Language of document : ECLI:EU:C:2016:677

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fit-13 ta’ Settembru 2016 (1)

Kawża C‑104/16 P

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

vs

Front populaire pour la libération de la saguia-el-hamra et du rio de oro (Front Polisario)

“Appell – Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk – Liberalizzazzjoni reċiproka fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd”

Werrej


I –   Introduzzjoni

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

III – Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V –   Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

A –   L-argument tal-partijiet

B –   Evalwazzjoni

VI – Fuq il-mertu tal-appell

A –   B’mod prinċipali

1.     Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju sa fejn din tirrigwarda l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għas-Saħara tal-Punent

a)     L-argument tal-partijiet

b)     Evalwazzjoni

i)     L-istatus tas-Saħara tal-Punent kif iddeterminat mill-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-konsegwenzi tiegħu

ii)   L-assenza ta’ rikonoxximent mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha tas-sovranità tar-Renju tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent

iii) U fir-rigward ta’ applikazzjoni de facto għat-territorju tas-Saħara tal-Punent permezz ta’ “prassi sussegwenti segwita”?

iv)   L-effett relattiv tat-trattati (pacta tertiis nec nocent nec prosunt)

B –   B’mod sussidjarju

1.     Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq l-iżbalji ta’ liġi b’rabta mal-locus standi in judicio tal-Front Polisario quddiem il-qrati tal-Unjoni

a)     L-argument tal-partijiet

b)     Evalwazzjoni

2.     Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi dwar il-locus standi tal-Front Polisario

a)     Fuq l-ewwel parti, sa fejn din tirrigwarda n-natura tad-deċiżjoni kontenzjuża

i)     L-argument tal-partijiet

ii)   Evalwazzjoni

b)     Fuq it-tieni parti, dwar l-interess dirett tal-Front Polisario

i)     L-argument tal-partijiet

ii)   Evalwazzjoni

–       Fuq il-punt dwar jekk ir-rikorrenti mhux ipprivileġġati jistgħux ikunu “direttament ikkonċernati” minn deċiżjonijiet tal-Kunsill relatati mal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali

–       Fuq il-kunċetti ta’ interess dirett u ta’ effett dirett

c)     Fuq it-tielet parti, dwar l-interess individwali tal-Front Polisario

i)     L-argument tal-partijiet

ii)   Evalwazzjoni

C –   B’mod ulterjorment sussidjarju

1.     Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi b’rabta mal-istħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tas-setgħa diskrezzjonali li jgawdi l-Kunsill fil-qasam tar-relazzjonijiet ekonomiċi esterni

a)     L-argument tal-partijiet

b)     Evalwazzjoni

2.     Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita

a)     L-argument tal-partijiet

b)     Evalwazzjoni

3.     Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi b’rabta mal-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-prinċipju ta’ sovranitŕ permanenti fuq ir-riżorsi naturali

a)     Fuq l-ewwel parti, dwar l-obbligu li tiġi eżaminata l-kwistjoni tar-rispett tad-drittijiet fundamentali

i)     L-argument tal-partijiet

ii)   Evalwazzjoni

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv tar-rikors għal annullament tal-Front Polisario bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

b)     Fuq it-tieni parti, dwar l-obbligu li jiġu eżaminati l-kwistjoni tal-konformitŕ tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni mal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-prinċipju ta’ sovranitŕ permanenti fuq ir-riżorsi naturali

i)     L-argument tal-partijiet

ii)   Evalwazzjoni

4.     Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi dwar il-portata tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża

a)     L-argument tal-partijiet

b)     Evalwazzjoni

VII – Fuq l-ispejjeż

A –   B’mod prinċipali u b’mod sussidjarju

B –   B’mod ulterjorment sussidjarju

VIII – Konklużjoni





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz tal-appell tiegħu l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Diċembru 2015, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑512/12, EU:T:2015:953, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din annullat b’mod parzjali d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/479/UE, tat-8 ta’ Marzu 2012, dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal-annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (2) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) “sa fejn hija tapprova l-applikazzjoni tal-imsemmi ftehim għas-Saħara tal-Punent”.

2.        Din il-kawża hija ta’ importanza kbira peress li tqajjem diversi kwistjonijiet kontroversjali. Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja se jkollha l-okkażjoni li tippreċiża jekk organizzazzjoni, bħall-Front populaire pour la libération de la saguia-el-hamra et du rio de oro (Front Polisario), għandhiex il-kapaċità, l-interess u l-locus standi fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja se jkollha tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk is-Saħara tal-Punent jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-26 ta’ Frar 1996 u approvat f’isem l-imsemmija Komunitajiet bid-Deċiżjoni 2000/204/KE, KEFA tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Jannar 2000 (3) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) u l-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal-annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fit-13 ta’ Diċembru 2010 (4) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni”).

3.        Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tiċċara l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qrati tal-Unjoni f’oqsma bħal dak tar-relazzjonijiet ekonomiċi esterni, fejn il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, kif ukoll tieħu pożizzjoni dwar l-elementi li l-Kunsill għandu jieħu inkunsiderazzjoni qabel ma japprova ftehim internazzjonali konkluż ma’ pajjiż terz. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja se jkollha tittratta kwistjonijiet kumplessi tad-dritt internazzjonali pubbliku li jirrigwardaw l-istatus tas-Saħara tal-Punent u d-dritt tal-poplu tiegħu għall-awtodeterminazzjoni.

4.        Wieħed lanqas ma għandu jinsa l-importanza li għandha din il-kawża għall-komunità internazzjonali u l-futur tal-investimenti Marokkini u investimenti oħrajn fis-Saħara tal-Punent. Fil-fatt, is-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU), Ban Ki‑moon, għamel riferiment għal dan fit-taqsima intitolata “Drittijiet tal-bniedem” tar-Rapport tiegħu tad-19 ta’ April 2016 dwar is-sitwazzjoni tas-Saħara tal-Punent (5).

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

5.        Il-Front Polisario huwa, skont l-Artikolu 1 tal-istatuti tiegħu, “moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali, frott tar-reżistenza twila saħarija kontra d-diversi forom ta’ okkupazzjoni barranija”, maħluq fl-10 ta’ Mejju 1973.

6.        Il-kuntest storiku u internazzjonali li nħoloq fih u l-iżvilupp sussegwenti tas-sitwazzjoni tas-Saħara tal-Punent jinsabu fil-punti 1 sa 16 tas-sentenza appellata.

7.        Kif jirriżulta minn dawn il-punti, is-Saħara tal-Punent huwa territorju li jinsab fil-Majjistral tal-Afrika, li ġie kkolonizzat mir-Renju ta’ Spanja fis-seklu XIX qabel ma sar provinċja Spanjola, li mbagħad iddaħħal fil-lista tat-territorji mhux awtonomi fis-sens tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti fejn għadu jinsab sal-lum (6).

8.        Fl-20 ta’ Diċembru 1966, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU adottat ir-Riżoluzzjoni 2229 (XXI) dwar il-kwistjoni tal-Ifni u tas-Saħara Spanjol, fejn reġa’ ġie mtenni d-“dritt inaljenabbli [tal-]popl[u] […] tas-Saħara Spanjol għall-awtodeterminazzjoni”. Hija talbet lir-Renju ta’ Spanja, fil-kapaċità tiegħu bħala awtorità amministrattiva, sabiex “kemm jista’ jkun malajr, konformement mal-aspirazzjonijiet tal-popolazzjoni awtoktona tas-Saħara Spanjol u b’konsultazzjoni mal-Gvern Marokkin u Mawritan u ma’ kull parti oħra kkonċernata, tistabbilixxi l-modalitajiet tal-organizzazzjoni ta’ referendum li [għandu] jinżamm taħt l-awspiċji tal-[ONU] sabiex il-popolazzjoni awtoktona tat-territorju tkun tista’ teżerċita liberament id-dritt tagħha għall-awtodeterminazzjoni”.

9.        Fl-20 ta’ Awwissu 1974, ir-Renju ta’ Spanja informa lill-ONU li kien qed jipproponi li jorganizza, taħt l-awspiċji ta’ din tal-aħħar, referendum fis-Saħara tal-Punent.

10.      Fis-16 ta’ Ottubru 1975, wara talba f’dan is-sens mill-Assemblea Ġenerali tal-ONU, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tat l-opinjoni konsultattiva tagħha dwar is-Saħara tal-Punent (Q.I.Ġ. Ġabra 1975, p. 12), li fil-punt 162 tagħha kkonkludiet dan li ġej:

“L-elementi u l-informazzjoni miġjuba għall-għarfien tal-Qorti juru l-eżistenza, fil-mument tal-kolonizzazzjoni Spanjola, ta’ rabtiet ġuridiċi ta’ fedeltà bejn is-sultan tal-Marokk u ċerti tribujiet li jgħixu fit-territorju tas-Saħara tal-Punent. Dawn juru wkoll l-eżistenza ta’ drittijiet, inklużi ċerti drittijiet relatati mal-art, li kienu jikkostitwixxu rabtiet ġuridiċi bejn it-territorju Mawritan, fis-sens mifhum mill-Qorti, u t-territorju tas-Saħara tal-Punent. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tikkonkludi li l-elementi u l-informazzjoni miġjuba għall-għarfien tagħha ma jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ebda rabta ta’ sovranità territorjali bejn it-territorju tas-Saħara tal-Punent, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk jew it-territorju Mawritan, min-naħa l-oħra. Il-Qorti b’hekk ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ rabtiet ġuridiċi ta’ natura li tbiddel l-applikazzjoni [tar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-ONU tal-14 ta’ Diċembru 1960, 1514 (XV) dwar l-għoti tal-indipendenza lill-pajjiżi u lill-popli kolonjali (iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni 1514 (XV)”)] fir-rigward tad-dekolonizzazzjoni tas-Saħara tal-Punent u b’mod partikolari tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni permezz tal-espressjoni libera u awtentika tar-rieda tal-popolazzjonijiet tat-territorju.”

11.      Fl-14 ta’ Novembru 1975, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Renju tal-Marokk u r-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja ffirmaw dikjarazzjoni li tipprevedi t-trasferiment tas-setgħat u tar-responsabbiltajiet tar-Renju ta’ Spanja, fil-kwalità tiegħu bħala awtorità amministrattiva tas-Saħara tal-Punent, lil amministrazzjoni tripartita temporanja.

12.      Matul il-ħarifa tal-1975, is-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent iddeterjorat. F’diskors magħmul fil-ġurnata li fiha ġiet ippubblikata l-opinjoni msemmija iktar ’il fuq tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, ir-Re Hassan II tal-Marokk, qies li peress li “kulħadd” kien irrikonoxxa li s-Saħara tal-Punent kien jappartjeni lir-Renju tal-Marokk, u li kien jifdal biss li l-Marokkini “jokkupaw it-territorju [tagħhom]”, sejjaħ sabiex tiġi organizzata “mixja paċifika” lejn is-Saħara tal-Punent, bil-parteċipazzjoni ta’ 350 000 persuna.

13.      Il-Kunsill tas-Sigurtà tal-ONU (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”) sejjaħ lill-partijiet ikkonċernati u interessati sabiex juru prudenza u moderazzjoni. Huwa esprima wkoll il-preokkupazzjoni tiegħu fir-rigward tas-sitwazzjoni gravi fir-reġjun permezz ta’ tliet riżoluzzjonijiet dwar is-Saħara tal-Punent, jiġifieri r-Riżoluzzjonijiet 377 (1975), 379 (1975) u 380 (1975). Fl-aħħar waħda minn dawn ir-riżoluzzjonijiet, huwa ddeplora l-organizzazzjoni tal-mixja mħabbra mir-Re tal-Marokk u talab lir-Renju tal-Marokk l-irtirar immedjat mit-territorju tas-Saħara tal-Punent tal-parteċipanti kollha fl-imsemmija mixja.

14.      Fis-26 ta’ Frar 1976, ir-Renju ta’ Spanja informa lis-Segretarju Ġenerali tal-ONU li, minn din id-data, huwa kien qiegħed itemm il-preżenza tiegħu fis-Saħara tal-Punent u li kien iqiegħed iqis ruħu ħieles minn kull responsabbiltà ta’ natura internazzjonali relatata mal-amministrazzjoni ta’ dan it-territorju.

15.      Sadanittant inqala’ kunflitt armat bejn ir-Renju tal-Marokk, ir-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja u l-Front Polisario.

16.      Fl-10 ta’ Awwissu 1979, ir-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja kkonkludiet ftehim mal-Front Polisario, li permezz tiegħu hija rrinunzjat għal kull talba territorjali fuq is-Saħara tal-Punent.

17.      Fir-Riżoluzzjoni 34/37 tagħha, tal-21 ta’ Novembru 1979, dwar il-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU reġgħet tenniet “id-dritt inaljenabbli tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall-awtodeterminazzjoni u għall-indipendenza” u esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-Ftehim Mawritan-Saħarjan, iffirmat f’Alġeri fl-10 ta’ Awwissu 1979 bejn ir-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja u l-Front Polisario. Barra minn hekk hija ddeplorat bil-qawwa “l-aggravazzjoni tas-sitwazzjoni li kienet tirriżulta mill-persistenza tal-okkupazzjoni tas-Saħara tal-Punent mill-Marokk u tal-estensjoni ta’ din l-okkupazzjoni għat-territorju reċentement evakwat mill-Mawritanja”. Hija talbet lir-Renju tal-Marokk jimpenja ruħu wkoll fid-dinamika tal-paċi u, f’dan is-sens, hija rrakkomandat li l-Front Polisario, “rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, jipparteċipa bis-sħiħ f’kull tiftixa ta’ soluzzjoni politika ġusta, dewwiema u definittiva tal-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent”.

18.      Il-kunflitt armat bejn il-Front Polisario u r-Renju tal-Marokk tkompla sakemm, fit-30 ta’ Awwissu 1988, il-partijiet fil-prinċipju aċċettaw proposti ta’ regolament li saru, b’mod partikolari, mis-Segretarju Ġenerali tal-ONU u li pprevedew b’mod partikolari t-tħabbira ta’ waqfien mill-ġlied kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ referendum ta’ awtodeterminazzjoni taħt il-kontroll tal-ONU.

19.      Sal-lum, dan ir-referendum għadu ma sarx.

20.      Attwalment, l-ikbar parti tat-territorju tas-Saħara tal-Punent hija kkontrollata mir-Renju tal-Marokk li jqis lilu nnifsu sovran fuq is-Saħara tal-Punent, filwaqt li l-Front Polisario jikkontrolla porzjon ta’ daqs iżgħar u mhux wisq ippopolat, li jinsab fil-Lvant ta’ dan it-territorju. It-territorju kkontrollat mill-Front Polisario huwa sseparat mit-territorju kkontrollat mir-Renju tal-Marokk permezz ta’ ħajt tar-ramel mibni minn dan tal-aħħar u ssorveljat mill-armata Marokkina. Numru sinjifikattiv ta’ refuġjati oriġinarji mis-Saħara tal-Punent jgħixu f’kampjiet amministrati mill-Front Polisario, li jinsabu fit-territorju Alġerin, ħdejn is-Saħara tal-Punent.

III – Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

21.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Novembru 2012, il-Front Polisario ressaq kawża għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u sabiex il-Kunsill jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

22.      Insostenn tat-talbiet tiegħu, il-Front Polisario invoka ħdax‑il motiv fejn l-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni motiv, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-“prinċipju ta’ konsultazzjoni”, it-tielet motiv, fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali, ir-raba’ motiv, fuq il-“ksur tal-prinċipju ta’ koerenza tal-politika tal-Unjoni”, il-ħames motiv, fuq il-“ksur tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni u tal-prinċipji li jirregolaw l-azzjoni esterna tagħha”, is-sitt motiv, fuq in-“nuqqas ta’ twettiq tal-għan ta’ żvilupp sostenibbli”, is-seba’ motiv, fuq “il-ksur tal-prinċipji u l-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp”, it-tmien motiv, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, id-disa’ motiv, fuq in-“natura kuntrarja tad-deċiżjoni kkontestata ma’ numru ta’ ftehimiet konklużi mill-Unjoni”, l-għaxar motiv, fuq il-ksur tad-dritt internazzjonali ġenerali, u, il-ħdax‑il motiv, fuq il-ksur tad-“dritt tar-responsabbiltà internazzjonali tal-Unjoni”.

23.      Fid-difiża, il-Kunsill talab li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli jew, fin-nuqqas ta’ dan, bħala infondat, kif ukoll li l-Front Polisario jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

24.      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea ġiet ammessa sabiex tintervjeni fil-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

25.      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, eżaminat l-argumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li skonthom ir-rikors kellu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba li, minn naħa, il-Front Polisario ma kienx stabbilixxa l-eżistenza tal-personalità ġuridika tiegħu u lanqas il-locus standi in judicio tiegħu, u min-naħa l-oħra, minħabba li d-deċiżjoni kontenzjuża la kienet tikkonċernah direttament u lanqas individwalment. Din ċaħdet dawn iż-żewġ motivi ta’ inammissibbiltà rispettivament fil-punti 34 sa 60 u 61 sa 114 tas-sentenza appellata.

26.      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali analizzat il-motivi ta’ annullament invokati mill-Front Polisario insostenn tat-talbiet tiegħu filwaqt li indikat, qabel kollox, li, essenzjalment, huwa “[invoka] illegalità tad-deċiżjoni [kontenzjuża] minħabba li din tikser id-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt internazzjonali” (7). Il-Qorti Ġenerali żżid li “[d]awn il-motivi kollha fil-verità jittrattaw il-kwistjoni tal-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ projbizzjoni assoluta ta’ konklużjoni, f’isem l-Unjoni, ta’ ftehim internazzjonali li jista’ jiġi applikat għal territorju kkontrollat de facto minn Stat terz, madankollu mingħajr ma s-sovranità ta’ dan l-Istat fuq dan it-territorju hija rikonoxxuta mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha jew, b’mod iktar ġenerali, mill-Istati l-oħra kollha (iktar ’il quddiem ‘territorju kkontestat’), kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dan ir-rigward, tal-limiti ta’ din is-setgħa u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħha” (8).

27.      Il-Qorti Ġenerali sussegwentement eżaminat kull wieħed mill-ħdax‑il motiv għal annullament invokati mill-Front Polisario u ċaħdet kull wieħed minnhom bħala infondat jew, f’każ wieħed, bħala inammissibbli, fil-punti 127, 139, 148, 158, 167, 172, 175, 178, 199, 211 u 214 tas-sentenza appellata.

28.      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, hija qieset b’mod partikolari li l-ebda wieħed mill-argumenti invokati mill-Front Polisario ma kien jippermetti “li jiġi konkluż li huwa assolutament ipprojbit, mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt internazzjonali, li jiġi konkluż ma’ Stat terz ftehim li jista’ jiġi applikat fuq territorju kkontestat” (9).

29.      Fl-istess ħin, il-Qorti Ġenerali rriżervat l-eżami ta’ sensiela ta’ argumenti invokati mill-Front Polisario insostenn tal-ewwel, it-tielet, il-ħames, is-sitt, id-disa’ u l-għaxar motivi tiegħu u li essenzjalment huma marbuta, fil-fehma tagħha, mal-kwistjoni sussidjarja dwar f’liema kundizzjonijiet l-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħu japprovaw il-konklużjoni ta’ ftehim li jista’ jiġi applikat għal territorju kkontestat (10).

30.      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali għaddiet għall-analiżi ta’ din il-kwistjoni fil-punti 223 sa 247 tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, hija essenzjalment qieset li, filwaqt li jgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-kuntest tat-tmexxija tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, il-Kunsill kellu l-obbligu, meta jkollu l-intenzjoni li japprova ftehim internazzjonali li jkun se japplika f’territorju kkontestat u li jkollu l-għan li jiffaċilita l-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw minn dan it-territorju, li jeżamina minn qabel l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, u b’mod partikolari li jiżgura li l-isfruttament ta’ dawn il-prodotti ma jsirx għad-detriment tal-poplu tal-imsemmi territorju u ma jimplikax ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom. Il-Qorti Ġenerali nnotat ukoll li, f’dan il-każ, il-Kunsill kien naqas milli jwettaq dan l-obbligu.

31.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi, fil-punt 247 tas-sentenza appellata, li l-“Kunsill [kien] naqas mill-obbligu tiegħu li jeżamina, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni [kontenzjuża], l-elementi kollha tal-każ inkwistjoni” u, konsegwentement, li jannulla din id-deċiżjoni “inkwantu hija tapprova l-applikazzjoni tal-ftehim [ta’ liberalizzazzjoni] għas-Saħara tal-Punent”.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

32.      Permezz tal-appell tiegħu, ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Frar 2016, il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kawża billi tiċħad ir-rikors, u

–        tikkundanna lill-Front Polisario għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-istadju tal-appell.

33.      Permezz tar-risposta tiegħu, ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Mejju 2016, il-Front Polisario jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        prinċipalment, tiddikjara l-appell inammissibili;

–        sussidjarjament, tiċħad l-appell bħala infondat;

–        b’mod ulterjorment sussidjarju, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ t-talbiet tal-Kunsill sa fejn dawn għandhom l-għan li jannullaw id-deċiżjoni appellata, li tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kawża billi tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża fuq il-bażi tal-motivi miċħuda mill-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti mill-Front Polisario fl-ewwel istanza kif ukoll fl-istadju fil-kuntest tal-appell.

34.      Permezz tar-risposta tagħha, ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell.

35.      Permezz ta’ att separat ippreżentat lir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja mal-preżentata tal-appell tiegħu, il-Kunsill talab li l-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

36.      Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ April 2016, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba.

37.      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2, it-13, it-18 u l-24 ta’ Mejju 2016, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Portugiża, ġew ammessi jintervjenu fil-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Madankollu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja la ressqet nota ta’ intervent u lanqas ma pparteċipat fis-seduta.

38.      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ġunju 2016, il-Confédération marocaine de l’agriculture et du développement rural (konfederazzjoni Marokkina tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, iktar ’il quddiem il-“Comader”) ġiet ammessa tintervjenti fil-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

39.      Ġiet organizzata seduta, fid-19 ta’ Lulju 2016, li matulha l-Kunsill, il-Comader, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Portugiża, il-Front Polisario u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

V –    Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

A –    L-argument tal-partijiet

40.      Il-Front Polisario jikkontesta l-ammissibbiltà tal-appell billi jsostni li l-Kunsill ma għandux interess li jressqu. F’dan ir-rigward huwa jinnota, fl-ewwel lok, li s-sentenza appellata annullat id-deċiżjoni kontenzjuża biss “sa fejn hija tapprova l-applikazzjoni [tal-]ftehim [ta’ liberalizzazzjoni] għas-Saħara tal-Punent”. Fit-tieni lok, huwa jsostni li la r-Renju tal-Marokk u lanqas l-Unjoni ma huma kompetenti sabiex jikkonkludu ftehim li japplika għas-Saħara tal-Punent. Minn dan huwa jikkonkludi li l-Kunsill ma jista’ jislet l-ebda benefiċċju minn riintegrazzjoni eventwali tas-Saħara tal-Punent fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni.

41.      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan l-argument billi jsostnu, prinċipalment, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jippreżentaw appell mingħajr ma jkunu marbuta jipproduċu l-prova ta’ interess ġuridiku u, b’mod sussidjarju, li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta f’dan il-każ. Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li l-argument tal-Front Polisario dwar l-inammissibbiltà tal-appell huwa fih innifsu inammissibbli, minħabba li jkun qed jitlob sabiex jinbidel il-punt 220 tas-sentenza appellata u li skont l-Artikolu 174 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan ma huwiex postu f’risposta.

B –    Evalwazzjoni

42.      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, “[l-]appell jista’ jitressaq minn kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha”.

43.      Dan huwa kjarament il-każ tal-Kunsill li l-pożizzjoni tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali kienet li r-rikors tal-Front Polisario kien inammissibbli jew, fin-nuqqas ta’ dan, infondat.

44.      Peress li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tal-Kunsill dwar l-ammissibbiltà tar-rikors tal-Front Polisario u annullat parzjalment id-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kunsill tilef parzjalment fit-talbiet tiegħu. Għalhekk huwa għandu d-dritt jippreżenta appell kontra s-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza.

45.      Fi kwalunkwe każ, bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ kawżi minbarra dawk bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għandhom għalfejn juru l-ebda interess sabiex ikunu jistgħu jappellaw kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali (11), minbarra fil-każ fejn dawn jitolbu sostituzzjoni tal-motivi (12).

46.      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 46 tas-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group (C‑337/09 P, EU:C:2012:471) li “[din setgħet] tiddikjara appell inammissibbli meta fatt li jseħħ wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali [kien] neħħa n-natura dannuża tagħha għall-appellant [f’dan il-każ il-Kunsill]”.

