Language of document : ECLI:EU:T:2021:42

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

27 ta’ Jannar 2021 (*)

“Ambjent – Finanzjament ta’ impjant elettriku bijomassa f’Galicia – Deliberazzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI li tapprova l-finanzjament – Aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali – Artikoli 9 u 10 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus – Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Talba għal eżami mill-ġdid intern – Ċaħda tat-talba bħala inammissibbli – Ammissibbiltà ta’ motiv ta’ difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kunċett ta’ att adottat taħt il-liġi ambjentali – Kunċett ta’ att li jipproduċi effett legalment vinkolanti u estern”

Fil-Kawża T‑9/19,

ClientEarth, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn J. Flynn, QC, H. Leith u S. Abram, barristers,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), irrappreżentat minn G. Faedo u K. Carr, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, avukat,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Blanc u G. Gattinara, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-BEI kkomunikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Ottubru 2018 u li tiċħad bħala inammissibbli t-talba għal eżami mill-ġdid intern tad-deliberazzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI tat‑12 ta’ April 2018 li tapprova l-finanzjament ta’ proġett ta’ impjant elettriku bijomassa f’Galicia (Spanja) li r-rikorrenti kienet ressqet, fid-9 ta’ Awwissu 2018, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2008/50/KE u tat-13 ta’ Diċembru 2007, li tistabbilixxi l-modalitajiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 fir-rigward tat-talba ta’ eżami mill-ġdid intern ta’ atti amministrattivi (ĠU 2008, L 13, p. 24),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn M. Van der Woude, President, V. Tomljenović, F. Schalin, P. Škvařilová-Pelzl (Relatriċi) u I. Nõmm, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑24 ta’ Ġunju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

1        Fil‑25 ta’ Ġunju 1998, il-Komunità Ewropea, li sussegwentement saret l-Unjoni Ewropea, iffirmat f’Aarhus il-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, magħrufa bħala l-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus daħlet fis-seħħ fit‑30 ta’ Ottubru 2001. Sussegwentement, hija ġiet approvata, f’isem il-Komunità, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (ĠU 2005, L 124, p. 1). Minn din id-data, l-Unjoni saret ukoll parti għal din il-konvenzjoni.

2        L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, intitolat “Suġġett”, jistipula li, [s]abiex tikkontribwixxi għall-protezzjoni tad-dritt ta’ kull persuna, fil-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, li tgħix f’ambjent adegwat sabiex jiġu żgurati s-saħħa u l-benesseri tagħha, kull Parti [għall-Konvenzjoni] għandha tiggarantixxi d-drittijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent, ta’ parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali konformement mad-dispożizzjonijiet [tal-]Konvenzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        Skont il-gwida għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, id-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, previst fl-Artikolu 9(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, huwa intiż li jiżgura, b’mod speċifiku, id-drittijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali fil-qasam ambjentali, kif iggarantiti minn din l-istess konvenzjoni. L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, min-naħa tiegħu, jistipula, b’mod iktar ġenerali, li kull parti għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwali previsti mid-dritt intern tagħha jistgħu iniedu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji biex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiksru xi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent.

4        Il-gwida għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tindika wkoll dan li ġej. Il-partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus żammew marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevoli għan-nomina tal-qrati (qorti jew korp amministrattiv) u forom proċedurali (dritt ċivili, amministrattiv jew kriminali per eżempju) li għandhom ikunu aċċessibbli sabiex ikunu jistgħu jiġu kkontestati l-atti u l-ommissjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-obbligu ġenerali stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess konvenzjoni li jiġi stabbilit u li jinżamm qafas preċiż, trasparenti u koerenti, il-partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma għandhom l-ebda ostakolu għall-provvista ta’ proċeduri ta’ reviżjoni differenti għal tipi differenti ta’ atti jew ta’ ommissjonijiet. L-għan ta’ kull proċedura ta’ rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju huwa li jiġu kkoreġuti deċiżjonijiet, atti u ommissjonijiet żbaljati kif ukoll li jinkiseb finalment kumpens għall-ksur tal-liġi. Skont l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandhom jiżguraw li l-istanzi ta’ rimedji joffru rimedji “suffiċjenti u effettivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], inkluż rimedju permezz ta’ ordni jekk ikun meħtieġ. Minbarra li jispeċifika t-tipi ta’ rimedji ġudizzjarji, l-Artikolu 9(4) u (5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jeżiġi li l-partijiet għaliha jiżguraw li l-proċeduri ta’ rimedji msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ikunu “oġġettivi, ekwi u rapidi, mingħajr ma jkunu jinvolvu spejjeż projbittivi” u li dawn ikunu s-suġġett ta’ informazzjoni lill-pubbliku.

 Fuq il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u l-implementazzjoni tal-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus permezz tar-Regolament Aarhus

5        Il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent hija bbażata fuq l-Artikoli 191 sa 193 TFUE kif ukoll fuq l-Artikolu 11 TFUE, li jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli b’mod trasversali.

6        L-Artikolu 191 TFUE jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u jipprevedi sensiela ta’ għanijiet (paragrafu 1), ta’ prinċipji (paragrafu 2) u ta’ kriterji (paragrafu 3) li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu josserva fl-implementazzjoni ta’ din il-politika.

7        Skont l-Artikolu 191(1) TFUE, l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent huma dawn li ġejjin:

–        “salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent

–        ħarsien tas-saħħa tal-bniedem;

–        użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali;

–        promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jitrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b’mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima.”

8        Fil-mument tal-fatti, l-azzjoni konkreta tal-Unjoni kienet prinċipalment ibbażata fuq il-programm ta’ azzjoni għall-ambjent għall-perijodu 2014–2020. Hija kellha tliet għanijiet li kienu, l-ewwel nett, il-preżervazzjoni tal-kapital naturali (fertilità tal-ħamrija, kwalità tal-arja u tal-ilma, bijodiversità, eċċ), it-tieni, it-trasformazzjoni tal-Unjoni f’ekonomija soda tal-karbonju u mkejla fl-użu tagħha tar-riżorsi (trattament tal-iskart, ġlieda kontra l-ħela, riċiklaġġ, eċċ.) u, it-tielet, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-benesseri tal-bniedem (ġlieda kontra t-tniġġis, limitazzjoni tal-prodotti kimiċi, eċċ). Minbarra dawn l-għanijiet, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent kienet dejjem iktar integrata fl-oqsma l-oħra ta’ azzjoni tal-Unjoni. Pereżempju, il-pakkett fuq il-klima u l-enerġija sal-2020, imbagħad l-2030, kien jintegra għanijiet nazzjonali vinkolanti sabiex tiżdied il-parti tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum nazzjonali.

9        L-Artikolu 191(4) TFUE jippreċiża l-portata tal-kompetenza esterna tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent. Huwa jistabbilixxi l-prinċipju ta’ kompetenza konkorrenti tal-Istati Membri u tal-Unjoni sabiex jikkonkludu ftehim internazzjonali fil-qasam tal-ambjent mal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti.

10      Sabiex tilħaq l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, il-Komunità, li sussegwentement saret l-Unjoni, iffirmat il-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

11      Sabiex tiġi implimentata din il-konvenzjoni fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-[Unjoni] tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Aarhus”), li jistabbilixxi b’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(1)(d) tiegħu, “regoli sabiex jiġu applikati d-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni għall-istituzzjonijiet u korpi tal-[Unjoni], partikolarment billi […] jingħata aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fil-livell [tal-Unjoni] taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti [bl-imsemmi] Regolament”. Skont l-Artikolu 14 tiegħu, ir-Regolament Aarhus daħal fis-seħħ fit‑28 ta’ Ġunju 2007.

12      Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Aarhus, kull organizzazzjoni mhux governattiva (NGO) li tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament għandha s-setgħa li tagħti bidu, permezz ta’ talba motivata, għal eżami mill-ġdid intern ta’ att amministrattiv mal-istituzzjoni jew mal-korp tal-Unjoni li adottah abbażi tad-dritt tal-ambjent.

13      Il-premessa (11) tar-Regolament Aarhus tipprevedi li l-atti amministrattivi li għandhom applikazzjoni individwali għandhom ikunu miftuħa għall-possibbiltà ta’ eżami mill-ġdid intern fejn dawn jorbtu legalment u għandhom effetti esterni. F’dan is-sens, l-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus jiddefinixxi l-kunċett ta’ “att amministrattiv” għall-finijiet tal-imsemmi regolament bħala kwalunkwe miżura ta’ ambitu individwali taħt il-liġi ambjentali, meħuda minn xi istituzzjoni jew korp tal-Unjoni, u li għandha effetti esterni u li jorbtu legalment.

14      Il-premessa 10 tar-Regolament Aarhus tindika li, “[f]id-dawl tal-fatt li l-liġi dwar l-ambjent qed tevolvi kontinwament, id-definizzjoni ta’ liġi ambjentali għandha tirriferi għall-għanijiet tal-politika [tal-Unjoni] dwar l-ambjent kif stabbiliti fit-Trattat [FUE]”. F’dan is-sens, l-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Aarhus jiddisponi li, għall-finijiet tal-imsemmi regolament, il-“liġi ambjentali” tfisser kull dispożizzjoni leġiżlattiva tal-Unjoni li, irrispettivament mill-bażi legali tagħha, tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent kif previsti mit-Trattat FUE, jiġifieri l-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali, u l-promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jiġu trattati problemi ambjentali reġjonali jew dinjija.

15      Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Aarhus, l-NGO li tkun għamlet it-talba għal eżami mill-ġdid intern skont l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament tista’ tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat FUE.

16      Fil-premessa 18 tar-Regolament Aarhus, il-leġiżlatur ippreċiża f’dan ir-rigward li, konformement mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u mat-Trattat FUE, l-imsemmi regolament kien intiż li jippermetti li jinbdew proċeduri ġudizzjarji jew proċeduri ta’ rimedji oħra sabiex jiġu kkontestati l-atti u l-ommissjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li jmorru kontra d-dritt tal-ambjent. Barra minn hekk, huwa indika li d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja għandhom ikunu konsistenti mat-Trattat FUE. Fl-aħħar nett, fil-premessi 19 u 21 tar-Regolament Aarhus, il-leġiżlatur ippreċiża li, sabiex jiġu żgurati rimedji ġudizzjarji adegwati u effikaċi, inklużi dawk disponibbli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat FUE, kien meħtieġ li l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni li kien fl-oriġini tal-att ikkontestat jew tal-ommissjoni jkollhom il-possibbiltà li jeżaminaw mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu jew li jaġixxu u li, meta t-talbiet preċedenti għal eżami mill-ġdid intern ma kinux irnexxew, l-ONG ikkonċernata kellha tkun tista’ tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat FUE.

17      Mill-premessi tar-Regolament Aarhus iċċitati fil-punt 16 iktar ’il fuq jirriżulta li, fis-sistema ta’ aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tal-ambjent stabbilita mill-Artikoli 10 sa 12 ta’ dan ir-regolament, l-eżami mill-ġdid intern huwa maħsub bħala proċedura amministrattiva qabel rikors eventwali quddiem il-qorti tal-Unjoni, li għandha tiġi ppreżentata konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat FUE.

18      Barra minn hekk, minn dawn l-istess premessi jirriżulta li l-għan tas-sistema ta’ aċċess għall-ġustizzja stabbilita mill-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament Aarhus huwa intiż biss għall-istħarriġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-ambjent tal-Unjoni.

19      F’dan is-sens, il-punt (1) tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/50/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2007 li tistipula regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament [Aarhus] fir-rigward ta’ talbiet għal reviżjoni interna ta’ l-atti amministrattivi (ĠU 2008, L 13, p. 24), jimponi fuq kull NGO li tressaq talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ att amministrattiv jew b’rabta ma’ ommissjoni, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus, li tippreċiża l-att amministrattiv jew l-ommissjoni amministrattiva allegata li hija s-suġġett tat-talba għal eżami mill-ġdid intern kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li, skont hi, ma ġewx osservati.

 Fuq il-BEI

20      Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa organu tal-Unjoni intiż sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet ta’ din tal-aħħar.

21      Il-BEI għandu, skont l-Artikolu 308 TFUE, personalità ġuridika distinta minn dik tal-Unjoni. Huwa amministrat mill-korpi tiegħu stess. Huwa għandu riżorsi u baġit tiegħu.

22      Skont l-Artikolu 309 TFUE, il-kompitu tal-BEI huwa li jikkontribwixxi, billi jirrikorri għas-swieq kapitali u r-riżorsi tiegħu proprji, għall-iżvilupp ekwilibrat u regolari tas-suq intern fl-interess tal-Unjoni. Għal dan l-għan, huwa jiffaċilita, permezz tal-għoti ta’ self u ta’ garanziji, mingħajr ma jsegwi skop ta’ lukru, il-finanzjament ta’ diversi proġetti fis-setturi kollha tal-ekonomija, b’mod partikolari l-proġetti ta’ interess komuni għal diversi Stati Membri, li, minħabba d-daqs jew in-natura tagħhom, ma jistgħux ikunu kompletament koperti mid-diversi mezzi ta’ finanzjament eżistenti f’kull wieħed mill-Istati Membri.

