat it-theddida għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna, u għandu jevalwa l-proporzjonalità tal-miżura mqabbla ma’ dik it-theddida. Meta jagħmel dawn il-valutazzjonijiet, l-Istat Membru għandu b’mod partikolari jqis dawn li ġejjin:

a)      l-impatt probabbli ta’ kwalunkwe theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fl-Istat Membru konċernat, inkluż wara inċidenti jew theddidiet terroristiċi kif ukoll dawk maħluqa mill-kriminalità organizzata;

b)      l-impatt probabbli ta’ tali miżura fuq moviment liberu ta’ persuni fi ħdan iż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni.”

15      L-Artikolu 27 ta’ dan il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, intitolat “Proċedura għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni skont l-Artikolu 25”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fejn Stat Membru jippjana l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni taħt l-Artikolu 25, huwa għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat qabel l-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata, jew fi żmien perijodu iqsar fejn iċ-ċirkostanzi li jwasslu għall-bżonn tal-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni jsiru magħrufa f’inqas minn erba’ ġimgħat qabel l-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata. Għal dak l-għan, l-Istat Membru għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

a)      ir-raġunijiet għall-introduzzjoni mill-ġdid proposta, inkluż id-data relevanti kollha li tagħti dettalji tal-avvenimenti li jikkostitwixxu theddida serja għall-ordni pubbliku tiegħu jew għas-sigurtà interna tiegħu;

b)      l-iskop tal-introduzzjoni mill-ġdid proposta, li jispeċifika f’liema parti jew partijiet tal-fruntieri interni ser jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri;

c)      l-ismijiet tal-punti ta’ qsim awtorizzati;

d)      id-data u t-tul ta’ żmien għall-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata;

e)      fejn ikun il-każ, il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri l-oħra.

[…]

4.      Wara n-notifika mill-Istat Membru taħt il-paragrafu 1, u bil-għan tal-konsultazzjoni prevista fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni jew kwalunkwe Stat Membru ieħor jistgħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 72 TFUE, joħorġu opinjoni.

Jekk, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fin-notifika jew kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tkun irċeviet, il-Kummissjoni jkollha tħassib fir-rigward tal-ħtieġa jew [tal-]proporzjonalità tal-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni, jew jekk tqis li jkun xieraq li ssir konsultazzjoni dwar xi aspett tan-notifika, hija għandha toħroġ opinjoni b’dak l-iskop.

5.      L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u kwalunkwe opinjoni tal-Kummissjoni jew tal-Istat Membru skont il-paragrafu 4, għandhom ikunu s-suġġett ta’ konsultazzjoni, inkluż, fejn ikun il-każ, laqgħat konġunti, bejn l-Istat Membru li qed jippjana jintroduċi mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri interni, l-Istati Membri l-oħra, speċjalment dawk affettwati direttament minn tali miżuri, u l-Kummissjoni, bil-ħsieb li tiġi organizzata, fejn xieraq, kooperazzjoni reċiproka bejn l-Istati Membri u biex tiġi eżaminata l-proporzjonalità tal-miżuri mal-avvenimenti li jkunu taw lok għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri u t-theddida għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna.

[…]”

16      Skont l-Artikolu 28 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Proċedura speċifika għal każijiet li jeħtieġu azzjoni immedjata”:

“1.      Fejn theddida serja għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna ta’ Stat Membru teħtieġ li tittieħed azzjoni urġenti, l-Istat Membru konċernat jista’, fuq bażi eċċezzjonali, immedjatament jintroduċi mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri interni għal perijodu limitat ta’ mhux aktar minn għaxart ijiem.

[…]

3.      Jekk it-theddida serja għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna ddum aktar mill-perijodu previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li jestendi l-kontrolli fuq il-fruntieri interni għal perijodi li jistgħu jiġġeddu ta’ mhux aktar minn 20 jum. Meta jagħmel dan, l-Istat Membru konċernat għandu jikkunsidra l-kriterji msemmija fl-Artikolu 26, inkluża valutazzjoni aġġornata tal-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżura, u għandu jikkunsidra kwalunkwe element ġdid.

[…]

4.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25(4), il-perijodu totali li matulu jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri interni, abbażi tal-perijodu inizjali skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u kwalunkwe estensjoni taħt il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, m’għandux jaqbeż ix-xahrejn.

[…]”

17      L-Artikolu 29 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Proċedura speċifika fejn ċirkostanzi eċċezzjonali jqiegħdu f’riskju l-funzjonament ġenerali taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni”, jipprevedi:

“1.      F’ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn il-funzjonament ġenerali taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni jitqiegħed f’riskju minħabba nuqqasijiet serji persistenti relatati mal-kontrolli fil-fruntieri esterni kif imsemmi fl-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament jew bħala riżultat tan-nuqqas ta’ konformità ta’ Stat Membru ma’ deċiżjoni tal-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] imsemmija fl-Artikolu 19(1) tar-[Regolament 2016/1624] u sa fejn dawk iċ-ċirkostanzi jikkostitwixxu theddida serja għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna fi ħdan iż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni jew f’partijiet minnha, jistgħu jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għal perijodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur. Dak il-perijodu jista’ jiġi estiż, mhux aktar minn tliet darbiet, b’perijodu ieħor ta’ mhux aktar minn sitt xhur jekk jippersistu ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali.

2.      Il-Kunsill jista’, bħala l-aħħar soluzzjoni u bħala miżura biex jipproteġi l-interessi komuni fi ħdan iż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni, fejn il-miżuri l-oħra kollha, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 21(1) [ta’ dan ir-regolament,] ikunu ineffettivi fil-mitigazzjoni tat-theddida serja identifikata, jirrakkomanda li Stat Membru wieħed jew aktar jiddeċiedu li jintroduċu mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri interni kollha tagħhom jew f’partijiet speċifiċi minnhom. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għandha tkun ibbażata fuq proposta mill-Kummissjoni. L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tippreżenta tali proposta lill-Kunsill għal rakkomandazzjoni.

Fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-Kunsill għandu mill-anqas jindika l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 27(1)(a) sa (e).

Il-Kunsill jista’ jirrakkomanda estensjoni f’konformità mal-kondizzjonijiet u proċeduri stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Qabel ma Stat Membru jerġa’ jintroduċi l-kontrolli fuq il-fruntieri interni kollha tiegħu jew f’partijiet speċifiċi minnhom skont dan il-paragrafu, għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni dwar dan.

[…]

4.      Fejn ikun hemm raġunijiet ta’ urġenza debitament ġustifikati, relatati ma’ sitwazzjonijiet fejn iċ-ċirkostanzi li jagħtu lok għall-bżonn li jiġu estiżi l-kontrolli fuq il-fruntieri interni, f’konformità mal-paragrafu 2, ma jsirux magħrufa sa inqas minn 10 ijiem qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ introduzzjoni mill-ġdid preċedenti, il-Kummissjoni tista’ tadotta kwalunkwe rakkomandazzjoni meħtieġa permezz ta’ atti implimentattivi li jkunu immedjatament applikabbli f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 38(3). Fi żmien 14-il jum mill-adozzjoni ta’ tali rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill proposta għal rakkomandazzjoni skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

5.      Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri fil-każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna skont l-Artikoli 25, 27 u 28.”

18      Kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, l-Artikolu 30 tal-istess kodiċi jipprevedi l-kriterji applikabbli għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontroll fil-fruntieri interni fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jipperikolaw il-funzjonament globali tal-ispazju mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni msemmija fl-Artikolu 29.

