Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein oikeus (il-Finlandja) fl-20 ta’ Diċembru 2021 – C u CD

(Kawża C-804/21)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: C, CD

Konvenut: Syyttäjä

Domandi preliminari

L-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri 1 , flimkien mal-Artikolu 23(5) tagħha, jeżiġi li, fil-każ li l-konsenja tal-persuna f’detenzjoni ma ssirx fit-termini previsti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas għandha tiddeċiedi terminu ġdid għall-konsenja u tivverifika l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri u l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, jew proċedura li fiha l-qorti teżamina dawn l-elementi biss fuq talba tal-partijiet hija wkoll kompatibbli mad-Deċiżjoni Qafas? Fil-każ li jitqies li l-estensjoni tat-terminu teżiġi intervent min-naħa tal-awtorità ġudizzjarja, in-nuqqas ta’ tali intervent ifisser neċessarjament li t-termini previsti fid-Deċiżjoni Qafas skadew, b’mod li l-persuna f’detenzjoni għandha tinħeles, skont l-Artikolu 23(5) tal-istess Deċiżjoni Qafas?

L-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ forza maġġuri jinkludi wkoll ostakoli ġuridiċi għall-konsenja, li huma bbażati fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, bħal pereżempju ordni ta’ projbizzjoni tal-eżekuzzjoni applikabbli sa tmiem il-proċeduri ġudizzjarji jew id-dritt tal-applikant għal ażil li jibqa’ fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sakemm tingħata deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal ażil tiegħu?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.