23      L-Artikolu 7(2) tal-Istatut tal-BEI stabbiliti bil-Protokoll Nru 5 anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Bord tal-Gvernaturi għandu jistabbilixxi d-direttivi ġenerali dwar il-politika ta’ kreditu tal-BEI, konformement mal-għanijiet tal-Unjoni. Konformement mal-Artikolu 7(3)(b) tal-imsemmija statut, għall-finijiet tal-Artikolu 9(1) tagħhom, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiddetermina l-prinċipji applikabbli għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament fil-kuntest tal-missjoni tal-BEI.

24      Skont l-Artikolu 9(1) tal-Istatut tal-BEI, il-Bord tad-Diretturi tal-BEI għandu jikkontrolla l-ġestjoni tajba tiegħu u jiżgura l-konformità tal-ġestjoni tiegħu mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u tal-Istatut u d-direttivi ġenerali stabbiliti mill-Bord tal-Gvernaturi. Huwa jiddeċiedi dwar l-għoti ta’ finanzjamenti u jiffissa r-rata tal-interessi tas-self.

25      Ir-regoli interni tal-BEI, fil-verżjoni tagħhom applikabbli f’dan il-każ, jiġifieri dik li tirriżulta mill-emendi tal‑20 ta’ Jannar 2016 (ĠU 2016, L 127, p. 55), jippreċiżaw, fl-Artikolu 18 tagħhom, li, konformement mal-Artikolu 9(1) tal-Istatut tal-BEI, il-Bord tad-Diretturi għandu jiddefinixxi, fuq proposta tal-Kumitat ta’ Tmexxija, it-termini u l-kundizzjonijiet li jikkostitwixxu l-qafas ġenerali tal-finanzjamenti, b’mod partikolari billi japprova l-kriterji għall-iffissar tar-rati ta’ interessi. Huwa għandu jadotta, fuq proposta mill-Kumitat ta’ Tmexxija, id-deċiżjonijiet ta’ politika ġenerali dwar it-tmexxija tal-BEI. Huwa għandu japprova l-operazzjonijiet ta’ finanzjament proposti mill-Kumitat ta’ Tmexxija; B’mod ġenerali, il-Bord tad-Diretturi għandu jiżgura l-amministrazzjoni tajba tal-BEI, l-osservanza tat-Trattat FUE, tal-Istatut tal-BEI, tad-direttivi tal-Bord tal-Gvernaturi u tat-testi l-oħra li jirregolaw l-attività tal-BEI fil-kuntest tal-missjoni fdata lilu mit-Trattat FUE.

26      L-Artikolu 16(1) tal-Istatut tal-BEI jipprovdi li dan għandu jagħti finanzjamenti, fil-kuntest tal-mandat iddefinit fl-Artikolu 309 TFUE.

27      Skont l-Artikolu 19(3) tal-Istatut tal-BEI, il-Bord tad-Diretturi għandu jiddeċiedi dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament ippreżentati lilu mill-Kumitat ta’ Tmexxija, li għandu, konformement mal-Artikolu 11(3) ta’ dawn l-istess statut, rwol ta’ preparazzjoni u ta’ eżekuzzjoni dwar il-konklużjoni ta’ self u l-għoti ta’ finanzjamenti, b’mod partikolari fil-forma ta’ krediti u ta’ garanziji.

28      Id-dikjarazzjoni tal-prinċipji u tar-regoli fil-qasam soċjali u ambjentali, approvata mill-Kunsill ta’ Amministrazzjoni fit‑3 ta’ Frar 2009 (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal‑2009”), u l-istrateġija ta’ azzjoni għall-klima, intiża għall-mobilizzazzjoni tal-finanzjament għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx tal-karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, adottata mill-BEI fit‑22 ta’ Settembru 2015 (iktar ’il quddiem l-“istrateġija klima”), jiddefinixxu l-għanijiet tal-attività ta’ self u l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-proġetti li jirrigwardaw l-ambjent.

29      Fil-punt 22 tal-istrateġija klima, il-BEI jindika dan li ġej:

“Bħala bank tal-U[njoni], il-BEI għandu l-missjoni li jappoġġja l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni, li jikkonsistu b’mod partikolari fil-promozzjoni tal-innovazzjoni u tal-kompetenzi, l-aċċess għall-finanzjamenti għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, l-infrastrutturi strateġiċi u l-azzjoni favur il-klima. Il-BEI jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, li kollha huma marbuta bejniethom, permezz tal-attivitajiet ta’ self tiegħu, ta’ firxa ta’ riżorsi (assoċjazzjoni ta’ finanzjamenti tal-BEI ma’ sorsi oħra ta’ fondi) u ta’ konsulenza. Il-konformità mal-politika rilevanti, il-kwalità tal-portafoll u s-solidità tad-deċiżjonijiet ta’ finanzjament għandhom jiġu żgurati permezz ta’ proċedura sħiħa ta’ verifika minn qabel li tapplika għall-proġetti kollha sostnuti mill-BEI […]. Fil-qasam tal-azzjoni favur il-klima, il-politiki u l-istrumenti klimatiċi tal-U[njoni], bħalma hija l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet […], l-istrateġija ta’ adattament għall-bidla fil-klima jew inkella l-qafas għall-klima u l-enerġija għall-orizzont 2030, huma integrati fil-prattiki u proċeduri operattivi rilevanti li jorjentaw id-deċiżjonijiet ta’ finanzjament. Il-[BEI] għandu wkoll jikkontribwixxi permezz tal-azzjoni tiegħu għat-twettiq ta’ pjanijiet fuq żmien twil bħall-Unjoni Ewropea tal-enerġija jew it-trajettorja ta’ dekarbonizzazzjoni mmarkata mill-[Grupp ta’ esperti intergovernattiv dwar l-iżvilupp tal-klima jew] GIEC, li tgħid li l-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra għandhom jilħqu l-massimu tagħhom sa mhux iktar tard mill-2020, jitnaqqsu b’mill-inqas 50 % minn issa sal-2050 meta mqabbla mal-livell tal‑1990 u għandhom ikunu kważi nulli jew negattivi minn issa sal‑2100 sabiex it-tisħin globali jkun jista’ jinżamm taħt il-livell ta’ 2 [gradi Celsius].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

30      Il-punt 36 tal-istrateġija klima jesponi li l-BEI ser ikompli jiddedika mill-inqas 25 % tal-finanzjament tiegħu għal proġetti li jsostnu espressament l-azzjoni favur il-klima. Lil hinn mill-approċċ settorjali tradizzjonalment segwit sabiex jiġu identifikati l-proġetti li jaqgħu taħt l-azzjoni għall-klima, il-punt 39 tal-istrateġija klima jipprevedi teħid inkunsiderazzjoni iktar iddettaljat tal-effett tal-proġetti sabiex tissaħħaħ il-kontribuzzjoni globali tal-BEI.

31      Il-punt 24 tal-istrateġija klima jitlaq mill-konstatazzjoni li mhux is-setturi kollha għandhom l-istess effett fuq il-klima u li l-iktar setturi rilevanti minħabba l-finanzjamenti tal-BEI li jirrappreżentaw u t-tip ta’ proġetti kkonċernati huma s-setturi tal-enerġija u tat-trasport. Huwa jesponi li element importanti tal-kriterji ta’ selezzjoni u ta’ evalwazzjoni għall-proġetti tal-enerġija huwa l-applikazzjoni ta’ standard ta’ emissjonijiet għall-proġetti ta’ produzzjoni tal-elettriku. Dan l-istandard jippermetti li jiġu esklużi l-proġetti li l-emissjonijiet tagħhom mistennija ma humiex konformi mal-għanijiet tal-Unjoni, filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika. Fil-każijiet kollha, għandha tingħata prijorità lill-proġetti tal-effiċjenza tal-enerġija.

32      Il-punt 47 tal-istrateġija klima jindika li għandha tiġi stabbilita tipoloġija ta’ proġetti b’impatt qawwi għal kull settur, billi jiġu eżaminati l-pjanijiet direzzjonali għad-dekarbonizzazzjoni eżistenti fis-setturi kkunsidrati jew ukoll l-intensitajiet tal-karbonju ta’ dawn tal-aħħar. Fi ħdan l-Unjoni, il-politiki ddefiniti mill-Unjoni u mill-Istati Membri, li fosthom hemm b’mod partikolari viżjoni fit-tul tal-Unjoni għal kumpannija b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju u kapaċi tirreżisti għat-tibdil fil-klima, jew il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali favur l-enerġija rinnovabbli u l-programmi ta’ adattament, għandhom iservu ta’ punti ta’ riferiment prinċipali bħala pjanijiet direzzjonali.

33      Barra minn hekk, il-punt 72 tal-istrateġija klima jippreċiża li l-evalwazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra hija użata wkoll għall-analiżi tal-prestazzjoni tal-proġetti ta’ produzzjoni tal-elettriku fil-qasam tal-emissjonijiet kif ukoll sabiex jiġi vverifikat l-effett tal-proġetti idroelettriċi u bijoenerġetiċi fuq il-klima. Konsegwentement, l-eżattezza, il-koerenza u l-komparabbiltà ta’ dawn l-evalwazzjonijiet jikkostitwixxu elementi importanti tal-proċedura ta’ verifika preliminari.

34      Id-dikjarazzjoni tal‑2009 timponi l-osservanza ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà ambjentali u soċjali għall-finanzjamenti kollha mogħtija mill-BEI. Hija tindika li, sabiex jinkiseb finanzjament, proġett huwa meqjus li jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ wieħed jew iktar mill-għanijiet tal-politika tal-Unjoni, bħall-provvista ta’ tweġiba xierqa għat-theddida tat-tibdil fil-klima, permezz ta’ investimenti li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tiegħu jew intiżi sabiex jadattaw ruħhom għalih, b’mod partikolari billi jsostnu proġetti dwar l-effiċjenza tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, l-enerġija li tniġġes inqas jew is-sekwestru tal-karbonju, jew il-kontribuzzjoni għal ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali (punt 10). Skont id-dikjarazzjoni tal-2009, il-BEI jinkoraġġixxi s-settur tal-enerġija rinnovabbli, huwa jenfasizza l-effikaċità enerġetika fil-proġetti kollha li huwa jiffinanzja, u l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tiegħu jissodisfaw il-prijoritajiet oħra ta’ investiment tal-Unjoni fil-qasam tal-klima (punt 77). Barra minn hekk, il-BEI jipprova jiffavorixxi użu kontinwu tal-art, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-foresti, li huwa jirrikonoxxi l-importanza u l-kontribuzzjoni tagħhom għat-tnaqqis tal-bidla fil-klima, għall-adattament għal dawn il-bidliet u għall-protezzjoni tad-diversità bijoloġika (punt 77).

35      Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tal-2009 teżiġi li l-proġetti ffinanzjati mill-BEI josservaw ir-regoli ambjentali ġenerali stabbiliti minn dan tal-aħħar, li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u jistgħu jiġu kkompletati, jekk ikun il-każ, minn prattiki internazzjonali tajbin jew standards iktar stretti imposti mill-BEI (punti 31 u 32). Hija teżiġi wkoll l-osservanza ta’ standards proċedurali, bħad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), kif emendata (punt 35, li madankollu tikkonċerna d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1985, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), li sussegwentement ġiet imħassra bid-Direttiva 2011/92).

36      Fl-aħħar nett, skont il-punti 78 u 82 tar-rapport tal‑2009, il-BEI jinkariga ruħu b’mod attiv li jidentifika u jippromwovi l-proġetti li jwasslu għal tnaqqis sinjifikattiv tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, skont metodi li huwa jistudja u jiżviluppa f’kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra, u jieħu inkunsiderazzjoni wkoll dawn il-vantaġġi fl-analiżi finanzjarja u ekonomiċi tiegħu.

 Fuq il-proġett Curtis u l-finanzjament tiegħu mill-BEI

37      Il-proġett ta’ kostruzzjoni, fil-komun ta’ Curtis (Teixeiro), fil-provinċja ta’ La Coruña f’Galicia (Spanja), ta’ impjant bijomassa ta’ produzzjoni tal-elettriku ta’ kapaċità ta’ madwar 50 megawatt elettriċi mħaddma mill-iskart forestali miġbur f’radjus ta’ 100 km (iktar ’il quddiem il-“proġett Curtis”) kien fost ir-rebbieħa ta’ għoti ta’ proġetti ta’ enerġiji rinnovabbli organizzat mir-Renju ta’ Spanja fl-2016.

38      Fl-aħħar tal-2016, il-promotur tal-proġett Curtis ikkuntattja lis-servizzi tal-BEI sabiex jippreżenta l-karatteristiċi tekniċi tiegħu u jibda diskussjonijiet dwar il-possibbiltà li jikseb finanzjament min-naħa tiegħu.