 Id-dritt Awstrijak

 Il-liġi dwar il-passaporti

19      Il-Bundesgesetz betreffend das Passwesen für österreichische Staatsbürger (Passgesetz 1992) (il-Liġi Federali dwar l-għoti ta’ passaporti liċ-ċittadini Awstrijaki, (il-Liġi tal-1992 dwar il-Passaporti)) (BGBl. 839/1992), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Passaporti”), tipprevedi fl-Artikolu 2(1) tagħha:

“Ħlief f’każ ta’ dispożizzjoni kuntrarja ta’ konvenzjoni internazzjonali jew konswetudni internazzjonali kuntrarja, iċ-ċittadini Awstrijaki […] għandu jkollhom dokument tal-ivvjaġġar validu (passaport jew ekwivalenti tal-passaport) sabiex jidħlu fit-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija u joħorġu minnu. […]”

20      L-Artikolu 24(1) ta’ din il-Liġi jipprovdi:

“Kull persuna li

1.      tidħol b’mod irregolari fit-territorju nazzjonali jew toħroġ minnu b’mod irregolari (Artikolu 2),

[…]

twettaq, sakemm l-att ma jikkostitwixxix reat kriminali, reat amministrattiv sanzjonat b’multa sa massimu ta’ EUR 2 180 jew bi priġunerija sa massimu ta’ sitt ġimgħat. F’każ ta’ reċidiva, il-multa u l priġunerija jiġu imposti b’mod kumulattiv jekk ikun hemm ċirkustanzi aggravanti.”

 Il-Liġi dwar il-Kontroll fil-Fruntieri

21      Il-Bundesgesetz über die Durchführung von Personenkontrollen aus Anlaß des Grenzübertritts (Grenzkontrollgesetz) – GrekoG) (il-Liġi Federali dwar it-Twettiq ta’ Kontrolli fuq il-Persuni meta jaqsmu l Fruntiera (il-Liġi dwar il-Kontroll fil-Fruntieri)) (BGBl. 435/1996), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kontroll fil-Fruntieri”), tipprevedi fl-Artikolu 10 tagħha, intitolat “Qsim tal-fruntiera”:

“1. Ħlief f’każ ta’ dispożizzjoni kuntrarja ta’ konvenzjoni internazzjonali jew konswetudni internazzjonali kuntrarja, il-fruntiera esterna ma tistax tinqasam ħlief fil-punti tal-qsim tal-fruntiera.

2. Il-fruntiera interna tista’ tinqasam f’kull post. Madankollu, meta jidher li ż żamma tat-trankwillità, tal-ordni u tas-sigurtà pubblika hekk tirrikjedi, il-Ministru Federali għall-Intern huwa awtorizzat, skont il limiti tal-konvenzjonijiet internazzjonali, joħroġ digriet li jistipula li, matul perijodu partikolari, ċerti partijiet tal-fruntiera interna jistgħu jinqasmu biss f’punti tal-qsim tal-fruntiera.

[…]”

22      L-Artikolu 11 ta’ din il-Liġi, intitolat, “Obbligu ta’ kontrolli fiil-fruntieri”, jistipula:

“1.      Il-qsim tal-fruntiera f’punti tal-qsim tal-fruntiera […] iġib miegħu l obbligu, għall-persuna kkonċernata, li tissottometti ruħha għall-kontrolli (obbligu ta’ kontrolli fil-fruntieri).

2.      Il-qsim tal-fruntiera fil-fruntiera interna ma jġibx miegħu, bl-eċċezzjoni tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 10(2) u (3) obbligu ta’ kontrolli fil-fruntieri.

[…]”

23      L-Artikolu 12 tal-liġi msemmija, intitolat “Implimentazzjoni tal kontrolli fil-fruntieri”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-kontrolli fil-fruntieri għandhom isiru mill-awtorità. Meta l-implimentazzjoni tagħhom tinvolvi l-eżerċizzju ta’ setgħa diretta ta’ għoti ta’ ordni u ta’ infurzar mill-awtorità amministrattiva, dan għandu jsir mill-korpi tal-forzi tal-ordni u taħt id-direzzjoni ġenerali tal-Pulizija (Artikolu 12b). […]”

24      L-Artikolu 12a ta’ din l-istess Liġi, intitolat “Setgħat tal-korpi tal forzi tal-ordni”, jistipula, fi-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-korpi tal-forzi tal-ordni huma awtorizzati jipproċedu bil-kontrolli fil-fruntieri ta’ persuna jekk hemm raġunijiet għalfejn jitqies li din il persuna hija suġġetta għall-obbligu ta’ kontrolli fil-fruntieri […]”

 Id-Digriet Nru 114/2019 dwar il-Kontroll fil-Fruntieri

25      Il-Verordnung des Bundesministers für Inneres über die vorübergehende Wiedereinführung von Grenzkontrollen an den Binnengrenzen (id-Digriet tal-Ministru Federali għall-Intern dwar l introduzzjoni mill-ġdid b’mod temporanju tal-kontrolli fil-fruntieri interni) tad-9 ta’ Mejju 2019 (BGBl. II, 114/2019) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 114/2019 dwar il-kontroll fil-fruntieri”) huwa fformulat kif ġej:

“Abbażi tal-Artikolu 10(2) tal-[Liġi dwar il-Kontroll fil-Fruntieri], qed jiġi ordnat:

Artikolu 1.      Sabiex tinżamm it-trankwillità, l-ordni u s-sigurtà pubblika, bejn it‑13 ta’ Mejju 2019, 00.00 u t‑13 ta’ Novembru 2019, 24.00, il fruntieri interni mar-Repubblika tas-Slovenja u mal-Ungerija jistgħu jinqasmu biss, fuq l-art, fil-punti tal-qsim tal-fruntiera.

Artikolu 2.       Dan id-digriet ma jibqax fis-seħħ fit-13 ta’ Novembru 2019 f’nofsillejl.”

 Il-kawżi prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26      Kif jirriżulta mill-elementi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika tal-Awstrija introduċiet mill-ġdid kontroll fil-fruntieri tagħha mal-Ungerija u mar-Repubblika tas-Slovenja mis‑16 ta’ Settembru 2015. L-ewwel xahrejn, dan il-kontroll kien ibbażat fuq l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 562/2006 (li sar Artikolu 28 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen). Mis‑16 ta’ Novembru sussegwenti, ir-Repubblika tal-Awstrija bbażat ruħha fuq l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 562/2006 (li saru Artikoli 25 u 27 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen). Mis‑16 ta’ Mejju 2016, dan l-Istat Membru bbaża ruħu fuq erba’ rakkomandazzjonijiet suċċessivi tal-Kunsill adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen sabiex iwettaq l-imsemmi kontroll għal 18-il xahar addizzjonali. Ir-raba’ waħda minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet skada fl‑10 ta’ Novembru 2017.

27      Fit‑12 ta’ Ottubru 2017, ir-Repubblika tal-Awstrija kkomunikat lill-Istati Membri l-oħra kif ukoll lil diversi istituzzjonijiet tal-Unjoni, fosthom lill-Kummissjoni, introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri tagħha mal-Ungerija u mar-Repubblika tas-Slovenja għal sitt xhur, matul il-perijodu bejn il‑11 ta’ Novembru 2017 u l‑11 ta’ Mejju 2018. Sussegwentement, dan il-kontroll reġa’ ġie introdott mill-ġdid għal diversi perijodi suċċessivi ta’ sitt xhur, matul il-perijodu bejn il‑11 ta’ Mejju u l‑11 ta’ Novembru 2018, imbagħad matul il-perijodi bejn it‑12 ta’ Novembru 2018 u t‑12 ta’ Mejju 2019 u bejn it‑13 ta’ Mejju u t‑13 ta’ Novembru 2019. Saru komunikazzjonijiet ulterjuri minn dan l-Istat Membru sabiex jerġa’ jintroduċi l-imsemmi kontroll sax-xahar ta’ Novembru 2021.

