Language of document : ECLI:EU:T:2004:372

ORDNI TAL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

22 ta' Diċembru 2004 (*)

«Proċcedura sommarja – Artikolu 82 KE»

Fil-kawża T-201/04 R

Microsoft Corp., stabbilita f'Redmond, Washington (l-Istati Uniti), rappreżentata minn J. F. Bellis, Avukat, u minn I. S. Forrester, QC,

rikorrenti

sostnuta minn

The Computing Technology Industry Association, Inc., stabbilita f'Oakbrook Terrace, Illinois (l-Istati Uniti), rappreżentata minn G. van Gerven u T. Franchoo, Avukati, u minn B. Kilpatrick, solicitor,

Association for Competitive Technology, Inc., stabbilita f'Washington, DC (l-Istati Uniti), rappreżentata minn L. Ruessmann u P. Hecker, Avukati,

TeamSystem SpA, stabbilita f'Pesaro (l-Italja),

MamutASA, stabbilita f'Oslo (in-Norveġja),

Rappreżentati minn G. Berrisch, Avukat,

DMDsecure.comBV, stabbilita f'Amsterdam (l-Olanda),

MPSBroadbandAB, stabbilita fi Stokkolma (l-Isvezja),

PaceMicroTechnology plc stabbilita f'Shipley, West Yorkshire (ir-Renju Unit),

Quantel Ltd, stabbilita f'Newbury, Berkshire (ir-Renju Unit),

TandbergTelevisionLtd, stabbilita f'Southampton, Hampshire (ir-Renju Unit),

rappreżentati minn J. Bourgeois, Avukat,

Exor AB, stabbilita f'Uppsala (l-Iżvezja), rappreżentata minn S. Martínez Lage, H. Brokelman u R. Allendesalazar Corcho, Avukati,

partijiet intervenjenti

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, rappreżentata minn R. Wainwright, W. Mölls, F. Castillo de la Torre u P. Hellström, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta minn

RealNetworks, Inc., stabbilita f'Seattle, Washington (l-Istati Uniti), rappreżentata minn A. Winckler, M.Dolmans u T. Graf, Avukati,

Software & Information Industry Association, stabbilita f'Washington, DC, rappreżentata minn C. A. Simpson, solicitor,

Free Software Foundation Europe eV, stabbilita f'Amburgu (il-Ġermanja), rappreżentata minn C. Piana, Avukat,

partijiet intervenjenti

li għandha bħala suġgġett talba għas-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta' l-Artikolu 4, ta' l-Artikolu 5(a) sa (c), ta' l-Artikolu 6(a), tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 900 finali, tal-24 ta' Marzu 2004, dwar proċedura għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 KE (Każ COMP/C-3/37.792 – Microsoft),

 

IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

   

Tagħti l-preżenti

Ordni

 L-isfond tal-kontroversja

1       Microsoft Corporation ('Microsoft') tiżviluppa u tikkummerċalizza diversi prodotti ta' softwer li jinkludu, b'mod partikolari, sistemi operativi għas-servers u "client PCs".

2       Fl-10 ta' Diċembru 1990, Sun Microsystems Inc. ('Sun Microsystems'), kumpannija stabbilita f'Kalifornja (L-Istati Uniti) li tipproduċi, fost affarijiet oħra, sistemi operativi għal servers, ressqet ilment mal-Kummissjoni. Fl-ilment tagħha, Sun Microsystems ikkritikat ir-rifjut ta' Microsoft li tagħtiha t-teknoloġija neċessarja sabiex tippermetti l-interoperabbiltà tas-sistema operativa tas-servers tal-work group mas-sistema operativa tal-Windows Client PC. Sun Microsystems sostniet li t-teknoloġija li hija talbet biex tibbenefika minnha kienet neċcessarja sabiex tippermettilha tikkompeti fis-suq tas-sistemi operativi tas-servers tal-work group.

3       Fit-2 ta' Awwissu 2000, il-Kummissjoni bagħtet lill-Microsoft komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet. Din il-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet kienet tirrigwarda essenzjalment ċerti kwistjonijiet dwar l-interoperabbiltà bejn is-sistema operativa tal-Windows Client PC u s-sistemi operativi tas-servers ta' fornituri oħra ('l-interoperabbiltà client-to-server). Microsoft irrispondiet għal din l-ewwel komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet fis-17 ta' Novembru 2000.

4       Fid-29 ta' Awwissu 2001, il-Kummissjoni bagħtet lill-Microsoft it-tieni komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet. F'din il-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni saħqet fuq l-oġġezzjonijiet li kienet indikat qabel dwar l-interoperabbiltà client-to-server. Il-Kummissjoni qajmet ukoll numru ta' kwistjonijiet dwar interoperabbiltà bejn servers tal-work group (''l-interoperabbiltà server ma’ server"). Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni qajmet ċerti kwistjonijiet dwar l-integrazzjoni tas-softwer tal-Windows Media Player fis-sistema operativa tal-Windows. In-notifika ta' din l-aħħar oġġezzjoni toħroġ minn investigazzjoni li bdiet fi Frar 2000 fuq inizjattiva tal-Kummissjoni. Microsoft irrispondiet għat-tieni komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet fis-16 ta' Novembru 2001.

5       Fis-6 ta' Awwissu 2003, il-Kummissjoni bagħtet lill-Microsoft komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet sabiex issostni ż-żewġ komunikazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet ta' qabel. Microsoft irrispondiet għal din il-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet addizzjonali permezz ta' ittri tas-17 u l-31 ta' Ottubru 2003.

6       Il-Kummissjoni żammet seduta fit-12, 13 u 14 ta' Novembru 2003. Permezz ta' ittra ta' l-1 ta' Diċembru 2003, Microsoft iddepożitat sottomissjonijiet bil-miktub dwar il-kwistjonijiet li kienu ġew imqajma mill-Kummissjoni, mill-kwerelant u mit-terzi interessati waqt is-seduta. Wara skambju finali ta' ittri bejn il-Kummissjoni u Microsoft, il-Kummissjoni fl-24 ta' Marzu 2004 adottat Deċiżjoni dwar proċedura skond l-Artikolu 82 KE fil-każ COMP/C‑3/37.792 – Microsoft ("Id-Deċiżjoni").

 Id-Deċiżjoni kkontestata

7       Skond id-Deċiżjoni, Microsoft kisret l-Artikolu 82 KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) minħabba żewġ abbużi ta' pożizzjoni dominanti.

8       L-ewwel nett, il-Kummissjoni identifikat tlett iswieq ta' prodotti distinti u kkunsidrat li Microsoft kellha pożizzjoni dominanti fi tnejn minnhom. It-tieni nett, il-Kummissjoni identifikat żewġ tipi ta' aġir abbużiv minn Microsoft f'dawn is-swieq. Konsegwentement, il-Kummissjoni imponiet ammenda u ċerti miżuri korrettivi fuq Microsoft.

I –  Is-swieq rilevanti identifikati fid-Deċiżjoni u l-pożizzjoni dominanti ta' Microsoft fuq tnejn minn dawk is-swieq

Is-swieq rilevanti identifikati fid-Deċiżjoni

9       L-ewwel suq ta' prodotti identifikat fid-Deċiżjoni huwa s-suq tas-sistema operativa tal-client PC (kunsiderazzjonijiet 324 sa 342). Sistema operativa hija prodott ta' softwer li jikkontrolla l-funzjonijiet bażiċi ta' kompjuter u jippermetti l-utent juża l-kompjuter u jħaddem applikazzjonijiet fuqu. Client PCs huma kompjuters multifunzjonali ddiżinjati biex jintużaw minn persuna waħda biss fl-istess ħin u li jkunu jistgħu jingħaqdu ma' netwerk.

10      It-tieni suq ta' prodotti identifikat fid-Deċiżjoni huwa s-suq tas-sistema operativa tas-servers tal-work group (kunsiderazzjonijiet 343 sa 401). Id-Deċiżjoni tiddefinixxi 'servizzi ta' work group' bħala servizzi ta' infrastruttura ta’ netwerk bażiku [basic network infrastructure services] użata minn ħaddiema ta' l-uffiċċju, fix-xogħol ta' kuljum tagħhom, għal tliet tipi ta' servizzi distinti, jiġifieri, prinċipalment, l-użu konġunt ta' files issejvjati fuq is-servers, l-użu konġunt ta' printers, u l-amministrazzjoni ta' kif utenti u gruppi ta' utenti għandhom aċċess għal servizzi ta' netwerk ('amministrazzjoni ta' grupp u utenti') (kunsiderazzjoni 53). Dan l-aħħar grupp ta' servizzi jikkonsisti b'mod partikolari f'li jassigura li l-utenti jkunu jistgħu jidħlu fi u jużaw ir-riżorsi tan-netwerk bla riskji, billi, inter alia, l-ewwel jkun hemm l-awtentifikazzjoni ta' l-utenti u mbagħad billi jiġi vverifikat li huma awtorizzati jwettqu ċerti azzjonijiet (kunsiderazzjoni 54).

11     Skond id-Deċiżjoni, it-tliet tipi ta' servizzi identifikati fil-paragrafu preċedenti huma relatati mill-viċin mas-sistemi operativi tas-servers (kunsiderazzjoni 56). F'dan ir-rigward, id-Deċiżjoni żżid li 'sistemi operativi tas-servers tal-work group’ huma sistemi operativi ddiżinjati u kkummerċalizzati biex joffru konġuntament dawk it-tliet tipi ta' servizzi lil numru relattivament żgħir ta' client PCs magħquda flimkien f'netwerk ta' daqs żgħir jew medju (kunsiderazzjonijiet 53 u 345 sa 368). Id-Deċiżjoni tindika ukoll illi n-nuqqas ta' prodotti sostitwibbli min-naħa tad-domanda huwa kkonfermat mill-istrateġija tal-prezzijiet ta' Microsoft (kunsiderazzjonijiet 369 sa 382) u mill-importanza ta' l-interoperabbiltà tas-sistemi operativi tas-servers tal-work group ma' client PCs (kunsiderazzjonijiet 383 sa 386). Barra minn dan, wara li aċċertat ruħha li l-eżistenza ta' prodotti sostitwibbli min-naħa ta’ l-offerta kien limitat għas-sistemi operativi tas-servers tal-work group (kunsiderazzjonijiet 388 sa 400), il-Kummissjoni kkonkludiet li dawk is-sistemi operativi jikkonsistu f'suq ta' prodott distint.

12     It-tielet suq identifikat fid-Deċiżjoni huwa s-suq tas-streaming media players. (kunsiderazzjonijiet 402 sa 425). Midja plejer huwa prodott ta' softwer li għandu l-kapaċità li jaqra f'format diġitali kontenut ta' ħsejjes u immaġini, jiġgifieri, jiddekodifika d-data korrispondenti u jittraduċihom f'istruzzjonijiet għal ħardwer (lawdspiker, skrin). Streaming media players għandhom il-kapaċità li jaqraw kontenut li jkun "streamed" mill-Internet.

13     Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li, l-ewwel nett, streaming media player huwa prodott distint minn sistema operativa (kunsiderazzjonijiet 404 sa 406), it-tieni nett, li tali prodotti mhuma taħt l-ebda pressjoni kompettitiva min-non streaming players (kunsiderazzjonijiet 407 sa 410), it-tielet nett, li midja plejers li għandhom funzjonijiet simili biss jistgħu jwasslu għal pressjoni kompettitiva fuq Windows Media Player (kunsiderazzjonijiet 411 sa 415) u, r-raba' nett, essenzjalment, li l-preżenza ta' prodotti sostitwibbli min-naħa ta’ l-offerta hija limitata (kunsiderazzjonijiet 416 sa 424). Minn dawn il-fatturi, il-Kummissjoni kkonkludiet li streaming media players jikkonsistu f'suq ta' prodotti distint.

14     Fir-rigward tad-dimensjoni ġeografika tat-tlett iswieq identifikati qabel, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-suq ġeografiku rilevanti kien dak dinji (kunsiderazzjoni 427).

Pożizzjoni dominanti ta' Microsoft fis-suq tas-sistemi operativi tal-client PC u fis-suq tas-sistemi operativi tas-servers tal-work group.

15     Primarjament, dwar is-suq tas-sistemi operativi ta' client PC, il-Kummissjoni kkunsidrat li Microsoft kellha, minn ta' lanqas mill-1996, pożizzjoni dominanti minħabba, inter alia, il-fatt li għandha sehem ta' aktar minn 90% tas-suq (kunsiderazzjonijiet 430 sa 435) u minħabba fl-impedimenti għad-dħul sinjifikattiv ħafna kkawżati minn effetti ta' netwerk indirett (ara, b'mod partikolari, kunsiderazzjonijiet 448 sa 452). Il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tippreċiża li dawk l-effetti ta' netwerk indirett għandhom jiġu attribwiti lil żewġ fatturi: (i) il-fatt li l-konsumatur finali japprezza pjattaforma li fuqha jista' juża numru kbir ta' applikazzjonijiet u (ii) il-fatt li diżinjaturi ta' softwer jiżviluppaw applikazzjonijiet għal sistemi operativi ta’ PC li huma l-aktar popolari mal-konsumatur.

16     Sekondarjament, dwar is-suq tas-sistema operativa tas-servers tal-work group, il-Kummissjoni kkunsidrat, li bħala stima prudenti, Microsoft kellha, minn ta' lanqas, sehem ta' 60% tas-suq (kunsiderazzjonijiet 473 sa 499).

17     Il-Kummissjoni evalwat ukoll il-pożizzjoni tat-tlett kompetituri prinċipali ta' Microsoft f'dak is-suq. Fl-ewwel lok, Novell, bis-softwer tagħha NetWare, kellha sehem ta' bejn 10% u 15% tas-suq. Fit-tieni lok, il-prodotti Linux kienu jirrappreżentaw sehem ta' bejn 5% u 15% tas-suq. Linux hija sistema operativa 'bla ħlas' li tiġi distribwita taħt liċenzja GNU GPL (General Public Licence). Skond il-kunsiderazzjoni 87 tad-Deċiżjoni, Linux jipprovdi numru limitat ta' servizzi prinċipali ta' sistema operativa imma jista' jiġi utilizzat ma' softwer ieħor sabiex ikun hemm is-sistema operativa Linux. Linux huwa preżenti fis-suq tas-sistema operativa tas-servers tal-work group flimkien ma' Samba softwer, li huwa ukoll ddistribwit taħt liċenzja GNU GPL (kunsiderazzjonijiet 294, 506 u 598). Fit-tielet lok, il-prodotti UNIX, li jinkludu numru ta' sistemi operativi li għandhom ċerti karatteristiċi komuni (kunsiderazzjoni 42), jirrappreżentaw sehem ta' bejn 5% u 15% tas-suq.

18     Wara l-Kummissjoni kkunsidrat li s-suq tas-sistema operativa tas-servers tal-work group huwa kkaratterizzat b'numru ta' impedimenti għad-dħul (kunsiderazzjonijiet 515 sa 525) u b'konnessjonijiet partikolari mas-suq tas-sistema operativa tal-client PC (kunsiderazzjonijiet 526 sa 540).Il-Kummissjoni kkonkludiet li Microsoft għandha pożizzjoni dominanti fis-suq tas-sistemi operativi tas-servers tal-work group.

II –  Tip ta' aġir abbużiv identifikat fid-Deċiżjoni

Rifjut identifikat fid-Deċiżjoni

19     L-ewwel tip ta' aġir abbużiv ta' Microsoft, deskritt fil-kunsiderazzjonijiet 546 sa 791 tad-Deċiżjoni, jikkonsisti fir-rifjut ta' Microsoft li tagħti lill-kompetituri tagħha informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u li tawtorizza l-użu tiegħu għall-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta' prodotti li jikkompetu ma' prodotti ta' Microsoft stess fis-suq tas-sistema operativa tas-servers tal-work group minn Ottubru 1998 sad-data tad-Deċiżjoni [Artikolu 2(a) tad-Deċiżjoni]. Għal finijiet tad-Deċiżjoni, "informazzjoni dwar l-interoperabbiltà'' tfisser "l-ispeċifikazzjonijiet kompleti u korretti tal-Protokolli kollha implementati fis-sistemi operativi tas-servers tal-Windows Work Group u li jintużaw mis-servers tal-Windows Work Group sabiex ikun hemm servizzi ta' fajls u ta' stampar, u ta' servizzi ta' amministrazzjoni ta' utenti u gruppi ta' utenti, inklużi s-servizzi ta' Windows Domain Controller, Direttorju attiv[Active Directory], u Politika ta’ Grupp [Group policy] lill-Windows Work Group Network" (Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni). Rigward "Protokolli", dawn qed jiġgu definiti bħala "numru ta' regoli ta' interkonnettività u interazzjoni bejn il-varji istanzi meta sistemi operativi tas-servers tal-Windows Work Group u sistemi operativi tal-Windows Client PC installati fuq kompjuters differenti f'netwerk tal-Windows Work Group" (Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni).

20     Għal finijiet li jiġi identifikat dan l-aġir, id-Deċiżjoni b'mod partikolari tenfasizza li r-rifjut in kwistjoni ma jirrigwardax l-elementi ta' source code ta' Microsoft, iżda unikament l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli in kwistjoni, speċifikazzjoni hawnhekk hija deskrizzjoni ta' dak li huwa mistenni mis-softwer in kwistjoni, għall-kuntrarju ta’ implementazzjonijiet (indikat ukoll, għal finijiet ta' dan l-ordni bħala "realizzazzjonijiet"), li huma kkostitwiti bit-tħaddim tal-kodiċi fil-kompjuter (kunsiderazzjonijiet 24 u 569). Barra dan, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-aġir ta' Microsoft kien parti minn mudell ġenerali ta' kompartament (kunsiderazzjonijiet 573 sa 577), li kien jimplika nuqqas mill-livelli ta' fornituri preċedenti (kunsiderazzjonijiet 578 sa 584), li ħoloq riskju li l-kompetizzjoni tista' tiġi eliminata (kunsiderazzjonijiet 585 sa 692) u li kellha effett negattiv fuq l-iżvilupp teknoloġiku għad-detriment tal-konsumatur (kunsiderazzjonijiet 693 sa 708). Il-Kummissjoni ċaħdet ukoll l-argument ta' Microsoft li kien hemm ġustifikazzjonijiet oġġettivi għar-rifjut tagħha (kunsiderazzjonijiet 709 sa 778).

Irbit identifikat fid-Deċiżjoni

21      Il-Kummissjoni identifikat it-tieni aġir abbużiv ta' Microsoft, deskritt fil-kunsiderazzjonijiet 792 sa 989 tad-Deċiżjoni. Skond il-Kummissjoni, dan l-aġir kien jikkonsisti fil-fatt li minn Mejju 1999 sad-data tad-Deċiżjoni, Microsoft rabtet id-disponibbiltà tas-sistema operativa tal-Windows Client PC ma’ l-akkwist simultanju tal-Windows Media Player [Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni].

22     F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-aġir ta' Microsoft jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jinstab li kien hemm irbit abbużiv għall-finijiet ta' l-Artikolu 82 KE (kunsiderazzjonijiet 794 sa 954). Fl-ewwel lok, skond id-Deċiżjoni, Microsoft għandha pożizzjoni dominanti fis-suq tas-sistema operativa tal-client PC (kunsiderazzjoni 799). Fit-tieni lok, fid-Deċiżjoni, streaming media players u sistemi operativi tal-client PC huma kkunsidrati bħala żewġ prodotti distinti (kunsiderazzjonijiet 800 sa 825). Fit-tielet lok, Microsoft ma tħallix il-possibiltà li konsumaturi jixtru Windows mingħajr il-Windows Media Player (kunsiderazzjonijiet 826 sa 834). Fir-raba' lok, skond il-Kummissjoni, l-irbit, identifikat minnha, jeffettwa l-kompetizzjoni fis-suq tal- midja plejers (kunsiderazzjonijiet 835 sa 954).

23     Fil-kuntest ta' l-analiżi ta' l-eżistenza ta' din ir-raba' kundizzjoni, il-Kummissjoni rrilevat li f'każijiet ta' rbit klassiku, il-Kummissjoni u l-ġudikatura tal-Komunità jikkunsidraw li l-irbit ta' prodott separat mal-prodott prinċipali jindika l-effett restrittiv li għandu fuq il-kompetituri (kunsiderazzjoni 841). Madankollu, il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni, ikkunsidrat li, minħabba li l-utenti kienu sa ċertu punt jiksbu mill-Internet midja plejers li jkunu f’kompetizzjoni mal-Windows Media Player, xi kull tant bla ħlas, kien hemm fil-każ in kwistjoni raġunijiet validi biex wieħed ma jassumix, mingħajr analiżi aktar kompleta, li l-irbit tal-Windows Media Player kien jikkostitwixxi aġir suxxettibli, minn natura tiegħu stess, li jirrestrinġi l-kompetizzjoni (kunsiderazzjoni 841).

24     Fil-kuntest ta' analiżi aktar kompleta, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fl-ewwel lok, l-irbit in kwistjoni tat lill-Windows Media Player preżenza mondjali fuq client PCs, li ma setgħetx tiġi effetwata minn mezzi ta' distribuzzjoni alternattivi (kunsiderazzjonijiet 843 sa 877), fit-tieni lok, li din il-preżenza, min-naħa waħda, inċentivat lill-fornituri ta' kontenut sabiex jiddistribwixxu l-kontenut tagħhom f'format Windows Media u, min-naħa l-oħra, inċentivat lill-produtturi ta' softwer sabiex jiżviluppaw il-prodotti tagħhom b'tali mod li jistgħu jiddependu fuq ċerti funzjonalitajiet tal-Windows Media Player (kunsiderazzjonijiet 879 sa 896), fit-tielet lok, li din il-preżenza effettwat ċerti swieq relatati (kunsiderazzjonijiet 897 sa 899) u fl-aħħar, fir-raba' lok, li l-istudji dwar swieq li huma disponibbli invarjabbilment jindikaw tendenza favur l-użu tal-Windows Media Player u tal-formati Windows Media għad-detriment tal-kompetituri prinċipali tagħhom (kunsiderazzjonijiet 900 sa 944). Minn dawn il-varji kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm probabbiltà raġunevoli li l-irbit in kwistjoni kien iwassal għal nuqqas ta' kompetizzjoni u għaldaqstant iż-żamma ta' struttura ta' kompetizzjoni effettiva ma tkunx aktar garantita fil-futur qrib (kunsiderazzjoni 984).

25     Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti ta' Microsoft, li kienu jgħidu, min-naħa waħda, li l-irbit in kwistjoni wassal għal żjieda fl-effiċenza, b'mod li jikkumpensaw għall-effetti kontra l-kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni (kunsiderazzjonijiet 955 sa 970) u, min-naħa l-oħra, li hija ma inċentivatx ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni (kunsiderazzjonijiet 971 sa 977).

III –  III – Ir-rimedji u l-ammenda imposta fuq Microsoft

26     Iż-żewġ abbużi li l-Kummissjoni identifikat fid-Deċiżjoni ġew ippenalizzati permezz ta' l-impożizzjoni ta' ammenda li tammonta għal EUR 497 196 304 (Artikolu 3 tad-Deċiżjoni).

27     Barra minn dan, skond l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni, Microsoft kellha ttemm l-abbużi stabbiliti fl-Artikolu 2, in konformità mal-modalitajiet previsti fl-Artikoli 5 u 6 tad-Deċiżjoni. Microsoft kellha wkoll tieqaf milli tirrepeti l-istess aġir deskritt fl-Artikolu 2, kif ukoll kull aġir li għandu effett jew obbjettiv identiku jew ekwivalenti.

28     Bħala rimedju għar-rifjut abbużiv identifikat fid-Deċiżjoni, l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni jordna lill-Microsoft dan li ġej:

" a)      Microsoft [...] għandha, f' terminu ta' 120 jum mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, tħalli disponibbli l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà għal kull intrapriża li għandha interess li tiżviluppa u tiddistribwixxi prodotti ta' sistema operativa tas-server tal-work group u għandha, taħt kundizzjonijiet raġunevoli u mhux diskriminatorji, tawtorizza l-użu ta' l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà minn tali intrapriżi sabiex jiżviluppaw u jiddistribwixxu prodotti ta' sistemi operativi tas-server tal-work group;

b)      Microsoft [...] għandha tassigura li l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà disponibbli tinżamm aġġornata regolarment u mingħajr dewmien;

c)      Microsoft [...] għandha, f' terminu ta' 120 jum mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, toħloq mekkaniżmu ta' evalwazzjoni li tippermetti lill-intrapriżi interessati jinfurmaw lilhom infushom b'mod effikaċi dwar l-iskop u l-kundizzjonijiet għall-użu ta' l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà; fir-rigward ta' dan il-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni, Microsoft [...] tista' timponi kundizzjonijiet raġunevoli u mhux diskriminatorji sabiex tassigura li l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà tingħata biss għal raġunijiet ta' evalwazzjoni;

[…] "

29     It-terminu ta' 120 jum indikat f'Artikolu 5 tad-Deċiżjoni skada fis-27 ta' Lulju 2004.

30      Bħala rimedju għall-irbit abbużiv identifikat fid-Deċiżjoni, l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni jordna kif ġej:

" a)      Microsoft [...] għandha toffri, f' terminu ta' 90 jum mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, verżjoni totalment funzjonali tas-sistema operativa tal-Windows Client li ma tinkorporax Windows Media Player. Microsoft [...] iżomm id-dritt li toffri sistema operativa tal-Windows Client flimkien ma' Windows Media Player;

[…] "

31     It-terminu ta' 90 jum indikat f'Artikolu 6 tad-Deċiżjoni skada fit-28 ta' Ġunju 2004.

 Proċeduri għal ksur tal-liġi Amerikana ta' l-antitrust

32     Fl-istess waqt ta' l-investigazzjoni magħhmula mill-Kummissjoni, Microsoft kienet is-suġġett ta' investigazzjoni għal ksur tal-liġi Amerikana ta' l-antitrust.

33     Fl-1998, l-Istati Uniti ta' l-Amerika u 20 Stat Federali ressqu proċeduri kontra Microsoft taħt ix-Sherman Act. L-ilmenti tagħhom kienu jikkonċernaw il-miżuri meħuda minn Microsoft kontra l-Internet browser ta' Netscape, 'Netscape Navigator', u t-tekonoloġiji 'Java' ta' Sun Microsystems. L-20 Stat Federali in kwistjoni ukoll ressqu proċeduri kontra Microsoft għal ksur tal-liġi tagħhom dwar l-antitrust.

34     Wara li l-United States Court of Appeals for the District of Columbia Circuit ('Qorti ta' l-Appell'), li lilha Microsoft kienet ressqet appell kontra s-sentenza mogħtija fit-3 ta' April 2000 mill-United States District Court for the District of Columbia ('Qorti tad-Distrett'), tat is-sentenza tagħha fit-28 ta' Ġunju 2001, Microsoft waslet għal ftehim mal-Ministeru tal-Ġustizzja ta' l-Istati Uniti u ma' l-Attorneys General tad-disa' Stati f'Novembru 2001 ('Transazzjoni ma' l-Istati Uniti'), li bihom Microsoft daħlet f'żewġ tipi ta' impenji.

35     L-ewwel nett, Microsoft aċċettat li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli tal-komunikazzjoni wżati mis-sistemi operativi tas-server ta' Windows sabiex jagħmlu interoperazzjoni, jiġifieri sabiex irendu dawk is-sistemi kompatibbli mas-sistemi operativi tal-Windows Client PC, u sabiex jagħtu liċenżja ta' dawk l-ispeċifikazzjonijiet lill-terzi taħt kundizzjonijiet determinati.

36     It-tieni nett, it-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti kien jipprovdi li Microsoft kellha tippermetti lil produtturi ta' tagħmir oriġinali u lil konsumaturi finali jattivaw jew jeliminaw l-aċċess għal prodotti medji [middleware] tagħha. Is-softwer tal-Windows Media Player huwa wieħed mill-prodotti taħt dik il-kategorija, kif definit fit-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti. Dawn id-dispożizzjonijiet huma ddiżinjati sabiex jiggarantixxu li fornituri ta' prodotti medji jkunu jistgħu jiżviluppaw u jiddistribwixxu prodotti li jaħdmu tajjeb mal-Windows.

37     Dawn id-dispożizzjonijiet ġew approvati mid-District Court, fl-1 ta' Novembru 2002. Din il-qorti ċaħdet il-proposti ta' rimedju magħmula mid-disa' Stati li ma aċċettawx it-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti.

38     Fit-30 ta' Ġunju 2004, fuq l-appell ta' l-Istat ta' Massachusetts, il-Qorti ta' l-Appell ikkonfermat id-deċiżjoni tad-District Court.

39     Sabiex jitwettaq it-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti, il-Microsoft Communications Protocol Program ('MCPP') ġie mwaqqaf f'Awwissu 2002. Mid-dokumenti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza jidher illi bejn Awwissu 2002 u Lulju 2004, 17-il proprjetarju ta' liċenza bbenefikaw mill- MCPP.

 Proċedura

40     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-7 ta' Ġunju 2004, Microsoft ressqet rikors skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, għal annullament tad-Deċiżjoni jew, bħala alternattiva, l-annullament jew it-tnaqqis sostanzjali ta' l-ammenda imposta.

41     Permezz ta' dokument separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-25 ta' Ġunju 2004, Microsoft talbet ukoll is-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta’ l-Artikolu 4, l-Artikolu 5(a) sa (c) u l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni, skond l-Artikolu 242 KE. Fl-istess dokument, Microsoft ukoll talbet is-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta’ l-istess dispożizzjonijiet sakemm tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri provviżorji, fuq bażi ta' l-Artikolu 105(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

42     Fl-istess jum, il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-kapaċità tiegħu ta' mħallef għal miżuri provviżorji, stieden lill-Kummissjoni biex tippreċiża jekk hi kelliex l-intenzjoni li tipproċedi għall-infurzar tad-Deċciżjoni qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri provviżorji.

43     Permezz ta' ittra li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-25 ta' Ġunju 2004, il-Kummissjoni infurmat lill-President bid-deċiżjoni tagħha li ma tipproċedix għall-eżekuzzjoni ta' l-Artikolu 5(a) sa (c) u l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni sakemm id-deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri provviżorji tkun għada ma tteħditx.

44     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-25 ta' Ġunju 2004, Novell Inc. ('Novell'), stabbilita f'Waltham, Massachussetts (Stati Uniti), irrappreżentata minn C. Thomas, M. Levitt, V. Harris, solicitors, u A. Müller-Rappard, avukat, ressqet talba għal intervent sabiex issostni t-talba tal-Kummissjoni fil-proċeduri għal miżuri provviżorji.

45     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-30 ta' Ġunju 2004, RealNetworks Inc. ('RealNetworks') ressqet talba għal intervent sabiex issostni t-talba tal-Kummissjoni fil-proċeduri għal miżuri provviżorji.

46     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-30 ta' Ġunju 2004, Computer & Communications Industry Association ('CCIA'), stabbilita f'Washington, DC (Stati Uniti), irrappreżentata minn J. Flynn, QC, D. Paemen u N. Dodoo, avukati, ressqet talba għal intervent sabiex issostni t-talba tal-Kummissjoni fil-proċeduri għal miżuri provviżorji.

47     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-1 ta' Lulju 2004, Software & Information Industry Association ('SIIA'), ressqet talba għal intervent sabiex issostni t-talba tal-Kummissjoni fil-proċeduri għal miżuri provviżorji.

48     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-1 ta' Lulju 2004, The Computing Technology Industry Association Inc. ('CompTIA') ressqet talba għhal intervent sabiex issostni t-talba ta' Microsoft fil-proċeduri għal miżuri provviżorji.

49     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-2 ta' Lulju 2004, The Association for Competitive Technology ('ACT') ressqet talba għal intervent sabiex issostni t-talba ta' Microsoft fil-proċeduri għal miżuri provviżorji.

50     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-5 ta' Lulju 2004, Digimpro Ltd, stabbilita Londra (ir-Renju Unit), TeamSystem SpA, Mamut ASA u CODA Group Holdings Ltd, stabbiliti f'Chippenham, Wiltshire (ir-Renju Unit), ressqu talba biex jintervjenu sabiex isostnu t-talba ta' Microsoft fil-proċeduri għal miżuri provviżorji.

51     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-5 ta' Lulju 2004, DMDsecure.com BV, MPS Broadband AB, Pace Micro Technology plc, Quantel Ltd, u Tandberg Television Ltd (il-quddiem indikati kollettivament bħala 'DMDsecure.com et'), ressqu talba biex jintervjenu sabiex isostnu t-talba ta' Microsoft fil-proċeduri għal miżuri provviżorji.

52     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' Lulju 2004, IDE Nätverkskonsulterna AB, stabbilita fi Stokkolma (l-Iżvezja), Exor AB, T. Rogerson, residenti f'Harpenden, Hertfordshire (ir-Renju Unit), P. Setka, residenti f'Sobeslav (Repubblika Ċeka), D. Tomicic, residenti f'Norimberga (il-Ġermanja), M. Valasek, residenti f'Karlovy Vary (ir-Repubblika Ċeka), R. Rialdi, residenti f'Gênes (l-Italja), u B. Nati, residenti f'Pariġi (Franza), ressqu talba biex jintervjenu sabiex isostnu t-talba ta' Microsoft fil-proċeduri għal miżuri provviżorji.

53     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-13 ta' Lulju 2004, Free Software Foundation Europe ('FSF-Europe') ressqet talba għal intervent sabiex issostni t-talba tal-Kummissjoni fil-proċeduri għal miżuri provviżorji.

54     Dawn it-talbiet għal intervent ġgew notifikati lill-parti rikorrenti u lill-parti konvenuta, skond l-Artikolu 116(1) tar-Regoli ta' Proċedura, li, skond il-każ, jew ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu preskritt jew ma ppreżentaw l-ebda osservazzjonijiet. Fil-konfront tal-partijiet li fir-rigward tagħhom tiġi aċċettata t-talba għal intervent, Microsoft talbet, permezz ta' ittri tas-6 u tat-8 ta' Lulju 2004, trattament kunfidenzjali tad-data li hemm fid-Deċiżjoni, li l-Kummissjoni aċċettat li ma tagħmilx pubblika fil-verżjoni disponibbli fis-sit Internet tagħha.

55     Fil-21 ta' Lulju 2004, il-Kummissjoni ssottomettiet l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar it-talba għal miżuri provviżorji. Dawn l-osservazzjonijiet ġew notifikati lill-Microsoft fl-istess jum.

56     Permezz ta' Ordni tas-26 ta' Lulju 2004, il-President tal-Qorti tal-Prim' Istanza, min-naħa waħda, laqa' t-talbiet għal intervent ta' CompTIA, ACT, TeamSystem SpA, Mamut ASA, DMDsecure.com et, Exor AB, Novell, RealNetworks, CCIA u SIIA, u, min-naħa l-oħra, ċaħad it-talbiet għal intervent ippreżentati minn Digimpro Ltd, CODA Group Holdings Ltd, IDE Nätverkskonsulterna AB, T. Rogerson, P. Setka, D. Tomicic, M. Valasek, R. Rialdi u B. Nati. Il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza ordna wkoll li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti tal-proċedura jiġu nnotifikati lill-partijiet intervenjenti u rriserva d-deċiżjoni tiegħu dwar il-merti tat-talba għal trattament kunfidenzjali.

57     Fis-27 ta' Lulju 2004, il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-kapaċità tiegħu ta' mħhallef għal miżuri provviżorji, organizza laqgħa informali, li għaliha ġew mistiedna, barra Microsoft u l-Kummissjoni, il-partijiet li t-talba tagħhom għal intervent ġiet milqugħa b'Ordni tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-26 ta' Lulju 2004, u FSF-Europe. F'din il-laqgħa, il-President laqa' provviżorjament it-talba għal intervent ta' FSF-Europe fil-proċeduri għal miżuri provviżorji sabiex issostni t-talba tal-Kummissjoni u stabbilixxa orarju għal partijiet għall-istadji varji proċedurali f'dawn il-proċeduri għal miżuri provviżorji.

58     Permezz ta' Ordni tas-6 ta' Settembru 2004, it-talba ta' FSF-Europe għal intervent sabiex issostni t-talba tal-Kummissjoni ġiet milqugħa.

59     Kull parti li t-talba tagħha għal intervent ġiet milqugħa ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit-terminu preskritt.

60     Skond kif kien ġie deċiż waqt il-laqgħa tas-27 ta' Lulju 2004, Microsoft irrispondiet għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-21 ta' Lulju 2004, fid-19 ta' Awwissu 2004.

61     Permezz ta' rikors ippreżentat fil-31 ta' Awwissu 2004, Audiobanner.com, li topera fin-negozju bħala VideoBanner ('VideoBanner'), stabbilita f' Los Angeles, Kalifornja (Stati Uniti), irrappreżentata minn L. Alvizar Ceballos, avukat, ressqet talba għal intervent sabiex issostni t-talba tal-Kummissjoni fil-proċeduri għal miżuri provviżorji. Minħabba li l-ebda waħda mill-partijiet prinċipali oġġezzjonat għal din it-talba għal intervent, it-talba ta' VideoBanner biex tintervjeni ġiet provviżorjament milqugħa u ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha direttament waqt is-seduta.

62     Fit-13 ta' Settembru 2004, il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet ġodda bħala risposta għall-osservazzjonijiet ta' Microsoft tad-19 ta' Awwissu 2004.

63     Il-parti rikorrenti u l-parti konvenuta ppreżentaw ukoll l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar is-sottomissjonijiet ta' l-intervent fit-13 ta' Settembru 2004.

64     Minħabba miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-kapaċità tiegħu ta' mħallef għal miżuri provviżorji, għamel mistoqsijiet bil-miktub lill-Microsoft, lill-Kummissjoni u lill-ċerti partijiet intervenjenti. Ir-risposti mogħtija għal dawn il-mistoqsijiet fit-termini preskritti ġew innotifikati lill-partijiet kollha.

65     Il-partijiet kollha, inkluża VideoBanner, ippreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom waqt seduti li saru fit-30 ta' Settembru u fl-1 ta' Ottubru 2004.

66     Permezz ta' ittra tat-8 ta' Ottubru 2004, RealNetworks iddepożitat fir-Reġistru numru ta' dettalji addizzjonali li l-President stiedinha tipproduċi waqt s-seduta. Il-partijiet l-oħra ġew notifikati b'din l-ittra u ġew mistiedna jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha.

67     Permezz ta' ittra tas-27 ta' Ottubru 2004, Microsoft ippreżentat osservazzjonijiet dwar l-ittra ta' RealNetworks tat-8 ta' Ottubru 2004. Il-partijiet l-oħra ma ppreżentawx osservazzjonijiet.

68     Permezz ta' ittri ta' l-10 u tad-19 ta' Novembru 2004, CCIA u Novell rispettivament infurmaw lill-Qorti tal-Prim'Istanza li huma kienu qed jirtiraw l-intervent tagħhom f'din il-kawża. Il-Kummissjoni, Microsoft u l-partijiet intervenjenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan l-irtirar fit-terminu preskritt.

69     Wara l-irtirar ta' CCIA u ta' Novell, ġiet organizzata laqgħa informali fil-25 ta' Novembru 2004 fil-preżenza tal-partijiet kollha sabiex jiġu diskussi l-konsegwenzi proċedurali ta' dan l-irtirar. Il-minuti ta' dik il-laqgħa ġew mibgħuta lill-partijiet kollha fis-26 ta' Novembru 2004.

 Il-liġi

70     Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 242 CE u 225(1) CE, meħhuda flimkien, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista', jekk tikkunsidra li ċ-ċirkustanzi hekk jeħtieġu, tordna s-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta' att ikkontestat.

71      L-Artikolu 104(2) tar-Regoli ta' Proċedura jipprovdi li t-talba għal miżuri provviżorji għandha tispeċifika r-raġunijiet għall-urġenza kif ukoll il-motivi ta' fatt u ta' dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tiġi mitluba. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, fis-sens li talba għal miżuri provviżorji għandha tiġgi miċħuda jekk waħda minn dawn tkun nieqsa [Ordni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Ottubru 1996, SCK u FNK v il-Kummissjoni, Kawża C-268/96 P(R), Ġabra. p. I‑4971, paragrafu 30]. Fejn il-każ jeħhtieġ, il-President għandu wkoll jiżen l-interessi tal-partijiet interessati (Ordni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Frar 2001, L-Awstrija v il-Kunsill, C-445/00 R, ĠGabra p. I‑1461, paragrafu 73).

72     Fil-kuntest ta' dan l-eżami ġgenerali, il-President għandu jeżerċita d-diskrezzjoni wiesa li huwa għandu meta jiddetermina l-mod kif dawk il-varji kundizzjonijiet għandhom jiġu eżaminati fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' kull każ [Ordni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Jannar 1997, Antonissen v Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-393/96 P(R), Ġabra p. I 441, paragrafu 28].

73     Skond l-Artikolu 107(1) tar-Regoli ta' Proċedura "id-deċiżjoni dwar it-talba għandha tingħata permezz ta’ ordni motivat". Madankollu ġie preċiżat li l-President m'għandux jirrispondi espliċitament fuq il-punti kollha ta' fatt jew ta' dritt diskussi waqt il-proċeduri għal miżuri provviżorji. B'mod partikolari, huwa suffiċjenti li r-raġunijiet mogħtija mill-President jiġġustifikaw b'mod validu l-ordni tiegħu fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-kontrolli ġurisdizzjonali tagħha [Ordni SCK u FNK v il-Kummissjoni, ċitat f'paragrafu 71 fuq, paragrafu 52, u Ordni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Ġunju 1998, Antilles néerlandaises v Il-Kunsill, C-159/98 P(R), Ġabra p. I 4147, paragrafu 70

74     Billi l-abbużi minn pożizzjoni dominanti li Microsoft qed tiġi allegata li wettqet għandhom karattru distint, kif wieħed jista' jara, kemm mill-istruttura tad-Deċiżjoni kif ukoll mill-mod kif il-parti rikorrenti ffurmat l-argumenti tagħha, il-President jikkonsidra li jkun approprjat li jeżamina separatament l-argumenti żviluppati a sostenn tat-talba għal sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta', min-naħa, l-Artikolu 5(a) sa (c) tad-Deċiżjoni, li trid tinqara flimkien ma' l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (il-parti li għandha x'taqsam mal-kwistjoni ta' l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà), u, min-naħa l-oħra, ta' l-Artikolu 6(a), li trid tinqara ukoll flimkien ma' l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (il-parti li għandha x'taqsam mal-kwistjoni ta' l-irbit tas-sistema operativa ta' Windows mas-softwer tal-Windows Media Player). Iżda qabel ma jsir dan l-eżami, il-President jagħmel analiżi tat-talba għal trattament kunfidenzjali, tat-talba għal intervent mressqa minn VideoBanner, ta' l-effetti ta' l-irtirar ta' CCIA u ta' Novell u ta' jekk ir-rikorrent osservax ċerti kundizzjonijiet proċedurali relatati mas-sottomissjonijiet bil-miktub.