39      Abbażi tal-informazzjoni disponibbli u tar-riżultat tad-diskussjonijiet mal-promotur, is-servizzi tal-BEI qablu fuq nota ta’ informazzjoni preliminari dwar il-proġett Curtis.

40      Fl‑4 ta’ Diċembru 2017, il-kumitat ta’ tmexxija tal-BEI approva n-nota ta’ informazzjoni preliminari li tawtorizza s-servizzi li jibdew uffiċjalment il-proċedura ta’ investigazzjoni tal-proġett Curtis.

41      Fit‑13 ta’ Diċembru 2017, id-deskrizzjoni tal-proġett Curtis ġiet ippubblikata fis-sit internet tal-BEI, konformement mar-rekwiżiti tal-politika ta’ trasparenza tal-grupp BEI, li tinkludi l-BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment. Fiha kien indikat li l-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli kienet tipparteċipa għall-għan tal-Unjoni intiż sabiex jittaffew l-effetti tal-bidla fil-klima. Billi jiggarantixxi t-talba għal residwi ta’ injam tal-foresti, il-proġett kellu jippermetti li jitnaqqsu l-effetti ta’ nirien fil-foresti f’Galicia u jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tal-attivitajiet forestali ta’ dan ir-reġjun u tal-attività ekonomika tiegħu b’mod ġenerali.

42      Fil-15 ta’ Diċembru 2017, il-BEI talab lill-Kummissjoni Ewropea tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-proġett Curtis, kif jipprevedi l-Artikolu 19 tal-Istatut tal-BEI. Fit-12 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni bagħtet lill-BEI opinjoni favorevoli dwar il-proġett Curtis.

43      Fit-18 ta’ Diċembru 2017, il-BEI talab l-opinjoni tar-Renju ta’ Spanja, konformement mal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-BEI. Dan tal-aħħar bagħat avviż ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni fl‑20 ta’ Diċembru 2017.

44      Waqt laqgħa tal‑20 ta’ Marzu 2018, il-kumitat ta’ tmexxija approva s-sottomissjoni, lill-Bord tad-Diretturi, ta’ proposta ta’ finanzjament tal-proġett Curtis, bir-referenza “Doc 18/291” (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ finanzjament”), dwar ir-riżorsi proprji tal-BEI u s-sottomissjoni, lill-Kumitat ta’ Investiment tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), ta’ talba ta’ garanzija tal-Unjoni għal dan l-istess proġett, sa fejn dan kien jippreżenta profil ta’ riskju speċifiku u kien ikkunsidrat, f’dan ir-rigward, bħala attività speċjali fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(3) tal-Istatut tal-BEI.

45      Waqt laqgħa tad‑9 ta’ April 2018, il-kumitat ta’ investiment tal-FEIS approva l-użu tal-garanzija tal-Unjoni għall-proġett Curtis.

46      Permezz ta’ deliberazzjoni adottata waqt laqgħa li nżammet fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu) fit‑12 ta’ April 2018 (iktar ’il quddiem id-“deliberazzjoni kontenzjuża”), il-Bord tad-Diretturi approva l-proposta ta’ finanzjament, fil-forma ta’ self li kellu jingħata lil entità ad hoc, imsejħa “Special Purpose Vehicle”, għal ammont massimu ta’ EUR 60 miljun. Id-deliberazzjoni kontenzjuża ġiet irreġistrata fil-minuti tal-laqgħa.

47      Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ April 2018, il-BEI informa lill-promotur bid-deliberazzjoni kontenzjuża, billi semma li l-approvazzjoni preliminari tal-finanzjament tal-proġett Curtis ma kienet toħloq ebda obbligu fuq il-BEI li jagħti s-self, iżda kienet tippermetti lill-promotur jieħu l-miżuri neċessarji fid-dawl tal-formalizzazzjoni tal-imsemmi self.

48      Fit‑28 ta’ Ġunju 2018, id-deliberazzjoni kontenzjuża ġiet ippubblikata fis-sit internet tal-BEI.

49      Id-dettalji tal-modalitajiet u tal-kundizzjonijiet tal-finanzjament tal-proġett Curtis ġie nnegozjat bejn il-promotur u d-diversi kerrejja, li kellhom, minbarra l-BEI, bank kummerċjali, organu ta’ kreditu għall-esportazzjoni, bank nazzjonali ta’ promozzjoni ekonomika u persuna li ssellef. Ladarba l-arranġamenti definittivi miftiehma bejn il-partijiet kollha u d-diversi rapporti ta’ verifika mitmuma, ir-riżultat tan-negozjati u tal-proċedura ta’ verifika ġie ppreżentat lill-Kumitat ta’ Tmexxija f’nota finali approvata minn dan tal-aħħar fis‑16 ta’ Lulju 2018.

50      Fit-23 ta’ Lulju 2018, is-servizzi tal-BEI ffirmaw ftehim intern dwar il-modalitajiet tal-kuntratt ta’ finanzjament tal-proġett Curtis. Id-dokumentazzjoni kuntrattwali relatata miegħu ġiet iffirmata fil-25 ta’ Lulju 2018.

51      L-ewwel ħlas marbut mal-finanzjament tal-BEI sar fid‑29 ta’ Awwissu 2018. Kien previst li l-kostruzzjoni tal-proġett Curtis titlesta qabel l-aħħar tas-sena 2019. Kif indika l-BEI waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija orali tal-Qorti Ġenerali, l-eżekuzzjoni tal-proġett Curtis qiegħda sseħħ normalment minn dak iż-żmien.

 Fuq ir-rikorrenti u l-kontestazzjoni minnha tal-finanzjament tal-proġett Curtis

52      Ir-rikorrenti, ClientEarth, hija NGO li taħdem għall-protezzjoni tal-ambjent.

53      Fid‑9 ta’ Awwissu 2018, l-appellanti ressqet quddiem il-BEI talba għal eżami mill-ġdid intern tad-deliberazzjoni kontenzjuża, konformement mal-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus u tad-Deċiżjoni 2008/50.

54      It-talba għal eżami mill-ġdid intern kienet ibbażata fuq diversi motivi, formali jew fuq il-mertu. Fuq il-mertu u sa fejn id-deliberazzjoni kontenzjuża setgħet tkun ibbażata fuq ir-raġunament li jinsab fil-proposta ta’ finanzjament, ir-rikorrenti kkritikat b’mod partikolari lill-Bord tad-Diretturi talli, fid-deliberazzjoni kontenzjuża, wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li l-proġett Curtis kien ser jikkontribwixxi ħafna għall-politika tal-Unjoni billi jissodisfa tlieta mill-għanijiet segwiti minnha.

55      Qabel kollox, ir-rikorrenti kkontestat il-konklużjoni li l-proġett Curtis kien jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ għanijiet Spanjoli u Ewropej fil-qasam tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, tas-sigurtà tal-enerġija u tal-għanijiet ambjentali. Fir-rigward tal-kontribuzzjoni għat-twettiq ta’ għanijiet Spanjoli u Ewropej fil-qasam tal-produzzjoni ta’ enerġiji rinnovabbli, hija osservat li din bl-ebda mod ma kienet sostnuta, filwaqt li l-proposta ta’ finanzjament kienet turi li kien jeżisti riskju sinjifikattiv li l-injam kollu użat bħala kombustibbli fl-impjant bijomassa ma jissodisfax l-istandards ta’ sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16). Fir-rigward tal-kontribuzzjoni għat-twettiq ta’ għan ta’ sigurtà enerġetika, ir-rikorrenti osservat li din kienet kontradetta mill-konstatazzjoni, li tinsab fil-proposta ta’ finanzjament, li, sa fejn is-suq Spanjol tal-elettriku kien ikkaratterizzat minn kapaċità żejda sinjifikattiva, il-proġett ikollu valur ekonomiku dgħajjef għas-sistema ġenerali tal-elettriku. Fir-rigward ta’ kontribuzzjoni għat-twettiq ta’ għanijiet ambjentali, ir-rikorrenti sostniet li din bl-ebda mod ma kienet issostanzjata, filwaqt li r-rendiment elettriku tal-proġett kien żgħir wisq sabiex jikkontribwixxi realment għall-għanijiet ta’ produzzjoni ta’ enerġiji rinnovabbli.

56      Sussegwentement, ir-rikorrenti kkontestat il-konklużjoni li l-proġett Curtis kien ser jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti u għas-sostenibbiltà tal-attivitajiet forestali f’Galicia. Hija sostniet li din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Ley 7/2012 de montes de Galicia (Liġi 7/2012 tar-Reġjun ta’ Galicia) tat‑28 ta’ Ġunju 2012 (BOE Nru 217, tat‑8 ta’ Settembru 2012, p. 63275), u evalwazzjoni żbaljata tal-effetti reali tal-impjant bijomassa fuq l-attivitajiet forestali f’Galicia, li setgħu, fil-prattika, iwasslu sabiex jiżdied ir-riskju ta’ nirien billi jiffavorixxu l-monokultura forestali.

57      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti kkontestat il-konklużjoni li l-proġett Curtis huwa konformi mal-prijoritajiet tal-BEI fil-qasam tas-self favur l-enerġija rinnovabbli u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Hija osservat li din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq analiżi żbaljata li kienet tissopravaluta r-rendiment elettriku tal-proġett Curtis jew il-vantaġġi ambjentali assoċjati mal-imsemmi proġett, filwaqt li ssottovalutat ċerti riskji sinjifikattivi li jistgħu jaffettwaw il-vijabbiltà jew it-terminu ta’ implimentazzjoni ta’ dan l-istess proġett kif ukoll l-impatt tiegħu fuq l-ambjent, bħaż-żieda tal-qtil tas-siġar f’Galicia, li wassal b’mod partikolari sabiex jiġi ddubitat li l-proġett Curtis għandu bilanċ pożittiv f’termini ta’ gass serra.

58      Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Ottubru 2018, iffirmata mis-segretarju ġenerali tiegħu u mill-assistent kap tas-servizz ġuridiku tiegħu, il-BEI informa lir-rikorrenti biċ-ċaħda tat-talba għal eżami mill-ġdid intern tad-deliberazzjoni kontenzjuża bħala inammissibbli, minħabba li din it-talba ma kinitx tirrigwarda att li jista’ jkun is-suġġett ta’ eżami intern mill-ġdid, jiġifieri “att amministrattiv” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”).

59      Fl-att ikkontestat, l-ewwel nett, il-BEI sostna li d-deliberazzjoni kontenzjuża ma kinitx tipproduċi effetti esterni legalment vinkolanti u ma setgħetx toħloq drittijiet għal terzi. Din id-deliberazzjoni kkostitwixxiet biss att intern, fis-sens tal-Artikoli 9 u 19 tal-Istatut tal-BEI, indispensabbli sabiex ikun jista’ jiġi ffirmat il-kuntratt ta’ finanzjament korrispondenti, iżda mhux neċessarjament twassal għal tali firma, u lanqas ma ħolqot, għall-kontroparti, dritt li tintalab tali firma. Tali deċiżjoni ma kinitx komparabbli ma’ deċiżjoni ta’ għoti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, għaliex ma kinitx taqa’ taħt proċedura rregolata mid-dritt tal-kuntratti pubbliċi jew paragunabbli ma’ sejħa għal offerti pubblika, iżda taqa’ taħt is-setgħa kummerċjali u politika diskrezzjonali li l-BEI jibbenefika minnha skont it-trattati u l-istatut tiegħu.

60      It-tieni, il-BEI argumenta li d-deliberazzjoni kontenzjuża ma kinitx ġiet adottata “taħt il-liġi ambjentali” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Aarhus, li jiddefinixxi l-“liġi ambjentali” bħala “leġislazzjoni […] li, irrispettivament mill-bażi legali tagħha, tikkontribwixxi għall-kisba ta’ l-għanijiet tal-politika [tal-Unjoni] dwar l-ambjent kif stabbiliti fit-Trattat […]”.

61      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-proġett Curtis kien jibbenefika mill-garanzija tal-Unjoni pprovduta mill-FEIS, skont ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-[FEIS], iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-[FEIS] (ĠU 2015, L 169, p. 1), fatt li, fil-fehma tagħha, kien jimponi l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet ambjentali, marbuta mal-imsemmi proġett, il-BEI argumenta li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-għoti tal-garanzija tal-Unjoni għal proġett iffinanzjat minnu kienx biżżejjed sabiex dan il-finanzjament jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-“liġi ambjentali”, id-deċiżjoni ta’ għoti ta’ tali garanzija ma ttiħditx mill-Bord tad-Diretturi tiegħu iżda mill-kumitat ta’ investiment tal-FEIS.

62      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li hija kienet intrabtet li tippromwovi l-għanijiet ambjentali fil-kuntest tal-varar tar-riżorsi proprji tagħha, il-BEI sostna li tali impenn ma kienx suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-finanzjament tal-proġett Curtis jew kull finanzjament ieħor ta’ proġett approvat konformement mal-Istatut tal-BEI kienu, ipso facto, approvati minnu abbażi tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni. Tali argument jestendi artifiċjalment il-limiti tal-“leġiżlazzjoni tal-Unjoni” lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Aarhus u b’mod inkompatibbli mar-rwol istituzzjonali u mal-missjoni legali tal-BEI.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

63      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti fetħet din il-kawża.