47.      Madankollu, il-Front Polisario ma jindika l-ebda fatt li seħħ wara s-sentenza appellata li kien neħħa n-natura dannuża tagħha. Dan sempliċiment jidher li jgħid li d-dispożittiv tas-sentenza appellata li skontha d-deċiżjoni kontenzjuża hija annullata “sa fejn hija tapprova l-applikazzjoni [tal-]ftehim [ta’ liberalizzazzjoni] għas-Saħara tal-Punent” ma jikkontradixxix l-argument tiegħu li la l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lanqas ir-Renju tal-Marokk ma għandhom il-kompetenza sabiex jikkonkludu ftehim applikabbli għas-Saħara tal-Punent (13).

48.      Anki jekk dan bl-ebda mod ma għandu l-intenzjoni li jikkontesta l-punt 220 tas-sentenza appellata (14) (li inċidentalment ikun impossibbli ’l barra minn appell inċidentali), dan l-argument ma jistax iservi bħala bażi għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Front Polisario. Għalhekk għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Front Polisario.

VI – Fuq il-mertu tal-appell

A –    B’mod prinċipali

49.      Peress li l-qalba tal-problema hija l-applikazzjoni jew le tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għas-Saħara tal-Punent, fl-ewwel lok se nittratta l-ewwel parti tat-tieni aggravju sa fejn din tirrigwarda l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għas-Saħara tal-Punent. Fil-fatt, jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun fin-negattiv, ikun hemm lok li tiġi annullata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tkun wettqet żball ta’ liġi meta bbażat lilha nnifisha fuq l-ipoteżi inversa u ddikjarat inammissibbli r-rikors tal-Front Polisario fin-nuqqas ta’ interess ġuridiku u ta’ locus standi.

1.     Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju sa fejn din tirrigwarda l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għas-Saħara tal-Punent

a)      L-argument tal-partijiet

50.      Il-Kunsill jinnota li, sabiex tiddeċiedi dwar il-locus standi tal-Front Polisario, il-Qorti Ġenerali eżaminat, b’mod preliminari, fil-punti 73 sa 103 tas-sentenza appellata, il-kwistjoni dwar jekk il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni japplikax jew le għas-Saħara tal-Punent. Huwa jqis li, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet dan l-eżami billi bbażat ruħha fuq preżunzjoni li skontha risposta fl-affermattiv għal tali domanda jkollha l-konsegwenza awtomatika li l-Front Polisario jkun jista’ jiġi kkonċernat direttament u individwalment mid-deċiżjoni kontenzjuża. Huwa jżid jgħid li din il-preżunzjoni tikkostitwixxi żball ta’ liġi peress li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tistax toħloq drittijiet u obbligi li l-portata tagħhom tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tat-Trattati, u hija għalhekk nieqsa minn kull effett ġuridiku fuq it-territorju tas-Saħara tal-Punent.

51.      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tqis, minn naħa, li l-fatt li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni jiġi applikat de facto għas-Saħara tal-Punent (15) ma jippermettix li jitqies li teżisti “prassi segwita ulterjorment”, fis-sens tal-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969 (16) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”), li tiġġustifika l-interpretazzjoni tal-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-sens li jagħmel dan il-ftehim kif ukoll il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni applikabbli għat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

52.      Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, li jitqies li dawn japplikaw għalih imur kontra l-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati (pacta tertiis nec nocent nec prosunt) ikkodifikat fl-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, għad-dritt tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall-awtodeterminazzjoni u għan-nuqqas ta’ estensjoni espliċita fl-imsemmija ftehimiet għas-Saħara tal-Punent.

53.      Bħala risposta, il-Front Polisario josserva li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għas-Saħara tal-Punent bl-għan li tislet minnu xi preżunzjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors, iżda sabiex tiddetermina l-kuntest ta’ fatt u ta’ liġi li fih kellu jiġi mifhum il-locus standi tiegħu. Fil-fatt, il-Kunsill u l-Kummissjoni sostnew numru ta’ drabi li dan il-ftehim ma kienx applikabbli għall-imsemmi territorju, qabel ma rrikonoxxew li dan kien ġie effettivament applikat għall-prodotti li joriġinaw minnu. Madankollu, dan l-element huwa preċiżament wieħed minn dawk li jiddistingwu l-imsemmi ftehim miż-żewġ ftehimiet paragunabbli konklużi mir-Renju tal-Marokk mal-Istati Uniti tal-Amerika, minn naħa, u l-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA), min-naħa l-oħra.

b)      Evalwazzjoni

54.      Il-kwistjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni (li jiddependi mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li dan emenda) hija ta’ importanza kruċjali f’din il-kawża minħabba li din hija mifruxa fuq ir-rikors għal annullament tal-Front Polisario fl-intier tiegħu, inkluż il-kwistjonijiet tal-mertu (17), lil hinn minn dik tal-locus standi tiegħu (u tal-interess ġuridiku tiegħu).

55.      F’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni li, billi ddeċidiet, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li teżamina jekk il-Front Polisario setax jiġi affettwat direttament u individwalment mid-deċiżjoni kontenzjuża skont l-applikazzjoni jew le tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għas-Saħara tal-Punent, il-Qorti Ġenerali “[għamlet] l-applikazzjoni tal-ftehim konkluż skont id-deċiżjoni [kontenzjuża] f’dan il-każ għal territorju ’l barra mill-Unjoni prekundizzjoni biex il-[Front Polisario] ikun ikkonċernat individwalment u direttament mill-imsemmija deċiżjoni” (18). Skont il-Kunsill, dan imur kontra l-punti 90, 91 u 94 tad-digriet tat-3 ta’ Lulju 2007, Commune de Champagne et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑212/02, EU:T:2007:194), fejn din kienet iddeċidiet li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ ftehim internazzjonali setgħet tipproduċi effetti biss fuq it-territorju tal-Unjoni.

56.      Fil-fehma tiegħi, dan l-argument għandu jiġi miċħud għas-sempliċi raġuni li fil-kawża li tat lok għad-digriet tat-3 ta’ Lulju 2007, Commune de Champagne et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑212/02, EU:T:2007:194), il-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-ftehim inkwistjoni f’din il-kawża ma kinitx ikkontestata. Il-Qorti Ġenerali għalhekk illimitat ruħha sabiex teżamina jekk id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ dan il-ftehim kinitx tinkludi “effetti legali vinkolanti ta’ natura tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jimmodifikaw b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħhom” (19).

57.      Anki jekk, billi ddeċidiet hekk, il-Qorti Ġenerali tidher li qed tamalga l-kunċetti ta’ att li jista’ jiġi kkontestat u ta’ locus standi, xorta jibqa’ l-fatt li, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ma kinitx tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-interess dirett u individwali tal-Front Polisario mingħajr ma l-ewwel tiddeċiedi jekk is-Saħara tal-Punent kinitx taqa’ jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u ta’ Liberalizzazzjoni. Evidentement, jekk is-Saħara tal-Punent ma kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-imsemmija ftehimiet, l-interess dirett u individwali tal-Front Polisario jkun eskluż, sa fejn l-argumenti kollha tiegħu f’dan il-każ jibbażaw ruħhom fuq din l-applikazzjoni.

58.      Għaldaqstant għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-Kummissjoni li skonthom id-deċiżjoni kontenzjuża ma bidlitx manifestament is-sitwazzjoni legali tal-Front Polisario minħabba li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u, għaldaqstant, il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni ma kinux applikabbli għas-Saħara tal-Punent. Hija għalhekk tqis li fil-punti 88 sa 104 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (20).

59.      Għandu jiġi ppreċiżat qabel kollox li ma huwiex meħtieġ li tittieħed pożizzjoni dwar il-kwistjoni jekk ir-Renju tal-Marokk jistax, mingħajr ma jikser id-dritt internazzjonali, jikkonkludi ftehim internazzjonali applikabbli għas-Saħara tal-Punent, li, fil-fehma tiegħi, ma huwiex stabbilit b’mod ċar (21) u barra minn hekk huwa kkontestat bil-qawwa mill-Front Polisario.

60.      Fil-fatt, għall-finijiet ta’ din il-kawża, ikun suffiċjenti li tingħata risposta għall-kwistjoni separata dwar jekk il-ftehimiet inkwistjoni humiex applikabbli għas-Saħara tal-Punent skont l-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li jiddisponi li “[il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni] japplika, minn naħa, [għat-territorju tal-Unjoni] u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tar-Renju tal-Marokk” (22) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

61.      Ninnota f’dan ir-rigward li l-kliem “territorju tar-Renju tal-Marokk” ma huwiex iddefinit fil-ftehimiet inkwistjoni.

62.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jiddisponi li “[sakemm] ma tirriżultax intenzjoni differenti mit-trattat jew ma jiġix stabbilit b’mod ieħor, trattat jorbot lil kull parti fir-rigward tat-territorju kollu tagħha” (23).

63.      Dwar dan il-punt, hemm żewġ perspettivi differenti.

64.      Minn naħa, minkejja l-motivazzjonijiet differenti tagħhom, il-Front Polisario u l-Kummissjoni huma tal-fehma li s-Saħara tal-Punent huwa territorju mhux awtonomu fis-sens tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u li, bħala tali, dan ma jistax jagħmel parti mit-territorju tar-Renju tal-Marokk fis-sens tal-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. L-ebda wieħed minnhom ma jirrikonoxxi s-sovranità ta’ dan tal-aħħar fuq is-Saħara tal-Punent.

65.      Filwaqt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u ta’ Liberalizzazzjoni ġew applikati għal prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent, hija enfasizzat fis-seduta li din kienet sempliċi tolleranza, li hija ma kkontestatx iżda li setgħet tikkontesta abbażi tal-Artikolu 86 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, fejn żiedet ukoll li l-fatt li hija ma rrikorrietx għal din il-kontestazzjoni ma kinitx prova tal-fatt li hija kienet qed taċċetta dan.

66.      Min-naħa l-oħra, il-Kunsill u r-Renju tal-Marokk iqisu li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni huwa applikabbli għas-Saħara tal-Punent iżda għal raġunijiet differenti. Bħalma ssostni l-Qorti Ġenerali fil-punt 100 tas-sentenza appellata, skont “[ir-Renju tal-Marokk] is-Saħara tal-Punent jagħmel parti sħiħa mit-territorju tiegħu”.

67.      Fir-rigward tal-Kunsill, matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u waqt is-seduta huwa sostna argumenti diverġenti, saħansitra kontradittorji. Jien ser niċċita hawnhekk l-aħħar verżjoni tal-interpretazzjoni tiegħu tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet inkwistjoni li l-Kunsill ipprovda matul ir-replika tiegħu fis-seduta. Skont dan l-argument, “il-Kunsill ma aċċettax taċitament l-interpretazzjoni [tar-Renju] tal-Marokk li skontu l-Ftehim [ta’ Liberalizzazzjoni] japplika għas-Saħara tal-Punent bħala parti sħiħa mit-territorju tiegħu, u dan jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni ta’ rikonoxximent indirett [tas-sovranità tiegħu]. Huwa aċċetta taċitament li l-Ftehim [ta’ Liberalizzazzjoni] japplika wkoll […] għal territorju mhux awtonomu li r-Renju tal-Marokk jamministra, li la jimplika rikonoxximent, la approvazzjoni, u lanqas aċċettazzjoni. Ir-Renju tal-Marokk u l-Unjoni huma konxji li huma għandhom interpretazzjoni differenti. They agree to disagree. Huma għandhom fehim reċiproku li skontu l-Unjoni Ewropea taċċetta l-applikazzjoni tal-Ftehim fit-territorju tas-Saħara tal-Punent u [ir-Renju tal-]Marokk ma jislitx minnu argument insostenn tal-invokazzjoni tas-sovranità tiegħu”. L-argument tiegħu jista’ jinġabar fil-qosor bħala dak ta’ “applikazzjoni mingħajr rikonoxximent”, fejn il-Kunsill iżid li “meta l-Ftehim ġie konkluż […], ma kien hemm ebda dubju fost il-membri [tiegħu] […] dwar il-fatt li [ir-Renju tal-Marokk kien iqis lis-Saħara tal-Punent bħala parti mit-territorju tiegħu]”. Madankollu, skont il-Kunsill, il-fatt li wieħed jistenna li l-ftehim inkwistjoni jiġi applikat għas-Saħara tal-Punent ma jfissirx min-naħa tiegħu li huwa qed jieħu sehem fil-kwistjoni tas-sovranità fuq it-territorju tas-Saħara tal-Punent.

68.      Fil-fehma tiegħi, b’raġunament fuq il-bażi tal-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni biss, is-Saħara tal-Punent ma jagħmilx parti mit-territorju tar-Renju tal-Marokk fis-sens ta’ dan l-artikolu, u dan għar-raġunijiet li ġejjin:

i)      L-istatus tas-Saħara tal-Punent kif iddeterminat mill-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-konsegwenzi tiegħu

69.      Ċertament, bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 46 tas-sentenza tal-5 ta’ Lulju 1994, Anastasiou et (C‑432/92, EU:C:1994:277) dwar il-Ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Ċipru (24), “[l-Unjoni] għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari s-sieħeb tagħha għall-ftehim meta tinterpretah u tapplikah”.

70.      Madankollu, dan ma jimplikax li l-Unjoni għandha taċċetta kwalunkwe perspettiva tas-sieħeb tagħha dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, fuq kollox meta s-sieħeb tagħha jiddefendi pożizzjonijiet li l-komunità internazzjonali u l-Unjoni qatt ma aċċettaw.

71.      Issa, peress li s-Saħara tal-Punent, mill-1963, ġie inkluż mill-ONU fil-lista tagħha ta’ territorji mhux awtonomi fis-sens tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (25), minn dan jirriżulta li, f’din il-kwalità, huwa jaqa’ taħt l‑applikazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1514 (XV) dwar l-eżerċizzju tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni mill-popli kolonjali (26), bħalma ddeċidiet il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fil-punt 162 tal-opinjoni konsultattiva tagħha tas-16 ta’ Ottubru 1975 dwar is-Saħara tal-Punent (27).

72.      F’dan is-sens, jien ma nikkondividix il-perspettiva tal-Qorti Ġenerali espressa fil-punt 56 tas-sentenza appellata, u mtennija mill-Kunsill matul is-seduta, li skontha “[s]-Saħara tal-Punent huwa territorju li l-istatus internazzjonali tiegħu attwalment għadu ma huwiex determinat” (28). Dak li bħalissa ma huwiex iddeterminat, ma huwiex l-istatus tiegħu, iżda l-futur tiegħu.

73.      Jien lanqas ma nikkondividi l-karatterizzazzjoni tas-Saħara tal-Punent mill-Qorti Ġenerali bħala “territorju kkontestat”, fil-punti 117, 141, 142, 165, 198, 205, 210, 211, 215, 217, 220, 222, 223 u 227 tas-sentenza appellata.

74.      Għall-kuntrarju tal-kawża li wasslet għas-sentenza tas-6 ta’ Lulju 1995, Odigitria vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑572/93, EU:T:1995:131) (29) fejn jidhru t-termini “zone litigieuse” [żona kontenzjuża] fil-Franċiż iżda “zone in dispute” [żona kkontestata] fl-Ingliż (li jista’ jispjega l-bidla fis-sens tal-vokabularju tal-Qorti Ġenerali f’din il-kawża), hawnhekk ma huwiex inkwistjoni kunflitt ta’ delimitazzjoni ta’ fruntieri, iżda d-determinazzjoni tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-istatus tas-Saħara tal-Punent bħala territorju mhux awtonomu fis-sens tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (30).

75.      Bħala tali, is-Saħara tal-Punent għandu, skont l-imsemmija karta, “status separat u distint minn dak tal-Istat li jamministrah […] sakemm il-poplu […] tat-territorju mhux awtonomu ma jeżerċitax id-dritt tiegħu li jiddeċiedi għalih innifsu konformement mal-Karta u, b’mod iktar partikolari, mal-għanijiet u l-prinċipji tagħha” (31).

76.      Konsegwentement, bħalma sostniet il-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali (32), il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-ftehimiet inkwistjoni ma jistax ikopri s-Saħara tal-Punent, mingħajr estensjoni espressa, li hija ineżistenti f’dan il-każ (33).

77.      F’dan ir-rigward, il-prassi tal-Istati li għandhom jew li jassumu r-responsabbiltà li jamministraw territorji mhux awtonomi hija ta’ importanza partikolari, peress li dawk huma l-uniċi Stati li jistgħu jiżviluppaw prassi f’dan ir-rigward (34).

78.      F’dan il-kuntest, il-prassi tal-Istati Uniti tal-Amerka, tan-New Zealand, tar-Repubblika Franċiża u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandha importanza partikolari, peress li dawn huma l-erba’ Stati (35) li jinsabu fil-lista tal-awtoritajiet amministrattivi miżmuma mill-ONU (36) u jamministraw sittax mis-sbatax‑il territorju mhux awtonomu li jinsabu fil-lista annessa għall-imsemmi rapport tas-Segretarju Ġenerali tal-ONU (37).

79.      Skont il-prassi tal-Istati Uniti tal-Amerka, ta’ New Zealand u tar-Renju Unit (38), li jifformaw il-maġġoranza tal-awtoritajiet amministranti u li jamministraw il-maġġoranza tat-territorji mhux awtonomi, kull applikazzjoni ta’ trattati jew ta’ ftehim għat-territorji mhux awtonomi hija suġġetta għal estensjoni espressa mar-ratifika tagħhom (39).

80.      Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-Unjoni tqis lis-Saħara tal-Punent bħala territorju mhux awtonomu, ebda estensjoni espressa tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u ta’ Liberalizzazzjoni fir-rigward tagħha ma kienet prevista, la minn dawn il-ftehimiet, u lanqas meta ġew irratifikati mir-Renju tal-Marokk.

81.      Barra minn hekk, l-argument tiegħi huwa msaħħaħ bil-pożizzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerka, tar-Repubblika tal-Iżlanda, tar-Renju tan-Norveġja, u tal-Konfederazzjoni Svizzera li jqisu wkoll li s-Saħara tal-Punent ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-ftehimiet ta’ kummerċ liberu li huma kkonkludew mar-Renju tal-Marokk (40), minkejja li dawn il-ftehimiet, bħall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, ma jeskludux b’mod espress lis-Saħara tal-Punent mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħhom (41).

82.      Mill-argumenti preċedenti niddeduċi li s-Saħara tal-Punent ma jistax jagħmel parti mit-territorju tar-Renju tal-Marokk fis-sens tal-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Konsegwentement, il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u ta’ liberalizzazzjoni ma humiex applikabbli għalih.

ii)    L-assenza ta’ rikonoxximent mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha tas-sovranità tar-Renju tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent

83.      Bħalma sostnew il-Kunsill u l-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali (42) u bħalma jsostnu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha qatt ma rrikonoxxew li s-Saħara tal-Punent kien jagħmel parti mit-territorju tar-Renju tal-Marokk jew li jaqa’ taħt is-sovranità tiegħu.

84.      Barra minn hekk, il-Kunsill bl-ebda mod ma jispjega kif inhu legalment possibbli li jiġi applikat fuq territorju determinat ftehim konkluż ma’ pajjiż mingħajr ma tiġi rikonoxxuta xi tip ta’ kompetenza jew awtorità legali ta’ dan il-pajjiż fuq dan it-territorju, u dan kollu mingħajr lanqas biss ma ġew invokati l-Artikoli 34 sa 36 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna u mingħajr ma ntwera kif dawn japplikaw fil-każ speċifiku.

85.      Għall-kuntrarju, fil-fehma tiegħi, l-applikabbiltà timplika, b’mod neċessarju u inevitabbli, ir-rikonoxximent.

86.      Barra minn hekk, huwa, impossibbli għalija li naċċetta l-argument tal-Kunsill dwar “applikazzjoni mingħajr rikonoxximent” u li jipprova jikkonċilja l-applikabbiltà jew l-applikazzjoni tal-ftehimiet inkwistjoni fis-Saħara tal-Punent u r-rieda li ma tittiħidx pożizzjoni dwar xi forma ta’ rikonoxximent mill-Unjoni u l-Istati Membri li s-Saħara tal-Punent jagħmel parti mir-Renju tal-Marokk. Din l-assenza ta’ rikonoxximent teskludi b’mod ċert u definittiv il-possibbiltà li, billi nnegozjat ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u ta’ liberalizzazzjoni, l-Unjoni kellha l-intenzjoni li dawn il-ftehimiet isiru applikabbli għas-Saħara tal-Punent.

iii) U fir-rigward ta’ applikazzjoni de facto għat-territorju tas-Saħara tal-Punent permezz ta’ “prassi sussegwenti segwita”?

87.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Front Polisario invoka l-eżistenza ta’ prassi li skontha l-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u ta’ liberalizzazzjoni ġew applikati de facto għat-territorju tas-Saħara tal-Punent, li l-Kunsill u l-Kummissjoni kkonfermaw matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali (43) u tennew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (44).

88.      Dan ma jidhirlix li jista’ jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija ftehimiet għas-Saħara tal-Punent, bħalma aċċettat il-Qorti Ġenerali, fil-punt 103 tas-sentenza appellata.

89.      Huwa minnu li għalkemm “prassi sussegwenti segwita” fis-sens tal-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna (45) tista’ titqies bħala indikazzjoni supplimentari tas-sens li għandu jingħata lit-test ta’ ftehim fid-dawl tas-suġġett tiegħu u tal-għan tiegħu, din il-prassi ma hijiex fiha nnifisha deċiżiva (46).

90.      Bħalma ssostni l-Kummissjoni, l-elementi relatati mal-prassi segwita mill-Unjoni u r-Renju tal-Marokk fir-rigward tal-applikazzjoni tal-ftehimiet inkwistjoni għas-Saħara tal-Punent li l-Qorti Ġenerali eżaminat fil-punti 78 sa 87 tas-sentenza appellata ma jikkostitwixxux “prassi sussegwenti segwita” fis-sens tal-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna (47).

91.      F’dan ir-rigward, ma nikkondividix l-interpretazzjoni tad-dritt internazzjonali mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Marzu 2005, Oberto u O’Leary (C‑464/13 u C‑465/13, EU:C:2015:163), fejn din iddeċidiet li “kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, il-prattika sussegwenti segwita fl-applikazzjoni ta’ trattat tista’ tirbaħ fuq it-termini ċari tal-trattat jekk din il-prattika tirrifletti l-ftehim tal-partijiet [QIĠ, kawża tat-tempju ta’ Préah Vihéar (Il-Kambodja vs It-Tajlandja), sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1962, Ġabra 1962, p. 6]” (48).

92.      Ninnota qabel kollox li s-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fil-kawża tat-tempju ta’ Préah Vihéar tippreċedi l-Konvenzjoni ta’ Vjenna, iffirmata fl-1969. Din għalhekk ma setgħetx tirrigwarda direttament l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31(3)(b) ta’ din il-konvenzjoni, dispożizzjoni li ma kinitx teżisti f’dak iż-żmien.

93.      Sussegwentement, imkien f’din is-sentenza ma nikkonstata li l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja qalet, espressament jew le, li l-prassi sussegwenti segwita fl-applikazzjoni ta’ trattat seta’ jkollha preċedenza fuq it-termini ċari ta’ dan it-trattat.

94.      Fl-aħħar nett, sakemm din id-dispożizzjoni tirrifletti regola tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, għandu jiġi nnotat li l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ma kinitx sostniet li prassi sussegwenti segwita seta’ jkollha preċedenza fuq it-termini ċari ta’ trattat jekk din il-prassi kienet tirrifletti l-ftehim tal-partijiet.

95.      Għall-kuntrarju, l-imsemmija sentenza hija waħda mis-sentenzi prinċipali tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ estoppel jew ta’ kunsens fid-dritt internazzjonali (49), li huma kunċetti assolutament distinti minn dak ta’ “prassi sussegwenti segwita”.

96.      Fil-fehma tiegħi, jidhirli li huwa impossibbli li “prassi sussegwenti segwita” kuntrarja għas-sens ordinarju tat-termini ta’ ftehim jista’ jkollha preċedenza fuq dawn it-termini, ħlief jekk din tkun tikkostitwixxi prassi, magħrufa u aċċettata mill-partijiet, mifruxa biżżejjed u li jkun ilha għal żmien twil biżżejjed biex tkun tikkostitwixxi fiha nnifisha ftehim ġdid. Madankollu, l-elementi li jinsabu fil-fajl ta’ din il-kawża u eżaminati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 78 sa 87 tas-sentenza appellata ma humiex suffiċjenti biex jistabbilixxu tali prassi.

97.      Fl-ewwel lok, it-tweġiba mogħtija f’isem il-Kummissjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Viċi President tal-Kummissjoni, Catherine Ashton, għall-mistoqsijiet parlamentari u bir-referenzi E‑001004/11, P‑001023/11 u E‑002315/11 (ĠU 2011, C 286 E, p. 1), iċċitata fil-punt 78 tas-sentenza appellata, ma tikkostitwixxix, bħala dikjarazzjoni, prassi fis-sens ta’ implementazzjoni tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u ta’ liberalizzazzjoni. Barra minn hekk, matul is-seduta, il-Kunsill ma sostniex l-argument espress f’din it-tweġiba li skontu r-Renju tal-Marokk huwa l-awtorità amministrattiva de facto tas-Saħara tal-Punent.

