Language of document : ECLI:EU:C:2008:739

Kawża C-16/06 P

Les Éditions Albert René Sàrl

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Appell — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikoli 8 u 63 — Trade mark verbali MOBILIX — Oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark verbali Komunitarja u nazzjonali OBELIX — Oppożizzjoni miċħuda parzjalment — Reformatio in pejus — Teorija magħrufa bħala t-teorija ‘ta’ newtralizzazzjoni’ — Bdil fis-suġġett tal-kawża — Dokumenti annessi mar-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza bħala prova ġdida”

Sommarju tas-sentenza

1.        Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza — Stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 63)

2.        Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

3.        Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Artikolu 225(1) KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

4.        Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

5.        Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

6.        Appell — Aggravji — Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u l-argumenti mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza — Nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-iżball ta’ liġi invokat — Inammissibbiltà

(Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 112(1))

7.        Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Komunitarja — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza — Stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 61(2), 62(2), 63, 74(2) u 76)

1.        Fil-limiti tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ twettaq stħarriġ komplet tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), inkluż, jekk ikun meħtieġ, billi tistħarreġ jekk dawn il-bordjiet għamlux klassifikazzjoni ġuridika eżatta tal-fatti tal-kawża jew jekk l-evalwazzjoni tal-fatti mressqa quddiem l-imsemmija bordijiet hijiex ivvizzjata bi żbalji. F’dan ir-rigward, meta parti tkun ikkontestat l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ interdipendenza bejn il-fatturi kkunsidrati, u b’mod partikolari x-xebh bejn it-trade marks u x-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija kompetenti sabiex teżamina l-evalwazzjoni li għamel l-imsemmi Bord tal-Appell fir-rigward tax-xebh bejn is-sinjali inkwistjoni. Fil-fatt, meta tintalab tevalwa l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tkun marbuta minn evalwazzjoni żbaljata tal-fatti magħmula minn dan il-bord sa fejn l-imsemmija evalwazzjoni tagħmel parti mill-konklużjonijiet li l-legalità tagħhom tkun qiegħda tiġi kkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

(ara l-punti 39, 47, 48)

2.        Il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, u b’mod partikolari r-reputazzjoni tagħha, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi evalwat jekk ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi identifikati mit-trade mark preċedenti u mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni huwiex biżżejjed sabiex jagħti lok għal probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja.

Madankollu, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-identiċità jew tax-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi, huwa meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura, l-użu intenzjonat, l-użu u kif ukoll il-karattru kompetittiv jew komplementari tagħhom.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma twettaqx żball ta’ liġi meta tagħmel paragun tal-prodotti u tas-servizzi mingħajr ma tibbaża ruħha, għal dan il-għan, fuq l-ipoteżi li t-trade marks konfliġġenti huma identiċi u li t-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv.

(ara l-punti 64, 65, 67)

3.        Skont l-Artikolu 225(1) KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell huwa limitat għal punti ta’ dritt. Fil-fatt, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha l-kompetenza li tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti, u kif ukoll li tevalwa l-provi. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mhijiex, sakemm ma jkunux ġew żnaturati, punt ta’ dritt suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi.

(ara l-punti 68, 69)

4.        L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, timplika li d-differenzi kunċettwali bejn żewġ sinjali jistgħu jinnewtralizzaw ix-xebh awditiv u viżiv bejniethom, sakemm minn tal-inqas wieħed minn dawn is-sinjali jkollu, fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti, tifsira ċara u speċifika b’tali mod li dan il-pubbliku jkun jista’ jagħrafha direttament.

(ara l-punt 98)

5.        Huwa fil-każ li l-oppożizzjoni tkun ibbażata fuq l-eżistenza ta’ diversi trade marks li jkollhom karatteristiċi komuni li abbażi tagħhom ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jagħmlu parti mill-istess familja jew serje ta’ trade marks li jkun meħtieġ, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-preżenza ta’ familja jew serje ta’ trade marks, tali probabbiltà ta’ konfużjoni tirriżulta mill-fatt li l-konsumatur jista’ jitfixkel dwar il-provenjenza jew l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark li tkun saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha u jqis, b’mod żbaljat, li din it-trade mark tagħmel parti minn din il-familja jew serje ta’ trade marks.

(ara l-punt 101)

6.        Meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-punti ta’ dritt eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi matul il-proċedura tal-appell. Fil-fatt, jekk appellant ma jkunx jista’ jibbaża b’dan il-mod l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti mqajma diġà quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-imsemmija proċedura tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha.

Madankollu, mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 112(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħha, kif ukoll l-argumenti ġuridiki mqajma speċifikament insostenn ta’ din it-talba. Appell ma jissodisfax dan ir-rekwiżit jekk, mingħajr ma jkun fih argumenti li jkunu intiżi speċifikament sabiex jiġi identifikat l-iżball ta’ liġi li bih tkun ivvizzjata s-sentenza appellata, sempliċiment jirrepeti jew jirripproduċi testwalment il-motivi u l-argumenti li jkunu tqajmu diġà quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

(ara l-punti 110, 111)

7.        Rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jikkonċerna l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) fis-sens tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li fatti li ma jkunux invokati mill-partijiet quddiem id-dipartimenti tal-Uffiċċju ma jistgħux jiġu invokati fl-istadju tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi fattwali fid-dawl tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Fil-fatt, il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi ta’ informazzjoni li dak il-bord seta’ jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu fil-mument meta ħa din id-deċiżjoni.

F’dan ir-rigward, mill-Artikoli 61(2) u 76 tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li, għall-finijiet tal-eżami fil-mertu tal-appell imressaq quddiemu, il-Bord tal-Appell għandu jistieden lill-partijiet, kemm-il darba jkun meħtieġ, jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-notifiki li huwa jibagħtilhom u li l-Bord tal-Appell jista’ anki jadotta miżuri ta’ istruttorja, li fosthom tinsab il-produzzjoni ta’ fatti jew ta’ provi. L-Artikolu 62(2) tar-Regolament Nru 40/94 jispeċifika, min-naħa tiegħu, li jekk il-Bord tal-Appell jirrinvija l-każ lid-dipartiment li jkun ħa d-deċiżjoni kkontestata sabiex ikompli jitrattah, dan id-dipartiment ikun marbut mill-motivi u mid-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell “sa fejn il-fatti jkunu l-istess”. Tali dispożizzjonijiet jixhdu l-possibbiltà li l-bażi fattwali tiġi arrikkita fid-diversi stadji tal-proċedimenti li jiżvolġu quddiem l-Uffiċċju. L-appellant għalhekk ma jistax jinvoka li ma kellux possibbiltajiet biżżejjed sabiex jipproduċi provi quddiem l-Uffiċċju.

Barra minn hekk, l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li l-Uffiċċju jista’ ma jiħux inkunsiderazzjoni fatti li l-partijiet ma jkunux invokaw jew provi li ma jkunux ipproduċew fil-ħin preskritt. Madankollu, il-provi li qatt ma jkunu tressqu quddiem l-Uffiċċju ma jkunux, fi kwalunkwe każ, prodotti fil-ħin preskritt u ma jistgħux jikkostitwixxu kriterju ta’ legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

(ara l-punti 136-141, 143)