64      Fit‑22 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

65      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ April 2019, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-BEI. Ir-rikorrenti rrinunzjat li tagħmel osservazzjonijiet dwar l-imsemmija talba, fil‑11 ta’ April 2019, filwaqt li l-BEI indika, fid‑29 ta’ April 2019, li ma kellux osservazzjonijiet dwar din l-istess talba. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Mejju 2019, il-Presidenta tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqgħet dan l-intervent.

66      Fis‑7 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

67      Il-Kummissjoni ppreżentat nota ta’ intervent fis‑17 ta’ Ġunju 2019.

68      Fit‑3 ta’ Lulju 2019, il-BEI ppreżenta l-kontroreplika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

69      Fit‑3 ta’ Lulju u fit‑8 ta’ Lulju 2019, rispettivament, il-BEI u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni.

70      Skont l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreżentat, fl‑4 ta’ Awwissu 2019, teħid ta’ pożizzjoni mmotivata dwar iż-żamma ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali.

71      Minħabba t-tiġdid parzjali tal-Qorti Ġenerali, din il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatriċi ġdida li hija preżenti fit-Tieni Awla.

72      Fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża lura quddiem kulleġġ ġudikanti estiż. Barra minn hekk, minħabba l-impediment ta’ membru tal-Awla, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar lilu nnifsu, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jikkompleta l-awla f’din il-kawża. Konformement mal-Artikolu 10(5) tal-imsemmi regolament, huwa ħa wkoll il-presidenza tal-awla f’din il-kawża.

73      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

74      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmulin mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tal‑24 ta’ Ġunju 2020.

75      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-att ikkontestat;

–        tikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż.

76      Il-BEI, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

77      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv, fuq il-mertu, huwa maqsum f’żewġ partijiet u huwa bbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament Aarhus. Permezz ta’ dan l-ewwel motiv, ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-BEI talli, bl-adozzjoni tal-att ikkontestat, wettaq applikazzjoni żbaljata, fir-rigward tad-deliberazzjoni kontenzjuża, ta’ ċerti kundizzjonijiet meħtieġa sabiex att ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “att amministrattiv” fis-sens tal-Artikolu 2(1) (g) ta’ dan l-istess regolament. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

78      Il-BEI, sostnut mill-Kummissjoni, jistieden lill-Qorti Ġenerali, qabel ma teżamina ż-żewġ motivi mressqa mir-rikorrenti, tikkonstata li r-rikors huwa infondat, sa fejn it-talba għal eżami mill-ġdid intern tad-deliberazzjoni kontenzjuża kienet ukoll inammissibbli minħabba li din kienet inkompatibbli mal-indipendenza li l-BEI kellu fil-qasam tal-operazzjonijiet finanzjarji tiegħu. Barra minn hekk, huwa jitlob li r-rikors jiġi miċħud minħabba li ż-żewġ motivi invokati insostenn tiegħu huma infondati. Il-Kummissjoni tindika li ssostni, b’mod partikolari, l-argumenti li l-BEI jikkontesta l-ewwel motiv ta’ annullament.

79      Qabel ma jiġu eżaminati ż-żewġ motivi ta’ annullament imqajma mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha, hemm lok li jiġi eżaminat il-motiv ta’ difiża mressaq mill-BEI.

 Fuq il-motiv ta’ difiża mressaq mill-BEI

80      Il-BEI, sostnut mill-Kummissjoni, jistieden lill-Qorti Ġenerali, qabel ma teżamina ż-żewġ motivi mressqa mir-rikorrenti, tikkonstata li r-rikors huwa infondat, sa fejn it-talba għal eżami mill-ġdid intern tad-deliberazzjoni kontenzjuża kienet ukoll inammissibbli minħabba li din kienet inkompatibbli mal-indipendenza li l-BEI kellu fil-qasam tal-operazzjonijiet finanzjarji tiegħu.

81      Ir-rikorrenti toġġezzjona li, fl-att ikkontestat, il-BEI ma invoka, fir-rigward tat-talba għal eżami mill-ġdid intern tad-deliberazzjoni kontenzjuża, l-ebda motiv ta’ inammissibbiltà bbażat fuq in-natura inkompatibbli ta’ din it-talba mal-indipendenza li hija tgawdi fil-qasam tal-operazzjonijiet finanzjarji tagħha, b’tali mod li hija ma tistax tinvoka tali motiv, bħala motiv ta’ difiża, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

82      Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-BEI, billi ma semmiex dan l-aspett fl-att ikkontestat, kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqu, kif ġie rrilevat fil-kuntest tat-tieni motiv tar-rikors.

83      Sa fejn il-BEI jinvoka l-awtonomija u l-indipendenza tiegħu sabiex jirrispondi għall-motivi ta’ annullament tiegħu, ir-rikorrenti ssostni li l-argument tiegħu huwa eċċessiv, infondat u li diġà ġie miċħud diversi drabi mill-qorti tal-Unjoni.

84      Bi tweġiba għall-argumenti tar-rikorrenti, il-BEI jsostni li huwa ammissibbli li jressaq motiv ġdid ta’ inammissibbiltà tat-talba għal eżami mill-ġdid intern tad-deliberazzjoni kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali, għaliex dan il-motiv sempliċement isaħħaħ il-pożizzjoni li huwa diġà espona fl-att ikkontestat, li l-imsemmija talba kienet inammissibbli, u huwa intiż sabiex jirrispondi għall-argumenti mressqa fir-rikors, konformement mal-prinċipji tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet u tal-kontradittorju.

85      Barra minn hekk, huwa jikkontesta li kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni, minħabba li huwa ma kienx obbligat jantiċipa u jippreċiża, fl-att ikkontestat, l-argumenti kollha li huwa seta’ jiżviluppa fil-kuntest ta’ rikors eventwali kontra l-imsemmi att. Għall-ewwel darba bi tweġiba għal mistoqsija orali tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-BEI jsostni li essenzjalment qajjem, fl-att ikkontestat, motiv ta’ inammissibbiltà bbażat fuq in-natura inkompatibbli tat-talba għal eżami mill-ġdid intern mal-indipendenza li huwa għandu fil-qasam tal-operazzjonijiet finanzjarji tiegħu, billi invoka, minn naħa, fis-sitt paragrafu tal-imsemmi att, li “kull deċiżjoni tal-BEI li tappoġġja jew le proġett potenzjalment eliġibbli, u, jekk ikun il-każ, il-forma ta’ dan is-sostenn, taqa’ taħt is-setgħa kummerċjali u politika diskrezzjonali rrikonoxxuta mill-[BEI] mit-trattati u l-istatut” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, min-naħa l-oħra, fit-tmien paragrafu tal-istess att, li l-pożizzjoni difiża mir-rikorrenti twassal għal sitwazzjoni li “ma tkunx iktar kompatibbli la mar-rwol istituzzjonali tal-BEI u lanqas mal-missjoni li hija imposta fuqu skont l-[i]statut tiegħu”.

86      F’dan il-każ, fid-dawl tal-oġġezzjonijiet ifformulati mir-rikorrenti fir-rigward ta’ dan il-motiv ta’ difiża tal-BEI, għandha l-ewwel nett tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

87      Qabelxejn, għandu jitfakkar li d-dritt għal amministrazzjoni tajba previst mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jinkludi b’mod partikolari, skont il-paragrafu 2(c) tal-istess artikolu, l-obbligu għall-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha. Konformement mal-Artikolu 296 TFUE, l-atti adottati mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom ikunu mmotivati. L-Artikolu 10(2) tar-Regolament Aarhus jipprovdi wkoll li l-pożizzjoni bil-miktub meħuda mill-istituzzjoni jew mill-korp tal-Unjoni li quddiemu titressaq talba għal eżami intern mill-ġdid ta’ wieħed mill-atti tiegħu għandha tkun immotivata. Din il-motivazzjoni għandha tippermetti lill-applikant jifhem ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-istituzzjoni jew tal-korp kompetenti (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża TestBioTech et vs Il‑Kummissjoni, C-82/17 P, EU:C:2018:837, punt 49).

88      Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-motivazzjoni rispettiva tagħha ma’ dik tal-awtur tal-att ikkontestat u ma tistax timla, permezz tal-motivazzjoni rispettiva tagħha, lakuna fil-motivazzjoni ta’ dan l-att, b’tali mod li l-eżami tagħha ma jkun jorbot ma’ ebda evalwazzjoni li tinsab f’dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, UEFA vs Il‑Kummissjoni, C‑201/11 P, EU:C:2013:519, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      F’dan il-każ, kif jirriżulta b’mod ċar mir-raba’ paragrafu tiegħu, l-att ikkontestat kien ibbażat biss fuq motiv ta’ inammissibbiltà bbażat fuq il-fatt li d-deliberazzjoni kkontestata ma kinitx “att amministrattiv” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus. Barra minn hekk, mill-ħames u mis-seba’ paragrafi tal-imsemmi att jirriżulta b’mod ċar li l-imsemmi motiv kien ibbażat huwa stess fuq żewġ sottomotivi, jiġifieri, l-ewwel nett, li d-deliberazzjoni kkontestata ma kienet tipproduċi ebda effett legalment vinkolanti u estern u, it-tieni, li din l-istess deliberazzjoni ma kinitx ġiet adottata “taħt il-liġi ambjentali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Aarhus.

90      Huwa biss fil-kuntest tal-eżami ta’ dawn iż-żewġ sottomotivi, u mhux ta’ motiv awtonomu, li, sabiex tiġi miċħuda l-interpretazzjoni kuntrarja tal-kunċett ta’ “att amministrattiv”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus, imressqa mir-rikorrenti, il-BEI invoka, b’mod vag u ġenerali, is-setgħa kummerċjali u politika diskrezzjonali li hija rrikonoxxuta lilu mit-Trattati u mill-istatut tiegħu kif ukoll ir-rwol istituzzjonali tiegħu u l-missjoni tiegħu skont l-imsemmija statut.

91      L-eżami tal-mertu ta’ dan il-motiv ta’ difiża jesponi għalhekk lill-Qorti Ġenerali sabiex tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha għal dik adottata mill-BEI fl-att ikkontestat, ħaġa li ma hijiex awtorizzata tagħmel. F’dan il-każ, kieku l-BEI ried jibbaża legalment id-deċiżjoni tiegħu fuq motiv awtonomu addizzjonali, huwa kien ikollu jirtira l-att ikkontestat u jadotta att ġdid, b’mod partikolari bbażat fuq l-imsemmi motiv.

92      Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti, għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli l-motiv ta’ difiża mressaq mill-BEI, ibbażat fuq il-fatt li t-talba għal eżami mill-ġdid intern tad-deliberazzjoni kontenzjuża kienet inammissibbli minħabba li din kienet inkompatibbli mal-indipendenza li l-BEI kellu fil-qasam tal-operazzjonijiet finanzjarji tiegħu.

 Fuq il-mertu tar-rikors

93      Fir-rigward taż-żewġ motivi ta’ annullament invokati insostenn tar-rikors, it-tieni wieħed jirrigwarda l-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali applikabbli għall-att ikkontestat, jiġifieri l-obbligu li l-imsemmi att jiġi mmotivat, filwaqt li l-ewwel wieħed, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament Aarhus li jivvizzja l-att ikkontestat, jirrigwarda l-legalità fil-mertu tiegħu.

94      Peress li l-qorti tal-Unjoni ma hijiex f’pożizzjoni li teżerċita stħarriġ fuq il-mertu ta’ att jekk il-motivazzjoni ta’ dan l-att ma hijiex suffiċjenti fuq punt essenzjali tar-raġunament li ddeterminat l-għażla tal-awtur tiegħu, hija għandha tivverifika n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tal-att qabel ma tindirizza l-motivi mressqa mill-partijiet sabiex jikkontestaw il-fondatezza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2009, Tirrenia di Navigazione et vs Il‑Kummissjoni, T‑265/04, T‑292/04 u T‑504/04, mhux ippubblikata, EU:T:2009:48, punti 98 u 99).