 Il-Kawża C368/20

28      Fis‑16 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, NW, kien suġġett għal verifika fil-fruntieri fuq il-bażi tal-Artikolu 12a(1) tal-Liġi dwar il-Kontroll fil-Fruntieri, filwaqt li kien qed jipprepara biex jidħol bil-karrozza waqt li kien ġej mis-Slovenja fil-punt tal-qsim tal-fruntiera ta’ Spielfeld (l-Awstrija).

29      L-uffiċjal ta’ kontroll fil-fruntieri stieden lil NW sabiex jidentifika ruħu permezz ta’ passaport jew karta tal-identità. NW talab lil dan l-uffiċjal ta’ kontroll jekk din l-operazzjoni kinitx tikkonsisti f’verifika fil-fruntieri jew f’kontroll tal-identità. Wara li ġie informat li din kienet verifika fil-fruntieri, NW talab li jkun jaf in-numru ta’ identifikazzjoni tas-servizz tal-imsemmi uffiċjal ta’ kontroll. Għalhekk, NW ġie mistieden iċaqlaq il-vettura tiegħu għall-ġenb tat-triq u intervjena fl-imsemmija operazzjoni uffiċjal ieħor ta’ kontroll fil-fruntieri. Il-korpi ta’ kontroll fil-fruntieri temmew l-istess operazzjoni u kkomunikaw in-numri ta’ identifikazzjoni tagħhom tas-servizz lil NW.

30      Fid‑19 ta’ Diċembru 2019, NW ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Steiermark, l-Awstrija), sabiex jikkontesta l-eżerċizzju ta’ setgħa diretta ta’ għoti ta’ ordni u ta’ infurzar mill-awtoritajiet Awstrijaċi ta’ kontroll. Huwa jsostni li t-twettiq ta’ verifika fil-fruntieri abbażi tal-Artikolu 12a(1) tal-Liġi dwar il-Kontroll fil-Fruntieri jikkostitwixxi att adottat fl-eżerċizzju ta’ tali setgħa.

31      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Digriet Nru 114/2019 dwar il-Kontroll Fil-Fruntieri, kif ukoll l-Artikolu 24(1) tal-Liġi dwar il-Passaporti, li huwa applikat b’dan id-digriet, humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, fid-dawl, b’mod partikolari, tad-dritt ta’ moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 21(1) TFUE, kif ukoll fl-Artikolu 45(1) tal-Karta u ppreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38.

32      B’mod partikolari, din il-qorti tosserva li l-verifika fil-fruntieri inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi, bħala prinċipju, verifika pprojbita mill-Artikolu 22 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Dan tal-aħħar jipprevedi, madankollu, żewġ eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju. Minn naħa, skont l-Artikolu 25(1) ta’ dan il-kodiċi, huwa possibbli li jerġgħu jiġu introdotti l-kontrolli fil-fruntieri interni, iżda biss fil-każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna. Min-naħa l-oħra, il-kontrolli fil-fruntieri interni jistgħu wkoll jiġu introdotti mill-ġdid skont l-Artikolu 29(1) tal-imsemmi kodiċi, iżda bil-kundizzjoni li jkun hemm nuqqasijiet serji persistenti marbuta mal-kontroll fil-fruntieri esterni, li jipperikolaw il-funzjonament taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni u l-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna.

33      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-mod kif ir-Repubblika tal-Awstrija għażlet li tipproċedi, li jikkonsisti fl-adozzjoni ta’ diversi digrieti ministerjali sussegwenti li jipprevedu l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni, wassal sabiex din l-introduzzjoni mill-ġdid tkompli lil hinn mit-tul massimu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 25(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Din il-qorti tistaqsi, għalhekk, jekk dan il-metodu huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-Artikoli 25 u 29 ta’ dan il-kodiċi.

34      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tqis li, għalkemm, l-ewwel, ir-Repubblika tal-Awstrija bbażat ruħha, sabiex tiġġustifika l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni, fuq l-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, sa fejn, wara l‑11 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni ma kinitx issottomettiet lill-Kunsill proposti ġodda sabiex ittawwal il-kontrolli fil-fruntieri interni abbażi ta’ dan l-artikolu, dan l-Istat Membru seta’ jibbaża ruħu biss, sussegwentement, minn din id-data, fuq l-Artikolu 25(1) ta’ dan il-kodiċi sabiex jiġġustifika l-estensjoni ta’ din l-introduzzjoni mill-ġdid.

35      Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sa fejn il-formulazzjoni stess tal-Artikolu 25(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jeskludi qbiż tal-perijodu massimu awtorizzat ta’ introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni, l-Istat Membru jibqax liberu li jadotta suċċessivament u mingħajr interruzzjoni digrieti ministerjali li jipprevedu l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni li l-effett kumulattiv tagħhom jaqbeż dan it-tul massimu.

36      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-komunikazzjonijiet li permezz tagħhom il-Ministru Federali għall-Intern informa lill-Kummissjoni bl-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni ma kinux ibbażati fuq l-Artikolu 72 TFUE, peress li dan tal-aħħar ma ssemma fl-ebda waħda mill-komunikazzjonijiet ikkonċernati. Fi kwalunkwe każ, hija tiddubita kemm huwa possibbli li jiġi invokat l-Artikolu 72 TFUE, peress li d-dispożizzjonijiet derogatorji tal-imsemmi kodiċi jikkostitwixxu, fihom infushom, eċċezzjonijiet fil-qasam tal-kontroll fil-fruntieri interni li jirrigwardaw l-ordni pubbliku u s-sigurtà interna u, konsegwentement, għandhom jiġu kklassifikati bħala liġi speċjali fir-rigward tal-Artikolu 72 TFUE. Il-limitazzjoni ratione temporis tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni imposta mill-istess kodiċi titlef l-effett utli jekk, wara l-iskadenza ta’ terminu stabbilit b’mod espliċitu mid-dritt sekondarju, Stat Membru jkun jista’ jibbaża ruħu b’mod ripetut fuq l-Artikolu 72 TFUE.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Steiermark) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali fil-forma ta’ ordnijiet nazzjonali konsekuttivi li jestendu l-kontrolli fuq il fruntieri li, kumulattivament, jippermettu l-introduzzjoni mill ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri għal perijodu li jeċċedi l limitu ta’ sentejn stipulat fl-Artikoli 25 u 29 [tal-Kodiċi tal Fruntieri ta’ Schengen], mingħajr rakkomandazzjoni […] tal-Kunsill skont l-Artikolu 29 [ta’ dan il-Kodiċi]?

Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:

2)      Id-dritt għal moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni stipulat fl Artikolu 21(1) TFUE u fl-Artikolu 45(1) [tal-Karta] għandu jiġi interpretat, speċjalment fid-dawl tal-prinċipju ta’ assenza ta’ kontrolli fuq persuni fuq il-fruntieri interni stabbilit fl-Artikolu 22 [tal-imsemmi Kodiċi], bħala li jfisser li jinkludi d-dritt li ma jsirux verifiki fuq persuni fuq il-fruntieri interni, bil-kundizzjonijiet u l eċċezzjonijiet elenkati fit-Trattati u, b’mod partikolari, [fl-istess Kodiċi]?”

 Il-Kawża C369/20

38      Fid‑29 ta’ Awwissu 2019, NW ried jidħol fit-territorju Awstrijak fil-punt tal-qsim tal-fruntiera ta’ Spielfeld meta kien ġej mis-Slovenja.