98.      Fit-tieni lok, iż-żjarat magħmula mill-Uffiċċju tal-ikel u veterinarju tal-Kummissjoni fis-Saħara tal-Punent, li tagħmel riferiment għalihom il-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tas-sentenza appellata, lanqas ma jikkostitwixxu implementazzjoni tal-ftehimiet inkwistjoni peress li dawn ma humiex previsti hemmhekk u ma jistgħux, skont il-Kummissjoni, jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala indikazzjoni ta’ interpretazzjoni ġaladarba huma jirrigwardaw il-prodotti kollha li jidħlu fit-territorju tal-Unjoni tkun liema tkun is-sistema doganali applikabbli għalihom.

99.      Fit-tielet lok, il-fatt li 140 mill-esportaturi Marokkini ċċertifikati mill-Kummissjoni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huma bbażati fis-Saħara tal-Punent, li l-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għalih fil-punt 80 tas-sentenza appellata, lanqas ma jikkostitwixxi implementazzjoni tal-ftehimiet inkwistjoni, u dan b’mod partikolari peress li dawn l-esportaturi huma bbażati wkoll fir-Renju tal-Marokk, kif irrikonoxxut mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u għandhom id-dritt li jibbenefikaw mill-ftehimiet inkwistjoni f’dan ir-rigward.

100. Fl-aħħar nett, għalkemm il-Kunsill u l-Kummissjoni indikaw, bħalma nnotat il-Qorti Ġenerali fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni kien ġie de facto applikat għas-Saħara tal-Punent, il-portata u t-tul ta’ din l-applikazzjoni ma humiex magħrufa. Issa, sabiex ikun hemm “prassi sussegwenti segwita” fis-sens tal-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, “huwa neċessarju li jkun hemm konkordanza indiskutibbli bejn il-pożizzjonijiet tal-partijiet u li dawn il-pożizzjonijiet setgħu stabbilixxew is-sens ta’ dispożizzjoni tat-trattat” (50). F’dan il-każ, ma teżistix konkordanza simili peress li, bħalma kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 100 tas-sentenza appellata, “[ir]-Renju tal-Marokk għandu idea tal-affarijiet li hi għal kollox differenti” minn dik tal-Unjoni (51).

iv)    L-effett relattiv tat-trattati (pacta tertiis nec nocent nec prosunt)

101. Fl-assenza ta’ estensjoni espressa, l-applikazzjoni għas-Saħara tal-Punent tal-ftehimiet inkwistjoni tmur ukoll kontra l-prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali tal-effett relattiv tat-trattati (pacta tertiis nec nocent nec prosunt) li, bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Brita (C‑386/08, EU:C:2010:91) (52), huwa espress b’mod partikolari fl-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

102. Bħall-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, l-Artikolu 83 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Iżrael jiddisponi li “[dan] għandu jgħodd, mill-parti ’l waħda, [għat-territorju tal-Unjoni] u, mill-parti ’l oħra, għat-territorju ta’ l-Istat ta’ l-Iżrael”.

103. Infakkar li, bħal f’din il-kawża u minkejja l-opinjoni differenti tal-Istat ta’ Iżrael dwar dan is-suġġett, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha la jirrikonoxxu s-sovranità tal-Istat ta’ Iżrael fuq it-territorju tax-Xatt tal-Punent u tal-Medda ta’ Gaża u lanqas il-kapaċità tiegħu li jirrappreżentah internazzjonalment u li jikkonkludi ftehimiet f’ismu, bħala awtorità okkupanti ta’ dawn it-territorji (53).

104. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Iżrael “billi ħadet inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-prinċipju ta’ dritt internazzjonali ġenerali tal-effett relattiv tat-trattati […] (pacta tertiis nec nocent nec prosunt) […] u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Unjoni kienet ikkonkludiet ukoll ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-[Organizzazzjoni għall-Ħelsien tal-Palestina (OLP)] li kienet qed taġixxi f’isem l-Awtorità nazzjonali Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u tal-Medda ta’ Gaża, fejn dan l-aħħar ftehim kien applikabbli b’mod partikolari, skont il-kliem tiegħu, għat-territorju tax-Xatt tal-Punent” (54).

105. Peress li s-Saħara tal-Punent huwa territorju mhux awtonomu fis-sens tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, dan jikkostitwixxi terz (tertius) fil-konfront tal-Unjoni u tar-Renju tal-Marokk.

106. Ċertament, il-prinċipju pacta tertiis nec nocent nec prosunt jirrikonoxxi wkoll eċċezzjonijiet, b’mod partikolari dawk ikkodifikati fl-Artikoli 35 u 36 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, dwar it-trattati li jipprevedu obbligi jew drittijiet għal Stati terzi.

107. F’dan il-każ, jekk jitqies li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni huwa applikabbli għas-Saħara tal-Punent, dan ma jimponix obbligu fuqu, iżda jagħtih dritt li jikkonsisti fil-possibbiltà li jesporta lejn l-Unjoni taħt il-proċedura doganali preferenzjali stabbilita minn dan il-ftehim il-prodotti li joriġinaw mit-territorju tiegħu li huma koperti mill-imsemmi ftehim.

108. Madankollu, skont l-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna li jirrigwarda t-trattati li jipprevedu drittijiet għal terzi, dritt jinħoloq għal parti terza biss jekk din tagħti l-kunsens tagħha u dan il-kunsens jista’ jiġi preżunt sakemm ma jkunx hemm indikazzjoni kuntrarja min-naħa tagħha. Għalhekk jeħtieġ li dan ikun jista’ jesprimih, iżda peress li s-Saħara tal-Punent huwa territorju mhux awtonomu u peress li r-Renju tal-Marokk ma jqisx ruħu marbut mill-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-kunsens tiegħu ma jistax jiġi preżunt mingħajr konsultazzjoni minn qabel mal-poplu tiegħu jew ir-rappreżentanti tiegħu, liema fatt ma seħħx.

109. Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali tal-effett relattiv tat-trattati prevista fl-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna ma hijiex applikabli fil-każ inkwistjoni.

110. Konsegwentement, billi ddeċidiet fil-punt 97 tas-sentenza appellata li “[i]ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma differenti, sa fejn, f’dan il-każ, l-Unjoni ma kkonkludietx ftehim ta’ assoċjazzjoni dwar il-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent, la mal-Front Polisario u lanqas ma’ Stat ieħor jew entità oħra”, il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni bejn din il-kawża u dik li tat lok għas-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Brita (C‑386/08, EU:C:2010:91) iżda ma siltitx minnha l-konklużjoni li l-applikazzjoni tal-ftehimiet inkwistjoni għas-Saħara tal-Punent tmur kontra l-prinċipju ġenerali tal-effett relattiv tat-trattati.

111. Madankollu, fuq il-bażi tal-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tistrieh fuq il-fatt li “[l]-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni […] ma jinkludi ebda klawżola interpretattiva u ebda dispożizzjoni oħra li jkollha bħala riżultat li teskludi t-territorju tas-Saħara tal-Punent mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu” (55). Hija lanqas ma setgħet tiddeċiedi li l-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma kinux insistew fuq l-inklużjoni, “fit-test tal-Ftehim approvat [mid-deċiżjoni kontenzjuża], [ta’] klawżola li teskludi tali applikazzjoni […] juri li huma aċċettaw […] l-interpretazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni […] skont liema dawn il-ftehimiet japplikaw ukoll għall-parti tas-Saħara tal-Punent ikkontrollata mir-Renju tal-Marokk” (56).

112. Jien għalhekk tal-fehma li għandha tintlaqa’ l-ewwel parti tat-tieni aggravju sa fejn din tirrigwarda l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għas-Saħara tal-Punent.

113. Fil-fatt, bil-konklużjoni, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li “l-ftehim [ta’ liberalizzazzjoni], imqiegħed mill-ġdid fil-kuntest tiegħu […], japplika wkoll għat-territorju tas-Saħara tal-Punent jew, b’mod iktar speċifiku, għall-ikbar parti minn dan it-territorju, ikkontrollata mir-Renju tal-Marokk” (57), il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, li, fil-fehma tiegħi, iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

114. F’dan il-każ, billi l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-rikors għal annullament tal-Front Polisario għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, fin-nuqqas ta’ interess u ta’ locus standi, peress li jekk il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni ma huwiex applikabbli għas-Saħara tal-Punent, l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża ma jista’ jagħtih l-ebda benefiċċju u lanqas jaffettwah direttament u individwalment.

115. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix il-konklużjoni tiegħi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u ta’ Liberalizzazzjoni huma applikabbli għas-Saħara tal-Punent, ser nanalizza l-aggravji l-oħra tal-appell iktar ’isfel.

B –    B’mod sussidjarju

1.      Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq l-iżbalji ta’ liġi b’rabta mal-locus standi in judicio tal-Front Polisario quddiem il-qrati tal-Unjoni

a)      L-argument tal-partijiet

116. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, skont ir-raġunament espost fil-punti 34 sa 60 tas-sentenza appellata, li l-Front Polisario kellu jitqies bħala persuna ġuridika li għandha l-kapaċità li titlob lill-qorti tal-Unjoni l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

117. F’dan ir-rigward, huma essenzjalment jenfasizzaw, qabel kollox, li l-Front Polisario ma għandux personalità ġuridika bis-saħħa tad-dritt ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz. Sussegwentement, huma jsostnu li dan ma jistax jitqies ulterjorment bħala suġġett tad-dritt internazzjonali.

118. Fl-aħħar nett, huma jgħidu li, għalkemm il-ġurisprudenza (58) li bbażat fuqha l-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi, fil-punti 48 sa 52 tas-sentenza appellata, li l-Front Polisario għandu locus standi toffri, b’mod eċċezzjonali, il-protezzjoni tal-qorti tal-Unjoni lil entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika, din tissuġġetta l-ammissibbiltà tal-azzjoni tagħhom għall-osservanza ta’ żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, li minnhom il-Front Polisario ma jissodisfax it-tieni waħda, jiġifieri li jkun ġie ttrattat mill-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha bħala suġġett separat, li jista’ jkollu drittijiet speċifiċi għalih jew ikun suġġett għal obbligi jew għal restrizzjonijiet (ara l-punti 52, 55 sa 59 tas-sentenza appellata) (59).

119. Skont il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li t-tieni kundizzjoni ma kinitx issodisfatta, peress li l-Front Polisario la kien issemma minn atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u lanqas “[rikonoxxut] bħala interlokutur fl-okkażjoni ta’ negozjati” (60) minn dawn tal-aħħar.

120. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija mbagħad wettqet żball ta’ liġi meta bbażat lilha nnifisha, fil-punti 56 sa 59 tas-sentenza appellata, fuq il-kwalità ta’ rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent rikonoxxuta lill-Front Polisario mill-Assemblea Ġenerali tal-ONU u fuq il-parteċipazzjoni ta’ din l-entità fin-negozjati dwar l-istatus definittiv tas-Saħara tal-Punent immexxija taħt l-awspiċji tal-ONU sabiex tikkonkludi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors.

121. Bħala risposta, il-Front Polisario jsostni, fl-ewwel lok, li huwa jikkostitwixxi suġġett tad-dritt internazzjonali fid-dawl tal-istatus tiegħu ta’ moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali.

122. Fit-tieni lok, huwa jikkontesta l-fatt li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-locus standi in judicio tiegħu hija vvizzjata minn żball ta’ liġi. F’dan ir-rigward, dan josserva, l-ewwel nett, li l-Kunsill ma jikkontestax il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li skontha huwa għandu, skont l-istatuti tiegħu, struttura interna li tiżguralu l-awtonomija neċessarja sabiex jaġixxi bħala entità responsabbli fir-relazzjonijiet ġuridiċi.

123. It-tieni nett, huwa jqis, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi li din il-kapaċità ġuridika kienet tippermettilu f’dan il-każ li jindirizza lill-qorti tal-Unjoni, peress li l-Kunsill u l-Kummissjoni kienu rrikonoxxew huma stess il-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, ta’ parti fin-negozjati tal-ONU dwar il-futur ta’ dan it-territorju, kif ukoll ta’ interlokutur leġittimu tal-Unjoni dwar dan is-suġġett.

b)      Evalwazzjoni

124. Ninnota li l-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw biss il-parti tar-raġunament li fuqu l-Qorti Ġenerali bbażat id-deċiżjoni tagħha li l-Front Polisario kellu locus standi in judicio, minkejja li dan ma kellux personalità ġuridika. F’dan is-sens, huma ma jikkontestawx il-fatt li l-istatuti tal-Front Polisario jippermettulu li jaġixxi bħala entità responsabbli fir-relazzjonijiet ġuridiċi.

125. Infakkar li, f’ċerti każijiet, id-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxi l-locus standi ta’ entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika. Bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 144 tas-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2007:32), “[i]d-dispożizzjonijiet ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu, tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari l-Artikolu [120] tagħhom, u tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod partikolari l-Artikolu [76] tagħhom, ma kinux maħsuba sabiex jipprovdu għall-introduzzjoni ta’ rikors minn organizzazzjonijiet li m’għandhomx personalità legali [ġuridika] […]. [F’]sitwazzjoni eċċezzjonali, ir-regoli proċedurali dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament għandhom jiġu applikati billi jiġu adattati safejn ikun meħtieġ għaċ-ċirkustanzi tal-każ”.

126. F’dan ir-rigward, ma nikkondividix il-pożizzjoni tal-Kunsill espressa fil-punt 17 tal-appell tiegħu u li hija bbażata fuq id-digriet tat-3 ta’ April 2008, Landtag Schleswig‑Holstein vs Il‑Kummissjoni (T‑236/06, EU:T:2008:91), li skontu “l-locus standi tista’ tiġi attribwita mid-dritt tal-Unjoni b’mod awtonomu biss meta s-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent tkun irregolata esklużivament mid-dritt tal-Unjoni” (61).

127. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Kunsill, fil-punt 22 ta’ dan id-digriet, ikkonfermat mid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 2009, Landtag Schleswig‑Holstein vs Il‑Kummissjoni (C‑281/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:728), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet sempliċiment li “fil-każ ta’ rikors ippreżentat minn entitajiet territorjali infrastatali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tevalwa l-eżistenza tal-personalità ġuridika tar-rikorrent skond id-dritt pubbliku nazzjonali”.

128. Madankollu, il-Front Polisario ma huwiex entità infrastatali li għaliha tista’ tapplika din il-ġurisprudenza, u barra minn hekk dan ma jibbażax il-locus standi in judicio tiegħu fuq dritt nazzjonali.

129. Għalkemm il-fatt li l-Front Polisario għandu statuti u struttura interna li tiżguralu l-awtonomija neċessarja sabiex jaġixxi bħala entità responsabbli fir-relazzjonijiet ġuridiċi ma huwiex realment ikkontestat mill-partijiet, il-kwistjoni hija dwar jekk l-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha ttrattawx lill-Front Polisario bħala suġġett separat, li jista’ jkollu drittijiet speċifiċi għalih jew ikun suġġett għal obbligi jew għal restrizzjonijiet fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 tas-sentenza appellata (62).

130. Qabel kollox għandu jiġi nnotat li l-kwistjoni tal-locus standi in judicio ta’ organizzazzjoni rikonoxxuta mill-ONU bħala r-rappreżentant tal-poplu ta’ territorju mhux awtonomu għadha ma tqajmitx fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-locus standi in judicio ta’ entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika. Huwa għalhekk normali li, sa ċertu punt, il-każ tal-Front Polisario ma jaqax strettament taħt il-każijiet previsti f’din il-ġurisprudenza.

131. F’dan ir-rigward ninnota li l-kawża li tat lok għas-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1982, Groupement des Agences de voyages vs Il‑Kummissjoni (135/81, EU:C:1982:371), kienet tirrigwarda kumpannija b’responsabbiltà limitata Lussemburgiża fil-proċess ta’ formazzjoni li l-locus standi in judicio tagħha kien ikkontestat mill-Kummissjoni. Fil-punt 9 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[l-Kummissjoni] ma [setgħetx] tikkontesta l-locus standi in judicio ta’ entità li hija [kienet] aċċettat li tipparteċipa f’sejħa għal offerti u li lilha hija [kienet] indirizzat deċiżjoni negattiva wara eżami komparattiv tal-offerenti kollha”.

132. F’din il-kawża, il-Kunsill qatt ma aċċetta lill-Front Polisario jipparteċipa fil-proċedura ta’ negozjati tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni.

133. Bl-istess mod, il-kawża li tat lok għas-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2007:32), kienet tirrigwarda, b’mod partikolari, lill-“Kurdistan Workers’ Party (PKK)”, li l-eżistenza stess tiegħu kienet ikkontestata iżda li kien is-suġġett ta’ miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni.

134. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “jekk […] il-leġiżlatur [tal-Unjoni] qies li l-PKK kien baqagħlu eżistenza suffiċjenti sabiex ikun is-suġġett tal-miżuri restrittivi previsti fir-Regolament […], il-koerenza u l-ġustizzja jimponu li għandu jiġi rrikonoxxut li din l-entità għad baqgħalha eżistenza suffiċjenti sabiex tikkontesta din il-miżura. Kull konklużjoni oħra jkollha bħala riżultat li organizzazzjoni tista’ tiġi inkluża fil-lista in kwistjoni mingħajr ma tkun tista’ tressaq rikors kontra din l-inklużjoni” (63).

135. F’din il-kawża, il-Front Polisario ma huwiex imsemmi fid-deċiżjoni kontenzjuża li tapprova ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk.

136. Għalkemm il-każ tal-Front Polisario ma jaqax taħt is-sitwazzjonijiet previsti mis-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1982, Groupement des Agences de voyages vs Il‑Kummissjoni (135/81, EU:C:1982:371), u tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2007:32), madankollu jidhirli li huwa iktar qrib il-każ indirizzat mis-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1974, Union syndicale – Service public européen et vs Il‑Kunsill (175/73, EU:C:1974:95).

137. Fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, li kienet tirrigwarda rikors għal annullament ta’ sindakat mingħajr personalità ġuridika kontra l-ħatriet ta’ ċerti membri tal-persunal, il-Qorti tal-Ġustizzja elenkat ċertu numru ta’ elementi li għandhom jitqiesu matul l-istħarriġ tal-locus standi, li fosthom jinsab il-fatt li “l-istituzzjonijiet [tal-Unjoni] [kienu] rrikonoxxewh bħala interlokutur fl-okkażjoni ta’ negozjati dwar il-problemi li jolqtu l-interessi kollettivi tal-persunal”, jiġifieri dwar problema oħra (u usa’) minn dik prevista mir-rikors.

138. Bl-istess mod, minkejja li r-rikors għal annullament tal-Front Polisario quddiem il-Qorti Ġenerali huwa biss dwar id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni, il-Front Polisario huwa wieħed miż-żewġ interlokuturi rikonoxxuti mill-ONU, u għalhekk mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (64), bl-għan li jiġi ddeterminat il-futur tas-Saħara tal-Punent.

139. Barra minn hekk, permezz tar-rikors għal annullament tiegħu, il-Front Polisario għandu l-għan, bħala rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent rikonoxxut mill-ONU, li jipproteġi d-drittijiet li dan jislet mid-dritt internazzjonali, jiġifieri d-dritt tiegħu għall-awtodeterminazzjoni u s-sovranità permanenti tiegħu fuq ir-riżorsi naturali (65) tas-Saħara tal-Punent (66).

140. Permezz ta’ dawn is-sentenzi wieħed jista’ jara li l-Qorti tal-Ġustizzja xtaqet tadatta l-ġurisprudenza tagħha għal ċirkustanzi differenti ħafna, billi r-realtà hija dejjem iktar rikka mill-immaġinazzjoni tal-leġiżlaturi, billi twarrab approċċ formalistiku wisq jew riġidu wisq.

141. Din l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-argumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li skonthom in-natura politika tad-domandi mqajma minn din il-kawża jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħmel analiżijiet politiċi iktar milli ġuridiċi.

142. F’dan is-sens nikkondividi r-risposta tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja għal dan it-tip ta’ argument imressaq f’każ simili: “il-qorti tqis li l-fatt li domanda ġuridika għandha wkoll aspetti politiċi, ‘bħalma huwa, min-natura tal-affarijiet, il-każ ta’ numru mhux ħażin ta’ domandi magħmula fl-attività internazzjonali’, ma jkunx biżżejjed sabiex titneħħielha n-natura tagħha ta’ ‘domanda ġuridika’ u sabiex ‘titneħħa ġurisdizzjoni tal-qorti li hija mogħtija lilha espressament mill-Istatut tagħha […]’. Irrispettivament mill-aspetti politiċi tad-domanda magħmula, il-qorti ma tistax tirrifjuta natura ġuridika ta’ domanda li tistedinha twettaq kompitu essenzjalment ġudizzjarju […]” (67).

143. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Front Polisario għandu locus standi in judicio quddiem il-qrati tal-Unjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

144. Għalhekk ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Front Polisario għandux locus standi in judicio bħala moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali li għandu l-personalità u l-kapaċità ġuridika fid-dritt internazzjonali.

145. Madankollu għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l-Front Polisario ma jgawdix minn status partikolari ta’ moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali fi ħdan l-Assemblea Ġenerali tal-ONU, bħalma kien il-każ tal-OLP ma jfissirx neċessarjament u awtomatikament, bħalma jallegaw il-Kunsill u l-Kummissjoni, li l-Front Polisario ma għandux personalità ġuridika fid-dritt internazzjonali.

146. Għall-kuntrarju, ir-rikonoxximent tiegħu bħala moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali minn diversi Stati (68), ta’ rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent mill-Assemblea Ġenerali tal-ONU (69), l-adeżjoni tiegħu bħala membru għall-organizzazzjoni internazzjonali “Unjoni Afrikana”, il-konklużjoni ta’ ftehimiet mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja u r-Renju tal-Marokk (70) u l-impenn tiegħu li josserva l-konvenzjonijiet ta’ Genève tat-12 ta’ Awwissu 1949 għall-protezzjoni tal-vittmi tal-gwerra, meħud f’konformità mal-Artikolu 96(3) tal-Protokoll Addizzjonali dwar il-protezzjoni tal-vittmi ta’ kunflitti armati internazzjonali tat-8 ta’ Ġunju 1977, pjuttost jippromwovu r-rikonoxximent tal-personalità ġuridika li d-dritt internazzjonali jirrikonoxxi lill-movimenti ta’ liberazzjoni nazzjonali.

147. Għalhekk l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi dwar il-locus standi tal-Front Polisario

148. Dan l-aggravju jinkludi tliet partijiet distinti, li minnhom jien analizzajt parzjalment l-ewwel waħda. Ir-raġunament tiegħi sussidjarjament jippreżumi li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun ċaħdet il-konklużjoni tiegħi.

a)      Fuq l-ewwel parti, sa fejn din tirrigwarda n-natura tad-deċiżjoni kontenzjuża

i)      L-argument tal-partijiet

149. Il-Kunsill jinnota li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet att leġiżlattiv. Il-Kunsill iqis li d-deċiżjoni kontenzjuża ma hijiex att leġiżlattiv peress li l-bażi legali tagħha, jiġifieri l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) TFUE, ma tagħmilx riferiment espress għal proċedura leġiżlattiva. Fil-fehma tiegħu, din lanqas ma hija att regolatorju peress li din ma hijiex ta’ applikazzjoni ġenerali. Konsegwentement, din ma tistax tirrigwarda persuna fiżika jew ġuridika direttament u individwalment.

150. Bħala risposta, il-Front Polisario jiċħad l-argument tal-Kunsill billi jqis li l-għan tal-Kunsill huwa li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tingħatax il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħu, jekk id-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx att leġiżlattiv, din ċertament tkun att regolatorju bħala att ta’ portata ġenerali.

ii)    Evalwazzjoni

151. Bħalma josserva l-Kunsill, l-Artikolu 207(4) u l-Artikolu 108(6)(a) TFUE, li jifformaw il-bażijiet legali tad-deċiżjoni kontenzjuża, ma jagħmlux riferiment espress għal proċedura leġiżlattiva, ordinarja jew speċjali, bħalma jagħmlu inċidentalment l-Artikoli 203, 349 u 352 TFUE.

152. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li d-deċiżjoni kontenzjuża, li għandha l-effett li tintroduċi regoli ta’ portata ġenerali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ma hijiex att leġiżlattiv.

153. L-Artikolu 289(3) TFUE jiddefinixxi l-kunċett ta’ atti leġiżlattivi bħala “[l]-atti legali adottati bil-proċedura leġislattiva”, jiġifieri l-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew il-proċedura leġiżlattiva speċjali.