95      Għal dawn il-motivi, hemm lok, f’dan il-każ, li jiġi eżaminat it-tieni motiv tar-rikors qabel l-ewwel wieħed.

 Dwar it-tieni motiv tar-rikors, rigward ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

96      Ir-rikorrenti tilmenta li l-BEI, meta adotta l-att ikkontestat, ma osservax l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqu. L-imsemmi att jikkostitwixxi “att legali” suġġett għall-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE u d-drittijiet irrikonoxxuti fl-Artikolu 41(2)(c) u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dan ġie rrikonoxxut mill-Avukat Ġenerali Szpunar, fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża TestBioTech et vs Il‑Kummissjoni (C‑82/17 P, EU:C:2018:837). Skont ir-rikorrenti, il-motivazzjoni tal-att ikkontestat ma hijiex suffiċjenti sabiex tippermetti li jinftiehmu r-raġunijiet li wasslu lill-BEI sabiex jikkonkludi li d-deliberazzjoni kontenzjuża, li l-eżami mill-ġdid intern tagħha kien intalab, ma kinitx tissodisfa ċerti kundizzjonijiet li kienu meħtieġa sabiex att ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “att amministrattiv”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus, jiġifieri, minn naħa, il-kundizzjoni li jiġi adottat “taħt il-liġi ambjentali” u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni li jipproduċi “effetti esterni u li jorbtu legalment”. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tikkritika lill-BEI talli ma rrispondiex, fl-att ikkontestat, għall-argumenti kollha, ta’ fatt jew ta’ liġi, li hija kienet ressqet fit-talba għal eżami mill-ġdid intern tad-deliberazzjoni kontenzjuża.

97      Il-BEI jiċħad l-argumenti tar-rikorrenti u jsostni li t-tieni motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat.

98      Mill-ġurisprudenza diġà ċċitata fil-punt 87 iktar ’il fuq isegwi li l-att ikkontestat kien suġġett għall-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE u mfakkar fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament Aarhus.

99      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, il-korp jew l-organu li jadottaw l-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura li tiġi adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2009, Franza vs Il‑Kunsill, C‑479/07, mhux ippubblikata, EU:C:2009:131, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun ġie adottat f’kuntest magħruf mill-persuni kkonċernati (ara s-sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑409/13, EU:C:2015:217, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Mill-ġurisprudenza jsegwi wkoll li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din tirrigwarda l-legalità fil-mertu tal-att inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2009, Franza vs Il‑Kunsill, C‑479/07, mhux ippubblikata, EU:C:2009:131, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Fl-att ikkontestat, il-BEI ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid intern tad-deliberazzjoni kontenzjuża bħala inammissibbli, minħabba li din ma kinitx tirrigwarda att li jista’ jkun is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid intern, jiġifieri “att amministrattiv”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus. Din il-pożizzjoni kienet ibbażata, essenzjalment, fuq ir-raġunijiet esposti fil-punti 59 sa 62 iktar ’il fuq, jiġifieri, b’mod iktar preċiż, li d-deliberazzjoni kontenzjuża ma kinitx tissodisfa wħud mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “att amministrattiv” sa fejn, minn naħa, hija ma kinitx tipproduċi effett legalment vinkolanti u estern u, min-naħa l-oħra, ma kinitx ġiet adottata taħt il-liġi ambjentali.

102    F’dan ir-rigward, il-motivi li jinsabu fl-att ikkontestat kienu suffiċjenti sabiex jippermettu lir-rikorrenti ssir taf ir-raġunijiet li għalihom il-BEI kien ċaħad bħala inammissibbli t-talba għal eżami mill-ġdid intern tad-deliberazzjoni kontenzjuża li huwa kien indirizzalha u sabiex jippermettilha tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn il-motivi fil-kuntest tal-ewwel motiv tar-rikors. Barra minn hekk, dawn il-motivi huma suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Qorti Ġenerali teżerċita stħarriġ ġudizzjarju fuq il-fondatezza tal-imsemmi att, permezz tal-eżami tal-ewwel motiv tar-rikors (ara l-punti 105 sa 173 iktar ’il quddiem).

103    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma hijiex fondata ssostni li l-BEI kiser l-obbligu tiegħu li jimmotiva l-att ikkontestat, fid-dawl tal-motivazzjoni li effettivament tinsab fih.

104    Għaldaqstant, it-tieni motiv tar-rikors, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ewwel motiv tar-rikors, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament Aarhus

105    Ir-rikorrenti essenzjalment tilmenta li l-BEI, bl-adozzjoni tal-att ikkontestat, wettaq applikazzjoni żbaljata, fir-rigward tad-deliberazzjoni kontenzjuża, ta’ ċerti kundizzjonijiet meħtieġa sabiex att ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “att amministrattiv”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus.

106    Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, li jirrigwardaw, l-ewwel wieħed, l-applikazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni li l-att jipproduċi “effett legalment vinkolanti u estern” u, it-tieni wieħed, dwar l-applikazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni li dan huwa att adottat “taħt il-liġi ambjentali”.

107    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-testi tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta tali testi huma intiżi preċiżament sabiex jimplimentaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech, C‑284/95, EU:C:1998:352, punt 22; ara wkoll is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Meta hija kellha tinterpreta d-dispożizzjonijiet ta’ direttivi li jimplimentaw, fir-rigward tal-Istati Membri, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-qorti tal-Unjoni osservat li l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni kien li l-pubbliku kkonċernat jingħata “aċċess għall-ġustizzja wiesa’” u li dan l-għan kien jaqa’, b’mod iktar wiesa’, taħt ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jippreserva, jipproteġi u jtejjeb il-kwalità tal-ambjent u li jagħti lill-pubbliku rwol attiv għal dan l-għan (sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos, C‑260/11, EU:C:2013:221, punti 31 u 32). Konsegwentement, hija qieset li, anki jekk il-partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus kellhom ċerta marġni diskrezzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 9(3) ta’ din il-konvenzjoni, madankollu kellu jiġi adottat approċċ ferm protettiv tal-effett utli u tal-għanijiet tal-imsemmija konvenzjoni fil-kuntest tal-obbligi ta’ implimentazzjoni li għandhom l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawżi magħquda Il‑Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2014:310, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal motivi simili, sa fejn possibbli, iż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 106 iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Deutsche Umwelthilfe, C‑515/11, EU:C:2013:523, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, għaldaqstant, fid-dawl tar-rekwiżit li jikkonsisti f’li jiġi żgurat aċċess ġudizzjarju effettiv tar-rikorrenti.

108    Barra minn hekk u għal raġunijiet ta’ opportunità, għandha tiġi eżaminata t-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors qabel l-ewwel parti.

–       Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni li l-att jiġi adottat “taħt il-liġi ambjentali”, stabbilita fl-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus

109    Ir-rikorrenti tilmenta li l-BEI, bl-adozzjoni tal-att ikkontestat, wettaq applikazzjoni żbaljata, fir-rigward tad-deliberazzjoni kontenzjuża, tal-kundizzjoni li l-att jiġi adottat “taħt il-liġi ambjentali”, stabbilita fl-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus.

110    Ir-rikorrenti ssostni li, skont il-ġurisprudenza, il-“liġi ambjentali”, kif iddefinita fl-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Aarhus, għandha tifsira wiesgħa, li ma hijiex limitata għal kwistjonijiet marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent fis-sens strett. Dan ikopri kull dispożizzjoni leġiżlattiva tal-Unjoni li tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu għanijiet tal-politika tagħha fil-qasam tal-ambjent, indipendentement mill-bażi legali tagħha jew min-natura tagħha. Ir-rikorrenti tallega li identifikat, fit-talba għal eżami mill-ġdid intern tad-deliberazzjoni kontenzjuża, id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-ambjent li ma ġewx osservati mill-BEI fid-deċiżjoni kontenzjuża.

111    Skont ir-rikorrenti, iċ-ċirkustanzi li fihom il-Bord tad-Diretturi adotta d-deliberazzjoni kontenzjuża juru li din saret taħt il-“liġi ambjentali”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Aarhus.

112    Il-BEI, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jsostni li t-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

113    Il-BEI jsostni li d-deliberazzjoni kontenzjuża ġiet adottata skont l-Artikolu 19(3) tal-Istatut tal-BEI, jiġifieri dispożizzjoni tad-dritt primarju tal-Unjoni li ma tagħmilx riferiment għall-ambjent. Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 1367/2006 isegwi li l-kunċett ta’ “liġi ambjentali”, f’dan ir-regolament, għandu jinftiehem fis-sens li jagħmel riferiment għal dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jaqgħu taħt id-dritt sekondarju tal-Unjoni u li jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent. Il-fatt li l-BEI jfittex għanijiet ambjentali fil-kuntest tal-operazzjonijiet iffinanzjati mir-riżorsi proprji tiegħu ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li d-deliberazzjoni kontenzjuża jew kwalunkwe deliberazzjoni oħra tal-istess ordni hija adottata abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u, fuq kollox, li huwa mar kontra dispożizzjonijiet preċiżi tad-dritt tal-ambjent, kif iddikjarat fil-premessa 18 tar-Regolament Aarhus u fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Il-motivi tad-deliberazzjoni kontenzjuża huma irrilevanti f’dan ir-rigward, bħalma huwa r-riferiment għal direttiva li, min-natura tagħha, hija indirizzata biss lill-Istati Membri. Interpretazzjoni wiesgħa żżejjed tal-kunċett ta’ “liġi ambjentali” tkun artifiċjali, tkun tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Aarhus u tkun tippreġudika l-indipendenza li l-BEI għandu fil-qasam tal-operazzjonijiet finanzjarji tiegħu kif ukoll il-missjoni statutorja tiegħu. Fil-kuntest tal-mandat iddefinit fl-Artikolu 309 TFUE, huwa għandu jikkontribwixxi b’mod partikolari għall-iżvilupp ibbilanċjat u mingħajr problemi tas-suq intern fl-interess tal-Unjoni billi jiffaċilita, permezz tal-għoti ta’ self u ta’ garanziji, il-finanzjament ta’ proġetti li jissodisfaw ċerti kriterji. Id-deċiżjonijiet tiegħu huma deċiżjonijiet ta’ investiment li ma jimplimentawx direttament il-liġi ambjentali. L-osservanza ta’ din tal-aħħar taqa’ fuq il-promoturi, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-proġetti, taħt il-kontroll tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Bl-istess mod, il-fatt li l-proġett Curtis għandu impatt fuq l-ambjent huwa ċirkustanza ta’ fatt li ma jippermettix li jiġi konkluż, fuq il-livell ġuridiku, li d-deliberazzjoni kontenzjuża ġiet adottata taħt il-liġi ambjentali.

114    Il-BEI jiċħad kull riferiment għas-sistema legali applikabbli għall-garanzija tal-Unjoni mogħtija mill-FEIS, b’mod partikolari għar-Regolament 2015/1017, bħala irrilevanti, peress li d-deliberazzjoni kontenzjuża ma ġietx adottata skont l-imsemmija skema. Id-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi hija indipendenti minn dik meħuda mill-Kumitat ta’ Investiment tal-FEIS. Fi kwalunkwe każ, is-sistema legali applikabbli għall-garanzija tal-Unjoni u l-għoti ta’ din il-garanzija għall-proġett Curtis isegwu numru ta’ għanijiet ġenerali oħra minbarra l-protezzjoni tal-ambjent u tar-riżorsi. L-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/1017 jistabbilixxi b’mod ċar li l-garanzija tal-Unjoni għandha bħala għan l-investimenti u s-sostenn għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju iktar milli l-għanijiet ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 191(1) u fl-Artikolu 192(2) TFUE.

115    Barra minn hekk, il-BEI jwarrab l-argumenti bbażati fuq il-kuntest ġuridiku li fih ġiet adottata d-deliberazzjoni kontenzjuża u elementi li hija bbażata fuqhom. Id-dikjarazzjoni tal-2009 hija intiża biss sabiex torjenta l-istruzzjoni tal-proġetti upstream tad-deċiżjonijiet ta’ finanzjament. Dan huwa att intern li ma jbiddilx il-missjoni tiegħu, kif iddefinita fit-Trattat FUE, li ma jsemmix il-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ambjent fost il-funzjonijiet ewlenin tiegħu. Barra minn hekk, il-fatt li l-proposta ta’ finanzjament tal-proġett Curtis issemmi, b’mod partikolari, vantaġġi ambjentali marbuta ma’ dan il-proġett ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li d-deliberazzjoni kontenzjuża, adottata abbażi ta’ din il-proposta, kienet adottata taħt il-liġi ambjentali.

116    It-tieni parti tal-ewwel motiv tqajjem il-kwistjoni dwar jekk huwiex b’mod żbaljat li, fl-att ikkontestat, il-BEI qies li d-deliberazzjoni kontenzjuża ma kinitx miżura ta’ portata individwali adottata “taħt il-liġi ambjentali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus.

117    Il-“liġi ambjentali” hija ddefinita, fl-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Aarhus, bħala kwalunkwe dispożizzjoni leġiżlattiva tal-Unjoni li, irrispettivament mill-bażi legali tagħha, tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent kif stabbiliti fit-Trattat FUE: il-preżervazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali, u l-promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jiġu ttrattati problemi ambjentali reġjonali jew dinjija.

118    Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Aarhus jirriżulta li, billi rrefera għall-għanijiet elenkati fl-Artikolu 191(1) TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill-kunċett ta’ “liġi ambjentali”, imsemmi f’dan ir-regolament, tifsira wiesgħa, li ma hijiex limitata għal kwistjonijiet marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent naturali fis-sens strett (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2018, TestBioTech vs Il‑Kummissjoni, T‑33/16, EU:T:2018:135, punti 43 u 44; ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawżi magħquda Il‑Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2014:310, punt 128).

