Language of document : ECLI:EU:C:2024:11

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Jannar 2024 (*)

“Appell – Enerġija – Direttiva 2010/30/UE – Indikazzjoni, permezz ta’ ttikkettjar u ta’ informazzjoni standard tal-prodott, dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija – Regolament Delegat tal-Kummissjoni Ewropea li jissupplimenta din id-Direttiva – Ittikkettjar tal-enerġija tal-vacuum cleaners – Annullament – Rikors għad-danni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea – Rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi – Ksur manifest u gravi tal-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni – Elementi rilevanti fil-każ ta’ assenza ta’ marġni ta’ evalwazzjoni”

Fil‑Kawża C‑122/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑18 ta’ Frar 2022,

Dyson Ltd, stabbilita f’Malmesbury (ir-Renju Unit),

Dyson Technology Ltd, stabbilita f’Malmesbury,

Dyson Operations Pte Ltd, stabbilita f’Singapore (Singapore),

Dyson Manufacturing Sdn Bhd, stabbilita f’Senai (il-Malasja),

Dyson Spain SLU, stabbilita f’Madrid (Spanja),

Dyson Austria GmbH, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija),

Dyson sp. z o.o., stabbilita f’Varsavja (il-Polonja),

Dyson Ireland Ltd, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda),

Dyson GmbH, stabbilita f’Köln (il-Ġermanja),

Dyson SAS, stabbilita f’Pariġi (Franza),

Dyson Srl, stabbilita f’Milan (l-Italja),

Dyson Sweden AB, stabbilita fi Stokkolma (l-Isvezja),

Dyson Denmark ApS, stabbilita f’Kopenħagen (id-Danimarka),

Dyson Finland Oy, stabbilita f’Ħelsinki (il-Finlandja),

Dyson BV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn E. Batchelor, M. Healy u T. Selwyn Sharpe, avukati u solicitors,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland, B. De Meester u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei (Relatriċi), J.-C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑20 ta’ April 2023,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Lulju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom, Dyson Ltd u l-erbatax-il appellant l-ieħor jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑8 ta’ Diċembru 2021, Dyson et vs Il‑Kummissjoni (T‑127/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:870), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-kumpens għad-danni li huma allegatament sostnew minħabba l-adozzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013 tat‑3 ta’ Mejju 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija tal-vacuum cleaners (ĠU 2013, L 192, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 59, p. 40, iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”).

 Ilkuntest ġuridiku

2        Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/30/UE tad‑19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (ĠU 2010, L 153, p. 1) ġiet abrogata bir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU 2017, L 198, p. 1). Il-premessi 5 sa 8 ta’ din id-direttiva kienu jistabbilixxu:

“5.      Il-forniment ta’ informazzjoni preċiża, rilevanti u komparabbli dwar il-konsum speċifiku ta’ enerġija tal-prodotti marbutin mal-enerġija għandu jinfluwenza l-għażla tal-utenti finali favur dawk il-prodotti li jikkonsmaw jew indirettament iwasslu għal konsum inqas tal-enerġija u riżorsi oħra essenzjali matul l-użu, u b’hekk iwassal lill-produtturi biex jieħdu passi biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra essenzjali mill-prodotti li jimmanifatturaw. Għalhekk, il-manifatturi se jkollhom jieħdu azzjoni biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija u riżorsi essenzjali oħra mill-prodotti li jimmanifatturaw. Dan għandu jinkoraġġixxi wkoll indirettament l-użu effiċjenti ta’ dawn il-prodotti sabiex jikkontribwixxi għall-mira tal-UE ta’ 20 % effiċjenza tal-enerġija. Fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni, il-ħidma tal-forzi tas-suq waħidha tonqos milli tippromwovi l-użu razzjonali tal-enerġija u riżorsi essenzjali oħra għal dawn il-prodotti.

[...]

8.      L-informazzjoni tilgħab rwol importanti fil-ħidma tal-forzi tas-suq u huwa għalhekk neċessarju li tiġi introdotta tikketta uniformi għall-prodotti kollha tal-istess tip, sabiex ix-xerrejja potenzjali jiġu pprovduti b’informazzjoni supplimentari standard dwar l-ispejjeż ta’ dawk il-prodotti f’termini ta’ enerġija u l-konsum ta’ riżorsi essenzjali oħra u sabiex jittieħdu miżuri sabiex jiġi żgurat li utenti aħħarin potenzjali li ma jarawx il-prodott għall-wiri, u għalhekk li ma jkollhomx l-opportunità jaraw it-tikketta, ikunu wkoll fornuti b’din l-informazzjoni. Sabiex tkun effiċjenti u ta’ suċċess, it-tikketta għandha tkun tingħaraf faċilment mill-utent aħħari, sempliċi u fil-qosor. Għal dan il-għan il-format eżistenti tat-tikketta għandu jinżamm bħala l-bażi biex l-utenti aħħarin jiġu informati dwar l-effiċjenza tal-prodotti. Il-konsum tal-enerġija mill-prodotti u informazzjoni oħra dwarhom għandhom jitkejlu skont standards u metodi armonizzati.”