39      Fil-kuntest ta’ kontrolli mwettqa b’mod każwali mill-uffiċjal ta’ kontroll ikkonċernat, NW intalab jippreżenta l-passaport tiegħu. NW staqsa għalhekk jekk din kinitx verifika fil-fruntieri jew kontroll tal-identità. Peress li dan l-aġent ta’ kontroll wieġeb li din kienet verifika fil-fruntieri, NW irrifjuta li jippreżenta l-passaport tiegħu u identifika ruħu permezz tal-liċenzja tas-sewqan tiegħu, billi qies li l-kontroll fil-fruntieri kien, dak iż-żmien, kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni. Għalkemm l-imsemmi uffiċjal ta’ kontroll stieden diversi drabi lil NW sabiex jippreżentalu l-passaport tiegħu u informa lill-persuna kkonċernata li, permezz tar-rifjut tiegħu, huwa kiser il-Liġi dwar il-Passaporti, huwa baqa’ ma ppreżentax passaport. Konsegwentement, l-istess uffiċjal ta’ kontroll temm l-operazzjoni kkonċernata u informa lil NW li kien ser jitressaq ilment fil-konfront tiegħu.

40      Il-fatti li bihom ġie akkużat NW inġabu għall-attenzjoni tal-awtoritajiet Awstrijaċi permezz tal-aġenti tad-Direttorat Ġenerali tal-Pulizija ta’ Steiermark, fis‑6 ta’ Settembru 2019.

41      Permezz ta’ avviż tad‑9 ta’ Settembru 2019, NW ġie ddikjarat ħati ta’ ksur tal-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar il-Passaporti. Fl-ilment li huwa ressaq fit‑23 ta’ Settembru 2019 kontra dan l-avviż NW sostna, minn naħa, li l-verifika fil-fruntieri mwettqa b’dan il-mod kienet illegali, peress li t-Titolu III tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ma kien jagħti l-ebda bażi legali għall-operazzjoni inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li din il-verifika u l-avviż tad‑9 ta’ Settembru 2019 kienu jippreġudikaw id-dritt ta’ moviment liberu applikabbli għalih bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 21(1) TFUE u tal-Artikolu 22 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

42      Permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva ta’ natura penali tas‑7 ta’ Novembru 2019, NW instab ħati li qasam il-fruntiera Awstrijaka meta daħal fit-territorju Awstrijak mingħajr ma kellu dokument tal-ivvjaġġar validu. Minħabba dan il-fatt, ġie kkunsidrat li NW kien kiser l-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar il-Passaporti u ġie kkundannat għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 36 b’applikazzjoni tal-Artikolu 24(1) ta’ din il-Liġi.

43      NW ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, li tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-verifika li NW kien suġġett għaliha kif ukoll tas-sanzjoni li ġiet imposta fuqu bħala konsegwenza tagħha.

44      B’mod partikolari, minbarra l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 31 sa 35 ta’ din is-sentenza, minn naħa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tal-Artikolu 21(1) TFUE u tal-Artikolu 45(1) tal-Karta, iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhomx id-dritt li ma jkunux suġġetti għal verifika fil-fruntieri interni fil-każ fejn tali verifika ma tissodisfax il-kundizzjonijiet u/jew ma taqax taħt l-eċċezzjonijiet previsti mit-Trattati u, b’mod partikolari, mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

45      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tosserva li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1999, Wijsenbeek (C‑378/97, EU:C:1999:439, punti 43 u 44), l-Istati Membri jżommu d-dritt li jobbligaw lil persuna tippreżenta waqt kontroll tal-identità karta tal-identità jew passaport validu u li jissanzjonaw il-ksur ta’ dan l-obbligu. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 24 tal-Liġi dwar il-Passaporti, għandhom madankollu jiġu interpretati b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tal‑10 ta’ April 2003, Steffensen (C‑276/01, EU:C:2003:228, punti 66 sa 71), għandha tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-applikazzjoni konkreta ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-drittijiet fundamentali.

46      Għalhekk, fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Touring Tours und Travel u Sociedad de Transportes (C‑412/17 u C‑474/17, EU:C:2018:1005), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li, jekk sanzjoni hija intiża sabiex tiżgura l-osservanza ta’ obbligu ta’ sottomissjoni għal kontroll li, huwa stess, ma huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, din is-sanzjoni hija wkoll kuntrarja għal dan id-dritt.

47      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, f’dan il-każ, l-obbligu ġenerali li wieħed ikollu dokument tal-ivvjaġġar validu huwa stabbilit fl-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar il-Passaporti. L-obbligu speċjali stabbilit fl-Artikolu 24(1) ta’ din il-liġi jfisser li l-persuna kkonċernata mhux biss għandha jkollha passaport iżda wkoll tippreżentah fil-kuntest ta’ verifika fil-fruntieri li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Issa, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ tali obbligu mal-Artikolu 21(1) TFUE u l-Artikolu 45(1) tal-Karta.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Steiermark) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali fil-forma ta’ ordnijiet nazzjonali konsekuttivi li jestendu l-kontrolli fuq il fruntieri li, kumulattivament, jippermettu l-introduzzjoni mill ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri għal perijodu li jeċċedi l limitu ta’ sentejn stipulat fl-Artikoli 25 u 29 [tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen], mingħajr rakkomandazzjoni […] tal-Kunsill skont l-Artikolu 29 [ta’ dan il-Kodiċi]?

2)      Id-dritt għal moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni stipulat fl Artikolu 21(1) TFUE u fl-Artikolu 45(1) tal-[Karta,] għandu jiġi interpretat, speċjalment fid-dawl tal-prinċipju ta’ assenza ta’ kontrolli fuq persuni fuq il-fruntieri interni stabbilit fl-Artikolu 22 [tal-imsemmi Kodiċi], bħala li jfisser li jinkludi d-dritt li ma jsirux verifiki fuq persuni fuq il-fruntieri interni, bil-kundizzjonijiet u l eċċezzjonijiet elenkati fit-Trattati u, b’mod partikolari, [fl-istess Kodiċi]?

3)      Fil-każ li għat-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

L-Artikolu 21(1) TFUE kif ukoll l-Artikolu 45(1) L-Artikolu 21(1) TFUE u l-Artikolu 45(1) [tal-Karta] għandhom jiġu interpretati, fid-dawl tal-effettività tad-dritt għal moviment liberu, bħala li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligu fuq persuna, sanzjonat b’multa amministrattiva, li tippreżenta passaport jew karta ta’ identità mad-dħul tagħha minn fruntiera interna, anki meta l-kontroll partikolari fuq il-fruntiera interna jkun jikser id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

49      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2020, il-Kawżi C‑368/20 u C‑369/20 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura, kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C368/20 u l-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C369/20

50      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Għal dan il-għan, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2021, PL Holdings, C‑109/20, EU:C:2021:875, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Skont l-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, kif esposti fil-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tal-Awstrija introduċiet mill-ġdid fl‑2015 kontroll fil-fruntieri tagħha mal-Ungerija u mar-Repubblika tas-Slovenja. Dan il-kontroll ġie introdott mill-ġdid diversi drabi. L-aħħar introduzzjoni mill-ġdid imsemmija mill-qorti tar-rinviju hija dik li ddekorriet sax-xahar ta’ Novembru 2021. Kif jirriżulta minn dawn l-elementi, sabiex tiġġustifika l-introduzzjoni mill-ġdid tal-imsemmi kontroll, ir-Repubblika tal-Awstrija bbażat ruħha, skont id-data kkonċernata, fuq dispożizzjonijiet differenti li jinsabu fl-Artikoli 25 sa 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Huwa paċifiku li l-aħħar waħda mill-erba’ rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill adottati skont l-Artikolu 29(2) ta’ dan il-kodiċi, li fuqhom dan l-Istat Membru bbaża ruħu sabiex jiġġustifika l-introduzzjoni mill-ġdid tal-istess kontroll, skadiet fl‑10 ta’ Novembru 2017. Wara din id-data, l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll saret apparentement fuq il-bażi tal-Artikoli 25 u 27 tal-imsemmi kodiċi sax-xahar ta’ Novembru 2021.