119    Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkonfermata bl-Artikolu 192(2) TFUE li jipprevedi li l-liġi ambjentali, kif imsemmija fit-Titolu XX tat-TFUE, tista’ tinkludi wkoll dispożizzjonijiet essenzjalment ta’ natura fiskali, miżuri li jaffettwaw l-ippjanar tal-art, l-immaniġġjar kwantitattiv tar-riżorsi tal-ilma jew dak kollu li jaffettwa, direttament jew indirettament, id-disponibbiltà ta’ dawn ir-riżorsi, l-użu tal-art, kif ukoll miżuri li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija. Interpretazzjoni ristretta tal-kunċett tal-“liġi ambjentali” ikollha l-effett li tali dispożizzjonijiet u miżuri ma jaqgħux, fil-parti l-kbira tagħhom, taħt dan il-qasam (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2018, TestBioTech vs Il‑Kummissjoni, T‑33/16, EU:T:2018:135, punt 45).

120    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat li l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Aarhus jipprevedi li l-atti u l-ommissjonijiet amministrattivi koperti ma għandhomx jinkludu miżuri meħuda jew l-ommissjonijiet, minn xi istituzzjoni jew korp tal-Unjoni fil-kapaċità tagħhom bħala korpi amministrattivi ta’ reviżjoni, b’mod partikolari taħt l-Artikoli 101, 102, 106, 107, 228, 258, 260 u 325 TFUE li jirrigwardaw ir-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-proċeduri tal-Ombudsman Ewropew u l-proċeduri li jirrigwardaw il-ġlieda kontra l-frodi. Il-fatt li l-leġiżlatur ikkunsidra bħala neċessarju li jinkludi tali eċċezzjonijiet jindika wkoll li l-kunċett ta’ “liġi ambjentali”, kopert bir-Regolament Aarhus, għandu jiġi interpretat, bħala regola, b’mod wiesa’ ferm (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2018, TestBioTech vs Il‑Kummissjoni, T‑33/16, EU:T:2018:135, punt 46).

121    Barra minn hekk, ir-riferiment għal-“leġislazzjoni [tal-Unjoni]”, fl-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Aarhus, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li għandha portata ġenerali, b’kuntrast mal-“att amministrattiv”, li huwa ddefinit, fl-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus, bħala “kwalunkwe miżura ta’ ambitu individwali”. Fil-fatt, fil-mument meta dan ir-regolament ġie adottat, jiġifieri fis-6 ta’ Settembru 2006, it-Trattat ta’ Lisbona, iffirmat fit-13 ta’ Diċembru 2007, kien għadu ma introduċiex, fid-dritt tal-Unjoni, id-distinzjoni, fi ħdan l-atti ta’ portata ġenerali, bejn l-atti leġiżlattivi, adottati skont il-proċedura leġiżlattiva, u l-atti regolatorji, adottati skont proċedura oħra. Għalhekk, ma hemmx lok li jitqies li r-riferiment għal dan il-kunċett jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni, bħala “liġi ambjentali”, tad-dispożizzjonijiet ta’ “att regolatorju” fis-sens tat-Trattat ta’ Lisbona, jiġifieri att ta’ portata ġenerali li ma ġiex adottat la skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, u lanqas skont proċedura leġiżlattiva speċjali fis-sens tal-Artikolu 289(1) sa (3) TFUE.

122    Barra minn hekk, tali definizzjoni restrittiva tostakola t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kwalunkwe att ta’ portata ġenerali li jkun adottat mill-BEI, bħad-dikjarazzjonijiet ta’ prinċipji u ta’ regoli jew l-istrateġiji adottati minnu fl-eżerċizzju tal-awtonomija istituzzjonali tiegħu (ara l-punti 28 sa 36 iktar ’il fuq).

123    Fil-fatt, hemm lok jitfakkar li, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat FUE, il-korpi tal-BEI għandhom jadottaw, b’mod partikolari fil-forma ta’ politiki, ta’ strateġiji, ta’ struzzjonijiet, ta’ prinċipji jew ta’ standards, regoli interni ta’ portata ġenerali, debitament ippubblikati u implimentati li, indipendentement min-natura vinkolanti jew le tagħhom fis-sens strett, jillimitaw l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-BEI fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ April 2012, De Nicola vs BEI, T‑37/10 P, EU:T:2012:205, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas‑16 ta’ Settembru 2013, De Nicola vs BEI, T‑618/11 P, EU:T:2013:479, punt 36, u tad‑19 ta’ Lulju 2017, Dessi vs BEI, T‑510/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:525, punt 43). Meta l-qorti tal-Unjoni teżamina l-legalità ta’ att adottat mill-BEI, hija tieħu inkunsiderazzjoni tar-regoli interni adottati minn dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, De Nicola vs BEI, T‑618/11 P, EU:T:2013:479, punt 42).

124    F’dan il-każ u kuntrarjament għal dak li sostna l-BEI waqt is-seduta, hemm lok għalhekk li r-regoli ta’ portata ġenerali li jirregolaw l-attività tiegħu fil-qasam tal-għoti ta’ self għall-finijiet tat-twettiq tal-għanijiet tat-Trattat FUE fil-qasam ambjentali, b’mod partikolari l-kriterji ta’ natura ambjentali ta’ eliġibbiltà tal-proġetti għal finanzjament tal-BEI, jiġu assimilati ma’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-liġi ambjentali tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Aarhus.

125    Fl-aħħar nett, mill-formulazzjoni u mill-istruttura tal-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, fid-dawl ta’ liema r-Regolament Aarhus għandu, sa fejn possibbli, jiġi interpretat (ara l-punt 107 iktar ’il fuq), isegwi li l-atti kollha ta’ awtoritajiet pubbliċi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-liġi ambjentali għandhom ikunu jistgħu jiġu kkontestati. Għalhekk, ma hemmx lok li l-aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tal-ambjent jiġi limitat biss għall-atti ta’ awtoritajiet pubbliċi li jkollhom formalment bħala bażi legali dispożizzjoni tal-liġi ambjentali.

126    Għal dawn ir-raġunijiet kollha u għall-fini ta’ interpretazzjoni ġenerali tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus koerenti u konformi mar-rekwiżit li jiġu offruti azzjonijiet legali suffiċjenti u effettivi (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), il-kunċett ta’ miżura ta’ portata individwali adottata “taħt il-liġi ambjentali”, stabbilit fl-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus, għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, fis-sens li ma huwiex limitat, kif isostni l-BEI, sostnut mill-Kummissjoni, biss għall-miżuri ta’ portata individwali adottati abbażi ta’ dispożizzjoni ta’ dritt sekondarju li tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, kif stabbiliti fl-Artikolu 191(1) TFUE, iżda jirrigwarda kull miżura ta’ portata individwali suġġetta għal rekwiżiti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li, indipendentement mill-bażi legali tagħhom, jirrigwardaw direttament l-ilħieq tal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent.

127    Jibqa’ għalhekk li jiġi eżaminat jekk id-deliberazzjoni kontenzjuża tistax tiġi analizzata bħala tali miżura ta’ portata individwali.

128    F’dan ir-rigward, mill-punt 11 tal-minuti tal-laqgħa tat‑12 ta’ April 2018, kif inseriti fil-proċess ta’ din il-proċedura, jirriżulta li, bid-deliberazzjoni kontenzjuża, il-Bord tad-Diretturi approva, waqt din il-laqgħa, il-proposta ta’ finanzjament.

129    Mill-punti 21 sa 23 tal-proposta ta’ finanzjament isegwi li l-kontribuzzjoni tal-proġett Curtis għall-politiki segwiti mill-Unjoni hija sinjifikattiva, sa fejn dan il-proġett kien isostni l-għanijiet Spanjoli u Ewropej fil-qasam tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u kien jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u għat-twettiq ta’ għanijiet ambjentali. Huwa jikkontribwixxi wkoll għall-prevenzjoni ta’ nirien fil-foresti u għas-sostenibbiltà tal-forestrija f’Galicia, billi jistimula d-domanda lokali għal residwi forestali. Il-finanzjament tal-proġett kien konformi u kkontribwixxa għall-prijorità mogħtija mill-BEI, fil-kuntest tal-politika tiegħu ta’ self, għall-enerġiji rinnovabbli u għall-azzjoni favur il-klima.

130    Il-punt 24 tal-proposta ta’ finanzjament kien jindika wkoll li dan il-proġett kien eliġibbli għall-finanzjament tal-BEI skont il-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 309 TFUE, sa fejn kien jissodisfa interess komuni fil-qasam tal-enerġija.

131    Fil-punt 25 tal-proposta ta’ finanzjament, kien indikat li l-proġett Curtis kien ser jikkoreġi falliment tas-suq, sa fejn il-proġetti ta’ produzzjoni tal-elettriku u ta’ sħana b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju kienu jnaqqsu l-ispejjeż esterni marbuta mal-karbonju u mat-tniġġis atmosferiku.

132    Barra minn hekk, il-punt 30 tal-proposta ta’ finanzjament kien jispeċifika li l-proġett Curtis kien jikkontribwixxi għall-għanijiet fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli għall-2020 stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni Spanjol għall-enerġija rinnovabbli, adottat konformement mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/28, fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deliberazzjoni kontenzjuża.

133    Fl-aħħar nett, il-punt 34 tal-proposta ta’ finanzjament kien jindika li, mill-perspettiva tas-“sostenibbiltà” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tiegħu, sa fejn “il-kundizzjonijiet xierqa [kienu] issodisfatti (ara l-iskeda teknika dwar l-aspetti ambjentali u soċjali), il-proġett [Curtis kien] aċċettabbli fuq il-livell ambjentali u soċjali għal finanzjament [mill-BEI]”.

134    L-iskeda teknika dwar l-aspetti ambjentali u soċjali tal-proġett Curtis tat‑12 ta’ April 2018 (iktar ’il quddiem l-“iskeda teknika”), imsemmija fil-punt 34 tal-proposta ta’ finanzjament, kienet issemmi r-riżultati ta’ evalwazzjoni tal-effetti ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent li l-awtorità nazzjonali kompetenti kienet iddeċidiet li twettaq, konformement mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92, fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-mument li fih id-deliberazzjoni kontenzjuża kienet ġiet adottata.

135    Sussegwentement, l-iskeda teknika kienet issemmi l-impenji li kienu ttieħdu mill-promotur tal-proġett sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-bijomassa użata fil-kuntest tiegħu, skont ċerti kriterji inklużi fl-imsemmija skeda. B’mod partikolari, il-promotur kien intrabat li l-bijomassa użata fil-kuntest tal-proġett Curtis tosserva l-kriterji ta’ sostenibbiltà ddefiniti fid-Direttiva 2009/28, fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-mument li fih id-deliberazzjoni kontenzjuża kienet ġiet adottata, kif ukoll fir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU 2010, L 295, p. 23), li kien intiż sabiex jiġġieled kontra l-isfruttament illegali tal-foresti u tal-kummerċ li kien assoċjat miegħu.

136    Fl-aħħar nett, l-iskeda teknika kienet tirriproduċi r-riżultat tal-marka tal-karbonju tal-proġett li kien ġie kkalkolat mill-BEI konformement mal-metodi ta’ evalwazzjoni tiegħu stess, billi tenfasizza li, sa fejn jissostitwixxi l-produzzjoni konġunta tal-elettriku minn impjanti elettriċi ġodda u eżistenti, l-effett totali relattiv tal-proġett huwa tnaqqis nett tal-emissjonijiet ta’ CO2 ta’ 151 kilotunnellata fis-sena.

137    Fl-iskeda tekniku, is-servizzi tal-BEI kkonkludew, fid-dawl tar-riżultati u tal-impenji msemmija iktar ’il fuq, li l-proġett Curtis kien aċċettabbli fuq il-livell ambjentali u soċjali għal finanzjament mill-BEI.

138    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, konformement mad-dritt tal-Unjoni u mar-regoli interni ta’ portata ġenerali li jirregolaw l-attività ta’ self tal-BEI ċċitati fil-punti 28 sa 36 iktar ’il fuq, id-deliberazzjoni kontenzjuża kkonstatat li ċerti kriterji ta’ eliġibbiltà ta’ natura ambjentali, adottati mill-BEI fl-eżerċizzju tal-awtonomija istituzzjonali tiegħu u intiżi direttament għat-twettiq tal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, kienu f’dan il-każ osservati.

139    B’mod partikolari, mill-atti tal-proċess jirriżulta li d-deliberazzjoni kontenzjuża ġiet adottata minħabba li l-proġett Curtis kien jissodisfa l-għanijiet tal-attività ta’ self tal-BEI u l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-proġetti li jirrigwardaw l-ambjent li jirriżultaw mid-Dikjarazzjoni tal-2009 u mill-istrateġija klima, b’mod partikolari għaliex kien insostenn tal-għanijiet Ewropej u Spanjoli fil-qasam tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, li kien josserva kriterji ta’ sostenibbiltà u dispożizzjonijiet intiżi għall-ġlieda kontra l-isfruttament illegali tal-foresti stabbiliti mid-dritt sekondarju tal-Unjoni u li kien jippermetti tnaqqis nett tal-emissjonijiet CO2 fuq il-livelli Spanjoli u Ewropej.