3        Skont l-Artikolu 1(1) u (2) tal-imsemmija direttiva:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-armonizzazzjoni ta’ miżuri nazzjonali dwar l-informazzjoni għall-utent aħħari, b’mod partikolari b’mezzi ta’ ttikkettar u b’informazzjoni standard dwar il-prodott, dwar il-konsum ta’ enerġija u, fejn rilevanti, dwar riżorsi essenzjali oħra waqt l-użu, u b’informazzjoni supplimentari dwar prodotti marbutin mal-enerġija, u b’hekk tippermetti lill-utenti aħħarin jagħżlu prodotti aktar effiċjenti.

2.      Din id-Direttiva għandha tapplika għall-prodotti marbutin mal-enerġija li għandhom impatt sinifikanti dirett jew indirett fuq il-konsum tal-enerġija u, fejn applikabbli, fuq ir-riżorsi essenzjali l-oħra waqt l-użu.”

4        Skont l-Artikolu 5(a) u (b) tal-istess direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li “l-fornituri li jqiegħdu fis-suq jew għat-tħaddim prodotti koperti minn att delegat jipprovdu tikketta u skeda skont din id-Direttiva u l-att delegat” u li dawn il-fornituri “jipproduċu dokumentazzjoni teknika li tkun biżżejjed sabiex tippermetti li tiġi vvalutata l-preċiżjoni tal-informazzjoni li jkun hemm fit-tikketta u l-iskeda.”

5        L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/30, intitolat “Atti delegati” kien jipprovdi:

“1.      Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi d-dettalji dwar it-tikketta u l-iskeda permezz ta’ atti delegati skont l-Artikoli 11, 12 u 13, dwar kull tip ta’ prodott skont dan l-Artikolu.

Fejn prodott jissodisfa l-kriterji msemmija fil-paragrafu 2, hu għandu jiġi kopert minn att delegat skont il-paragrafu 4.

Dispożizzjonijiet fl-atti delegati fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta fuq it-tikketta u fuq l-iskeda dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi essenzjali oħra matul l-użu għandhom jippermettu lill-utenti aħħarin biex jaslu għal deċiżjoni aħjar dwar ix-xiri u għandhom jippermettu lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jivverifikaw jekk il-prodotti jikkonformawx mal-informazzjoni pprovduta.

[...]

4.      L-atti delegati għandhom jispeċifikaw b’mod partikolari:

[...]

b)      l-istandards u l-metodi ta’ qisien li għandhom jintużaw biex tinkiseb l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1);

[...]

i)      il-livell ta’ preċiżjoni fl-istqarrijiet fuq it-tikketta u l-iskedi;

j)      id-data għall-evalwazzjoni u r-reviżjoni possibbli tal-att delegat, filwaqt li titqies il-ħeffa tal-progress teknoloġiku”.

6        L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-eżerċizzju tad-delega”, kien jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Is-setgħat sabiex jiġu adottati l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 10 għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin li jibda fid-19 ta’ Ġunju 2010. Il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport rigward is-setgħat delegati mhux aktar tard minn 6 xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ 5 snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi awtomatikament estiża għal perijodi tal-istess dewmien, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] ma jirrevokawhiex skont l-Artikolu 12.”

 Ilfatti li wasslu għallkawża

7        Abbażi tad-delega li kienet ingħatatilha mid-Direttiva 2010/30, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament kontenzjuż, li jimplimenta din id-direttiva fir-rigward tal-ittikkettjar tal-enerġija tal-vacuum cleaners. B’dan il-mod, hija adottat metodu ta’ test li jippermetti l-kejl, b’mod partikolari, tal-prestazzjoni enerġetika u tar-rata tat-tneħħija tat-trab tal-vacuum cleaners, fejn it-test jitwettaq b’kontenitur għat-trab vojt fil-bidu tat-testijiet ta’ ġbid fuq tipi differenti ta’ superfiċi (iktar ’il quddiem it-“test b’kontenitur vojt”).