I –  Dwar it-talba għal trattament kunfidenzjali

75     Skond l-Artikolu 107(1) tar-Regoli ta' Proċedura "id-deċiżjoni dwar it-talba għandha tingħata permezz ta' ordni motivat". Madankollu ġie preċiżat li l-President m'għandux jirrispondi espliċitament fuq il-punti kollha ta' fatt jew ta' dritt diskussi waqt il-proċeduri għal miżuri provviżorji. B'mod partikolari, huwa suffiċjenti li r-raġunijiet mogħtija mill-President jiġġustifikaw b'mod validu l-ordni tiegħhu fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-kontrolli ġurisdizzjonali tagħha [Ordni SCK u FNK v il-Kummissjoni, ċitat f'paragrafu 71 fuq, paragrafu 52, u Ordni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Ġunju 1998, Antilles néerlandaises v Il-Kunsill, C-159/98 P(R), Ġabra p. I 4147, paragrafu 70].

II –  Dwar it-talba għal intervent ta' VideoBanner

76     Kif ġie indikat fil-paragrafu 61 fuq, VideoBanner ippreżentat talba għal intervent fil-proċeduri għal miżuri provviżorji sabiex issostni t-talba tal-Kummissjoni.

77     Dan ir-rikors ġie ppreżentat skond l-Artikolu 115(2) tar-Regoli ta' Proċedura u l-partijiet prinċipali ma ssollevaw l-ebda oġġezzjoni, u għaldaqstant għandu jiġi milqugħ, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 40 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa applikabbli għal Qorti tal-Prim'Istanza permezz ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 53 ta' l-istess Statut.

III –  III – Dwar l-effetti ta' l-irtirar ta' ċerti intervenjenti

78     Minħabba li CCIA u Novell infurmaw lill-Qorti tal-Prim'Istanza li huma kienu qed jirtiraw l-intervent tagħhom li kien intiż sabiex isostni t-talbiet tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-kapaċità tiegħu ta' mħallef għal miżuri provviżorji, organizza laqgħa informali fil-preżenza tal-partijiet kollha sabiex jiġu eżaminati l-konsegwenzi proċedurali ta' dan l-irtirar.

79     Kif joħroġ ċar mill-minuti ta' dik il-laqgħa, il-partijiet ftehmu, l-ewwel nett, li d-dokumenti ddepożitati minn CCIA u Novell fil-kuntest tal-proċedura għal miżuri provviżorji, inklużi l-annessi kollha għas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, u l-argumenti tagħhom mressqa waqt is-seduta għandhom jibqgħu parti mill-proċess tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, it-tieni nett, li l-partijiet kollha jkunu jistgħu jibbażaw ruħhom fuq dawn l-elementi fl-argumenti tagħhom u l-President jkun jista' jibbaża ruħu fuqhom fl-evalwazzjoni tiegħu; u, it-tielet nett, li l-partijiet kollha kellhom l-opportunità li jippreżentaw argumenti dwar l-elementi li saru parti mill-proċess ta' din il-kawża.

80     Barra dan, RealNetworks, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-irtirar ta' CCIA, issottomettiet li CCIA ma kienetx awtorizzata tirtira minn din il-kawża.

81     F'dan ir-rigward, il-President josserva li mhux marbut jeżamina l-oġġezzjoni ta' RealNetworks minħabba li, min-naħa, m'għandux ġurisdizzjoni sabiex jippronunzja ruħu dwar il-kwistjoni jekk id-deċiżjonijiet tal-Bord ta' CCIA ttieħdux skond id-dispożizzjonijiet ta' l-istatut tagħha, u min-naħa l-oħra, it-talba għal l-irtirar ġiet ippreżentata minn CCIA skond il-kundizzjonijiet previsti fir-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim' Istanza.

IV –  L-osservanza tar-rekwiżiti proċedurali tas-sottomissjonijiet bil-miktub

82     Il-Kummissjoni u numru ta' partijiet li qed jintervjenu sabiex isostnu t-talbiet tagħha invokaw, l-ewwel nett, l-inammissibbiltà ta' ċertu referenzi għal dokumenti annessi mar-rikors prinċipali ta' Microsoft, it-tieni nett, l-inammissibbiltà ta' ċerti dokumenti ppreżentati minn Microsoft waqt din il-kawża, it-tielet nett, in-nuqqas ta' provi li jsostnu ċerti affermazzjonijiet u, r-raba' nett, in-nuqqas ta' osservanza ta' kundizzjonijiet proċedurali oħra.

Dwar ir-referenzi għar-rikors prinċipali

83     Fl-osservazzjonijiet tagħha tal-21 ta' Lulju 2004, il-Kummissjoni nnumerat il-paragrafi tat-talba għal miżuri provviżori, li jinkludu referenzi għar-rikors prinċipali u għad-dokumenti annessi mar-rikors iżda mhux annessi mat-talba għal miżuri provviżori (annessi A.9, A.9.1, A.9.2, A.11, A.12.1, A.17, A.18, A.19, A.20, A.21, A.22 et A.24). Il-Kummissjoni tikkonkludi li Microsoft ma tistax effettivament tibbaża ruħha fuq dawn id-dokumenti.

84     Fl-osservazzjonijiet tagħha tat-13 ta' Settembru 2004, il-Kummissjoni żiedet illi r-referenzi ġodda għar-rikors prinċipali li Microsoft għamlet fl-osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta' Awwissu 2004, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-ftehim ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar l-aspetti kummerċjali ta' drittijiet dwar proprjetà intellettwali (il-ftehim 'TRIPS'), għandhom, bħal dawk preċedenti, jiġu esklużi. Il-fatt li jiġu mehmuża l-partijiet korrispondenti tar-rikors prinċipali bħala anness (Anness T.9) għall-osservazzjonijiet ma jippermettix li wieħed jikkonkludi li t-talba għal miżuri provviżori kienet suffiċjenti fiha nfisha.

85     F'dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed jiftakar li fil-laqgħa informali tas-27 ta' Lulju 2004 (ara paragrafu 57 iktar 'il fuq), il-President ġibed l-attenzjoni ta' Microsoft għan-numru kbir ta' referenzi għar-rikors prinċipali li kien hemm fit-talba għal miżuri provviżori u poġġa mistoqsijiet lir-rikorrenti dwar dan il-punt. Bħala risposta, Microsoft indikat, kif ġie mniżżel fil-minuti ta' dik il-laqgħa, li "[Microsoft] ikkonfermat li t-talba għal miżuri provviżori għandha tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti fiha nfisha u li r-referenzi numerużi, magħmula fit-talba għal miżuri provviżori, għall-annessi tar-rikors prinċipali jistgħu jiġu injorati għar-rigward tal-proċeduri għal miżuri provviżori".

86     Din il-pożizzjoni hija konformi mal-Parti VII(1) ta' l-Istruzzjonijiet Prattiċi (ĠU 2002, L 87, p.  48), li tipprovdi li talba għal miżuri provviżori "għandha tkun tiftiehem fiha nfisha, mingħajr ma jkun hemm in-neċessità ta' referenzi għar-rikors ippreżentat fil-kawża prinċipali".

87     Jirriżulta minn dan li l-merti tat-talba għal miżuri provviżori ta' Microsoft tista' tiġi eżaminata biss b'referenza għall-elementi ta' fatt u ta' dritt hekk kif joħorġu mit-test stess tat-talba għal miżuri provviżori u mid-dokumenti annessi għal dik it-talba, intiżi sabiex juru l-kontenut tagħha (ara, f'dan is-sens, Ordni tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Mejju 2002, Aden et vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-306/01 R, Ġabra p. II‑2387, paragrafu 52). Għalkemm ma jistax jiġi konkluż li kull allegazzjoni bbażata fuq dokument li ma ġiex anness mat-talba għal miżuri provviżori għandha neċessarjament tiġi eskluża mill-proċeduri, il-fatt jibqa li provi li jsostnu tali allegazzjoni ma jistgħux jitqiesu bħala parti mit-talba, jekk tali allegazzjoni tiġi kkontestata mil-parti l-oħhra fil-kawża jew minn parti intervenjenti li qed issostni l-parti l-oħra.

88     In kwantu għar-referenza għall-anness T.9, huwa importanti li wieħed jiftakar li, għalkemm talba tista' tkun sostnuta u supplementata fuq punti speċifiċi b'referenzi għal partijiet partikolari f'dokumenti li jkunu annessi magħha, referenza ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mat-talba għal miżuri provviżorji, ma jistgħux jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta' elementi essenzjali f'dik it-talba (Ordni Aden et vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, paragrafu 87 iktar 'il fuq, paragrafu 52). F'dan ir-rigward, huwa neċessarju li jiġi preċiżat li l-Parti VII(2) ta' l-Istruzzjonijiet Prattiċi, li jirrikjedi li "t-talbiet ta' fatt u ta' dritt li fuqhom il-kawża prinċipali hija bbażata, li jistabbilixxu każ prima facie fuq il-merti ta' dik il-kawża" għandhom jiġu indikati "bl-iktar mod konċiż", ma tistax, mingħajr ma tiġi maqbuża din il-regola preskritta, tiġi interpretata li tippermetti referenza ġenerali għal dokument anness, li jistabbilixxi d-dettalji ta' l-argumentazzjoni.

89     Mingħajr preġudizzju għad-dokumenti mqiegħda sussegwentement fil-proċess u s-sottomissjonijiet orali waqt is-seduta quddiem il-President, f'dawn il-proċeduri preżenti ser tittieħed mingħajr referenza la għall-annessi għar-rikors prinċipali u lanqas għall-anness T.9.

Dwar il-preżentata ta' dokumenti waqt il-kawża

90     Fl-osservazzjonijiet tagħha tat-13 ta' Settembru 2004, il-Kummissjoni sostniet, l-ewwel nett, li l-argumenti magħmula minn Microsoft fl-osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta' Awwissu 2004, b'mod partikolari dawk dwar drittijiet dwar proprjetà intellettwali indikati fid-dettal f'żewġ annessi distinti (Anness T.3, intitolat "l-Opinjoni ta' Prescott" u Anness T.6, intitolat "l-Opinjoni ta' Galloux") kienu jmorru lil hinn minn dawk indikati fir-rikors prinċipali. Barra minn dan, ebda spjegazzjoni ma ngħatat fir-rigward tal-fatt li l-Anness T.3, dokument tat-3 ta' Ġunju 2004, ma ġiex ippreżentat bħala anness meta tressqet it-talba għal miżuri provviżori.

91     Il-Kummissjoni mbagħad tgħid li Microsoft annettiet, ma' l-osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta' Awwissu 2004, dokument li kienet annettiet mar-rikors prinċipali (Anness A.21, li sar Anness T.5, Knauer, "Dwar l-aspetti tal-liġi dwar il-Patenti tad-[Deċiżjoni] "), kif ukoll, dokument li l-kontenut tiegħu jidher identiku għal dak ta' anness mar-rikors prinċipali [Anness T.8, Evans, Nichols u Padilla, "Provi ekonomiċi dwar l-effetti ta' restrizzjoni mqajma mill-Kummissjoni rigward ir-rifjut li tipprovdi u l-bejgħ b'irbit", simili għall-anness A.19].

92     Fir-risposti tagħhom għal mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti ta'-Prim'Istanza qabel l-irtirar tagħhom, Novell u CCIA sostnew illi ċerti dokumenti huma inammissibbli minħabba li kellhom jiġu ppreżentati mat-talba għal miżuri provviżorji, meta fil-waqt dawn ġew ippreżentati biss sussegwentement (Annessi T.3, T.5, T.8 u U.2, Campbell-Kelly, "Kummentarju dwar in-natura innovattiva ta' l-Active Directory").

93     Il-President ikkonstata li d-dokumenti T.3, T.5, T.6 u T.8 kienu annessi ma' l-osservazzjonijniet ta' Microsoft tad-19 ta' Awwissu 2004 u li huma intiżi sabiex isostnu l-kontenut ta' dawk l-osservazzjonijiet. F'dawn iċ-ċirkustanzi, Microsoft ma jistax jiġi kkritikat għal fatt li rrisponda b'mod dettaljat għall-argumenti magħmula mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha tal-21 ta' Lulju 2004; f'dan ir-rigward, l-importanza tal-fatt li d-dokument anness għandu data qabel dik ta' meta t-talba għal miżuri provviżori ġiet ippreżentata jew li hija identika jew komparabbli għal dokument anness mar-rikors prinċipali hija żgħira. Bl-istess mod u għall-istess raġunijiet, Microsoft tista' validament tuża l-Anness U.2 bħala bażi għall-osservazzjonijiet tagħha fuq is-sottomissjonijiet ta' l-intervent.

Dwar in-nuqqas ta' provi

94     Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Anness T.5 u l-Anness T.8 huma bbażati fuq informazzjoni li għalihom hija ma kelliex aċċess [il-paragrafu 4 ta' l-Anness T.5, jirreferi għal informazzjoni li rċeviet mingħand Microsoft, mingħajr ebda preċiżjoni oħra; fir-rigward ta' l-Anness T.8, ir-rapporti li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 6 ta' l-istess m'humiex annessi (ippreparati minn Merrill Lynch u Forrester dwar server market data), kif huwa l-każ rigward dawk li hemm referenza għalihom fin-nota t'isfel [footnote] numru 35 (surveys magħmula minn Microsoft), noti t'isfel numri 42 u 43 ('Survey dwar Digital Media Tracker'), nota t'isfel numru 48 ('Analiżi tal-Midja Plejers installati fuq PCs'), u nota t'isfel numru 50 ("Komunikazzjoni NERA")].

95     F'dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi indikat li huwa l-imħallef għal miżuri provviżori li għandu jiddetermina, skond il-każ, jekk l-affermazzjonijiet ibbażati fuq ir-rapporti u l-informazzjoni indikati iktar 'il fuq humiex nieqsa mill-valur ta' prova.

Dwar in-nuqqas ta' osservanza ta' ċerti kundizzjonijiet proċedurali

96     Il-Kummissjoni u CCIA, qabel l-irtirar tagħha, jissottomettu li Microsoft fit-talba għal miżuri provviżori tagħmel referenza għal Anness R.6 (Carboni, "Opinjoni dwar Trademarks") mingħajr ma tispjega r-rilevanza tat-tali dokument, u li għaldaqstant dak l-anness m'għandux jittieħed in kunsiderazzjoni.

97     Kif diġa ġie indikat iktar 'il fuq fil-paragrafu 88, referenza ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk huma annessi mat-talba għal miżuri provviżori, ma jistgħux jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta' elementi essenzjali f'dik it-talba. F'dan il-każ, l-Anness R.6, li għalih it-talba għal miżuri provviżori tagħmel referenza, qed jintuża sabiex issostni argument dwar ir-riskju ta' dannu għat-trade marks ta' Microsoft, li tinqara hekk kif ġej: "l-implementazzjoni immedjata ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni twassal ukoll għal dannu serju għat-trade marks ta' Microsoft u Windows, minħabba li Microsoft ikollha l-obbligu li tbiegħ prodott ta' livell inferjuri, inkompattibbli mal-kunċett bażiku tagħha". Safejn joħroġ ċar minn din il-frażi illi l-Anness R.6 huwa intiż biex juri r-riskju identifikat, l-imħallef għal miżuri provviżori jikkunsidra li t-tali anness m'għandux jiġi eskluż mill-proċeduri.

V –  V – Dwar is-sustanza

Dwar il-kwistjoni ta' l-interoperabbiltà ta' l-informazzjoni -

A – Argumenti tal-partijiet

1.      Argumenti ta' Microsoft u tal-partijiet li t-talba tagħhom għal intervent sabiex issostni t-talbiet ta' Microsoft ġiet milqugħa

a)      Dwar il-każ prima facie

98     Microsoft issostni li hemm kwistjoni serja bejnha u bejn il-Kummissjoni dwar il-liċenzjar obbligatorju tal-protokolli ta' komunikazzjoni tagħha, bil-konsegwenza li r-rekwiżit li turi każ prima facie rigward l-illegalita' ta' l-Artikolu 5(a) sa (c) tad-Deċiżjoni huwa sodisfatti.

99     Microsoft issostni li l-erba' kriterji li għandhom jiġu sodisfatti qabel intrapriża tkun tista' tiġi mġiegħla tagħti taħt liċenzja l-prodotti tagħha, kif definiti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal-5 ta' Ottubru 1988, Volvo (238/87, Ġabra p. 6211) ; tas-6 ta' April 1995, RTE u ITP v il-Kummissjoni (C-241/91 P u C-242/91 P, Ġabra p. I‑743, 'Magill' ; tas-26 ta' Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, Ġabra p. I‑7791), u tad-29 ta' April 2004, IMS Health (C-418/01, għadu mhux pubblikat, paragrafu 49), mhumiex sodisfatti fil-każ preżenti.

100   L-ewwel nett, l-elementi ta' proprjetà intellettwali ta' Microsoft, li skond id-Deċiżjoni hija għandha tagħti lill-kompetituri tagħha, mhumiex indispensabbli sabiex ikun hemm l-eżerċizju ta' kummerċ bħala fornitur ta' sistemi operativi tas-server tal-work group.

101   Qabel kollox, Microsoft tinvoka l-eżistenza ta' ħames metodi li jippermettu l-interoperabbiltà bejn sistemi operativi fornuti minn bejjiegħa differenti, jiġgifieri: (i) billi jintużaw protokolli ta' komunikazzjoni standard bħal TCP/IP (Transmission Control Protocol/Internet Protocol) u HTTP (HyperText Transfer Protocol) ; (ii) billi jiżdied kodiċi tas-softwer [software code] għal Windows Client PC jew sistema operativa tas-server sabiex jippermettilha tikkomunika ma' sistema operativa tas-server mhux tal-Microsoft billi tuża protokolli ta' komunikazzjoni speċifiċi għal dik is-sistema operativa tas-server; (iii) billi jiżdied kodiċi tas-softwer għal sistema operativa tas-server mhux tal-Microsoft sabiex jippermettilha tikkomunika ma' Windows Client PC jew sistema operativa tas-server billi tuża protokolli ta' komunikazzjoni speċcifiċi għal sistema operativa tal-Windows; (iv) billi jiżdied blokk ta' kodiċi tas-softwer għal kull client PC u sistema operativa tas-server ġewwa netwerk sabiex ikun hemm interoperabbiltà permezz ta' komunikazzjonijiet bejn dawk il-blokki ta' kodiċi tas-softwer, u (v) billi tuża sistema operativa tas-server tal-Windows bħala 'pont' bejn is-sistema operativa tal-Windows Client PC u s-sistema operativa tas-server li mhux tal-Windows.

102   Imbagħad, Microsoft tirreferi għan-nuqqas ta' ilmenti mill-klijenti rigward il-grad ta' interoperabbiltà eżistenti.

103   Fl-aħħar, Microsoft tirreferi għal preżenza kontinwa ta' numru ta' kompetituri li jeżerċitaw din l-attività.

104   Fit-tieni lok, ir-rifjut ta' Microsoft li tpoġġi l-elementi tagħha ta' proprjetà intellettwali għad-dispożizzjoni tal-kompetituri tagħha ma waqfitx il-ħolqien ta' prodotti ġodda li għalihom kien hemm domanda tal-komsumaturi mhux soddisfatta. M'hemm l-ebda prova ta' nuqqas ta' sodisfazzjon. Lanqas ġie stabbilit illi l-elementi ta' proprjetà intellettwali ta' Microsoft ser jiġu wżati mill-kompetituri tagħha sabiex jiżviluppaw prodotti ġodda u mhux biss sabiex jirreplikaw il-funzjonalità tal-prodotti eżistenti ta' Microsoft.

105   Fit-tielet lok, il-fatt li Microsoft ikkonservat it-teknoloġija tagħha għall-użu tagħha ma kellix l-effett li telimina l-kompetizzjoni f'suq sekondarju, minħabba li, kif jidher mill-iżvilupp kostanti ta' Linux, hemm kompetizzjoni sostanzjali bejn id-distributuri ta' sistemi operativi tas-server tal-work group. Sitt snin wara l-allegat rifjut ta' Microsoft li tipprovdi t-teknoloġija tagħha, is-suq huwa wieħed kompetittiv.

106   Fir-raba' lok, ir-rifjut li tagħti liċenzja għat-teknoloġija tagħha lid-distributuri ta' sistemi operativi tas-servers li mhux tal-Microsoft hija oġġettivament ġustifikabbli. Fil-fatt, b'differenza mill-informazzjoni protetta mill-liġi nazzjonali in kwistjoni f'dak iż-żmien, li l-kumpanniji involuti kienu rrifjutaw li jagħtu fil-kawżi Magill u IMS Health, paragrafu 99 iktar 'il fuq, l-informazzjoni protetta f'dan il-każ tirrigwarda teknoloġija sigrieta u ta' valur kbir. Fil-każ preżenti, biex tasal għal konklużjoni li r-rifjut li tikkomunika informazzjoni protetta mill-liġi dwar proprjetà intellettwali ma kienx oġġettivament ġustifikabbli u għaldaqstant kien ksur ta' l-Artikolu 82 KE, il-Kummissjoni applikat test impreċiż, li jmur il-bogħod minn dawk rikonoxxuti fil-ġurisprudenza ta' qabel. Għaldaqstant, il-Kummissjoni nfisha kkunsidrat li tali rifjut jikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 82 KE jekk, wara li kollox jittieħed in kunsiderazzjoni, l-impatt negattiv possibbli ta' ordni sabiex tipprovdi fuq l-inċentivi ta' Microsoft għhall-innovazzjoni ikun inqas mill-impatt pożittiv fuq il-livell ta' innovazzjoni fis-settur kollu (kunsiderazzjoni 783). Barra n-natura fluwida ta' dan it-test il-ġdid, ma jidhirx, fuq bażi ta' evidenza jew analiżi, li l-innovazzjoni f'dan is-settur tiġi stimulata jekk it-teknoloġija ta' Microsoft tiġi mogħtija lill-kompetituri tagħha. Għal kuntrarju, Microsoft issostni li liċenzja obbligatorja tnaqqas il-kompetizzjoni bejn distributuri ta' sistemi operativi tas-servers.

107   Barra minn hekk, Microsoft issostni li Sun Microsystems ma talbitiex tipprovdi t-teknoloġija li l-Kummissjoni qed tordnalha li tipprovdi. Barra dan, minħabba li din il-kumpannija qatt ma talbet xi liċenzja sabiex jiġi żviluppat softwer fiż-ŻEE, Microsoft issostni li hija ma kienet taħt l-ebda obbligu fir-rigward tat-talba ta' Sun Microsystems li tista' twassalha għal aġir li jista' jaqa' taħt l-iskop ta' l-Artikolu 82 KE.

108   Fl-aħħarnett, billi tobbliga lill-Microsoft tagħti liċenzja għal informazzjoni protetta, il-Kummissjoni qed tonqos milli tieħu in kunsiderazzjoni l-obbligi imposti fuq il-Komunitajiet taħt il-Ftehim TRIPS (ara l-paragrafu 84 fuq).

109   Fl-osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta' Awwissu 2004, Microsoft issostni li l-Kummissjoni ma tistax tgħid li d-Deċiżjoni ma timponix kondotta ġdida fuqha imma għandha l-effett biss li terġa lura għal politika kummerċjali li kienet ħadet fil-bidu. Microsoft tirrileva, qabel kollox, li l-Kummissjoni ma tissuġġerix li l-informazzjoni indikata fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni ġiet ipprovduta fil-passat. Wara hija ssostni li jekk il-Kummissjoni kienet għaldaqstant qed tirreferi għall-informazzjoni dwar it-teknoloġija tan-netwerking mogħtija taħt liċenzja lill-AT&T fl-1994 sabiex tippermetti l-iżvilupp ta' prodott li jismu "Advanced Server for UNIX" ("AS/U"), allura l-fornitura ta' tali informazzjoni ma ġietx interrotta. Fil-fatt, il-prodott imsejjaħ "PC Net Link" żviluppat minn Sun Microsystems, li bih AT&T tat liċenzja lil AS/U, llum għadu disponibli fis-suq. Sun Microsystems għada tippromwovi PC Net Link li tinkludi "servizzi ta' netwerk ta' Native Windows NT" – inklużi s-servizzi ta' fajls u ta' stampar u servizzi ta' amministrazzjoni ta' utenti u gruppi ta' utenti – fuq is-sistema operativa tas-server Solaris. Sun Microsystems tafferma wkoll li PC Net Link taħdem sew ma' l-aħħar sistemi operativi tal-Windows Client PC ta' Microsoft, inklużi Windows 2000 Professional u Windows XP.

110   Barra minn hekk, Microsoft ma tistax tkun imġiegħla tagħti liċenzja għall-protokolli ta' komunikazzjoni tagħha fil-futur minħabba li hija ddeċcidiet li tagħti liċenzja għat-teknoloġija tan-networking lill-AT&T fl-1994. Barra dan, kienet waħda mill-kundizzjonijiet tal-kuntratt bejn Microsoft u AT&T li r-relazzjoni kummerċjali tagħhom ma tkunx estiża għal teknoloġiji ġodda.

111   Fl-aħħar, Microsoft tenfasizza li l-bejjiegħa li jikkompetu bejniethom fil-bejgħ tas-sistemi operativi tas-servers mhumiex dipendenti fuq l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà li l-fornitura tagħha Microsoft qed tiġi allegata li waqqfet. Novell qatt ma wżat AS/U u qatt ma wriet interess, lanqas żgħir, li tagħmel dan. In-NetWare ta' Novell tagħti servizzi ta' fajls u ta' stampar u servizzi ta' amministrazzjoni ta' utenti u gruppi ta' utenti għal sistemi operativi ta' Windows billi jużaw il-protokolli ta' komunikazzjoni ta' Novell stess. Il-bejjiegħa ta' Linux ukoll m'għhandhom ebda bżonn ta' AS/U. Is-sistemi operativi tas-servers tagħhom jagħtu servizzi ta' fajls u ta' stampar u servizzi ta' amministrazzjoni ta' utenti u gruppi ta' utenti għal sistemi operativi ta' Windows billi jużaw il-prodott ta' softwer Samba open-source, li ġie żviluppat permezz ta' tħaddim b'lura [reverse engineering] tal-protokolli ta' komunikazzjoni ta' Microsoft.

b)      Dwar l-urġenza

112   Microsoft tikkontendi li l-eżekuzzjoni immedjata ta' l-Artikolu 5(a) sa (c) tad-Deċiżjoni twassal għal tliet tipi ta' dannu serju u irreparabbli.

1)      Ksur tad-drittijiet dwar proprjetà intellettwali

113   Id-Deċiżjoni għandha l-effett li tobbliga lill-Microsoft tagħti liċenzja għal informazzjoni ta' valur kbir protetta mill-liġi dwar proprjetà intellettwali. Il-ksur tad-drittijiet dwar proprjetà intellettwali li jirriżulta, jikkostitwixxi dannu serju u.

i)      Informazzjoni ta' valur rilevanti

114   Microsoft issostni li l-protokolli ta' komunikazzjoni jikkostitwixxu teknoloġija li tagħha hija proprjetarja, użata mill-Windows Client PC u mis-sistemi operativi tas-servers sabiex tiġi skambjata informazzjoni ma' kopji oħra ta' dawk is-sistemi operativi fejn il-valur kummerċjali huwa sinjifikattiv [rapport ta' S. Madnick u B. Meyer, "Dannu kkawżat mill-obbligu impost fuq Microsoft li turi l-protokolli ta' komunikazzjoni kollha wżati sabiex tipprovdi servizzi ta' "work group", f'Anness R.2 (Ir-"Rapport ta' Madnick u Meyer")]. Il-protokolli ta' komunikazzjoni tagħha huma l-frott ta' ħafna snin ta' riċerka u żvilupp li sewa ħafna. Saru sforzi sinjifikattivi sabiex jiġu ddisinjati protokolli ta' komunikazzjoni li jipprovdu funzjonalità utli u li jsaħħu l-ħeffa, ir-reżistenza, is-sigurtà u l-effiċjenza ta' l-interazzjoni ta' informazzjoni bejn is-sistemi operativi ta' Windows.

115   Rigward l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni, li huma deskrizzjonijiet dettaljati tad-disinn u l-mod ta' kif jiffunzjonaw protokolli ta' komunikazzjoni, huma jkunu jistgħu jippermettu konkorrent, li jkollu l-pussess tagħhom, sabiex juża l-protokolli ta' komunikazzjoni ta' Microsoft fis-sistema operativa tas-server tiegħu stess.

116   Fl-osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta' Awwissu 2004, Microsoft issostni li l-obbligu li tagħti taħht liċenzja l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni li jippermettu s-sistemi operativi multipli ta' Windows li jiffunzjonaw flimkien meta jipprovdu servizzi ta' work group ikollha l-effett li tinkixef informazzjoni importanti dwar id-disinn intern tas-sistemi operativi ta' Windows. Kif joħroġ mir-Rapport ta' Madnick u Meyer, l-għoti ta' liċenzji għall-protokolli ta' komunikazzjoni, li jippermettu l-interazzjonijiet bejn numru ta' sistemi operativi tas-server ta' Windows jikxef informazzjoni estensiva fuq kif jiffunzjona d-direttorju, imsejjaħ Active Directory, f'dawn is-sistemi operativi.

ii)      Informazzjoni protetta mill-liġi dwar proprjetà intellettwali

117   117   Il-protokolli ta' komunikazzjoni ta' Microsoft u l-ispeċifikazzjonijiet li jiddeskrivuhom huma protetti mil-liġi dwar proprjetà intellettwali. Microsoft tippreċiża, permezz ta' risposta għall-argument imqajjem mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha tal-21 ta' Lulju 2004, li, min-naħa, huwa tajjeb li ssir distinzjoni bejn disinn ta' protokoll, l-ispeċifikazzjonijiet ta' protokoll u l-implementazzjoni ta' protokoll u, min-naħa l-oħra, li l-protezzjoni ta' proprjetà intellettwali mhijiex limitata għal waħda minn dawn it-tliet kategoriji.

Protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur

118   Il-protokolli ta' komunikazzjoni huma protetti mid-drittijiet ta' l-awtur taħt il-Konvenzjoni ta' Berna għal protezzjoni ta' xogħolijiet letterarji u artistiċci tad-9 ta' Settembru 1886, kif emendata l-aħħar fit-28 ta' Settembru 1979, u taħt id-Direttiva tal-Kunsill (91/250/KEE) ta' l-14 ta' Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter (ĠU L 122, p. 42), bis-saħħa tal-preambolu tagħha u Artikolu 1(1). Rigward l-ispeċifikazzjonijiet ta' dawn il-protokolli, dawn huma materjal ta' disinn preparatorju, li huwa protett ukoll mid-drittijiet ta' l-awtur (Opinjoni tas-Sur Prescott, Anness T.3, li saret referenza għalija fil-paragrafu 90 iktar 'il fuq).

119   B'konsegwenza, Microsoft, bħal kull proprjetarju ta' drittijiet ta' l-awtur, għandha d-dritt esklussiv li tawtorizza pubblikazzjoni tax-xogħolijiet protetti jew li tpoġġihom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b'kull mod ieħor. Il-liġijiet dwar id-drittijiet ta' l-awtur ta' varji Stati Membri jawtorizzaw espressament lis-sidien ta' xogħolijiet protetti sabiex jiddeterminaw jekk dawk ix-xogħolijiet jiġux ippubblikati jew mogħtija f'kull forma. F'dan il-każ, id-deċiżjoni ċċaħhħad lill-Microsoft mid-dritt li tiddeċiedi f'liema forma, lil min, meta u taħt liema kundizzjonijiet hija tixtieq tpoġġi l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni tagħha għad-dispożizzjoni, jekk ikun il-każ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tirrikonoxxi li l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni ta' Microsoft ikunu protetti mid-drittijiet ta' l-awtur malli jiġu miktuba u, fl-istess ħin, issostni li l-obbligazzjoni imposta fuq Microsoft bid-Deċiżjoni li tagħti liċenzja għal dawk l-ispeċifikazzjonijiet ma tiksirx is-sustanza nfisha ta' dan id-dritt.

120   Il-proprjetarju ta' drittijiet ta' l-awtur għandu wkoll id-dritt esklussiv li jawtorizza l-ħolqien ta' xogħolijiet derivati, kemm taħt l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta' Berna kif ukoll taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/250. Fil-każ preżenti, dan id-dritt esklussiv li jawtorizza l-ħolqien ta' xogħolijiet derivati qed jinkiser, minħabba li l-implementazzjoni ta' l-ispeċifikazzjonijiet għal-protokolli ta' komunikazzjoni ta' Microsoft, mill-kompetituri tagħha ċertament tikkostitwixxi adattament, jew traduzzjoni, ta' dawk l-ispeċifikazzjonijiet li jaqaw taħt l-ambitu ta' drittijiet ta' l-awtur u għaldaqstant ma jistax jitqies bħala xogħol żviluppat indipendentement. Barra dan, anki jekk nassumu li min ikollu l-liċenzi ikun jista' jimplementa ċerti speċifikazzjonijiet mingħajr ma jikser id-drittijiet ta' l-awtur ta' Microsoft, id-Deċiżjoni ma teżigix li dawn għandhom jaġixxu b'dan il-mod, minħabba li hija timponi lill-Microsoft li "tawtorizza l-użu" ta' l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni tagħha mingħajr ma tistabbilixxi limitu fuq il-mod ta' kif min ikollu l-liċenzi għandu jiżviluppa l-prodotti tiegħu. Għaldaqstant, m'hemm l-ebda raġuni għalfejn wieħed għandu jemmen li min ikollu l-liċenzi ser jillimita ruħhu għall-iżvilupp ta' applikazzjonijiet li ma jkunux illeċiti, anki jekk hemm l-assunzjoni li kien possibbli li jagħmel dan.

121   Fl-aħħar, Microsoft issostni li, fil-kuntest tat-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti, il-partijiet kollha aċċettaw li l-ispeċcifikazzjonijiet għal protokolli ta' komunikazzjoni tagħha client-to-server kienu protetti mid-drittijiet ta' l-awtur.

Protezzjoni tal-Privattivi

122   Fit-talba tagħha għal miżuri provviżorji, Microsoft tindika li ċerti protokolli ta' komunikazzjoni li l-Kummissjoni timponilha li tipprovdi huma koperti minn privattivi jew minn applikazzjonijiet għal privattivi u li hija għandha l-intenzjoni li tippreżenta, qabel Ġunju 2005, numru kbir ta' applikazzjonijiet għal privattivi li jittrattaw dwar diversi aspetti tal-Windows Client PC u sistemi operativi tas-server li jkopru l-protokolli ta' komunikazzjoni indikati fid-Deċiżjoni. Il-fatt li l-effetti tad-Deċiżjoni mhumiex limitati fir-rigward taż-żmien jfisser li privattivi futuri ikunu koperti bl-għoti obbligatorju ta' liċenzja li hija inkluża fid-Deċiżjoni.

123   Fl-osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta' Awwissu 2004, Microsoft tidentifika tliet privattivi Ewropej u żewġ applikazzjonijiet għal privattivi Ewropej pendenti li jkopru l-protokolli ta' komunikazzjoni soġgġetti għall-obbligu ta' l-għoti ta' liċenzja. Skond l-opinjoni tas-Sur Knauer, Anness T.5, li għaliha saret referenza fil-paragrafu 91 iktar 'il fuq, numru ta' protokolli ta' komunikazzjoni użati mis-sistemi operativi tas-server ta' Windows sabiex jipprovdu servizzi ta' files u ta' stampar u ta' servizzi ta' amministrazzjoni ta' utenti u gruppi ta' utenti huma koperti bi privattivi, jiġifieri, (i) il-protokoll DFS (Distributed File System) kopert bil-privattiva EP 0 661 652 B1; (ii) il-protokoll SMB, kopert bil-privattiva EP 0 438 571 B1, u (iii) il-protokoll Distributed Component Object Model Remote kopert bil-privattiva EP 0 669 020 B1. Għal dak li jikkonċerna l-applikazzjonijiet għal privattivi, dawn għandhom x'jaqsmu mal-protokolli Constraint Delegation u Active Directory Sites.

124   F'dan il-kuntest, Microsoft tirrileva li l-Kummissjoni ma teskludix tekonolġija koperta minn privattivi mill-miżura u timponi li Microsoft tagħti liċenzja għad-drittijiet dwar proprjetà intellettwali kollha tagħha relatata mal-protokolli ta' komunikazzjoni, inklużi l-privattivi kollha. Għaldaqstant, il-kompetituri ma jkollhom ebda raġuni biex jippruvaw jiżviluppaw applikazzjonijiet li ma jużawx il-metodi koperti mill-privattivi..

Protezzjoni ta' sigrieti ta' kummerċ

125   Skond Microsoft, il-protokolli ta' komunikazzjoni huma sigrieti ta' kummerċc li ma ġewx mikxufa lill-terzi, sakemm dawn ma aċċettawx li jkunu marbuta bl-obbligu ta' kunfidenzjalità kuntrattwali.

126   B'risposta għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-21 ta' Lulju 2004 li jgħidu li, min-naħa, il-leġittimità, taħt il-liġi tal-kompetizzjoni, ta' rifjut li tikxef 'sigriet', li l-eżistenza tagħha tiddependi purament minn deċiżjoni kummerċjali unilaterali għandha tkun dipendenti fuq l-interessi li jkun hemm, u min-naħa l-oħra, id-dannu kkawżat lill-Microsoft bl-obbligu li tikxef is-sigrieti ta' kummerċ tagħha huwa inqas gravi mid-dannu kkawżat mill-obbligu li jimponi fuq Microsoft li tawtorizza r-riproduzzjoni tax-xogħolijiet tagħha protetti mid-drittijiet ta' l-awtur jew il-ksur tad-drittijiet tal-privattivi tagħha, Microsoft issostni li fil-mument li hija tista' tittrasferixxi l-protokolli ta' komunikazzjoni tagħha lill-terzi għal kunsiderazzjoni finanzjarja u tkun tista' tiftaħ proċeduri kontra dawk li jużaw dawk il-protokolli illegalment (Opinjonijiet tas-Sur Prescott u tas-Sur Galloux, rispettivament Annessi T.3 u T.6, li għalihom saret referenza fil-paragrafu 90 iktar 'il fuq) u li, konsegwentement, l-għoti obbligatorju ta' liċenzja ser inaqqas il-valur ta' l-assi in kwistjoni. Barra dan, ma jistax jiġi dedott, mis-sentenza tas-6 ta' Ottubru 1994 fil-Kawża Tetra Pak v il-Kummissjoni (T-83/91, Ġabra p. II 755, paragrafi 84 u 139), li l-Qorti tal-Prim'Istanza aċċettat li informazzjoni sigrieta ppreżentata fil-forma ta' speċifikazzjonijiet mhix protetta bl-istess mod bħal proprjetà intellettwali oħra, minħabba li l-Qorti ma ġietx mitluba tiddetermina jekk l-ispeċifikazzjonijiet għal kaxex tal-kartun jikkostitwixxux sigrieti ta' kummerċ protetti.

Dwar in-neċessità għall-informazzjoni

127   Fl-osservazzjonijiet tagħha tal-21 ta' Lulju 2004, il-Kummissjoni tafferma li l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni ta' Microsoft jikkostitwixxu informazzjoni neċessarja għal interoperabbiltà fis-sens tad-Direttiva 91/250 u li, konsegwentement, l-għoti obbligatorju ta' liċenzja impost mid-Deċiżjoni ma jagħtix lill-kompetituri ta' Microsoft affarijiet li huma ma jistgħux jiksbu billi jiddekompila s-sistema operativa tas-server tal-Windows skond id-deroga prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva.

128   Madankollu, Microsoft tikkunsidra li din l-allegazzjoni mhijiex korretta għal numru ta' raġunijiet.

129   L-ewwel nett, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/250 toffri biss eċċezzjoni limitata għad-drittijiet esklussivi tal-prorjetarju ta' programm ta' softwer protett kif indikat fl-Artikolu 4 ta' dik id-Direttiva. F'ċerti ċirkustanzi ċari, 'utent leġittimu' jkun awtorizzat 'jiskopri' interfaces ta' programm ta' softwer protett waqt li jipproċedi bid-'dikompilazzjoni' ta' kodiċi li jista' jinqara b'magna li tikxef dawn l-interfaces. Din id-'dikompilazzjoni' tkun awtorizzata biss jekk l-interfaces ikunu indispensabli biex jassiguraw il-funzjonalità ta' programm ta' softwer maħluq indipendentement u li ma tpoġġewx għad-dispożizzjoni mill-proprjetarju tal-programm. F'dan il-każ, apparti l-fatt li Microsoft tafferma li hija diġa kixfet l-interfaces li programmi ta' softwer ta' terzi għandhom bżonn sabiex jibbażaw ruħhom fuq il-funzjonalità tas-sistema operativa tas-server tal-Windows, l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni tagħha mhumiex neċessarji sabiex jassiguraw il-funzjonalità ta' work group server operating system maħluq indipendentement. Għal kuntrarju, id-Deċiżjoni timponi fuq Microsoft li tawtorizza l-kompetituri joħolqu prodotti li joffru l-istess servizzi ta' files u ta' stampar u ta' servizzi ta' amministrazzjoni ta' utenti u gruppi ta' utenti bħal ma toffri s-sistema operativa tas-server tal-Windows, billi jiżviluppaw l-implementazzjonijiet tagħhom stess tal-protokolli ta' komunikazzjoni ta' Microsoft. Għalhekk, Microsoft hija obbligata tipprovdi l-kompetituri tagħha b'informazzjoni ta' valur kummerċjali f'ċirkustanzi fejn huma ma jkollhomx id-dritt li jiddekkompilaw skond l-Artikolu 6(2) ta' l-imsemmija Direttiva.

130   It-tieni nett, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250 tawtorizza li l-informazzjoni tiġi miksuba bid-'dikompilazzjoni', izda fil-paragrafu 2 timponi tliet limitazzjonijiet stretti dwar l-użu ta' dik l-informazzjoni, inkluża l-projbizzjoni li din l-informazzjoni tintuża biex jiġi maħluq programm li jirriproduċi dak li jikkostitwixxi id-'dikompilazzjoni'. Izda d-Deċiżjoni m'għandha l-ebda limitazzjoni f'dan is-sens; għal kuntrarju, hija tawtorizza lil dawk li jkollhom l-liċenzja biex jiżviluppaw applikazzjonijiet li jiksru d-drittijiet ta' l-awtur ta' Microsoft fir-rigward ta' l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni tagħha.