154. Skont l-Artikolu 289(2) TFUE, il-proċedura leġiżlattiva speċjali tikkonsisti mill-“adozzjoni ta’ […] Deċiżjoni […] mill-Kunsill bil-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew”.

155. L-Artikolu 218(6)(a)(i) TFUE jiddisponi li “[l]-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim […] wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-każ [ta’] ftehim ta’ assoċjazzjoni”.

156. Ma narax kif ir-rekwiżit tal-approvazzjoni minn qabel tal-Parlament ma għandux jitqies bħala parteċipazzjoni tal-Parlament fil-proċedura.

157. Il-fatt li l-Artikolu 289(2) TFUE juża t-termini “[f]il-każijiet speċifiċi previsti mit-Trattati” ma jimplikax neċessarjament li kull dispożizzjoni tat-Trattat FUE li tipprevedi l-proċedura leġiżlattiva speċjali għandha tħabbar dan espliċitament. Ikun biżżejjed li d-definizzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni tiġi osservata.

158. Dan huwa wisq iżjed minnu ġaladarba, bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 55 tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025), “it-Trattat ta’ Lisbona […] kien jeżiġi l-approvazzjoni tal-Parlament għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali preċiżament għall-ftehim li jkopru oqsma li, fuq livell intern, trid tiġi applikata lilhom il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, ipprovduta fl-Artikolu 294 TFUE, jew il-proċedura leġiżlattiva speċjali, iżda unikament meta din ikollha bżonn l-approvazzjoni tal-Parlament”.

159. Fi kwalunkwe każ u kuntrarjament għal dak li jallega l-Kunsill, jekk id-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx att leġiżlattiv, din għandha ċertament tkun bilfors att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 58 u 61 tas-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2003, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625), billi hija, f’dan il-każ, att ta’ portata ġenerali (sa fejn hija ddaħħal ftehim internazzjonali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni) (71) li ma huwiex att leġiżlattiv.

160. Dan ma jistax jgħin lill-Kunsill peress li l-Front Polisario għalhekk jista’ jiġi eżentat mill-obbligu li jipprova l-interess individwali tiegħu, li kieku kellu jiġi aċċettat li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tinvolvix miżura ta’ eżekuzzjoni.

161. Konsegwentement, billi ddeċidiet fil-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata li d-deċiżjoni kontenzjuża tikkostitwixxi att leġiżlattiv adottat permezz ta’ proċedura leġiżlattiva speċjali, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi.

b)      Fuq it-tieni parti, dwar l-interess dirett tal-Front Polisario

i)      L-argument tal-partijiet

162. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi billi qieset, fil-punti 106 sa 110 tas-sentenza appellata, li l-Front Polisario kien ikkonċernat direttament mid-deċiżjoni kontenzjuża minħabba li fil-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni stess kien hemm sett ta’ dispożizzjonijiet li jipproduċu effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tas-Saħara tal-Punent u li jirrigwardaw lill-Front Polisario bħala interlokutur tar-Renju tal-Marokk fil-kuntest tan-negozjati li kellhom isiru bejniethom taħt l-awspiċji tal-ONU bl-għan li jissolva t-tilwim dwar dan it-territorju.

163. F’dan ir-rigward il-Kunsill essenzjalment isostni li, anki li kieku kellu jitqies li dan ġie stabbilit, l-effett dirett ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni li jippreċiżaw il-kundizzjonijiet ta’ importazzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw mit-territorju li għalih dan il-ftehim huwa applikabbli ma jippermettix li jitqies li d-deċiżjoni kontenzjuża tikkonċerna direttament is-sitwazzjoni legali tal-Front Polisario, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u dan b’mod speċjali peress li l-Qorti Ġenerali f’dan il-każ enfasizzat, fil-punt 203 tas-sentenza appellata, li l-imsemmi ftehim ma kienx jorbot lil din l-entità. Fil-fatt, il-kunċetti ta’ “effett dirett” u ta’ “interess dirett” huma distinti u jidher li l-ewwel wieħed huwa nieqes minn rilevanza, jew fi kwalunkwe każ ma huwiex deċiżiv, fil-kuntest ta’ eżami fir-rigward tat-tieni wieħed.

164. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni ma jidhirx li għandu effett dirett fl-Unjoni, peress li hija kellha tadotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 812/2012, tat-12 ta’ Settembru 2012, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 747/2001 fir-rigward tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni għal ċerti prodotti agrikoli u prodotti agrikoli pproċessati li joriġinaw mill-Marokk (72), sabiex timplementah.

165. Fl-aħħar nett, l-effetti legali fuq territorji mhux suġġetti għad-dritt tal-Unjoni huma nieqsa minn rilevanza fil-kuntest tal-eżami meħtieġ mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

166. Fi kwalunkwe każ, is-sentenza appellata tillimita ruħha li ssemmi rabta indiretta bejn l-allegati effetti legali tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni fuq it-territorju tas-Saħara tal-Punent, fuq il-prodotti li joriġinaw minnu kif ukoll fuq l-esportaturi u l-importaturi tagħhom, minn naħa, u l-parteċipazzjoni tal-Front Polisario f’negozjati politiċi bl-għan li jissolva t-tilwim dwar dan it-territorju, min-naħa l-oħra. Fir-realtà, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li d-deċiżjoni kontenzjuża ma setgħetx, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għan u n-natura tagħha, tikkonċerna direttament lill-Front Polisario u, b’mod usa’, lil kull rikorrent ieħor mhux ipprivileġġat, minkejja li dan ikun entità li tagħmel talbiet fir-rigward tal-pussess tat-territorju li għalih il-ftehim internazzjonali approvat minn tali deċiżjoni għandu l-għan li japplika.

167. Bħala risposta, il-Front Polisario jqis li, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni japplika għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tikkonċernah direttament. F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza b’mod partikolari li din id-deċiżjoni għandha l-għan li tipproduċi effetti legali u għalhekk ma tistax titqies bħala waħda li tista’, min-natura tagħha, tiġi kkontestata quddiem qorti. Huwa sussegwentement jispjega li l-imsemmija deċiżjoni approvat il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni u li din għalhekk ipproduċiet, permezz tas-sempliċi adozzjoni tagħha, effetti legali fuq il-kundizzjonijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent. Fl-aħħar nett huwa jgħid, essenzjalment, li, ladarba l-Assemblea Ġenerali tal-ONU rrikonoxxiet il-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, li n-negozjati tal-ONU dwar is-Saħara tal-Punent huma intiżi li jippermettu l-eżerċizzju tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni ta’ dan il-poplu, u li l-kontroll tar-riżorsi naturali jikkostitwixxi element fundamentali ta’ dan id-dritt, il-Qorti Ġenerali setgħet tqis b’mod validu li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tiegħu.

ii)    Evalwazzjoni

–       Fuq il-punt dwar jekk ir-rikorrenti mhux ipprivileġġati jistgħux ikunu “direttament ikkonċernati” minn deċiżjonijiet tal-Kunsill relatati mal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali

168. Jien ma nikkondividix l-argument tal-Kunsill li skontu d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali adottati bl-Artikolu 218(6) TFUE bħala bażi legali ma jistgħux, min-natura tagħhom stess, jiġu kkontestati minn rikorrenti mhux ipprivileġġati, bħall-Front Polisario.

169. Billi jsostni li, min-natura tagħhom stess, dawn id-deċiżjonijiet ma jistax ikollhom effetti diretti u li, konsegwentement, huma biss ir-rikorrenti pprivileġġati li ma għandhomx għalfejn juru l-interess ġuridiku tagħhom li jistgħu jippreżentaw rikors għal annulament kontrihom, il-Kunsill jidher li qed igerfex il-kunċetti ta’ att kontestabbli u ta’ interess ġuridiku.

170. Infakkar li “[m]inn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li huma kkunsidrati bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, kull dispożizzjoni adottata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħha, li għandha bħala għan li tipproduċi effetti legali vinkolanti” (73).

171. Il-fatt li d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali jipproduċu effetti simili ilu stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (74), jekk mhux “l-eżerċizzju tal-kompetenzi ddelegati lill-istituzzjonijiet [tal-Unjoni] fil-qasam internazzjonali [jitnaqqsu] mill-istħarriġ ġudizzjarju ta’ legalità previst mill-Artikolu [263 TFUE]” (75).

172. In-natura kontestabbli tad-deċiżjoni kontenzjuża għaldaqstant jidhirli li hija inkontestabbli.

173. L-istess japplika għall-interess ġuridiku tal-Front Polisario.

174. Bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 25 tas-sentenza tas-17 ta’ April 2008, Flaherty et vs Il‑Kummissjoni (C‑373/06 P, C‑379/06 P u C‑382/06 P, EU:C:2008:230), “[s]kond ġurisprudenza kostanti, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, ikun preżenti fil-mument li fih jiġi ppreżentat ir-rikors, u fin-nuqqas ta’ dan, ikun inammissibbli. Dan is-suġġett tal-kawża, bħal fil-każ tal-interess ġuridiku, għandu jissussisti sakemm tingħata d-deċiżjoni finali, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni, li jippreżupponi li r-rikors jista’, jekk dan jirnexxi, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu”.

175. Sa fejn il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u ta’ liberalizzazzjoni huma applikabbli għas-Saħara tal-Punent, huwa evidenti li r-rikors għal annullament jista’ jagħti vantaġġ lill-Front Polisario li jqis li l-applikazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet għas-Saħara tal-Punent tmur kontra d-dritt tal-poplu tiegħu għall-awtodeterminazzjoni, għall-prinċipju ta’ sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali u għall-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

–       Fuq il-kunċetti ta’ interess dirett u ta’ effett dirett

176. Bħalma qalet il-Qorti Ġenerali fil-punt 105 tas-sentenza appellata, “minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kundizzjoni li skontha persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun ‘direttament ikkonċernata’ mill-att li huwa s-suġġett tar-rikors teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, fl-ewwel lok, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata u, fit-tieni lok, li ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid‑destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mill-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji”.

177. Filwaqt li l-Kunsill u l-Kummissjoni ma jikkontestawx ċerta konnessjoni bejn it-tieni kriterju tal-kunċett ta’ interess dirett u l-kunċett ta’ effett dirett (76), il-Kunsill jikkontesta l-fatt li l-ewwel kriterju huwa ssodisfatt f’din il-kawża filwaqt li l-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li t-tieni wieħed huwa ssodisfatt.

178. Fir-rigward tal-ewwel kriterju, li skontu l-miżura kkontestata għandha tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata, il-Kunsill isostni li l-kriterju ta’ interess dirett għandu jiġi eżaminat fil-konfront tal-persuna kkonċernata u mhux fil-konfront tat-territorju kkonċernat. Dan għalhekk jibbaża lilu nnifsu fuq il-premessa li l-pożizzjoni legali ta’ territorju ma tistax tiġi affettwata mid-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li għandhom ukoll effett dirett, li għalih ikun jimplika li għandhom jiġu evalwati l-effetti fuq il-pożizzjoni legali tal-persuna kkonċernata u mhux fuq dik tat-territorju kkonċernat.

179. Jien ma nikkondividix il-punt ta’ tluq li fuqu hija bbażata l-pożizzjoni tal-Kunsill.

180. Qabel kollox, il-fatt li s-sitwazzjoni legali tat-territorji tista’ ċertament tiġi affettwata mid-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipproduċux effett dirett, huwa muri, f’dan il-każ b’mod partikolari, mill-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ottubru 1975 dwar is-Saħara tal-Punent (77), li fil-kuntest tagħha r-Renju tal-Marokk ipproduċa bħala prova tal-eżerċizzju tas-sovranità tiegħu fuq is-Saħara tal-Punent, ċerti atti internazzjonali li kienu jikkostitwixxu, fil-fehma tiegħu, ir-rikonoxximent minn Stati oħra ta’ din is-sovranità, peress li dawn kienu jsemmu s-Saħara tal-Punent (78).

181. Kif jirriżulta mill-punt 108 ta’ din l-opinjoni, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja eżaminat il-kwistjoni dwar “jekk l-analiżi tagħha tas-sitwazzjoni legali bħalma [kienet] tirriżulta mill-istudju tal-atti interni invokati [mir-Renju tal-]Marokk [kinitx] affettwata notevolment mill-atti internazzjonali li, fil-fehma tiegħu, jistabbilixxu li s-sovranità tas-Sultan kienet rikonoxxuta direttament jew indirettament bħala li testendi [għas-Saħara tal-Punent]” (79). Dawn l-atti kienu jinkludu diversi ftehimiet internazzjonali konklużi bejn l-Istat Xarifjan, kif kien jismu r-Renju tal-Marokk f’dak iż-żmien (80), kif ukoll il-korrispondenza diplomatika dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ trattat (81).

182. Konsegwentement, bħalma aċċettat il-Kummissjoni fil-punt 30 tar-risposta tagħha, l-applikazzjoni tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u ta’ liberalizzazzjoni għas-Saħara tal-Punent tista’ tiġi interpretata bħala ksur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni (82) tal-poplu tiegħu u f’dan is-sens li taffettwa s-sitwazzjoni legali ta’ dan it-territorju peress li din tagħti ċerta leġittimità lit-talba għas-sovranità tar-Renju tal-Marokk (83).

183. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat ukoll l-argument tal-Kunsill imressaq matul is-seduta li jikkonsisti fil-kontestazzjoni tar-rabta bejn l-interess dirett tat-territorju tas-Saħara tal-Punent (jekk jitqies li dan ikun ġie stabbilit) u dak tal-Front Polisario. Din ir-rabta ġiet stabbilita mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 110 tas-sentenza appellata, fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni tal-Front Polisario, mar-Renju tal-Marokk, fil-proċedura ta’ negozjati, taħt l-awspiċji tal-ONU, dwar il-futur tas-Saħara tal-Punent.

184. F’dan ir-rigward, il-Kunsill iqis li “l-Qorti Ġenerali tissupponi b’mod arbitrarju identità assoluta bejn it-territorju u persuna […] li tagħmel talbiet ta’ pussess fir-rigward tiegħu”. Fil-fehma tiegħu, “is-sekwenza tal-Qorti Ġenerali tkun tagħmel sens biss jekk il-Front Polisario intrinsikament kellu l-missjoni li jiddefendi l-interessi kummerċjali tas-Saħara tal-Punent, liema fatt jimplika li dan ikun il-manifestazzjoni istituzzjonali rikonoxxuta, fid-dritt internazzjonali, jew għall-inqas fil-prattika internazzjonali”.

185. Jien nikkondividi din il-kritika tal-Kunsill fis-sens li l-Front Polisario huwa rikonoxxut mill-ONU biss bħala r-rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent fil-proċess politiku (84) maħsub sabiex isolvi l-kwistjoni tal-awtodeterminazzjoni tal-poplu ta’ dan it-territorju. Huwa f’dan il-kuntest politiku li dan huwa r-rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, fejn ir-Renju tal-Marokk jikkostitwixxi l-parti l-oħra tat-tilwima u r-Renju ta’ Spanja jqis ruħu, sa mis-26 ta’ Frar 1976, ħieles minn kull responsabbiltà ta’ natura internazzjonali relatata mal-amministrazzjoni tas-Saħara tal-Punent.

186. Madankollu, it-tilwima inkwistjoni ma tagħmilx parti mill-proċess politiku li fih il-Front Polisario jeżerċita l-missjoni tiegħu ta’ rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent li ġiet rikonoxxuta lilu mill-ONU.

187. Barra minn hekk il-Kunsill jikkontesta l-kwalità tal-Front Polisario bħala rappreżentant esklużiv tal-poplu tas-Saħara tal-Punent. Anki l-Front Polisario jqis li ma huwiex l-unika entità li għandha l-kapaċità li tirrappreżenta lill-poplu tas-Saħara tal-Punent peress li, fil-fehma tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja għadu l-awtorità amministrattiva tas-Saħara tal-Punent (85).

188. Ċertament, ir-Renju ta’ Spanja jqis ruħu ħieles sa mis-26 ta’ Frar 1976 minn kull responsabbiltà ta’ natura internazzjonali relatata mal-amministrazzjoni tas-Saħara tal-Punent min-naħa tiegħu. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż b’mod kategoriku li minkejja r-rinunzja tiegħu għas-Saħara tal-Punent, ir-Renju ta’ Spanja żamm, fid-dritt internazzjonali, il-kwalità tiegħu ta’ awtorità amministrattiva u li, f’din il-kwalità, huwa l-unika entità li għandha l-kapaċità, saħansitra l-obbligu, li tipproteġi, inkluż fil-livell ġuridiku, id-drittijiet tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, b’mod partikolari d-dritt tiegħu għall-awtodeterminazzjoni u s-sovranità tiegħu fuq ir-riżorsi naturali ta’ dan it-territorju.

189. Fil-fatt, u mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi deċiż dan il-punt f’din il-kawża, it-termini tal-obbligu impost fuq l-awtoritajiet amministrattivi mill-Artikolu 73(a) u (b) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (86) jqegħduni f’dubju dwar jekk dawn jistgħux jeħilsu minn din il-missjoni mingħajr ma jkunu wettquha billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi u l-ħtiġijiet tal-poplu tat-territorju mhux awtonomu kkonċernat.

190. Dan id-dubju huwa msaħħaħ mill-fatt li l-ONU tkompli tqis li l-obbligu ta’ komunikazzjoni lis-Segretarju Ġenerali tal-ONU ta’ informazzjoni dwar is-Saħara tal-Punent previst mill-Artikolu 73(e) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti jaqa’ fuq ir-Renju ta’ Spanja (87).

191. Barra minn hekk, il-Ministerio Fiscal (ministeru pubbliku) tar-Renju ta’ Spanja kif ukoll l-Audiencia Nacional (qorti ċentrali, Spanja) jirrikonoxxu l-kwalità tar-Renju ta’ Spanja bħala awtorità amministrattiva tas-Saħara tal-Punent li “bħala tali, iżżomm sa tmiem il-perijodu ta’ dekolonizzazzjoni, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 73 u 74 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li fosthom hemm il-protezzjoni, inkluża l-protezzjoni legali, taċ-ċittadini tiegħu minn kwalunkwe abbuż” (88). Fuq din il-bażi, ir-Renju ta’ Spanja estenda l-kompetenza internazzjonali tiegħu fil-qasam kriminali fuq reati mwettqa għas-Saħara tal-Punent (89).

192. Ninnota li, matul is-seduta, il-Gvern Spanjol astjena milli jikkummenta dwar il-pożizzjoni tal-korpi ġudizzjarji Spanjoli billi llimita ruħu li jindika li l-Gvern Spanjol jirrispetta d-deċiżjonijiet tal-qrati Spanjoli.

193. Bħala konklużjoni dwar dan il-punt, jidhirli li r-rabta bejn id-deċiżjoni kontenzjuża u l-Front Polisario hija wisq indiretta, sabiex isservi bħala bażi għall-interess dirett ta’ dan tal-aħħar.

194. Konsegwentement, inqis li l-punt 110 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi sa fejn jirrikonoxxi l-interess dirett tal-Front Polisario.

195. Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, huwa biss għal raġunijiet ta’ kompletezza li ser nanalizza t-tieni kriterju ta’ interess dirett, jiġifieri li d-deċiżjoni kontenzjuża ma għandha tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha. F’dan ir-rigward, ma nikkondividix l-opinjoni tal-Kummissjoni li skontha dan ma jidhirx li huwa ssodisfatt f’din il-kawża, minħabba r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 812/2012 li din kellha tadotta sabiex timplementa l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni.

196. Fil-fehma tiegħi, l-att ikkontestat tassew għandu “natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji” (90). Id-dħul fis-seħħ tiegħu jippermetti l-eżerċizzju ta’ drittijiet u l-eżekuzzjoni ta’ obbligi previsti mill-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni.

197. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 812/2012 sempliċiment jaġġorna r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 747/2001, tad-9 ta’ April 2001, li jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ tariffa ta’ kwoti tal-Komunità u ta’ kwantitajiet ta’ referenza għall-prodotti eliġibbli għal preferenzi bis-saħħa ta’ ftehim ma ċerti pajjiżi tal-Mediterran u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1981/94 u (KE) Nru 934/95 (91), billi jippreżenta b’mod iffukat (dispożizzjoni waħda akkumpanjata minn tabella sommarja) xi wħud mir-riformi essenzjali introdotti mill-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni.

198. Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 1 li jinsab fl-Anness 1 tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni, dan tal-aħħar jipprevedi l-importazzjoni fl-Unjoni “tal-prodotti agrikoli, tal-prodotti agrikoli pproċessati, tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd li joriġinaw fil-Marokk” filwaqt li r-Regolament Nru 812/2012 jidher biss li għandu fil-mira xi wħud minn dawn il-prodotti li huma importati fl-Unjoni taħt kwoti tariffarji (92). L-assenza ta’ regolament ta’ implementazzjoni bl-ebda mod ma pprekluda li jiġi applikat il-ftehim, kemm għal dawn il-prodotti kif ukoll għal oħrajn.

199. Matul is-seduta, il-Kummissjoni ma spjegatx kif ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 812/2012 jimplementa l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni fir-rigward tal-prodotti l-oħra kollha.

200. Fi kwalunkwe każ, anki fil-każ tal-prodotti li jaqgħu taħt ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 812/2012 (pereżempju, it-tadam) li għalihom huma meħtieġa kwoti tariffarji li l-modalitajiet tagħhom huma rregolati minn dan ir-regolament, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Front Polisario ma jsostnix, bħalma jagħmel importatur, li huwa direttament ikkonċernat mill-kwoti tariffarji previsti mill-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni. L-ilment tiegħu huwa bbażat fuq l-applikazzjoni nnifisha ta’ dan il-ftehim għas-Saħara tal-Punent, kwistjoni li ma għandhiex x’taqsam mal-implementazzjoni eventwali tagħha mill-imsemmi regolament.

201. Konsegwentement, inqis li t-tieni kriterju ta’ interess dirett imsemmi fil-punt 105 tas-sentenza appellata jirriżulta f’din il-kawża.

c)      Fuq it-tielet parti, dwar l-interess individwali tal-Front Polisario

202. Ser nanalizza din it-tielet parti fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tikkonkludi li l-Front Polisario huwa direttament ikkonċernat mid-deċiżjoni kontenzjuża.

i)      L-argument tal-partijiet

203. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset, fil-punti 111 u 113 tas-sentenza appellata, li l-Front Polisario kien ikkonċernat individwalment mid-deċiżjoni kontenzjuża minħabba li kien ipparteċipa fin-negozjati internazzjonali bl-għan li tinstab soluzzjoni għat-tilwim dwar is-Saħara tal-Punent u li dan kien jinsab, f’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni li kienet tikkaratterizzah meta mqabbel ma’ kwalunkwe persuna oħra. Fil-fatt, anki li kieku kellha tiġi aċċettata l-eżistenza ta’ tali sitwazzjoni, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma jistabbilixxix kif, fid-dawl tal-għan tagħha, id-deċiżjoni kontenzjuża taffettwa b’xi mod lill-Front Polisario fis-sens tal-ġurisprudenza. Għall-kuntrarju, il-parteċipazzjoni tiegħu fin-negozjati mmexxija taħt l-awspiċji tal-ONU juru sempliċi interess ġenerali ta’ natura politika, nieqes minn kull rabta materjali u proċedurali mad-deċiżjoni kontenzjuża u l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni, b’dan tal-aħħar ikollu esklużivament bħala għan kwistjonijiet ta’ natura kummerċjali u doganali.

204. Għall-kuntrarju, il-Front Polisario jsostni li l-punti 111 u 113 tas-sentenza appellata jgħidu ġustament li d-deċiżjoni kontenzjuża tikkonċernah individwalment. F’dan ir-rigward, huwa l-ewwel nett josserva li huwa paċifiku u mhux ikkontestat li huwa għandu l-kwalità ta’ rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent u li huwa f’dan ir-rigward li huwa jikkostitwixxi l-uniku interlokutur tar-Renju tal-Marokk fil-kuntest tan-negozjati mmexxija taħt l-awspiċji tal-ONU. Sussegwentement, huwa juri li dawn in-negozjati ma għandhomx l-għan li jsibu sempliċi soluzzjoni politika għal tilwima territorjali, bħalma jsostnu l-Kunsill u l-Kummissjoni, iżda li jippermettu l-eżerċizzju tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent. Fl-aħħar nett, huwa jenfasizza li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni japplika għas-Saħara tal-Punent u għar-riżorsi naturali tiegħu, li l-kontroll tagħhom jagħmel parti mill-imsemmi dritt.

ii)    Evalwazzjoni

205. Minkejja li din il-kawża ma taqax taħt il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata mill-Kummissjoni u li tirrigwarda l-locus standi kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat ta’ persuni oħra minbarra l-Istat Membru destinatarju ta’ din id-deċiżjoni (93), ma hemm xejn li jeskludi, bħala prinċipju, li l-Front Polisario jista’ jissodisfa l-kriterju ta’ interess individwali, minkejja li, minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari li jikkaratterizzawh, il-proċess tiegħu ma jaqa’ taħt ebda preċedent li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li teżamina.