8        L-ewwel appellanti hija manifattur ta’ vacuum cleaners ta’ disinn partikolari, imsejħa “ċikloniċi”, li l-prestazzjonijiet enerġetiċi tagħhom huma ogħla minn tipi oħra ta’ vacuum cleaners. Din il-prestazzjoni ġiet allegatament sottovalutata minħabba l-metodu ta’ test użat mill-Kummissjoni, sa fejn dan il-metodu ma ppermettiex li jingħata rendikont tat-tnaqqis fil-prestazzjonijiet tat-tipi l-oħra ta’ vacuum cleaners waqt li l-kontenitur għat-trab tagħhom jimtela. Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Ottubru 2013, din l-appellanti talbet l-annullament ta’ dan ir-regolament, billi sostniet b’mod partikolari n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi tali metodu ta’ test. Hija ssostni f’dan ir-rigward li dan il-metodu ma jiħux inkunsiderazzjoni l-prestazzjoni ta’ vacuum cleaner “matul l-użu”, kif kien meħtieġ mill-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz tas-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015, Dyson vs Il‑Kummissjoni (T‑544/13, EU:T:2015:836).

9        Fuq appell tal-ewwel appellanti, din is-sentenza ġiet annullata permezz tas-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni (C‑44/16 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza fl-appell”, EU:C:2017:357), u l-kawża ntbagħtet lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar ċerti elementi tar-rikors għal annullament, jiġifieri, minn naħa, l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-metodu ta’ test li hija kienet użat, u, min-naħa l-oħra, fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

10      Permezz tas-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018, Dyson vs Il‑Kummissjoni (T‑544/13 RENV, iktar ’il quddiem is-“sentenza ta’ annullament”, EU:T:2018:761), li saret definittiva, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet kisret element essenzjali tas-setgħa mogħtija mid-Direttiva 2010/30, jiġifieri li l-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi kellha tirrigwarda r-rendiment enerġetiku tal-apparat “matul l-użu”. Konsegwentement, hija annullat ir-Regolament kontenzjuż, mingħajr ma eżaminat it-tielet motiv.

 Irrikors quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Frar 2019, l-ewwel appellanti u l-appellanti l-oħra, li huma ekonomikament marbuta, ippreżentaw rikors li permezz tiegħu huma talbu l-kumpens għad-dannu li huma jallegaw li sostnew minħabba l-illegalità tar-Regolament kontenzjuż. Huma sostnew, essenzjalment, li l-Kummissjoni kienet wettqet diversi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, ta’ natura li tagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, jiġifieri ksur tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll tad-dmir ta’ diliġenza u, fl-aħħar nett, tad-dritt li tiġi eżerċitata attività professjonali.

12      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellanti u kkundannathom għall-ispejjeż, billi qieset li ebda waħda mill-illegalitajiet allegati, anki jekk dawn kienu ġew ikkunsidrati bħala stabbiliti, ma kienet tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-dispożizzjoni legali inkwistjoni.

13      Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-ksur tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30, il-Qorti Ġenerali qabelxejn ikkonstatat li l-Kummissjoni ma kellha ebda marġni ta’ evalwazzjoni, iżda rrilevat li din il-konstatazzjoni ma kinitx suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li kien hemm ksur suffiċjentement serju ta’ din id-dispożizzjoni, billi qieset li barra minn hekk kellha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati, id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tat-testi, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura u n-natura intenzjonali jew mhux skużabbli tal-iżball imwettaq (sentenza appellata, punti 36 sa 38). Meta eżaminat il-kuntest li fih twettqet l-illegalità taħt dawn l-aspetti differenti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat suċċessivament li kienu jeżistu diffikultajiet ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni fid-dawl tal-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30 u, b’mod iktar ġenerali, ta’ din id-direttiva meħuda fl-intier tagħha (sentenza appellata, punti 45 u 97) u li diversi elementi kienu ta’ natura li jistabbilixxu n-natura skużabbli tal-iżball kif ukoll il-kumplessità teknika tal-problemi li għandhom jiġu solvuti (sentenza appellata, punt 97). Abbażi ta’ dawn l-elementi, hija qieset li amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti setgħet tqis li hija kienet tesponi ruħha għal riskju billi tuża metodoloġija ta’ test ibbażata fuq l-użu ta’ kontenitur mimli, skont liema t-test ikompli sakemm il-kontenitur ikun mimli sa ċertu livell, iktar milli metodu ta’ test b’kontenitur vojt u, għaldaqstant, li l-Kummissjoni ma kinitx kisret, b’mod manifest u gravi, il-limiti imposti għas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha (sentenza appellata, punt 97).

14      It-tieni nett, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tat-tip ta’ vacuum cleaners immanifatturati mid-diversi operaturi ekonomiċi kkonċernati, il-Qorti Ġenerali qieset li l-eżistenza ta’ dubji leġittimi dwar il-validità xjentifika u l-eżattezza tar-riżultati li seta’ jwassal għalihom il-metodu ta’ test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard armonizzat EN 60312–1: 2013 adottat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) (iktar ’il quddiem l-“istandard Cenelec”) kien biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li, indipendentement minn kull differenza oġġettiva bejn il-vacuum cleaners “ċikloniċi” u t-tipi l-oħra ta’ vacuum cleaners, il-Kummissjoni ma kinitx kisret b’mod manifest u gravi l-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha u lanqas ma wettqet ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi tuża l-metodu ta’ test bil-kontenitur vojt (sentenza appellata, punti 110 u 111).

