Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta’ Mejju 2016 minn Dextro Energy GmbH & Co. KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-16 ta’ Marzu 2016 fil-Kawża T-100/15, Dextro Energy GmbH & Co. KG vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-296/16 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Dextro Energy GmbH & Co. KG (rappreżentanti: H. Hagenmeyer u T. Teufer, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla, fl-intier tagħha, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tas-16 ta’ Marzu 2016, fil-Kawża T-100/15;

Fil-każ li l-appell jitqies li huwa fondat, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’, fl-intier tagħhom, it-talbiet li saru fl-ewwel istanza, jiġifieri:

tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/8 1 , tas-6 ta’ Jannar 2015, li jiċħad l-awtorizzazzjoni ta’ ċerti stqarrijiet dwar l-effetti tal-prodotti tal-ikel fuq is-saħħa, minbarra dawk li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal;

tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Qabelxejn l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali applikat kriterju ta’ evalwazzjoni żbaljat:

Billi qieset li, fil-każ ta’ “fatti xjentifiċi u tekniċi kumplessi ħafna”, l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-konvenuta huwa suġġett għal stħarriġ ta’ abbuż biss, il-Qorti Ġenerali rrinunzjat ex ante l-ambitu vast ta’ setgħa diskrezzjonali, li fil-fatt għandha tiġi eżerċitata mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex limitata għal sempliċi stħarriġ ta’ abbuż tas-setgħa diskrezzjonali tal-konvenuta. Kuntrarjament, stħarriġ ġudizzjarju jista’ u għandu jsir sabiex jiġi ddeterminat jekk il-konvenuta applikatx b’mod korrett ir-rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlatur Ewropew fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u, għalhekk, eżerċitatx korrettament id-diskrezzjoni tagħha. Kwalunkwe forma ta’ abbuż ta’ poter għandha tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Dan ma kienx il-każ ineżami minħabba ponderazzjoni u evalwazzjoni żbaljati ta’ “fatturi oħra leġittimi u rilevanti għall-kwistjoni ineżami”.

Barra minn hekk, l-appellanti tallega ksur tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament (KE) Nru 924/2006 billi tinvoka tliet aggravji:

L-ewwel nett, ir-rifjut ta’ awtorizzazzjoni tal-informazzjoni dwar is-saħħa inkwistjoni huwa bbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-konvenuta. Dan jirriżulta mill-ġerarkija tal-fatturi leġittimi rilevanti li hija prevista fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament (KE) Nru 924/2006. Mhux kull teħid inkunsiderazzjoni ta’ fattur leġittimu u rilevanti jista’ jiġġustifika r-rifjut ta’ awtorizzazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-saħħa li hija fattwalment korretta u sostnuta xjentifikament. Skont l-appellanti, mill-premessa 17 tar-regolament jirriżulta li din l-informazzjoni ma tistax tkun l-“aspett prinċipali” li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. L-“aspett prinċipali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni” fir-rigward ta’ informazzjoni dwar is-saħħa għandu jkun il-“ġustifikazzjoni xjentifika”. Din il-ponderazzjoni hija wkoll riflessa fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament (KE) Nru 924/2006. F’dan l-artikolu, tissemma’ l-pożizzjoni tal-awtorità għall-ewwel darba.

It-tieni nett, l-appellanti tqis li l-konvenuta ma eżerċitatx b’mod korrett id-diskrezzjoni tagħha taħt l-Artikolu 18(4) tar-Regolament (KE) Nru 924/2006 peress li assumiet b’mod żbaljat li l-informazzjoni tar-rikorrenti tista’ tibgħat “messaġġ kunfliġġenti u ambigwu lill-konsumaturi”. Ir-riferiment għall-effetti tal-glukożju kkonstatati la jfisser li z-zokkor għandu jiġu kkonsmat jew ikkonsmat iktar, u lanqas li hemm rakkomandazzjonijiet minn terzi sabiex jitnaqqas il-konsum taz-zokkor. Għaldaqstant, ma tistax tiġi invokata kontradizzjoni u dan, b’mod partikolari, fil-każ ta’ rġiel u nisa’ attivi, b’saħħithom u li għandhom kapaċità fiżika għar-reżistenza sportiva, speċifikament imsemmija fit-talbiet.

It-tielet nett, l-appellanti tqis li l-konvenuta wettqet żball ta’ evalwazzjoni ieħor fil-kuntest tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament (KE) Nru 924/2006, meta qieset b’mod żbaljat li l-informazzjoni tar-rikorrenti hija ambigwa u qarrieqa. Sabiex konsumatur raġonevolment attent u avżat jiġi mqarraq, l-informazzjoni dwar is-saħħa tar-rikorrenti għandha tkun falza. Dan huwa preċiżament mhux il-każ.

Barra minn hekk, l-appellanti tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

L-appellanti tqis li, billi tirrifjuta li tawtorizza l-informazzjoni dwar is-saħħa tagħha, il-konvenuta tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fehma tagħha, meta l-konvenuta teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha, hija tkun marbuta, bħala istituzzjoni tal-Unjoni, tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(4) TUE. Fil-fatt, meta r-rifjut ta’ awtorizzazzjoni tal-informazzjoni dwar is-saħħa tar-rikorrenti jkun dovut għal prinċipji ġenerali ta’ nutrizzjoni u ta’ saħħa, mingħajr ma jiġi evalwat il-każ individwali, ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan għaliex prinċipji ġenerali ma jeżiġux ir-rifjut tat-talbiet f’dan il-każ, iżda, l-iktar l-iktar, jeżiġu kundizzjonijiet speċifiċi għall-użu u regoli ta’ ttikkettjar bħala miżura inqas restrittiva. Barra minn hekk, anki minn perspettiva ta’ nutrizzjoni u ta’ saħħa, projbizzjoni ġenerali inkundizzjonali minħabba r-rifjut ta’ informazzjoni fattwalment korretta u sostnuta xjentifikament ma hijiex miżura adatta sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

Fl-aħħar nett, l-appellanti tinvoka ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament:

Ir-rifjut ta’ awtorizzazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-saħħa mitluba jikser manifestament il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Skont l-appellanti, il-konvenuta tittratta awtorizzazzjonijiet ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli b’mod differenti, minkejja li ma hemmx raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw inugwaljanza fit-trattament.

____________

1  ĠU 2015 L 3. p. 6