Language of document : ECLI:EU:C:2013:533

Kawża C‑383/13 PPU

M. G.

u

N. R.

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Viżi, ażil, immigrazzjoni u politiki oħra marbuta mal-moviment liberu tal-persuni — Politika ta’ immigrazzjoni — Immigrazzjoni klandestina u residenza irregolari — Ripatrijazzjoni ta’ persuni li jirrisjedu irregolarment — Direttiva 2008/115/KE — Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment — Proċedura ta’ tneħħija — Miżura ta’ detenzjoni — Estensjoni tad-detenzjoni — Artikolu 15(2) u (6) — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal smigħ — Ksur — Konsegwenzi”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Settembru 2013

Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-immigrazzjoni — Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment — Detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija — Estensjoni tad-detenzjoni — Ksur tad-dritt għal smigħ — Konsegwenzi — Revoka tad-detenzjoni — Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikolu 15(2) u (6))

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) u (6) tad-Direttiva 2008/115, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-estensjoni ta’ miżura ta’ detenzjoni tkun ġiet deċiża fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva mingħajr ma jkun ġie rrispettat id-dritt għal smigħ, il-qorti nazzjonali li jkollha tevalwa l-legalità ta’ din id-deċiżjoni tista’ tordna r-revoka tal-miżura ta’ detenzjoni biss jekk tikkunsidra, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt u ta’ liġi ta’ kull każ ineżami, li dan il-ksur kien effettivament ċaħħad lil min invokah mill-possibbiltà li jiddefendi ruħu b’mod aħjar sa punt tali li din il-proċedura amministrattiva setgħat twassal għal riżultat differenti.

Fil-fatt, ikun hemm ir-riskju li tiġi ppreġudikata l-effettività ta’ din id-direttiva jekk ma jiġix irrikonoxxut li l-qorti nazzjonali għandha tali setgħa diskrezzjonali u jekk jiġi impost li kull ksur tad-dritt għal smigħ jimplika awtomatikament l-annullament tad-deċiżjoni ta’ estensjoni tad-detenzjoni u r-revoka tagħha, u dan anki meta tali irregolarità fil-verità seta’ ma kellha ebda impatt fuq din id-deċiżjoni ta’ estensjoni u meta d-detenzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi stabbiliti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115.

(ara l-punti 41, 45 u d-dispożittiv)