131   It-tielet nett, l-ispeċifikazzjonijiet għandhom valur ikbar mill-informazzjoni li l-kompetituri ta' Microsoft jistgħu jiksbu minn 'dikompilazzjoni' leġittima.

Dwar id-dannu serju u irreparabbli

132   Fit-tieni lok, Microsoft tesponi li l-kxif ta' informazzjoni protetta mil-liġi dwar proprjetà intellettwali tikkawża dannu serju u irreparabbli.

133   Billi tippermetti l-kompetituri ta' Microsoft jużaw il-protokolli ta' komunikazzjoni sabiex joffru sistemi operativi tas-server li jistgħu jissostitwixxu dawk mogħtija minn Microsoft, l-Artikolu 5(a) tad-Deċiżjoni ċċaħħad lill-Microsoft mill-vantaġġi kompetittivi li hija akkwistat permezz ta' riċerka u żvilupp. Id-drittijiet dwar proprjetà intellettwali jimplikaw id-dritt li wieħed jagħżel jekk iridx juża jew le il-proprjetà protetta u l-mod ta' kif jużaha. Kif diġa ntqal, il-ħruġ obbligatorju ta' liċenzja jdgħajjef "ir-raison d'être" fundamentali ta' drittijiet dwar proprjetà intellettwali li 'tagħti lill-kreatur ta' xogħolijiet inventivi u oriġinali d-dritt esklussiv biex jiġu sfruttati dawk ix-xogħolijiet' (Ordni tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-26 ta' Ottubru 2001, IMS Health v il-Kummissjoni, T-184/01 R, Ġabra p. II 3193, paragrafu 125). Għal dik ir-raġuni, il-Qorti tal-Prim'Istanza irrikonoxxiet li, li wieħed jobbliga intrapriża toħroġ liċenzja għad-drittijiet dwar proprjetà intellettwali tagħha, anki jekk b'mod 'purament temporanju', iwassal għal riskju li tikkawżalha 'dannu serju u irreparabbli', anki meta l-informazzjoni kkonċcernata hija diġa ta' dominju pubbliku (ibid., paragrafu 127).

134   In-natura irriversibbli ta' l-għoti ta' l-elementi ta' proprjetà intellettwali hija b'mod partikolari evidenti f'dak li jikkonċerna s-sigrieti ta' Kummerċ. Fil-kawża preżenti, il-proprjetà intellettwali huma l-intuwizzjonijiet ta' Microsoft rigward il-mod ta' kif ser tagħmel ċerti xogħolijiet li sistemi operativi tas-server iridu jagħmlu waħedhom jew flimkien ma client PC u sistemi operativi tas-server. Il-kxif ta' dawn l-intuwizzjonijiet turi għarfien li qatt ma jista' jiġi mħassar mill-memorja ta' min jirċevihom.

135   Il-ħruġ obbligatorju ta' liċenzja għal informazzjoni protetta mid-drittijiet ta' l-awtur għandha wkoll effetti irriversibbli fuq il-kompetizzjoni. Fil-fatt, l-istudju ta' l-ispeċifikazzjonijiet ta' protokolli ta' komunikazzjoni protetti mid-drittijiet ta' l-awtur jippermetti lill-kompetituri ta' Microsoft jiksbu tagħrif dettaljat tal-modi ta' funzjonament intern tas-sistemi operativi tagħha u jużaw dik il-konoxxenza għal prodotti tagħhom stess. Ikun impossibbli li wieħed jiddetermina, sussegwentement, li dik il-konoxxenza mhux qed tintuża mill-kompetituri ta' Microsoft.

136   Il-ħruġ obbligatorju ta' liċenzji għal privattivi jikkawża dannu irreparabbli wkoll. Ċerament, l-annullament tad-Deċiżjoni tippermetti lill-Microsoft li tibda proċeduri kontra terzi sabiex twaqqafhom milli jużaw it-teknoloġija koperta mill-privattivi, izda dan ikun eżerċizju b'mod partikolari kumplikat u ineffiċcjenti sabiex tipprova taċċerta jekk it-teknoloġija ta' Microsoft għadiex tintuża jew le, u l-prodotti maħluqa f'dan iż-żmien u li jinkorporaw l-invenzjonijiet ta' Microsoft probabbilment jibqgħu fiċ-ċirkuwiti ta' distribuzzjoni u f'idejn il-klijenti.

137   Għalkemm id-Deċiżjoni tippermetti lill-Microsoft toħroġ liċenzja għad-drittijiet dwar proprjetà intellettwali taħt 'kundizzjonijiet raġjonevoli u mhux diskriminatorji', li għalhekk tfisser il-ħlas ta' royalty, id-dannu kkawżat lid-drittijiet dwar proprjetà intellettwali mhux ser jkun riparat bil-ħlas ta' tali royalty (ara, f'dan is-sens, Ordni IMS Health vs Il-Kummissjoni, paragrafu 133 iktar 'il fuq, paragrafu 125)

2)      Indħhil fil-libertà kummerċjali ta' Microsoft

138   Microsoft tirreferi għall-Ordnijiet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Ġunju 1996, Bayer vs il-Kummissjoni (T-41/96 R, Ġabra p. II‑381, paragrafu 54), et IMS Health vs il-Kummissjoni (paragrafu 133 iktar 'il fuq, paragrafu 130), u issostni li, bħal fil-kawżi li fihom ittieħdu dawn l-ordnijiet, il-kapaċità tagħha li tiddetermina liberament l-elementi essenzjali tal-politika ta' kummerċ tagħha jiġu kompromessi bl-implementazzjoni tad-Deċiżjoni.

i)      Dwar il-libertà li tikkomunika l-informazzjoni

139   Fil-każ preżenti, Microsoft m'għhandix il-politika kummerċjali li toffri liċenzja ġenerali għall-protokolli ta' komunikazzjoni tagħha. Hija tirrileva li l-ħruġ ta' liċenzji tal-protokolli tagħha client-to-server ġie miftiehem fit-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti, iżda din it-tranżazzjoni ma tkoprix il-ħruġ ta' liċenzja għall-protokolli ta' komunikazzjoni tagħha server-ma'-server. Billi obbligat lill-Microsoft tagħti l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni tagħha server-ma'-server, li l-parti l-kbira tagħhom qatt ma ġew abbozzati, id-Deċiżjoni ġġiegħel lill-Microsoft issir fornitur ta' teknoloġija lill-kompetituri tagħha fis-settur tas-sistemi operativi tas-server.

140   Microsoft wara tesponi d-differenzi bejn, min-naħa waħda, it-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti u l-ftehim ma Sun Microsystems, u, min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni.

141   Rigward it-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti , din tipprovdi għall-ħruġ ta' liċenzji għal protokolli ta' komunikazzjoni client-to-server bl-għan waħdieni li tiġi assigurata l-interoperabbiltà mas-sistemi operativi tal-Windows Client PC filwaqt li d-Deċiżjoni timponi l-ħruġ ta' liċenzji għall-istess protokolli għall-użu tagħhom fis-sistemi operativi tas-server tal-Work Group li joffru servizzi ta' files u ta' stampar u servizzi ta' amministrazzjoni ta' utenti u gruppi ta' utenti għal kull Windows client PC jew sistema operativa tas-server.

142   It-tranżazzjoni konkluża f'April 2004 ma' Sun Microsystems – l-unika kwelerant quddiem il-Kummissjoni – tinkludi serje ta' ftehim reċiproċi li fihom il-partijiet ftehmu li jikkollaboraw fl-iżvilupp ta' prodotti u biex jikkonċedu liċenzji lill-xulxin, inklużi liċenzji li jkopru t-tipi ta' protokolli ta' komunikazzjoni kkonċernati mid-Deċiżjoni. Microsoft tenfasizza li l-liċenzji lill-xulxin jipprovdu ħlas fil-forma ta' aċċess għal proprjetà intellettwali ta' Sun Microsystems u inċentivi sabiex tiġi rrispettata l-proprjetà intellettwali ta' Microsoft fit-teknoloġija li għaliha tinħareġ liċenzja. In-natura reċiproka ta' dawn il-ftehim tipprovdi lill-Microsoft ħlas li hija speċifikament nieqsa fil-ħruġ obbligatorju ta' liċenzji impost mid-Deċiżjoni.

ii)      Dwar il-libertà li tiżviluppa l-prodotti tagħha

143   Microsoft issostni li l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni ċċaħħadha mill-kapaċità tagħha li tiżviluppa l-prodotti tagħha. Fil-fatt, il-ħruġg obbligatorju ta' liċenzji għall-protokolli ta' komunikazzjoni ċertament jikkomprometti l-libertà li tiddeċidi dwar kif ser tiżviluppa l-prodotti tagħha. L-iżvilupp futur ta' dawn il-protokolli u, finalment, il-kapaċità ta' Microsoft li tagħmel innovazzjonijiet tiġi effettwata, kif juri r-rapport ta' Madnick u Meyer. Fil-fatt Microsoft tindika li, mill-mument li prodotti ta' terzi jibdew jiddependu fuq il-karatteristiċi ta' disinn tas-sistema operativa ta' Windows minflok jiddependu fuq il-funzjonalità tagħhom permezz ta' l-interfaces pubblikati, il-kapaċità ta' Microsoft li timmodifika dawn il-karatteristiċi ta' disinn sabiex ittejjeb il-prodott, tonqos. L-affermazzjonijiet kuntrarji indikati mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha tal-21 ta' Lulju 2004 ma jikkunsidrawx ir-realtà kummerċjali. Hija diġa sfida ta' inġenjerija għal Microsoft, fil-kuntest tal-ħruġ suċċessiv tas-sistemi operativi tas-server tal-Windows ġodda, li tinżamm kompattibbiltà ma' l-eluf ta' interfaces pubblikati wżati minn programmi ta' softwer ta' terzi. Iż-zieda ta' funzjonijiet ġodda u t-titjib tal-funzjonament, tas-sigurtà u tar-reżistenza tal-funzjonijiet eżistenti ser ikun kunsiderevolment aktar diffiċli jekk programmi ta' softwer ta' terzi jiddependu mill-funzjonijiet tal-Windows billi jużaw dawk li kienu qabel protokolli kunfidenzjali (Ir-rapporti ta' Madnick u Meyer, Annessi R.2 u T.7).

iii)      Dwar in-neċessità li 'jissaħħu' l-protokolli

144   Il-protokolli privati m'humiex disinjati sabiex jintużaw minn prodotti ta' softwer ta' terzi mhux magħrufa. Konsegwentement, il-kxif ta' numru kbir ta' protokolli ta' komunikazzjoni privati jista' jkun il-kawża ta' nuqqas ta' funzjonament, krexxjar [crashes] u riskji għas-sigurtà. Microsoft għalhekk jkollha tiddedika parti mir-riżorsi tagħha sabiex 'issaħħaħ' il-protokolli kontra użu żbaljat jew malizjuż, li ħafna drabi tirrikjedi ż-żieda ta' kodiċi ta' protezzjoni jew verifiki supplementari importanti qabel ma l-prodotti li jużaw il-protokolli ta' komunikazzjoni jistgħu jinħarġu. F'dan ir-rigward, id-Deċiżjoni teffettwa b'mod irriversibbli l-libertà ta' Microsoft li tiżviluppa il-prodotti tagħha bi kwalunkwe mod li hija tħoss xieraq.

145   Fl-osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta' Awwissu 2004, Microsoft iżżid li l-fornitura ta' l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni lill-kompetituri tagħha, li qatt ma kienu intiżi għal ebda raġuni ħlief li jassiguraw il-komunikazzjoni bejn sistema operativa tas-server tal-Windows, tesponi lill-klijenti għal vulnerabilitajiet tekniċi. Fuq dan il-punt, hija tirreferi għar-rapporti ta' Madnick u Meyer, Annessi R.2 u T.7. Dawn il-protokolli jagħmlu numru ta' suppożizzjonijiet fuq il-funzjonament intern tas-sistemi operativi tas-server li flimkien jagħtu servizzi ta' work group. Konsegwentement, m'għandhomx il-mekkaniżmi protettivi li kien ikollhom kieku kienu ddisinjati biex jikkomunikaw ma' prodotti ta' softwer ta' terzi. Għalkemm ikun possibbli għal Microsoft li 'ssaħħaħ' l-implementazzjoni tal-protokolli ta' komunikazzjoni tagħha fil-futur, hemm miljuni ta' sistemi operativi tas-server tal-Windows f'netwerks ta' klijenti li jużaw il-protokolli fl-istat attwali tagħhom. Mhuwiex possibbli li dawn il-prodotti jiġu modifikati b'lura sabiex jiġu protetti kontra l-użu ħażin tal-protokolli ta' komunikazzjoni, għax iż-żieda ta' mekkaniżmi ta' protezzjoni neċessarji tirrikjedi tibdiliet estensivi lill-prodotti li diġa jintużaw. Microsoft tosserva li, għalkemm il-Kummissjoni hija sarkastika dwar x'jikkwalifika bħala 'sigurtà permezz ta' oskurita' (Anness S.2), il-klijenti ma jkunux kuntenti li jsiru jafu li kxif impost fuqha mid-Deċiżjoni għamlet is-sistema operativa tas-server tal-Windows eżistenti vulnerabbli għal nuqqas ta' funzjonament (ir-rapport ta' Madnick u Meyer, Anness T.7). Il-protokolli huma kkumplikati u r-riskju ta' żball fl-implementazzjoni tagħhom f'sistema operativa tas-server ta' work group ieħor huwa kbir. Żball bħal dan jista' jwassal għal telf ta' data importanti u korruzzjoni ta' data [data corruption], flimkien ma' dannu kkawżat lill-Microsoft u l-klijenti tagħha. Ovvjament, il-klijenti jikkunsidraw telf ta' data u korruzzjoni ta' data bħala ħaġa serja u Microsoft tbati dannu serju, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mar-reputazzjoni tagħha, jekk il-bażi eżistenti tas-sistema operativa tas-server tal-Windows titpoġġa f'riskju bl-użu mhux korrett tal-protokolli ta' komunikazzjoni ta' Microsoft. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li 'kull dannu ikun riversibbli […] darba li d-Deċiżjoni tiġgi annullata'. L-annullament, iżda, ma jistax iġib lura t-telf ta' data u korruzzjoni ta' data u lanqas jerġa jistabbilixxi r-reputazzjoni ta' Microsoft.

3)      Tibdil irriversibbli tal-kundizzjonijiet tas-suq

146   Microsoft issostni li l-ħruġ obbligatorju ta' liċenzji jbiddel b'mod irriversibbli l-kundizzjonijiet tas-suq għad-detriment tagħha. Jidher illi l-Kummissjoni ppruvat twassal dan it-tibdil, kif tindika l-kunsiderazzjoni 695 tad-Deċiżjoni li tgħid li, "jekk il-kompetituri ta' Microsoft kellhom aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà li Microsoft tirrifjuta li tipprovdi, huma setgħu jużaw dawn sabiex jagħmlu funzjonijiet avvanzati tal-prodotti tagħhom stess disponibbli fil-kuntest ta' netwerk ta' relazzjonijiet ta' interoperabbiltà li minnu tiddependi l-arkitettura tas-sistema tal-Windows".

147   Sabiex turi t-tibdil irriversibbli li ser ikun hemm fis-suq, Microsoft issostni li l-eżami ta' l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati tal-protokolli ta' komunikazzjoni li hija proprjetarja tagħhom, li jkunu possibbli permezz tal-ħruġ obbligatorju ta' liċenzji, jikxef lill-kompetituri aspetti importanti dwar id-disinn tas-sistema operativa tas-server tal-Windows. Kif spjegat fir-rapport ta' Madnick u Meyer, l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni li qabel kienu privati ikunu partikularment suxxettibbli li jikxfu informazzjoni dwar id-disinn intern tas-sistemi operativi minħabba li dawk il-protokolli huma ħafna drabi dipendenti fuq l-implementazzjoni speċifika tagħhom f'kodiċi ta' softwer. L-użu ta' dawn il-protokolli ta' komunikazzjoni minn terzi għalhekk jimplika l-ispeċifikazzjoni ta' ħafna dettalji, għalkemm dawk id-dettalji jibqgħu impliċiti meta l-protokolli jintużaw privatament minn kopji differenti ta' l-istess sistema operativa li taħdem fuq servers differenti.

148   Il-kxif ta' informazzjoni fuq skala wiesgħa jippermetti lill-kompetituri ta' Microsoft jirripproduċu fis-sistemi operativi tas-server tagħhom serje ta' funzjonalitajiet li Microsoft żviluppat permezz ta' l-isforzi tagħha fir-riċerka u fl-iżvilupp. Id-dannu li jirriżulta lill-Microsoft imur lil hinn mill-iskop tal-kxif obbligatorju, lil hinn mis-suq tas-sistemi operativi tas-server tal-work group u lil hinn ukoll mill-iskop ġeografiku ta' ħhruġ obbligatorju ta' liċenzja.

c)      Dwar il-bilanċ ta' l-interessi

149   Fl-ewwel lok, Microsoft issostni li l-interess tal-Kommunitajiet li jimponu rimedju effettiv ma jirrikjedix l-implementazzjoni immedjata ta' l-Artikolu 5(a) sa (c) tad-Deċiżjoni.

150   Qabel kollox, la l-obbjettiv ta' l-Artikolu 82 KE huwa li 'jippreżerva l-interessi tal-konsumaturi u mhux li jipproteġgi l-pożizzjoni ta' kompetituri partikolari' (ordni f'IMS Health vs Il-Kummissjoni, paragrafu 133 iktar 'il fuq, paragrafu 145), ċerta importanza għandha tingħata lin-nuqqas ta' dannu li l-konsumaturi jbatu. Fil-kawża preżenti, il-klijenti jibbenefikaw minn soluzjonijiet ta' interoperabbiltà varji. Għal hekk, f'ħames snin ta' proċeduri quddiem il-Kummissjoni, l-ebda intrapriża ma ddikjarat li riedet tagħżel sistema operativa tas-server li mhijiex tal-Windows u li kienet imġiegħla, għal raġunijiet ta' interoperabbiltà, li tagħżel sistema operativa tas-server ta' Windows.

151   Wara dan, l-implementazzjoni tal-miżura korrettiva prevista mill-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni mhijiex neċessarja, minħabba li l-kompetituri ta' Microsoft m'għandhomx neċessità urġenti li jkollhom aċċess għall-protokolli ta' komunikazzjoni tagħha. Barra dan, skond kif tirrileva Microsoft, il-Kummissjoni nfisha ma tgħidx li l-kompetizzjoni bejn il-bejjiegħa tas-sistemi operativi tas-server jispiċċaw fil-futur qarib jekk Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tiġi sospiża.

152   Dwar dan il-punt, Microsoft issostni li l-prodotti tal-kompetituri tagħha huma attwalment kompetittivi u tagħti varji studji u projezzjonijiet dwar Linux, UNIX u Novell.

153   Barra minn dan, Microsoft tissottometti li l-Kummissjoni ma stabbilietx konnessjoni bejn il-miżura korrettiva prevista mill-Artikolu 5 tad-Deċciżjoni u kull talba magħmula minn fornituri ta' sistemi operativi tas-server tal-work group. Microsoft tippreċiża li Sun Microsystems, Novell u Free Software Foundation/Samba ma għamlux talba sabiex jibbenefikaw minn liċenzja fuq il-protokolli ta' komunikazzjoni tagħhha.

154   Il-vantaġġi li dawn il-kompetituri jistgħu jkollhom jekk ikunu jistgħu jiskopru kif Microsoft sabet soluzzjoni għal ċerti problemi relatati mad-disinn tas-sistemi operativi tas-server ma jistax jipprevali fuq l-interess leġittimu ta' Microsoft li tipproteġi t-teknoloġija tagħha. Meta jintiżnu l-interessi, l-interess pubbliku li tinżamm kompetizzjoni effettiva għandha kjarament tieħu preċedenza fuq l-interessi tal-kompetituri ta' Microsoft.

155   Ir-riskju li l-fornituri ta' sistemi operativi tas-server li jikkompetu jistgħu joħorġu mis-suq jekk l-effetti ta' l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tiġi sospiża ma jeżistix. Il-kompetituri ta' Microsoft ilhom joħorġu liċenzji għas-sistemi operativi tas-server tagħhom lill-klijenti professjonali għal numru ta' snin mingħajr ma jipprovdu aċċess għall-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni, kif min-naħa l-oħra d-Deċiżjoni timponi fuq Microsoft li tipprovdilhom. Sabiex issostni l-analiżi tagħha, Microsoft tipprovdi data differenti dwar ċerti kompetituri tagħha fis-suq in kwistjoni.

156   Fl-aħħar, Microsoft issostni li ma jistax jiġi sostnut li l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni hija urġenti, minħabba li l-proċedura amministrattiva, li waqta l-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni kontinwament inbidlet, ħadet ħames snin.

157   Fit-tieni lok, waqt l-analiżi tal-bilanċ ta' l-interessi, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, min-naħa, l-obbligi tal-Kommunitajiet taħt trattati internazzjonali, inkluż il-ftehim TRIPS, u, min-naħa l-oħra, il-merti tar-rikors prinċipali. Dwar dan l-aħħar aspett, Microsoft tissottometti, b'referenza għall-ordni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' April 2002, NDC Health vs IMS Health u l-Kummissjoni [C-481/01 P(R), Ġabra p. I 3401], li l-merti tal-kawża prinċcipali għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni meta jsir il-bilanċ ta' l-interessi. Fil-kawża preżenti, huwa partikularment ċar li l-Kummissjoni ma stabbilietx li l-kriterji li joħorġu mill-ġurisprudenza (sentenza IMS Health, paragrafu 99 iktar 'il-fuq) li tippermetti intrapriża f'pożizzjoni dominanti li tiġi obbligata tagħti liċenzji lill-kompetituri tagħha, ġew sodisfatti.

158   Fl-aħħar, wieħed irid ifakkar li Sun Microsystems, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, ikkonkluda tranżazzjoni ma Microsoft li jirregola d-diffikultajiet kollha li kienu l-kawża tat-talba li ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni. Ghalhekk, m'hemm l-ebda bżonn immedjat li d-Deċciżjoni tiġi implementata waqt li l-kawża prinċipali għadha pendenti.

159   ACT issostni li jekk il-miżura korrettiva ma tiġix sospiża, ikun hemm effetti serji u irreparabbli minħabba fid-dannu fuq is-saħħa u l-valur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali tal-membri tagħha fiż-ŻEE.

160   Aktar speċifikament, ACT issostni, primarjament, li l-applikazzjoni immedjata tal-miżura korrettiva tikkostitwixxi preċedent importanti fil-materja tal-ħruġ obbligatorju ta' liċenzji għad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali li tnaqqas malajr u sostanzjalment il-valur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali li għandhom il-membri tagħha. F'dan ir-rigward, ACT issostni li l-Kummissjoni interpretat u applikat l-Artikolu 82 KE b'mod mhux konformi ma l-obbligi tal-Komunità taħt l-Artikoli 13, 31 u 39 tal-ftehim TRIPS.

161   ACT issostni, it-tieni nett, li l-kxif tal-protokolli ta' komunikazzjoni, li s'issa kienu proprjetà esklussiva ta' Microsoft, iwassal għal instabbiltà tal-Windows Client PC u s-sistemi operativi tas-server, li immedjatament jikkawżaw dannu sinjifikattiv lil membri tagħha.

162   CompTIA tissottometti li l-miżura korrettiva prevista mill-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni, safejn timponi fuq Microsoft li tipprovdi l-proprjetà intellettwali tagħha lill-intrapriżi kollha preżenti fis-suq tas-servers, tnaqqas il-livell ta' protezzjoni tal-proprjetà intellettwali għall-industrija kollha tat-teknoloġija ta' l-informatika u tal-komunikazzjoni, tikkostitwixxi kawża ta' inċertezza ġuridika u għandha l-effett immedjat li tnaqqas l-investiment fis-settur tat-teknoloġija u għalhekk il-livell ġenerali ta' l-attività ekonomika.

163   Barra minn dan, CompTIA tikkunsidra li d-dannu serju u irreparabbli li din il-miżura ser tikkawża lis-settur kollu, kif ukoll lill-membri ta' CompTIA, huwa ikbar mill-impatt negattiv li eventwalment jista' jkun hemm fuq l-interess pubbliku jew l-interess ta' terzi jekk ikun hemm in-nuqqas ta' kxif immedjat. F'dan il-kuntest, CompTIA tissottometti li hi ma giet infurmata bl-ebda evidenza dwar il-problema ta' interoperabbiltà fis-suq tas-servers, anki jekk hija għandha rwol iktar importanti minn kull assoċjazzjoni oħra fiċ-ċertifikazzjoni tal-kwalifiki tal-ħaddiema tat-teknoloġija fis-settur tas-servers.

2.      Argumenti tal-Kummissjoni u tal-partijiet li t-talba tagħhom għal intervent sabiex isostnu t-talba tagħha ġiet milqugħa

164   Il-Kummissjoni tissottometti preliminarjament li t-talba għal sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta' l-Artikolu 5(a) sa (c) tad-Deċiżjoni tiddependi fil-parti l-kbira fuq l-evalwazzjoni ta' l-impatt li d-Deċiżjoni suppost ikollha fuq l-eżerċizju tad-"drittijiet ta' proprjetà intellettwali" ta' Microsoft; hija tagħmel numru ta' osservazzjonijiet preliminari f'dan ir-rigward. Fl-osservazzjonijiet tagħha tat-13 ta' Settembru 2004, il-Kummissjoni tgħid li anki jekk wieħed jassumi li Microsoft espressament uriet li d-Deċiżjoni ġġieglha tagti liċenzji għad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali tagħha, l-argument tal-Kummissjoni jibqa validu bl-istess mod. FSF-Europe issostni l-argument tal-Kummissjoni.

a)      Osservazzjonijiet preliminari

165   L-ewwel nett, il-Kummissjoni tirrileva li l-Artikolu 5(a) sa (c) tad-Deċiżjoni jobbliga lill-Microsoft tipprovdi dokumentazzjoni teknika, imsejħa 'speċifikazzjonijiet', li jiddeskrivu b'mod dettaljat il-'protokolli' indikati fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni. Huwa importanti, iżda, li wieħed jiddistingwi din id-dokumentazzjoni teknika mis-source code tal-prodotti ta' Microsoft. Fil-fatt, konkorrent li jixtieq jifformula sistema operativa tas-server li tagħraf il-protokolli ta' Microsoft ikun irid jikteb source code fil-prodott tiegħu li jimplementa l-ispeċifikazzjonijiet. Żewġ programmaturi li qed jimplementaw l-istess speċifikazzjonijiet ta' protokoll mhux ser jiktbu l-istess source code u t-tħaddim tal-programmi tagħhom ikun differenti (kunsiderazzjonijiet 24, 25, 698 u 719 sa 722). Minn dan l-aspett, il-protokolli jistgħu jiġu kkumparati ma' lingwa li fiha s-sintassi u l-vokabularju huma l-ispeċifikazzjonijiet, għaliex is-sempliċi fatt li żewġ persuni jitgħallmu s-sintassi u l-vokabularju ta' l-istess lingwa ma jfissirx li huma ser jużawhom bl-istess mod.

166   Wara dan, fir-rigward ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni eżaminat id-drittijiet varji ta' proprjetà intellettwali invokati minn Microsoft.

1)      Dwar id-drittijiet ta' l-awtur

167   Fir-rigward, primarjament, tad-drittijiet ta' l-awtur, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-asserzjonijiet ta' Microsoft huma ineżatti, biex ma ngħidux li qed jagħtu stampa żbaljata. Fil-fatt, min-naħa, Microsoft b'mod żbaljat tagħti l-impressjoni li l-użu ta' l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà sabiex din ta' l-aħhħar tkun effettiva normalment tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet ta' l-awtur. Min-naħa l-oħra, Microsoft tiżbalja wkoll meta tindika li l-protezzjoni mogħtija mid-drittijiet ta' l-awtur tkopri wkoll il-protokolli ta' komunikazzjoni u tinvoka dritt ta' l-awtur fl-'ispeċifikazzjonijiet' sabiex issostni li l-użu ta' l-għarfien li jinsab f'dawn l-ispeċifikazzjonijiet jikkostitwixxi ksur ta' dan id-dritt.

168   Għalkemm il-Kummissjoni ma teskludix il-possibbiltà li dawk l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jkunu koperti mid-drittijiet ta' l-awtur, hija issostni li dan ma jfissirx li l-użu ta' l-informazzjoni li tinsab f'dan id-dokument, taħt forma ta' implementazzjoni f'sistema operativa, jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet ta' l-awtur, għaliex, kif tindika d-Deċiżjoni, l-implementazzjoni ta' speċifikazzjoni ma tikkostitwixxix ikkupjar, imma twassal għal xogħol nettament distint (kunsiderazzjonijiet 25, 570 et seq. u 719 et seq.).

169   Il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha tat-13 ta Settembru 2004, essenzjalment issostni li implementazzjoni tal-protokolli ta' komunikazzjoni ma tikkostitwixxix forma ta' sfruttament projbit mid-drittijiet ta' l-awtur.

170   Min-numru ta' kummenti li għamlet il-Kummissjoni dwar l-osservazzjonijiet ta' Microsoft tad-19 ta' Awwissu 2004, ikun xieraq li jissemmew ir-risposti li ngħataw aktar speċifikament għal ħames kategoriji ta' argumenti

171   Primarjament, il-Kummissjoni tirrileva li Microsoft irriferiet għall-ewwel darba fl-osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta' Awwissu 2004 fuq id-dritt ta' 'kxif' (paragrafu 119 iktar 'il-fuq). Il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 6bis tal-Konvenzjoni ta' Berna, li tistabbilixxi d-'drittijiet morali' tal-proprjetarju tad-drittijiet ta' l-awtur, ma ssemmix dan id-dritt u li, għalhekk, ostaklu għall-eżerċizju ta' dan l-allegat dritt ma jistax ikun kontra l-'użu normali tal-programm tal-kompjuter', kif definit fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/250, fil-parti fejn din id-dispożizzjoni tippreċiża li hija għandha tiġi interpretata 'konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Berna'. L-iktar li jista' jintqal huwa li d-dritt li tikxef huwa 'dritt morali' li għalih ma tistax tinħareġ liċenzja. Barra minn dan, ir-referenza għad-dritt li tikxef huwa diffiċilment rikonċiljabbli mal-fatt li l-prodotti ta' Microsoft jinsabu fuq is-suq, li n-nies ikunu jistgħu josservawhom, jistudjawhom jew jeżaminawhom u, f'ċertu ċirkustanzi, jipproċedu għad-dikompilazzjoni tagħhom. Fl-aħħar, ir-raġunijiet ta' Microsoft għar-rifjut li tikxef l-informazzjoni kkonċernata huma purament ekonomiċi u għalhekk m'għandhom xejn x'jaqsmu mar-raison d'être tad-dritt in kwistjoni.

172   It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkuntesta li d-dokumentazzjoni teknika li għandha tiġi mikxufa tista' tiġi meqjusa bħala 'programm tal-kompjuter' protett taħt id-Direttiva 91/250, minħabba li hija tikkostitwixxi 'materjal preparatorju tad-disinn' ta' programm tal-kompjuter (paragrafu 118 iktar 'il-fuq). Fil-fatt, l-informazzjoni in kwistjoni mhijiex komposta ex ante bħala assistenza interna għal ħolqien ta' programmi ta' Microsoft, iżda miktuba ex post, għal raġuni waħda, jiġifieri dik li tikxef biss informazzjoni limitata għal kompetituri ta' Microsoft.

173   In kwantu għall-asserzjonijiet ta' Microsoft, ibbażata fuq l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/250, li tgħid li l-implementazzjoni tal-protokolli in kwistjoni tkun 'kawżi ċertament' adattament jew traduzzjoni ta' l-ispeċifikazzjonijiet koperti mid-drittijiet ta' l-awtur ta' Microsoft (paragrafu 120 iktar 'il-fuq), il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti tonqos milli tiġġustifika din l-asserzjoni. Hija ssostni li t-test tad-Direttiva 91/250 kif ukoll ix-xogħolijiet preparatorji jwasslu għal konklużjoni li l-kitba ta' interfacing software fuq il-bażi ta' speċifikazzjonijiet ta' interface mhijiex normalment koperta mill-Artikolu 4 ta' dik id-direttiva. Fil-fatt, l-Artikolu 6 ta' l-istess direttiva huwa bbażat fuq il-premessa li l-użu ta' l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà, miksuba bid-dikompilazzjoni – li hija 'eżentata' – sabiex 'tikseb l-interoperabbiltà ta' programm tal-kompjuter maħluq indipendentement ma' programmi oħra', mhux att kontra d-drittijiet ta' l-awtur, sakemm l-informazzjoni mhijiex 'tintuża għhall-iżvilupp, produzzjoni jew kummerċ ta' programm tal-kompjuter sostanzjalment simili fl-espressjoni tiegħu għal programm li kien l-oġġett tad-dikompilazzjoni. Kieku Microsoft kellha raġun, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250 ma jista' qatt jiġi invokat sabiex jinħholqu prodotti kompatibbli, minħabba li l-ħolqien ta' dawn il-prodotti jkun 'att li jikser id-drittijiet ta' l-awtur' u għaldaqstant ipprojbit mill-Artikolu 6(2)(c).

174   It-tielet nett, il-Kummissjoni tirrifjuta l-interpretazzjoni ta' M. Prescott (Anness T.3) ta' l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250, li tgħid li "[l-]ideat u prinċipji li jservu ta' bażi għal kull element ta' programm tal-kompjuter, inklużi dawk li jservu ta' bażi għhall-interfaces tiegħu, mhumiex protetti bid-drittijiet ta' l-awtur". Fil-fatt, l-argument ta' Prescott li l-kompletezza, jew l-istruttura, ta' l-'ideat' in kwistjoni huma protetti mid-drittijiet ta' l-awtur meta jikkonsistu f''parti sostanzjali tax-xogħol protett' ma jreġix minħabba li, primarjament, mhuwiex konformi ma' l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250 u t-tieni nett, is-sentenzi tal-qrati Ingliżi li fuqhom jibbaża l-analiżi tiegħu m'għandhomx x'jaqsmu mal-kawża preżenti.

175   Ir-raba' nett, għal dak li jikkonċerna l-argumenti ta' Microsoft, indikati f'paragrafu 120 iktar 'il fuq, li jissuġġerixxu, l-ewwel nett, li l-miżura korrettiva twassal għal 'tentazjoni' partikolari, li hija, għal kompetituri ta' Microsoft li jiżviluppaw implementazzjonijiet li jiksru d-drittijiet ta' l-awtur tagħha u, wara, id-deċiżjoni ma tipprovdi għal ebda garanzija kontra t-tali 'tentazzjoni', il-Kummissjoni tippreċiża li l-miżura korrettiva ma timponix il-kxif tas-source code u li konsegwentement, il-projbizzjoni fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/250 dwar l-użu ta' l-informazzjoni miksub bid-dikompilazzjoni 'għall-iżvilupp, produzzjoni jew kummerċ ta' programm tal-kompjuter sostanzjalment simili fl-espressjoni tiegħu' mhijiex applikabbli.

176   Il-ħames nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li, kuntrarjament għal dak li ssostni Microsoft (paragrafu 129 iktar 'il fuq), din ta' l-aħħar ma kixfitx l-interfaces li programmi ta' softwer ta' terzi għandhom bżonn sabiex jużaw il-funzjonalità tas-sistema operativa tas-server tal-Windows. Hija tippreċiża li l-interfaces li ssemmi Microsoft huma 'application programming interfaces' ('API') li jippermettu applikazzjonijiet, li jaħdmu fuq sistema operativa tas-server ta' Windows, jużaw is-servizzi ta' din is-sistema operativa tas-server, filwaqt li l-interfaces in kwistjoni f'din il-kawża huma dawk li minnhom is-server tal-work group ta' Windows jagħti s-servizzi tiegħu lill-Windows work group networks (kunsiderazzjoni 210).

2)      Dwar il-Privattivi

177   In kwantu għal privattivi, il-Kummissjoni l-ewwel nett tinnota li waqt il-proċedura amministrattiva, Microsoft semmiet applikazzjoni għal privattiva waħda, mentri waqt il-proċedura ġuridika hija għamlet riferiment għal tliet privattivi Ewropej u żewġ applikazzjonijiet għal privattivi Ewropej pendenti. Microsoft ma ppreżentatx id-dokumentazzjoni li minnha tista' tiġi determinata l-kwistjoni jekk liċenzja għal waħda jew aktar minn dawk il-privattivi tkunx indispensabbli għal persuna li tkun qed timplementa l-protokolli kkonċernati.

178   Fl-osservazzjonijiet tagħha tat-13 ta' Settembru 2004, il-Kummissjoni kkonstatat li, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, Microsoft semmiet l-eżistenza ta' privattiva waħda biss fl-20 ta' Jannar 2004, mentri t-tliet privattivi Ewropej li hemm riferiment għalihom fid-dokument li jindika l-argumenti ta' Knauer (Anness T.5 ; paragrafu 91 iktar 'il fuq) ġew mogħhtija qabel it-tmiem tas-sena 2001 u ż-żewġ applikazzjonijiet għal privattivi Ewropej kienu, skond dak id-dokument, ppreżentati qabel it-tmiem tas-sena 2002. In kwantu għal kontenut ta' l-opinjoni ta' Knauer, il-Kummissjoni tosserva li dan ta' l-aħħar kellu 'jiddependi fuq informazzjoni li rċieva mingħand Microsoft dwar il-protokolli li jaqgħu taħt l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni'. Hija tirrileva li lanqas huwa ovvju għall-Kummissjoni li konkorrent ta' Microsoft li jieħu vantaġġ mill-implementazzjoni tad-Deċiżjoni ikun qed jikser ċerti pretensjonijiet f'dawn il-privattivi. Id-dubji espressi dwar jekk wieħed li jiżviluppa s-softwer tas-server li juża l-protokolli rilevanti sabiex jikkomunika ma' Windows clients ikunx qed jikser il-pretensjonijiet in kwistjoni huma kkonfermati mill-aġir ta' Microsoft fir-rigward ta' Samba, prodott 'open source' li jimplementa ċerti protokolli ta' komunikazzjoni ta' Microsoft li l-grupp ta' jiżviluppaw Samba identifikaw permezz ta' tħaddim b'lura [reverse engineering]. Fil-fatt, Samba tidher li inkorporat l-'opportunistic locking' ta' SMB minn Jannar 1998 (verżjoni 1.9.18) u DFS minn April 2001 (verżjoni 2.2.0). Sa fejn taf il-Kummissjoni, il-grupp Samba qatt ma ħadet il-liċenżja għal privattivi in kwistjoni mingħand Microsoft, u Microsoft qatt ma sostniet li d-drittijiet tal-privattivi tagħha kienu qed jiġu miksura mill-grupp Samba. Il-Kummissjoni tosserva li it-tliet privattivi in kwistjoni kienu kollha konċessi qabel it-tmiem tas-sena 2001 u li minħabba d-deskrizzjoni teknika li huma jipproponu, huma jidhru li jikkonċernaw l-aħħar ġenerazzjoni NT 4.0 tal-prodotti ta' Microsoft, li jippreċedu Windows 2000.

179   Ir-relazzjoni bejn it-talbiet ta' Microsoft relatati mal-privattivi u d-Deċiżjoni, għalhekk tibqa mhux ċara.

180   Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni tikkonkludi li Microsoft ma ppruvatx li kull waħda mill-privattivi tagħha tiġi użurpata jekk l-Artikolu 5(a) sa (c) tad-Deċiżjoni tiġi implementata.

3)      Dwar is-sigrieti ta' kummerċ

181   Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-assimilazzjoni li Microsoft tagħmel bejn sigrieti tal-kummerċ u drittijiet dwar proprjetà intellettwali mhijiex evidenti fiha nfisha. Il-Kummissjoni tirreferi għal kawża ta' Tetra Pak [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/163/KEE, ta' l-24 ta' Lulju 1991, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 86 tat-Trattat KEE (IV/31.043 – Tetra Pak II), ĠU 1992 L72, p. 1)], li wasslet għas-sentenza Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, paragrafu 126 iktar 'il fuq (paragrafi 84 u 139).

182   Il-Kummissjoni tikkunsidra li għalkemm jista' jkun hemm preżunzjoni ta' leġittimita' rigward rifjut li tagħti liċenzja għad-dritt ta' proprjetà intellettwali istitwit mill-liġi, il-leġittimita', fil-liġi tal-kompetizzjoni, ta' rifjut li tikxef sigriet, liema eżistenza tiddependi purament fuq deċiżjoni kummerċjali unilaterali, għandha tiddependi fuq il-fatti tal-każ u b'mod partikolari fuq l-interessi li jkun hemm. Fil-kawża preżenti, id-Direttiva 91/250 turi li l-interess għal protezzjoni ta' xogħol kreattiv li jkun hemm wara s-softwer ma jawtorizzax lill-inventur li jtellef l-użu ta' l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà li jkun hemm fis-softwer sabiex tinkiseb l-interoperabbiltà .

183   Il-Kummissjoni tammetti li d-Direttiva 91/250 ma tobbligax lill-inventur jikxef l-informazzjoni fuq inizjattiva tiegħu. Iżda skond il-Kummissjoni, fir-rigward ta' sigriet ta' kummerċ li Microsoft jista' jkollha, il-kxif ta' l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà sabiex din ta' l-aħħar tkun effettiva mhuwiex komparabbli ma' l-għoti ta' liċcenzja lill-wieħed mill-kompetituri li jikkopja xogħol protett mill-liġi dwar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali. Din id-dikjarazzjoni hija sostnuta mir-rilevanza teknoloġika ta' dan il-kxif, il-prattiċi li jeżistu fis-settur tas-softwer u mill-aġir ta' Microsoft meta daħlet fis-suq.

184   Fl-osservazzjonijiet tagħha tat-13 ta' Settembru 2004, il-Kummissjoni tiċħad l-idea li l-protokolli jirriflettu innovazzjoni importanti, minħabba li l-verità ta' din id-dikjarazzjoni ma ġietx stabbilita minn Microsoft la fir-rikors tagħha u lanqas fl-osservazzjonijiet sussegwenti, jew fl-Anness T.3. Hija tikkunsidra wkoll bħala mhux fondat l-argument li l-miżura korrettiva jkollha l-effett li 'tittrasferrixxi' l-innovazzjoni in kwistjoni lill-kompetituri ta' Microsoft minħabba li, l-ewwel nett, il-kxif ta' l-informazzjoni ma jinkludix trasferiment tal-valur essenzjali tas-sistema operativa ta' Windows u, it-tieni nett, skond l-Artikolu 82 KE intrapriża f'pożizzjoni dominanti tista' tiġi ordnata tagħti liċenzja għal element essenzjali ta' wieħed mill-prodotti tagħha, kif jidher fil-kawżi Magill u IMS Health, paragrafu 99 iktar 'il fuq.