206. F’dan il-kuntest, ma nikkondividix l-opinjoni tal-Kummissjoni li skontha l-punt 113 tas-sentenza appellata jikkontradixxi s-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Il‑Kummissjoni vs Nederlandse Antillen (C‑142/00 P, EU:C:2003:217) (94), minħabba li l-pożizzjoni tal-Front Polisario bl-ebda mod ma hija paragunabbli għal dik tal-Antilli Olandiżi.

207. Fil-fatt, fil-punti 66 sa 67 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li minkejja li l-parti l-kbira tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ross li joriġina mill-PTEE kien ġej mill-Antilli Olandiżi, dan is-settur mhux talli kien jikkostitwixxi biss 0.9 % tal-prodott nazzjonali gross tal-Antilli Olandiżi, iżda talli dawn tal-aħħar ma kinux l-uniku produttur mill-PTEE ta’ ross ikkonċernat mir-regolamenti inkwistjoni.

208. Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 68 tal-imsemmija sentenza, li r-regolamenti inkwistjoni la kellhom konsegwenzi gravi f’settur sinjifikattiv tal-ekonomija tal-Antilli Olandiżi b’differenza minn kull PTEE ieħor u lanqas ma kienu ġew affettwati mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni minħabba l-kwalitajiet li jiddistingwuhom minn PTEE oħra previsti wkoll mill-imsemmija regolamenti.

209. Il-Front Polisario jinsab ’il bogħod milli jkun f’sitwazzjoni simili għal dik tal-Antilli Olandiżi. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 69 tal-imsemmija sentenza ddeċidiet li “l-interess ġenerali li PTEE, bħala entità kompetenti għall-kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali fit-territorju tiegħu, jista’ jkollu sabiex jikseb riżultat favorevoli għall-prosperità ekonomika ta’ dan tal-aħħar ma jistax, fih innifsu, ikun biżżejjed sabiex jitqies li huwa […] individwalment ikkonċernat” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-missjoni tal-Front Polisario bl-ebda mod ma tirrigwarda kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali.

210. Fil-fatt, il-missjoni tiegħu kif tirriżulta mill-Artikolu 8 tal-istatuti tiegħu hija ferm iktar ġenerali u essenzjalment tikkonsisti f’li jwassal lill-poplu tas-Saħara tal-Punent, li tiegħu huwa l-uniku rappreżentant rikonoxxut mill-ONU (95), sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għall-awtodeterminazzjoni.

211. Madankollu, għall-istess raġunijiet bħal dawk li tajt fil-punti 185 sa 194 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li l-punti preċedenti ma jippermettux li jiġi kkonstatat l-interess individwali tal-Front Polisario.

212. Konsegwentement, billi ddeċidiet fil-punti 113 tas-sentenza appellata li l-Front Polisario huwa individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

213. Għaldaqstant, għandhom jiġu annullati l-punti 110 sa 114 tas-sentenza appellata, li, fil-fehma tiegħi, iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

214. F’din l-ipoteżi, bil-kawża fi stat li tiġi deċiża fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-rikors għal annullament tal-Front Polisario għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, fin-nuqqas ta’ interess dirett u individwali.

215. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tal-fehma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-Front Polisario kien direttament u individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kontenzjuża, ser nanalizza l-aggravji l-oħra tal-appell iktar ’il quddiem.

C –    B’mod ulterjorment sussidjarju

1.      Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi b’rabta mal-istħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tas-setgħa diskrezzjonali li jgawdi l-Kunsill fil-qasam tar-relazzjonijiet ekonomiċi esterni

a)      L-argument tal-partijiet

216. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset, fil-punt 225 tas-sentenza appellata, li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rikonoxxuta lill-Kunsill għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ ftehimiet ekonomiċi ma’ pajjiżi terzi kellha bħala korrispettiv obbligu preċedenti li jeżamina l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.

217. F’dan ir-rigward, huma jikkontestaw, fl-ewwel lok, il-prinċipju stess ta’ tali obbligu. Fil-fatt, dan jista’ jiġi analizzat bħala garanzija proċedurali żgurata mid-dritt tal-Unjoni sabiex tikkumpensa għas-setgħa diskrezzjonali li jista’ jkollha awtorità deċiżjonali fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi intiżi li jeżegwixxu, f’każijiet individwali, leġiżlazzjonijiet tal-Unjoni applikabbli għal oqsma tekniċi li jinvolvu evalwazzjonijiet kumplessi. Fid-dawl tal-iskop tagħha, din il-garanzija proċedurali ma jkollhiex l-għan li tiġi trasposta fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jgawdi l-Kunsill għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi jew normattivi, minkejja li dan għandu jieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-informazzjoni disponibbli f’dan il-kuntest. Fi kwalunkwe każ, f’qasam politiku bħall-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, l-istħarriġ ġudizzjarju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rikonoxxuta lil-leġiżlatur għandu jkun limitat għall‑verifika li l-att adottat ma jkunx sar manifestament mhux xieraq fil-konfront tal-għan segwit.

218. Fit-tieni lok, il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi billi ppreċiżat il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-obbligu ta’ eżami preċedenti ddefinit mis-sentenza appellata. Din tal-aħħar fil-fatt torbtu mal-eżistenza ta’ dubji relattivi fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, kif issostanzjat minn rapport prodott mill-kunsill tal-Front Polisario, minflok ma tistabbilixxi l-ksur ta’ dispożizzjoni legali jew l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, tali rapport ma jistax jitqies bħala prova valida meta titqies l-oriġini tiegħu.

219. Skont il-Front Polisario, l-obbligu ta’ eżami preċedenti enfasizzat mill-Qorti Ġenerali jagħmel parti mill-garanziji fundamentali li għandhom jiġu żgurati, fi ħdan Unjoni tad-dritt, fil-każijiet fejn istituzzjoni tal-Unjoni tkun tgawdi minn setgħa diskrezzjonali, u għalhekk b’mod partikolari fil-qasam tar-relazzjonijiet ekonomiċi esterni tal-Unjoni. Barra minn hekk, dan l-obbligu huwa konness mal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, li l-osservanza tiegħu għandha tiġi żgurata, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (96), mhux biss fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi, iżda wkoll tal-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni ta’ atti ta’ portata normattiva. Fil-fatt, l-imsemmi obbligu jkun jikkontribwixxi sabiex jagħti l-kapaċità lill-Kunsill sabiex jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu b’għarfien sħiħ tal-fatti involuti, mingħajr ma jillimita bl-ebda mod il-portata tagħha, kif ukoll sabiex jippermetti lill-qorti tiżgura li l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni ma jkun ivvizzja l-eżerċizzju tagħha.

b)      Evalwazzjoni

220. Skont ġurisprudenza stabbilita, “jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-oqsma li jimplikaw min-naħa ta’ din tal-aħħar għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fiha hija msejħa twettaq evalwazzjonijiet kumplessi. [Il-Qorti tal-Ġustizzja] ddeduċiet minn dan li hija biss in-natura manifestament mhux xieraq ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, meta mqabbel mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti għandha l-intenzjoni li ssegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura” (97).

221. F’dan ir-rigward, hekk kif ġie rikonoxxut mill-qrati tal-Unjoni, l-istituzzjonijiet tagħha jgawdu minn din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tar-relazzjonijiet ekonomiċi esterni, li taħthom jaqgħu l-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u ta’ liberalizzazzjoni (98).

222. Ċertament, bħalma jenfasizzaw il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-ġurisprudenza li fuqha bbażat lilha nnifisha l-Qorti Ġenerali, fil-punt 225 tas-sentenza appellata (99), sabiex tikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ obbligu ġenerali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li “[jeżaminaw] b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni […] li fuqhom ikunu bbażati l-konklużjonijiet li jinsiltu minnhom”, qabel l-adozzjoni tal-att inkwistjoni, ma hijiex rilevanti fil-qasam tar-relazzjonijiet ekonomiċi esterni. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza timponi obbligu simili fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta dawn ikun beħsiebhom jadottaw, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva (100), deċiżjoni li taffettwa l-interessi ta’ persuna fiżika jew ġuridika (101).

223. Madankollu, ma nqisx li r-riferiment tal-Qorti Ġenerali għas-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C‑269/90, EU:C:1991:438), kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços (C‑77/09, EU:C:2010:803), minflok il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 220 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jaffettwa l-konklużjoni tagħha minħabba li l-prinċipji applikabbli fil-proċeduri amministrattivi huma applikabbli mutatis mutandis għall-proċeduri leġiżlattivi.

224. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita sew, minkejja li l-leġiżlatur tal-Unjoni jgawdi minn setgħa diskrezzjonali politika wiesgħa meta jipparaguna interessi ġenerali differenti fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv jew regolatorju, huwa jibqa’ marbut bl-obbligu li jieħu inkunsiderazzjoni d-“data bażika” rilevanti kollha u l-“elementi fattwali” disponibbli (102). F’dan il-kuntest, il‑Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika li dan l-eżerċizzju kien tassew sar (103) u li l-att adottat ma huwiex manifestament mhux xieraq (104).

225. F’dan ir-rigward, inqis li s-sentenza tas-16 ta’ April 2013, Spanja u L‑Italja vs Il‑Kunsill (C‑274/11 u C‑295/11, EU:C:2013:240) hija partikolarment sinjifikattiva peress li din kienet tirrigwarda deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa skont l-Artikolu 329(1) TFUE, li, bħad-deċiżjoni kontenzjuża, taqa’ taħt dak li l-Kummissjoni sejħet bħala l-“qalba tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni” [traduzzjoni libera].

226. Matul l-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet kważi kelma b’kelma l-prinċipju stabbilit fis-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14), kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços (C‑77/09, EU:C:2010:803, punt 57), u li reġa’ ġie mtenni mill-Qorti Ġenerali fil-punt 225 tas-sentenza appellata, billi ddeċidiet li, “fl-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha tal-osservanza tal-kundizzjoni tal-adozzjoni, bħala l-aħħar għażla, ta’ deċiżjoni li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa, [il-Qorti tal-Ġustizzja] tivverifika jekk il-Kunsill eżaminax b’attenzjoni u imparzjalità l-elementi li huma rilevanti għal dan is-suġġett u jekk il-konklużjoni li wasal għaliha dan tal-aħħar hijiex motivata biżżejjed” (105).

227. Għalkemm il-Kunsill huwa suġġett għal dawn ir-rekwiżiti meta jaġixxi bħala leġiżlatur, huwa diffiċli li wieħed jifhem li l-Kunsill ma jkunx suġġett għalihom meta jirrikorri għal proċedura leġiżlattiva speċjali sabiex jikkonkludi ftehim internazzjonali (106).

228. Għall-istess raġunijiet bħal dawk mogħtija fil-punt 142 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-riferimenti magħmula mill-Kummissjoni, fil-punti 12 sa 14 tal-kontroreplika tagħha, għan-natura politika tal-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent ma jistgħux jipprekludu l-istħarriġ limitat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżerċita fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa (107).

229. Għal dawn ir-raġunijiet, inqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 225 tas-sentenza appellata, li “fil-każijiet fejn istituzzjoni tal-Unjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tivverifika jekk hija wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ jekk din l-istituzzjoni eżaminatx, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, elementi li fuqhom ikunu bbażati l-konklużjonijiet li jinsiltu minnhom”.

230. Fl-aħħar nett, jien lanqas ma nikkondividi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li skontha, minflok ma rabtet l-eżami preċedenti tal-elementi rilevanti mal-eżistenza ta’ dubji dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, kif murija minn rapport prodott mill-kunsill tal-Front Polisario, il-Qorti Ġenerali jmissha stabbilixxiet il-ksur ta’ dispożizzjoni legali jew l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

231. Infakkar li l-Qorti Ġenerali bbażat l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża fuq kombinazzjoni ta’ diversi motivi tal-Front Polisario, fosthom b’mod partikolari l-ewwel motiv ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti (108).

232. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali qabel kollox iddeċidiet li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kunsill kellu l-obbligu li jwettaq eżami tal-elementi rilevanti kollha (109) u b’mod partikolari, f’dan il-proċess, li jqis l-impatt li l-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni seta’ jkollha fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-poplu tas-Saħara tal-Punent u fuq l-isfruttament tar-riżorsi naturali ta’ dan it-territorju (110).

233. Fuq din il-bażi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 244 tas-sentenza appellata li “[l]a mill-argumenti tal-Kunsill u lanqas mill-elementi li dan tal-aħħar inkluda fil-proċess ma jirriżulta li wettaq eżami [simili]”.

234. Huwa għalhekk waqaf qabel ma eżamina u a fortiori qabel ma ddeċieda dwar il-kwistjoni jekk id-deċiżjoni kontenzjuża kinitx tinvolvi jew kinitx tikkontribwixxi għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent jew għal sfruttament tar-riżorsi naturali kuntrarju għad-dritt internazzjonali. Huwa għal din ir-raġuni li l-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni (111) u li tirrigwarda l-istħarriġ tal-legalità ta’ att tal-Unjoni fid-dawl tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju ma hijiex applikabbli għall-każ inkwistjoni.

235. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma ħadet pożizzjoni dwar kemm huma veri l-allegazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-avukat tal-Front Polisario, li l-valur probatorju tiegħu huwa kkontestat mill-Kummissjoni. Il-Qorti Ġenerali sempliċiment innotat li “[l]-Kunsill ma ppreżenta ebda kummentarju partikolari u ma kkontestah[x], liema fatt jagħti lil wieħed x’jifhem li huwa ma ddedikax ruħu fuq il-kwistjoni dwar jekk l-isfruttament tar-riżorsi naturali tas-Saħara tal-Punent taħt il-kontroll Marokkin kienx isir jew le favur il-popolazzjoni ta’ dan it-territorju” (112).

236. Peress li l-Kunsill ma kkonformax lilu nnifsu mal-obbligu tiegħu li jwettaq eżami tal-elementi rilevanti kollha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża f’qasam fejn huwa jgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet li kien impossibli li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha sabiex tiddetermina jekk id-deċiżjoni kontenzjuża kinitx manifestament mhux xierqa jew le (113). Billi ddeċidiet b’dan il-mod, hija ma wettqitx żball ta’ liġi.

237. Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita

a)      L-argument tal-partijiet

238. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza tagħha bi żball ta’ liġi billi stħarrġet, fil-punti 227 u 241 tas-sentenza appellata, jekk il-Kunsill kienx naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jeżamina l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni qabel ma adotta d-deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll billi annullatha parzjalment għal din ir-raġuni, fil-punt 247 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li jindikaw il-punt 226 tal-imsemmija sentenza u l-punt 125 li jagħmel riferiment għalih, il-Front Polisario ma qajjimx motiv dwar dan is-suġġett. Billi ddeċidiet dwar din il-kwistjoni, il-Qorti Ġenerali għalhekk irrilevat ex officio motiv li ma kienx ta’ ordni pubbliku, u barra minn hekk, mingħajr ma semgħet lill-Kunsill minn qabel.

239. Il-Front Polisario jikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-aggravju billi jsostni essenzjalment, qabel kollox, li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx ultra petita peress li t-talba tiegħu kellha l-għan li tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din kienet approvat l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għas-Saħara tal-Punent, sussegwentement, li r-raġuni għall-annullament li fuqha kien ibbażat id-dispożittiv tas-sentenza appellata ma kinitx ġiet irrilevata ex officio, iżda kienet tqajmet fil-punti 78 sa 85 tar-rikors tiegħu ppreżentat lill-Qorti Ġenerali, u, fl-aħħar nett, li, għalkemm l-argumenti invokati dwar dan is-suġġett kienu ġew invokati fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha terġa’ tikklassifikahom b’mod ġust mill-perspettiva ġuridika.

b)      Evalwazzjoni

240. Bħalma jinnota l-Front Polisario, fil-punti 77 sa 85 tar-rikors tiegħu ippreżentat lill-Qorti Ġenerali, huwa kkontesta l-validità tad-deċiżjoni kontenzjuża minħabba motivazzjoni insuffiċjenti fil-kuntest tal-ewwel motiv għal annullament tiegħu.

241. Fil-punt 79 ta’ dan ir-rikors, il-Front Polisario jsostni li “[l]-Kunsill […] kellu […] l-obbligu li jqis il-kuntest ġuridiku u fattwali kollu sabiex jiżgura li t-test tal-ftehim ma seta’ jikkontradixxi bl-ebda mod id-dritt internazzjonali jew iqiegħed inkwistjoni b’mod indirett, id-drittijiet tal-poplu tas-Saħara tal-Punent” [traduzzjoni libera].

242. F’dan ir-rigward, fil-punti 125 sa 127 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv parzjalment biss billi rriżervat l-eżami tal-ilment tal-Front Polisario li skontu l-Kunsill ma kienx eżamina l-elementi rilevanti tal-każ inkwistjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Il-Qorti Ġenerali wettqet dan l-eżami fil-punti 226 sa 247 tas-sentenza appellata.

243. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rriżervat l-eżami ta’ sensiela ta’ argumenti invokati mill-Front Polisario insostenn tat-tielet motiv (ksur tad-drittijiet fundamentali), tal-ħames motiv (ksur tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni u tal-prinċipji li jirregolaw l-azzjoni esterna tagħha), tas-sitt motiv (nuqqas ta’ twettiq tal-għan ta’ żvilupp sostenibbli), tad-disa’ motiv (natura kuntrarja tad-deċiżjoni kontenzjuża ma’ numru ta’ ftehimiet konklużi mill-Unjoni) u tal-għaxar motiv tiegħu (natura kuntrarja tad-deċiżjoni kontenzjuża għad-dritt internazzjonali), sa fejn dawn kellhom l-għan li jikkontestaw l-eżerċizzju mill-Kunsill tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu (114).

244. Għal dawn ir-raġunijiet, ma nqisx li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita billi eżaminat il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kontenzjuża kellhiex tiġi preċeduta minn eżami taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni.

245. Konsegwentement, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi b’rabta mal-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-prinċipju ta’ sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali

a)      Fuq l-ewwel parti, dwar l-obbligu li tiġi eżaminata l-kwistjoni tar-rispett tad-drittijiet fundamentali

i)      L-argument tal-partijiet

246. Il-Kummissjoni tallega, fl-ewwel lok, li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif sostnut mill-Qorti Ġenerali, ma kienx tqajjem b’mod li jinftiehem fil-punti 111 sa 115 tar-rikors fl-ewwel istanza.

247. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu, fit-tieni lok, li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 227, 228, 230 u 231 tas-sentenza appellata, huwa bbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. F’dan ir-rigward, dawn juru, qabel kollox, li l-Qorti Ġenerali ma kkonkludietx li d-deċiżjoni kontenzjuża jew il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni jinkludu dispożizzjoni kuntrarja għad-drittijiet fundamentali, iżda tikkritika l-fatt li dawn l-atti jippermettu l-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ prodotti miksuba f’kundizzjonijiet li jistgħu jiksru d-drittijiet fundamentali tal-poplu tas-Saħara tal-Punent u, f’dan ir-rigward, li jħeġġu indirettament in-nuqqas ta’ rispett ta’ wħud mid-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Huma jqisu, sussegwentement, li tali raġunament jagħmel il-legalità ta’ atti tal-Unjoni dipendenti fuq aġir imputabbli lil pajjiżi terzi li magħhom hija tikkonkludi ftehimiet internazzjonali. Dawn iqisu, fl-aħħar nett, li l-imsemmi raġunament iwassal sabiex jingħata effett extraterritorjali lill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, bi ksur tal-Artikolu 51 tagħha, li għandu jinftiehem fis-sens li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta jirrispettaw id-drittijiet fundamentali fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-dritt tal-Unjoni, kif iddefinit mill-Artikolu 52 TUE kif ukoll mill-Artikolu 355 TFUE, u mhux, ħlief fil-każ ta’ eċċezzjonijiet, lil hinn minnu.

248. Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-kwistjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem hija meħuda inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, f’kuntest proċedurali differenti minn dak iddefinit mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, skont l-Artikolu 21 TUE u l-Artikolu 205 TFUE, il-promozzjoni u l-appoġġ tad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxu rispettivament prinċipju u għan li fuqhom hija bbażata l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali. F’dan ir-rigward, dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kunsill matul it-tmexxija tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, filwaqt li jkunu jistgħu jiġu bbilanċjati ma’ prinċipji u għanijiet oħra, skont is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rikonoxxuta lil din l-istituzzjoni. Fil-prattika, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiż terz għandha titqies bħala kwistjoni ta’ natura politika li tista’ twassal lill-Kunsill sabiex jagħmel użu minn klawżoli ta’ sorveljanza previsti mill-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni, ladarba dawn il-ftehimiet ikunu daħlu fis-seħħ. Min-naħa l-oħra, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem la jkun jikkostitwixxi element li għandu jkun is-suġġett ta’ eżami minn qabel bħal dak iddefinit mill-Qorti Ġenerali fil-punti 228, 241 u 244 tas-sentenza appellata, u lanqas rekwiżit sostantiv li jikkundizzjona l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali.

249. Il-Front Polisario jikkontesta l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi billi jsostni, essenzjalment, li l-fondatezza tal-motivi kkontestati mill-Kunsill u l-Kummissjoni kellha tiġi evalwata fid-dawl tal-kuntest leġiżlattiv u fattwali speċifiku li fih iddeċidiet il-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward, din tal-aħħar ikkonstatat, l-ewwel nett, li s-Saħara tal-Punent kien jinsab barra mill-fruntieri tar-Renju tal-Marokk, kif irrikonoxxuti mill-ONU, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, it-tieni nett, li r-Renju tal-Marokk barra minn hekk ma għandu l-ebda mandat internazzjonali sabiex jamministrah, u, it-tielet nett, li bil-parteċipazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni approvat mid-deċiżjoni kontenzjuża għalhekk kien japplika għal territorju mhux awtonomu.

250. Il-Qorti Ġenerali sussegwentement qieset li, fil-każ speċifiku fejn ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni jkun intiż li japplika għal territorju kkontestat, il-kwistjoni tad-drittijiet fundamentali għandha sinjifikat partikolari. Din fl-aħħar nett siltet il-konsegwenza li din il-kwistjoni kienet titlob eżami min-naħa tal-Kunsill qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Dan l-approċċ ikun konformi mal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, peress li dan l-artikolu jimponi fuq il-Kunsill ir-rispett tad-drittijiet fundamentali meta jeżerċita l-kompetenzi li jagħtuh it-trattati, bħalma għamel f’dan il-każ. Dan ikun koerenti wkoll mal-Artikolu 205 TFUE, l-Artikolu 21 TUE u d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li f’dan il-każ jimponu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.

251. Barra minn hekk, il-Front Polisario jinnota li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha titqies li hija applikabbli minn perspettiva kemm personali kif ukoll materjali, peress li, minn naħa, numru mhux ħażin ta’ ċittadini tas-Saħara tal-Punent li twieldu matul il-perjodu msemmi ta’ “provinċjalizzazzjoni” tas-Saħara tal-Punent taħt ir-Renju ta’ Spanja għandhom in-nazzjonalità Spanjola, u min-naħa l-oħra peress li l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom hija stabbilita uffiċjalment minn diversi dokumenti tal-ONU kif ukoll tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

ii)    Evalwazzjoni

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv tar-rikors għal annullament tal-Front Polisario bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali

252. Jien ma nikkondividix l-opinjoni tal-Kummissjoni li skontha t-tielet motiv tar-rikors għal annullament tal-Front Polisario bbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali huwa inammissibbli minħabba li ma jinftihemx.

253. Mill-punti 96 sa 101 u 111 sa 115 tar-rikors tal-Front Polisario fl-ewwel istanza jirriżulta b’mod ċar li, fil-fehma tiegħu, id-deċiżjoni kontenzjuża kienet tinvolvi l-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, u b’mod partikolari tal-Artikoli 6, 17, 37, 47 u 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, peress li din tikkontribwixxi għat-tkomplija tal-preżenza Marokkina fis-Saħara tal-Punent.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

254. Konformement mal-Artikolu 3(5), mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1), l-Artikolu 21(2)(b) u (3) u mal-Artikolu 23 TUE kif ukoll mal-Artikolu 205 TFUE, id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tagħhom jagħmlu parti mill-prinċipji u mill-valuri essenzjali tal-Unjoni li għandhom jiggwidaw l-azzjoni tagħha fix-xena internazzjonali.

255. Fil-fatt, bħalma ddeċidiet reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja dwar ftehim internazzjonali approvat b’deċiżjoni tal-Kunsill (115) li għandu bħala bażi legali l-Artikolu 37 TUE, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (6) TFUE, “l-osservanza [tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem kif ukoll tad-dinjità umana] tapplika għal kull azzjoni tal-Unjoni, inkluż fil-qasam tal-PESK, kif jirriżulta mid‑dispożizzjonijiet konġunti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1), tal-Artikolu 21(2)(b) u (3) TUE u tal-Artikolu 23 TUE” (116).

256. Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kompetenzi tal-Unjoni għandhom jiġu eżerċitati b’osservanza tad-dritt internazzjonali (117). Minn dan jirriżulta li, sakemm fil-prattika din ma tkunx nieqsa minn portata, il-kwistjoni tal-konformità tal-ftehim inkwistjoni mad-dritt internazzjonali għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-eżami preċedenti tal-elementi rilevanti kollha li l-istituzzjonijiet għandhom iwettqu qabel ma jikkonkludu kuntratt internazzjonali.

257. Minbarra l-obbligu li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fil-parti l-oħra għall-ftehim internazzjonali u b’mod iktar preċiż li jiġi studjat l-impatt li dan il-ftehim jista’ jkollu fuq id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt internazzjonali jimponi fuq l-atturi tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari lill-Istati u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-osservanza tar-regoli imperattivi tad-dritt internazzjonali (ius cogens) u tal-obbligi erga omnes.

258. F’dan ir-rigward, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ddeċidiet li “min-natura tagħhom, [l-obbligi erga omnes] ‘jikkonċernaw lill-Istati kollha’ u, ‘[b]’kunsiderazzjoni tal-importanza tad-drittijiet inkwistjoni, l-Istati kollha jistgħu jitqiesu li għandhom interess legali li dawn id-drittijiet jiġu protetti’” (118). Fuq din il-bażi, hija iddeċidiet li “l-Istati kollha huma obbligati li ma jirrikonoxxux is-sitwazzjoni illegali li tirriżulta [mill-ksur tal-obbligi erga omnes u] huma wkoll obbligati li ma jagħtux għajnuna jew assistenza sabiex tinżamm is-sitwazzjoni maħluqa minn dan [il-ksur]” (119).

259. Konsegwentement, qabel ma jikkonkludu ftehimiet internazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiżguraw l-osservanza tal-lista ristretta ħafna tar-regoli imperattivi tad-dritt internazzjonali (ius cogens) (120) u tal-obbligi erga omnes (121), li jinkludu “l-projbizzjoni tal-atti ta’ aggressjoni u tal-ġenoċidju iżda wkoll prinċipji u regoli li jirrigwardaw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, inkluża l-protezzjoni kontra l-prattika tal-iskjavitù u d-diskriminazzjoni razzjali” (122) kif ukoll id-dritt għall-awtodeterminazzjoni (123).

260. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Kunsill ma jikkontestax il-fatt li s-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fil-parti l-oħra għal ftehim internazzjonali hija waħda mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-mument tan-negozjati u tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim. Madankollu, fil-punti 32 u 82 tar-rikors tiegħu fl-ewwel istanza, il-Front Polisario kkritikah talli qabel il-konklużjoni tal-imsemmi ftehim ma wettaqx studju tal-impatt tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni fuq id-drittijiet tal-bniedem.

261. Peress li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent hija waħda mis-suġġetti ta’ kontroversja bejn il-Front Polisario u r-Renju tal-Marokk u hija, f’dan ir-rigward, suġġetta għal eżami mis-Segretarju Ġenerali tal-ONU fir-rapporti annwali tiegħu dwar is-Saħara tal-Punent (124), ma jistax jiġi sostnut li dan ma kienx hemm lok għal studju ta’ impatt.

262. Fil-fehma tiegħi, la l-Kunsill, la l-Kummissjoni u l-ebda intervenjent ma jagħti raġuni konvinċenti li għaliha, fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jkunux marbuta jeżaminaw, qabel jikkonkludu ftehim internazzjonali, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-parti l-oħra għall-ftehim kif ukoll l-impatt li l-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni jista’ jkollha f’dan ir-rigward.

263. Ninnota li l-Kunsill u l-Kummissjoni stess stabbilixxew standards għoljin ħafna billi ddeċidew dwar id-“[d]ħul tad-drittijiet tal-bniedem fil-Valutazzjoni tal-Impatt, kif u meta titwettaq għal proposti leġislattivi u mhux leġislattivi […] u ftehimiet kummerċjali li għandhom impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali sinifikanti” (125).

264. Għalhekk ftit li xejn huwa sorprendenti li l-Ombudsman Ewropew ikkonstata, bid-deċiżjoni tiegħu tas-26 ta’ Frar 2016 fil-każ 1409/2014/MHZ li tirrigwarda n-nuqqas tal-Kummissjoni li twettaq l-obbligu tagħha li twettaq studju ta’ impatt qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kummerċ liberu bejn l-Unjoni u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam (126), li l-fatt li l-Kummissjoni ma tatx raġunijiet validi bl-għan li tiġġustifika r-rifjut tagħha li twettaq analiżi simili kien jikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina.

265. Huwa ċertament minnu li, bħalma josservaw il-Kunsill u l-Kummissjoni, l-Artikoli 2, 3 u 90 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kif ukoll id-dikjarazzjoni komuni relatata mal-Artikolu 90 tal-ftehim anness mal-att finali tal-imsemmi ftehim jippermettu li l-Unjoni tkun tista’ tikkonforma lilha nnifisha mal-obbligu tagħha li tkompli tirrispetta u tippromwovi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem matul il-ħajja kollha tal-imsemmi ftehim, li tiegħu jikkostitwixxu “element essenzjali” (127).

266. Madankollu, bħalma jgħid l-Ombudsman Ewropew fil-punt 24 tad-deċiżjoni tiegħu tas-26 ta’ Frar 2016, fil-każ 1409/2014/MHZ, l-uniku mod sabiex l-istudju ta’ impatt ikun jista’ jkun effettiv huwa li jitwettaq qabel il-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni, peress li huwa fil-mument tan-negozjati tiegħu li l-Unjoni tista’ tippromwovi bl-aħjar mod il-valuri u l-għanijiet tagħha fosthom ir-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

267. Għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw il-Kunsill u l-Kummissjoni, l-obbligu li jitwettaq studju ta’ impatt tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni fuq id‑drittijiet tal-bniedem ma għandux bħala effett li jagħmel il-legalità tal-atti tal-Unjoni dipendenti fuq atti ġuridiċi ta’ Stat terz bħar-Renju tal-Marokk.

268. Bħalma ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 231 tas-sentenza appellata, “jekk l-Unjoni tippermetti l-esportazzjoni lejn l-Istati Membri tagħha prodotti provenjenti minn dan il-pajjiż l-ieħor, li ġew immanifatturati jew miksuba f’ċirkustanzi li ma jirrispettawx id-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni tat-territorju minn fejn jiġu, hija tgħaddi mir-riskju li tinċentiva indirettament dan it-tip ta’ vjolazzjonijiet jew li jinkisbu vantaġġi minnhom”.

269. Anki li kieku kellhom jiġu kkontestati l-eżistenza u l-ġustizzjabbiltà ta’ tali prinċipju fid-dritt tal-Unjoni, huwa ċar li d-dritt internazzjonali jimponi obbligu ċar fuq l-Unjoni u fuq l-Istati Membri tagħha li ma jirrikonoxxux sitwazzjoni illegali li tirriżulta mill-ksur tal-prinċipji u tar-regoli li jirrigwardaw id-drittijiet fundamentali u li ma jgħinux jew jagħtu assistenza biex tinżamm is-sitwazzjoni maħluqa minn dan il-ksur. Għal dan l-għan, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jeżaminaw l-impatt li l-ftehim internazzjonali inkwistjoni jista’ jkollu fuq id-drittijiet tal-bniedem.

270. Fir-rigward tal-allegazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li skontha billi fil-punt 228 tas-sentenza appellata tistrieh fuq l-Artikoli 1 sa 3, 5, 15, 16, 17, 31 u 32 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Qorti Ġenerali tat effett extraterritorjali lid-dispożizzjonijiet tagħha li jmur kontra l-Artikolu 51 tagħha, qabel kollox għandu jiġi nnotat li, bħalma huwa aċċettat mir-Renju tal-Belġju u mill-Kummissjoni, id-drittijiet fundamentali jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jipproduċu effetti extraterritorjali. Dan huwa ċertament il-każ meta tkun ikkonċernata attività rregolata mid-dritt tal-Unjoni u mmexxija taħt il-kontroll effettiv tal-Unjoni u/jew tal-Istati Membri tagħha iżda barra mit-territorju tagħhom (128).

271. Madankollu, peress li, f’dan il-każ, la l-Unjoni u lanqas l-Istati Membri tagħha ma jeżerċitaw kontroll fuq is-Saħara tal-Punent u peress li dan ma jagħmilx parti mit-territorji li għalihom id-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli, din ma tistax tkun kwistjoni ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, minkejja li diversi ċittadini tas-Saħara tal-Punent, kif isostni l-Front Polisario, għandhom in-nazzjonalità Spanjola.

272. Għalhekk, għalkemm il-Qorti Ġenerali fil-punt 228 tas-sentenza appellata ddeċidiet b’mod korrett li “[l]-Kunsill għandu jeżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet ta’ produzzjoni tal-prodotti intiżi għall-esportazzjoni […] ma jinvolvux ksur tad-drittijiet fundamentali [tal-popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent]”, madankollu din ma setgħetx tistrieh fuq dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-punt 228 tas-sentenza appellata huwa għalhekk ivvizzjat minn żball ta’ liġi.

273. Madankollu, jekk mill-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv jidher li huwa fondat minħabba motivi oħra ta’ liġi, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din is-sentenza u hemm lok li ssir sostituzzjoni tal-motivi (129).

274. Dan huwa l-każ hawnhekk, peress li l-fatt li l-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jaffettwax l-obbligu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni u mid-dritt internazzjonali (130), li jeżaminaw, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent kif ukoll l-impatt li l-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni jista’ jkollha f’dan ir-rigward.

275. Infakkar f’dan ir-rigward li r-raġunament b’rabta mas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u mal-elementi li dawn għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, espress mill-Qorti Ġenerali sabiex tipprovdi bażi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża, kien ibbażat fuq kombinazzjoni ta’ diversi motivi tal-Front Polisario, fosthom b’mod partikolari dawk ibbażati fuq motivazzjoni insuffiċjenti, fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali, fuq il-ksur tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-azzjoni esterna tal-Unjoni (Artikoli 21 TUE u 205 TFUE) u fuq il-ksur tad-dritt internazzjonali.

276. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali jmissha għamlet riferiment għall-prinċipji u r-regoli li jirrigwardaw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem (131) li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, jikkostitwixxu obbligi erga omnes tad-dritt internazzjonali li tagħhom l-Istati għandhom jiżguraw il-ħarsien, u dawn għandhom iżommu lura milli jagħtu għajnuna jew assistenza sabiex jibqgħu għaddejjin sitwazzjonijiet maħluqa mill-ksur tagħhom (132).

277. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 107 tas-sentenza Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864), li “l-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju […] jistgħu jiġu invokati minn parti fil-kawża għall-finijiet tal-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-validità ta’ att tal-Unjoni sa fejn, minn naħa, dawn il-prinċipji jistgħu jqegħdu inkwistjoni l-kompetenza tal-Unjoni li tadotta l-imsemmi att […] u, min-naħa l-oħra, l-att inkwistjoni jkun jista’ jaffettwa d-drittijiet li l-parti fil-kawża tinvoka mid-dritt tal-Unjoni jew li joħloq għaliha obbligi fid-dawl ta’ dan id-dritt”.

278. Madankollu, ma hijiex il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali li hija inkwistjoni, iżda l-legalità tagħha b’rabta mal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, qabel l-adozzjoni tagħha, tal-elementi rilevanti kollha, fosthom il-kompatibbiltà tagħha mad-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem. Konsegwentement il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 107 sa 110 tas-sentenza Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864) li jirrigwardaw il-possibbiltà li jiġu invokati r-regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju ma humiex applikabbli (133).

279. Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ħames aggravju għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq it-tieni parti, dwar l-obbligu li jiġu eżaminati l-kwistjoni tal-konformità tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni mal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-prinċipju ta’ sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali

i)      L-argument tal-partijiet

280. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li, billi kkritikat lill-Kunsill, fil-punti 228, 231, 241 u 244 tas-sentenza appellata, li ma eżaminax il-kundizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi naturali tas-Saħara tal-Punent qabel ma adotta d-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali teżiġi b’mod definittiv li jiġi vverifikat jekk il-pajjiżi terzi li għandu l-intenzjoni li jikkonkludi ftehimiet internazzjonali magħhom u li jistgħu japplikaw għal territorji mhux awtonomi, f’dan il-każ ir-Renju tal-Marokk, jissodisfawx obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Madankollu, dan ir-raġunament huwa vvizzjat minn tliet sensiliet ta’ żbalji ta’ liġi.

281. Fl-ewwel lok, l-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti jimponi, fih innifsu, obbligi biss għall-membri tan-Nazzjonijiet Uniti li għandhom jew li jassumu r-responsabbiltà li jamministraw territorji mhux awtonomi. Madankollu, dan ma huwiex il-każ tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-possibbiltà li r-Renju tal-Marokk ma josservax l-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni bħala awtorità amministrattiva de facto tas-Saħara tal-Punent ma hijiex ta’ natura li tbiddel il-portata ta’ dan l-artikolu billi timponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni obbligu ta’ verifika meta dawn ikollhom il-ħsieb li jikkonkludu ftehim ma’ dan il‑pajjiż. Għall-kuntrarju, dawn il-kwistjonijiet politiċi delikati jaqgħu taħt il-kompetenza unika tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-ONU.

282. Fit-tieni lok, l-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti ma jissodisfax il-kundizzjonijiet li jippermettu lil individwu jinvokahom ġudizzjarjament sabiex jikkontesta l-legalità ta’ att tal-Unjoni.

283. Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali allegatament tat interpretazzjoni żbaljata tad-dritt internazzjonali konswetudinarju peress li din ma ċċitat ebda bażi legali li timponi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jivverifikaw l-osservanza mill-parti l-oħra għall-ftehim tal-prinċipju ta’ sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali u s-supremazija tal-interessi tal-abitanti ta’ territorji mhux awtonomi. Bl-istess mod, din ma ċċitat ebda bażi legali li tippermetti li jitqies li, fin-nuqqas ta’ tali verifika, il-ftehim konkluż mill-Unjoni jkun ta’ natura li jħeġġeġ indirettament il-ksur ta’ dawn il-prinċipji.

284. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha peress li, fid-dawl tan-natura impreċiża ta’ dawn il-prinċipji, kellha tikkonkludi li l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni ma kien jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, minflok ma timponi obbligu proċedurali mingħajr preċedent fuq il-Kunsill.

285. Bi tweġiba għal dan, il-Front Polisario jsostni li huwa ineffettiv li l-Qorti Ġenerali tiġi kkritikata talli stħarrġet il-konformità tad-deċiżjoni kkontestata mal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti peress li r-riferiment għal din id-dispożizzjoni jidher biss fil-kuntest ta’ raġunament bl-għan li jiġi ddeterminat jekk il-Kunsill kellux l-obbligu li jeżamina l-kundizzjonijiet ta’ sfruttament tar-riżorsi naturali tas-Saħara tal-Punent qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

286. Barra minn hekk, dan ir-raġunament għandu jkun eżentat minn żbalji ta’ liġi peress li l-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju dwar is-sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali huwa konness mad-dritt għall-awtodeterminazzjoni, li jikkostitwixxi huwa stess regola ta’ jus cogens b’effetti erga omnes. Konsegwentement, kull Stat għandu jiżgura l-osservanza tiegħu.

ii)    Evalwazzjoni

287. Għandu jiġi nnotat qabel kollox li l-kwistjoni li tinsab fil-qalba tat-tieni parti tal-ħames aggravju ma hijiex dwar jekk id-deċiżjoni kontenzjuża tosservax jew le l-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-dritt għall-awtodeterminazzjoni u l-prinċipju ta’ sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali, iżda sempliċiment dwar jekk il-Kunsill kellux jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kwistjonijiet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

288. F’dan is-sens, għandhom jiġu mwarrba l-argumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni bbażati fuq il-fatt li dawn ir-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet li jippermettu lil individwu jinvokahom ġudizzjarjament sabiex jikkontesta l-legalità ta’ att tal-Unjoni, kif huma stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (134).

289. Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali ddeċidietx korrettament, fil-punt 241 tas-sentenza appellata, li fil-kuntest tal-eżami tal-elementi rilevanti kollha “[l]-Kunsill […] kellu jiżgura ruħu huwa stess li ma kinux jeżistu indikazzjonijiet ta’ sfruttament tar-riżorsi naturali tat-territorju tas-Saħara tal-Punent taħt il-kontroll Marokkin li jista’ jkun li jsir għad-detriment tal-abitanti tiegħu u li jippreġudika d-drittijiet fundamentali tagħhom”.

290. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kompetenzi tal-Unjoni għandhom jiġu eżerċitati fl-osservanza tad-dritt internazzjonali (135). Dan ir-rekwiżit japplika għal kull azzjoni esterna tal-Unjoni, inklużi n-negozjati u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali (136).

291. Il-prinċipji fundamentali applikabbli għat-territorji mhux awtonomi huma stabbiliti fl-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li skontu “[l]-[m]embri [tal-ONU] li għandhom jew li jieħdu r-responsabbiltà sabiex jamministraw [dawn it-territorji] għandhom jirrikonoxxu l-prinċipju tas-supremazija tal-interessi tal-abitanti ta’ dawn it-territorji [u] għandhom jaċċettaw bħala missjoni sagra l-obbligu li jiffavorixxu sa fejn possibbli l-prosperità tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

292. Minbarra l-obbligu tagħhom li jirriżulta mir-Riżoluzzjoni 1514 (XV) li jassistu lill-poplu ta’ dawn it-territorji sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għall-awtodeterminazzjoni, is-setgħat amministrattivi għandhom josservaw ukoll il-prinċipju tas-sovranità permanenti ta’ dawn il-popli fuq ir-riżorsi naturali tat-territorji tagħhom (137), li kien ġie rrikonoxxut mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja bħala prinċipju ta’ dritt internazzjonali konswetudinarju (138).

293. Fil-każ tat-territorji mhux awtonomi, il-prinċipju ta’ sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali essenzjalment jimplika li l-awtorità amministrattiva ma tistax, mingħajr ma tikser l-obbligi imposti fuqha skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iċċaħħad lill-popli tat-territorji mhux awtonomi mill-eżerċizzju tad-drittijiet leġittimi tagħhom fuq ir-riżorsi naturali tagħhom jew li tissuġġetta d-drittijiet u l-interessi ta’ dawn il-popli għal interessi ekonomiċi u finanzjarji barranin (139). Min-naħa l-oħra, l-investimenti ekonomiċi barranin magħmula f’kollaborazzjoni mal-popli ta’ territorji mhux awtonomi u konformement max-xewqat tagħhom sabiex jingħata kontribut validu għall-iżvilupp soċjoekonomiku tat-territorji huma konformi mal-imsemmi prinċipju (140).

294. Fir-rigward tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-prinċipju ta’ sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali, dawn qatt ma kienu jinsabu fost ir-regoli imperattivi tad-dritt internazzjonali (jus cogens) jew l-obbligi erga omnes (141). Konsegwentement, il-possibbiltà ta’ ksur tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-prinċipju ta’ sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali ma tistax tqiegħed inkwistjoni r-responsabbiltà tal-Unjoni ġaladarba l-obbligu li ma tiġix irrikonoxxuta bħala legali sitwazzjoni maħluqa minn ksur gravi ta’ obbligu erga omnes kif ukoll l-obbligu li toqgħod lura milli tagħti għajnuna jew assistenza bil-għan li din is-sitwazzjoni tibqa’ fis-seħħ (142) ma huwiex applikabbli.

295. Il-konsegwenza neċessarja tal-fatt li l-Artikolu 73 tal-imsemmija karta u l-prinċipju ta’ sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali ma humiex obbligi erga omnes hija li dawn jistgħu jinkisru biss minn dawk li huma marbuta minn dawn id-dispożizzjonijiet, li ma huwiex il-każ tal-Unjoni u tal-istituzzjonijiet tagħha. F’dan ir-rigward, li kieku kellu jitqies li dawn ikunu applikabbli għas-Saħara tal-Punent, il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u ta’ liberalizzazzjoni jkunu qed jimplementaw biss proċedura doganali favorevoli fir-rigward tal-esportazzjonijiet tal-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent lejn l-Unjoni. F’dan is-sens, l‑imsemmija ftehimiet ma jirrigwardawx l-isfruttament ta’ riżorsi naturali, irrispettivament minn jekk ikunux jinsabu fil-Marokk jew fis-Saħara tal-Punent.

296. Ċertament, il-possibbiltà li l-prodotti li joriġinaw minn dan it-territorju jkunu jistgħu jibbenefikaw minn din il-proċedura tista’ tħeġġeġ l-isfruttament tar-riżorsi naturali tas-Saħara tal-Punent. Madankollu, dan l-isfruttament ma huwiex fih innifsu kuntrarju għad-dritt internazzjonali iżda jiddependi mill-kwistjoni dwar jekk dan josservax is-supremazija tal-interessi tal-abitanti tiegħu stabbilita fl-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-prinċipju ta’ sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali. Madankollu, ir-Renju tal-Marokk huwa fil-fatt l-uniku wieħed kapaċi jiżgura li dan l-isfruttament ikun konformi mad-dritt internazzjonali.

297. Peress li r-responsabbiltà tal-Unjoni ma tistax tiġi stabbilita, minkejja li l-isfruttament tar-riżorsi naturali tas-Saħara tal-Punent kien irriżulta li jmur kontra l-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-prinċipju ta’ sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punti 229 sa 246 tas-sentenza appellata, li l-impatt tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni fuq dan il-prinċipju kien element rilevanti li l-Kunsill kellu jieħu inkunsiderazzjoni qabel ma jikkonkludi dan il-ftehim u li din il-kwistjoni ma kinitx tirrigwarda biss lir-Renju tal-Marokk. Għalhekk dawn il-punti għandhom jiġu annullati.

298. Madankollu, dan l-iżball ma jistax ikollu konsegwenzi fuq il-kumplament tas-sentenza appellata peress li, bħalma spjegajt fil-punti 254 sa 279 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettament li l-Kunsill kien naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jeżamina, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent kif ukoll l-impatt li l-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni jista’ jkollha hemmhekk f’dan ir-rigward.

299. Konsegwentement, it-tieni parti tal-ħames aggravju għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

4.      Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi dwar il-portata tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża

a)      L-argument tal-partijiet

300. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żewġ żbalji ta’ liġi, fil-punt 247 tas-sentenza appellata, billi annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tapprova l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għas-Saħara tal-Punent. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ riferiment espress għas-Saħara tal-Punent f’dan il-ftehim, ebda element f’dan ir-rigward ma jista’ jiġi sseparat mill-imsemmija deċiżjoni. Barra minn hekk, jidher li s-sentenza appellata twassal b’mod definittiv għal bidla b’mod unilaterali fil-portata territorjali tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni, kif ukoll, konsegwentement, fl-ispirtu u s-sustanza tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil‑fatt, ir-Renju tal-Marokk ma kien se jaċċetta qatt dan il-ftehim li kieku l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu inkludew fih klawżola li teskludi b’mod espress l-applikazzjoni tiegħu għas-Saħara tal-Punent.

301. Il-Front Polisario joġġezzjona li l-element annullat mill-Qorti Ġenerali jista’ jiġi sseparat mill-kumplament tad-deċiżjoni kontenzjuża u dan mingħajr ma jinbidlu la l-ispirtu u lanqas is-sustanza, peress li s-Saħara tal-Punent jikkostitwixxi territorju mhux awtonomu li għandu fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment u li huwa separat mir-Renju tal-Marokk kemm mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali kif ukoll tad-dritt tal-Unjoni. Huwa juri wkoll li din is-separabbiltà hija kkonfermata mill-affermazzjonijiet ripetuti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li skonthom il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni jibqa’ fis-seħħ u jkompli jipproduċi l-effetti tiegħu fir-rigward tar-Renju tal-Marokk, minkejja l-annullament deċiż mill-Qorti Ġenerali.

b)      Evalwazzjoni

302. L-eżami ta’ dan l-aggravju jinsab ukoll fl-argument li qiegħed nippreżenta b’mod sussidjarju, jiġifieri fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni kien japplika għat-territorju tas-Saħara tal-Punent u tkun ikkonkludiet ukoll li l-Kunsill kien kiser l-obbligu tiegħu li jeżamina l-elementi rilevanti kollha jew xi wħud minnhom qabel ingħatat id-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fehma tiegħi, f’dan il-każ, annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża għaldaqstant ma jidhirlix li jista’ jiġi kkritikat.

303. Għandu jitfakkar li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tannulla parzjalment id-deċiżjoni kontenzjuża hija dovuta għall-ambigwità tal-pożizzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li skonthom il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni ma huwiex applikabbli għas-Saħara tal-Punent iżda huwa applikat de facto għalih, ambigwità li fuqha l-Qorti Ġenerali bbażat l-interess dirett u individwali tal-Front Polisario.