52      Għalhekk, iż-żewġ miżuri ta’ kontroll li NW kien suġġett għalihom u li l-legalità tagħhom hija kkontestata fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, li saru fid‑29 ta’ Awwissu u fis‑16 ta’ Novembru 2019, ma kinux ibbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill adottati skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, iżda fuq l-Artikoli 25 u 27 ta’ dan il-kodiċi. Issa, fid-dati li fihom saru dawn il-miżuri ta’ kontroll, l-introduzzjoni mill-ġdid, mir-Repubblika tal-Awstrija, tal-kontroll fil-fruntiera tagħha mar-Repubblika tas-Slovenja skont dawn l-Artikoli 25 u 27 kienet diġà qabżet it-tul totali massimu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 25(4) ta’ dan il-kodiċi għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll ibbażat fuq l-imsemmija Artikoli 25 u 27.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑368/20 u l-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑369/20, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontroll fil-fruntieri interni bbażata fuq l-Artikoli 25 u 27 ta’ dan il-kodiċi, meta din l-introduzzjoni mill-ġdid, li tirriżulta mill-applikazzjoni suċċessiva tal-perijodi previsti fl-Artikolu 25 tal-imsemmi kodiċi, taqbeż it-tul totali massimu ta’ sitt xhur stabbilit f’dan l-Artikolu 25(4).

54      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jinsab, flimkien mal-Artikoli 26 sa 35 tiegħu, fil-Kapitolu II tat-Titolu III ta’ dan il-kodiċi, dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontroll fil-fruntieri interni tal-Unjoni, jipprevedi l-qafas ġenerali li jirregola tali introduzzjoni mill-ġdid fil-każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna ta’ Stat Membru u jistabbilixxi b’mod partikolari perijodi massimi li fil-kuntest tagħhom tali kontroll jista’ jiġi introdott mill-ġdid. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 25(1) ta’ dan il-kodiċi, Stat Membru jista’ eċċezzjonalment jintroduċi mill-ġdid dan il-kontroll għal perijodu limitat ta’ mhux iktar minn tletin jum jew għall-perijodu prevedibbli ta’ din it-theddida jekk dan ikun itwal minn tletin jum. Fil-każijiet kollha, it-tul tal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ dan il-kontroll ma għandux jeċċedi dak li huwa strettament neċessarju sabiex tingħata risposta għall-imsemmija theddida. Skont l-Artikolu 25(3) tal-imsemmi kodiċi, meta l-istess theddida tippersisti, l-Istat Membru jista’ jestendi l-istess kontroll għal perijodi li jiġġeddu li ma jaqbżux tletin jum. Fl-aħħar nett, għalkemm, skont l-Artikolu 25(4) tal-istess kodiċi, it-tul totali tal-introduzzjoni mill-ġdid ta’ tali kontroll — inkluż kull estensjoni prevista taħt dan l-Artikolu 25(3) — ma jistax jeċċedi sitt xhur, din l-aħħar dispożizzjoni tippreċiża li dan il-perijodu totali jista’ jiġi estiż għal sentejn fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

55      NW u l-Kummissjoni jsostnu li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni skont l-Artikoli 25 u 27 ta’ dan il-kodiċi għal perijodu li jaqbeż it-tul massimu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 25(4) tal-imsemmi kodiċi, twassal neċessarjament għall-inkompatibbiltà ta’ dawn il-kontrolli mad-dritt tal-Unjoni. Skont dawn il-partijiet, theddida serja, ġdida min-natura tagħha biss, tista’ tiġġustifika applikazzjoni ġdida ta’ dan l-Artikolu 25, konsegwentement, applikazzjoni ġdida tal-perijodi previsti f’din id-dispożizzjoni għall-kontrolli fil-fruntieri interni. Għalkemm il-Gvern Franċiż u l-Gvern Svediż isostnu li theddida serja ġdida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tista’ twassal għal applikazzjoni ġdida ta’ dawn il-perijodi, il-Gvern Franċiż huwa wkoll tal-opinjoni, bħall-Gvern Awstrijak u l-Gvern Daniż, li evalwazzjoni ġdida tat-theddida preċedenti għandha tippermetti wkoll applikazzjoni ġdida tad-dispożizzjonijiet rilevanti. Fl-aħħar nett, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jidderogaw mill-imsemmija perijodi billi jirrikorru direttament għall-Artikolu 72 TFUE.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Avviż aħmar ta’ Interpol), C‑505/19, EU:C:2021:376, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Fir-rigward, qabelxejn, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 25(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, għandu jiġi osservat li l-kliem “m’għandux jaqbeż is-sitt xhur”, għandu t-tendenza li jeskludi kull possibbiltà li jinqabeż dan it-tul.

58      Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 25(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u fir-rigward, l-ewwel, tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi b’ċarezza u preċiżjoni t-tul massimu kemm għall-introduzzjoni mill-ġdid inizjali tal-kontroll fil-fruntieri interni, kif ukoll għal kull estensjoni ta’ dan il-kontroll, inkluż it-tul totali massimu applikabbli għal tali kontroll.

59      Fil-fatt, mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 1051/2013, li introduċa, fir-Regolament Nru 562/2006, ir-regola dwar it-tul massimu ta’ sitt xhur riprodotta, sussegwentement, fl-Artikolu 25(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fil-fruntieri interni sabiex tiġi żgurata n-natura eċċezzjonali ta’ dawn il-miżuri u l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Din il-premessa 1 hija riprodotta fil-premessa 22 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

60      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 25(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, meta t-theddida serja inizjali tippersisti lil hinn mit-tul ta’ tletin jum previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jestendi dan il-kontroll għall-istess raġunijiet bħal dawk li ġġustifikaw l-introduzzjoni inizjali mill-ġdid, billi jieħu inkunsiderazzjoni eventwali elementi ġodda, għal perijodi li jiġġeddu li ma jaqbżux tletin jum.

61      Minn dan isegwi li, minħabba r-riferiment espress magħmul għall-Artikolu 25(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen mill-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, l-estensjonijiet suċċessivi tal-kontrolli deċiżi abbażi ta’ dan il-paragrafu 3 ma jistgħux jeċċedu perijodu totali ta’ sitt xhur. Bl-istess mod, it-tul massimu inizjali tal-kontrolli fil-fruntieri interni, meta jiġi ddeterminat b’relazzjoni mat-tul prevedibbli tat-theddida serja skont il-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, jista’ ċertament jeċċedi tletin jum mingħajr ma jkun jista’, madankollu, jeċċedi sitt xhur, u fin-nuqqas ta’ dan l-użu tal-aġġettiv “totali” fil-paragrafu 4 tal-istess artikolu, kif ukoll tar-riferiment għalih fis-subartikolu 3 jiċċaħħad minn kull sens.

62      F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm “kwalunkwe element ġdid” imsemmi fl-Artikolu 25(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jista’ jiġi invokat minn Stat Membru għall-ġustifikazzjoni tal-estensjoni, għal perijodi li jiġġeddu li ma jaqbżux tletin jum, tal-kontrolli fil-fruntieri interni, dawn l-elementi għandhom madankollu jkunu direttament marbuta mat-theddida li inizjalment iġġustifikat l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli, peress li l-estensjoni tal-kontrolli għandha fil-fatt issir, skont il-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni, “għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 1” tal-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

63      It-tieni, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, sa fejn jipprevedi l-possibbiltà li jiġi introdott mill-ġdid kontroll fil-fruntieri interni tal-Unjoni, jikkostitwixxi, fid-dawl tal-istruttura ġenerali ta’ dan il-kodiċi, eċċezzjoni għall-prinċipju previst fl-Artikolu 22 tal-imsemmi kodiċi, li jipprovdi li l-fruntieri interni jistgħu jinqasmu fi kwalunkwe post mingħajr ma jsiru verifiki fuq il-persuni, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1 tal-istess kodiċi, l-għan innifsu tiegħu huwa li jipprevedi l-assenza ta’ kontrolli ta’ persuni li jkunu qegħdin jaqsmu l-fruntieri interni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni.