15      It-tielet nett, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ diliġenza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma naqsitx milli tosserva dan tal-aħħar, li ma ġiex stabbilit li hija naqset milli twettaq l-obbligu ta’ imparzjalità jew li wettqet użu ħażin ta’ proċedura, u lanqas, b’mod definittiv, li hija kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (sentenza appellata, punt 117), u fi kwalunkwe każ li hija ma kinitx kisret b’mod manifest u gravi l-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha u lanqas ma wettqet ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għal motivi analogi għal dawk adottati fir-rigward tal-ewwel żewġ illegalitajiet allegati (sentenza appellata, punt 118).

16      Fl-aħħar nett, ir-raba’ nett, fir-rigward tal-ksur tad-dritt li tiġi eżerċitata attività professjonali, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ebda ksur tal-libertà ta’ intrapriża jew tad-dritt għall-proprjetà ma ġie stabbilit (sentenza appellata, punt 130) u li, għall-bqija, l-argument tar-rikorrenti kien, essenzjalment, identiku għal dak żviluppat fir-rigward tat-tliet illegalitajiet l-oħra allegati, fir-rigward tal-validità tal-għażla li ma jiġix aċċettat il-metodu ta’ test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec, kien hemm lok li din tiġi miċħuda għall-istess motivi (sentenza appellata, punt 131).

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja u ttalbiet talappellanti

17      L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiddikjara li l-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni;

–        tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq lappell

19      Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw seba’ aggravji.

20      L-ewwel erba’ aggravji jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-ksur tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30 ma kienx jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi. Il-ħames sas-seba’ aggravju jirrigwardaw l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li l-ksur allegat, rispettivament, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll tad-dmir ta’ diliġenza u, fl-aħħar nett, tal-libertà ta’ intrapriża ma kienx suffiċjentement serju.

 Fuq lewwel aggravju, ibbażat fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni, ksur talawtorità ta’ res judicata u żball ta’ metodu waqt leżami talkunċett ta’ “ksur suffiċjentement serju”, filkuntest talevalwazzjoni talksur allegat tal-Artikolu 10(1) tadDirettiva 2010/30

21      L-ewwel aggravju jinkludi, essenzjalment, żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq nuqqas ta’ risposta għal motiv tal-appellanti u fuq il-ksur tal-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza ta’ annullament, u, it-tieni waħda, fuq il-ksur tal-kunċett ta’ “ksur suffiċjentement serju” u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

 Fuq lewwel parti

–       Largumenti talpartijiet

22      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, li hija indirizzata kontra l-punt 52 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi dwar il-motiv, ippreżentat insostenn tar-rikors għad-danni tagħhom, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx tadotta metodu ta’ test b’kontenitur vojt mingħajr ma tikser element essenzjali tal-att ta’ awtorizzazzjoni li kien jinkludi d-Direttiva 2010/30 u li dan il-ksur kien biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tagħha.

23      Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, sabiex tiddeċiedi dwar dan il-motiv, fid-dawl tal-punt 68 tas-sentenza tal-appell, kien neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni setgħetx teskludi l-metodu ta’ test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec minħabba dubji dwar il-validità xjentifika tar-riżultati miksuba b’dan il-metodu u l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi abbażi tagħhom, mingħajr ma twettaq ksur manifest u gravi tal-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni li hija kellha f’dan ir-rigward. Issa, skont ir-rikorrenti, l-imsemmi motiv kien jikkonċerna biss l-impossibbiltà għall-Kummissjoni li tadotta metodu ta’ test b’kontenitur vojt.

24      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kisret l-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza ta’ annullament. Fil-fatt, permezz ta’ din is-sentenza, li kienet preċiżament siltet il-konsegwenzi tal-punt 68 tas-sentenza fl-appell, il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet li l-għażla ta’ test b’kontenitur vojt kienet tikkostitwixxi fiha nnifisha ksur ta’ element essenzjali tad-Direttiva 2010/30 u li, konsegwentement, ma kienx neċessarju għaliha li tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ metodi ta’ testijiet xjentifikament validi b’kontenitur mimli.