304. Fil-fatt, wara li kkonstatat illegalità fil-proċedura (143) ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża li tivvizzjaha biss sa fejn il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni japplika għas-Saħara tal-Punent, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża “sa fejn hija tapprova l-applikazzjoni [tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni] għas-Saħara tal-Punent”.

305. Skont ġurisprudenza stabbilita, “annullament [parzjali] huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li tagħhom intalab l-annullament ikunu separabbli mill-kumplament tal-att […]. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li dan ir-rekwiżit ta’ separabbiltà ma jkunx issodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jibdel is-sustanza tiegħu […]. Fir-rigward tal-verifika tan-natura separabbli tad-dispożizzjonijiet kkontestati, din tippreżupponi l-eżami tal-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk l-annullament tagħhom jibdilx l-ispirtu u s-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata […]” (144).

306. F’dan il-każ, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Kunsill, billi annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tapprova l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għas-Saħara tal-Punent, il-Qorti Ġenerali ma kkontestatx is-setgħa tal-Kunsill li jikkonkludi ftehim mar-Renju tal-Marokk applikabbli għas-Saħara tal-Punent, iżda l-fatt li l-Kunsill approva l-konklużjoni tiegħu mingħajr ma eżamina minn qabel l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.

307. Permezz tal-annullament parzjali, il-Qorti Ġenerali lanqas ma biddlet l-ispirtu u s-sustanza tad-deċiżjoni kontenzjuża peress li l-annullament parzjali huwa marbut ma’ kwistjonijiet li jirrigwardaw biss il-portata territorjali tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni u mhux il-mertu tiegħu.

308. Għalhekk is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud.

VII – Fuq l-ispejjeż

309. Skont l-Artikoli 137 u 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

310. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

A –    B’mod prinċipali u b’mod sussidjarju

311. Peress li fil-fehma tiegħi, il-Front Polisario għandu jitlef l-appell għar-raġunijiet li tajt, b’mod prinċipali, fil-punti 54 sa 114 ta’ dawn il-konklużjonijiet u, b’mod sussidjarju, fil-punti 185 sa 194 u 211 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hemm lok li jiġi kkundannat iħallas, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, l-ispejjeż kollha sostnuti mill-Kunsill u l-Kummissjoni, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell.

312. F’dan il-każ, konformement mal-Artikolu 140(1) tal-imsemmija regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, tal-istess regoli, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

313. Għalhekk ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Portugiża għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.

314. Skont l-Artikolu 140(3) tal-imsemmija regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Istati partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3) kif ukoll l-EFTA, għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

315. Peress li l-Comader ma fformulatx talba f’dan ir-rigward, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha.

B –    B’mod ulterjorment sussidjarju

316. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix l-argument tiegħi li skontu l-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u ta’ Liberalizzazzjoni ma humiex applikabbli għas-Saħara tal-Punent, u tiddeċiedi li l-Front Polisario kien direttament u individwalment ikkonċernat bid-deċiżjoni kontenzjuża, l-appell għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet li tajt fil-punti 116 sa 308 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

317. Konformement mal-Artikolu 138(1) u (2) u l-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kunsill u l-Kummissjoni li jkunu tilfu t-talbiet tagħhom ikollhom kull wieħed minnhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Front Polisario kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell.

318. L-osservazzjonijiet tiegħi fuq l-ispejjeż tal-intervenjenti fl-appell fil-punti 312 sa 315 ta’ dawn il-konklużjonijiet huma wkoll validi hawnhekk.

VIII – Konklużjoni

319. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        B’mod prinċipali u b’mod sussidjarju

–        tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Diċembru 2015, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑512/12, EU:T:2015:953), li permezz tagħha hija annullat id-Deċiżjoni tal-Kunsill, 2012/4897/UE, tat-8 ta’ Marzu 2012, dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal-annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, sa fejn din tapprova l-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim għas-Saħara tal-Punent;

–        tiċħad ir-rikors għal annullament tal-Front populaire pour la libération de la saguia-el-hamra et du rio de oro (Front Polisario) bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lill-Front populaire pour la libération de la saguia-el-hamra et du rio de oro (Front Polisario) għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, u

–        tikkundanna lir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Portugiża, kif ukoll lill-Confédération marocaine de l’agriculture et du développement rural (Comader) għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.

B’mod ulterjorment sussidjarju

–        tiċħad l-appell bħala infondat;

–        tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż rispettivi ta’ kull wieħed minnhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Front populaire pour la libération de la saguia-el-hamra et du rio de oro (Front Polisario) kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, u

–        tikkundanna lir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Portugiża, kif ukoll lill-Confédération marocaine de l’agriculture et du développement rural (Comader) għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      ĠU 2012, L 241, p. 2.


3 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 175.


4 –      ĠU 2012, L 241, p. 4.


5 –      S/2016/355, punt 73.


6 –      Ara l-lista annessa għar-Rapport tal-1 ta’ Frar 2016 tas-Segretarju Ġenerali tal-ONU dwar it-“Tagħrif relatat mat-territorji kkomunikat bl-applikazzjoni tal-paragrafu e tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti” (A/71/68).


7 –      Punt 117 tas-sentenza appellata.


8 –      Punt 117 tas-sentenza appellata.


9 –      Punt 215 tas-sentenza appellata. Ara wkoll, il-punti 146, 165, 171, 198, 205 sa 211 u 215 sa 222 tas-sentenza appellata.


10 –      Ara l-punti 124 sa 126, 147, 166, 172, 199 u 211 tas-sentenza appellata.


11 –      Ara t-tielet paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u s-sentenza tat-22 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs max.mobil (C‑141/02 P, EU:C:2005:98, punti 48 sa 51).


12 –      Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Iride vs Il‑Kummissjoni (C‑329/09 P, EU:C:2011:859, punt 50).


13 –      Ara l-punt 8 tal-kontroreplika tal-Front Polisario.


14 –      Skont il-Qorti Ġenerali, “[il]-konklużjoni, bejn l-Unjoni u Stat terz, ta’ ftehim li jista’ jiġi applikat f’territorju kkontestat ma hijiex, fi kwalunkwe ipoteżi, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni jew għad-dritt internazzjonali, li l-Unjoni għandha tosserva”.


15 –      Ara l-punt 87 tas-sentenza appellata.


16 –      Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331. Kemm il-Qorti Ġenerali kif ukoll il-partijiet jirreferu għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna, minkejja li, skont l-Artikolu 1 tagħha, din tapplika biss għat-trattati bejn l-Istati, filwaqt li l-konvenzjoni applikabbli għall-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u ta’ Liberalizzazzjoni hija l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati bejn Stati u Organizzazzjonijiet Internazzjonali jew bejn Organizzazzjonijiet Internazzjonali, konkluża fi Vjenna fil-21 ta’ Marzu 1986, li madankollu għadha ma hijiex fis-seħħ. Madankollu, bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 37 tas-sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, Helm Düngemittel (C‑613/12, EU:C:2014:52), “[id]-dritt internazzjonali tat-trattati kien ikkodifikat, essenzjalment, permezz tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna u […] r-regoli li jinsabu f’din il-konvenzjoni japplikaw għal ftehim konkluż bejn Stat u organizzazzjoni internazzjonali, bħall-Ftehim Ewro-Mediterranju mal-Eġittu, sa fejn dawn ir-regoli huma l-espressjoni tad-dritt internazzjonali ġenerali ta’ konswetudni”. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Brita (C‑386/08, EU:C:2010:91, punti 40 sa 42 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk) u l-Artikolu 3(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Għaldaqstant, dawn ir-regoli “jorbtu lill-istituzzjonijiet [tal-Unjoni] u jagħmlu parti mis-sistema legali [tal-Unjoni]” (sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Brita, C‑386/08, EU:C:2010:91, punt 42). F’dawn il-konklużjonijiet, jien se nirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.


17 – B’mod partikolari, il-kwistjoni tal-applikazzjoni extraterritorjali allegata tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħara tal-Punent.


18 –      Ara l-punt 24 tal-appell.


19 –      Ara l-punt 88.


20 –      Ara, b’mod partikolari, il-punti 27 sa 30 tar-risposta tal-Kummissjoni.


21 –      Il-kwistjoni dwar jekk l-awtorità amministrattiva żżommx il-prerogattiva tagħha li tikkonkludi ftehimiet internazzjonali f’isem it-territorju mhux awtonomu tqajmet fil-kawża tat-Timor Leste bejn ir-Repubblika Portugiża (bħala awtorità amministrattiva mkeċċija mit-Timor Leste mir-Repubblika tal-Indoneżja) u l-Commonwealth tal-Awstralja (bħala pajjiż terz li kkonkluda ftehim internazzjonali mar-Repubblika tal-Indoneżja applikabbli għat-Timor Leste). Madankollu, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq il-mertu ta’ din il-kawża billi ddeċidiet li l-assenza tar-Repubblika tal-Indoneżja fil-kawża ma kienx jippermettilha teżerċita l-kompetenza tagħha. Din madankollu ddeċidiet li “ma [setax] jiġi dedott mis-sempliċi fatt li [ċerti riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali u tal-Kunsill tas-Sigurtà] isemmu l-Portugall bħala awtorità amministrattiva tat-Timor Leste li [dawn] ir-riżoluzzjonijiet […] kellhom l-għan li jimponu fuq l-Istati terzi obbligu li jilħqu ftehimiet esklużivament mal-Portugall għal dak li jirrigwarda l-blata kontinentali tat-Timor Leste”. Ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1995, Timor Leste (Il‑Portugall vs L‑Awstralja), QIĠ Ġabra 1995, p. 90, punt 32.


22 – Enfasi miżjuda minni.


23 – Enfasi miżjuda minni.


24 –      Ara r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1246/73, tal-14 ta’ Mejju 1973, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta’ Ċipru (ĠU 1973, L 133 p. 1).


25 –      Ara l-punti 3 u 57 tas-sentenza appellata kif ukoll il-lista annessa mar-Rapport tal-1 ta’ Frar 2016 tas-Segretarju Ġenerali tal-ONU dwar it-“Tagħrif relatat mat-territorji kkomunikat bl-applikazzjoni tal-paragrafu e tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti” (A/71/68). Ara wkoll, f’dan is-sens, l-ittra tad-29 ta’ Jannar 2002, indirizzata lill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà mid-Deputat Segretarju Ġenerali għall-affarijiet ġuridiċi, konsulent ġuridiku (S/2002/161), punt 6: “[it]-trasferiment tas-setgħat amministrattivi [mir-Renju ta’ Spanja] lill‑Marokk u l-Mawritanja fl-1975 ma kellux impatt fuq l-istatus tas-Saħara tal-Punent bħala territorju mhux awtonomu”.


26 –      Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27 –      QIĠ Ġabra 1975, p. 12.


28 – Enfasi miżjuda minni.


29–      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali kienet ġiet ikkonfermata bid-digriet tat-28 ta’ Novembru 1996, Odigitria vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑293/95 P, EU:C:1996:457). Il-kawża kienet tirrigwarda ftehimiet tas-sajd konklużi mill-Unjoni mar-Repubblika tas-Senegal u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau, ftehimiet li ma kinux eskludew mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħhom iż-żoni marittimi li kienu s-suġġett ta’ talbiet reċiproċi min-naħa taż-żewġ Stati. Permezz tat-talba tagħha għad-danni, ir-rikorrenti kienet ikkritikat lill-Kunsill u l-Kummissjoni talli ma eskludewx iż-żona kontenzjuża mill-ftehimiet inkwistjoni, sakemm ingħatat is-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja.


30 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza R (Western Sahara Campaign UK) vs The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs and The Secretary of State for the Environment, Food and Rural Affairs [2015] EWHC 2898 (Admin), punt 39 li wasslet għall-kawża pendenti Western Sahara Campaign (C‑266/16), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


31 – Dikjarazzjoni dwar il-prinċipji tad-dritt internazzjonali marbuta mar-relazzjonijiet ta’ ħbiberija u mal-kooperazzjoni bejn l-Istati konformement mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, approvata permezz tar-Riżoluzzjoni 2625 (XXV), tal-24 ta’ Ottubru 1970, tal-Assemblea Ġenerali tal-ONU.


32 –      Ara l-punt 75 tas-sentenza appellata.


33 –      Għall-kuntrarju, pereżempju, skont il-Kummissjoni, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk, approvat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 764/2006, tat-22 ta’ Mejju 2006, (ĠU 2006, L 141, p. 1), li juża termini usa’ (“ibħra li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk” u “ibħra taħt il-ġurisdizzjoni tal-Marokk”), liema fatt jimplika li l-intenzjoni tal-partijiet kienet li dan jiġi applikat għall-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni Marokkina [ara l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 11 ta’ dan il-ftehim], li jinkludu l-ibħra tas-Saħara tal-Punent.


34 – L-importanza ta’ din il-prassi ġiet enfasizzata mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Frar 1969 fil-kawżi dwar il-Blata kontinentali tal-Baħar tat-Tramuntana (Ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja vs Ir‑Renju tad-Danimarka; Ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja vs Ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi), QIĠ Ġabra 1969, p. 3, bir-riferiment għall-prassi tal-Istati “li huma partikolarment interessati” (punt 74).


35 – Ma iniex qed nieħu inkunsiderazzjoni r-Renju ta’ Spanja li jinsab ukoll fil-lista annessa mar-Rapport tal-1 ta’ Frar 2016 tas-Segretarju Ġenerali tal-ONU dwar it-“Tagħrif relatat mat-territorji kkomunikat bl-applikazzjoni tal-paragrafu e tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti” (A/71/68), peress li dan iqis ruħu ħieles minn kull responsabbiltà ta’ natura internazzjonali relatata mal-amministrazzjoni min-naħa tiegħu tas-Saħara tal-Punent sa mis-26 ta’ Frar 1976.


36 – Ara l-lista annessa mar-Rapport tal-1 ta’ Frar 2016 tas-Segretarju Ġenerali tal-ONU dwar it-“Tagħrif relatat mat-territorji kkomunikat bl-applikazzjoni tal-paragrafu e tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti” (A/71/68).


37 – L-Istati Uniti tal-Amerka jamministraw il-Guam, il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti u s-Samoa Amerikana. New Zealand tamministra t-Tokelau. Ir-Repubblika Franċiża tamministra n-New Caledonia u l-Polineżja Franċiża. Ir-Renju Unit jamministra Anguilla, Bermuda, Ġibiltà, il-Gżejjer Cayman, il-Gżejjer Falkland, il-Gżejjer Turks u Caicoss, il-Gżejjer Verġni Brittaniċi, Montserrat, il-Gżejjer Pitcairn u Saint Helena. Is-sbatax-il territorju mhuw awtonomu huwa s-Saħara tal-Punent.


38 –      Ir-Repubblika Franċiża biss għandha prassi oħra, fejn il-Gvern Franċiż spjega, waqt is-seduta, li t-trattati konklużi mar-Repubblika Franċiża huma applikabbli għan-New Caledonia u għall-Polineżja Franċiża, sakemm ma jkunx hemm esklużjoni espressa.


39 – Ara “Guidelines on extension of treaties to overseas territories” tad-19 ta’ Marzu 2013 tal-Foreign & Commonwealth Office tar-Renju Unit disponibbli fuq is-sit elettroniku: https://www.gov.uk/government/publications/guidelines-on-extension-of-treaties-to-overseas-territories. Ara wkoll, f’dan is-sens, “Federal Tax Laws and Issues Related to the United States Territories”, tal-15 ta’ Mejju 2012, tal-Joint Committee on Taxation tal-Kungress tal-Istati Uniti disponibbli fuq is-sit elettroniku https://www.jct.gov/publications.html?func=startdown&id=4427. Ara wkoll, f’dan is-sens, “External Relations and International Legal Obligations” fuq is-sit elettroniku tal-Gvern tat-Tokelau (http://www.tokelau.org.nz/About+Us/Government.html).


40 – Ara, f’dan is-sens, l-ittra tal-Bureau Eżekuttiv tal-President tal-Istati Uniti tal-Amerka tal-20 ta’ Lulju 2004 lill-membru tal-Kungress Joseph R. Pitts li skont il-kliem tagħha “[l]-Istati Uniti u diversi pajjiżi oħra ma jirrikonoxxux is-sovranità Marokkina fuq is-Saħara tal-Punent […]. [Il-ftehim ta’ kummerċ liberu] se japplika għall-kummerċ [mar-Renju tal-Marokk] u għall-investimenti [fit-]territorju [tar-Renju] tal-Marokk kif huwa rikonoxxut internazzjonalment u ma huwiex se jinkludi s-Saħara tal-Punent” (“The United States and many other countries do not recognize Moroccan sovereignty over Western Sahara […] The [free trade agreement] will cover trade and investment in the territory of Morocco as recognized internationally, and will not include Western Sahara”). Din l-ittra hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-bullettin uffiċjali tal-Kungress (https://www.gpo.gov/fdsys/pkg/CREC-2004-07-22/pdf/CREC-2004-07-22-pt2-PgH6615-4.pdf#page=13). Ara wkoll, f’dan is-sens, ir-risposta tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Renju tan-Norveġja għal mistoqsija parlamentari, mogħtija fil-11 ta’ Mejju 2010 li skontha “[p]eress li [r-Renju tal-]Marokk ma jeżerċitax sovranità fuq is-Saħara tal-Punent b’mod rikonoxxut internazzjonalment, dan tal-aħħar ma jitqiesx li jagħmel parti mit-territorju tal-Marokk fil-kuntest tal-[ftehim ta’ kummerċ liberu]. [Dan il-ftehim] għalhekk ma huwiex applikabbli għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent” (ara s-sit elettroniku tal-Parlament Norveġiż https://www.stortinget.no/no/Saker-og-publikasjoner/Sporsmal/Skriftlige-sporsmal-og-svar/Skriftlig-sporsmal/?qid=46630). Ara wkoll, f’dan is-sens, l-opinjoni tal-Kunsill Federali tal-Konfederazzjoni Żvizzera, tal-15 ta’ Mejju 2013, li skontha “[il-ftehimiet ta’ kummerċ liberu EFTA-Marokk u Svizzera-Marokk] japplikaw esklużivament għat-territorju tar-Renju tal-Marokk. It-territorju tas-Saħara tal-Punent huwa, konformement mar-riżoluzzjonijiet tal-ONU, ‘territorju mhux awtonomu’ u ma jagħmilx parti mit-territorju [tar-Renju] tal-Marokk. Jekk il-merkanzija ma tkunx konformi mar-regoli ta’ oriġini tal-ftehim inkwistjoni (pereżempju għaliex din tkun ġiet prodotta [fis-]Saħara tal-Punent) u li, minkejja kollox, jingħataw provi tal-oriġini qarrieqa stabbiliti fil-kuntest tal-imsemmi ftehim (oriġini Marokk) għalhekk, wara konferma legali permezz ta’ proċedura ta’ stħarriġ, ma jingħatax it-trattament preferenzjali” (ara s-sit elettroniku tal-Parlament Svizzeru https://www.parlament.ch/fr/ratsbetrieb/suche-curia-vista/geschaeft?AffairId=20133178). Ara wkoll, f’dan is-sens, it-tweġiba tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Iżlanda għal mistoqsija parlamentari, mogħtija fit-18 ta’ April 2016: “Aħna naqblu mal-interpretazzjoni tal-ftehim ta’ kummerċ liberu bejn l-EFTA u l-Marokk mill-awtoritajiet Norveġiżi u Svizzeri li [dan il-ftehim] ma jkoprix il-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent” (ara s-sit elettroniku tal-Parlament Iżlandiż http://www.althingi.is/altext/raeda/145/rad20160418T160934.html).


41 – Ara f’dan is-sens l-Artikolu 2.1 tal-Ftehim ta’ kummerċ liberu, konkluż fil-15 ta’ Ġunju 2004 f’Washington D.C. bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u r-Renju tal-Marokk (“Except as otherwise provided, this Chapter applies to trade in goods of a Party”) u l-Artikolu 36 tal-Ftehim ta’ kummerċ liberu, konkluż fid-19 ta’ Ġunju 1997 f’Genève bejn l-Istati tal-EFTA u r-Renju tal-Marokk (“Dan il-ftehim huwa applikabbli għat-territorju tal-Istati Partijiet, bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll E” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li jawtorizza lir-Renju tan-Norveġja jeskludi t-territorju ta’ Svalbard mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim ta’ kummerċ liberu).


42 –      Ara l-punti 74, 75 u 81 tas-sentenza appellata.


43 –      Ara l-punt 87 tas-sentenza appellata.


44 –      Ara l-punti 65 (għall-Kummissjoni) u 67 (għall-Kunsill) ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45 – Għalkemm l-Artikolu 31(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi li “[t]rattat għandu jiġi interpretat in bona fide fis-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u s-suġġett tiegħu”, il-paragrafu 3(b) tiegħu jippreskrivi li “għandha titqies, flimkien mal-kuntest […] [k]ull prassi sussegwenti segwita fl-applikazzjoni tat-trattat li permezz tiegħu huwa stabbilit il-ftehim tal-partijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-trattat”.


46 – Ara Air Transport Services Agreement Arbitration (L-Istati Uniti tal-Amerka vs Ir‑Repubblika Taljana), 1965, Ġabra tas-sentenzi arbitrali, Vol. XVI, p. 75, p. 99, li tistrieħ fuq l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali, tat-12 ta’ Awwissu 1922, dwar il-kompetenza tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol għar-regolamentazzjoni internazzjonali tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-persuni impjegati fl-agrikoltura (QPĠI, serje B, p. 39 sa 41).


47 – Għalkemm l-Artikolu 31(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi li “[t]rattat għandu jiġi interpretat in bona fide fis-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u s-suġġett tiegħu”, skont il-paragrafu 3(b) tiegħu “għandha titqies, flimkien mal-kuntest […] [k]ull prassi sussegwenti segwita fl-applikazzjoni tat-trattat li permezz tiegħu huwa stabbilit il-ftehim tal-partijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-trattat”.


48–      Punt 61 (enfasi miżjuda minni). It-tempju ta’ Préah Vihéar jinsab fuq sporġenza tal-istess isem li tinsab fil-parti tal-Lvant tal-muntanji ta’ Dangrek, li tiddelimita l-fruntiera bejn ir-Renju tal-Kambodja fin-Nofsinhar u r-Renju tat-Tajlandja fit-Tramuntana. Fl-1904, ir-Repubblika Franċiża, li r-Renju tal-Kambodja f’dak iż-żmien kien protettorat tiegħu, u r-Renju ta’ Siam (l-isem antik tar-Renju tat-Tajlandja), iffirmaw ftehim li ppreveda l-ħolqien ta’ kumitat konġunt inkarigat biex jiddelimita l-fruntiera bejn iż-żewġ territorji. Skont dan il-ftehim, il-fruntiera kienet issegwi l-linja ta’ qsim tal-ilmijiet bejn il-baċiri tan-Nam Sen u tal-Mekong. Minkejja l-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, l-imsemmi tempju kien jinsab fit-territorju Tajlandiż, il-kumitat konġunt poġġieh fit-territorju Kambodjan. Wara li r-Renju tal-Kambodja ħa l-indipendenza, ir-Renju tat-Tajlandja okkupa l-imsemmi tempju fl-1954.


49 – Ara pereżempju, Crawford, J., Brownlie’s Principles of Public International Law, it-8 ed., Oxford University Press, Oxford, 2012, pp. 419 sa 421. Għalkemm il-kumitat konġunt kien qiegħed l-imsemmi tempju fit-territorju Kambodjan, ir-Renju tat-Tajlandja qatt ma pprotesta kontra l-karta prodotta minn dan il-kumitat, li kienet ġiet sottomessa lilu mill-Gvern Franċiż. Fl-assenza tal-iċken protesta min-naħa tar-Renju tat-Tajlandja, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan kien aċċettaha taċitament u li ma kienx possibbli għalih li jikkontesta s-sovranità tal-Kambodja fuq l-imsemmi tempju. Ara, f’dan is-sens, p. 22, 23 u 25 sa 35 ta’ din is-sentenza.


50 –      Ara d-deċiżjoni tal-14 ta’ Jannar 2003 tal-qorti arbitrali kkostitwita mill-Gvern tar-Repubblika Franċiża u l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (Unesco) dwar il-kwistjoni tas-sistema fiskali tal-pensjonijiet imħallsa lill-membri tal-persunal irtirati tal-Unesco residenti fi Franza, Ġabra tas-sentenzi arbitrali, Vol. XXV (2003), p. 233, punt 74. Enfasi miżjuda minni.


51 – Ara, f’dan is-sens, il-punti 63 sa 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52 – Din is-sentenza dwar il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, mill-parti l-oħra, iffirmat fi Brussell fl-20 ta’ Novembru 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11 Vol. 55, p. 167, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Iżrael”), kienet tirrigwarda l-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ prodotti magħmula fix-Xatt tal-Punent.