64      Issa, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja u kif tfakkar fil-premessa 27 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, l-eċċezzjonijiet u d-derogi għall-moviment liberu tal-persuni għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 1986, Kempf, 139/85, EU:C:1986:223, punt 13, u tal‑10 ta’ Lulju 2008, Jipa, C‑33/07, EU:C:2008:396, punt 23, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65      Huwa minn din il-perspettiva li l-premessi 21 sa 23 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jistabbilixxu li, fi spazju ta’ moviment liberu tal-persuni, mingħajr fruntieri interni, li tikkostitwixxi waħda mill-kisbiet prinċipali tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(2) TUE, l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni għandha tibqa’ eċċezzjonali u għandha sseħħ biss bħala l-aħħar rimedju.

66      Il-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandhom għalhekk ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta jimmilita kontra interpretazzjoni tal-Artikolu 25(4) ta’ dan il-kodiċi li abbażi tagħha l-persistenza tat-theddida inizjalment identifikata, anki evalwata fid-dawl ta’ elementi ġodda, jew evalwazzjoni mill-ġdid tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-kontroll implimentat sabiex din tiġi affaċjata, fid-dawl tal-Artikolu 25(1) in fine tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, huwa biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ dan il-kontroll lil hinn mill-perijodu massimu ta’ sitt xhur previst f’din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, tali interpretazzjoni twassal sabiex tippermetti, fil-prattika, l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni minħabba l-istess theddida għal perijodu llimitat, u għalhekk tippreġudika l-prinċipju nnifsu tal-assenza ta’ kontrolli fil-fruntieri interni, kif stabbilit fl-Artikolu 3(2) TUE u mfakkar fl-Artikolu 67(2) TFUE.

67      It-tielet, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħra li jinsabu fil-Kapitolu II tat-Titolu III tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, minn naħa, għandu jiġi osservat li t-tip ta’ evalwazzjoni li għandha ssir u l-proċedura li għandha tiġi segwita, għall-finijiet tal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontroll fil-fruntieri interni skont l-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi, huma stabbiliti b’mod iddettaljat fl-Artikoli 26 sa 28 tiegħu.

68      Mill-Artikoli 26 u 27 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jirriżulta, b’mod partikolari, li kemm l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni skont l-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi, kif ukoll kull estensjoni ta’ dan il-kontroll għandhom, minn naħa, ikunu neċessarji u proporzjonati fir-rigward tat-theddida kkonstatata u, min-naħa l-oħra, għandhom josservaw il-kriterji u r-regoli tal-proċedura ddettaljati, espressament previsti mill-imsemmi kodiċi, li jissuġġerixxi li, jekk sempliċi evalwazzjoni mill-ġdid fid-dawl ta’ dawn il-kriterji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni, skont dan l-Artikolu 25, lil hinn minn perijodu ta’ sitt xhur, il-leġiżlatur tal-Unjoni jkun ippreveda dan b’mod espress.

69      Dan il-qari tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen huwa sostnut ukoll mill-premessa 23 ta’ dan il-kodiċi, li tistabbilixxi, minħabba l-fatt li l-moviment liberu tal-persuni huwa affettwat mill-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni, li kull deċiżjoni intiża li tintroduċi mill-ġdid tali kontroll għandha tittieħed skont kriterji oġġettivi speċifiċi deċiżi bi ftehim komuni. Fil-fatt, l-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni introdotti mill-ġdid skont l-Artikolu 25 tal-imsemmi kodiċi lil hinn mit-tul massimu espressament previst fl-Artikolu 25(4) tiegħu diffiċilment tista’ tiġi rrikonċiljata mal-istabbiliment ta’ kriterji ċari u oġġettivi li jirregolaw tali introduzzjoni mill-ġdid miftiehma b’mod komuni.

70      Min-naħa l-oħra, interpretazzjoni tal-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen fis-sens li, fil-każ ta’ theddida fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, Stat Membru jista’ jaqbeż it-tul totali ta’ sitt xhur previst fil-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu għall-kontroll fil-fruntieri interni jċaħħad minn sens id-distinzjoni magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni bejn il-kontrolli fil-fruntieri interni introdotti mill-ġdid skont l-istess artikolu u dawk introdotti mill-ġdid fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jipperikolaw il-funzjonament globali tal-ispazju mingħajr kontroll fil-fruntieri interni msemmija fl-Artikolu 29 ta’ dan il-kodiċi, peress li tul massimu itwal, ta’ sentejn, huwa espressament previst għal dawn l-aħħar kontrolli. Fil-fatt, skont tali interpretazzjoni, kontroll fil-fruntieri interni introdott mill-ġdid skont l-Artikolu 25 tal-imsemmi kodiċi jista’ jiġi estiż għal perijodu llimitat li jista’, għaldaqstant, jeċċedi sentejn, anki jekk iċ-ċirkustanzi u l-kriterji speċifiċi previsti fl-Artikoli 29 u 30 tal-istess kodiċi ma jkunux, rispettivament, ikkaratterizzati jew issodisfatti. Barra minn hekk, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 25(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen tipprekludi tali interpretazzjoni sa fejn tipprevedi li huwa skont l-Artikolu 29 ta’ dan il-kodiċi li t-tul massimu tal-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontroll fil-fruntieri interni jista’ jkun ta’ sentejn, u mhux skont l-Artikolu 25 tal-imsemmi kodiċi.

71      Dan premess, l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fil-fruntieri interni skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għal tul massimu ta’ sentejn ma tipprekludix lill-Istat Membru kkonċernat milli jintroduċi mill-ġdid, fil-każ ta’ theddida serja ġdida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, direttament wara t-tmiem ta’ dawn is-sentejn, kontrolli skont l-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi għal tul massimu ta’ sitt xhur, sakemm il-kundizzjonijiet previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni jkunu ssodisfatti. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 29(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, l-Artikolu 29 ta’ dan il-kodiċi huwa mingħajr preġudizzju għall-miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri fil-każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna skont l-Artikoli 25, 27 u 28.

72      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għanijiet intiżi mill-Artikolu 25(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen kif ukoll mill-kodiċi stess, għandu jitfakkar li dan il-kodiċi jagħmel parti minn qafas iktar ġenerali ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, li fi ħdanu huwa żgurat, konformement mal-Artikolu 3(2) TUE u mal-Artikolu 67(2) TFUE, il-moviment liberu tal-persuni, flimkien ma’ miżuri xierqa fil-qasam, b’mod partikolari, tal-kontroll fil-fruntieri esterni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2020, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Reġistrazzjoni tal-baħħara fil-port ta’ Rotterdam) C‑341/18, EU:C:2020:76, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Tali qafas huwa intiż li jirrispetta bilanċ ġust bejn, minn naħa, il-moviment liberu tal-persuni u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġu żgurati l-ordni pubbliku u s-sigurtà interna tat-territorju li fih huma jiċċirkolaw.