140    Sa fejn hija kkonstatat li l-proġett Curtis kien jissodisfa dawn il-kriterji ta’ eliġibbiltà ta’ natura ambjentali, id-deliberazzjoni kontenzjuża kienet fil-fatt miżura ta’ portata individwali adottata “taħt il-liġi ambjentali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus.

141    Min-naħa l-oħra, sa fejn id-deliberazzjoni kontenzjuża ġiet adottata mill-Bord tad-Diretturi, ma huwiex rilevanti li jitfittex jekk, bħalma targumenta r-rikorrenti, deċiżjoni oħra dwar il-proġett Curtis meħuda mill-Kumitat ta’ Investiment tal-FEIS, li tikkonsisti fl-għoti tal-garanzija tal-Unjoni għal dan il-proġett (ara l-punt 45 iktar ’il fuq), ġietx ukoll adottata bl-osservanza tar-rekwiżiti li jikkontribwixxu għat-tfittxija tal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent.

142    Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet ibbażati fil-punti 138 u 140 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni ġustament, f’dan il-każ, li l-BEI wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta indika li d-deliberazzjoni kontenzjuża ma setgħetx titqies li hija miżura ta’ portata individwali adottata “taħt il-liġi ambjentali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus, u, għaldaqstant, bħala att li jista’ jkun is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid intern skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan l-istess regolament.

143    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors għandha tintlaqa’. Madankollu, fid-dawl tan-natura kumulattiva tad-diversi kundizzjonijiet sabiex att ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “att amministrattiv” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus li huma kkontestati fil-kuntest ta’ kull parti tal-imsemmi motiv, huwa neċessarju li jitkompla bl-eżami tal-ewwel parti ta’ dan l-istess motiv.

–       Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikors, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni li l-att jipproduċi “effetti esterni u li jorbtu legalment”, stabbilita fl-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus

144    Ir-rikorrenti tilmenta li l-BEI, bl-adozzjoni tal-att ikkontestat, wettaq applikazzjoni żbaljata, fir-rigward tad-deliberazzjoni kontenzjuża, tal-kundizzjoni li l-att jipproduċi “effetti esterni u li jorbtu legalment”, stabbilita fl-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus.

145    Il-BEI, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jsostni li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

146    Hija tqis li, skont il-ġurisprudenza, hija fondata tiċħad bħala inammissibbli kull talba għal eżami mill-ġdid intern li, bħal f’dan il-każ, ma tissodisfax ċerti kundizzjonijiet imposti mir-Regolament Aarhus għat-tressiq ta’ tali talba. Kif jirriżulta mill-ittra tat-13 ta’ April 2018 indirizzata lill-promotur, id-deliberazzjoni kontenzjuża ma ħolqot ebda obbligu fuq il-BEI li jagħti s-self lill-entità ad hoc tal-proġett Curtis u ma ta ebda dritt lill-promotur ta’ dan il-proġett u lanqas ma biddel is-sitwazzjoni legali ta’ dan tal-aħħar. L-uniku att li kellu effett legalment vinkolanti u estern f’dan ir-rigward kien id-dokumentazzjoni kuntrattwali dwar il-finanzjament tal-proġett Curtis mill-BEI, iffirmata fil‑25 ta’ Lulju 2018, li ma kinitx tikkostitwixxi “att amministrattiv” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) u tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Aarhus. Id-deliberazzjoni kontenzjuża kienet biss stadju obbligatorju fi ħdan il-proċess deċiżjonali intern tal-BEI. Fir-rigward ta’ operazzjoni ta’ finanzjament fuq proġett, dan il-proċess seħħ f’żewġ stadji. L-ewwel nett, il-Bord tad-Diretturi ta ftehim fil-prinċipju għall-finanzjament tal-proġett Curtis mill-BEI, mingħajr ma għażel il-benefiċjarju tas-self. It-tieni, il-Kumitat ta’ Tmexxija approva definittivament l-imsemmi finanzjament, wara li, b’eżekuzzjoni tad-deliberazzjoni kontenzjuża u skont l-Artikolu 11(3) tal-Istatut tal-BEI, iddefinixxa l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet definittivi tiegħu fil-limiti tal-ftehim fil-prinċipju mogħti mill-Bord tad-Diretturi. In-negozjar tal-kuntratt mis-servizzi tal-BEI kien stadju kruċjali, li s-suċċess tiegħu ma kienx żgurat, kif tixhed l-esperjenza passata fir-rigward ta’ proġetti oħra.

147    Skont il-BEI, sostnut mill-Kummissjoni, la l-atti tal-proċess deċiżjonali intern tiegħu u lanqas il-kuntratt ta’ self ma huma “atti amministrattivi” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) u tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Aarhus. Dan huwa konformi mal-indipendenza li l-BEI għandu fil-qasam tat-tranżazzjonijiet finanzjarji tiegħu u mal-fatt li l-attività bankarja tiegħu ma tistax tiġi assimilata ma’ attività amministrattiva. Is-sitwazzjoni f’dan il-każ għalhekk ma tistax titqabbel ma’ dik tal-kawżi li taw lok għas-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2019, International Management Group vs Il-Kummissjoni (C‑183/17 P u C‑184/17 P, EU:C:2019:78), li fihom att amministrattiv kien inkwistjoni b’mod ċar. Fir-rigward tal-Artikolu 271(ċ) TFUE, invokat mir-rikorrenti, dan huwa intiż biss sabiex jippreżerva d-drittijiet proċedurali speċifiċi mogħtija lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni mill-Artikolu 19 tal-Istatut tal-BEI, fil-kuntest tal-proċess deċiżjonali intern tiegħu dwar l-għoti ta’ self, u ma jagħti l-ebda dritt li jiġu kkontestati fuq il-mertu d-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ self. Fir-rigward tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern, prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus, din ma għandhiex l-għan li ttejjeb il-kwalità tal-proċess deċiżjonali, iżda li testendi l-aċċess ta’ ċerti applikanti għar-rimedji legali eżistenti quddiem il-qrati tal-Unjoni, skont l-Artikolu 12 ta’ dan l-istess regolament. Ma huwiex possibbli li jintalab l-eżami mill-ġdid intern ta’ att li ma jistax jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, għaliex ma jipproduċix effetti legali li jmorru kontra l-liġi ambjentali fir-rigward ta’ terz.

148    L-ewwel parti tal-ewwel motiv tqajjem il-kwistjoni dwar jekk huwiex b’mod żbaljat li, fl-att ikkontestat, il-BEI kkunsidra li d-deliberazzjoni kontenzjuża ma kinitx miżura li għandha “effetti esterni u li jorbtu legalment” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus.

149    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-proċedura amministrattiva ta’ eżami mill-ġdid intern prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus tiftaħ ir-rimedju ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li, skont l-Artikolu 12 ta’ dan l-istess regolament, għandha ssir “skond id-disposizzjonijiet pertinenti tat-Trattat [FUE]” u għalhekk, bħala prinċipju, b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 263 TFUE. Fid-dawl tar-rabta li teżisti għalhekk bejn il-kunċett ta’ att li jipproduċi “effetti esterni u li jorbtu legalment”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus, u dak ta’ att li jipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ terzi, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, huwa raġonevoli, fl-interess tal-koerenza ġenerali, li l-ewwel wieħed jiġi interpretat b’mod konformi mat-tieni wieħed.

150    Il-Kummissjoni u, sussegwentement, il-BEI jipproponu, essenzjalment, li jiġi kkonstatat qabelxejn li d-deliberazzjoni kontenzjuża ma hijiex att amministrattiv, peress li tirrigwarda l-attivitajiet finanzjarji tal-BEI, li fil-kuntest tagħhom dan għandu jkun jista’ jaġixxi b’indipendenza sħiħa.

151    Madankollu, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 92 iktar ’il fuq, il-BEI ma huwiex ammissibbli, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li jqajjem motiv ta’ difiża bbażat fuq il-fatt li t-talba għal eżami mill-ġdid intern imressqa mir-rikorrenti, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus u tad-Deċiżjoni 2008/50, kienet inkompatibbli mal-“istatus partikolari” mogħti lilu mit-Trattat FUE.

152    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-deliberazzjoni kontenzjuża għandhiex “effetti esterni u li jorbtu legalment”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus, u, sussegwentement, jekk kinitx “maħsuba li [toħloq] effetti legali fir-rigward ta’ terzi”, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

153    Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi ddeterminat jekk atti jew deċiżjonijiet humiex “maħsuba li joħolqu effetti legali fir-rigward ta’ terzi” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, hemm lok li wieħed jiffoka fuq is-sustanza ta’ dawn l-atti jew ta’ dawn id-deċiżjonijiet iktar milli fuq il-forma tagħhom u li jfittex jekk jipproduċux effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ terz, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑163/06 P, EU:C:2007:371, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑2 ta’ Settembru 2009, E.ON Ruhrgas u E.ON Földgáz Trade vs Il‑Kummissjoni, T‑57/07, mhux ippubblikat, EU:T:2009:297, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan ma huwiex il-każ ta’ miżuri ta’ natura interna li ma jipproduċu ebda effett barra mill-isfera interna tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu tal-Unjoni li huwa l-awtur tagħhom (ara, f’dan il-każ, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 1959, Phoenix-Rheinrohr vs L-Awtorità Għolja, 20/58, EU:C:1959:14, p. 181). Fil-każ ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li t-tfassil tagħhom jitwettaq f’diversi fażijiet, b’mod partikolari wara proċedura interna, dan lanqas ma huwa l-każ tal-atti jew tad-deċiżjonijiet li huma purament preparatorji, peress li ma jistabbilixxu fuq ebda aspett tal-imsemmija proċedura b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2002, Satellimages TV5 vs Il‑Kummissjoni, T‑95/99, EU:T:2002:62, punti 32 sa 41). Fl-aħħar nett, dan lanqas ma huwa l-każ ta-atti jew tad-deċiżjonijiet ta’ sempliċi eżekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 1988, Les Verts vs Il‑Parlament, 190/84, EU:C:1988:94, punti 7 u 8; ara wkoll, f’dan il-każ, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, C‑315/99 P, EU:C:2001:243, punt 47.

154    F’dan il-każ, sabiex titwettaq ir-riċerka msemmija fil-punt 152 iktar ’il fuq, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punt 153 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġu eżaminati kemm il-kontenut tad-deliberazzjoni kontenzjuża kif ukoll il-kuntest li fih din ġiet adottata.

155    Konformement mal-Artikolu 9(1) tal-Istatut tal-BEI, huwa l-Bord tad-Diretturi li għandu jiddeċiedi dwar l-għoti ta’ finanzjamenti u li jiffissa r-rati ta’ interessi għas-self. Huwa jista’, fuq il-bażi ta’ deċiżjoni meħuda b’maġġoranza kkwalifikata, jiddelega wħud mill-funzjonijiet tiegħu lill-Kumitat ta’ Tmexxija. Fil-każ ta’ delega, huwa għandu jiddetermina l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tagħha u jissorvelja l-eżekuzzjoni tagħhom. L-Artikolu 11(3) tal-Istatut tal-BEI jipprovdi li l-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jiżgura t-tmexxija tal-affarijiet kurrenti tal-BEI, taħt l-awtorità tal-President u taħt il-kontroll tal-Bord tad-Diretturi, li jipprepara d-deċiżjonijiet tal-imsemmi kunsill, b’mod partikolari fir-rigward tal-għoti ta’ finanzjamenti, u jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

156    Ir-Regoli tal-Proċedura tal-BEI, fil-verżjoni tagħhom applikabbli fil-mument meta ġiet adottata d-deliberazzjoni kontenzjuża, jiġifieri dik li tirriżulta mill-emendi tal-20 ta’ Jannar 2016 (ĠU 2016, L 127, p. 55), jippreċiżaw, fl-Artikolu 17 tagħhom, li “[g]ħandhom jinżammu minuti tal-proċedimenti tal-Bord tad-Diretturi. Dawn għandhom jiġu ffirmati miċ-Chairman tal-laqgħa u miċ-Chairman li jippresjedi l-laqgħa li matulha jiġu approvati kif ukoll mis-Segretarju tal-laqgħa”.

157    Barra minn hekk, l-Artikolu 18(1) ta’ dawn l-istess regoli tal-proċedura jipprovdi:

“Skont l-Artikolu 9(1) tal-Istatut [tal-BEI], il-Bord tad-Diretturi għandu jeżerċita dawn is-setgħat:

[…]

għandu japprova l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u garanzija proposti mill-Kumitat ta’ Tmexxija […]”

158    Skont l-Artikolu 18(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-BEI, “[b]’mod ġenerali, [il-Bord tad-Diretturi] għandu jiżgura li l-[BEI] huwa mmexxi sew b’mod konformi mat-Trattat [FUE], l-Istatut, id-direttivi stabbiliti mill-Bord tal-Gvernaturi u t-testi l-oħrajn li jirregolaw l-attività tal-[BEI] fit-twettiq tal-kompitu tiegħu taħt it-Trattat [FUE]”.