185   FSF-Europe essenzjalment tissottometti li l-informazzjoni li d-Deċiżjoni timponi fuq Microsoft biex tikxef għandha valur żgħir f'termini ta' innovazzjoni u għandha numru ta' nuqqasijiet ta' kompattibiltà introdotti deliberament fi protokolli bil-miktub, li kienu jeżistu qabel. Il-mod li bih taħhdem Microsoft huwa fil-fatt li tadotta protokolli eżistenti u mbagħad timmodifikhom bl-iskop li timpedixxi jew tipprojbixxi l-interoperabbiltà. Hija aġixxiet b'dan il-mod għal diversi protokolli ta' servers tal-work group, li l-kxif tagħhom il-grupp Samba fittex sabiex joħloq prodott kompattibili, jiġifieri l-protokolli CIFS, DCE/RPC (Distributed Computing Environment/Remote Procedure Call), DCE/RCP IDL ('Interface Definition Language'), Kerberos 5 u LDAP (Active Directory).

b)      Dwar każ prima facie

186   Il-Kummissjoni tiċħad, mill-bidu, id-dikjarazzjonijiet ta' Microsoft li jgħidu, min-naħa, li l-kawża preżenti hija biss dwar il-relazzjoni tagħha ma' Sun Microsystems u, min-naħa l-oħra, li din ta' l-aħħar ma talbitx l-informazzjoni li d-Deċiżjoni qed tordna lill-Microsoft biex tikxef.

187   Il-Kummissjoni tfakkar li, fl-osservazzjonijiet preliminari tagħha, hija sostniet li l-ebda dritt ta' l-awtur li tiegħu Microsoft tkun il-proprjetarja ma jwaqqaf l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà milli tiġi wżata għall-iskop li tintlaħaq l-interoperabbiltà (paragrafi 167 u 168 iktar 'il fuq). Il-Kummissjoni xorta waħda tikkummenta dwar l-erba' kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza rigward liċenzji obbligatorji u tassumi, għas-saħħa ta' l-argument, min-naħa, li ċerti kwistjonijiet dwar drittijiet ta' proprjetà intellettwali jistgħu jkunu milquta, u min-naħa l-oħra, li l-ebda kriterju ieħhor mhuwa rilevanti sabiex jiġu rilevati ċirkustanzi eċċezzjonali, għalkemm skond il-Kummissjoni it-tieni dikjarazzjoni hija kkontraduta bil-kliem tas-sentenza ta' IMS Health, paragrafu 99 iktar 'il fuq (paragrafu 38).

188   Rigward, fl-ewwel lok, in-natura indispensabbli ta' l-informazzjoni li hija allegatament koperta mid-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, il-Kummissjoni tissottometti li d-dikjarazzjonijiet ta' Microsoft li hemm 'ħafna modi oħrajn biex tikseb l-interoperabbiltà' diġa ġew miċħuda fid-Deċiżjoni (kunsiderazzjonijiet 666 sa 687).

189   Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tiċħad id-dikjarazzjonijiet ta' Microsoft, li hija ma waqqfietx l-iżvilupp ta' xi prodott ġdid li għalih kien hemm domanda tal-konsumaturi mhux sodisfatta.

190   Mill-paragrafu 49 tas-sentenza IMS Health, paragrafu 99 iktar 'il fuq, isegwi li "prodott ġdid" huwa prodott li mhuwiex "fis-sustanza, riproduzzjoni" tal-prodotti li diġa huma offruti fuq is-suq mill-proprjetarju tad-drittijiet ta' l-awtur. Huwa suffiċjenti, għaldaqstant li l-prodott in kwistjoni jkollu elementi ta' sustanza li jirriżultaw mill-isforzi ta' min ikollu l-liċenzja. Għaldaqstant, mhuwiex eskluż li l-prodotti tal-proprjetàrju tad-drittijiet ta' l-awtur għandhom jikkompetu mal-prodotti futuri ta' min ikollu l-liċenzja, kif jidher mill-fatti tal-kawżi deċiżi mill-ġudikatura Komunitarja (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Lulju 1991, RTE vs Il-Kummissjoni, T-69/89, Ġabra p. II‑485, paragrafu 73 ; Magill, paragrafu 53 ; sentenza IMS Health, paragrafu 99 fuq). Barra minn dan, il-kriterju ta' 'prodott ġdid' ma jimplikax obbligu li tipprovdi prova konkreta li l-prodott ta' min ikollu l-liċenzja jattira klijenti li ma jixtrux il-prodotti offruti mill-fornitur eżistenti. Skond il-Kummissjoni, kull interpretazzjoni oħra tippriva l-ġurisprudenza minn parti kbira mis-sens tagħha, minħabba li s-sidien ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali normalment jkollhom raġunijiet tajba biex jagħtu liċenzja lill-operaturi li għandhom l-intenzjoni li jimmanufatturaw prodotti li ma jikkompetux mal-prodotti tagħhom stess. Għalhekk, sitwazzjoni ta' dan it-tip normalment ma twassalx għal rifjut ta' fornitura. Fis-sentenza IMS Health, paragrafu 99 iktar 'il fuq, il-Qorti kkonċentrat l-analiżi tagħha fuq id-diversifikazzjoni ta' prodotti li jistgħu jeffettwaw l-għażliet tal-konsumaturi, jew, fi kliem ieħor, fuq jekk hemmx 'talba potenzjali' għall-prodott il-ġdid. Il-konsegwenzi preċiżi li din id-diversifikazzjoni jkollha fuq l-għażliet magħmula, u, fil-futur imbiegħed, fuq il-ħruġ ta' prodotti li jattiraw kategoriji ta' klijenti ġodda, jiġi determinat mis-suq.

191   Fil-kawża preżenti, min-naħa, il-proċess ta' implementazzjoni tal-protokolli jista' jieħu ħafna forom differenti (kunsiderazzjonijiet 24, 25 u 698), li jipprovdi skop suffiċjenti għal diversifikazzjoni ta' prodotti, u, min-naħa l-oħra, hemm possibbiltajiet importanti ta' diversifikazzjoni ta' prodotti, li jistgħu jtejbu l-kompetizzjoni iżda li bħalissa huma newtralizzati bl-aġir ta' Microsoft.

192   Fit-tielet lok, dwar l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq sekondarju, il-Kummissjoni eżaminat fil-fond, fid-Deċiżjoni, l-iżvilupp tas-suq rilevanti u l-importanza ta' l-interoperabbiltà għal dan l-iżvilupp (kunsiderazzjonijiet 590 sa 692) u, b'mod partikolari, l-allegat 'tkabbir kostanti ta' Linux' (kunsiderazzjonijiet 598 sa 610). Fit-talba għal miżuri provviżorji, Microsoft ma tinvokax li kien hemm xi żball f'dan ir-rigward. Microsoft b'mod żbaljat tippreżumi li, meta l-kompetizzjoni tiġi eliminata bil-mod, inġunzjonijiet fuq il-bażi ta' l-Artikolu 82 KE jistgħu jsiru biss meta ma jkunx aktar jagħmel sens li ssir tali ordni, minħabba li s-suq ikun irriversibilment sar monopolju, filwaqt li fil-verità jkun biżżejjed li r-rifjut li tagħti liċenzja jkun jista' jeskludi l-kompetizzjoni (sentenzi Bronner, paragrafu 99 fuq, paragrafu 40, u IMS Health, paragrafu 99 fuq, paragrafi 37 u 38).

193   Fir-raba' lok, Microsoft ma ssemmi ebda ġustifikazzjoni oġġettiva partikolari għall-aġir tagħha, apparti milli tagħmel riferiment ġenerali għad-'drittijiet ta' proprjetà intellettwali tagħha', li diġa ġiet miċhuda fid-Deċiżjoni (kunsiderazzjonijiet 709 sa 763).

194   Għaldaqstant, id-Deċiżjoni turi, u Microsoft ma tikkuntestax dan, li l-aġir tagħha jissodisfa l-kundizzjonijiet li joħorġu mill-ġurisprudenza.

195   Fl-aħħar, rigward l-inkompatibbiltà tad-Deċiżjoni mal-ftehim TRIPS, il-Kummissjoni tirreferi għas-sejbiet indikati fir-kunsiderazzjonijiet 1052 u 1053 tad-Deċiżjoni.

c)      Dwar l-urġenza

196   Il-Kummissjoni tissottometti li Microsoft ma wrietx li hija ssofri dannu serju u irreparabbli jekk l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni ma tiġix sospiża. Il-partijiet intervenjenti SIIA u FSF-Europe jsostnu l-argument tal-Kummissjoni.

d)      Dwar il-bilanċ ta' l-interessi

197   Il-Kummissjoni ssostni li l-bilanċ ta' l-interessi xxaqleb favur l-implementazzjoni immedjata ta' l-Artikolu 5(a) sa (c) tad-Deċiżjoni u konsegwentement issostni li t-talba għandha tiġi miċħuda. Il-partijiet intervenjenti SIIA u FSF-Europe jsostnu l-argument tal-Kummissjoni.

B –       Konklużjonijiet tal-President

1.      Dwar każ prima facie

198   Sabiex issostni li r-rekwiżit ta' każ prima facie ġie sodisfatt, Microsoft essenzjalment tgħid, l-ewwel nett, li l-kundizzjonijiet li fuqhom rifjut li tingħata informazzjoni protetta minn drittijiet ta' proprjetà intellettwali tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbita mill-Artikolu 82 KE mhumiex sodisfatti fil-kawża preżenti, it-tieni nett, li Sun Microsystems ma talbitx l-informazzjoni li d-Deċiżjoni tordna lir-rikorrenti tipprovdi u li t-talba tagħha ma tirrigwardax l-iżvilupp ta' softwer fiż-ŻEE u, t-tielet nett, li l-Kummissjoni naqset milli tosserva l-obbligi imposti fuq il-Komunità mill-ftehim TRIPS.

199   Fid-dawl ta' l-argumenti magħmula minn Microsoft fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, it-tieni u t-tielet serje ta' argumenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati suffiċjentement serji b'mod li jikkostitwixxu każ prima facie.

200   Fil-fatt, l-argumenti rigward it-talba ta' Sun Microsystems ġew miċħuda fid-dettal fid-Deċiżjoni (kunsiderazzjonijiet 199 sa 207, 564 u 565) mingħajr ma Microsoft wriet prima facie li l-Kummissjoni għamlet żball meta għamlet definizzjoni ta' l-iskop tat-talba ta' Sun Microsystems. Bl-istess mod, l-argument li t-talba ta' Sun Microsystems ma kienitx tirrigwarda l-iżvilupp ta' softwer "fiż-ŻEE" ma jistax jiġi aċċettat minħabba li t-talba ta' Sun Microsystems kienet magħmula f'termini ġenerali u minħabba li ż-ŻEE hija neċessarjament parti mis-suq rilevanti dinji, kif jidher b'mod ċar mill-kunsiderazzjonijiet 185 et seq. u 427 tad-Deċiżjoni.

201   In kwantu għat-talba li tallega n-nuqqas li jittieħed in kunsiderazzjoni l-ftehim TRIPS, din ma ġietx żviluppata b'mod suffiċjenti sabiex tippermetti lill-President jippronunċja ruħu dwarha. Fil-fatt, min-naħa, fit-talba tagħha għal miżuri provviżorji, Microsoft sempliċement sostniet li "billi timponi ħruġ obbligatorju ta' liċenzji fuq Microsoft, il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni, b'mod korrett, l-obbligi imposti fuq il-Komunitajiet Ewropej mill-[ftehim TRIPS]". Min-naħa l-oħra, ir-riferiment għall-argumenti esposti fl-Anness T.9 ma ġiex ikkunsidrat konformi mar-regoli ta' proċedura applikabbli (ara paragrafu 88 iktar 'il fuq).

202   Għaldaqstant, il-President ser jeżamina biss il-motiv li jallega l-ksur ta' l-Artikolu 82 KE, filwaqt li qed jiġi ppreċiżat li fil-kuntest tat-talba preżenti Microsoft ma tikkuntestax li hija għandha pożizzjoni dominanti fis-suq tas-sistemi operativi tal-client PC u fis-suq tas-sistemi operativi tas-server tal-work group. Għaldaqstant, hija qed tikkuntesta biss in-natura allegatament abbużiva tar-rifjut tagħha li tikxef l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u li tawtorizza l-użu tagħha mill-kompetituri tagħha.

203   Fil-bidunett, tajjeb li jiġi mfakkar li l-kunsiderazzjonijiet 546 sa 791 tad-Deċiżjoni huma ddedikati għall-eżami tal-karattru abbużiv tar-rifjut li tingħata l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà. Il-Kummissjoni hemm tindika li hija għandha tanalizza ċ-ċirkustanzi kollha partikulari għal kull każ qabel ma tkun tista' tikkonkludi li hemm ċirkustanzi eċċezzjonali li jikkaratterizzaw rifjut abbużiv (kunsiderazzjonijiet 546 sa 559). Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali kienu jikkonsistu mill-fatt li r-rifjut li tingħata l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà kienet diretta lejn Sun Microsystems, kienet parti minn disinn ġenerali ta' aġir u kienet timplika nuqqas fil-livell ta' kxif ta' informazzjoni (kunsiderazzjonijiet 560 sa 584), li ġġib riskju li telimina l-kompetizzjoni (kunsiderazzjonijiet 585 sa 692) u li kellha effett negattiv fuq l-iżvilupp tekniku, għad-detriment tal-konsumaturi (kunsiderazzjonijiet 693 sa 708). Fid-dawl ta' dawn "iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali", il-Kummissjoni kkunsidrat li l-argumenti mressqa minn Microsoft ma kienux suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw oġġettivament ir-rifjut li tagħti l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà, kemm f'termini ta' inċentivi għal Microsoft sabiex iġġedded (kunsiderazzjonijiet 709 sa 763) kif ukoll ta' nuqqas ta' interess li tirrestrinġi l-kompetizzjoni (kunsiderazzjonijiet 764 sa 778).

204   Fil-kawża preżenti, il-kundizzjoni ta' każ prima facie għandu jiġi kkunsidrat li ġie sodisfatt, għax ingħatat attenzjoni, min-naħa, għall-kwistjonijiet ta' prinċipju ssollevati fil-kawża preżenti u, min-naħa l-oħra, għall-fatt li ċerti talbiet u argumenti jirrikjedu eżami approfondit. Fis-sustanza, għandu jiġi aċċertat jekk iċ-ċirkustanzi li ttieħdu in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni humiex fil-fatt korretti u jistgħux legalment ikunu l-bażi għal konklużjoni li jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-ordni ta' kxif ta' informazzjoni ta' valur, protetta mid-drittijiet dwar proprjetà intellettwali.

205   Il-mistoqsijiet ta' prinċipju jirrigwardaw il-kundizzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni hija ġustifikata li tikkonkludi li rifjut li tagħhti informazzjoni jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 82 KE.

206   L-ewwel nett, din il-kawża tqajjem il-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza IMS Health, paragrafu 99 iktar 'il fuq, humiex neċessarji jew sempliċement suffiċjenti. Fil-fatt, fid-Deċiżjoni l-Kummissjoni tenfasizza li l-eżistenza ta' ċirkustanzi eċċezzjonali għandha tiġi eżaminata każ b'każ u li għaldaqstant ma tistax tiġi eskluża, mingħajr eżami approfondit ta' kull każ, li rifjut jista' jkun abbużiv, anki jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti s'issa mill-ġudikatura tal-Komunità m'humiex sodisfatti. Għall-kuntrarju, Microsoft, fit-talba tagħha, issostni li l-karattru abbużiv tar-rifjut li tipprovdi ma jistax jinstab abbużiv ħlief meta l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġudikatura tal-Komunità huma sodisfatti. Evidentement, tali kwistjoni ma tistax tiġi solvuta fl-istadju tal-miżuri provviżorji. B'kull mod, għandu jiġi rilevat li, skond il-paragrafu 38 tas-sentenza IMS Health, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li 'huwa suffiċjenti', sabiex 'ir-rifjut ta' intrapriża li hija l-proprjetarja tad-drittijiet ta' l-awtur li tagħti aċċess għal prodott jew servizz li huwa indispensabbli sabiex teżerċita attività partikulari jitqies bħala abbużiv', 'li dak ir-rifjut huwa ta' ostaklu għall-iżvilupp ta' prodott ġdid li għalih hemm domanda potenzjali ta' konsumaturi, li mhijiex ġustifikata u li probabbli teskludi l-kompetizzjoni kollha fis-suq sekondarju'.

207   It-tieni nett, din il-kawża tqajjem il-kwistjoni jekk, fejn l-eżerċizju ta' dritt ta' proprjetà intellettwali huwa kkuntestat, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni n-natura ta' l-informazzjoni protetta. Fil-fatt, Microsoft issostni li d-Deċiżjoni tobbligaha tipprovdi lill-kompetituri teknoloġija sigrieta u ta' valur kbir u li hija, konsegwentement, intrinsikament differenti mill-informazzjoni li kienet in kwistjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Magill u IMS Health, paragrafu 99 fuq. Għalhekk, il-kundizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti sabiex rifjut li tagħti informazzjoni jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti għandhom ikunu aktar rigorużi minħabba li l-informazzjoni għandha valur kbir. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tikkunsidra li l-ġudikatura komunitarja qatt ma ħadet in kunsiderazzjoni il-'valur' ta' dritt ta' proprjetà intellettwali. Dwar dan il-punt, il-President jikkonstata li l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni, s'issa sigrieti, li d-Deċiżjoni timponi fuq Microsoft li tabbozza u li tikxef huma fundamentalment differenti mill-informazzjoni in kwistjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Magill u IMS Health, paragrafu 99 fuq. F'dawn il-kawżi, l-informazzjoni in kwistjoni kienet magħrufa sew fis-settur: il-listi ta' programmi televiżivi kienu jiġu mibgħuta kull ġimgħa bla ħlas lill-gazzetti u l-mappa tal-Ġermanja kienet, fil-verità, standard tas-settur sabiex jiġu ppreżentati l-fiġuri ta' bejgħ. B'kull mod, il-kwistjoni jekk, u, jekk iva, kif, distinzjoni għandha ssir skond jekk l-informazzjoni hijiex magħrufa jew sigrieta hija anqas determinabbli f'dan l-istadju minħabba li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni parametri aktar ġenerali bħal valur ta' l-investiment li jkun sar qabel, il-valur ta' l-informazzjoni in kwistjoni għhall-organizzazzjoni ta' l-intrapriża dominanti u l-valur trasferit lill-kompetituri f'każ ta' kxif.

208   Din il-kawża tqajjem ukoll il-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza IMS Health, paragrafu 99 iktar 'il fuq, humiex sodisfatti fil-kawża preżenti. Il-Kummissjoni ma tikkuntestax ir-rilevanza ta' din is-sentenza, li, essenzjalment, tikkonsolida l-pożizzjoni mogħtija s'issa mill-ġudikatura komunitarja rigward iċ-ċirkustanzi li fihom rifjut li tagħti liċenzja għad-drittijiet dwar proprjetà intellettwali tikkostitwixxi abbuż.

209   Il-kontroversja bejn il-partijiet tirrigwarda l-karattru indispensabbli ta' l-informazzjoni in kwistjoni, l-ostaklu għall-iżvilupp ta' prodott ġdid li għalih hemm talba mhux sodisfatta, ir-riskju li tiġi eskluża l-kompetizzjoni fis-suq sekondarju u l-karattru oġġettivament ġustifikat tar-rifjut. Għalkemm hija f'idejn il-Qorti li tkun qed tieħu konjizzjoni tal-merti tal-kawża biex tirrisolvi l-kwistjonijiet dwar kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, il-President xorta jikkunsidra li huwa neċessarju li jiġu identifikati s-sorsi tal-kwistjoni li hemm bejn il-partijiet li huwa jħoss li huma suffiċjentement serji sabiex jikkostitwixxu każ prima facie. F'dan ir-rigward, l-enfasi għandu jitqiegħed fuq żewġ aspetti speċifiċi.

210   Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-karattru indispensabbli ta' l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà, għandu jiġi osservat li din il-kwistjoni ġiet trattata fil-kunsiderazzjonijiet 666 sa 687 tad-Deċiżjoni.

211   Dwar dan il-punt, Microsoft tirreferi għal numru ta' metodi li jippermettu interoperabbiltà suffiċjenti bejn is-sistemi operativi ta' fornituri differenti.

212   Dan l-argument jenfasiżża n-nuqqas ta' qbil bejn il-partijiet rigward il-livell ta' interoperabbiltà meħtieġa. Fil-fatt, kif jidher mill-kunsiderazzjonijiet 743 sa 763 tad-Deċiżjoni, l-informazzjoni li għandha tingħata skond il-miżura korrettiva hija "l-informazzjoni neċessarja sabiex ikun hemm l-interoperabbiltà", skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250 dwar id-dekumpilazzjoni. Microsoft, min-naħa tagħha, tikkunsidra li d-dekumpilazzjoni prevista mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250 mhix awtorizzata ħlief meta l-interfaces huma indispensabbli sabiex jassiguraw il-funzjonalità ta' programm ta' softwer maħluq indipendentement u li fil-kawża preżenti l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni tagħha mhumiex neċessarji sabiex jassiguraw il-funzjonalità tas-sistema operativa tas-server tal-work group maħluqa indipendentement. Hija tikkonkludi li l-informazzjoni li hija rrifjutat li tikkomunika ma tistax titqies bħala informazzjoni dwar l-interoperabbiltà.

213   Il-preambolu tad-Direttiva 91/250 tiddefinixxi l-interoperabbiltà bħala l-kapaċità li tiġi skambjata informazzjoni u li mutwalment tiġi wżata l-informazzjoni li ġiet skambjata'. Fil-kunsiderazzjoni numru 27, din l-istess Direttiva tenfasizza li d-dispożizzjonijiet tagħha huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 82 KE 'jekk fornitur li għandu pożizzjoni dominanti jirrifjuta li jpoġġi għad-dispożizzjoni l-informazzjoni neċessarja għall-interoperabbiltà kif hija definita f'din id-Direttiva'. Iżda, il-kwistjoni jekk, fil-kawża preżenti, l-informazzjoni mitluba mingħand Microsoft hijiex effettivament neċessarja għall-interoperabbiltà, kif hija definita fid-Direttiva 91/250, timponi eżami approfondit ta' l-elementi ta' fatt fid-dawl tal-leġislazzjoni applikabbli, li jista' jsir biss mill-Qorti li tkun qed tieħu konjizzjoni tal-merti tal-kawża.

214   Rigward, fit-tieni lok, in-natura oġġettivament ġustifikata tar-rifjut, Microsoft issostni li kien leġittimu li hija tibbaża ruħha fuq id-drittijiet dwar proprjetà intellettwali tagħha u li tirrifjuta li tagħti liċenzja għat-teknoloġija tagħha lill-fornituri ta' sistemi operativi ta' terzi. B'risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-President, Microsoft issottomettiet ukoll li l-informazzjoni mitluba minn Sun Microsystems kienet relatata ma' teknoloġija li kienet qed tiġi żviluppata.

215   Sabiex jifhem l-iskop ta' l-argument ta' Microsoft, il-President għamel mistoqsijiet lill-Microsoft waqt is-seduta. Irriżulta li ma jistax jiġi eskluż, skond Microsoft, li r-rifjut jista' jkun oġġettivament ġustifikat minħabba fid-drittijiet dwar proprjetà intellettwali li Microsoft għandu fl-informazzjoni mitluba minn Sun Microsystems jew, fi kliem ieħor, li l-ġustifikazzjoni għar-rifjut tinsab fin-neċessità li ma tiġix mikxufa informazzjoni minħabba li hija protetta bil-liġi u għandha valur kbir.

216   Dan l-argument jista' jiġi miftihem li jfisser li Microsoft kienet intitolata li tirrifjuta li tagħti informazzjoni li hija protetta bil-liġi, u dan irrispettivament mill-fatt jekk hemmx ċirkustanzi eċċezzjonali jew le.

217   Għalhekk, min-naħa, l-argument ta' Microsoft jfisser li, fin-nuqqas ta' ċirkustanzi eċċezzjonali li huma stabbiliti b'mod korrett, l-eżerċizju tal-prerogattivi rikonoxxuti lill-min għandu d-drittijiet dwar proprjetà intellettwali ma jistax jwassal għal aġir abbużiv fis-sens ta' l-Artikolu 82 KE. Minħabba li dan l-argument huwa marbut mill-viċin mal-kwistjoni jekk il-Kummissjoni wrietx li kienu jeżistu 'ċirkustanzi eċċcezzjonali' fil-kawża preżenti, ma jistax jiġi eżaminat separatament minn dik il-kwistjoni (ara paragrafu 206 fuq).

218   Min-naħa l-oħra, l-argument ta' Microsoft jfisser ukoll li, anki jekk ċirckustanzi eċċezzjonali kienu ġew stabbiliti mill-Kummissjoni, ir-rifjut tagħha li tikkomunika l-informazzjoni in kwistjoni kien ġustifikat minħabba fin-neċessità li tipproteġi informazzjoni li għandha valur kbir u li hija koperta mid-drittijiet dwar proprjetà intellettwali.

219   Dan l-aħħhar argument, żviluppat minn Microsoft waqt il-proċedura amministrattiva, kif jidher mill-kunsiderazzjoni 709 tad-Deċciżjoni, ġie miċħud mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni (kunsiderazzjonijiet 710 sa 712), li kkonkludiet dwar dan il-punt li, fir-rigward taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali identifikati, "is-sempliċi fatt li r-rifjut ta' Microsoft jikkostitwixxi rifjut li tagħti liċenzja ta' proprjetà intellettwali ma jikkostitwixxix ġustifikazzjoni oġġettiva" (kunsiderazzjoni 712). Il-Kummissjoni wara eżaminat l-argumenti l-oħra li Microsoft ressqet sabiex turi li r-rifjut li tagħti l-informazzjoni in kwistjoni seta' jkun ġustifikat minn neċessità li jiġi protett l-inċentiv tagħha sabiex iġġedded. Il-Kummissjoni, wara li ċaħdet l-argumenti ta' Microsoft fuq il-preokkupazzjonijiet tagħha dwar l-'ikklonar' tal-prodotti tagħha (kunsiderazzjonijiet 713 sa 729), ikkonkludiet li ma setgħetx, u spjegat li l-kxif ta' l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà hija prattika mxerrda fis-settur ikkonċernat (kunsiderazzjonijiet 730 sa 735), u indikat li l-wegħda li ngħatat lill-Kummissjoni minn IBM fl-1984 ma kienitx essenzjalment differenti minn dak li Microsoft ġiet ordnata tagħmel fid-Deċiżjoni (kunsiderazzjonijiet 736 sa 742) u li l-pożizzjoni tagħha hija konformi mad-Direttiva 91/250.

220   Minkejja dan, jibqa l-fatt li l-argument ta' Microsoft, miftihem li huwa intiż sabiex jikkuntesta l-legalita' ta' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni rigward in-nuqqas ta' ġustifikazzjoni oġġettiva tar-rifjut, ma jistax jiġi miċħud bla ebda riżerva bħala infondat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża.

221   Dwar dan il-punt, hemm lok li jiġi rrilevat li d-drittijiet dwar proprjetà intellettwali invokati minn Microsoft ma ġewx dikjarati validi minn qorti nazzjonali u li, għal din ir-raġuni, is-sitwazzjoni preżenti tiddistingwi ruħha minn dawk li kien hemm fis-sentenzi Magill u IMS Health, paragrafu 99 fuq. Madankollu, huwa importanti li jingħad li l-Kummissjoni ma eskluditx l-eżistenza ta' drittijiet dwar proprjetà intellettwali u li hija, f'kull każ, ħadithom in kunsiderazzjoni meta kkunsiderat jekk ir-rifjut kienx ġustifikat.

222   Il-kwistjoni ċentrali hija għalhekk jekk il-Kummissjoni kinitx intitolata li tikkonkludi li n-neċessità li tipproteġi l-valur ta' l-informazzjoni li huwa allegatament kopert mid-drittijiet dwar proprjetà intellettwali ma kienx suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li r-rifjut li tiġi komunikata dik l-informazzjoni kien oġġettivament ġustifikat.

223   L-eżerċizju li l-Kummissjoni għamlet kien jikkonsisti fl-evalwazzjoni jekk, minkejja ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li ġew identifikati, il-kunsiderazzjonijiet imressqa minn Microsoft għamluha impossibbli li tiġi adottata miżura korrettiva. Din toħroġ ċar, partikularment, mill-kunsiderazzjoni 783 tad-Deċiżjoni, li tgħid:

'Il-ġustifikazzjoni oġġettiva prinċcipali mressqa minn Microsoft tirrigwarda d-drittijiet dwar proprjetà intellettwali li hija għandha fil-Windows. Madankollu, eżami approfondit ta' l-iskop tal-kxif in kwistjoni jwassal għal konklużjoni li, wara li jiġi kkunsidrat kollox, l-impatt negattiv eventwali, li l-impożizzjoni ta' obbligazzjoni li tagħti l-informazzjoni in kwistjoni jista' jkollha fuq l-inċentivi għal Microsoft li tagħmel innovazzjonijiet huwa kkumpensat mill-effetti pożittivi tagħha fuq il-livell ta' innovazzjoni fis-settur kollu (inkluża Microsoft). Hekk, in-neċessità li tipproteġi l-inċentivi għal Microsoft li tagħmel innovazzjonijiet ma tistax tikkostitwixxi ġustifikazzjoni oġġettiva li tikkumpensa ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali identifikati […]'

224   Madankollu, huwa f'idejn il-Qorti li tkun qed tieħu konjizzjoni tal-merti tal-kawża li tivverifika jekk sarx żball manifest waqt l-evalwazzjoni ta' l-interessi involuti, b'mod partikulari għal dak li jikkonċerna l-protezzjoni tad-drittijiet dwar proprjetà intellettwali invokati u r-rekwiżiti ta' kompetizzjoni libera mniżżla fit-Trattat KE.

225   Għal din ir-raġuni, il-President jikkunsidra li l-argumenti mressqa minn Microsoft dwar il-kwistjonijiet mqajma fil-kawża preżenti ma jistgħux, fil-kuntest tal-proċedura għal miżuri provviżorji, jiġu kkunsidrati bħala bla bażi prima facie. Il-kundizzjoni ta' każ prima facie hija għalhekk sodisfatta.

2.      Dwar l-urġenza

226   Sabiex jiġi determinat jekk hemmx urġenza biex tiġi sospiża l-eżekuzzjoni ta' l-Artikolu 5(a) sa (c) tad-Deċiżjoni, huwa neċessarju li jsiru numru ta' osservazzjonijiet preliminarji.

a)      Osservazzjonijiet Preliminarji

227   L-osservazzjonijiet preliminarji jikkonċcernaw, primarjament, is-suġġett tal-miżuri korrettiva u, sekondarjament, il-miżura tad-dannu li qed jiġi allegat.

228   Għal dak li jirrigwarda s-suġġett tal-miżura korrettiva, hemm lok li jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 5(a) tad-Deċiżjoni, Microsoft għandha tikxef l-'informazzjoni dwar l-interoperabbiltà ' 'lil kull intrapriża li għandha interess tiżviluppa u tiddistribwixxi prodotti tas-sistemi operativi tas-server tal-work group'  u, taħt 'kundizzjonijiet raġunevoli u mhux diskriminatorji', tawtorizza l-użu minn dawn l-intrapriżi għall-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta' prodotti ta' sistemi operativi tas-server tal-work group'. Hekk kif ifformulata, il-miżura korrettiva tipprova tobbliga Microsoft tikxef dak li l-Kummissjoni tikkritika li hija b'mod żbaljat irrifjutat li tagħti [ara wkoll Artikolu 2(a), u kunsiderazzjoni 998 tad-Deċiżjoni].

229   Barra dan, kif jidher mill-kunsiderazzjonijiet 999 u 1004 tad-Deċiżjoni, il-miżura korrettiva in kwistjoni ma timponix fuq Microsoft li tikxef is-sourcecodes, lanqas Microsoft ma tikkuntesta dan il-punt fil-proċedura għal miżuri provviżorji preżenti.

230   Skond Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni, l-informazzjoni li Microsoft ġiet ordnata tikxef hija 'l-ispeċifikazzjonijiet kompleti u korretti tal-protokolli kollha implementati fis-sistemi operativi tas-server tal-Work Group tal-Windows u li huma użati mis-servers tal-Work Group tal-Windows sabiex ikun hemm servizzi ta' fajls u ta' stampar, u ta' servizzi ta' amministrazzjoni ta' utenti u gruppi ta' utenti, inklużi s-servizzi ta' Windows Domain Controller, Active Directory u Politika tal-Grupp [Group Policy] lill-Windows Work Group Networks'. Il-kunsiderazzjoni 999 tad-Deċiżjoni tippreċiża li 'din tinkludi kemm interkonnettività diretta u interazzjoni bejn is-server tal-work group ta' Windows u Windows Client PC, kif ukoll interkonnettività u interazzjoni bejn is-server tal-work group ta' Windows u Windows Client PC li hija indiretta u li tgħaddi minn server tal-work group ta' Windows ieħor'.

231   L-obbjettiv tal-Kummissjoni huwa, skond id-Deċiżjoni, 'li tassigura li l-kompetituri ta' Microsoft jiżviluppaw prodotti [kompattibbli] ma' l-arkitettura tas-sistema tal-Windows li kienu [originarjament] jiddependu mill-prodott dominanti li jikkonsisti fis-sistema operativa tal-Windows Client PC u b'hekk jikkompetu mal-prodotti ta' Microsoft għas-sistema operativa tas-server tal- work group' (kunsiderazzjoni 1003; ara wkoll kunsiderazzjonijiet 181 sa 184).

232   Fl-aħħar, il-partijiet jaqblu li l-awtorizzazzjoni li jiġu użati l-ispeċifikazzjonijiet, prevista mill-Artikolu 5(a) tad-Deċiżjoni, tfisser li l-ispeċifikazzjonijiet, li jiddeskrivu fid-dettal dak li huwa mistenni minn prodott ta' softwer, jistgħu jiġu implementati mill-kompetituri ta' Microsoft. Madankollu, il-partijiet ma jaqblux dwar iż-żmien neċessarju għall-implementazzjoni ta' l-ispeċifikazzjonijiet, jiġifieri l-kitba tagħhom f'forma ta' kodiċi.

233   Għal dak li jikkonċerna l-allegat dannu, għandu jiġi mfakkar li d-Deċiżjoni tobbliga Microsoft tikxef l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli client-to-server u server-ma-server.

234   Fit-talba tagħha għal miżuri provviżorji, Microsoft tenfasizza d-differenza bejn id-Deċiżjoni u t-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti, u tindika li t-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti ma awtorizzatx lil min għandu l-liċenzja juża l-protokolli ta' komunikazzjoni client-to-server ta' Microsoft ħlief sabiex tassigura l-interoperabbiltà mas-sistemi operativi tal-Windows Client PC, filwaqt li d-Deċiżjoni tobblligaha tagħti liċenzja għall-protokolli sabiex jintużaw f'sistemi operativi tas-server tal-work group li joffru servizzi ta' fajls u ta' stampar, u ta' servizzi ta' amministrazzjoni ta' utenti u gruppi ta' utenti lil kull Windows Client PC jew sistema operativa tas-server. Id-differenza bejn it-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti u d-Deċciżjoni ġiet deskritta mill-Kummissjoni fil-kunsiderazzjonijiet 688 sa 691.

235   B'risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-President, Microsoft spjegat li, għal dak li jikkonċerna l-protokolli client-to-server, it-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti u d-Deċiżjoni huma simili minħabba li t-tnejn li huma jimponu fuq Microsoft li tiżviluppa speċifikazzjonijiet li jiddeskrivu ċerti protokolli tagħha, li tipprovdi dawn l-ispeċifikazzjonijiet lill-kompetituri u li tawtorizza lill-kompetituri jużaw l-ispeċifikazzjonijiet sabiex jimplementaw, fil-prodotti tagħhom, protokolli li Microsoft ħolqot sabiex jintużaw fis-sistemi operativi tal-Windows tagħha.

236   Waqt is-seduta, Microsoft sostniet li l-program ta' liċenzja ta' l-Istati Uniti jdum sa Novembru 2009 u li l-liċenzji mogħtija jkopru d-dinja kollha. Hija kkonkludiet li l-implementazzjoni immedjata ta' l-obbligu li tikxef l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli client-to-server mhijiex neċessarja, minħabba li t-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti tippermetti li jintlaħaq l-istess riżultat sad-data meta l-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi fuq il-merti tal-kawża.

237   F'dan ir-rigward, il-President ifakkar li deċiżjoni tista' tiġi eżegwita immedjatament u li s-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni tagħha tista' tiġi ordnata biss fiċ-ċirkustanzi indikati fit-Trattat KE, fl-istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u fir-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim' Istanza. Għalhekk, in-natura ta' deċiżjoni li tista' tiġi eżegwita immedjatament bl-ebda mod mhuwa dipendenti fuq in-neċessità ta' l-implementazzjoni tagħha.

238   Minkejja dan, ser jittieħdu in kunsiderazzjoni l-elementi indikati preċedentement fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-urġenza li tiġi ordnata s-sospensjoni ta' l-obbligu li jinkixfu l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli client-to-server.

239   Dan l-argument żviluppat minn Microsoft waqt is-seduta jwassal għan-neċessità li jsir eżami separat tal-kundizzjoni dwar l-urġenza skond jekk id-Deċiżjoni timponi fuqha li tikxef l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni server-ma'-server u l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni client-to-server.

b)      Dwar id-dannu serju u irreparabbli kkawżat mill-obbligu li jinkixfu l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli server-ma'-server

240   Skond ġurisprudenza kostanti, in-natura urġenti ta' talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata flimkien man-neċessità li jkun hemm ordni għal miżuri provviżorji sabiex jiġi evitat dannu serju u irreparabbli lil parti li qed tagħmel it-talba għal dawk il-miżuri (ordni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Frar 1986, Deufil vs Il-Kummissjoni, 310/85 R, Ġabra p. 537, paragrafu 15 ; ordni tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Ġunju 1999, Pfizer Animal Health vs il-Kunsill, T-13/99 R, Ġabra p. II‑1961, paragrafu 134). Hija għal din ta' l-aħħar li għandha tressaq il-prova li hija ma tistax tistenna r-riżultat tal-kawża prinċipali mingħajr ma ssofri dannu ta' dan it-tip (ordni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Mejju 1991, Belġju vs il-Kummissjoni, C-356/90 R, Ġabra p. I‑2423, paragrafu 23 ; ordnijiet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' April 1999, Emesa Sugar vs il-Kummissjoni, T-44/98 R II, Ġabra p. II‑1427, paragrafu 128, u tal-15 ta' Novembru 2001, Duales System Deutschland vs il-Kummissjoni, T-151/01 R, Ġabra p. II-3295, paragrafu 187).

241   L-allegat dannu għandu jkun ċert jew, ta' l-anqas, stabbilit bi probabbiltà suffiċjenti, mentri r-rikorrent għandu jipprova l-fatti li huma l-bażi ta' dan id-dannu [ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Ġunju 1993, Allemagne vs il-Kunsill, C-280/93 R, ĠGabra p. I‑3667, u ordni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Diċembru 1999, HFB et vs il-Kummissjoni, C-335/99 P(R), Ġabra p. I‑8705, paragrafu 67].

242   Fil-kawża preżenti, Microsoft issostni li l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tikkawża dannu, min-naħa, lid-drittijiet dwar proprjetà intellettwali, u, min-naħa l-oħra, lill-libertà kummerċjali tagħha u l-kapaċità tagħha li tiżviluppa l-prodotti tagħha. Hija ssostni wkoll li l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tbiddel irreversibbilment il-kundizzjonijiet tas-suq.

243   Kull waħda minn dawn it-tliet kategoriji ta' dannu ser jiġu eżaminati separatament.

1)      Dwar l-allegat ksur tad-drittijiet dwar proprjetà intellettwali

244   Microsoft issostni li l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tobbligaha tagħti taħt liċenżja lill-kompetituri tagħha informazzjoni ta' valur kbir protett mid-drittijiet dwar proprjetà intellettwali.

245   Huwa għaldaqstant neċessarju li jiġi eżaminat jekk Microsoft stabbilitx b'mod konkret kif l-effetti tad-Deċiżjoni għandhom karattru serju u irreparabbli. Għal dan il-għan, hemm lok li tiġi separata l-kwistjoni jekk il-kxif ta' l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà tikkostitwixxix fiha nfisha dannu serju u irreparabbli għal Microsoft u l-kwistjoni jekk l-użu ta' din l-informazzjoni mill-kompetituri tagħha twassalx għal konsegwenzi serji u irreparabbli.

i)      Dwar il-kxif ta' l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà

246   L-informazzjoni li Microsoft ġiet ordnata tikxef hija allegatament protetta mid-drittijiet dwar proprjetà intellettwali u ta' valur kbir. Fid-dawl ta' l-argumenti żviluppati minn Microsoft, huwa f'loku li jiġi evalwat, suċċessivament, jekk, l-ewwel nett, il-ksur tal-prerogattivi esklussivi ta' min għandu d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u, t-tieni nett, l-obbligu li tikxef informazzjoni, jikkostitwixxux dannu serju u irreparabbli.

247   Fl-ewwel lok, Microsoft issostni li, billi timponilha li tagħti liċenzji lill-kompetituri tagħha, id-Deċiżjoni tikser id-drittijiet dwar proprjetà intellettwali li hija għandha fl-informazzjoni li hija obbligata tikxef.

248   Mingħajr ma jkun neċessarju li fil-kawża preżenti tittieħed pożizzjoni dwar l-eżistenza ta' drittijiet dwar proprjetà intellettwali, jew, konsegwentement, dwar il-kwistjoni jekk l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni effettivament tobbligax lill-Microsoft tagħti liċenzji li jeffettwaw id-drittijiet ta' l-awtur tagħha jew il-privattivi tagħha, jidher ċar li, jekk dawn id-drittijiet qed jiġu diskussi, il-fatt li tobbliga intrapriża tagħti liċenzji li jeffettwaw id-drittijiet ta' l-awtur tagħha jikkostitwixxi fih innifisu ksur sostanzjali tal-prerogattivi esklussivi li intrapriża jkollha minn dawk id-drittijiet.