73      Fil-fatt, qabelxejn, l-Artikolu 26 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jobbliga lill-Istat Membru li jkun jixtieq jintroduċi mill-ġdid kontroll fil-fruntieri interni skont l-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi sabiex jieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tal-proporzjonalità ta’ dan il-kontroll fir-rigward tat-theddida kkonstatata, b’mod partikolari, minn naħa, l-effett probabbli ta’ kull theddida fuq l-ordni pubbliku tiegħu jew fuq is-sigurtà interna tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-effett probabbli ta’ tali kontroll fuq il-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-ispazju mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni.

74      Sussegwentement, il-premessa 22 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen tenfasizza li l-ħolqien ta’ spazju li jiggarantixxi l-moviment liberu tal-persuni mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni huwa wieħed mill-kisbiet prinċipali tal-Unjoni u li, f’dan l-ispazju, huwa neċessarju li tingħata risposta komuni għas-sitwazzjonijiet li għandhom riperkussjonijiet serji fuq l-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna, billi tiġi permessa l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontroll fil-fruntieri interni f’ċirkustanzi eċċezzjonali, iżda mingħajr ma jiġi ppreġudikat il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-persuni. Din il-premessa 22 tippreċiża wkoll li l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet u tal-proċeduri għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni huwa intiż li jiggarantixxi n-natura eċċezzjonali ta’ dan il-kontroll u l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u b’hekk jiġi żgurat li t-tul massimu ta’ kull introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ tali kontroll tkun limitata għall-minimu neċessarju sabiex tiġi affaċjata theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna.

75      Fl-aħħar nett, mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1051/2013 jirriżulta li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni għandha, b’mod partikolari, issir għal perijodu strettament limitat u tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi speċifiċi. Dawn l-istess kunsiderazzjonijiet issa jinsabu fil-premessa 23 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

76      L-għan imfittex mir-regola dwar it-tul massimu ta’ sitt xhur prevista fl-Artikolu 25(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jaqa’ għalhekk fl-estensjoni ta’ dan l-għan ġenerali li jikkonsisti fir-rikonċiljazzjoni tal-prinċipju ta’ moviment liberu mal-interess tal-Istati Membri li jiżguraw is-sigurtà tat-territorji tagħhom.

77      Għalkemm huwa, konsegwentement, minnu li theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna ta’ Stat Membru fl-ispazju mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni ma hijiex neċessarjament limitata fiż-żmien, jidher li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li perijodu ta’ sitt xhur kien suffiċjenti sabiex l-Istat Membru kkonċernat jadotta, jekk ikun il-każ b’kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra, miżuri li jippermettu li tiġi affaċċjata tali theddida filwaqt li jiġi ppreżervat, wara dan il-perijodu ta’ sitt xhur, il-prinċipju ta’ moviment liberu.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 57 sa 77 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li l-perijodu ta’ tul totali massimu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 25(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni huwa imperattiv, b’tali mod li l-qbiż tiegħu jimplika neċessarjament l-inkompatibbiltà ma’ dan il-kodiċi ta’ kull kontroll fil-fruntieri interni introdott mill-ġdid skont l-Artikoli 25 u 27 tiegħu wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu.

79      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta wkoll li tali perijodu jista’ jiġi applikat mill-ġdid biss fil-każ fejn l-Istat Membru kkonċernat ikun f’pożizzjoni li juri l-eżistenza ta’ theddida serja ġdida li taffettwa l-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna tiegħu. F’dan il-każ, perijodi ġodda ta’ tul speċifiku previsti fl-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jistgħu jitqiesu li jibdew jiddekorru, bla ħsara għall-osservanza, minn dan l-Istat Membru, tal-kriterji u tar-regoli tal-proċedura kollha previsti fl-Artikoli 26 sa 28 ta’ dan il-kodiċi.

80      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom huwa possibbli li jitqies li theddida partikolari hija ġdida meta mqabbla ma’ theddida li tkun preċedentement iġġustifikat l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni, fuq il-bażi tal-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, għandu jiġi osservat li, meta l-Istat Membru kkonċernat jikkomunika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni l-intenzjoni tiegħu li jintroduċi mill-ġdid kontrolli fil-fruntieri interni tal-Unjoni, l-Artikolu 27(1) ta’ dan il-kodiċi jagħmel riferiment, b’mod partikolari, għar-“[…] raġunijiet għall-introduzzjoni mill-ġdid proposta” u għall-“avvenimenti li jikkostitwixxu theddida serja” għall-ordni pubbliku tiegħu jew għas-sigurtà interna tal-Istat Membru kkonċernat. Bl-istess mod, l-Artikolu 27(5) tal-imsemmi kodiċi jirreferi għall-“avvenimenti li jkunu taw lok għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri”.

81      Għaldaqstant, huwa dejjem fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u avvenimenti li għandha tiġi evalwata l-kwistjoni dwar jekk, fi tmiem il-perijodu massimu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 25(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, it-theddida li l-Istat Membru jiġi kkonfrontat biha tibqax l-istess jew jekk din hijiex theddida ġdida li tippermetti lil dan l-Istat Membru jkompli, direttament wara t-tmiem ta’ dan il-perijodu ta’ sitt xhur, bil-kontrolli fil-fruntieri interni sabiex jaffaċċja b’dan il-mod din it-theddida l-ġdida. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, kif essenzjalment issostni l-Kummissjoni, l-emerġenza ta’ theddida ġdida, li hija distinta minn dik inizjalment identifikata, tista’ tiġġustifika, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra applikabbli, applikazzjoni ġdida tal-perijodi previsti fl-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni.

82      F’dan il-każ u kif issostni l-Kummissjoni, jidher, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li, mill‑10 ta’ Novembru 2017, li hija d-data ta’ skadenza tal-aħħar waħda mill-erba’ rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill adottati abbażi tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, ir-Repubblika tal-Awstrija ma wrietx l-eżistenza ta’ theddida ġdida, skont l-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi, li tiġġustifika d-dekorrenza mill-ġdid tal-perijodi previsti f’dan l-Artikolu 25 u li għalhekk tippermetti li jiġi kkunsidrat li ż-żewġ miżuri ta’ kontroll li NW kien suġġett għalihom, rispettivament fid‑29 ta’ Awwissu 2019 u fis‑16 ta’ Novembru sussegwenti, twettqu fil-limitu tat-tul massimu ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 25(4) tal-imsemmi kodiċi.

83      Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkontestati mill-argument invokat mill-Gvern Ġermaniż, li meta jkun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikawh, l-Istati Membri jistgħu jinvokaw l-Artikolu 72 TFUE sabiex jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li jistabbilixxu t-tul totali massimu għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll temporanju fil-fruntieri interni.

84      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm huma biss l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-interessi essenzjali tagħhom ta’ sigurtà u li jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom, is-sempliċi fatt li miżura nazzjonali, bħal deċiżjoni dwar il-kontroll fil-fruntieri interni, ittieħdet għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali ma jistax iwassal għall-inapplikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni u jeżenta lill-Istati Membri mill-osservanza neċessarja ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo, C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess għandu japplika għall-miżuri nazzjonali adottati għall-finijiet taż-żamma tal-ordni pubbliku ta’ Stat Membru.

85      Fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-Artikolu 72 TFUE, huwa minnu li din id-dispożizzjoni tipprevedi li t-Titolu V tat-Trattat FUE ma jippreġudikax l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li għandhom l-Istati Membri għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna.