25      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

26      Fil-punti 36 sa 38 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “l-Kummissjoni ma kellha ebda marġni ta’ evalwazzjoni li jippermettilha tmur lil hinn mill-mandat mogħti lilha mill-att ta’ awtorizzazzjoni, peress li [is-]setgħa delegata [li hija kellha] għandha tosserva, fi kwalunkwe każ, l-elementi essenzjali tal-att ta’ awtorizzazzjoni”, li, madankollu, “l-assenza ta’ marġni ta’ evalwazzjoni ma [kinitx] suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li jeżisti ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni”, iżda li kien hemm lok li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni “[kinitx] wettqet ksur suffiċjentement serju tal-obbligu li jiġi osservat l-element essenzjali tal-att ta’ awtorizzazzjoni li jikkostitwixxi r-rekwiżit previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30 [u, għal dan l-għan,] li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu solvuti, id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tat-testi, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura u n-natura intenzjonali jew mhux skużabbli tal-iżball imwettaq”.

27      Huwa f’dan il-kuntest li, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li “[h]uwa biss ksur manifest u gravi tal-limiti imposti fuq is-setgħa ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni għandha f’dan ir-rigward jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni”, fejn il-kliem “f’dan ir-rigward” jirreferu għall-fatt li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li “teskludi l-użu tal-metodu ta’ test [tat-]Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec fid-dawl tad-dubji dwar il-validità xjentifika tar-riżultati miksuba u tal-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi”.

28      Il-punt 52 tas-sentenza appellata għalhekk jaqa’ fil-kuntest tal-eżami li wettqet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 38 et seq. ta’ din is-sentenza, sabiex tiddetermina jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet ksur suffiċjentement serju tal-obbligu li jiġi osservat l-element essenzjali tal-att ta’ awtorizzazzjoni li l-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi kellha tirrigwarda r-rendiment enerġetiku tal-apparat “matul l-użu”, u, b’mod iktar partikolari, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, fil-punti 46 et seq. tal-imsemmija sentenza, tal-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi rregolata u tan-natura intenzjonali jew mhux skużabbli tal-iżball imwettaq mill-Kummissjoni. Konsegwentement, dan il-punt 52 ma jistax jinqara bħala li jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni, li l-Qorti Ġenerali kienet espressament eskludiet fil-punt 36 tas-sentenza appellata, iżda jikkostitwixxi l-punt ta’ tluq ta’ eżami tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni li wassluha tadotta metodu ta’ test b’kontenitur vojt, pjuttost milli metodu ta’ test b’kontenitur mimli, u b’hekk twettaq l-illegalità identifikata fis-sentenza ta’ annullament.

29      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li din l-illegalità tista’ tiġi kklassifikata bħala ksur suffiċjentement serju biss jekk jiġi kkonstatat, fil-kuntest tal-eżami taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni, li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-dawl tas-setgħa ta’ evalwazzjoni li hija għandha normalment f’sitwazzjoni fejn hija għandha twettaq analiżi u għażliet ta’ natura teknika.

30      Fi tmiem dan l-eżami, hija qieset, fil-punt 97 ta’ din is-sentenza, li, fid-dawl b’mod partikolari tal-kumplessità teknika tal-problemi li għandhom jiġu solvuti, “il-Kummissjoni ma [kinitx] kisret, b’mod manifest u gravi, il-limiti imposti fuq is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha” u, fil-punt 99 tal-imsemmija sentenza, li l-kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni intiża sabiex il-ksur tad-dispożizzjoni legali jkun suffiċjentement serju ma kinitx issodisfatta.

31      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minn naħa, il-Qorti Ġenerali rrispondiet għall-motiv li l-ksur, mill-Kummissjoni, tal-element essenzjali tal-att ta’ awtorizzazzjoni li jikkostitwixxi l-projbizzjoni li jintuża metodu ta’ test b’kontenitur vojt kien biżżejjed sabiex jikkostitwixxi “ksur suffiċjentement serju”, billi opponielha evalwazzjoni kuntrarja u billi indikat ir-raġunijiet ta’ din l-evalwazzjoni. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

32      Min-naħa l-oħra, huwa mingħajr ma kisret l-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza ta’ annullament li l-Qorti Ġenerali eżaminat iċ-ċirkustanzi fattwali tal-iżball li l-Kummissjoni wettqet billi injorat l-element essenzjali tal-att ta’ awtorizzazzjoni li jikkostitwixxi l-kriterju dwar l-“informazzjoni [...] dwar il-konsum tal-prodott [...] matul l-użu tiegħu”, li jinsab fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30, sabiex tiddetermina jekk dan l-iżball kienx jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

33      Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali adottat, bħala premessa tar-raġunament tagħha, il-konstatazzjoni li tirriżulta mill-imsemmija sentenza li tgħid li l-Kummissjoni ma kellha ebda marġni ta’ evalwazzjoni li jippermettilha li tmur lil hinn mill-mandat fdat lilha, filwaqt li barra minn hekk wettqet evalwazzjoni dwar il-kunċett ta’ “ksur suffiċjentement serju”, distinta minn dik magħmula fil-kuntest tar-rikors għal annullament li hija kienet taf biha preċedentement.