53 – Fil-fatt, bħalma ddeċidiet il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fil-punt 78 tal-opinjoni konsultattiva tagħha tad-9 ta’ Lulju 2004 dwar il-konsegwenzi legali tal-bini ta’ ħajt fit-territorju Palestinjan okkupat, QIĠ, Ġabra 2004, p. 136: “[i]t-territorji li jinsabu bejn il-Linja l-Ħadra […] u l-fruntiera preċedenti tal-Lvant tal-Palestina taħt mandat kienu ġew okkupati mill-Iżrael fl-1967 matul kunflitt armat bejn l-Iżrael u l-Ġordan. Skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju, dan għalhekk jirrigwarda t-territorji okkupati li fihom l-Iżrael kellu l-kwalità ta’ awtorità okkupanti. L-avvenimenti li seħħew minn dak iż-żmien f’dawn it-territorji […] ma biddlu xejn minn din is-sitwazzjoni. Dawn it-territorji kollha (inkluż Ġerusalem tal-Lvant) jibqgħu territorji okkupati u l-Iżrael żamm fihom il-karatteristika ta’ awtorità okkupanti”.


54 –      Punt 96 tas-sentenza appellata, li jirreferi għall-punti 44 sa 53 tas-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Brita (C‑386/08, EU:C:2010:91).


55 –      Punt 101 tas-sentenza appellata.


56 –      Punt 102 tas-sentenza appellata.


57 –      Enfasi miżjuda minni. Huwa magħruf li l-Qorti Ġenerali użat it-terminu “japplika” minflok it-termini “huwa applikat” li kien deher li huwa l-argument tagħha fl-interpretazzjoni tal-punti.


58 –      Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 1974, Union syndicale – Service public européen et vs Il‑Kunsill (175/73, EU:C:1974:95); u tat-8 ta’ Ottubru 1974, Syndicat général du personnel des organismes européens vs Il‑Kummissjoni (18/74, EU:C:1974:96); tat-28 ta’ Ottubru 1982, Groupement des Agences de voyages vs Il‑Kummissjoni (135/81, EU:C:1982:371), u tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2007:32), kif ukoll id-digriet tal-14 ta’ Novembru 1963, Lassalle vs Il‑Parlament (15/63, EU:C:1963:47).


59 –      L-ewwel kundizzjoni tirrikjedi li l-entità inkwistjoni jkollha statuti u struttura interna li tiżguralha l-awtonomija neċessarja sabiex taġixxi bħala entità responsabbli fir-relazzjonijiet ġuridiċi (ara l-punti 53 u 54 tas-sentenza appellata).


60 –      Punt 49 tas-sentenza appellata.


61 –      Enfasi miżjuda minni.


62 –      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


63 –      Punt 112.


64 –      Ara, f’dan is-sens, ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew imsemmija fil-punt 37 tas-sentenza appellata kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Konġunta Afrika-Karibew-Paċifiku (AKP)-UE ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 79 tar-risposta tal-Front Polisario.


65 –      Il-prinċipju ta’ sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali huwa ddefinit bħala “d-dritt tal-popli u tan-nazzjonijiet li jużaw ir-riżorsi naturali li jinsabu fit-territorji tagħhom biex jiżguraw l-iżvilupp tagħhom u l-benesseri tagħhom” [ittra tad-29 ta’ Jannar 2002, indirizzata lill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà mid-Deputat Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Legali, konsulent ġuridiku (S/2002/161), punt 14]. Fil-punt 244 tas-sentenza tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2005 fil-kawża dwar Attivitajiet armati fit-territorju tal-Kongo (Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo vs L-Uganda), QIĠ, Ġabra 2005, p. 168, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-prinċipju kellu n-natura ta’ prinċipju ta’ dritt internazzjonali konswetudinarju.


66 –      Ara, f’dan is-sens, l-ittra tad-29 ta’ Jannar 2002, indirizzata lill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà mid-Deputat Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Legali, konsulent ġuridiku (S/2002/161), punt 24: “jekk ir-riżorsi ta’ territorji mhux awtonomi huma sfruttati għall-benefiċċju tal-popli ta’ dawn it-territorji, f’isimhom, jew b’konsultazzjoni mar-rappreżentanti tagħhom, dan l-isfruttament jitqies bħala kompatibbli mal-obbligi imposti fuq l-awtoritajiet amministrattivi skont il-Karta u konformi mar-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali, kif ukoll mal-prinċipju tas-‘sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali’ li huwa stabbilit hemmhekk”.


67 –      Opinjoni konsultattiva tad-9 ta’ Lulju 2004 dwar il-konsegwenzi legali tal-bini ta’ ħajt fit-territorju Palestinjan okkupat, QIĠ, Ġabra 2004, p. 136, punt 41.


68 –      Pereżempju, ir-Repubblika tal-Benin, ir-Repubblika tal-Jemen, ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, ir-Repubblika ta’ Cape Verde, ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Laos, Grenada, ir-Repubblika tat-Tuneżija, ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran u r-Repubblika taż-Żambja.


69 –      Ara r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tal-ONU dwar il-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent, tal-21 ta’ Novembru 1979 (A/RES/34/37), punt 7, u tal-11 ta’ Novembru 1980 (A/RES/35/19), punt 10.


70–      Ara, pereżempju, il-Ftehim Mawritan-Saħarjan, iffirmat f’Alġeri fl-10 ta’ Awwissu 1979 bejn ir-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja u l-Front Polisario, il-Ftehim ta’ kompromess bejn ir-Renju tal-Marokk u l-Front Polisario dwar il-kwistjonijiet pendenti dwar l-identifikazzjoni, iffirmat f’Londra fid‑19 u l-20 ta’ Lulju 1997, u l-Ftehim ta’ kompromess bejn ir-Renju tal-Marokk u l-Front Polisario dwar il-bażi tat-truppi, il-priġunieri tal-gwerra u l-priġunieri u d-detenuti politiċi, iffirmat f’Lisbona fid-29 ta’ Awwissu 1997.


71 –      Ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Haegeman (181/73, EU:C:1974:41, punt 5); tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, EU:C:1987:400, punt 7); tal-15 ta’ Ġunju 1999, Andersson u Wåkerås-Andersson (C‑321/97, EU:C:1999:307, punt 25); tat-23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg (C‑452/01, EU:C:2003:493, punt 27); tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 36), kif ukoll tat-28 ta’ Ottubru 2010, Établissements Rimbaud (C‑72/09, EU:C:2010:645, punt 19).


72 –      ĠU 2012, L 247, p. 7.


73 – Sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni (C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


74 – Ara s-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑327/91, EU:C:1994:305, punt 15).


75 – Sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑327/91, EU:C:1994:305, punt 16).


76 – Fir-rigward tal-kunċett ta’ effett dirett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 54 tas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864), li, sabiex id-dispożizzjonijiet ta’ trattat invokati għall-finijiet tal-eżami tal-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni jkunu applikabbli, dawn għandhom “[i]kunu, mil-lat tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi”. Fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “[d]in il-kundizzjoni tiġi sodisfatta meta d-dispożizzjoni invokata tinkludi obbligu ċar u preċiż li ma jkunx suġġett, fl-implementazzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu, għas-seħħ ta’ xi att ieħor sussegwenti”, li jikkorrispondi għan-nuqqas ta’ regoli intermedjarji meħtieġ mit-tieni kriterju tal-kunċett ta’ interess dirett.


77 –      QIĠ Ġabra, p. 12.


78 –      Ara l-punti 98 u 108 sa 128.


79 –      Enfasi miżjuda minni.


80 –      Dawn jirrigwardaw żewġ trattati u ftehim konkluż mar-Renju ta’ Spanja fl-1767, fl-1861 u fl-1900 rispettivament, trattat konkluż fl-1836 mal-Istati Uniti tal-Amerka u żewġ trattati konklużi mar-Renju Unit fl-1856 u fl-1895.


81 –      Din tirrigwarda l-Artikolu 8 tat-Trattat ta’ Tétouan tal-1860 li kkonkluda l-ewwel gwerra tal-Marokk (1859-1860).


82 –      Għan-natura invjolabbli tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni kemm bħala regola imperattiva tad-dritt internazzjonali (ius cogens) u obbligu erga omnes li l-atturi kollha tiegħu, b’mod partikolari l-Istati u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, għandhom josservaw fiċ-ċirkustanzi kollha, ara l-punt 259 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata.


83 –      Id-dritt tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall-awtodeterminazzjoni ġie kkonfermat reċentement mill-Kunsill tas-Sigurtà: ara r-Riżoluzzjoni 2285 (2016) tad-29 ta’ April 2016 (S/RES/2285).


84 –      Ara r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tal-ONU A/RES/34/37, punt 7 u A/RES/35/19, punt 10.


85 –      Ara l-punt 8 tar-risposta tiegħu.


86 – “L-Istati Membri li għandhom jew li jieħdu r-responsabbiltà li jamministraw territorji fejn il-popolazzjonijiet għadhom ma jamministrawx lilhom infushom kompletament huma stess […] jaċċettaw bħala missjoni sagra l-obbligu li jiffavorixxu sa fejn possibbli [l-]prosperità [tal-abitanti tas-Saħara tal-Punent] […] u, għal dan l-għan: […] li jipproteġuhom mill-abbużi [u] li jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom li jamministraw huma stess, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-aspirazzjonijiet politiċi tal-popolazzjonijiet u li jgħinuhom fl-iżvilupp progressiv tal-istituzzjonijiet politiċi liberi tagħhom”. Enfasi miżjuda minni.


87 – Ara l-lista annessa mar-Rapport tal-1 ta’ Frar 2016 tas-Segretarju Ġenerali tal-ONU dwar it-“Tagħrif relatat mat-territorji kkomunikat bl-applikazzjoni tal-paragrafu e tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti” (A/71/68).


88 – Ara d-digriet Nru 40/2014 tal-4 ta’ Lulju 2014 tal-Audiencia Nacional, sala de lo penal, pleno (qorti ċentrali, taqsima kriminali, assemblea plenarja) fil-proċedura ordinarja Nru 80/2013, aċċessibbli fuq is-sit elettroniku http://www.ligaproderechoshumanos.org/documentos/20140710_sala_penal_audiencia_nacional.pdf.


89 –      Idem.


90 –      Punt 105 tas-sentenza appellata. Enfasi miżjuda minni.


91 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 11, p. 248.


92 – Dawn prinċipalment huma t-tadam, tewm, ħjar, qarabagħli, klementini, frawli u fruttożju kimikament pur (ara l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 812/2012 u l-anness tiegħu).


93 – Din tirrigwarda s-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38); tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111), kif ukoll tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni (C‑319/07 P, EU:C:2009:435).


94 – Il-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tirrigwarda r-rikors għal annullament kontra żewġ regolamenti li permezz tagħhom il-Kummissjoni temmet proċedura favorevoli ta’ importazzjoni ta’ ross minn pajjiżi u territorji extra Ewropej (PTEE).


95 – Ara r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tal-ONU, tal-21 ta’ Novembru 1979, A/RES/34/37, punt 7, u tal-11 ta’ Novembru 1980, A/RES/35/19, punt 10.


96 – Ara Qorti EDB, 8 ta’ Lulju 2003, Hatton et vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2003:0708JUD00360229710, paragrafu 128), kif ukoll 10 ta’ Novembru 2004, Taşkin et vs It‑Turkija (CE:ECHR:2004:1110JUD004611799, paragrafu 119).


97 – Sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill (C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 77). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 80); tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill (C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 33); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 57); tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 52); tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible (C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 47), kif ukoll tat-28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft (C‑348/12 P, EU:C:2013:776).


98–      Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 1998, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑122/95, EU:C:1998:94, punti 77 u 79), kif ukoll tas-6 ta’ Lulju 1995, Odigitria vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑572/93, EU:T:1995:131, punt 38).


99 – Din tirrigwarda s-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14) u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços (C‑77/09, EU:C:2010:803, punt 57).


100 – Fil-kuntest ta’ dan it-tip ta’ proċedura, l-obbligu ta’ eżami preċedenti tal-elementi rilevanti kollha, obbligu li jista’ jkun konness mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba [ara s-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Estonja, C‑505/09 P, EU:C:2012:179, punt 95, u tas-7 ta’ April 2016, Holcim (Ir-Rumanija) vs Il‑Kummissjoni, C‑556/14 P, EU:C:2016:207, punt 80], jikkostitwixxi garanzija proċedurali żgurata lill-persuni kkonċernati mid-deċiżjoni li l-istituzzjoni jkun beħsiebha tadotta biex tikkontrobilanċja s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija tgawdi fil-qasam inkwistjoni.


101 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 114).


102 – Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑310/04, EU:C:2006:521, punti 120 sa 123); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punti 57 sa 59); tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419, punti 33 u 34), kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 2013 Schaible (C‑101/12, EU:C:2013:661, punti 48 sa 50).


103 – Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑310/04, EU:C:2006:521, punti 122, 133 u 134) u tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 34).


104 – Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑310/04, EU:C:2006:521, punt 99); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 59); tas-17 ta’ Ottubru 2013 Schaible (C‑101/12, EU:C:2013:661, punti 48 sa 51), kif ukoll tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill (C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punti 77 sa 88).


105 – Sentenza Spanja u L‑Italja vs Il‑Kunsill (C‑274/11 u C‑295/11, EU:C:2013:240, punt 54).


106 – Ara l-punt 55 tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’rabta mal-punt (a)(v) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE, li “[t]-Trattat ta’ Lisbona, minn naħa, kien jeżiġi l-approvazzjoni tal-Parlament għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali preċiżament għall-ftehim li jkopru oqsma li, fuq livell intern, trid tiġi applikata lilhom il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, ipprovduta fl-Artikolu 294 TFUE, jew il-proċedura leġiżlattiva speċjali, iżda unikament meta din ikollha bżonn l-approvazzjoni tal-Parlament”.


107 – Għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma l-Kummissjoni, l-ebda waħda mir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà ċċitata f’din il-kawża ma ssemmi li dan jittratta l-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti intitolata “Azzjoni f’każ ta’ theddida kontra l-paċi, ksur tal-paċi u att ta’ aggressjoni”, liema fatt huwa kkonfermat mill-konsulent ġuridiku tal-ONU li jinnota li l-Kunsill tas-Sigurtà ma jittrattax il-kwistjoni tal-ksur jew le tal-prinċipju ta’ sovranità permanenti tal-poplu tas-Saħara tal-Punent fuq ir-riżorsi naturali tiegħu [ara l-ittra tad-29 ta’ Jannar 2002, indirizzata lill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà mid-Deputat Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Legali, konsulent ġuridiku (S/2002/161), punt 13].


108 –      Ara l-punt 226 tas-sentenza appellata.


109 –      Ara l-punt 225 tas-sentenza appellata.


110 –      Il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi billi ddeċidiet favur ir-rilevanza ta’ dawn iż-żewġ kwistjonijiet hija s-suġġett tal-ħames aggravju.


111 – Din tirrigwarda s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 107), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju […] jistgħu jiġu invokati minn parti fil-kawża għall-finijiet tal-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-validità ta’ att tal-Unjoni sa fejn, minn naħa, dawn il-prinċipji jistgħu jqegħdu inkwistjoni l-kompetenza tal-Unjoni li tadotta l-imsemmi att […] u, min-naħa l-oħra, l-att inkwistjoni jkun jista’ jaffettwa d-drittijiet li l-parti fil-kawża tinvoka mid-dritt tal-Unjoni jew li joħloq għaliha obbligi fid-dawl ta’ dan id-dritt”.


112 –      Punt 244 tas-sentenza appellata.


113 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑310/04, EU:C:2006:521, punti 99, 120 u 122).


114 –      Ara l-punti 147, 166, 172, 199 u 211 tas-sentenza appellata.


115 –      Din kienet id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/198/PESK, tal-10 ta’ Marzu 2014, dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Unita tat-Tanzanija dwar il-kondizzjonijiet tat-trasferiment ta’ pirati ssuspettati u proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija (ĠU 2014 L 108, p. 1).


116 –      Sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 101) u tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑263/14, EU:C:2016:435, punt 47).


117 –      Ara s-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C‑286/90, EU:C:1992:453, punt 9); tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C‑162/96, EU:C:1998:293, punt 45), kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 291).


118 –      Opinjoni Konsultattiva tad-9 ta’ Lulju 2004 dwar il-konsegwenzi legali tal-bini ta’ ħajt fit-territorju Palestinjan okkupat, QIĠ Ġabra 2004, p. 136, punt 155. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 1970 fil-kawża Barcelona Traction, Light and Power Company, Limited (Il‑Belġju vs Spanja), QIĠ Ġabra 1970, p. 3, punt 33.


119 – Opinjoni Konsultattiva tad-9 ta’ Lulju 2004 dwar il-konsegwenzi legali tal-bini ta’ ħajt fit-territorju Palestinjan okkupat, QIĠ Ġabra 2004, p. 136, punt 159.


120 – Skont l-Artikolu 53 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, “regola imperattiva tad-dritt internazzjonali ġenerali [(jus cogens)] hija regola aċċettata u rrikonoxxuta mill-komunità internazzjonali tal‑Istati fl-intier tagħha bħala regola li għaliha ma hija permessa l-ebda deroga u li tista’ tiġi emendata biss minn regola ġenerali ġdida tad-dritt internazzjonali tal-istess natura”.


121 – Ir-regoli rrikonoxxuti bħala regoli imperattivi tad-dritt internazzjonali ġenerali jikkoinċidu ma’ dawk irrikonoxxuti bħala obbligi erga omnes. Ara Crawford, J., op. cit.,,p. 595.


122 – Sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 1970, fil-kawża Barcelona Traction, Light and Power Company, Limited (Il‑Belġju vs Spanja), QIĠ Ġabra 1970, p. 3, punt 34. Enfasi miżjuda minni.


123 – Ara s-sentenzi tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ġunju 1995, Timor tal-Lvant (Il‑Portugall vs L‑Awstralja), QIĠ Ġabra 1995, p. 90, punt 29, u tat-3 ta’ Frar 2006 fil-kawża dwar l-Attivitajiet armati fit-territorju tal-Kongo (rikors ġdid: 2002) (Ir‑Repubblika Demokratika tal‑Kongo vs Ir‑Rwanda), QIĠ Ġabra 2006, p. 6, punt 64, kif ukoll l-Opinjoni Konsultattiva tad-9 ta’ Lulju 2004, dwar il-konsegwenzi legali tal-bini ta’ ħajt fit-territorju Palestinjan okkupat, QIĠ Ġabra 2004, p. 136, punt 155. Ara wkoll ir-rapport tal-grupp ta’ studju tal-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali tal-ONU intitolat “Frammentazzjoni tad-dritt internazzjonali: diffikultajiet li jirriżultaw mid-diversifikazzjoni u l-espansjoni tad-dritt internazzjonali” [traduzzjoni libera], A/CN.4/L.702, 18 ta’ Lulju 2006, punt 33.


124 – Ara, pereżempju, ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali tal-ONU, tad-19 ta’ April 2016, dwar is-sitwazzjoni li tirrigwarda s-Saħara tal-Punent, S/2016/355, punti 54 sa 82.


125 – Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ġunju 2012 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, il-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, 11855/12, Anness III(I.1), p. 11. Ara wkoll, f’dan is-sens, il-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-28 ta’ April 2015, [JOIN(2015) 16 final, p. 24].


126 – Id-deċiżjoni hija disponibbli biss bil-lingwa Ingliża fuq is-sit elettroniku tal-Ombudsman Ewropew (http://www.ombudsman.europa.eu/cases/decision.faces/en/64308/html.bookmark).


127 – Il-Kummissjoni ssostni, fil-punt 70 tar-risposta tagħha, li l-Qorti Ġenerali ma tispjegax kif id-drittijiet tal-bniedem ikunu protetti aħjar fil-parti l-oħra għall-ftehim li kieku l-Unjoni kellha tirrifjuta li tikkonkludi l-ftehim. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma kkritikatx lill-Kunsill talli ma rrifjutax li jikkonkludi l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni mar-Renju tal-Marokk iżda sempliċiment talli ma ħax inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem f’dan il-pajjiż u l-impatt li l-imsemmi ftehim jista’ jkollu fuq id-drittijiet tal-bniedem (fl-Unjoni u fil-Marokk). Ma hemm xejn fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jeskludi li wara li wettaq din l-analiżi, il-Kunsill seta’ jiddeċiedi li jikkonkludi l-ftehim inkwistjoni.


128 – Ara, b’analoġija, Qorti EDB, 23 ta’ Marzu 1995, Loizidou vs It‑Turkija (eċċezzjonijiet preliminari) (CE:ECHR:1995:0323JUD001531889) li kienet tirrigwarda atti ta’ Stat mwettqa fi ħdan l-ispazju ġuridiku tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), iżda lil hinn mit-territorju tiegħu stess; 7 ta’ Lulju 2011, Al‑Skeini et vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2011:0707JUD005572107), kif ukoll 7 ta’ Lulju 2011, Al‑Jedda vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2011:0707JUD002702108) li kienu jirrigwardaw atti ta’ Stat imwettqa f’territorju barra mill-ispazju tal-KEDB. Huwa possibbli wkoll li jiġi prodott effett extraterritorjali kuntrarju għall-KEDB minn att ta’ Stat imwettaq fit-territorju tiegħu stess [ara Qorti EDB, 7 ta’ Lulju 1989, Soering vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1989:0707JUD001403888)].


129 – Ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 187 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


130 – Ara l-punti 254 sa 258 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


131 – F’dan ir-rigward, hija setgħet tirrikorri għad-drittijiet rikonoxxuti u protetti mill-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, iffirmat fi New York (l-Istati Uniti tal-Amerka) fis-16 ta’ Diċembru 1966, u li bħalissa jaderixxu għalihom 168 mill-193 Stat Membru tal-ONU, fosthom l-Istati Membri kollha tal-Unjoni u r-Repubblika tal-Marokk.


132 –      Ara l-punti 257 u 258 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll, f’dan is-sens, Crawford, J., op. cit., p. 589 sa 600 u 642 sa 644.


133 – Ara l-punt 234 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


134 – Fir-rigward tat-trattati internazzjonali, ara s-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 51 sa 55), kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punt 37). Fir-rigward tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 107 u 110).


135 – Ara s-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C‑286/90, EU:C:1992:453, punt 9); tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C‑162/96, EU:C:1998:293, punt 45), kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 291).


136 – Ara s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1996, Il‑Portugall vs Il‑Kunsill (C‑268/94, EU:C:1996:461, punti 23 u 24).


137 – Skont il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, “il-prinċipju ta’ sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali kien ġie stabbilit fir-Riżoluzzjoni 1803 (XVII) tal-Assemblea Ġenerali, tal-14 ta’ Diċembru 1962, imbagħad kien ġie żviluppat fid-dikjarazzjoni li tirrigwarda l-istabbiliment ta’ ordni ekonomiku internazzjonali ġdid [Riżoluzzjoni 3201 (S.VI) tal-Assemblea Ġenerali, tal-1 ta’ Mejju 1974], kif ukoll fil-Karta tad-Drittijiet u d-Dmirijiet Ekonomiċi tal-Istati [Riżoluzzjoni 3281 (XXIX) tal-Assemblea Ġenerali, tat-12 ta’ Diċembru 1974]” [ara s‑sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2005 fil-kawża dwar Attivitajiet armati fit-territorju tal-Kongo (Ir‑Repubblika Demokratika tal‑Kongo vs L‑Uganda), QIĠ Ġabra 2005, p. 168, punt 244].


138 – Ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2005 fil-kawża dwar Attivitajiet armati fit-territorju tal-Kongo (Ir‑Repubblika Demokratika tal‑Kongo vs L‑Uganda), QIĠ Ġabra 2005, p. 168, punt 244.


139 – Ara, pereżempju, ir-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tal-ONU 48/46 tal-10 ta’ Diċembru 1992, 49/40 tad-9 ta’ Diċembru 1994 u 50/33 tas-6 ta’ Diċembru 1995.


140 – Ara, pereżempju, ir-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tal-ONU 50/33 tas-6 ta’ Diċembru 2005, 52/72 tal-10 ta’ Diċembru 1997, 53/61 tat-3 ta’ Diċembru 1998, 54/84 tal-5 ta’ Diċembru 1999, 55/138 tat-8 ta’ Diċembru 2000 u 56/66 tal-10 ta’ Diċembru 2001.


141 – Ara l-punti 257 sa 259 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


142 – Ara l-ġurisprudenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 258 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


143 – Fis-sens li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tmur kontra d-drittijiet fundamentali u d-dritt internazzjonali, iżda li l-Kunsill kellu, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, obbligu tiegħu ta’ natura proċedurali li jeżamina l-kompatibbiltà tad-deċiżjoni kontenzjuża mad-drittijiet fundamentali u d-dritt internazzjonali.


144 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑425/13, EU:C:2015:483, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).