249   Il-fatt jibqa' li dak il-ksur huwa l-konsegwenza neċessarja tal-prinċipju stabbilit fis-sentenza IMS Health, paragrafu 99 iktar 'il fuq, minħabba li l-eżami li l-ġudikatura komunitarja tagħmel jikkonsisti speċifikament fil-bilanċ, min-naħa, tal-protezzjoni mogħtija mid-dritt dwar proprjetà intellettwali lill-proprjetarju tagħha u, min-naħa l-oħra, l-eżiġenza li jkun hemm kompetizzjoni libera kif stabbilita fit-Trattat KE. Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tikkunsidra, meta jkun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-eżiġenza li jkun hemm kompetizzjoni libera tirrikjedi li tordna intrapriża li tkun f'pożizzjoni dominanti li tagħti liċenzja b'mod li teffettwa d-drittijiet dwar proprjetà intellettwali, jirriżulta neċessarjament ksur tal-prerogattiva tal-proprjetarju ta' dawk id-drittijiet. Fil-kawża preżenti, jekk wieħed jassumi li l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni, la darba abbozzati, ikunu protetti mid-drittijiet ta' l-awtur, il-fatt stess li qed tordna lill-Microsoft tpoġġi l-ispeċifikazzjonijiet tagħha għad-dispożizzjoni ta' intrapriżi li jikkompetu magħha jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet esklussivi ta' l-awtur. Bl-istess mod, jekk wieħed jassumi li ċerti protokolli huma protetti minn privattivi u li l-użu tagħhom huwa indispensabbli għall-intrapriżi li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni, il-fatt stess li Microsoft ma tistax tuża l-privattivi tagħha kif hija tixtieq jikkostitwixxi ksur tal-prerogattivi mogħtija lill-inventur.

250   Minkejja dan, li wieħed jikkunsidra li ksur tal-prerogattivi esklussivi tal-proprjetarju tad-dritt jikkostitwixxi fih innfisu, u indipendentement miċ-ċirkustanzi partikulari ta' kull każ, dannu serju u irreparabbli, timplika li l-kundizzjoni ta' urġenza hija dejjem sodisfatta meta l-miżura li l-Qorti qed tiġi mitluba li tissospendi hija tat-tip indikata fis-sentenza IMS Health, paragrafu 99 fuq.

251   F'dawn iċ-ċirkustanzi, huwa għaldaqstant neċessarju li wieħed jeżamina jekk, fid-dawl ta' l-elementi tal-kawża, il-fatt li drittijiet dwar proprjetà intellettwali ser jiġu effettwati sakemm tingħata deċiżjoni dwar il-merti tal-kawża, jistax jikkawża, barra s-sempliċi ksur tal-prerogattivi esklussivi tal-proprjetarju tad-drittijiet in kwistjoni, dannu serju u irreparabbli (ara, f'dan is-sens, l-ordni tal-President tal-Qorti tal-ĠGustizzja tal-11 ta' Mejju 1989, RTE et vs il-Kummissjoni, 76/89 R, 77/89 R u 91/89 R, Ġabra p. 1141, paragrafu 18 ; ordni IMS Health vs il-Kummissjoni, paragrafu 133 fuq, paragrafi 126 sa 131).

252   Fit-tieni lok, Microsoft issostni li l-kawża tad-dannu tinsab fil-fatt li l-kxif in kwistjoni għandu bħala suġġett informazzjoni sigrieta u ta' valur kbir.

253   F'dan ir-rigward, huwa tajjeb li jiġi kkunsidrat, qabel kollox, li mhuwiex ikkuntestat li, la darba tiġi miksuba, konoxxenza ta' informazzjoni li qabel kienet sigrieta – kemm jekk minħabba fl-eżistenza ta' dritt ta' proprjetà intellettwali, kif ukoll jekk tikkostitwixxi sigriet kummerċjali – tista' tinżamm. L-annullament eventwali tad-Deċiżjoni ma jħassarx il-konnoxxenza ta' dik l-informazzjoni u kumpens ikun diffiċli ħhafna minħabba li l-valur tat-trasferiment ta' konnoxxenza huwa diffiċli ħafna biex jiġi kkwantifikat. Madankollu, Microsoft ma tispjegax liema dannu irreparabbli jista' jiġi kkawżat lilha bis-sempliċi fatt li terzi jkollhom konoxxenza tad-data mikxufa minnha, għad-differenza ta' l-iżviluppi li jirriżultaw mill-użu ta' din il-konoxxenza.

254   Wara dan, qed jiġi osservat li, il-kxif ta' informazzjoni li qabel kienet sigrieta ma jimplikax neċessarjament dannu serju.

255   Fil-kawża preżenti, Microsoft essenzjalment issostni li l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà għandha valur speċifiku. Dan il-valur jirrigwarda, qabel kollox, min-naħa, l-fatt li l-protokolli ta' komunikazzjoni huma l-frott ta' sforz sostanzjali u li jiswa ħafna u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-applikazzjonijiet kummerċjali tagħhom huma sinjifikattivi. Microsoft iżżid li l-abbozzar ta' l-ispeċifikazzjonijiet hija wkoll oneruża.

256   Il-President jikkunsidra li, fid-dawl ta' l-elementi fil-proċess, il-prova dwar in-natura serja ta' dan id-dannu ma toħroġx. B'mod partikulari, l-allegazzjoni vaga li l-protokolli ta' komunikazzjoni ta' Microsoft "swew ħafna milljuni ta' dollari [Stati Uniti]", anki jekk kellha bażi tajba, ma ġietx sostnuta b'xi evidenza. Barra minn hekk, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li dawn l-ispejjeż ser jiġu parzjalment imħallsa lura mir-royalties li Microsoft tista' titlob għall-użu tal-protokolli tagħha fil-kuntest tal-liċenzji mogħtija bl-implementazzjoni tad-Deċiżjoni.

257   F'kull każ, id-dannu finanzjarju li qed jiġi allegat fil-paragrafu preċedenti ma jistax jitqies bħala serju, minħabba fil-poter finanzjarju ta' Microsoft, li kellha fatturat għas-sena fiskali ta' l-Istati Uniti, minn Lulju 2002 sa Ġunju 2003, skond il-kunsiderazzjoni 1 tad-Deċiżjoni, ta' EUR 30 701 milljun (ara, f'dan is-sens, l-ordni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Mejju 1990, Comos-Tank e.a. vs il-Kummissjoni, C-51/90 R et C-59/90 R, Ġabra p. I‑2167, paragrafu 26).

258   Skond Microsoft, il-valur ta' l-informazzjoni in kwistjoni jikkonsisti fil-fatt li l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni server-ma'-server jinkludu ammont sinjifikattiv ta' informazzjoni dwar il-funzjonament ta' l- 'Active Directory' fis-sistemi operativi tal-Windows. Il-protokolli ta' komunikazzjoni server-ma'-server tagħha mhumiex sempliċement interfaces li ma jkunux konnessi ma' l-implementazzjoni ta' taħht tal-funzjonalitajiet aċċessibli permezz ta' dawn l-interfaces. Konsegwentement, il-komunikazzjoni tal-protokolli lill-kompetituri tammonta għal trasferiment lilhom ta' kwantita' sinjifikattiva ta' informazzjoni dwar il-mod ta' kif dawn il-funzjonijiet huma fornuti (Anness R.2 ; Anness T.7 ; Anness U.1, Madnick u Meyer "Risposta għad-dokument ta' M. Alepin anness mat-talbiet ta' CCIA u l-osservazzjonijiet ta' [FSF-Europe] ", u Anness U.2).

259   Il-President jikkonstata, fl-ewwel lok, li Microsoft issostni fis-sottomissjonijiet tagħha li hija ser tkun marbuta tikxef informazzjoni dwar l-istruttura interna jew dwar l-aspetti innovattivi tal-prodotti tagħha, iżda li l-eżempji speċifiċi jirrigwardaw esklussivament il-protokolli ta' replika fl- Active Directory u, fit-tieni lok, li din l-affermazzjoni hija bbażata fuq l-analiżi ta' Dott. Madnick u Dott. Meyer, min-naħa, u minn Campbell-Kelly, min-naħa l-oħra.

260   F'dan ir-rigward, il-President jikkunsidra li l-allegazzjonijiet ta' Microsoft ma jistgħux jiġu kkunsidrati li ġew pruvati kif tirrikjedi l-liġi.

261   L-affermazzjoni ta' Microsoft li tgħid li l-informazzjoni li hija għandha tikkomunika ser tikxef il-mod ta' kif jaħdmu l-prodotti tagħha hija murija mill-uniku eżempju ta' l-Active Directory, [kif] definit, fid-Deċiżjoni, bħala servizz ta' direttorju inkluż fis-server tal-Windows 2000 (kunsiderazzjoni 149). Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar is-sottomissjonijiet ta' l-intervent, Microsoft, għal darba oħra, enfasizzat li "l-ispeċifikazzjonijiet ser juru lill-kompetituri l-mod kif jaħdmu partijiet importanti tas-sistema operativa tal-Windows, bħall-Active Directory". Waqt is-seduta, il-mistoqsija magħmula mill-President dwar jekk l-ispeċifikazzjonijiet jikxfux elementi rigward partijiet mis-sistema operativa tal-Windows, barra l-Active Directory ma ġabietx risposta ċara u konvinċenti. Dwar dan il-punt, wieħed mill-esperti ta' Microsoft fil-fatt indika li huwa "jemmen" li r-regoli li jmexxu l-immaniġjar tad-direttorju jkollhom jiġu mikxufa wkoll.

262   L-allegazzjonijiet magħmula mill-esperti ta' Microsoft u l-eżempji relatati ma' l-Active Directory li fuqhom huma bbażaw ruħhom jirreferu għal analiżi (ara paragrafu 116 iktar 'il fuq) li kienu kritikati ħafna mill-Kummissjoni u mill-partijiet li intervenew sabiex isostnu t-talbiet tagħha. Dawn il-partijiet ikkuntestaw is-suppożizzjonijiiet magħmula f'dawk l-analiżi u, b'mod partikulari, is-suppożizzjoni li l-protokolli wżati sabiex jassiguraw il-komunikazzjoni bejn żewġ kopji ta' l-istess sistema operativa kif ukoll il-metodu ta' duplikazzjoni huma "marbutin strettament". Il-kuntestazzjonijiet tal-Kummissjoni – ibbażati fuq dokumenti ppreżentati minn esperti (Anness S.2 u Anness U.1, "Rapport ta' OTR, ta' l-10 ta' Settembru 2004") –, minn FSF-Europe u, qabel ma rtiraw mill-proċeduri, minn CCIA u minn Novell, jirrigwardaw essenzjalment in-natura vaga u ipotetika tad-dimostrazzjoni fir-rapport Madnick u Meyer u għall-fatt li dan ir-rapport jinkludi teoriji li huma kuntrarji għal prattika ta' Microsoft. Fl-Anness 3 tas-sottomissjonijiet ta' l-intervent ta' CCIA, Alepin jissottometti li speċcifikazzjonijiet ta' protokolli abbozzati korrettament jikxfu ftit jew xejn dwar l-istruttura interna, l-algoriżmi u aspetti oħra innovattivi ta' sistemi operativi.

263   Fil-preżenza ta' dawn il-kuntestazzjonijiet u fin-nuqqas ta' elementi oħra aktar preċiżi ppreżentati minn Microsoft, mhuwiex possibli li l-allegazzjonijiet, li jgħidu li l-ispeċifikazzjonijiet jikxfu aktar milli huwa neċessarju sabiex tiġi assigurata l-interoperabbiltà mfittxija mill-Kummissjoni, jittieħdu bħala stabbiliti.

264   Bl-istess mod, kif tirrileva l-Kummissjoni f'risposta tagħha għal mistoqsija bil-miktub, l-affermazzjoni ta' Microsoft li s-single compression algorithm użata mill-Active Directory għandha tiġi mikxufa taħt il-miżura korrettiva imposta mid-Deċiżjoni ma tistax tiġi vverifikata minħabba n-nuqqas ta' evidenza oġġettiva suffiċjenti għal dan il-għan.

265   F'dan ir-rigward, il-President jikkunsidra li Microsoft kellha l-possibbiltà u d-dritt li tissottometti fajl tekniku lill-Kummissjoni, u lilha biss, sabiex bih tkun tista' tikkummenta dwar il-livell ta' preċiżjoni ta' l-ispeċifikazzjonijiet u r-riskji li tinkixef informazzjoni li neċċessarjament tkopri aktar mill-interoperabbiltà mfittxija mill-Kummissjoni. Iżda Microsoft astjeniet milli tagħmel dan waqt il-proċedura amministrattiva. Bl-istess mod, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, Microsoft setgħet tispjega r-raġunijiet għalfejn miżuri effiċjenti ta' sigurtà sabiex jingħelbu d-diffikultajiet ma setgħux ikunu kkunsidrati. B'mod partikulari, il-Kummissjoni waqt is-seduta sostniet li hija kienet talbet lill-Microsoft, fit-30 ta' Lulju 2004, sabiex tikkomunikalha l-ispeċifikazzjonijiet tagħha għall-eżami, iżda li dawn qatt ma kienu mibgħuta, u dan mhux ikkuntestat minn Microsoft.

ii)      Dwar l-użu ta' l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà

266   Microsoft issostni li, la darba mikxufa, l-użu li jsir ta' l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà jkun il-kawża ta' numru ta' danni serji u irreparabbli.

Dwar l-allegata dilwizzjoni ta' l-informazzjoni

267   Microsoft issostni li l-informazzjoni li tinkixef tista' tintuża mill-kompetituri tagħha, li hemm riskju li tiġi mqiegħda fid-dominju pubbliku u li l-użu tagħha ma tkunx tista' tiġi vverifikata wara l-annullament tad-Deċiżjoni.

268   Dan l-argument jinjora l-possibbiltà li wieħed jipprovdi miżuri kuntrattwali li joffru protezzjoni dwar il-kunfidenzjalità u l-użu ta' l-informazzjoni in kwistjoni sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kawża prinċipali, klawsoli li huma prattiċi stabbiliti fis-settur. Klawsoli ta' kunfidenzjalità, flimkien ma' klawsoli penali jekk ikun il-każ, jistgħu jkunu inklużi fil-kuntratti ta' liċenzji konklużi ma' l-intrapriżi li għandhom interess li jiżviluppaw u li jiddistribwixxu prodotti li jikkompetu mal-prodotti ta' Microsoft, fis-sens ta' l-Artikolu 5 (a) tad-Deċiżjoni.

269   Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni tindika li Microsoft tista' teżiġi miżuri kuntrattwali raġjonevoli li joffru protezzjoni għal kxif, sabiex l-informazzjoni mikxufa lill-kompetituri ma tkunx tista' tiġi aktar użata jekk id-Deċiżjoni tiġi annullata. Il-kuntratti ta' liċenzji konklużi fil-kuntest ta' MCPP u l-ftehim dwar trasferiment ta' teknoloġija jikkostitwixxu elementi ta' riferiment.

270   F'dan il-kuntest, għandu jiġi rilevat li Microsoft stess fit-talba tagħha għal miżuri provviżorji indikat li l-kxif ta' sigrieti kummerċjali lis-soċji kuntrattwali tagħha kienet soġġetta għar-rispett min-naħa tagħhom ta' obbligu ta' kunfidenzjalita' (ara paragrafu 125 iktar 'il fuq).

271   Barra dan, Microsoft impenjat ruħha, fil-kuntest tal-ftehim ma' Sun Microsystems, li tikkomunika l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni tagħha server-ma'-server. Madankollu, Microsoft ma spjegatx ir-raġunijiet għalfejn miżuri kuntrattwali li joffru protezzjoni identiċi għal dawk li kienu inklużi f'dan il-ftehim ma jassigurawx li l-informazzjoni mikxufa b'implementazzjoni tad-Deċiżjoni ma tiġix pubblikata. Barra minn dan, kif joħroġ mill-kunsiderazzjoni 211 tad-Deċiżjoni "matul is-snin 90, Microsoft ikkonkludiet liċenzja ma' AT&T rigward il-komunikazzjoni ta' ċerti elementi tas-source code tal-Windows". Microsoft ma spjegatx ir-raġunijiet għalfejn hija ma tkunx tista' tuża l-istess miżuri kuntrattwali li joffru protezzjoni li kellhom jiġu inklużi f'dak il-ftehim ma' AT&T meta ġew mikxufa l-ispeċifikazzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni.

272   Il-possibbiltà ta' miżuri li joffru protezzjoni approprjata tipprovdi wkoll risposta għall-biża ta' Microsoft li l-konoxxenza mikxufa tinfirex sal-punt li ssir parti mid-dominju pubbliku. Barra l-fatt li l-konklużjoni ta' liċenzji ma timplikax bl-ebda mod li d-data in kwistjoni tkun, ġuridikament, fid-dominju pubbliku, ta' lanqas għal dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, id-dannu allegat minn Microsoft jassumi li l-partijiet l-oħra ser jonqsu milli jwettqu l-obbligi kuntrattwali tagħhom, li wieħed ma jistax jassumi (ara, f'dan is-sens, ordni tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Lulju 1998, Prayon‑Rupel vs il-Kummissjoni, T-73/98 R, ĠGabra p. II‑2769, paragrafu 41).

273   In kwantu l-allegazzjoni li jkun impossibli li wieħed jivverifika l-użu [ta' l-informazzjoni] minnhom wara l-annullament tad-Deċiżjoni, Microsoft tafferma li huwa raġunar superfiċjali li temmen li l-użu ta' l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni tagħha jkunu jistgħu jiġu osservati immedjatament jekk id-Deċiżjoni tiġi annullata, u dan minħabba l-manutenzjoni ta' l-interoperabbiltà tas-sistemi operativi tas-server tal-work group ta' terzi u sistemi operativi tas-server tal-Windows. Madankollu, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar is-sottomissjonijiet ta' l-intervent, Microsoft indikat li, "mingħajr aċċess għas-source code ta' prodotti ta' terzi", hija ma setgħatx tkun taf f'liema miżura l-kompetituri kienu qed jużaw il-konoxxenza li huma akkwistaw permezz ta' l-aċċess li huma kellhom għall-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni ta' Microsoft. Minn dan l-argument isegwi li Microsoft tikkunsidra li huwa possibbli li tiddetermina f'liema miżura l-kompetituri kienu qed jużaw il-konoxxenza li huma akkwistaw permezz ta' l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni billi jkollhom aċċess, fil-każ li d-Deċiżjoni tiġi annullata, għas-source code tal-prodotti tagħhom. Il-possibbiltà li espert indipendenti – innominat bi ftehim kommuni bejn l-partijiet kontraenti jew, fil-każ li ma jkunx hemm ftehim, mill-Kummissjoni – għandu jaċċedi għas-source code tal-prodotti tal-kompetituri ta' Microsoft sabiex tali verifika tkun tista' perfettament tiġi pprovduta fil-kuntratti ta' liċenzja li għandhom jiġu konklużi ma' l-intrapriżi indikati fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni. Barra minn dan, huwa wkoll possibbli għal Microsoft li tipprovdi fl-istess kuntratti ta' liċenzja klawsoli penali li jwaqqfu, fil-każ li d-Deċiżjoni tiġi annullata, lill-kompetituri tagħha milli jikkummerċjalizzaw prodotti li jkun fihom l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà. Tali dispożizzjonijiet kuntrattwali, rigward proċeduri ta' verifika u l-penali li jeħlu fil-każ ta' ksur ta' l-impenn mogħti sabiex ma' tintużax l-informazzjoni wara l-annullament eventwali tad-Deċiżjoni, għandha tiġi kkunsidrata suffiċjenti sabiex jiġi evitat dannu irreparabbli.

274   Għal kompletezza, għandu jiġgi osservat li l-evalwazzjoni magħmula fil-paragrafu preċedenti hija sostnuta mill-fatt li, waqt is-seduta, Novell iddikjarat li hija kienet lesta tawtorizza l-aċċess għas-source code tal-prodotti tagħha sabiex tippermetti, wara l-annullament eventwali tad-Deċiżjoni, verifika tan-nuqqas ta' użu ta' l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà. Microsoft ma rrisponditx dwar dan il-punt.

Dwar l-argument li l-prodotti jibqgħu fil-kanali ta' distribuzzjoni

275   Microsoft issostni li d-Deċiżjoni ser tikkawża dannu permanenti għad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali tagħha – aktar preċiżament għad-dritt tagħha li tisfrutta l-privattivi tagħha – minħabba li, fil-każ ta' annullament tad-Deċiżjoni, il-prodotti li jinkorportaw it-teknoloġija tagħha ser jibqgħu fil-kanali ta' distribuzzjoni u f'idejn il-klijenti.

276   Il-President jikkunsidra li Microsoft ma stabbilitx li dawn iċ-ċirkustanzi jikkostitwixxu dannu serju u irreparabbli.

277   Fl-ewwel lok, mhux magħruf meta l-prodotti li jikkompetu u li jimplementaw l-ispeċifikazzjonijiet ser jitpoġġew fis-suq. F'dan ir-rigward, huwa kostanti li l-intrapriżi li jirċievu l-informazzjoni għandhom, l-ewwel jimplementaw l-ispeċifikazzjonijiet u t-tieni għandhom jipproċedu billi jpoġġu l-prodotti tagħhom fis-suq. Fis-seduta, ir-rappreżentant ta' Microsoft iddikjara li l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni għandhom jitlestew fi tliet jew erba' ġimgħat.

278   Il-perijodu totali bejn id-data ta' meta jaslu l-ispeċifikazzjonijiet u d-data ta' meta dawn il-prodotti jitpoġġew fis-suq ġie stmat li jikkonsisti f'diversi snin mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni (kunsiderazzjonijiet 719 sa 721 tad-Deċiżjoni). Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni għamlet referenza għal "ittra ta' Sun [Microsystems] lill-Kummissjoni u tal-20 ta' Lulju 2004", li b'referenza għall-ispeċifikazzjonijiet ta' protokolli server-ma'-server, fil-paragrafu 3, tgħid:

"Li timpjega grupp ta' nies li jikkonsistu [f'numru sostanzjali ta'] inġiniera, ħadet [aktar minn sena] snin għal Sun [Microsystems] biex jitlesta l-isforz ta' żvilupp u tpoġġi fis-suq verżjoni li taħdem ta' AS/U ibbażata fuq informazzjoni mogħtija minn AT&T. Għar-raġunijiet indikati aktar 'il quddiem, Sun [Microsystems] tistenna li jkun hemm bżonn ta' aktar żmien sabiex tintroduċi prodott kumpless bħalu minn speċifikazzjonijiet tekniċi mogħtija fil-kuntest ta' "Technical Collaboration Agreement" konkluż ma' Microsoft f'April 2004."

279   Barra dan, fit-talbiet li sottomettiet qabel ma rtirat mill-proċeduri, CCIA enfasizzat li, "anki jekk l-informazzjoni tiġi mikxufa għada (u wieħhed jassumi li kienet kompleta u korretta), huwa ċar li tieħu hafna snin (mill-inqas sentejn) qabel ma wieħed mill-kompetituri ta' Microsoft jkun jista' jqiegħed fis-suq prodott li juża din l-informazzjoni". Din l-affermazzjoni hija bbażata fuq l-Anness CCIA.R.3, li fija Alepin jikkunsidra li assolutament mhuwiex realistiku li wieħed jistenna li prodott kompletament kompatibbli jkun kommerċjalment vijabbli fi żmien sentejn (paragrafu 84). SIIA u, qabel ma rtirat mill-proċeduri, Novell, żviluppaw l-istess argument fis-sottomissjonijiet tagħhom.

280   Meta ġiet mistiedna tikkummenta bil-miktub dwar dawn l-elementi ta' informazzjoni rigward l-estimi taż-żmien neċessarju sabiex timplementa l-ispeċifikazzjonijiet tagħha stess, Microsoft essenzjalment indikat li ż-żmien neċessarju sabiex timplementa speċifikazzjoni jiddependi ħafna fuq ir-riżorsi allokati għal dan l-isforz. Waqt is-seduta, Microsoft iddikjarat li prodott jista' jitqegħed fis-suq f'inqas minn tliet xhur, iżda mingħajr ma tat dettalji suffiċjenti jew evidenza li ssostni din l-allegazzjoni u li tippermetti li wieħed jivverifika jekk hijiex fondata. Għaldaqstant, din it-talba ma tistax tiġi milqugħa.

281   Mill-premess isegwi, mingħajr preġudizzju għal fatt li xi żmien ser ikun neċessarju għal kompertituri ta' Microsoft sabiex ibiegħu l-verżjonijiet tal-prodotti tagħhom kompattibbli ma' sistemi operativi tas-server tal-Windows work group, li mhemmx raġuni għalfejn wieħed għandu jemmen li dawn il-prodotti kompattibbli ser jiġu kkummerċjalizzati fi żmien qasir. Konsegwentement, l-effett li Microsoft tilmenta dwaru jsehh, f'kull każ, għhal żmien limitat bejn id-data li l-prodotti in kwistjoni jitqiegħdu fis-suq u d-data ta' meta tingħata s-sentenza fil-kawża prinċipali.

282   Fit-tieni lok, id-dannu li jirriżulta mill-fatt li prodotti li jimplementaw l-ispeċcifikazzjonijiet tal-protokolli ta' Microsoft jibqgħu fil-kanali ta' distribuzzjoni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala wieħed irriversibbli, minħabba li l-effett huwa inevitabbilment limitat fiż-żmien, kemm jekk li l-prodotti jispiċċaw mibjugħa u installati fl-intrapriżi li jkunu akkwistawhom (ara paragrafu 283 aktar 'il quddiem), kif ukoll jekk il-prodotti mhux mibjugħha jispiċċaw teknoloġikament antikwat.

283   Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li Microsoft korrettament issostni li, anki jekk id-Deċiżjoni għandha tiġi annullata, il-prodotti li jikkompetu jibqgħu installati fl-intrapriżi li jkunu akkwistawhom. Minkejja dan, dan il-fatt ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-kawża ta' dannu serju u irreparabbli, minħabba li, min-naħa, Microsoft ma wrietx kif il-preżenza ta' dawn il-prodotti fin-networks ta' klijenti tkun ta' ċertu ħsara għall-attivitajiet tagħha fil-futur u, min-naħa l-oħra, huwa probabbli li l-valur kummerċjali ta' dawn il-prodotti, li jkunu ssodisfaw talba tal-klijenti qabel ma' tingħata s-sentenza fil-kawża prinċipali, jonqos malajr jekk id-Deċiżjoni tiġi annullata mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

284   Dwar dan l-aħħar punt, għandu jiġi ppreċiżat li, wara l-annullament eventwali tad-Deċiżjoni, Microsoft tkun tista' timpedixxi li sistemi operativi li jikkompetu magħha jkunu kompattibbli mal-verżjonijiet ġodda tas-sistema Windows billi tbiddel il-protokolli ta' komunikazzjoni server-ma'-server tagħha u, b'hekk tnaqqas b'mod sinjifikattiv u mgħaġġel il-valur tal-prodotti li jikkompetu. Il-possibbiltà teknika li jkun hemm interoperabbiltà bejn l-ambjent Windows u s-sistemi operativi tas-server tal-work group li jikkompetu installati f'intrapriżi – li tkun ta' natura li tippermetti lill-Microsoft tieħu benefiċċju esklussiv minn titjieb sussegwenti – kienet ikkonfermata waqt is-seduta, u Microsoft ma kkuntestatx dan il-punt.

285   Anki jekk wieħed jassumi li Microsoft kellha tiddeċiedi li ma tbiddilx il-protokolli ta' komunikazzjoni tagħha wara l-annullament eventwali tad-Deċiżjoni, il-fatt li sistemi operativi tas-server tal-work group li jikkompetu jibqgħu fin-netwerks mhux ser jikkawżalha dannu irreparabbli. Waqt is-seduta, Microsoft iddikjarat li, fil-każ li d-Deċiżjoni tiġi annullata, ikun teknikament possibbli li twaqqaf l-interoperabbiltà ma' sistemi operativi tas-server tal-work group li jikkompetu, iżda li tkun inkonċepibbli mill-aspett kummerċjali li ma tassigurax kompatibbiltà b'lura [backward compatibility] bejn sistemi qodma u sistemi ġodda. Madankollu, jekk iż-żamma ta' din il-kompatibbiltà tippermetti lis-sistemi operativi li jikkompetu li jinteroperaw f'netwerk mal-verżjoni ġdida tas-sistemi operativi tal-Windows, din ma tbiddilx il-fatt li s-sistemi ta' qabel huma inqas avvanzati f'termini teknoloġiċi mis-sistemi l-ġodda u li, minn perspettiva kummerċjali, huma għandhom isiru antikwati fi żmien qasir. F'dan ir-rigward, wieħed għandu jżomm f'moħħu li, jekk id-Deċiżjoni tiġi annullata mill-Qorti tal-Prim' Istanza, il-kompetituri ta' Microsoft ma jkunux jistgħu jużaw aktar l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà indikata fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni (ara paragrafu 273 iktar 'il fuq) u li, konsegwentement, il-kompatibbiltà b'lura tkun assigurata biss għas-sistemi operativi tas-server tal-work group ikummerċjalizzati mill-kompetituri tagħha qabel id-data ta' l-annullament eventwali [tad-Deċiżjoni].

Dwar l-allegata "klonazzjoni" ta' prodotti

286   Microsoft issostni li l-informazzjoni in kwistjoni tista' tintuża għall-"klonazzjoni" tal-prodotti tagħha. Hija tafferma li, mill-mument li l-kompetituri jkunu akkwistaw konoxxenza approfondita ta' kif jaħdmu minn ġewwa s-sistemi operativi ta' Microsoft billi jistudjaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni tagħha protetti mid-dritt ta' l-awtur, huma jkunu jistgħu jagħmlu użu minnhom għhall-prodotti tagħhom stess. Ikun diffiċli, anzi impossibbli, għal Microsoft u għall-awtoritajiet ġudizzjarji jiddeterminaw jekk il-kompetituri ta' Microsoft kienux qed jużaw dik il-konoxxenza waqt l-iddisinjar tas-sistemi operativi tas-server tagħhom stess.

287   F'dan ir-rigward, wieħed għandu jżomm f'moħħu li l-premessa ta' dan ir-raġunament, li jgħid li jkun possibbli li wieħed jakkwista informazzjoni li tmur lil hinn mill-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà biss, ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala li ġiet stabbilita (ara paragrafi 260 sa 265 iktar 'il fuq).

288   Barra minn hekk, l-allegazzjoni ta' Microsoft hija bbażata fuq qari ta' l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni li ma tieħux in kunsiderazzjoni l-argumenti ta' din ta' l-aħħar. Fil-fatt, l-indikazzjoni fl-Artikolu 5, li tgħid li Microsoft għandha tawtorizza l-użu ta' l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli tagħha "għall-iżvilupp u d-distribuzzjoni tas-sistemi operativi tas-server tal-work group" għandha tinqara fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet 1003 u 1004 tad-Deċiżjoni. Skond il-kunsiderazzjoni 1003, "[l-]obbjettiv tad-Deċiżjoni huwa li jassigura li l-kompetituri ta' Microsoft jiżviluppaw prodotti [kompatibbli] ma' l-arkitettura tas-sistema Windows li hija lokalment ibbażata fuq il-prodott dominanti li jikkostitwixxi s-sistema operativa tal-Windows Client PC, u għalhekk jistgħu jikkompetu mal-prodotti ta' Microsoft għas-sistemi operativi tas-server ta-work group". In kwantu għall-kunsiderazzjoni 1004, din tippreċiża li "għal dak li jikkonċerna l-użu li jsir mill-ispeċifikazzjonijiet mikxufa, l-ispeċifikazzjonijiet ukoll m'għandhomx jiġu riprodotti, adattati, irranġati jew mibdula, iżda għandhom jintużaw minn terzi sabiex jabbozzaw l-interfaces tagħhom stess konformement ma' dawn l-ispeċifikazzjonijiet".

289   Minn dan isegwi li l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni għandha tinftiehem fis-sens li l-użu tal-protokolli huwa permess biss sabiex ikun hemm interoperabbiltà u li, konsegwentement, l-użu tal-protokolli għal xi għan ieħor mhux permess. Il-Kummissjoni speċifikament ikkonfermat din l-interpretazzjoni waqt is-seduta u saħqet fuq il-fatt li r-rispett ta' din il-limitazzjoni tista' tiġi vverifikata mill-"mandatarju indipendenti ta' Microsoft" indikat fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni.

2)      Dwar l-allegat indħil fil-libertà

290   Microsoft issostni li l-libertà tagħha li tiddetermina l-elementi essenzjali tal-politika kummerċjali tagħha ser jiġu kompromessi bl-implementazzjoni tad-Deċiżjoni: din ta' l-aħħar tobbligaha tikxef informazzjoni lill-kompetituri, tneħħilha l-kapaċità li tiżviluppa l-prodotti tagħha u ġġiegħelha "twebbes" il-protokolli tagħha.

291   F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bħala prinċipju, kull deċiżjoni meħuda taħht l-Artikolu 82 KE u li tobbliga intrapriża dominanti li twaqqaf abbuż neċessarjament tfisser tibdil tal-politika kummerċjali ta' dik l-intrapriża. L-obbligu impost fuq intrapriża li tbiddel l-aġir tagħha ma jistgħax għalhekk jiġi kkunsidrat li jikkostitwixxi dannu serju u irreparabbli fih innifshu, dejjem jekk il-kundizzjoni li jkun hemm urġenza tkun ġiet sodisfatta meta d-deċiżjoni, li tagħha qed tintalab is-sospensjoni, tordna li twaqqaf l-aġir abbużiv.

292   Meta rikorrent jinvoka ksur tal-libertà kummerċjali biex juri li l-miżura provviżorja li jkun qed jitlob għandha tiġi ordnata b'urġenza, huwa jrid jipprovdi evidenza jew li l-eżekuzzjoni ta' l-att ikkuntestat jobbligah ibiddel ċerti elementi essenzjali tal-politika kummerċjali tiegħu u li, anki wara l-għoti ta' sentenza favur tiegħu fil-kawża prinċipali, l-effetti ta' l-eżekuzzjoni ta' dak l-att ma jippermettix lilu milli jerġa jmur lura għal politika kummerċjali ta' qabel, jew li dawk l-effetti ser jikkawżawlu dannu serju u irreparabbli ta' natura oħra, filwaqt li għandu jiġi mfakkar li l-allegat dannu għandu jiġi vvalutat fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta' kull każ.

293   Għalhekk, fl-ordnijiet Bayer vs Il-Kummissjoni, paragrafu 138 iktar 'il fuq, u IMS Health vs Il-Kummissjoni, paragrafu 133 iktar 'il fuq, invokati minn Microsoft, il-President evalwa l-konsegwenzi tal-ksur tal-libertà ta' intrapriżi li jiddefinixxu l-politika kummerċjali tagħhom fid-dawl ta' l-effetti ta' l-eżekuzzjoni ta' l-att.

294   Fl-ordni Bayer vs Il-Kummissjonim paragrafu 138 iktar 'il fuq, il-President effettivament jisħaq fuq il-fatt li, "[f']dan il-każ, jekk it-teżi tar-rikorrenti kella titqies mill-Qorti tal-Prim'Istanza bħala fondata, l-implementazzjoni immedjata tad-dispożizzjoni in kwistjoni tista' ċċaħħad lill-interessat mill-possibbiltà li jiddefinixxi b'mod awtonomu ċerti elementi essenzjali tal-politika kummerċjali tiegħu" (paragrafu 54). Barra minn hekk, huwa kkonstata li "sitwazzjoni ta' dan it-tip tkun partikularment suxxettibbli li tikkawża dannu serju għar-rikorrenti fil-kuntest tas-settur farmaċewtiku, li huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-prezzijiet u l-metodi ta' ħlas lura huma stabbiliti jew ikkontrollati mis-servizzi ta' saħħa nazzjonali, li għaldaqstant iwasslu għal differenzi kbar fil-prezzijiet ta' l-istess mediċina fl-Istati Membri varji" (paragrafu 55). Peress li r-regolazzjoni settorjali ta' prezzijiet kienet ġiet meqjusa bħala fattur li jillimita l-marġni ta' libertà kummerċjali ta' l-intrapriżi, il-President seta' jikkonkludi li ksur supplementari tal-libertà kummerċjali li huwa diġa ristrett jikkostitwixxi dannu serju. Għalhekk il-bidla tal-politika kummerċjali ta' Bayer kienet ikkunsidrata suffiċjenti biex turi l-urġenza fid-dawl tal-fatturi speċifiċi ta' dik il-kawża.

295   Fl-ordni IMS Health vs Il-Kummissjoni, paragrafu 133 iktar 'il fuq, l-Imħallef għal miżuri provviżorji kkunsidra li r-rekwiżit ta' l-urġenza kien ġie sodisfatt minħabba li kien hemm motivi serji biex wieħed jikkonkludi li kien ikun diffiċli, jekk mhux impossibbli, li ħafna mill-"iżviluppi fis-suq", li probabbilment kienu jiġru minħabba l-eżekuzzjoni immedjata tad-Deċiżjoni, ikunu riversibbli, jekk ir-rikors fil-kawża prinċipali jintlaqa' (paragrafu 129). Ir-"riskju reali ta' dannu serju u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent" (paragrafu 127), identifikat f'din il-kawża, jirrigwarda għalhekk in-natura serja u irriversibbli ta' l-iżviluppi fis-suq. Il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-ksur tal-libertà li intrapriżi jgawdu meta jiddefinixxu l-politika kummerċjali tagħhom (paragrafu 130 u 131) ittieħdu in kunsiderazzjoni biss sabiex isostnu l-konklużjoni li għaliha l-President kien diġga wasal in kwantu għall- urġenza, kif wieħed jista' jara mill-fatt li m'hemmx analiżi tan-natura serja u irreparabbli tal-ksur in kwistjoni.

296   Għalhekk, huwa xieraq li jiġgi eżaminat jekk Microsoft wrietx li l-ksur tal-libertà kummerċjali huwa, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ, il-kawża ta' dannu serju u irreparabbli.

i)      Dwar l-allegata bidla fundamentali tal-politika kummerċjali

297   Il-bidla fundamentali tal-politika kummerċjali li d-Deċiżjoni timponi fuq Microsoft hija kkontradetta minn ċerti elementi fil-proċess.

298   L-ewwel nett, hemm lok li wieħed jikkonstata li kemm it-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti kif ukoll id-Deċiżjoni jobbligaw lill-Microsoft tikxef l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni tagħha. Ċertament, it-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti ma tobbligax lill-Microsoft tikxef l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni server-ma'-server, iżda hija tobbligaha li tagħti liċenzja għall-protokolli kollha implementati fis-sistema operativa tal-Windows Client PC sabiex ikun hemm interoperabbiltà mas-sistema operativa tas-server tal-Windows. Il-President isib li, fid-dawl ta' l-evidenza li hemm quddiemu u wara li jieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li d-Deċiżjoni ssegwi l-politika ta' kxif li Microsoft diġa implementat skond it-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti, li d-differenzi li hemm f'termini ta' politika kummerċjali bejn dik it-tranżazzjoni u d-Deċiżjoni ma jistgħux jitqiesu fundamentali. F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li mhuwiex ikkuntestat li wieħed mill-protokolli taħt liċenzja fil-kuntest tal-MCPP huwa protokoll ta' komunikazzjoni wżat mhux biss għal komunikazzjonijiet client-to-server, iżda wkoll għall-komunikazzjonijiet server-ma'-server. Fuq dan l-aħħar punt jirriżulta, b'mod partikulari, mill-kunsiderazzjoni 179 tad-Deċiżjoni li "servers f'netwerk jistgħu xi kultant jużaw l-istess protokolli bħal client PCs sabiex jikkomunikaw ma servers oħra: eżempju, fis-sistema Windows, Microsoft Kerberos huwa użat għall-awtentifikazzjoni kemm bejn Windows Client PC u Windows group server u bejn Windows work group servers". Barra dan, għandu jiġi rrilevat li l-allegat ksur tal-politika kummerċjali ta' Microsoft mhix irreparabbli, minħabba li l-annullament tad-Deċiżjoni, bħat-tmiem tal-MCPP previst għal-2009, jippermetti lill-Microsoft tagħżel li ma tagħtix liċenżja aktar għall-protokolli ta' komunikazzjoni tagħha, jekk din tkun l-għażla tagħha.

299   Wara, mill-proċess jidher li l-maniġgment ta' Microsoft iddikjara li jixtieq isegwi politika ta' promozzjoni attiva ta' liċenzji tal-protokolli li jaqaw taħt it-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti u li jafferma l-intenzjoni li joffri drittijiet ta' użu fuq bażi aktar wiesa minn dak impost minn din it-tranżazzjoni. Is-segwenti huwa meħud minn komunikat stampa ta' Microsoft ta' l-1 ta' Awwissu 2003 (Anness N.12):

"Microsoft ħabbret ukoll li hija ġeneralment disposta tipprovdi drittijiet ta' użu aktar wiesa għat-teknoloġija tal-kumpannija dwar il-protokolli minn dak li huwa impost mis-sentenza finali fil-kawża antitrust jew dak li joħhroġ mill-ftehim ta' liċenzja standard MCPP. Microsoft diġa volontarjament offriet, drittijiet ta' użu għal numru ta' persuni li kellhom il-liċenzja taħt l-MCPP li jaqbeż ir-rekwiżiti tas-sentenza finali, u Microsoft tħajjar produtturi oħra li jkunu interessati jagħtu liċenzja għat-teknoloġija tal-kumpannija dwar il-protokolli sabiex jiddiskutu l-eżiġenzi teknoloġiċi tagħhom mat-tim ta' Microsoft li jieħu ħsieb il-ħruġ ta' liċenzja għall-protokolli."

300   Fl-aħħar, il-ftehim konkluż bejn Microsoft u Sun Microsystems jipprovdi għal kxif ta' protokoll ta' komunikazzjoni server-ma'-server koperti mid- Deċiżjoni. Sa fejn dan il-ftehim jipprovdi għal komunikazzjoni tal-protokolli li d-Deċiżjoni speċifikament timponi fuq Microsoft li tikxef, Microsoft ma tistax issostni li l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tobbligaha tbiddel fundamentalment il-politika kummerċjali tagħha.

301   Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-President ma jistax iqis bħala stabbilit il-fatt li d-Deċiżjoni ser tikkawża bidla suffiċjentement sinjifikattiva tal-politika kummerċjali ta' Microsoft.

302   Din il-konklużjoni hija sostnuta mill-fatt li l-Kummissjoni indikat, waqt is-seduta, b'risposta għal mistoqsija tal-President, li, waqt in-negozjati mal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, Microsoft kienet disposta tikxef aktar informazzjoni dwar l-interoperabbiltà minn dak indikat fid-Deċiżjoni. Waqt li kienet qed tinsisti fuq in-natura partikulari ta' kull negozjat, frott ta' konċezzjonijiet reċiproċi, Microsoft ma kkontradietx l-argument tal-Kummissjoni fuq dan il-punt.

ii)      Dwar l-allegata diffikultà li ttejjeb il-protokolli

303   Microsoft tafferma li l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni jkollha l-effett li tillimita l- flessibbiltà li hija għandha bżonn sabiex ittejjeb il-protokolli kkonċernati b'mod regolari, u b'hekk tnaqqas il-kapaċità tagħha li tagħmel rinnovament (Annessi R.2 u T.7).