34      Għalhekk, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ittieni parti

–       Largumenti talpartijiet

35      L-appellanti jsostnu, qabelxejn, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, li kien meħtieġ li jsir magħruf jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet ksur manifest u gravi tal-limiti imposti fuq is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha billi ppreferiet tuża metodu ta’ test ibbażat fuq l-użu ta’ kontenitur vojt pjuttost milli ta’ kontenitur mimli. Minn din il-kunsiderazzjoni jirriżulta li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura skużabbli tal-iżball imwettaq mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali qieset li din kellha l-alternattiva li tikkonsisti fl-għażla bejn il-metodu ta’ test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec jew metodu ta’ test b’kontenitur vojt. Issa, l-appellanti jenfasizzaw li tali għażla ma kinitx teżisti, peress li l-Kummissjoni ma setgħetx tirrikorri għal dan l-aħħar metodu. Fil-fatt, il-Kummissjoni setgħet tirrikorri għal kull metodu ta’ test ieħor b’kontenitur mimli jew tieħu l-inizjattiva li tipproponi emenda għad-Direttiva 2010/30 intiża li tneħħi l-kriterju li jimponi li l-informazzjoni tagħti rendikont tal-konsum ta’ prodott “matul l-użu”.

36      Sussegwentement, is-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kwistjoni tal-validità xjentifika tal-metodu tat-test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec kienet deċiżiva, mingħajr ma tat iktar spjegazzjonijiet u filwaqt li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li hija kellha dubju dwar din il-validità fid-data tal-fatti kkunsidrati.

37      Fl-aħħar nett, l-appellanti jinvokaw żnaturament tal-provi u ksur tar-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova, billi jirreferu għall-kunsiderazzjonijiet magħmula f’dan ir-rigward fil-kuntest tar-raba’ aggravju.

38      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-ilmenti.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

39      Fil-punti 46 et seq. tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha dwar jekk il-ksur tad-dritt tal-Unjoni li ġġustifika l-annullament tar-Regolament kontenzjuż setax jiġi kklassifikat bħala suffiċjentement serju fid-dawl tal-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi rregolata u tan-natura intenzjonali jew mhux skużabbli tal-iżball imwettaq, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kuntest li fih il-Kummissjoni kienet wettqet l-iżball li jikkonsisti fl-għażla ta’ metodu ta’ test b’kontenitur vojt pjuttost milli b’kontenitur mimli, billi ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti madwar il-preparazzjoni u l-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż, b’mod partikolari fir-rigward tax-xogħlijiet imwettqa bl-għan li jiġi stabbilit metodu ta’ test, jiġifieri fid-dawl tal-elementi li, skont il-Qorti Ġenerali, hija kienet effettivament ħadet inkunsiderazzjoni. Fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali għalhekk ma ppruvatx tistabbilixxi tabella eżawrjenti tal-għażliet li kellha l-Kummissjoni, iżda sempliċement evalwat jekk, fil-kuntest konkret tal-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni kinitx wettqet ksur suffiċjentement serju tad-dispożizzjoni legali kkonċernata.

40      L-ewwel ilment, li bih il-Qorti Ġenerali hija kkritikata li kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet tqiegħdet quddiem għażla binarja, huwa għalhekk ibbażat fuq qari ineżatt tas-sentenza appellata.

41      Fir-rigward tat-tieni lment, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, li “l-kwistjoni dwar jekk il-metodu ta’ test [tat‑]Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec huwiex xjentifikament u teknikament fondat ma hijiex rilevanti f’dan il-każ”. Huwa għalhekk mingħajr ebda bażi li l-appellanti jikkritikawha li ma mmotivatx biżżejjed l-affermazzjoni li tgħid li l-kwistjoni tal-validità xjentifika ta’ dan il-metodu ta’ test kienet deċiżiva.

42      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-ilmenti tal-appellanti bbażati fuq żnaturament tal-provi u fuq il-ksur tar-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova ma jinkludux, fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, preċiżazzjonijiet neċessarji sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tagħhom.

43      Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, dan l-aggravju fl-intier tiegħu.