86      Madankollu, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, it-Trattat FUE jipprevedi derogi speċifiċi applikabbli fil-każ ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jipperikolaw l-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika biss fl-Artikoli 36, 45, 52, 65, 72, 346 u 347 TFUE, li jirrigwardaw sitwazzjonijiet eċċezzjonali ddefiniti sew. Id-deroga prevista fl-Artikolu 72 TFUE għandha, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta. Minn dan isegwi li dan l-Artikolu 72 ma jistax jiġi interpretat b’mod li jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni bis-sempliċi invokazzjoni tar-responsabbiltajiet li huma għandhom għaż-żamma tal-ordni pubbliku u għas-salvagwardja tas-sigurtà interna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) C‑808/18, EU:C:2020:1029, punti 214 u 215, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

87      Fir-rigward tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 72 sa 77 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-għażla tal-adozzjoni tat-tul totali massimu ta’ sitt xhur li jinsab fl-Artikolu 25(4) ta’ dan il-kodiċi, li jista’ jiġi estiż għal tul massimu ta’ sentejn fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 29 tal-imsemmi kodiċi, tagħmel parti mill-qafas sħiħ, stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi attribwiti lilu mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 3(2) u (6) TUE u tal-Artikolu 5(1) u (2) TUE, kif ukoll tal-Artikolu 4(2)(j) u tal-Artikolu 77(2)(b) u (e) TFUE, tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju mill-Istati Membri tar-responsabbiltajiet tagħhom għaż-żamma tal-ordni pubbliku u għas-salvagwardja tas-sigurtà interna.

88      Issa, dan il-qafas huwa għalhekk intiż preċiżament sabiex jiżgura bilanċ ġust, previst fl-Artikolu 3(2) TUE, bejn, minn naħa, l-għan tal-Unjoni li jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ żona mingħajr fruntieri interni, li fi ħdanha huwa żgurat il-moviment liberu tal-persuni, u, min-naħa l-oħra, miżuri xierqa fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri esterni, tal-ażil, tal-immigrazzjoni kif ukoll tal-prevenzjoni tal-kriminalità u tal-ġlieda kontra dan il-fenomenu.

89      Konsegwentement, fid-dawl tal-importanza fundamentali li għandu l-moviment liberu tal-persuni fost l-għanijiet tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3 TUE u tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 58 sa 77 ta’ din is-sentenza dwar il-mod iddettaljat li bih il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa l-possibbiltà għall-Istati Membri li jinterferixxu ma’ din il-libertà permezz tal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fil-fruntieri interni, li turi rieda li jiġu bbilanċjati d-diversi interessi inkwistjoni, għandu jiġi kkunsidrat li, billi jipprevedi r-regola dwar it-tul massimu ta’ sitt xhur fl-Artikolu 25(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-leġiżlatur tal-Unjoni debitament ikkunsidra l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li għandhom l-Istati Membri fil-qasam ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà interna.

90      Minn dan isegwi li l-Artikolu 72 TFUE ma jippermettix lil Stat Membru li jintroduċi mill-ġdid, sabiex jaffaċċja theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tiegħu, kontrolli temporanji fil-fruntieri interni bbażati fuq l-Artikoli 25 u 27 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen matul perijodu li jeċċedi t-tul totali massimu ta’ sitt xhur, espressament previst fl-Artikolu 25(4) tiegħu.

91      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 27(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jekk, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fil-komunikazzjoni li tkun irċeviet mingħand Stat Membru li jkun jixtieq jintroduċi mill-ġdid kontroll fil-fruntieri interni, il-Kummissjoni għandha dubji dwar in-neċessità jew il-proporzjonalità tal-introduzzjoni mill-ġdid prevista, hija għandha toħroġ opinjoni f’dan is-sens. Issa, f’dawn il-kawżi, kif irrikonoxxiet espressament il-Kummissjoni stess waqt is-seduta, din l-istituzzjoni ma ħarġitx tali opinjoni, wara komunikazzjonijiet li hija rċeviet mir-Repubblika tal-Awstrija dwar il-kontrolli fil-fruntieri interni introdotti mill-ġdid minn dan l-Istat Membru sa mill‑10 ta’ Novembru 2017, minkejja li l-imsemmija istituzzjoni tikkunsidra li, minn din id-data, dawn il-kontrolli kienu inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u, konsegwentement, mad-dritt tal-Unjoni.

92      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa essenzjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tar-regoli stabbiliti mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li, meta Stat Membru jkun jixtieq jintroduċi mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni, kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri jeżerċitaw il-kompetenzi mogħtija lilhom minn dan il-kodiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ opinjoni, il-konsultazzjonijiet u, jekk ikun il-każ, il-kooperazzjoni reċiproka speċifikament previsti fl-Artikolu 27 tal-imsemmi kodiċi.

93      Madankollu, il-fatt li, f’każ speċifiku, wara komunikazzjoni minn Stat Membru skont l-Artikolu 27(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-Kummissjoni ma toħroġx opinjoni li tindika li hija tqis li l-kontroll ikkomunikat huwa inkompatibbli ma’ dan il-kodiċi, ma għandux, fih innifsu, effett fuq l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi kodiċi.

94      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑368/20 u għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑369/20 għandha tkun li l-Artikolu 25(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja minn Stat Membru tal-kontroll fil-fruntieri interni bbażata fuq l-Artikoli 25 u 27 ta’ dan il-kodiċi, meta t-tul tiegħu jeċċedi t-tul totali massimu ta’ sitt xhur, stabbilit f’dan l-Artikolu 25(4), u meta ma jkunx hemm theddida ġdida li tiġġustifika l-applikazzjoni mill-ġdid tal-perijodi previsti fl-imsemmi Artikolu 25.

 Fuq it-tieni domanda magħmula fil-Kawża C368/20 u t-tieni domanda magħmula fil-Kawża C369/20

95      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domandi magħmula f’dawn il-kawżi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda fil-Kawża C‑368/20 u għat-tieni domanda fil-Kawża C‑369/20.

 Fuq it-tielet domanda magħmula fil-Kawża C369/20

96      Permezz tat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑369/20, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, li permezz tagħha Stat Membru jobbliga, taħt piena ta’ sanzjoni, lil persuna tippreżenta passaport jew karta tal-identità mad-dħul tagħha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru minn fruntiera interna, meta l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni li fil-kuntest tiegħu dan l-obbligu huwa impost hija kuntrarja għal din id-dispożizzjoni.

97      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, dispożittiv ta’ sanzjoni ma huwiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen meta dan huwa impost sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ obbligu ta’ sottomissjoni għal kontroll, fejn dan l-obbligu stess huwa kuntrarju għal dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Touring Tours und Travel u Sociedad de Transportes, C‑412/17 u C‑474/17, EU:C:2018:1005, punt 72).

98      Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑369/20 għandha tkun li l-Artikolu 25(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, li permezz tagħha Stat Membru jobbliga, taħt piena ta’ sanzjoni, lil persuna tippreżenta passaport jew karta tal-identità mad-dħul tagħha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru minn fruntiera interna, meta l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni, li fil-kuntest tagħha dan l-obbligu huwa impost, hija kuntrarja għal din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

99      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 25(4) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), kif emendat bir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal14 ta’ Settembru 2016 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja minn Stat Membru tal-kontroll fil-fruntieri interni bbażata fuq l-Artikoli 25 u 27 ta’ dan il-kodiċi, meta t-tul tiegħu jeċċedi t-tul totali massimu ta’ sitt xhur, stabbilit f’dan l-Artikolu 25(4), u meta ma jkunx hemm theddida ġdida li tiġġustifika l-applikazzjoni mill-ġdid tal-perijodi previsti fl-imsemmi Artikolu 25.

2)      L-Artikolu 25(4) tar-Regolament (UE) 2016/399, kif emendat bir-Regolament 2016/1624, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jobbliga, taħt piena ta’ sanzjoni, lil persuna tippreżenta passaport jew karta tal-identità mad-dħul tagħha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru minn fruntiera interna, meta l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni, li fil-kuntest tagħha dan l-obbligu huwa impost, hija kuntrarja għal din id-dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.