304   F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 5(a) sa (c) tad-Deċiżjoni jobbliga lill-Microsoft tikkomunika l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta' komunikazzjoni tagħha lill-kompetituri tagħha, iżda tħalli lill-Microsoft fil-libertà li tidisinja l-protokolli tagħha kif hija taħseb li jkun aħjar. It-titjib tal-protokolli għalhekk tibqa' deċiżjoni li Microsoft trid tieħu skond il-konsegwenzi ta' tali deċiżjoni. Microsoft naqset milli tistabbilixxi li deċiżjoni li ttejjeb il-protokolli waqt il-perijodu intermedjarju – sakemm il-Qorti tal-Prim'Istanza tagħti s-sentenza fil-kawża prinċipali – ikollha konsegwenzi prattiċi ta' tali importanza li jikkostitwixxu ostaklu reali għall-innovazzjoni.

305   Wara, l-argument li jgħid li l-flessibiltà li biha hija tkun tista' ttejjeb il-protokolli kkonċernati tiġi effettwata mill-obbligu, impost mir-realtà kummerċjali, li jkollha tassigura kompattibiltà b'lura [backward compatibility] ma' prodotti ta' kompetituri bbażati fuq il-protokolli tagħha ma jistax jiġi aċċettat in kunsiderazzjoni ta' ċerti elementi fil-proċess.

306   Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, storikament, Microsoft ma kkunsidratx lilha nfisha marbuta b'tali obbligu meta ddeċidiet tneħħi l-operabbiltà ta' l-NDS għal NT ta' Novell (kunsiderazzjonijiet 298 sa 301 u 686 tad-Deċiżjoni).

307   Fit-tieni lok, Microsoft f'kull każ tassigura l-kompattibbiltà b'lura mal-verżjonijiet ta' qabel tal-prodotti tagħha stess. Fil-proċess, m'hemmx elementi li jippermettu li wieħed jikkonkludi li, sabiex tiġi assigurata din il-kompattibbiltà, hija ma tkunx tista' tassigura kompattibbiltà b'lura ma' l-implementazzjonijiet kollha kompattibbli. F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li Microsoft indikat li hija assigurat il-kompattibbiltà b'lura ma' firxa ta' prodotti u enfasizzat li "[kienet] diġa sfida ta' inġinjerija għal Microsoft, fil-kuntest ta' ħarġiet suċċessivi ta' sistemi operativi tas-server ġodda ta' Windows, iżżomm kompattibbiltà b'lura ma' eluf ta' interfaces ippubblikati li huma wżati minn programmi ta' softwer ta' terzi".

308   Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li ż-żieda fil-kumplessità rappreżentata mill-iżvilupp tas-sistemi operativi tas-server tal-Work Group kompattibbli ma ġietx evalwata. F'kull każ, l-isforż żejjed għandu jitqies limitat waqt il-perijodu intermedjarju minħabba n-numru probabbilment żgħir ta' prodotti kompattibbli li tqiegħdu fis-suq u li nxtraw mill-klijenti, qabel ma l-merti tal-kawża jiġu ddeterminati mill-Qorti tal-Prim'Istanza. Fuq dan il-punt, għandu jiġi osservat li sistema operativa ġdida ta' Windows, magħrufa bħala "Longhorn", ser tkun, skond Microsoft, lesta fl-2006 u li, kif enfasizzaw il-partijiet li intervenew sabiex isostnu l-Kummissjoni, l-effett tat-tħabbira tal-ħarġa tagħha kienet ta' natura li tista' tinfluwenza x-xiri ta' klijenti għad-detriment tas-sistemi operativi tas-server tal-Work Group li jikkompetu magħha.

309   Fir-raba' lok, it-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti, li topera għal-vantaġġ mhux biss tal-produtturi tas-sistemi operativi tas-server tal-work group, fis-sens tad-Deċiżjoni, iżda wkoll tal-produtturi kważi kollha ta' sistemi operativi tas-server, kellha jkollha impatt negattiv ta' l-istess natura bħal dik li fuqa Microsoft tiddependi fil-proċeduri quddiem il-President. Madankollu, mis-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jirriżultax li l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tista' teffettwa l-flessibbiltà ta' Microsoft li tbiddel il-protokolli tagħha b'mod aktar wiesa minn dak li jirriżulta mill-impenji mogħtija minn Microsoft fil-kuntest tat-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti. Fuq dan il-punt, jirriżulta minn waħda mir-risposti ta' Microsoft għal mistoqsijiet bil-miktub li, f'ċerti ċirkustanzi, it-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti tippermetti lill-Microsoft tagħżel li tuża innovazzjonijiet fil-protokolli client-to-server sabiex iżżid l-element ta' attrazzjoni tas-sistema operativa tal-Windows, mingħajr ma tpoġġi din it-teknoloġija għad-dispożizzjoni tal-kompetituri. Hija żżid li:

"B'mod partikulari, jekk Microsoft tiżviluppa protokolli client-to-server ġodda li mhumiex inklużi fis-sistema operativa tal-Windows, imma huma installati separatament, Microsoft ma jkolliex għalfejn tpoġġi dawn il-protokolli għad-dispożizzjoni tal-kompetituri. Per eżempju, Microsoft tista' tiżviluppa protokolli innovattivi in konnessjoni ma verżjoni ġdida tas-sistemi operativi tal-Windows tagħha. Meta netwerk li tuża dik is-sistema operativa tas-server tal-Windows tiġi installata, il-klijenti jiġu mitluba jinstallaw il-client softwer li jimplementaw dawn il-protokolli fuq il-kompjuters personali tagħhhom. (Dan hu l-metodu li Novell issegwi tradizzjonalment.)"

310   Din id-dikjarazzjoni tikkonferma l-fatt li Microsoft għandha l-intenzjoni li ttejjeb il-prodotti tagħha u li l-obbligi li jwasslu għan-nuqqas ta' flessibbiltà f'dak li għandu x'jaqsam mal-possibbiltà li jtejjibhom effettivament mhumiex tali li jimpedixxu dan it-titjib. F'dan ir-rigward, ftit jimporta jekk it-titjib jirriżulta b'intenzjoni deliberata jew taħt obbligu legali.

311   Fil-ħames lok, il-ftehim konkluż ma' Sun Microsystems, li jkopri l-protokolli kkonċernati mid-Deċiżjoni, għandu tendenza juri li l-impatt fuq il-kapaċità ta' Microsoft li tbiddel l-protokolli tagħha mhuwiex irriversibbli.

iii)      Dwar l-allegat bżonn li "jwebbsu" l-protokolli

312   Microsoft tafferma li hija jkollha "twebbes" il-protokolli sabiex tevita l- "possibbiltà ta' difetti, krexxjar [crashes] u riskji ta' sigurtà", b'riżultat ta' "użu żbaljat jew malizjuż".

313   Fuq is-suppożizzjoni li l-"possibbiltà ta' difetti, krexxjar u riskji ta' sigurtà" jiġu ppruvati, il-President jikkonstata li Microsoft qiegħda tinvoka biss id-dannu li jirriżulta mill-isforzi li hija ssostni bħala neċessarji sabiex tevita li tali possibbiltà tikkonkretizza ruħha mingħajr ma tindika kif dak id-dannu jista' jkun serju u irreparabbli. B'mod partikulari, Microsoft ma turix li t-"twebbis" tal-protokolli jkollu jinżamm fil-każ li d-Deċiżjoni tiġi annullata jew li hi tkun il-kawża ta' tip ieħor ta' dannu. Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, min jirċievi l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà jkollu inċentivi kbar li jagħmel il-prodotti tiegħu tajbin u stabbli u li jevita "użu żbaljat" u li ma jkollu ebda interess ta' użu "malizjuż". Għhal kuntrarju, kif tissottometti wkoll il-Kummissjoni, l-intrapriżi li jgawdu minn dan il-kxif jkollhom interess manifest li jevitaw dannu fortuwitu, billi jittestjaw l-implementazzjoni tagħhom fil-konfront ta' Microsoft u billi jassiguraw li l-prodotti tagħhom ma jikkawżawx telf ta' data jew korruzzjoni [corruption] mal-klijenti tagħhom. Dawn it-testijiet jkopru naturalment il-prodotti kollha Windows li magħhom il-kompetitur ikkonċernat għandu intenzjoni li jistabbilixxi interoperabbiltà. Konsegwentement, probabbilment Microsoft ma jkolliex għalfejn tadatta retroattivament prodotti installati qabel.

314   Kif [intqal] fir-rigward ta' l-allegat ksur tal-fakultà li tiddisinja l-prodotti tagħha liberament, Microsoft ma stabbilietx li r-riskji indikati fil-paragrafu preċedenti mmaterjalizzaw b'riżultat ta' l-eżekuzzjoni tat-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti. Fl-aħħar, għalkemm Samba jew AS/U implementaw numru ta' protokolli li inizjalment kienu ddisinjati bħala protokolli "privati", skond it-terminoloġija ta' Microsoft, Microsoft ma tinvokax eżempju ta' trażmissjoni ta' data "mhux mistennija" lill-Windows li għandha l-kapaċità li tikkawża telf ta' data jew korruzzjoni ta' data.

315   L-allegat obbligu fuq il-kapaċità ta' Microsoft li tiżviluppa l-prodotti tagħha huwa diġa parti mit-tranżazzjoni konkluża ma' Sun Microsystems, li tinkludi l-protokolli rilevanti fil-kuntest tad-Deċiżjoni. Anki jekk wieħed kellu jassumi li jeżisti, id-dannu li jirriżulta għalhekk m'għandu l-ebda konnessjoni mal-miżura korrettiva u Microsoft ma stabbilietx li s-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni mitluba ser tbiddel il-pożizzjoni tagħha attwali b'mod rilevanti.

316   Fl-aħħar, kundizzjonijiet tekniċi preċiżi jistgħu wkoll jinftiehmu permezz ta' kuntratt, kif huwa previst fil-kuntest tat-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti. B'risposta għal mistoqsija tal-President, Microsoft fil-fatt indikat li t-Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti tippermettilha tikxef protokolli relatati mas-sigurtà taħt ċerti kundizzjonijiet intiżi sabiex inaqqsu r-riskju li dawk il-protokolli jintużaw b'mod malizjuż sabiex jikkompromettu s-sigurtà tal-kompjuter. Għaldaqstant, il-biża' konnessa ma' l-użu malizjuż ta' l-informazzjoni in kwistjoni jew implementazzjoni insuffiċjenti ta' provi tista' tiġi mneħħija bil-possibbiltà li titlob lill-Kummissjoni l-awtorizzazzjoni li tirrifjuta l-provvista ta' din l-informazzjoni f'tali sitwazzjoni.

3)      Dwar l-allegat żvilupp irriversibli tal-kundizzjonijiet tas-suq

317   Microsoft issostni li l-ħruġ obbligatorju ta' liċenzji jbiddel b'mod irreparabbli, għad-detriment tagħha, il-kundizzjonijiet prevalenti fis-suq, għax l-eżami ta' l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati tal-protokolli ta' komunikazzjoni in kwistjoni juru lill-kompetituri tagħha aspetti importanti tad-disinn tas-sistema operativa tas-server tal-Windows. Il-kxif fuq skala kbira ta' tali informazzjoni tippermetti lill-kompetituri jirriproduċu fis-sistemi operativi tas-server tagħhom serje ta' funzjonalitajiet li Microsoft żviluppat permezz ta' l-isforzi tagħha stess ta' riċerka u ta' żvilupp.

318   Il-premessa fattwali li fuqha Microsoft tibbaża l-analiżi tagħha ma ġietx ikkunsidrata mill-President li ġiet pruvata kif titlob il-liġi (ara paragrafi 260 sa 265 iktar 'il fuq). Barra minn hekk, Microsoft ma tatx evidenza dwar l-iżvilupp tas-suq li għandha, skond Microsoft, tirriżulta mill-problema allegata, anki jekk il-Kummissjoni kkuntestat dan il-punt fl-osservazzjonijiet ta' difiża tagħha. Għaldaqstant, l-argument ta' Microsoft ma jistax jiġi milqugħ.

319   F'kull każ, anki fuq is-suppożizzjoni li l-argument ta' Microsoft jista' jiġi miftiehem li jfisser li l-kxif ta' informazzjoni dwar l-interoperabbiltà jbiddel il-kundizzjonijiet tas-suq b'tali mod li hija titlef sehem mis-suq u li fil-każ ta' l-annullament tad-Deċiżjoni, hija ma tkunx tista' terġa tieħu lura s-sehem tas-suq li tkun tilfet, il-President jikkonstata li Microsoft ma ppreżentat ebda element ta' fatt sabiex issostni dan l-argument. B'mod partikulari, Microsoft ma writx li jkun hemm ostakoli li ma jħalluhiex terġa tieħu lura parti sinjifikattiva mis-sehem li hi setgħet titlef b'riżultat tal-miżura korrettiva (ara, f'dan is-sens, ordni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' April 2001, Kummissjoni vs Cambridge Healthcare Supplies, C-471/00 P(R), Ġabra p. I‑2865, paragrafu 111 ; ordnijiet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Jannar 2004, Arizona Chemical et vs il-Kummissjoni, T-369/03 R, li għadha mhux ippublikata fil-Ġabra, paragrafi 82 sa 84).

c)      Dwar id-dannu serju u irreparabbli kkawżat mill-obbligu li tikxef l-ispeċifikazzjonijiet ta' protokolli client-to-server

320   Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li l-varji kategoriji ta' dannu allegati minn Microsoft ma ġewx meqjusa li ssodisfaw ir-rekwiżit ta' urġenza għal dak li jikkonċerna l-obbligu li jinkixfu l-ispeċifikazzjonijiet ta' protokolli ta' komunikazzjoni server-ma'-server.

321   Minħabba li Microsoft ma ressqet l-ebda argument addizzjonali li jippermetti konklużjoni differenti dwar dak li jikkonċerna l-effetti tal-kxif ta' protokolli ta' komunikazzjoni client-to-server, il-President huwa neċessarjament obbligat jikkonkludi li Microsoft ma wrietx li r-rekwiżit ta' urġenza ġie sodisfatt rigward it-tieni parti ta' l-obbligu li tikxef. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif il-Kummissjoni korrettament spjegat fid-Deċiżjoni, l-interoperabbiltà client-to-server u, min-naħa l-oħra, l-interoperabbiltà server-ma'-server huma żewġ komponenti mhux separabbli ta' l-interoperabbiltà f'sistema informatika li tikkonsisti f'numru ta' client PCs li jħaddmu Windows u numru ta' servers tal-work group li jħaddmu Windows, kollha konnessi ma' xulxin f'netwerk (kunsiderazzjonijiet 144 sa 184, u 689).

322   F'kull każ, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni li Microsoft waqt is-seduta insistiet li ma kienx hemm bżonn li tiġi obbligata tikxef l-ispeċifikazzjonijiet ta' protokolli ta' komunikazzjoni client-to-server, ladarba dawn l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jnkisbu sa' l-2009 taħt l-MCPP. Dan l-argument jista' jinftiehem li jfisser biss li l-kxif ta' dawk l-ispeċifikazzjonijiet ordnati mid-Deċiżjoni ma jistgħux ikunu l-kawża ta' dannu serju u irreparabbli għall-Microsoft.

323   Għalhekk, it-talba għal miżuri provviżorji għandha wkoll tiġi miċħuda minħabba fin-nuqqas ta' urġenza safejn hija tipprova tikseb is-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta' l-obbligu li tikxef l-ispeċifikazzjonijiet ta' protokolli ta' komunikazzjoni client-to-server u li tawtorizza l-użu tagħhom mill-kompetituri ta' Microsoft.

324   Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, minħabba li l-kundizzjoni ta' urġenza ma ġietx sodisfatta, it-talba għal sospensjoni ta' l-implementazzjoni ta' l-Artikolu 5(a) sa (c), għandha tiġi miċħuda mingħajr ma jkun hemm bżonn li jsir bilanċ bejn l-interessi differenti preżenti.

325   Huwa importanti li jiġi ppreċiżat li, skond l-Artikolu 109 tar-Regoli ta' Proċedura, iċc-ċaħda ta' talba għal miżura provviżorja ma twaqqafx lill-parti li ressqet it-talba milli tressaq talba oħra bbażata fuq fatti ġodda. Fil-kawża preżenti, ma jistax jiġi eskluż li jista' jitqies bħhala "fatt ġdid" in-nuqqas ta' ftehim kontinwu dwar dettalji tal-mod ta' implementazzjoni tad-Deċiżjoni. Aktar speċifikament, minħabba r-referenzi, li saru fl-evalwazzjonijiet preċedenti, għad-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jiġġustifikaw il-konklużjoni li l-kundizzjoni ta' urġenza ma ġietx sodisfatta (ara l-paragrafi 268, 273, 285 u 316 iktar 'il fuq), ir-rifjut [tagħha] li tinkludi tali klawsoli li joffru protezzjoni fil-kuntratti ta' liċenzji konklużi ma' l-intrapriżi indikati fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni jista' jiġi kkunsidrat bħala bidla fiċ-ċirkustanzi suxxettibli li terġa tikkuntesta ċerti motivi li fuqhom l-ordni preżenti hija bbażata.

Dwar il-kwistjoni ta' l-irbit

A –       Argumenti tal-partijiet

1.      Argumenti ta' Microsoft u tal-partijiet li t-talba tagħhom għal intervent sabiex isostnu t-talba tagħha ġiet milqugħa

a)      Dwar il-każ prima facie

326   Microsoft issostni li hija ppreżentat, fir-rikors għal annullament tagħha, argumenti li jiġġustifikaw, prima facie, l-annullament tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni għal dak li jikkonċerna l-allegat abbuż ta' l-irbit.

327   Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tgħid li l-inkorporazzjoni minn Microsoft ta' funzjonalità medjatika mtejba fil-Windows tikkostitwixxi abbuż fis-sens ta' l-Artikolu 82 KE, "b'mod partikulari" fis-sens tas-subparagrafu (d) tat-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu, kif ukoll b'applikazzjoni ta' kriterju ġdid rigward bejgħ permezz ta' rbit li joħroġ mill-Artikolu 82 KE. Kif indikat fil-kunsiderazzjoni 841 tad-Deċiżjoni, fil-kawżi klassiċi ta' bejgħ permezz ta' rbit, il-bejgħ marbut ta' prodott distint ikun, skond il-Kummissjoni u il-Qrati tal-Komunità, l-indikatur ta' l-effett ta' esklużjoni ta' din il-prattika fuq il-bejjiegħa li jikkompetu. Skond Microsoft, jirriżulta mill-istess kunsiderazzjoni tad-Deċiżjoni, min-naħa, li l-kawża preżenti mhux "każ klassiku ta' bejgħ permezz ta' rbit" u, min-naħa l-oħra, li "l-utenti jistgħu jakkwistaw għalihom nfushom midja plejers ta' terzi mill-Internet, ġieli bla ħlas". Għalhekk, il-Kummissjoni tammetti li "hemm raġunijiet tajba biex wieħed ma jassumix li, mingħajr analiżi kompleta, bejgħ permezz ta' rbit ta' [Windows Media Player] jikkostitwixxi aġir li fih innifsu jirristrinġi l-kompetizzjoni" (kunsiderazzjoni 841).

328   Minkejja dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li hemm effett restrittiv f'dan il-każ u tibbaża din il-konklużjoni fuq teorija spekulattiva ħafna, li tgħid li d-diffużjoni kbira tal-funzjonalità medjatika fil-Windows tobbliga lill-fornituri ta' kontenut [content providers] jipproduċu l-kontenut tagħhom kwasi esklussivament fil-format ta' Windows Media, li jkollu l-effett li jeskludi mis-suq il-midja plejers li jikkompetu u wara, indirettament, jobbligaw il-konsumaturi jużaw biss il-funzjonalità medjatika ta' Windows (kunsiderazzjonijiet 836 sa 842 tad-Deċiżjoni). Skond Microsoft, jeżisti, fil-ġurisprudenza, "nuqqas ta' qbil serju rigward il-korrettezza tal-konklużjoni ġuridika essenzjali li hija l-bażi" ta' l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward id-disinn u l-integrazzjoni tal-Windows Media Player (ordni IMS Health vs Il-Kummissjoni, paragrafu 133 iktar 'il-fuq, paragrafu 106). Microsoft tissottometti wkoll li hija ssodisfat il-kundizzjoni li turi l-illegalità, prima facie, tal-ksur ibbażat fuq l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni.

329   L-ewwel nett, fil-fatt, it-teorija spekulattiva tal-Kummissjoni dwar restrizzjoni fis-suq hija infondata. Id-Deċiżjoni ma tirriflettix ir-realtà tas-suq, b'mod partikulari dak li jirrigwarda, min-naħa, il-fatt li l-utenti ta' client PCs ibbażati fuq Windows isibuha faċli jużaw midja plejers differenti b'formati differenti u, min-naħa l-oħra, il-fatt li fornituri ta' kontenut [content providers] jużaw formati multipli kuljum. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni hija wkoll kuntrarja għat-teorija differenti li ġiet applikata fid-Deċiżjoni AOL vs Time Warner (Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/718/KE tal-11 ta' Ottubru 2000 li tiddikjara operazzjoni ta' konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq kommuni u l-Ftehim ŻEE (Każ Nru COMP/M.1845 – AOL vs Time Warner) ĠU 2001, L268, p.28). Barra dan, il-Kummissjoni tikkonkludi fid-Deċiżjoni li t-teorija dwar l-effett restrittiv tapplika biss meta l-funzjonalità multimedjaka fil-Windows hija żviluppata minn Microsoft, anki jekk din it-teorija ma kinitx titqies li tapplika bejn 1995 u 1998, meta l-midja plejer ta' RealNetworks kien "marbut" mal-Windows.

330   Fl-osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta' Awwissu 2004, Microsoft iżżid li l-Kummissjoni tinjora kategorikament il-fatt li s-siti prinċipali ta' l-Internet jibqgħu jipprovdu kontenut multimedjatiku f'żewġ formati jew iktar, u l-fatt li n-numru ta' formati wżati fuq is-siti popolari ta' l-Internet b'kontenut multimedjatiku żdiedu u huma llum madwar tlieta u, fl-aħħar, il-fatt li, fil- rebbiegħa 2004, kważi 80 % tas-siti popolari ta' l-Internet kellhom kontenut f'format ta' RealNetworks.

331   Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tieħux in kunsiderazzjoni l-iżviluppi reċenti tas-suq, b'mod partikulari t-tkabbir esponenzjali f'apparat ieħor minbarra client PCs, bħal l-iPod ta' Apple, li jaqra kontenut multimedjatiku ta' formati differenti minn dak ta' Windows, jew il-ġenerazzjoni futura tat-telefon ċellulari li ser jinkludu midja plejers. Skond Microsoft, il-fornituri ta' kontenut li jridu jilħqu l-ikbar utenza possibbli jibqgħu jużaw formati multipli, sabiex jilħqu, min-naħa, l-utenti ta' apparat, barra client PCs, li m'għandhomx kapaċità jaqraw kontenut fil-format Windows Media, u, min-naħa l-oħra, il-konsumaturi li jużaw midja plejers ta' terzi fuq il-client PCs tagħhom minflok il-funzjonalità tal-Windows Media.

332   It-tieni nett, skond Microsoft, il-vantaġġi li joħorġu mill- "kunċett ta' disinn" tas-sistema operativa ta' Microsoft, li timplika l-iżvilupp ta' verżjonijiet ġodda ta' Windows b'funzjonalitajiet addizzjonali, huma sostanzjali u kellhom jingħhataw aktar kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

333   It-tielet nett, il-Kummissjoni ma stabbilietx l-eżistenza ta' ksur ta' l-Artikolu 82 KE, b'mod partikulari tas-subparagrafu (d) tat-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu. B'mod partikulari, id-Deċiżjoni ma tistabbilix li Windows u l-funzjonalità medjatika tagħha tappartjeni għal żewġ swieq ta' prodotti distinti. Il-Kummissjoni b'mod żbaljat tikkunsidra biss jekk l-allegat prodott li qed jinbiegħ permezz ta' rbit huwiex disponibbli separatament mill-allegat prodott "dominanti", filwaqt li l-mistoqsija t-tajba hija jekk dan il-prodott ta' l-aħħar huwiex regolarment offrut mingħajr l-allegat prodott marbut. Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar obbligu supplementari ma toħroġx f'dan il-każ, minħabba li (i) il-konsumaturi ma jkollhomx iħallsu għall-funzjonalità tal-media ta' Windows; (ii) mhumiex marbutin jużaw il-funzjonalità tal-media ta' Windows; u (iii) mhumiex imwaqqfa minn Microsoft milli jużaw midja plejers ta' terzi minflok jew flimkien mal-funzjonalità tal-media ta' Windows. Il-Kummissjoni ma wrietx ukoll li l-funzjonalità tal-media mhijiex marbuta, minn natura tagħha stess jew skond l-użu kummerċjali, ma' sistemi operativi ta' client PCs. Fil-fatt, sistemi operativi oħra jinkludu funzjonalità tal-media u Microsoft min-naħa tagħha kienet tintegra fil-Windows tali funzjonalità, imtejba regolarment mill-1992.

334   Ir-raba' nett, il-Kummissjoni ma ħaditx suffiċjentement in kunsiderazzjoni, fil-kawża preżenti, l-obbligi imposti fuq il-Komunità Ewropea mill-Ftehim TRIPS.

335   Il-ħames nett, il-miżura korrettiva hija sproporzjonata.

336   CompTIA u Exor isostnu l-pożizzjoni ta' Microsoft dwar il-każ prima facie. Huma jikkunsidraw li Microsoft uriet l-illegalità, prima facie, ta' l-Artikolu 4 u ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni.

b)      Dwar l-urġenza

337   Microsoft issostni li l-eżekuzzjoni immedjata ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni ser tikkawża żewġ tipi ta' dannu serju u irreparabbli li jirriżultaw, l-ewwel, mill-abbandun tal-kunċett ta' disinn fundamentali li huwa l-bażi tas-sistema operativa tal-Windows tagħha u, it-tieni, tikkawża dannu lir-reputazzjoni tagħha.

1)      Dwar id-dannu li skond Microsoft ser jirriżulta mill-abbandun tal-kunċett ta' disinn fundamentali li huwa l-bażi tas-sistema operativa tal-Windows

338   Skond Microsoft, il-kunċett ta' disinn fundamentali li huwa l-bażi tas-sistema operativa tal-Windows tagħha jikkostitwixxi l-bażi tal-mudell kummerċjali Windows. Il-mudell kummerċjali ta' Microsoft għandu bħala għan id-disinnjar ta' pjattaforma komuni [common platform] għall-iżvilupp u l-funzjonament ta' applikazzjonijiet, ikun x'ikun il-ħardwer għal client PC użat mill-konsumatur.

339   L-infurzar immedjat ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni jobbliga lill-Microsoft tabbanduna dak il-kunċett, u għalhekk issofri dannu serju u irreparabbli. Billi tobbligaha toffri verżjoni ta' Windows b'softwarecode tagħha, li jikkorrispondi għal dak li l-Kummissjoni identifikat bħala "Windows Media Player", li minnha tneħħiet, l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni jipprojbixxi lill-Microsoft milli tiddisinnja s-sistema operativa tagħha b'tali mod li tinkludi b'mod uniformi funzjonalitajiet medjatiċi ġodda jew aħjar. Hija ċċaħħad ukoll il-produtturi ta' softwer, lill-fornituri ta' kontenut, lill-OEMs u l-konsumaturi mill-vantaġġi li attwalment għandhom mill-pjattaforma tal-Windows.

340   Microsoft tfakkar li, skond il-ġgurisprudenza, dannu serju u irreparabbli huwa kkawżat meta parti hija obbligata timplementa immedjatament Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinvolvi tibdiliet strutturali jew iwaqqfuha milli tiddetermina aspetti essenzjali tal-politika kummerċjali tagħha (ordnijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Mejju 1989, RTE et vs il-Kummissjoni, paragrafu 251 iktar 'il-fuq, u tat-13 ta' Ġunju 1989, Publishers Association vs il-Kummissjoni, C-56/89 R, Ġabra p. 1693 ; ordnijiet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Lulju 1992, SPO et vs il-Kummissjoni, T-29/92 R, Ġabra p. II‑2161 ; tad-19 ta' Frar 1993, Langnese-Iglo u Schöller Lebensmittel vs il-Kummissjoni, T‑7/93 R et T‑9/93 R, Ġabra p. II‑131 ; ta' l-10 ta' Marzu 1995, Atlantic Container Line et vs il-Kummissjoni, T-395/94 R, Ġabra p. II‑595 ; Bayer vs il-Kummissjoni, paragrafu 138 iktar 'il fuq; tas-7 ta' Lulju 1998, Van den Bergh Foods vs il-Kummissjoni, T-65/98 R, Ġabra p. II‑2641, u IMS Health vs il-Kummissjoni, paragrafu 133 iktar 'il fuq). Fil-każ ta' eżekuzzjoni immedjata tad-Deċiżjoni, il-vantaġġi li jirriżultaw mill-uniformità tal-pjattaforma tal-Windows ikunu irreversibbilment mitlufa, u dan jikkawża dannu serju u irreparabbli lill-Microsoft.

341   Microsoft iżżid li dan id-dannu mhux ser ikun irriparat bl-annullament [eventwali] tad-Deċiżjoni. Fil-fatt, l-inġiniera ta' Microsoft ikollhom jitilqu mill-prinċipju li, għal-lanqas, ċerti kopji ta' Windows distribwiti fiż-ŻEE ma jkollhomx funzjonalitajiet medjatiċi. Minħabba li dawn il-verżjonijiet inqas żviluppati ta' Windows ma jistgħux jiġu rkuprati mill-utenti jekk id-Deċiżjoni tiġi sussegwentement annullata, l-inġiniera ta' Microsoft ikollhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-eżistenza ta' żewġ verżjonijiet għal ħafna snin, kif ukoll terzi li jiddependu fuq l-istabbiltà u l-konsistenza tal-pjattaforma ta' Windows, li żżidilhom l-ispejjes u tnaqqas l-element ta' attrazzjoni ta' Windows b'mod kontinwu. Dawn id-diffikultajiet ta' ppjanar ikunu aggravati mill-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni.

2)      Dwar id-dannu lir-reputazzjoni ta' Microsoft

342   Microsoft issostni li d-distribuzzjoni tal-verżjoni ta' Windows imposta mill-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni (aktar 'il quddiem "verżjoni imposta mill-Artikolu 6") tikkawżalha dannu serju u irreparabbli lir-reputazzjoni tagħha bħala żviluppatur ta' prodotti ta' softwer ta' ċerta kwalità.

343   L-ewwel nett, fil-fatt, il-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 ma tinkludix il-funzjonalità medjatika li normalment tkun għad-dispożizzjoni ta' applikazzjonijiet li jaħdmu fuq il-Windows. Konsegwentement, numru ta' applikazzjonijiet ma jkunux jistgħu jaħdmu ma din il-verżjoni tas-sistema operativa, anki jekk din il-verżjoni tissejjaħ "Windows". Dan in-nuqqas ta' funzjonament inaqqas il-valur ċentrali ta' Windows. Dan jobbliga wkoll lill-Microsoft, kif ukoll lill-OEMs u l-produtturi ta' softwer, isolvu l-problemi kkawżati mid-Deċiżjoni u jipprovdu sadattant l-assistenza neċessarja lill-klijenti mhux sodisfatti. Li jiġu solvuti numru ta' problemi previsti u potenzjalment imprevisti jkun diffiċli ħafna, jikkawża spejjeż kbar u ta' ħsara għar-reputazzjoni ta' Microsoft.

344   Fl-osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta' Awwissu 2004, Microsoft tikkuntesta l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li Microsoft tista' żżomm, fil- verżjoni imposta mill-Artikolu 6, "funzjonalità medjatika bażika". Il-Kummissjoni ma tispjegax x'tifhem b' "funzjonalità medjatika bażika" u l-affermazzjoni tagħha tkun korretta biss jekk kellha tirreferi għal possibbiltà li tiġġenera ċerti ħsejjes u turi stampi statiċi fuq l-iskrin. F'kull każ, il-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 telimina kull possibbiltà li taqra fajls ta' awdjo jew ta' immaġini vidjo, partikularment minn disks kompatti [compact discs] jew digital versatile discs (DVD), jew minn dokumenti fil-format standard bħal MP3 iddawnlowdjat mill-Internet fuq il-hard disc ta' client PC. Skond Microsoft, konsumatur jikkunsidra sistema operativa ta' client PC li m'għandhiex il-kapaċità, fl-2004, li tagħmel dawn l-affarijiet kommuni bħala serjament inferjuri.

345   Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tikkuntestax il-lista mhux eżawrjenti tal-funzjonalitajiet kollha tal-Windows li ma jaħdmux sew fil-verżjoni imposta mill-Artikolu 6.

346   It-tieni nett, il-problemi kkawżati mill-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 ma jissolvux bl-installazzjoni ta' midja plejers ta' terzi. Skond Microsoft, dawn il-prodotti ma jistgħhux jissostitwixxu l-funzjonalità medjatika ta' Windows, minħabba li huma ma joffrux l-istess APIs, li tipprovoka ċertu nuqqas ta' funzjonament f'applikazzjonijiet ta' kompetituri u f'siti ta' l-Internet li jiddependu fuq il-funzjonalità medjatika ta' Windows.

347   It-tielet nett, Microsoft issofri dannu ekwivalenti, jew ikbar, minħabba l-fatt li l-elementi l-oħhra ta' Windows li jiddependu fuq il-funzjonalità medjatika ma jaħdmux aktar sew fil-verżjoni imposta mill-Artikolu 6, b'mod partikulari għal dak li jikkonċerna il-fowlder "My Music" u t-trasferiment ta' fajls fil-format MP3 lill-numru kbir ta' digital music players.

348   Jirriżulta mill-lista mhux eżawrenti ta' difetti kkawżati mill-verżjoni imposta mill-Artikolu 6, min-naħa, li ftit biss minn dawk id-difetti jkunu jistgħu jiġu kkoreġuti billi jiġi installat midja plejer ta' intrapriża oħra u, min-naħa l-oħra, li d-difetti kkoreġuti jvarjaw u dan jiddependi mill-liema media reader kien installat.

349   Fl-osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta' Awwissu 2004, Microsoft tikkuntesta l-argument tal-Kummissjoni li tgħid li midja plejer ta' intrapriża oħra installat fuq client PCs ġodda minn OEMs tista' tbiddel il-funzjonalità medjatika ta' Windows. Din l-affermazzjoni, apparentement ibbażata fuq is-suppożizzjoni li s-software code li tagħti l-funzjonalità medjatika hija perfettament sostitwibbli, hija falza mill-aspett tekniku. Il-Kummissjoni ma tindikax midja plejer ta' intrapriża oħra li toffri l-funzjonalità medjatika fl-intier tagħha li mhemmx fil-verżjoni imposta mill-Artikolu 6. Microsoft ma tikkuntestax li parti mill-funzjonalità medjatika ta' Windows tista' terġga tiġi stabbilita billi jiġu installati ċerti midja plejers. Minkejja dan, parti mill-funzjonalità medjatika tas-sistema operativa tibqa' korrotta. L-attività tal- produtturi ta' medja plejers ma tikkonsistix fit-tiswija ta' difetti fil-funzjonalità medjatika ta' Windows. Fejn ikun neċessarju, il-miżura safejn l-installazzjoni ta' midja plejer ta' intrapriża oħra tista' terġa tistabbilixxi parti mill-funzjonalità medjatika fil-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 tvarja f'kull każ u dan jiddependi mill-liema media reader ikun ġie installat.

350   Microsoft tippreċiża li, safejn midja plejer ta' intrapriżi oħra jagħmlu l-funzjonalità tagħhom disponibbli permezz ta' interfaces ippubblikati, dawn ta' l-aħħar huma differenti mill-interfaces użati mill-applikazzjonijiet sabiex jiddependu mill-funzjonalità medjatika fil-Windows. Konsegwentement, il-varjazjonijiet differenti ta' softwer tal-pjattaforma jużaw interfaces differenti sabiex jippreżentaw tipi ta' funzjonalità simili. Il-partijiet l-oħra ta' Windows u l-applikazzjonijiet iddisinjati biex iserrħu fuq il-funzjonalità medjatika fil-Windows ma jistgħux jakwistaw f'daqqa waħda din il-funzjonalità ta' midja plejer ta' intrapriża oħra. Għal-lanqas ikun neċessarju li jsiru modifikazzjonijiet fil-Windows jew f'applikazzjonijiet tal-Windows sabiex tippermetti midja plejer ta' intrapriżi oħra jużaw interfaces alternativi. Dawn il-modifikazzjonijiet ikunu probabbilment sostanzjali u jkollhom isiru għal kull midja plejer. Konsegwentement, il-vantaġġi li jirriżultaw minn pjattaforma uniformi jkunu ntilfu, anki jekk midja plejer ta' intrapriżi oħra kellhom jkunu jistgħu jipprovdu funzjonalità medjatika kollha li mhemmx fil-verżjoni imposta mill-Artikolu 6.

351   Ir-raba' nett, l-eżekuzzjoni immedjata ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni twassal għal dannu serju u irreparabbli lit-trade marks kummerċjali " Microsoft" u "Windows", għaliex Microsoft tkun obbligata tbiegħ prodott inferjuri u inkompatibbli mal-kunċett kummerċjali bażiku. Ir-reputazzjoni ta' Microsoft, bħala produttur ta' kompjuters ta' kwalità, tiġi effettwata jekk tiġi obbligata tqiegħed isimha fuq prodott inferjuri li ma jagħtix il-funzjonalità medjatika li l-konsumaturi jistennew minn sistema operativa moderna.

352   Il-ħames nett, Microsoft tippreċiża li hija ma tkunx tista' tevita li r-reputazzjoni tagħha tista tbati meta tinforma l-konsumaturi bin-natura tal-verżjoni imposta mill-Artikolu 6, fil-miżura li jkunilha impossibbli teffettwa t-testijiet kollha neċessarji sabiex tagħmel lista kompleta ta' dawk l-applikazzjonijiet li ma jkunux jaħhdmu korrettament fil-verżjoni imposta mill-Artikolu 6. Fil-prattika, huwa probabbli li diversi konsumaturi ma jkunux jistgħu jifhmu l-konsegwenzi ta' l-assenza ta' teknoloġija medjatika fil-verzjoni imposta mill-Artikolu 6.

353   Is-sitt nett, l-eżekuzzjoni immedjata ta' l-Artikolu 6(6) tad-Deċiżjoni tista' tikkawża dannu serju lid-dritt ta' l-awtur li tagħha Microsoft hija proprjetarja fil-konfront ta' Windows. Microsoft tista' fil-fatt tiġi obbligata tadatta x-xogħol tagħha meta tneħħi dawk l-elementi tas-software code li jipppermetti l-funzjonalià medjatika li Microsoft tistima jkollha tintegra f'sistema operativa moderna u li n-nuqqas tagħha tagħmel il-prodott difettuż. Dan id-dannu lid-dritt ta' l-awtur jista' jkun irreparabbli għax, ġa la darba l-modifika tiġi kkummeċjalizzata, ma jkun hemm l-ebda mod kif il-verżjonijiet inferjuri ta' Windows fiċ-ċirkolazzjoni jkunu jistgħu jiġu rkuprati.

354   Fl-osservazzjonijiet tad-19 ta' Awwissu 2004, Microsoft ikkuntestat diversi argumenti tal-Kummissjoni fir-rigward tad-dannu lit-trade marks u lir-reputazzjoni ta' Microsoft. Microsoft ikkuntestat, b'mod partikulari, il-kritika tal-Kummissjoni li kienet tgħid li l-"impressjoni […] li tgħid li s-sistemi operativi Windows jiggarantixxu l-preżenza tal-kunċett ta' disinn bażiku ta' [Microsoft] […] mhuwiex eżatt fil-fatti", il-Kummissjoni nnutat f'dan ir-rigward li Microsoft tipproduċi diġa diversi verżjonijiet ta' Windows. Skond Microsoft, l-eżistenza ta' prodotti msemmija mill-Kummissjoni m'għandha ebda inċidenza fuq id-dannu serju u irreparabbli muri minnha. Fil-fatt, Windows CE u Windows XP Embedded jistgħu ma jkunux sistemi operativi għall-PC clients. Il-verżjonijiet l-oħra ta' Windows XP identifikati mill-Kummissjoni, jiġifieri, Professional, Home, Media Center Edition u Tablet PC Edition, għandhom kollha l-istess nukleu komuni ta' interfaces, jiġifieri l'imsemmija "API Win32". Dawn huma l-interfaces li l-produtturi tal-kompjuters użaw sabiex jiddisinjaw l-applikazzjonijiet Windows wara li ġew introdotti l-Windows NT 3.5 u l-Windows 95, b'mod li l-verżjonijiet kollha tal-Windows XP ikunu jistgħu jaħdmu ma' l-applikazzjonijet kollha eżistenti tal-Windows. Fl-osservazzjonijiet tagħha fis-sottomissjonijiet ta' l-intervent, Microsoft ikkuntestat ukoll f'dan is-sens id-dikjarazzjonijiet ta' RealNetworks, li kienu jgħidu li l-bażi Windows kienet diġa maqsuma.

355   L-importanti, għal Microsoft u l-utenti finali, huwa li l-iktar verżjoni reċenti Windows li kienet intiża sabiex tiġi wżata bħala sistema għall-użu ġenerali, jiġifieri Windows XP, fil-verżjonijiet kollha tagħha, tippermetti l-eżekuzzjoni ta' l-applikazzjonijiet kollha tal-Windows iddisinjati f'dawn l-aħħar għaxar snin. Dan ma jkunx possibbli fl-ipoteżi tal-verżjoni imposta mill-Artikolu 6, anki jekk il-konsumaturi se jaraw din il-verżjoni bħhala sistema operativa ġenerali għal PC Clients.

356   Fl-aħħar, fl-osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta' Awwissu 2004 ukoll, Microsoft iżżid li l-Kummissjoni tidher li taqbel man-natura irreparabbli tad-dannu imsemmi, la darba, skond kif tgħid, il-"verżjonijiet separati tal-Windows ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati mill-utenti". Il-Kummissjoni madankollu ssostni li d-dannu mhuwiex irreversibbli, għaliex, "Microsoft tkun tista' tuża l-internet sabiex tipprovdi [l-Windows Media Player] lil kull klient li jkun xtara [verzjoni imposta mill-Artikolu 6]". Din il-possibbiltà ipotetika hija ineżatta fil-fatti. Hija ma tieħux in kunsiderazzjoni dawk l-utenti tal-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 li m'għandhomx konnessjoni internet. Minn barra dan, Microsoft ma tniżżilx u tinstalla software code fil-PC Client mingħajr il-kunsens tagħhom. Il-verżjonijiet ta' l-Artikolu 6 jibqgħu f'idejn il-konsumaturi għal żmien twil, probabbilment għal dejjem. Microsoft iżżid li, anki jekk il-Kummissjoni kellha raġun tgħid li hemm utenti li jippreferu l-verżjoni imposta mill-Artikolu 6, għandha ukoll tammetti li hemm utenti li ma jawtorizzawx lill-Microsoft li ġġib lura l-funzjonalità medjatika tas-sistema operativa tagħhom.