 Fuq ittieni aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata talkunċett ta’ “ksur suffiċjentement serju”, filkuntest talevalwazzjoni talksur allegat talArtikolu 10(1) tadDirettiva 2010/30

 Largumenti talpartijiet

44      Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma ddeċidietx li l-fatt li r-regola miksura ma kienet tagħti ebda marġni ta’ evalwazzjoni lill-Kummissjoni kien fundamentali u deċiżiv sabiex jiġi konkluż li kien hemm ksur suffiċjentement serju. Huma jibbażaw dan l-aggravju fuq ħames elementi tal-kuntest li huma jqisu l-uniċi determinanti, jiġifieri, l-ewwel nett, il-fatt li l-kriterju li l-informazzjoni għandha tirrigwarda l-konsum tal-prodott matul l-użu tiegħu kien element essenzjali tad-Direttiva 2010/30 u li kien ġie stabbilit bl-għan li tiġi limitata s-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni, it-tieni nett, l-importanza tal-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent imfittex minn din id-direttiva, it-tielet nett, in-natura essenzjali tal-imsemmi kriterju sabiex jintlaħaq dan l-għan, ir-raba’ nett, il-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bin-natura qarrieqa tal-metodu tat-test magħżul u, il-ħames nett, l-impossibbiltà għall-manifatturi li jissupplimentaw b’informazzjoni oħra dik ipprovduta mit-tikketti tal-enerġija.

45      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li elementi oħra setgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħal diffikultajiet ta’ interpretazzjoni jew il-kumplessità leġiżlattiva, il-Qorti Ġenerali kellha tibbilanċjahom man-nuqqas ta’ osservanza ta’ kriterju li ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni, li ma setax jiġi ssostitwit minn kunsiderazzjonijiet oħra.

46      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-aggravju.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

47      Għandu jitfakkar li, fost il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, hemm ir-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Tali ksur huwa stabbilit meta dan jimplika nuqqas manifest u gravi mill-istituzzjoni kkonċernata tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Għalhekk, l-identifikazzjoni ta’ tali ksur tippreżupponi l-konstatazzjoni ta’ irregolarità li ma kinitx titwettaq, f’ċirkustanzi analogi, minn amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 43).

50      Sabiex jiġi ddeterminat jekk ksur ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni għandux jitqies li huwa suffiċjentement serju, għandu jsir riferiment għall-qasam, għall-kundizzjonijiet kif ukoll għall-kuntest li fih l-istituzzjoni tintervjeni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2017, Médiateur vs Staelen (C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      L-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura kif ukoll il-portata tal-marġni ta’ evalwazzjoni li din ir-regola tħalli lill-awtorità tal-Unjoni (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi solvuta, id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tat-testi (sentenza tad‑19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll in-natura skużabbli jew mhux skużabbli ta’ żball ta’ liġi eventwali (sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2003, Evans, C‑63/01, EU:C:2003:650, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 48 sa 51 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tagħha, il-portata tal-marġni ta’ evalwazzjoni li d-dispożizzjoni legali miksura kienet tħalli lill-awtorità tal-Unjoni hija biss wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk din l-awtorità wettqitx ksur suffiċjentement serju ta’ din ir-regola. Jekk dan huwa element rilevanti, li għandu jiġi eżaminat fil-każijiet kollha, l-assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija mid-dispożizzjoni miksura ma għandhiex neċessarjament bħala konsegwenza li l-ksur tagħha huwa suffiċjentement serju.

53      Fil-fatt, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, elementi oħra jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, fid-dawl tal-kuntest li fih twettaq il-ksur ikkonstatat. Għalhekk, il-ksur ta’ dispożizzjoni legali li ma tħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtorità kkonċernata jista’, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, ma jidhirx manifest, u għalhekk suffiċjentement serju, b’mod partikolari jekk jirriżulta minn żball ta’ liġi skużabbli fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tat-test li jinkludi din ir-regola.

54      Konsegwentement, għalkemm, f’ċerti sitwazzjonijiet, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jwassal sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju meta r-regola miksura tħalli biss lill-awtorità tal-Unjoni li wettqet dan il-ksur marġni ta’ diskrezzjoni ridott, jew saħansitra ineżistenti, tali konstatazzjoni tista’ tirriżulta biss miċ-ċirkustanzi kollha relatati ma’ dan il-ksur, meta l-eżami tagħhom ma jiżvela ebda element rilevanti ieħor li jwassal sabiex titwarrab in-natura manifesta u gravi tal-ksur ta’ dan il-limitu tas-setgħa diskrezzjonali.

55      Fis-sentenza appellata, kif ġie ddikjarat fil-punt 22 tagħha, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett iddeterminat jekk il-Kummissjoni kellhiex marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-osservanza tal-kriterju li jgħid li l-informazzjoni kellha tirrigwarda l-konsum tal-prodott matul l-użu tiegħu u kkonstatat li dan ma kienx il-każ, fil-punt 36 ta’ din is-sentenza. Sussegwentement hija kkunsidrat, fil-punti 37 u 38 tagħha, essenzjalment, li din il-konstatazzjoni ma kinitx suffiċjenti, fiha nnifisha, sabiex jiġi konkluż li kien hemm ksur suffiċjentement serju tad-dispożizzjoni miksura u identifikat numru ta’ elementi li hija qieset rilevanti sabiex tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ tali ksur, jiġifieri l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu solvuti, id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tat-testi, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura u n-natura intenzjonali jew mhux skużabbli tal-iżball imwettaq. Sussegwentement hija ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ qabel ma kkonkludiet, fil-punt 97 tiegħu, li l-Kummissjoni ma kinitx kisret b’mod manifest u gravi l-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha.