159    L-Artikolu 18(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-BEI jfakkar il-possibbiltà ta’ delega lill-Kumitat ta’ Tmexxija prevista fl-Artikolu 9(1) tal-Istatut tal-BEI, filwaqt li jippreċiża li tali deċiżjoni tittieħed b’maġġoranza kkwalifikata.

160    Skont l-Artikolu 18(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-BEI, il-Bord tad-Diretturi “[g]ħandu jeżerċita l-poteri l-oħrajn kollha pprovduti fl-Istatut [tal-BEI] u għandu jagħti lill-Kumitat ta’ Tmexxija, fir-regoli u d-deċiżjonijiet li jadotta, il-poteri implimentattivi korrispondenti, waqt li huwa mifhum li l-Kumitat ta’ Tmexxija għandu, b’mod konformi mal-Artikolu 11(3) tal-Istatut, ikun responsabbli għan-negozju attwali tal-[BEI], taħt l-awtorità tal-President u s-sorveljanza tal-Bord tad-Diretturi”.

161    Kif diġà ġie indikat, mill-punt 11 tal-minuti tal-laqgħa tat‑12 ta’ April 2018, kif inseriti fil-proċess ta’ din il-proċedura, jirriżulta li l-Bord tad-Diretturi approva, waqt din il-laqgħa, il-proposta ta’ finanzjament.

162    Mill-punt 5 tal-proposta ta’ finanzjament jirriżulta li, sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-iskema ta’ għajnuna stabbilita mir-Real Decreto 413/2014 por el que se regula la actividad de producción de energía eléctrica minn fuentes de energía renovabbli, cogeneración y residuos (id-Digriet Irjali 413/2014 li jirregola l-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġiji rinnovabbli, ta’ koġenerazzjoni u ta’ skart), tas‑6 ta’ Ġunju 2014 (BOE Nru 140, tal‑10 ta’ Ġunju 2014, p. 43876, il-proġett Curtis kellu jiġi konkluż, ittestjat u operattiv fit‑28 ta’ Marzu 2020, li kien jimplika skeda tat-tlestija stretta ħafna u, fl-aħħar mill-aħħar, l-approvazzjoni tal-finanzjament. Għal din ir-raġuni, id-dipartimenti tal-BEI indikaw li ddeċidew li javvanzaw il-proċess ta’ approvazzjoni finanzjarja b’mod parallel mal-verifika minn qabel tal-konsulent tekniku ta’ min isellef u mal-fażi II tal-verifika tal-proġett mis-servizzi tal-BEI, billi kienu jafu bil-fatt li, fid-dawl tar-riskji sinjifikattivi identifikati fid-dawl tal-proġett Curtis, il-BEI seta’ finalment jiġi prekluż milli jipparteċipa fil-finanzjament ta’ dan tal-aħħar.

163    Il-punt 15 tal-proposta ta’ finanzjament kien jispjega b’mod iktar preċiż l-istruttura proposta għall-approvazzjoni tal-proġett. Skont dan il-punt, “[i]t-tranżazzjoni [kellha] issegwi l-proċedura ta’ approvazzjoni abitwali f’żewġ stadji fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament ta’ proġett. Wara l-ewwel approvazzjoni mill-Bord tad-Diretturi, ir-riżultat finali tal-verifika u d-dokumentazzjoni ddettaljata dwar is-self u l-proġett [għandhom] jiġu ppreżentati lill-Kumitat ta’ Tmexxija għall-approvazzjoni finali. Din il-proċedura [kienet] tippermetti lill-[BEI] li josserva t-termini operattivi u kummerċjali stretti meħtieġa għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-proġett, u b’mod iktar partikolari għall-proġett [Curtis]. Fil-każ li l-kundizzjonijiet finali ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet speċifikati f’din l-approvazzjoni, tintalab approvazzjoni ġdida mill-Bord tad-Diretturi, skont il-proċedura tal-[BEI]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

164    Barra minn hekk, mill-konstatazzjoni bbażata fuq il-punt 139 iktar ’il fuq jirriżulta li d-deliberazzjoni kontenzjuża ġiet adottata minħabba li l-proġett Curtis kien jissodisfa l-għanijiet tal-attività ta’ self tal-BEI u l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-proġetti li jirrigwardaw l-ambjent li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni tal‑2009 u mill-istrateġija klima, b’mod partikolari għaliex kien jappoġġja l-għanijiet Ewropej u Spanjoli fil-qasam tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, li dan kien josserva kriterji ta’ sostenibbiltà u dispożizzjonijiet intiżi għall-ġlieda kontra l-operat illegali tal-foresti stabbiliti mid-dritt sekondarju tal-Unjoni u li kien jippermetti tnaqqis nett tal-emissjonijiet CO2 fuq il-livelli Spanjoli u Ewropej.

165    Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ April 2018 (ara l-punt 47 iktar ’il fuq) il-BEI kkomunika lill-promotur tal-proġett Curtis l-informazzjoni li l-Bord tad-Diretturi kien approva s-self għall-finanzjament tal-imsemmi proġett u l-kundizzjonijiet prinċipali li kienu dawk tal-kuntratt ta’ finanzjament, filwaqt li indika li “[d]in il-komunikazzjoni ma [kienet] timplika ebda impenn legali fir-rigward tal-għoti tas-self imsemmi iktar ’il fuq, iżda [kienet] ħarġet sabiex [l-imsemmi promotur] ikun jista’ jieħu l-passi neċessarji għall-formalizzazzjoni tas-self” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

166    Permezz ta’ ittra elettronika li d-Diviżjoni “Kumpannija Ċivili” tal-BEI indirizzat lir-rikorrenti fis‑16 ta’ Awwissu 2018 u li din tal-aħħar inkludiet fil-fajl ta’ din il-kawża sabiex tkun tista’ tinvokaha insostenn tal-argumenti tagħha, il-BEI indika lir-rikorrenti li “[k]ull informazzjoni ambjentali utli għall-verifika [tal-]operazzjoni ta’ finanzjament [tal-proġett Curtis kienet] ġiet ikkomunikata lill-Bord tad-Diretturi matul il-fażi I [tal-imsemmi proġett] u [kienet] saret pubblika permezz tal-iskeda teknika dwar l-aspetti soċjali u ambjentali [dwar dan l-istess proġett]. Il-fażi [II] tal-verifika kienet tirrigwarda biss l-aspetti tekniċi, ekonomiċi u finanzjarji tal-operazzjoni ta’ finanzjament. Id-dokumenti tal-fażi [II] tal-awditu ma [kienu] jinkludu ebda informazzjoni ambjentali u għalhekk ma [kinux] jirrigwardaw is-suġġett [tat-]talba [ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali dwar il-proġett Curtis li r-rikorrenti kienet indirizzatilha]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

167    Mill-kontenut u mill-kuntest li fih ġiet adottata d-deliberazzjoni kontenzjuża jirriżulta b’mod ċar li din kienet tirrifletti teħid ta’ pożizzjoni definittiva tal-BEI, fil-vot tal-Bord tad-Diretturi tiegħu, dwar l-eliġibbiltà tal-proġett Curtis għall-għoti ta’ finanzjament mill-BEI fir-rigward tal-aspetti ambjentali u soċjali tiegħu, li kienu jissodisfaw l-għanijiet tal-attività ta’ self tal-BEI u l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-proġetti dwar l-ambjent li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni tal-2009 u mill-istrateġija klima.

168    Fil-fatt, anki jekk, wara d-deliberazzjoni kontenzjuża, l-awditu tal-proġett Curtis kellu jkompli u jekk ċerti aspetti tekniċi, ekonomiċi u finanzjarji tal-operazzjoni ta’ finanzjament, li fuqha kien jiddependi l-għoti tas-self, kellhom xorta jiġu eżaminati mill-kumitat ta’ tmexxija, xorta jibqa’ l-fatt li din il-verifika ma kellhiex iktar tirrigwarda l-aspetti ambjentali u soċjali tal-imsemmi proġett, li fuqhom il-Bord tad-Diretturi kien iddeċieda b’mod definittiv, fid-deliberazzjoni kontenzjuża, fid-dawl tal-elementi kollha relatati magħha li jinsabu fil-proposta ta’ finanzjament u fl-iskeda teknika.

169    Bi tweġiba għal mistoqsija orali magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-BEI rrikonoxxa li d-deliberazzjoni kontenzjuża kienet iffissat b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Bord tad-Diretturi, li kien l-awtorità kompetenti f’dan ir-rigward, dwar l-eliġibbiltà tal-proġett Curtis għal finanzjament tal-BEI fir-rigward tal-aspetti ambjentali u soċjali tiegħu. Għaldaqstant, din la kienet opinjoni provviżorja tal-Bord tad-Diretturi u lanqas deċiżjoni intermedjarja li l-għan tagħha kien li tiġi ppreparata deċiżjoni finali tal-imsemmi bord tad-diretturi.

170    Minn dan isegwi li, anki jekk id-deliberazzjoni kontenzjuża ma kinitx tgħodd, kif isostni l-BEI fil-kuntest ta’ din il-proċedura u kif semma fl-ittra tiegħu lill-promotur tal-proġett Curtis tat-13 ta’ April 2018, impenn legali fir-rigward tal-għoti tas-self lill-entità ad hoc, sa fejn kien għad hemm aspetti tekniċi, ekonomiċi u finanzjarji oħra tal-imsemmi proġett li kellhom jiġu vverifikati, hija xorta waħda kienet tipproduċi ċerti effetti legali definittivi fil-konfront ta’ terzi, b’mod partikolari fil-konfront tal-promotur ta’ dan il-proġett, sa fejn dan kien jikkonstata l-eliġibbiltà tal-imsemmi proġett għal finanzjament tal-BEI fir-rigward tal-aspetti ambjentali u soċjali tiegħu, li jippermetti b’dan il-mod lill-promotur li jieħu l-miżuri sussegwenti neċessarji għall-formalizzazzjoni tas-self li huwa kellu jibbenefika minnu, bħalma huwa indikat fl-ittra tat‑13 ta’ April 2018 tal-BEI lil dan tal-aħħar. Fir-rigward ta’ dawn l-aspetti ambjentali u soċjali, id-deċiżjoni sussegwenti tal-Kumitat ta’ Tmexxija li jagħti s-self, wara li kompla l-verifika tal-proġett Curtis fuq l-aspetti l-oħra li kien għad fadal li jiġu eżaminati, setgħet biss titqies bħala deċiżjoni ta’ sempliċi eżekuzzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 153 iktar ’il fuq.

171    Issa, huwa preċiżament dwar l-aspetti ambjentali li kellha tirrigwarda l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern implimentata mir-Regolament Aarhus (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 16, 18 u 19 iktar ’il fuq) u t-talba għal eżami mill-ġdid intern ippreżentata mir-rikorrenti kienet b’mod partikolari tikkontesta l-evalwazzjoni, mill-BEI, tas-sostenibbiltà tal-proġett Curtis u l-kontribuzzjoni tiegħu għat-twettiq tal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 54 sa 57 iktar ’il fuq u l-punti 80 sa 123 tat-talba għal eżami mill-ġdid intern). Għalhekk, l-imsemmija talba kienet tirrigwarda, minn tal-inqas parzjalment, l-effetti legali definittivi prodotti fir-rigward ta’ terzi mid-deliberazzjoni kontenzjuża.

172    Għal dawn il-motivi, l-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikors għandha wkoll tintlaqa’.

173    Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv tar-rikors għandu jiġi milqugħ fl-intier tiegħu u, fuq din il-bażi, l-att ikkontestat għandu jiġi annullat.

 Fuq l-ispejjeż

174    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

175    F’dan il-każ, il-BEI tilef. Barra minn hekk, ir-rikorrenti talbet espressament li l-BEI jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

176    Għaldaqstant, hemm lok li l-BEI jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti.

177    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

178    Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), ikkomunikata lil ClientEarth permezz ta’ ittra tat30 ta’ Ottubru 2018, li tiċħad bħala inammissibbli t-talba għal eżami mill-ġdid intern tad-deliberazzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI tat12 ta’ April 2018 li tapprova l-finanzjament ta’ proġett ta’ impjant elettriku bijomassa f’Galicia (Spanja) li r-rikorrenti kienet ressqet, fid-9 ta’ Awwissu 2018, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/50/KE tat13 ta’ Diċembru 2007 li tistipula regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 fir-rigward ta’ talbiet għal reviżjoni interna ta’ l-atti amministrattivi, hija annullata.

2)      Il-BEI għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk ta’ ClientEarth.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Van der Woude

Tomljenović

Schalin

Škvařilová-Pelzl

 

      Nõmm

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Jannar 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.