357   Il-pożizzjoni ta' Microsoft fuq l-eżistenza ta' dannu serju u irreparabbli hija sostnuta minn Exor. Skond din ta' l-aħħar, id-dannu soffert ma jkunx jiddependi la minn deċiżjonijiet ta' terzi persuni, i.e. deċiżjonijiet ta' konsumaturi li ma jixtrux il-verżjoni ta' l-Artikolu 6, u lanqas min-"nuqqas ta' diliġenza" min-naħa ta' Microsoft. Il-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 tkun inevitabbilment prodott ta' kwalità inferjuri għax it-tneħħija ta' wieħhed mill-komponenti tas-sistema operativa Windows tkun tista' tikkawża tħaddim ħażin ta' komponenti oħra li jiddependu fuq il-kodiċi mneħħi sabiex jipprovdu funzjonalitajiet medjatiċi. Anki jekk kien teknikament possibbli li tiddisinja mill-ġdid Windows sabiex telimina dawn l-interdipendenzi, l-effiċjenza mirbuħa minn dawn l-interdipendenzi tkun kompletament mitlufa. Id-Deċiżjoni timponi fuq Microsoft l-iddisinjar ta' verżjoni kompletament differenti ta' Windows. B'riżultat ta' dan, l-installazzjoni sempliċi a posteriori tal-funzjonalitajiet medjatiċi ma tkunx bizzejjed, għax il-komponenti li jkunu ġew immodifikati sabiex ma jipprovdux dawn il-funzjonalitajiet ma jkunux jistgħu jagħmlu dan wara.

c)      Il-bilanċ ta' l-interessi

358   Microsoft tgħid li l-bilanċ ta' l-interessi jxaqleb ħafna lejn l-eżekuzzjoni ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni. Microsoft issostni, l-ewwel nett, li mhuwiex neċessarju li l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni jiġi eżegwit minnufih, it-tieni nett, li din l-eżekuzzjoni ser tikkawża dannu serju anki lil terzi u, it-tielet nett, li l-bilanċ ta' l-interessi jrid tieħu in kunsiderazzjoni l-obbligi internazzjonali tal-Komunità taħt it-trattati internazzjonali.

1)      Dwar in-nuqqas ta' neċessità ta' eżekuzzjoni immedjata ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni

359   L-ewwel nett, Microsoft issostni li l-interess tal-Kummissjoni li timponi kumpens effettiv ma jirrikjedix l-eżekuzzjoni immedjata ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni. Il-miżura korrettiva hija intiża sabiex espressament iċċaħħad lill-Microsoft minn vantaġġ ta' kompetizzjoni allegat deċiżiv tal-funzjonalità medjatika ta' Windows, jiġifieri l-fatt li tgawdi minn diffużjoni wiesgħa għaliex integrata fis-sistema operativa prinċipali tal-PC clients. Skond is-sottomissjonijiet ta' Microsoft, numru ta' fatti juru li l-fehma tal-Kummissjoni fuq id-diffużjoni wiesgħa tal-funzjonalità medjatika ta' Windows mhijiex ġustifikata.

360   L-ewwel nett, l-integrazzjoni tal-funzjonalità medjatika fil-Windows ma twaqqaf bl-ebda mod lil-konsumaturi milli jużaw wieħed jew iktar midja plejers ta' intrapriżi terzi bil-Windows, anzi, għal-kuntrarju, jiffaċilita l-iżvilupp ta' dawn il-midja plejers għax ħafna minnhom jiddependu minn din il-funzjonalità.

361   It-tieni nett, il-fornituri ta' midja plejers ta' intrapriżi terzi jkunu jistgħu jqassmu iktar il-prodotti tagħhom, b'mod partikulari permezz tal-OEM jew permezz ta' dawnlowd mill-internet.

362   It-tielet nett, bis-saħħa tat-"Tranżazzjoni ma' l-Istati Uniti", bejjiegħa ta' midja plejers ta' intrapriżi terzi jkunu jistgħu jilħqu ftehim esklussivi ma OEMs li bihom il-funzjonalità medjatika pprovduta fil-prodott tagħhom tkun l-unika waħda proposta lill-utenti finali.

363   Ir-raba' nett, dawk li jipprovdu l-midja plejers ta' intrapriżi terzi jkunu jistgħu jiddisinjaw il-prodotti tagħhom b'tali manjiera li jkunu jistgħu jinqraw il-fajls fil-format ta' Windows Media.

364   Il-ħames nett, il-Kummissjoni stess kienet enfasizzat il-faċilità li biha l-konsumaturi jkunu jistgħu jiddawnlowdjaw il-midja plejers fil-PC clients tagħhom. Barra minn dan, il-Kummissjoni ma kienet tat l-ebda importanza lid-diffużjoni tal-funzjonalità medjatika ta' Windows fid-dawl tal-verifika tal-probabbiltà li, wara l-amalgamazzjoni AOL/Time Warner, il-midja plejer ta' AOL isir malajr ħafna il-midja plejer l-iktar popolari fid-dinja (ara l-paragrafu 329 iktar 'il-fuq).

365   Wara dan, Microsoft issostni li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni u l-miżura korrettiva imposta huma bbażati fuq raġunament spekulattiv iżżejjed, li jgħid li diffużjoni wiesgħa tal-funzjonalità medjatika ta' Windows ser tobbliga lil dawk li jipprovdu l-kontenut jużaw biss il-formati tal-Windows Media, li b'hekk jneħħi mis-suq il-midja plejers kollha ta' intrapriżi terzi. L-ebda element ta' prova ma jiġġustifika l-ispekulazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li kull dewmien ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni ser tagħti lok għal-"xaqlib" tas-suq favur il-Windows Media Player li teskludi l-kompetizzjoni kollha.

366   B'hekk, l-ewwel nett, l-integrazzjoni ta' funzjonalità medjatika fil-Windows ma waqqfitx l-iżvilupp ta' midja plejers ta' intrapriżi terzi, bħalma juri l-eżempju ta' l-iTunes. Barra minn dan, Microsoft tipprovdi data li turi kif, minn April 2003 sa April 2004, anki jekk l-użu tal-Windows Media Player żdied, kemm RealPlayer kif ukoll QuickTime żammew in-numru ta utenti tagħhom.

367   Lanqas, fit-tieni nett, ma hemm l-iċken prova ta' "xaqlib" ta' dawk li jipprovdu l-kontenut lejn il-formati tal-Windows Media.

368   It-tielet nett, il-fatti jikkontradixxu t-teorija li tgħid li t-tneħħija tal-kodiċi tal-Windows hija neċessarja safejn l-OEMs mhumiex lesti jinstallaw minn qabel il-midja plejers ta' intrapriżi terzi jekk ma jkunux awtorizzati jqassmu Windows mingħajr il-funzjonalità medjatika (kunsiderazzjoni 851 tad-Deċiżjoni).

369   Ir-raba' nett, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-21 ta' Lulju 2004, il-Kummissjoni ssostni għall-ewwel darba li "anki sehem esklussiv ta' 5 % ta' PCs mgħammra b'midja plejer tal terzi jagħti inċentiv lid-disinjaturi ta' softwer sabiex jiddisinjaw applikazzjonijiet ukoll għal dan il-plejer". Din it-teorija hija żbaljata, u tikkonferma li l-obbjettiv tal-Kummissjoni huwa li tfarrak il-Windows, u ma taqbilx ma l-obbjettiv tal-Kummissjoni li żżid l-għażla għall-konsumatur.

370   Il-ħames nett, fl-osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta' Awwissu 2004, Microsoft tikkuntesta d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-eżekuzzjoni immedjata tal-miżura korrettiva hija neċessarja sabiex "tippermetti l-konsumatur jagħżel".

371   Is-sitt nett, ukoll fl-osservazzjonijiet tad-19 ta' Awwissu 2004, Microsoft tgħid li l-medja plejers ta' intrapriżi terzi għadhom jiġu pprovduti f'numru kbir u li l-parti kbira tagħhom għadha tiġi pprovduta fil-formati barra minn dik tal-Microsoft.

372   Is-seba' nett, fl-osservazzjonijiet fuq in-nota ta' sottomissjonijiet, Microsoft tkompli tgħid li l-implementazzjoni tal-miżura korrettiva prevista mill-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni fil-parti "utenti finali" u fil-kanal "OEM" ma jsolvi l-ebda mill-preokkupazzjonijiet li jiffurmaw il-bażi tad-Deċiżjoni. Fil-fatt, l-ewwel nett, huwa diffiċli tara x'vantaġġ jista' jkollu "utenti finali" mill-verżjoni imposta mill-Artikolu 6(a) iktar mill-verżjoni kompluta tal-Windows, la darba t-tnejn jiġu offruti bl-istess prezz. It-tieni nett, il-Kummissjoni ma ratx kemm l-OEMs ikunu lesti jidħlu fi ftehim esklussivi għall-Client PC li jiddistribwixxu fiż-ŻEE.

2)      Dwar id-danni li jirriżultaw mill-implementazzjoni immedjata ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni

373   Microsoft issostni li d-danni li jirriżultaw mill-implementazzjoni immedjata ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni huma reali u sinjifikattivi, għax din l-eżekuzzjoni ma tippermettix lil-Microsoft iżżomm il-mudell kummerċjali ta' suċċess u stabbilit, kif uriet, hija ssostni, fl-argumenti tagħha fir-rispett ta' l-urġenza. Barra minn hekk, Microsoft, sostnuta b'mod iktar wiesgħa fuq dan il-punt minn CompTIA, ACT, Mamut u TeamSystem, DMDsecure.com et u Exor, tgħid li wieħed għandu jieħu in kunsiderazjoni l-interessi ta' min jiżviluppa s-softwer u tad-disinjaturi tas-siti internet li l-attività tagħhom tiddependi minn format tal-Windows uniformi.

374   L-ewwel nett, l-applikazzjonijiet iddisinjati fuq il-premessa tal-funzjonalità tal-Windows Media ma jaħdmux sewwa fil-verżjoni ta' l-Artikolu 6.

375   It-tieni nett, eżekuzzjoni immedjata ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni tkun tista' teffettwa applikazzjonijiet u siti internet li bħalissa qed jiġu żviluppati u dawk li ser jiġu żviluppati fil-futur, u li danni serji u irreparabbli ma jkunux jistgħu jiġu evitati bl-installazzjoni ta' medja plejers ta' intrapriżi terzi.

376   It-tielet nett, fl-osservazzjonijiet tad-19 ta' Awwissu 2004, Microsoft tikkuntesta l-argumenti tal-Kummissjoni li jgħidu li, min-naħa, produtturi ta' softwer li jiżviluppaw applikazzjonijiet li jiddependu fuq il-funzjonalità tal-Windows jistgħu "jinqdew" mill-possibbiltà li "jerġħhu jqassmu plejer integrat fl-applikazzjoni tagħhom u mis-sit [Internet] tagħhom" u, min-naħa l-oħra, "hija prattika fis-settur tas-softwer li l-produtturi jelaboraw applikazzjonijiet għalihom b'tali mod li dawn ikunu jistgħu jadattaw ruħhom b'mod intelliġenti għan-nuqqas eventwali ta' midja plejer (aġġornament)", sabiex "l-ispejjeż ta' dawn l-adattamenti ta' l-applikazzjonijiet […] ikunu […] traskurabbli, jew almenu ma jaqbżux dawk li normalment huma mħallsa meta Microsoft tipprovdi verżjoni ġdida (jew aġġornament) ta' Windows". Fil-prattika, il-proċedura intiża sabiex tagħti lura l-funzjonalità medjatika lill-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 ser tirriżulta oneruża u kumplikata għal terzi daqs kemm għall-Microsoft.

377   Ir-raba' nett, Microsoft iżżid li, waqt l-eżami tad-diversi interessi in kwistjoni f'din il-kawża, huwa importanti li wieħed iżomm quddiem għajnejh is-sinjifikat mogħti fil-proċeduri quddiem id-District Court li kkonferma t-Tranżazzjoni ta' l-Istati Uniti, għall-interessi ta' min jiżviluppa s-softwer u l-iżvantaġġi li jirriżultaw mill-qsim tal-Windows.

3)      Dwar l-obbligi tal-Komunità taħt il-ftehim tat-TRIPS

378   Microsoft qed titlob il-Qorti tal-Prim'Istanza, fl-aħħar, tikkunsidra l-obbligi imposti fuq il-Komunità mit-TRIPS.

2.      Motivi tal-Kummissjoni u tal-partijiet li tħallew jintervjenu sabiex isostnu l-konklużjonijiet tagħha

a)      Dwar każ prima facie

379   Il-Kummissjoni, sostnuta fuq dan il-punt minn CCIA qabel ma rtirat mill-proċeduri, tgħid li t-talba ta' Microsoft hija prima facie infondata u għandha tiġi miċħuda.

380   Il-Kummissjoni ssostni li dak li sabet f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-irbit huwa bbażat fuq teoriji legali u ekonomiċi stabbiliti sew u li l-abbuż ta' l-irbit huwa konsistenti mal-ġurisprudenza fuq l-irbit (kunsiderazzjoni 794 et seq. tad-Deċiżjoni). Microsoft ma tindika l-ebda titjib fl-effiċjenza teknika li turi li l-"integrazzjoni" tal-Windows Media Player f'Windows tkun prekundizzjoni (kunsiderazzjonijiet 962 sa 969 tad-Deċiżjoni).

381   B'hekk, l-ewwel nett, f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-eżistenza ta' l-effett restrittiv fuq is-suq, il-Kummissjoni mill-bidu mhijiex qed tara kif differenza minn ċertu kawżi preċedenti li għalihom qed tirreferi Microsoft issostni t-teżi li teorija ġdida kienet ġiet applikata f'din il-kawża. Il-fatt li r-restrizzjoni ġiet ippruvata fejn tkun normalment preżunta ma jfissirx li teorija legali ġdida qed tiġi applikata. Il-Kummissjoni taċċetta li d-Deċiżjoni, b'differenza ta' dawk adottati f'kawżi preċedenti (Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 1991, Hilti vs il-Kummissjoni, T-30/89, Ġabra p. II‑1439, konfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Marzu 1994, Hilti vs il-Kummissjoni, C-53/92 P, Ġabra p. I‑667, u s-sentenza Tetra Pak vs il-Kummissjoni, paragrafu 126 iktar 'il-fuq, ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Novembru 1996, Tetra Pak vs il-Kummissjoni, C-333/94 P, Ġabra p. I‑5951), ma tikkonkludix li kien hemm l-eżistenza ta' effett restrittiv fis-suq per se (kunsiderazzjonijiet 841 et seq.), imma tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, jiġifieri l-fatt li l-midja plejers jistgħu jiġu ddawnlowdjati, xi kultant bla ħlas, mill-internet.

382   Iżda l-evidenza fil-kawża preżenti turi, l-ewwel nett, li l-ebda produttur ta' midja plejer ma jista' jqabbel l-omnipreżenza tal-Windows Media Player, minħabba l-irbit mal-Windows u li, barra minn hekk, din is-sitwazzjoni hija suxxettibbli li jkollha effett sinjifikattiv fuq min jiżviluppa s-softwer kumplementari u l-kontenut. It-tnaqqis, bl-irbit, ta' l-applikazzjonijiet u l-kontenut disponibbli għall-midja plejers ta' produtturi oħra, fl-aħħar mill-aħħar, jikkawża dannu lill-konsumatur għax tnaqqas l-innovazzjoni f'dawn il-prodotti, minkejja l-merti intrinsiċi tagħhom. Microsoft ma ressqet l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva għal din il-prattika.

383   Barra minn hekk, l-affermazzjoni ta' Microsoft li l-kuntestazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-esklużjoni tal-kompetizzjoni huma bbażati fuq spekulazzjonijiet hija żbaljata fil-fatt u fid-dritt. Il-kunsiderazzjonijiet 879 sa 896 tad-Deċciżjoni jagħtu stampa ċara ta' l-impatt ta' l-irbit tal-bejgħ fuq min jipprovdi l-kontenut u fuq min jiżviluppa s-softwer b'mod indipendenti. Jirriżulta mid-Deċiżjoni li l-użu tal-Windows Media Player qed jiżdied filwaqt li, skond Microsoft innifsu, midja plejers oħra huma kkunsidrati aħjar f'termini ta' kwalità mill-utenti (kunsidrazzjonijiet 948 sa 951). Il-ġurisprudenza ukoll ma' tirrikjedix li l-Kummissjoni turi li l-midja plejers kollha ta' terzi ġew imneħħija mis-suq (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Settembru 2003, Michelin vs il-Kummissjoni T-203/01, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 239; tat-23 ta' Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs il-Kummissjoni, T-65/98, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, paragrafi 149 u 160, u tas-17 ta' Diċembru 2003, British Airways vs il-Kummissjoni, T-219/99, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 293).

384   It-tieni nett, f'dak li għandu x'jaqsam ma' prodotti distinti, il-Kummissjoni tgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim'Istanza sostnew li l-eżistenza ta' manufatturi indipendenti li jispeċjalizzaw fil-manufattura ta' prodott marbut diġa jindika li teżisti domanda distinta min-naħa tal-konsumaturi u, għaldaqstant, suq distint għal prodott marbut. Din il-kunsiderazzjoni hija konsistenti mal-ġurisprudenza ta' l-Istati Uniti.

385   It-tielet nett, l-argumenti ta' Microsoft intiżi sabiex juru n-nuqqas ta' impożizzjoni eżerċitat fuq il-konsumaturi diġa ġiet miċħuda mid-Deċiżjoni.

386   Il-Kummissjoni tiċħad, fl-aħħar, l-argumenti mressqa minn Microsoft dwar iż-żewg motivi l-oħra. L-ewwel nett, dwar ir-riferiment ta' Microsoft għall-obbligi tal-Komunità taħt il-ftehim TRIPS, il-Kummissjoni tirreferi għall-argument tagħha dwar il-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 5(a) tad-Deċciżjoni (ara l-paragrafu 195, iktar 'il-fuq). It-tieni nett, il-Kummissjoni tissottometti li l-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni hija pproporzjonata, għaliex Microsoft, min-naħa, iżżomm d-dritt li tipproponi verżjoni ta' Windows marbuta mal-Windows Media Player u, min-naħa l-oħra, anki jekk xi klijenti jagħżlu l-verżjoni imposta mill-Artikolu 6, huma xorta jkollhom il-possibbiltà li jintegraw dan il-prodott bil-Windows Media Player jekk iridu.

b)      Dwar l-urġenza

387   Il-Kummissjoni, sostnuta fuq dan il-punt mir-RealNetworks u SIIA, kif ukoll minn CCIA qabel ma rtirat mill-proċeduri, tgħid li Microsoft ma ppruvatx l-eżistenza ta' dannu serju u irreparabbli li jkun ser jiġi kkawżat lilha bl-eżekuzzjoni immedjata tad-Deċiżjoni.

c)      Il-bilanċ ta' l-interessi

388   Il-Kummissjoni tgħid li l-bilanċ ta' l-interessi jxaqleb lejn iċ-ċaħda tat-talba ta' Microsoft, b'mod partikulari f'dak li għandu x'jaqsam l-interess pubbliku li almenu tinżamm kompetizzjoni effettiva. Is-suq tal-midja plejers qed joqrob l-istadju li fih qed jibda jaqa'. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni hija sostnuta minn RealNetworks u SIIA. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni żżid li l-eżekuzzjoni immedjata tal-miżura korrettiva diffiċilment tista' tbiddel b'mod radikali l-pożizzjoni ta' Microsoft fis-suq tal-medja plejers, imma sempliċement tippermetti li tibbilanċa l-kompetizzjoni f'dan is-suq u għaldaqstant tippreserva l-iStatus Quo f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-istruttura ta' dan is-suq. L-eżekuzzjoni immedjata biss tal-miżura korrettiva tkun tista' tippreserva l-għażla tal-konsumaturi u tħallihom igawdu mill-innovazzjonijiet fis-servizzi medjatiċi diġitali.

389   Għal dak li għandu x'jaqsam mad-danni kkawżati lil terzi, il-Kummissjoni tikkuntesta l-argumenti bbażati fuq pretensjonijiet li jistgħu eventwalment jiġu mressqa minn xi produturi ta' softwer, xi disinjaturi ta' siti internet, jew ta' xi whud li jipprovdu l-kontenut. Il-Kummissjoni wkoll tnaqqas l-importanza tar-riskju ta' dannu li jista' jiġi kkawżat indirettament lis-settur informatiku in ġenerali.

B –       Il-konklużjonijiet tal-President

1.      Dwar il-każ prima facie

390   Skond l-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni, qed jintqal li Microsoft kisret l-Artikolu 82 KE billi "issoġġettat il-fornitura ta' sistema operativa ta' Windows għal Client PC għax-xiri fl-istess ħin tal-Window[s] Media Player, minn Mejju 1999 sad-data tan-notifika tad-[Deċizjoni]". Sabiex tagħti rimedju għal din is-sitwazzjoni, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni jimponi fuq Microsoft li twaqqaf dan il-ksur konformement ma' l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni. L-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni jimponi fuq Microsoft li tikkummerċjalizza "verżjoni kompletament funzjonali tas-sistema operativa Windows għal PC Clients li ma tinkludix il-Windows Media Player". Id-Deċiżjoni tippreċciża, iżda, li "Microsoft iżżomm id-dritt li toffri s-sistema opertiva Windows għal PC Clients flimkien mal-Windows Media Player".

391   Bħala sostenn tad-dikjarazzjoni tagħha li r-rekwiżit ta' każ prima facie ġie sodisfatt, Microsoft tibbaża ruħha fuq serje ta' argumenti magħmula minn ħames partijiet. Hija tgħid, l-ewwel, li l-Kummissjoni applikat teorija spekulattiva bla ebda bażi fid-Deċiżjoni; it-tieni, li l-vantaġġi li jiġu mid-disinn konċettwali tas-sistema operativa ta' Windows imisshom ġew meħhuda in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, it-tielet, li d-Deċiżjoni naqset milli tistabbilixxi ksur ta' l-Artikolu 82 KE, ir-raba', li d-Deċiżjoni ma tieħux biżżejjed in kunsiderazzjoni l-obbligi imposti fuq il-Komunità mill-ftehim TRIPS u, l-ħames, li l-miżura korrettiva imposta mid-Deċiżjoni hija sproporzjonata.

392   Fid-dawl ta' l-argumenti mressqa minn Microsoft fil-proċedura sommarja, ir-raba' u l-ħames partijiet ta' l-argumenti tagħha ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma serji biżżejjed biex jikkostitwixxu każ prima facie.

393   Fil-fatt, il-parti relativa għan-natura sporporzjonata tal-miżura korrettiva ġiet ippreżentata minn Microsoft, fit-talba tagħha, b'mod wisq qasir. F'dan il-kuntest Microsoft indikat biss li "l-miżura korrettiva imposta mid-Deċiżjoni [kienet] sproporzjonata". Microsoft ma tispjegax, b'mod partikulari, kif il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tistabbilixxi l-allegata sproporzjonalità tal-miżura korrettiva imposta mill-Artikolu 6(a). Għal dak li għandu x'jaqsam mal-parti dwar in-nuqqas ta' osservanza ta' l-obbligi li jaqgħu taħt il-ftehim TRIPS, ma kinitx żviluppata biżżejjed b'mod li tippermetti lill-President jasal għal deċiżjoni informata. L-ewwel nett, Microsoft fit-talba għal proċedura sommarja kemm qalet li "d-Deċiżjoni ma tie[hux] biżżejjed in kunsiderazzjoni l-obbligi imposti fuq il-Komunitajiet Ewropej mit-[TRIPS]". It-tieni nett, ir-riferiment għall-argument żviluppat fl-Anness T.9 ma ġiex ikkunsidrat li huwa konsistenti mad-dispożitivi proċedurali applikabbli (ara l-paragrafu 88 iktar 'il-fuq).

394   Il-President jikkunsidra, iżda, li l-argumenti l-oħra mressqa minn Microsoft iqajmu kwistjonijiet kumplessi li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tiddetermina fil-kawża prinċipali u li dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati, fil-kawża tal-proċedura sommarja, bħala prima facie infondati.

395   L-ewwel nett, din il-kawża tqajjem kwistjoni kumplessa fir-rigward ta' l-ewwel parti ta' l-argumenti ta' Microsoft, fejn Microsoft tgħid li l-Kummissjoni applikat illegalment teorija ġdida fuq l-irbit.

396   Permezz ta' dan l-argument, Microsoft tikkritika l-Kummissjoni għax ikkunsidrat sostanzjalment li s-suq tal-midja plejers ikun "xaqleb" favuriha, mingħajr ma ppruvat tqabbel din it-teorija mar-realtà tas-suq. Microsoft tibbaża ruħha b'mod partikulari fuq il-fatt, min-naħa, li, għall-utenti tal-PC Clients li jaħdmu bil-Windows, huwa faċli jirrikorru għal midja plejers li jużaw formati differenti, u, min-naħa l-oħra, li l-fornituri tal-kontenut jużaw formati differenti. F'dan ir-rigward, Microsoft tgħid li d-Deċiżjoni hija bbażata fuq sempliċi suppożizzjonijiet.

397   Fid-Deċiżjoni, sabiex tasal għal konklużjoni li l-bejgħ bl-irbit tal-Windows Media Player flimkien mal-Windows jikkostitwixxi bejgħ ipprojbit mill-Artikolu 82 KE, l-ewwel nett, il-Kummissjoni ikkunsidrat li Microsoft kellha pożizzjoni dominanti fis-suq tas-sistemi operativi għal Client PCs (paragrafu 799), li Microsoft ma tikkuntestax. It-tieni nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li Streaming Media Players u sistemi operativi ta' Client PCs huma prodotti distinti minn xulxin (kunsiderazzjonijiet 800 sa 825). It-tielet nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li Microsoft ma ħallietx lill-klijenti tagħha jixtru l-Windows mingħajr il-Windows Media Player (kunsiderazzjonijiet 826 sa 834). Ir-raba' nett, il-Kummissjoni eżaminat l-eżistenza ta' l-effetti ta' l-esklużjoni fuq is-suq. F'dan ir-rigward, jirriżulta mill-kunsiderazzjoni 841 tad-Deċiżjoni li l-Kummissjoni rrispondiet b'dawn il-kliem għall-argumenti ta' Microsoft li l-prattika denunzjata mill-Kummissjoni ma kkawżatx dawk l-effetti: "hemm effettivament xi ċirkustanzi, f'dak li għandu x'jaqsam mal-bejgħ b'irbit tal-Windows Media Player, li jiġġustifikaw eżami iktar bir-reqqa ta' l-effetti li din il-prattika għandha fuq il-kompetizzjoni. Waqt li fil-kawżi klassiċi ta' bejgħ b'irbit, il-Kummissjoni u l-Qrati kkunsidraw li l-bejgħ ta' prodott distint ma prodott dominanti kien l-indikatur ta' l-effett ta' l-esklużjoni li dik il-prattika kellha fuq il-bejjiegħa kompetituri, fil-każ in kwistjoni, l-utenti jistgħu - u sa ċertu punt hekk jagħmlu - jakkwistaw midja plejers ta' terzi permezz ta' l-internet, xi kultant bla ħlas. Jeżistu għaldaqstant raġunijiet tajba sabiex wieħed jassumi mingħajr iktar analiżi li l-irbit tal-Windows Media Player mal-Windows huwa aġir li fin-natura tiegħu stess jirrestrinġi l-kompetizzjoni." Konsegwentement, fir-rigward tal-karatteristiċi tas-suq in kwistjoni, il-Kummissjoni għarfet li dan il-każ għandu kwistjonijiet speċifiċi taħt l-aspett tal-prattiċi preċedenti tagħha u ta' dawk li hija kkunsidrat li kienu jirriflettu l-prinċipji żviluppati mill-ġurisprudenza komunitarja dwar il-bejgħ b'irbit.

398   Għal din ir-raġuni, l-argumentazzjoni ta' Microsoft probabbilment ser tqajjem waħda jew iktar kwistjonijiet importanti ta' prinċipju li jistgħu jaffettwaw il-legalità ta' l-analiżi tal-Kummissjoni. F'dan ir-rigward, ġie meqjus b'mod kostanti mill-ġurisprudenza li "abbuż" huwa kunċett oġġettiv li jirreferi għall-aġir ta' intrapriża f'pożizzjoni dominanti li fin-natura tagħha tinfluwenza l-istruttura ta' suq fejn, bħala riżultat tal-preżenza ta' l-intrapriża in kwistjoni, il-grad ta' kompetizzjoni huwa mdgħajjef u li meta jirrikorri għal metodi differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni normali ta' prodotti jew servizzi abbażi ta' tranżazzjonijiet ta' operaturi kummerċjali, ikollu l-effett li jtellef iż-żamma ta' grad ta' kompetizzjoni li jkun għadu jeżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta' dik il-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra. p. 461, paragrafu 91; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Ottubru 1999, Irish Sugar vs il-Kummissjoni, T-228/97, Ġabra. p. II‑2969, paragrafu 111).

399   Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li, sostanzjalment, l-effett antikompettitiv tal-bejgħ b'irbit jirriżulta minn "effetti ta' netwerks indiretti". Dawn l-effetti huma marbuta mal-fatt li l-preżenza tal-Windows Media Player fis-sistemi operativi ddistribwiti minn Windows iħajjar il-fornituri tal-kontenut u l-produtturi ta' l-applikazzjonijiet jiddisinjaw il-prodotti fuq il-Windows Media Player (kunsiderazzjoni 842). Sabiex turi dan, il-Kummissjoni ibbażat ruħha fil-parti l-kbira fuq elementi fattwali preżenti u tal-passat li jikkonċernaw l-inċentivi għal fornituri tal-kontenut u għal produtturi ta' l-applikazzjonijiet (kunsiderazzjonijiet 879 sa 896). Madankollu, kif jista' jidher b'mod partikulari mill-kunsiderazzjonijiet 842 u 984 tad-Deċiżjoni, dawn l-elementi jsostnu dak li huwa almenu parzjalment analiżi prospettiva tar-riskji għall-kompetizzjoni li jirriżulta mill-prattika mwaqqfa.

400   Ċertament, kif ġie nnutat mill-Kummissjoni, sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 82 KE, huwa biżżejjed li jiġi ppruvat li l-aġir abbużiv ta' l-intrapriża f'pożizzjoni dominanti għandha tendenza li tirrestrinġgi l-kompetizzjoni, jew, fi kliem ieħor, li l-aġir huwa kapaċi jew jista' jkollu dak l-effett (sentenzi Michelin vs il-Kummissjoni, paragrafu 383 iktar 'il fuq, paragrafu 239, u British Airways vs il-Kummissjoni, paragrafu 383 iktar 'il fuq, paragrafu 293). Il-kawża preżenti madankollu tqajjem il-kwistjoni kumplessa dwar jekk il-Kummissjoni tistax, u jekk, iva, taħt liema kundizzjonijiet, tibbaża ruħha fuq "xaqlib" probabbli tas-suq biex timponi sanzjoni għal bejgħ b'irbit ipprattikat minn intrapriża f'pożizzjoni dominanti meta, jekk ikun il-każ, dan l-aġir mhuwiex suxxettibbli fin-natura tiegħu li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

401   Fit-tieni lok, tqum kwistjoni importanti fi ħdan l-eżami ta' l-argumenti ta' Microsoft li tgħid li l-Kummissjoni kellha tagħti iktar importanza lill-effetti pożittivi tal-"kunċett ta' disinn" tas-sistema operativa ta' Windows. Dan l-argument jista' jwassal lill-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-kawża prinċipali, sabiex teżamina l-kundizzjonijiet li fihom l-eżistenza ta' ġustifikazzjoni oġġettiva tista' tippermetti li wieħed jikkonkludi li prattika ta' bejgħ b'irbit li m'għandu l-ebda effetti antikompettitivi mhuwiex ipprojbit mill-Artikolu 82 KE. Is-soluzzjoni ta' din il-kwistjoni delikata tiġġustifika li wieħed jeżamina jekk l-effetti pożittivi eventwali marbuta ma' l-istandardizzazzjoni li qed tiżdied ta' ċerti prodotti jistgħux jikkostitwixxu ġustifikazzjoni oġġettiva jew jekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-effetti pożittivi ta' l-istandardizzazzjoni ma jistgħux jiġu aċċettati ħlief meta jirriżultaw minn proċess kompetittiv jew minn deċiżjonijiet ta' korpi ta' standardizzazzjoni.

402   Fit-tielet lok, lil hinn mill-kwistjonijiet ta' prinċipju mqajma mill-eżami ta' dawn iż-żewġ partijiet, Microsoft tikkuntesta l-iskop tal-premessi fattwali li fuqhom hija bbażata l-analiżi tal-Kummissjoni. Hija ssostni b'mod partikulari li, fl-ewwel parti ta' l-argumentazzjoni tagħha, l-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta' "effetti ta' netwerks indiretti" qed tiġi kkontradetta mill-fatt li l-fornituri tal-kontenut qed ikomplu jirrikorru għal formati differenti. F'dan ir-rigward, tajjeb li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kkuntestatx li dan huwa l-każ, almenu sa ċertu punt. Hija l-Qorti tal-Prim'Istanza li tiddeċiedi, fil-kawża prinċipali, fuq il-kwistjonijiet fattwali u fuq il-konsegwenzi, jekk ikun il-każ, li jinħarġu minnhom fir-rigward tal-validità ta' l-analiżi tal-Kummissjoni.

403   Fir-raba' lok, l-argument ta' Microsoft li "Windows u l-funzjonalità medjatika tagħha" ma jikkostitwixxux żewġ prodotti distinti għall-fini ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 KE f'dak li għandu x'jaqsam ma' bejgħ b'irbit ma jistax, fil-proċedura sommarja, jiġi kkunsidrat bħala prima facie infondat, b'mod partikulari in kunsiderazzjoni tal-fatt li Microsoft u produtturi oħra introduċew matul is-snin ċerti funzjonalitajiet medjatiċi fis-sistemi operativi tagħhom għal client PC.

404   L-ewwel tliet partijiet ta' l-argumenti ta' Microsoft għaldaqstant iqajmu diversi kwistjonijiet importanti, b'mod partikulari fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li huma għandhom kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt. Il-President jikkunsidra li l-argumenti ta' Microsoft, fil-proċedura sommarja, ma jistgħux jitqiesu prima facie infondati, tant li l-kundizzjoni ta' każ prima facie ġie sodisfatt.

2.      Dwar l-urġenza

405   Microsoft isostni li l-eżekuzzjoni ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni ser tikkawża dannu irreversibbli lil valur tal-pjattaforma Windows, u dan ser jikkawżalha żewġ tipi ta' danni serji u irreparabbli. Dawn iż-żewġ danni jridu jiġu analizzati b'mod differenti.

a)      Dwar l-allegat dannu lil "kunċett ta' disinn bażiku" tas-sistema operativa ta' Windows

406   L-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni jimponi fuq Microsoft li tqiegħed fis-suq prodott li bħalissa hija ma tikkumerċcjalizzax u li hija tgħid li mhuwiex kompatibbli ma' element fundamentali tal-politika kummerċjali tagħha. Partikolarment, Microsoft issostni li l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni jikkawża dannu għall-"kunċett ta' disinn bażiku" tas-sistema operativa ta' Windows. Sostanzjalment, Microsoft tinvoka ksur tal-libertà kummerċjali tagħha.

407   F'dan ir-rigward, jidher mill-proċess tal-kawża li Microsoft ikkummerċjalizzat għal diversi snin sistema operativa li hija tikkunsidra li toffri lill-utenti funzjonalitajiet komuni, li ġew gradwalment miżjuda u li, mill-1992, inkludew, inter alia, ċerti funzjonalitajiet medjatiċi. Huwa ukoll ċcar biżżejjed mill-proċess li Microsoft tipprova tassigura, almenu b'mod ġenerali, li l-iktar verżjonijiet reċenti tas-sistema operativa general-purpose tal-Windows iħaddmu applikazzjonijiet iddisinjati għall-verżjonijiet li ħarġu qabel.

408   F'dan il-kuntest, irid jiġi enfasiżżat li l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni timponi fuq Microsoft li tikkummerċcjalizza sistema operativa mingħajr ċerti funzjonalitajiet li hija tikkunsidra parti integrali. Id-Deċiżjoni għaldaqstant hija ksur tal-libertà kummerċjali ta' Microsoft. Barra minn hekk, ċerti applikazzjonijiet iddisinjati sabiex jaħdmu fuq il-pakkett sħiħ li jikkonsisti f'Windows u Windows Media Player jistgħu ma jaħdmux b'mod sodisfaċenti fil-verżjoni imposta mill-Artikolu 6, almenu jekk din ta' l-aħħar tibqa mingħajr il-midja plejer.

409   F'dan ir-rigward, il-President ifakkar li, f'dak li għandu x'jaqsam mal-prinċipju ta' libertà li teżerċita attivitajiet kummerċjali, li, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Diċembru 1979, Hauer, 44/79, Ġabra. p. 3727, paragrafi 31 sa 33, u tad-9 ta' Settembru 2004, Spanja u Finlandja vs il-Parlament u l-Kunsill, C-184/02 et C-223/02, għadhom mhux ippublikati fil-Ġabra, paragrafu 51), hija parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt komunitarju, l-intrapriżi attivi fit-territorju Komunitarju huma liberi, fil-prinċipju, li jagħżlu l-politika kummerċjali li jidrilhom xierqa. Dan ifisser, partikularment, li bħala prinċipju huwa għal kull intrapriża li tiddeċiedi liberament dwar in-natura u l-karatteristiċi tal-prodotti li trid tqiegħed fis-suq. Ma jistax, iżda, jiġi dejjem ikkunsidrat li indħil fil-politika kummerċjali ta' intrapriża jikkostitwixxi dannu serju u irreparabbli għal dik l-intrapriża għall-iskop ta' proċedura sommarja. Għaldaqstant in-natura eventwalment serja u irreparabbli ta' l-indħil fil-libertà kummerċjali ta' intrapriża trid tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta' kull każ (ara l-punt 292 iktar 'il fuq).

410   Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, għandu jiġi aċċettat li l-indħil fil-libertà kummerċjali ta' Microsoft, meta jiġi kkunsidrat waħdu u indipendentement mill-effetti konkreti fuq is-suq, m'għandux jiġi kkunsidrat irreparabbli. Jekk wieħed ma jieħux in kunsiderazzjoni l-konsegwenzi li d-Deċiżjoni jista' jkollha fuq is-suq fil-perijodu qabel l-annullament eventwali tad-Deċiżjoni, jekk tiġi annullata, ma jidhirx li, jekk Microsoft tirbaħ il-kawża prinċipali, ikun impossibbli għaliha li tapplika mill-ġdid il-"kunċett ta' disinn bażiku" tagħha lill-prodotti kollha li tikkumerċjalizza wara dan l-annullament. B'konsegwenza, f'dan il-każ, anki jekk wieħed jassumi li Microsoft tipprova li l-indħil innifsu fil-libertà kummerċjali jikkostitwixxi dannu serju, dan id-dannu ma jidhirx li huwa irreparabbli.

411   Wieħed għandu madankollu jeżamina jekk l-indħil fil-libertà kummerċjali ta' Microsoft tistax tikkawża, fir-rigward tal-konsegwenzi konkreti fuq is-suq matul il-perijodu li jiskadi mas-sentenza tal-kawża prinċipali, dannu serju u irreparabbli għal din l-intrapriża. F'dan ir-rigward, hemm lok li wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw għal Microsoft, l-ewwel, mid-disinn tal-verżjoni imposta mill-Artikolu 6, it-tieni, mit-tqegħid fis-suq ta' din il-verżjoni, u t-tielet, mill-possibbiltà li dan il-prodott jiġi mixtri mill-klijenti ta' Microsoft.

412   Fl-ewwel lok, Microsoft sostniet matul is-seduta li, anki jekk il-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 ma tinxtarax fi kwantitajiet sinjifikattivi, ikun sar dannu għall-"disinn" tagħha, partikularment fid-dawl ta' l-"eżerċizzju inutli" li jkun jikkostitwixxi d-disinn tal-verżjoni imposta mill-Artikolu 6.

413   Safejn għaldaqstant Microsoft tirreferi għall-bżonn li tiddisinja l-verżjoni imposta mill-Artikolu 6, ma tatx biżżejjed dettalji ta' l-iżvantaġġ li jirriżulta minn dan l-obbligu. Sabiex ikun hemm kompletezza, hemm ukoll lok li wieħed jaħseb li d-dannu li ssofri Microsoft minħabba dan il-fatt essenzjalment jikkonsisti fi spejjeż ta' żviluppar. Fin-nuqqas ta' provi li juru l-kontra, tali dannu jkun ta' natura finanzjarja, li, ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali li mhumiex preżenti f'din il-kawża, ma jikkostitwixxix dannu irreparabbli (ordni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Ottubru 1991, Abertal et vs il-Kummissjoni, C-213/91 R, Ġabra. p. I‑5109, paragrafu 24 ; ordni tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' Mejju 2001, Poste Italiane vs il-Kummissjoni, T-53/01 R, Ġabra. p. II‑1479, paragrafu 119).

414   Fit-tieni lok, fejn l-argument ta' Microsoft għandu jiġi mifhum li hija ssofri dannu mill-fatt sempliċi li hija jkollha tqiegħed fis-suq il-verżjoni imposta mill-Artikolu 6, u dan indipendentement mill-bejgħ effettiv ta din il-verżjoni, Microsoft ma tatx dettalji biżżejjed fuq in-natura, il-gravità u l-karattru irreparabli ta' dawn l-allegati żvantaġġi. Fejn l-argument ta' Microsoft għandu jiġi mifhum li hija ssofri dannu lir-reputazzjoni, dan ser jiġi eżaminat flimkien mat-tieni kap ta' dannu invokat minnha (ara l-paragrafi 442 sa 475 aktar 'il quddiem).

415   Waqt is-seduta, Microsoft madankollu żiedet li, anki jekk ma jkun hemm l-ebda domanda għall-verżjoni imposta mill-Artikolu 6, ikun hemm inċertezza għall-terzi, partikularment għhall-fornituri tal-kontenut. Fil-fatt, dawn ta' l-aħħar ma jkunux jafu n-numru ta' verżjonijiet imposti mill-Artikolu 6 li nbigħu. Skond Microsoft dan inaqqas l-element ta' attrazzjoni ta' Windows.

416   F'dan ir-rigward, wieħed għandu jiftakar li n-natura urġenti ta' talba għal proċedura sommarja għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-bżonn ta' miżuri provviżorji sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu serju u irreparabbli lill-parti li titlob il-miżura provviżorja (ara l-ġurisprudenza ċitata fil-paragrafu 240 iktar 'il fuq). Konsegwentement, safejn l-inċertezza invokata minn Microsoft tista' tikkawża dannu lil terzi, din ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni taħt il-kap ta' urġenza (ara, f'dan is-sens, ordni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Mejju 1988, Union des producteurs de cédrats de Crète vs il-Kummissjoni, 112/88 R, Ġabra. p. 2597, paragrafu 20). Wieħed għandu jeżamina, iżda, l-argumenti ta' Microsoft li l-inċertezza maħluqa qalb terzi twassal, min-naħa l-oħra, għal tnaqqis fl-element ta' attrazzjoni tal-pjattaforma tagħha.

417   L-ewwel nett, Microsoft ma tat la dettalji u lanqas elementi ta' prova li jippermettu evalwazzjoni tan-natura eżatta, l-eżistenza, il-gravità u l-karattru irreparabbli tat-tnaqqis fl-element ta' attrazzjoni ta' Windows li tkun ikkawżata minn din l-allegata inċertezza. Jekk wieħed jassumi b'mod partikulari li t-tnaqqis fl-element ta' attrazzjoni invokata minn Microsoft tfisser li ċerti terzi li jiddependu mill-"istabbiltà ta' Windows" ikunu jistgħu jiddeċiedu, minħabba l-kummerċjalizzazzjoni tal-verżjoni imposta mill-Artikolu 6, li ma jiddisinjawx aktar il-prodotti tagħhom għal din il-pjattaforma, Microsoft ma ppreżentatx biżżejjed provi li juru li tali għażla tista' tiġi effettwata minn dawk l-operaturi fi proporzjonijiet sinjifikattivi.

418   Fuq dak il-punt, il-President josserva, sabiex ikun hemm kompletezza, li l-ebda wieħed mill-partijiet li intervjenew sabiex isostnu t-talbiet ta' Microsoft ma qal li, minħabba l-eżekuzzjoni ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni, seta' jieqaf milli jiddisinja l-prodotti tiegħu għall-pjattaforma ta' Windows. Fil-fatt, dawn il-partijiet indikaw li l-eżekuzzjoni ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni għandha r-riskju li tikkawżalhom dannu, partikularment għax dan ifisser li jkollhom jagħżlu jekk jaddattawx jew le għall-inċertezza fis-suq. Min-naħa waħda, l-ewwel nett, il-possibbiltà li jagħżlu li ma jaddattawx il-prodotti tagħhom għall-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 tibqa, f'dan l-istadju, ipotetika ħafna. Min-naħa l-oħra, anki jekk wieħed jassumi li l-probabbiltà li l-operaturi ma jadattawx il-prodotti tagħhom għhal-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 ġiet ippruvata skond ir-rekwiżiti ġuridiċi mitluba, dan, kif il-Kummissjoni tenfasizza, ma jippruvax li huma madankollu jieqfu jiddisinjaw il-prodotti tagħom għall-verżjoni ta' Windows li għandu Windows Media Player. Fil-fatt, ħadd mill-partijiet intervenjenti li qed isostnu t-talba ta' Microsoft ma qal li jkollu, minħabba d-Deċiżjoni, jiddisinja l-prodotti tiegħu għal sistema operativa oħra. Għaldaqstant, ma ġiex muri li t-tnaqqis fl-element ta' attrazzjoni ta' Windows, anki fil-konfront ta' l-intervenjenti waħidhom, jista' jkun sinjifikattiv għall-Microsoft fil-prattika.

419   Fl-aħħar, Microsoft fl-ebda mument ma wriet b'mod konkret li l-inċertezza dwar l-uniformità tal-pjattaforma Windows tnaqqas l-element ta' attrazzjoni tagħha għal konsumaturi finali jew il-klijenti tagħha.

420   Fit-tielet lok, wieħed għandu jeżamina l-konsegwenzi għall-Microsoft li jirriżultaw kieku l-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 kellha tinbiegħ fi kwantitajiet sinjifikattivi.

421   F'dan ir-rigward, hemm lok li wieħed jikkonstata, l-ewwel nett, li l-miżura korrettiva imsemmija fl-Artikolu 4 u 6(a) tad-Deċiżjoni hija intiża sabiex twaqqaf il-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni u ma tieħux deċiżjoni prematura dwar l-iżviluppi futuri tas-suq. Kif innutat il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-miżura korrettiva ma teskludix il-possibbiltà li Windows Media Player, in kunsiderazzjoni tal-merti tiegħu u minħabba kompetizzjoni li, skond il-Kummissjoni, tkun ġiet irkuprata, tkompli fil-prattika tiġi mixtrija mas-sistema operativa ta' Microsoft.

422   Minbarra dan, Microsoft tesprimi dubji serji fuq il-probabbiltà li l-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 tinbiegħ fi kwantitajiet sinjifikattivi.

423   F'dan ir-rigward, jirriżulta mill-paragrafi 69 u 70 tad-Deċiżjoni li s-sistemi operativi għall-PC clients huma kkummerċjalizzati essenzjalment f'żewġ kanali ta' distribuzzjoni, jiġifieri, id-distribuzzjoni lill-konsumaturi finali u, min-naħa l-oħra, id-distribuzzjoni lill-OEMs, li jibnu l-PC clients u, ġeneralment, jinstallaw sistema operativa.

424   Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq is-sottomissjonijiet ta' l-intervent, Microsoft indikat li, rigward id-distribuzzjoni lill-utenti finali, "[w]ieħed diffiċilment jara liema vantaġġi klijent minn dan il-qasam jista' jkollu meta jikseb il-verżjoni [imposta mill-Artikolu 6] minflok il-verżjoni kompluta ta' Windows la darba t-tnejn jiġu offruti bl-istess prezz". Fl-istess osservazzjonijiet, Microsoft tippreċiża li "huwa […] diffiċli li wieħed jimmaġina kif utent finali f'sensih jista' jagħżel verżjoni bħal din".

425   Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-OEMs, Microsoft ukoll tindika li "huwa perfettament konċepibbli li bejjiegħ ta' midja plejer ta' terz jipprova jħajjar OEM, permezz ta' kumpens finanzjarju, jieħu b'liċenzja l-verżjoni [imposta mill-Artikolu 6] u jorbotha, b'mod esklussiv, mal-midja plejer tiegħu". Microsoft, iżda, wara tikkritika l-Kummissjoni għax ma analizzatx kemm l-OEMs ikunu disposti jikkonkludu dawn il-ftehim. Hija żżid li "[l-]fatt li l-OEMs jinstallaw preżentement diversi midja plejers u li l-ebda bejjiegħ ta' midja plejer ma jidher li ħallas l-OEMs sabiex ineħħu kull aċċess viżibbli għal-Windows Media Player […] jissuġġerixxi li l-bejjiegħa ta' midja plejers mhumiex interessati biżżejjed sabiex jikkonkludu ftehim esklussiv remunerativ sabiex iħajjar l-OEMs jagħżlu l-verżjoni [imposta mill-Artikolu 6]". Barra minn dan, waqt is-seduta, anki jekk hija kompliet tipprevedi l-possibbiltà li xi wħud mill-kompetituri tagħha jistgħu jikkonkludu ftehim eskussivi ma' l-OEMs, Microsoft irrepetiet id-dubji tagħha rigward in-natura potenzjalment sinjifikattiva tal-bejgħ tal-verżjoni imposta mill-Artikolu 6.

426   Hemm lok għaldaqstant li wieħed jikkonstata li Microsoft tiddubita serjament mill-possibbiltà li l-verzjoni imposta mill-Artikolu 6 tista' tinbiegħh fi kwantitajiet sinjifikattivi.

427   Ġurisprudenza stabbilita tgħid li hija l-parti li titlob il-miżura provviżorja li għandha tipprova li ma tistax tistenna li tinqata' l-kawża prinċipali mingħajr ma ssofri dannu serju u irreparabbli (ara l-ġurisprudenza ċitata fil-paragrafu 240 iktar 'il fuq). F'dan il-kuntest, huwa biżżejjed, partikularment meta s-seħħ tad-dannu jiddependi mill-fatt li jseħħu serje ta' fatturi, li d-dannu jkun prevedibbli bi grad suffiċjenti ta' probabbiltà (ordni Ġermanja vs il-Kunsill, paragrafu 241 iktar 'il fuq, paragrafi 22 u 34, u ordni HFB et vs il-Kummissjoni, paragrafu 241 iktar 'il fuq, paragrafu 67). Iżda r-rikorrent dejjem għandu jipprova l-fatti li huma l-bażi ta' l-affermazzjoni li teżisti probabbiltà ta' dannu serju u irreparabbli (ordni HFB et vs il-Kummissjoni, paragrafu 241 iktar 'il fuq, paragrafu 67).

428   Fil-kaz prezenti, fin-nuqqas ta' Microsoft li jipprezenta dawk l-elementi ta' prova suffiċjenti sabiex wieħed jipproċedi fis-sens oppost, mhuwiex għall-imħallef li qed jieħu konjizzjoni tat-talba għal miżuri provviżorji li jivvaluta x'effett ser ikollha l-miżura korrettiva imposta mill-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni fuq is-suq. Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li, kif Microsoft stess tidher li qiegħda tammetti, il-possibbiltà li l-bejgħ tal-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 tista' tilħaq livelli sinjifikattivi tibqa, f'dan l-istadju u in kunsiderazzjoni ta' l-elementi ta' prova li jiddisdponi minnhom il-President, ipotetika ħafna.

429   Il-premessa li fuqha, f'din l-ipoteżi, id-dannu allegat minn Microsoft huwa bbażat ma jistax jiġi kkunsidrat li ġie ppruvat.

430   F'kull każ, anki jekk wieħed kellu jassumi li Microsoft ippruvat suffiċjentement, skond ir-rekwiżiti tal-liġi, il-probabbiltà li l-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 tinbiegħ fi kwantitajiet sinjifikattivi, għhandu jiġi nnutat li, kif issostni l-Kummissjoni, Microsoft ma invokatx, fil-kawża preżenti, żvilupp irreversibbli tas-suq bħala riżultat ta' dan il-bejgħ. Microsoft fil-fatt ikollha l-possibbiltà, fil-każ li d-Deċiżjoni tiġi annullata, li terġa tibda l-kummerċjalizzazzjoni tal-verżjoni Windows bil-Windows Media Player, u għaldaqstant tapplika, mill-ġdid u b'mod esklussiv, dak li hija tikkunsidra "kunċett bażiku ta' disinn" tas-sistema operativa ta' Windows. Ma ġiex muri li jkun hemm xi ostakli li jżommu lill-Microsoft milli terġa' tikseb il-pożizzjoni li kellha fis-suq qabel l-eżekuzzjoni tal-miżura korrettiva.

431   Minkejja dawn l-elementi, Microsoft issostni li hija tkun ser issofri dannu serju u irreversibbli għal żewġ raġunijiet distinti.

432   L-ewwel nett, skond Microsoft, "il-vantaġġi li jirriżultaw mill-uniformità tal-pjattaforma Windows jintilfu b'mod irreversibbli". Microsoft iżżid li d-dannu kkawżat ma jissewwiex bl-annullament tad-Deċiżjoni, għaliex, min-naħa, "l-inġiniera ta' Microsoft ikollhom jibdew mill-prinċipju li almenu xi kopji ta' Windows distribwiti fiż-ŻEE ikunu mingħajr il-funzjonalità medjatika", u dan jimponi fuqhom li "jieħdu in kunsiderazzjoni l-eżistenza taż-żewġ verżjonijiet għal numru ta' snin".

433   Microsoft, iżda, ma tippreċciżax biżżejjed kif l-obbligu li jaqa' fuq l-inġiniera tagħha jeffettwa jew irendi impossibbli l-irkupru tal-"kunċett bażiku ta' disinn" tagħha jekk id-Deċiżjoni tiġi annullata. B'hekk, Microsoft ma tispjegax kif l-ewwel nett, wara l-annullament eventwali tad-Deċiżjoni, hija tkun miżmuma milli tiddistribwixxi, mill-ġdid u b'mod esklussiv, il-verżjoni ta' Windows bil-Windows Media Player.

434   Microsoft wara tidher li hija tal-fehma li d-dannu invokat minnha ma jkunx illimitat fiż-żmien, la darba jkun preżenti "matul numru ta' snin".

435   Microsoft ukoll ma tatx elementi ta' prova li jippermettu l-evalwazzjoni skond ir-rekwiżiti tal-liġi tal-gravità tad-dannu li jirriżultaw mill-isforzi supplementari li d-disinjaturi tagħha jkollhom iwettqu sabiex jieħdu in kunsiderazzjoni l-eżistenza taż-żewg verżjonijiet. Fl-assenza ta' informazzjoni dettaljata f'dan ir-rigward, hemm kull raġuni li wieħed jikkonkludi li dawk l-isforzi jissarrfu fi spejjeż supplementari u, b'konsegwenza, f'dannu finanzjarju li, ħlief f'każ ta' ċirkostanzi eċċezzjonali li mhumiex preżenti f'dan il-każ, ma jikkostitwixxux dannu irreparabbli (ordni Abertal et vs il-Kummissjoni, paragrafu 413 iktar 'il fuq, paragrafu 24, u Poste Italiane vs il-Kummissjoni, paragrafu 413 iktar 'il fuq, paragrafu 119).

436   Fl-aħħar, Microsoft ma tispjegax kif tkunilha impossibbli, jew almenu ta' dannu serju u irreparabbli għaliha, fil-każ li l-Artikolu 4 u l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni jiġu annullati, li tinjora l-eżistenza tal-kopji tal-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 li jkunu diġa kkummerċjalizzati.

437   L-ewwel kap ta' dannu invokat minn Microsoft għaldaqstant ma jistax isostni l-prospettiva ta' dannu serju u irrepparabbli.

438   Fit-tieni lok, Microsoft issostni li "t-terzi li jiddependu mill-istabbiltà u mill-koerenza tal-pjattaforma Windows" ikollhom ukoll jieħdu in kunsiderazzjoni l-eżistenza ta' żewġ verżjoniiet għal diversi snin u "dan iżid l-ispejjeż tagħhom u jnaqqas l-element ta' attrazzjoni ta' Windows b'mod kontinwu".

439   F'dan ir-rigward, huwa xieraq li wieħed jirrepeti, f'dan il-kuntest, l-osservazzjonijiet magħmula fil-paragrafi 412 sa 428 iktar 'l fuq. Ma ġiex ippruvat li fil-prattika jeżisti riskju suffiċjentement kbir, anki jekk il-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 tiġi mibjugħa fi kwantitajiet sinjifikattivi, li l-operaturi li bħalissa jiddisinjaw il-prodotti tagħhom għal-Windows jieqfu milli jagħmlu dan jew li l-konsumaturi, il-klijenti u l-operaturi l-oħra li Microsoft taħseb li jiddependu mill-istabbiltà ta' Windows jistgħu inaqqsu x-xiri tagħhom jew l-użu li jagħmlu minn dan il-prodott.

440   Fl-aħħar, f'dak li għandu x'jaqsam maż-żewġ kapi tad-dannu invokati minn Microsoft, barra mill-konklużjoni ġa magħmula fil-paragrafu 430 iktar 'l fuq, il-President jikkunsidra li, f'kull każ, il-Kummissjoni ressqet provi konvinċenti li juru li, wara l-annullament eventwali tad-Deċiżjoni, Microsoft ikollha l-possibbiltà li tuża ċerti mekkaniżmi, partikularment l-aġġornament tas-sistema operativa tagħha, sabiex tiddistribwixxi l-Windows Media Player u, konsegwentement, tistabbilixxi mill-ġdid, almenu b'miżura wiesgħa ħafna, l-irbit tal-Windows Media Player mas-sistema operativa tagħha. Microsoft u l-partijiet li intervenew biex isostnu t-talbiet tagħha ma kkontradixxewx dawn l-affermazzjonijiet b'mod suffiċjentement dettaljat li jeskludi l-probabbiltà qawwija li Microsoft tista' tiddistribwixxi Windows Media Player fi kwantitajiet suffiċjenti sabiex tevita d-dannu serju li hija tinvoka.

441   Hemm lok għaldaqstant li wieħed jikkonkludi li Microsoft ma wrietx li l-eżekuzzjoni ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni tikkawżalha dannu serju u irreparabbli minħabba fl-indħil fil-"kunċett bażiku ta' disinn" jew, b'mod aktar ġgenerali, minħabba fl-indħil fil-libertà kummerċjali tagħha.

b)      Dwar l-allegat dannu lir-reputazzjoni ta' Microsoft

442   Microsoft issostni li l-eżekuzzjoni ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni ser tikkawża dannu lir-reputazzjoni tagħha bħala "disinjatur ta' prodotti ta' softwer ta' kwalità", essenzjalment minħabba n-nuqqas ta' funzjonalità li, skond Microsoft, ser taffettwa l-verżjoni imposta mill-Artikolu 6.

443   F'dan il-każ, id-dannu allegat minn Microsoft huwa bbażat fil-parti l-kbira fuq il-premessa li l-verżjoni ta' Windows imposta mill-Artikolu 6 ser taffettwa l-funzjonament, min-naħa, ta' applikazzjonijiet u ta' siti internet li jirrikorru għall-ċerti funzjonalitajiet ta' Windows Media Player kif ukoll, min-naħa l-oħra, ta' ċerti elementi tas-sistema operativa ta' Windows innifisha.

444   Għaldaqstant, fl-ewwel lok, huwa neċessarju li wieħed jevalwa f'liema miżura l-problemi invokati minn Microsoft jeżistu, u jekk ikun il-każ, jekk jistgħux jiġu faċilment evitati.

445   F'dan ir-rigward, wieħed għandu jikkonstata l-ewwel nett, b'risposta għall-mistoqsijiet magħmula mill-President, li l-Kummissjoni indikat li skond hi prodott li għandu l-karatteristiċi msemmija minn Microsoft – jiġifieri prodott li ma jippermettix lis-sistema operativa li tuża l-funzjonalitajiet imsemmija minn Microsoft bħala nieqsa – jikkostitwixxi verżjoni "totalment funzjonali" ta' Windows, fis-sens ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni, bil-kundizzjoni li l-imsemmija funzjonalitajiet ikunu dawk li huma normalment offruti minn Windows Media Player.

446   Huwa xieraq li wieħed jeżamina separatament, min-naħa, il-problemi li, skond Microsoft, jeffettwaw il-funzjonament tas-sistema operativa ta' Windows u, min-naħa l-oħra, dawk li, skond Microsoft, jeffettwaw il-funzjonament ta ċerti applikazzjonijiet u ta' ċerti siti internet.

447   F'dak li għandu x'jaqsam, min-naħa, mal-problemi li, skond Microsoft, jaffettwaw il-funzjonament tas-sistema operativa ta' Windows, RealNetworks iddisinjat u pproduċiet serje ta' testijiet sabiex turi li dawn jistgħhu jiġu solvuti bl-installazzjoni ta' midja plejer ta' intrapriża terza. Microsoft ma tikkuntestax li dan huwa l-każ għal xi wħud mill-problemi invokati, iżda madankollu ssostni li problemi mhux solvuti jibqgħhu jippersistu u li l-miżura li fiha dawn jistgħu jiġu rimedjati jiddependi mill-midja plejer installat.

448   Fid-dawl tal-provi mressqa mill-partijiet, il-President jikkunsidra li ma ġiex ippruvat li l-midja plejers ta' intrapriżi terzi jkunu jistgħu jiggarantixxu, f'kull ċirkustanza, sostituzzjoni kompluta tal-funzjonalitajiet identifikati minn Microsoft. Is-sostituzzjoni ta' dawn il-funzjonalitajiet tiddependi mill-viċin ħafna fuq il-possibbiltajiet tekniċi tal-midja plejer installat. Min-naħa l-oħra, l-installazzjoni ta' tali midja plejer tkun tista' tippermetti s-sostituzzjoni raġunevolment wiesgħa ta' dawn il-varji funzjonalitajiet.

449   Għal dak li għandu x'jaqsam, min-naħa l-oħra, mal-problemi li jikkonċernaw ċerti applikazzjonijiet u ċerti siti internet, fid-dawl tal-provi mressqa mill- partijiet li intervenew sabiex isostnu t-talbiet tal-Kummissjoni, wieħed għandu wkoll jinnota li l-funzjonalitajiet imsemmija jistgħu jiġu sostitwiti fil-parti l-kbira bl-installazzjoni ta' midja plejers ta' intrapriżi terzi. Minbarra dan, id-disinjaturi ta' siti internet u ta' applikazzjonijiet li huma bbażati preżentement fuq Windows Media Player għandhom ikollhom inċentiv qawwi, anki jekk dan jista' jkollu spiża għalihom, sabiex iħajru l-utenti jiddawnlowdjaw dan is-softwer jew jiddistribwixxuh huma stess permezz ta' liċenzji normalment mogħtija għal dan l-iskop minn Microsoft.

450   Il-fatturi msemmija fit-tliet paragrafi preċedenti jnaqqsu b'mod sostanzjali l-probabbiltà li l-problemi li għalihom Microsoft qed tirreferi jistgħu jiġu innutati mill-konsumaturi finali.

451   Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar is-sottomissjonijiet ta' l-intervent u waqt is-seduta, Microsoft sostniet li l-problemi allegati ma setgħux jiġu solvuti, fil-testijiet magħmula minn RealNetworks, ħlief jekk ċerti kodiċi ta' Windows Media Player jiġu istallati. Dan il-punt ma ġiex ikkuntestat formalment mill-Kummissjoni jew minn RealNetworks fil-każ ta' problemi li jikkonċernaw il-funzjonament ta' ċerti applikazzjonijiet u ta' ċerti siti internet. RealNetworks, madankollu, ippreċiżat li l-installazzjoni ta' dawn il-kodiċijiet kien sar mill-applikazzjonijiet stess jew, fil-każ ta' siti internet, permezz ta' mekkaniżmu ta' dawnlowdjar disponibbli f'dawn is-siti. Għaldaqstant, il-partijiet jaqblu parzjalment ma' l-argument ta' Microsoft. Madankollu, dan l-argument jibqa, f'kull każ, mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni dwar l-urġenza li tintalab is-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni. Fil-fatt, huwa irrilevanti, għal kawża preżenti, li xi wħud mill-problemi allegati minn Microsoft jistgħu jiġu solvuti biss bl-installazzjoni ta' ċerti kodiċijiet ta' Windows Media Player jew, fejn hemm bżonn, tal-kodiċijiet kollha ta' Windows Media Player mill-applikazzjoni kkonċernata jew permezz tas-sit internet innifsu, jekk l-installazzjoni ta' dawn il-kodiċijiet ikun jista' effettivament isolvi parti suffiċjenti mill-problemi allegati minn Microsoft.

452   Huwa bl-istess mod irrilevanti l-argument ta' Microsoft li l-installazzjoni mill-ġdid b'mod differenti ta' ċerti kodiċi tal-Windows Media Player jikkawża xi problemi ta' sigurtà jew ta' stabbiltà lill-verżjoni imposta mill-Artikolu 6. Fil-fatt, Microsoft ma ressqitx provi li juru li l-installazzjoni eventwali tal-kodiċijiet qodma tal-Windows Media Player tkun tista' tikkawża instabbiltà fis-sistema operativa ta' Windows jew li problemi oħra ta' l-istess tip jistgħu jinqalgħu. Fl-aħħarnett, safejn Microsoft tgħid li ż-żieda ta' kodiċijiet distinti fuq il-kopji varji tal-verżjonijiet imposti mill-Artikolu 6 jqiegħed in kwistjoni l-uniformità tal-pjattaforma tagħha, hija ma żżid xejn ma' l-argument dwar l-indħil fil-"kunċett bażiku ta' disinn" li diġa ġie miċħud (ara l-paragrafi 406 sa 441 iktar 'il fuq).

453   Għaldaqstant ma ġiex ippruvat li l-problemi invokati minn Microsoft ma jistgħux jiġu evitati, almenu fil-parti l-kbira tagħhom.

454   Fit-tieni lok u f'kull każ, għal dak li jikkonċerna ċerti problemi li Microsoft tallega li ser jippersistu, għandu jiġi konkluż li Microsoft ma ressqitx biżżejjed elementi ta' prova quddiem il-President li juru, skond ir-rekwiżiti tal-liġi, li l-konsumaturi finali jew, b'mod aktar ġenerali, il-klijenti tagħha jassoċjaw in-nuqqas jew il-funzjonament ħażin ta' dawn il-funzjonalitajiet ma' difett mhux previst ta' prodott ta' Microsoft aktarx milli mal-konsegwenzi normali li jkun hemm minħabba l-assenza ta' midja plejer u, b'mod aktar speċifiku, tal-Windows Media Player. Fil-fatt, anki jekk wieħed jassumi li l-problemi kollha msemmija minn Microsoft jeżistu u ma jistgħux jiġu evitati, Microsoft ma ppruvatx li għaliha tkun impossibbli jew ipprojbit mid-Deċiżjoni li tavża l-klijenti tagħha bil-karatteristiċi oġġettivi tal-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 u b'hekk tpoġġihom f'pożizzjoni li jistgħu jagħżlu bil-konoxxenza tal-fatti kollha.

455   F'dan ir-rigward, Microsoft effettivament sostniet li jkun impossibbli għhaliha teffettwa t-testijiet li jippermettulha tidentifika d-difetti kollha tal-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 u, partikularment, l-applikazzjonijiet kollha li ma jaħdmux fuq din il-verżjoni. Microsoft, iżda, ma tat l-ebda element ta' prova li tippermetti evalwazzjoni ta' l-impossibbiltà li jsiru dawn it-testijiet għall-problemi li, skond hi, jistgħu jiġu kkawżati lis-sistema operativa tagħha. Fir-rigward tat-testijiet neċessarji sabiex jiġi evalwat il-funzjonament tajjeb ta' ċerti applikazzjonijiet u ta' ċerti siti internet, Microsoft ma ppruvatx kif il-fatt sempliċi li l-klijenti tagħha jkunu jafu li l-Windows Media Player mhux qiegħed fil-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 mhux biżżejjed biex tinfurmahom li ċerti applikazzjonijiet u ċerti siti internet li huma bbażati fuq il-funzjonalitajiet tal-Windows Media Player jistgħu ma jaħdmux b'mod adegwat.

456   B'mod aktar ġenerali, wieħed għandu jenfasizza li l-Kummissjoni indikat espressament li, skond hi, Microsoft għandha d-dritt li tinforma l-klijenti tagħhha bin-nuqqas tal-Windows Media Player fil-verżjoni imposta mill-Artikolu 6. Microsoft ma wrietx li din il-konoxxenza biss ma tkunx suffiċjenti sabiex tippermetti lill-klijenti tagħha jifhmu l-konsegwenzi eventwali ta' l-għażla tagħhom fir-rigward ta' ċerti funzjonalitajiet medjatiċi.

457   Għal dak li għandu x'jaqsam mad-distribuzzjoni diretta tal-prodotti tagħha lill-konsumaturi finali, għalkemm Microsoft issostni li ftit minn fosthom jifhmu l-mod kif l-applikazzjonijiet Windows jirrikorru għall-funzjonalitajiet medjatiċi, hija ma tressaq l-ebda element ta' prova li ssostni l-allegazzjonijiet tagħha u li tkun tista' tippermetti evalwazzjoni tal-miżura reali ta' l-injoranza tal-konsumaturi.

458   Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-OEMs, kollox juri li huma xerrejja partikularment informati u li għaldaqstant jistgħu jagħmlu għażliet b'mod attent. Jekk, b'konsegwenza, il-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 tikkawża l-problemi irreparabbli indikati minn Microsoft, kollox juri, fin-nuqqas ta' provi li juru l-kontra, li jew din mhux ser tinxtara mill-OEMs, jew li huma jixtruha bil-konoxxenza tal-fatti kollha u għaldaqstant mingħajr dannu għall-Microsoft.

459   F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma ġiex ippruvat li l-fatt li klijent ta' Microsoft, hu min hu, jagħżel il-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 u jkollu jaffaċċa l-problemi indikati minn Microsoft ikun jista' jħassar ir-reputazzjoni ta' Microsoft.

460   Fit-tielet lok, anki jekk wieħhed jassumi li ġie ppruvat skond ir-rekwiżiti tal-liġi, min-naħa, li l-problemi kollha ta' Microsoft ma setgħux jiġu evitati u, min-naħa l-oħra, li l-klijenti u l-konsumaturi ma jistgħux jagħmlu għażla informata, Microsoft ma ressqitx elementi ta' prova li jippermettu evalwazzjoni tal-gravità reali ta' dawn id-difetti u, partikularment, tal-miżura safejn huma jista' jkollhom effetti speċifiċci fuq ir-reputazzjoni tagħha ma' l-operaturi differenti tas-settur.

461   Microsoft ma tressaqx provi li juru li d-difetti li hija tidentifika probabbilment ikollhom effett sostanzjali fuq il-perċezzjoni tal-konsumaturi finali u ta' l-OEMs. Partikolarment, ma tressaq l-ebda prova fir-rigward tal-mod kif dawk l-operaturi jipperċepixxu l-funzjonalitajiet li hija tiddeskrivi, fit-talba tagħha, bħala difettużi. F'dan ir-rigward, Microsoft f'numru ta' okkażżjonijiet issemmi l-fowlder "my music", li tagħti dehra dettaljata tal-fajls li ġew irreġistrati fil-ħard disk ta' Client PC u, b'mod aktar partikulari, ta' ċertu kontenut ta' midja diġitali. Microsoft issostni li l-verżjoni ta' l-Artikolu 6 ma tippermettix din id-dehra dettaljata, b'midja plejer terz jew le. Madankollu hija ma tressaq l-ebda prova li tippermetti l-President jevalwa l-probabbiltà li dik il-problema hija pperċepita malajr biżżejjed mill-konsumaturi finali. Microsoft ukoll ma turix li din il-problema, kieku wieħed kellu jassumi li tiġi perċepita mill-ewwel, probabbilment ikollha effett sinjifikattiv fuq ir-reputazzjoni tagħha. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta' provi suffiċjenti li juru l-importanza effettiva tal-funzjonalitajiet in kwistjoni għall-konsumaturi finali u ta' l-aspettativi tagħhom, il-President ma jistax jevalwa l-konsegwenzi reali tal-problemi għar-reputazzjoni tagħha li Microsoft tinvoka.

462   Microsoft ukoll naqset milli tipprova li l-eżekuzzjoni ta' l-Artikolu 4 u ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni ikollu effetti sinjifikattivi fuq ir-reputazzjoni tagħha ma' l-operaturi ekonomiċi li mhumiex klijenti tagħha u, partikularment, fuq ir-reputazzjoni tagħha mad-disinjaturi tas-siti internet u l-produtturi ta' softwer. F'dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed jikkonstata li l-ebda waħda mill-partijiet li intervenew sabiex isostnu lil Microsoft ma indikat li l-perċezzjoni tagħha ta' Microsoft tista' tinbidel jew li hemm possibbiltà li hija tieqaf tiddisinja l-prodotti tagħha sabiex jiġu użati ma dawk ta' Microsoft.

463   Fir-raba' lok, ma jidhirx li l-Windows Media Player ma jkunx disponibbli mill-ewwel u ma jkunx jista' jiġi faċilment installat fil-verżjoni ta' l-Artikolu 6. Konsegwentement, anki jekk wieħed jassumi li ċerti konsumaturi jew klijenti ma jagħmlux għażla informata u għalhekk jirriżulta li ma jkunux kuntenti, Microsoft ma ppruvatx kif is-sitwazzjoni ma tkunx tista' tiġi solvuta malajr jekk il-persuni kkonċcernati jiġu infurmati li sussegwentement huma jkunu jistgħu jiksbu l-Windows Media Player.

464   Fil-ħames lok, dejjem meta wieħed jassumi li d-difetti allegati għandhom jiġu ppruvati skond ir-rekwiżiti tal-liġi u jkunu irreparabbli, il-gravità ta' l-effett negattiv fuq ir-reputazzjoni ta' Microsoft tiddependi fil-parti l-kbira mid-distribuzzjoni effettiva tal-verżjoni imposta mill-Artikolu 6. Hemm lok li wieħed jirrepeti, f'dan il-kuntest, il-konstatazzjoni diġa magħmula (ara l-paragrafi 421 sa 428 iktar 'il fuq) li, min-naħa, fin-nuqqas ta' elementi ta' prova suffiċjenti, mhuwiex għall-imħallef li qed jisma t-talba għal miżuri provviżorji li għhandu jivvaluta l-effetti tal-miżura korrettiva fuq is-suq u, min-naħa l-oħra, Microsoft stess tesprimi dubji fuq il-miżura ta' bejgħ tal-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 u ma tallegax li hemm riskju ta' żviluppi irreversibbli fis-suq.

465   Fis-sitt lok, anki jekk wieħed jassumi li, minkejja dak kollu li ntqal qabel, Microsoft tkun wriet skond ir-rekwiżiti tal-liġi li hemm riskju ta' dannu serju lir-reputazzjoni tagħha, hija ma wrietx li jeżistu ostakli ta' natura strutturali jew ġuridika li jżommuha milli tieħu dawk il-miżuri ta' reklamar li jippertettulha terġa tistabbilixxi r-reputazzjoni tagħha.

466   Microsoft għaldaqstant ma rnexxiliex tipprova li l-eżekuzzjoni ta' l-Artikolu 4 u ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni tista' tikkawża dannu serju u irreparabbli lir-reputazzjoni tagħha.

467   Microsoft tinvoka iżda l-eżistenza ta' dannu lir-reputazzjoni tagħha taħt żewġ aspetti supplementari u iktar speċifiċi, jiġifieri, min-naħa, dannu lit-trade marks tagħha, u min-naħa l-oħra, ksur ta' drittijiet ta' l-awtur tagħha.

1)      Dwar l-allegat dannu lit-trade marks ta' Microsoft

468   F'dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, id-dannu lit-trade marks ta' Microsoft, safejn huwa kkunsidrat li jikkawża dannu lir-reputazzjoni tagħha, jew ikun ir-riżultat ta' dak id-dannu, partikularment minħabba l-kwalità ħażina tal-verżjoni imposta mill-Artikolu 6, dan l-argument għandu jiġi mwarrab għar-raġgunijiet diġa indikati fil-paragrafi 454 sa 459 iktar 'il fuq. Fil-fatt, Microsoft ma wrietx, b'mod partikulari, li d-difetti allegati, anki jekk wieħed jassumi li jeżistu, jeffettwaw b'mod negattiv u sinjifikattiv il-perċezzjoni tal-konsumaturi finali. Wieħed għandu għaldaqstant iwarrab partikularment l-argument żviluppat fl-"Opinjoni fuq il-liġi tat-trade marks" (Anness R.6) allegat mat-talba ta' Microsoft.

469   Barra minn dan, safejn l-argument ta' Microsoft tfisser li t-trade mark Windows ma tkunx tiggarantixxi iktar il-preżenza tal-"kunċett bażiku" tagħha, il-President ifakkar li l-funzjoni essenzjali tat-trade mark hija dik li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta' l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz bit-trade mark, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr ebda possibbiltà ta' konfużjoni dan il-prodott jew servizz minn dawk li għandhom provenjenza oħra. Sabiex it-trade mark tkun tista' twettaq ir-rwol tagħha ta' element essenzjali fis-sistema ta' kompetizzjoni mhux distorta li t-trattat KE irid jistabbilixxi, hija għandha tagħti l-garanzija li l-prodotti jew servizzi kollha li għandhom din it-trade mark ġew magħmula taħt il-kontroll ta' intrapriża waħda li lilha tista' tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom (ara, partikularment, sentenza tal-Qorti tal-Gustizzja tad-29 ta' April 2004, Björnekulla Fruktindustrier, C-371/02, għadha mhux ippublikata fil-Ġabra, paragrafu 20). Safejn it-trade mark tippermetti li tiggarantixxi l-preżenza ta' ċerti karatteristiċi oġġettivi ta' prodott, kif Microsoft tidher li qed issostni, il-President f'kull każ ma jiddisponix minn elementi ta' prova li jippermettu evalwazzjoni bi preċiżjoni suffiċjenti, lil hinn mill-perċezzjoni li Microsoft għandha tal-"kunċett bażiku" tagħha u tat-trade mark tagħha, il-mod li biha din ta' l-aħħar hija effettivament ipperċcepita mill-klijenti fis-suq in kwistjoni. Dan huwa l-każ, b'mod partikulari, tal-provi li jippermettu evalwazzjoni, mill-perspettiva tal-klijenti, tal-karatteristiċi oġġettivi li jistgħu jiġgu assoċjati magħha, u, fejn ikun il-każ, il-gravità reali ta' varjazzjoni f'dawk il-karatteristiċi.

470   F'kull każ, peress illi, min-naħa waħda, fil-każ ta' l-annullament ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni, Microsoft ikollha l-possibbiltà li tikkumerċjalizza, mill-ġdid u b'mod esklussiv, il-verżjoni ta' Windows bil-Windows Media Player u, min-naħa l-oħra, Microsoft ma wrietx li jkun impossibbli għaliha twettaq, jekk ikun il-każ, il-miżuri ta' reklamar xieraq, hija ma wrietx li d-dannu allegat lit-trade mark tagħha, dejjem jekk wieħed jassumi li huwa stabbilit u serju, ikun irreparabbli.

2)      Dwar id-dannu allegat lid-Dritt ta' l-Awtur ta' Microsoft

471   Fir-rigward, fl-aħħarnett, tad-dannu allegat lid-dritt ta' l-awtur ta' Microsoft, wieħed għandu jenfasizza preliminarjament li Microsoft ma indikatx kif ksur ta' dan id-dritt seta' kellu rabta mad-dannu lir-reputazzjoni tagħha li hija qed tallega.

472   Barra minn dan, l-argument ta' Microsoft fuq dan il-punt huwa qasir ħafna u partikularment vag. F'dan il-kuntest, Microsoft ma tirreferix għal regoli preċiżi li jgħidu li l-fatt li tipproċedi hija stess għal adattament tax-xogħolijiet tagħha – anki jekk imġiegħel – jikkostitwixxi ksur tad-dritt ta' l-awtur ta' Microsoft.

473   Iktar minn hekk, il-fatt biss li deċiżjoni tal-Kummissjoni tista' teffettwa sa ċertu punt id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali hija, fin-nuqqas ta' spjegazzjoni iktar dettaljata, insuffiċjenti sabiex wieħed jikkonkludi dwar l-eżistenza ta' dannu serju u irreparabbli, almenu indipendentement mill-effetti konkreti ta' dan il-ksur. Fil-kawża preżenti, l-uniċi effetti konkreti allegati minn Microsoft huma dawk li ġew preċedentement deskritti u miċħuda bħala insuffiċjenti biex jikkostitwixxu dannu serju u irreparabbli (paragrafi 411 sa 466 iktar 'il fuq).

474   Fl-aħħar, safejn Microsoft tgħid li ċ-ċirkolazzjoni tal-kopji tal-verżjoni imposta mill-Artikolu 6, jiġifieri adattament sfurzat tax-xogħolijiet tagħha, tikkawżalha dannu morali, dak id-dannu jkun, fin-nuqqas ta' provi li juru l-kontra, la serju u lanqas irreparabbli. Dan huwa l-każ a fortiori meta, kif ġa instab iktar 'il fuq (paragrafi 422 sa 429), ma jkunx ġie muri li l-verżjoni imposta mill-Artikolu 6 tista' tiġi ddistribwita fi kwantitajiet sinjifikattivi jew li d-distribuzzjoni ulterjuri ta' Windows Media Player ma tkunx, fil-parti l-kbira, qed tipprovdi rimedju għad-distribuzzjoni tal-verżjoni ta' l-Artikolu 6.

475   Microsoft għaldaqstant ma ppruvatx li l-eżekuzzjoni ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni tkun tista' tikkawżalha dannu serju u irreparabbli minħabba dannu lir-reputazzjoni tagħha.

476   Konsegwentement, Microsoft ma ppruvatx li l-eżekuzzjoni ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni tista' tikkawżalha dannu serju u irreparabbli. B'riżultat ta' dan, mingħajr ma hemm bżonn li wieħed jipproċedi għal bilanċ ta' l-interessi in kwistjoni, it-talba għas-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta' l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni għandha tiġi miċħuda.

477   In kwantu t-talba għas-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta' l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (paragrafu 27 iktar 'il fuq), din ma tistax tiġi milqugħa. L-ewwel nett, wieħed għandu jikkonstata li l-ewwel subparagrafu ta' dan l-Artikolu, jirreferi għall-Artikoli 5 u 6 tad-Deċiżjoni. In-nuqqas ta' urġenza sabiex tiġi ordnata s-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta' l-Artikoli 5 u 6 twassal għaldaqstant neċessarjament għaċ-ċaħda tat-talba għas-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta' din id-dispożizzjoni ta' riferiment. It-tieni nett, safejn it-talba għall-proċedura sommarja hija intiża għas-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni, huwa biżżejjed li wieħed jirrileva li Microsoft ma żviluppatx argumenti suffiċjenti sabiex issostni t-talba tagħha u li, f'kull każ, l-effetti tal-projbizzjoni imsemmija f'dan is-subparagrafu jibqgħu f'dan l-istadju purament ipotetiċi.

478   Għaldaqstant it-talba għandha tiġi miċħuda fl-intjerezza tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

jordna dan li ġej:

1)      It-talba għal trattament kunfidenzjali ppreżentata minn Microsoft Corp. hija milqugħa fl-istadju tal-proċedura sommarja;

2)      Audiobanner.com, li qed tidher taħt l-isem kummerċjali VideoBanner, titħalla tintervjeni fil-kawża sabiex issostni t-talbiet tal-Kummissjoni fil-proċedura sommarja.

3)      Computer & Communications Industry Association tiġi mneħħija mill-kawża bħala parti intervenjenti li ssostni t-talbiet tal-Kummissjoni fil-proċedura sommarja.

4)      Novell Inc. tiġi mneħħija mill-kawża bħala parti intervenjenti li ssostni t-talbiet tal-Kummissjoni fil-proċcedura sommarja.

5)      It-talba għal-proċedura sommarja hija miċħuda.

6)      L-ispejjeż huma riżervati.

Mogħti l-Lussemburgu, it-22 ta' Diċembru 2004.

Reġistratur

 

il-President

H. Jung

 

B. Vesterdorf


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.