56      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 53 sa 55 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi.

57      Barra minn hekk, mill-punt 54 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-determinazzjoni tal-elementi rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju taqa’ taħt evalwazzjoni li, bla ħsara għal żbalji ta’ liġi, tista tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ appell fil-każ biss ta’ żnaturament. Issa, l-appellanti jillimitaw ruħhom, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li jopponu b’mod impliċitu għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali elementi oħra li, fil-fehma tagħhom, kienu determinanti.

58      Minn dak li ntqal preċedentement isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittielet aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata talkunċett ta’ “ksur suffiċjentement serju” u talksur talawtorità ta’ res judicata, fiddawl talassenza ta’ kumplessità ġuridika

 Largumenti talpartijiet

59      Dan l-aggravju jirrigwarda l-punti 42, 43 u 45 tas-sentenza appellata. Dan huwa bbażat, essenzjalment, fl-ewwel parti tiegħu, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “ksur suffiċjentement serju” ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi sussegwenti għall-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż, u, fit-tieni parti tiegħu, fuq il-ksur tal-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza ta’ annullament.

60      Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tirreferi għall-iżvolġiment tal-proċedura għal annullament relatata mar-Regolament kontenzjuż sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tat-testi li rregolaw l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament. B’mod komplementari, huma jikkontestaw il-mod kif għamlet din l-evalwazzjoni.

61      Fil-fehma tagħhom, minn naħa, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ħadet inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra minbarra dawk li fihom aġixxiet il-Kummissjoni fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż, peress li ebda tagħlima ma tista’ tinsilet minn ċirkustanzi sussegwenti. Min-naħa l-oħra, il-fatt li, permezz tas-sentenza fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet lura l-eżami tar-rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali ma żvela ebda kumplessità legali, peress li din tal-aħħar sempliċement iddeċidiet, permezz tas-sentenza ta’ annullament, li l-għażla ta’ metodu ta’ test b’kontenitur vojt kienet kuntrarja għall-att ta’ awtorizzazzjoni u li l-allegata impossibbiltà li jintuża metodu ta’ test b’kontenitur mimli kienet mingħajr effett f’dan ir-rigward.

62      Fit-tieni lok, il-punt 68 tas-sentenza fl-appell ma jindikax li, sabiex tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors għal annullament sa fejn kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30, kien hemm lok li jsir ibbilanċjar bejn l-obbligu li jiġi adottat metodu ta’ test li jirrifletti l-kundizzjonijiet reali ta’ użu u l-obbligu ta’ preċiżjoni tar-riżultati tat-test. Għall-kuntrarju, mis-sentenza ta’ annullament jirriżulta li dawn iż-żewġ obbligi kienu kumulattivi. L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li kien hemm diffikultajiet ta’ interpretazzjoni marbuta mal-kumplessità u man-nuqqas ta’ preċiżjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva hija għalhekk ibbażata fuq ksur tal-awtorità ta’ res judicata marbuta mas-sentenza ta’ annullament kif ukoll fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza fl-appell.

63      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza taż-żewġ partijiet ta’ dan l-aggravju.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

64      Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, għandu jitfakkar li l-livell ta’ serjetà tal-ksur ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni mwettaq mill-istituzzjoni inkwistjoni, sa fejn huwa intrinsikament marbut ma’ dan il-ksur, ma jistax jiġi evalwat f’mument differenti minn dak li fih twettaq l-imsemmi ksur. Minn dan isegwi li l-eżistenza ta’ “ksur suffiċjentement serju” għandha neċessarjament tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi li fihom aġixxiet l-istituzzjoni f’dan il-mument preċiż (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punti 45 u 46).

65      Għalkemm l-assenza jew l-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ applikazzjoni u ta’ interpretazzjoni tat-testi li jirregolaw l-adozzjoni tal-att li jikkostitwixxi ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tat-test tar-regola kkonċernata u b’riferiment għall-mument tal-adozzjoni tal-att ikkontestat, xejn ma jipprekludi madankollu li din tiġi evalwata b’riferiment għal elementi ta’ ġurisprudenza rilevanti, minħabba indikazzjonijiet li jinsabu fihom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 59). Dawn jistgħu jkunu, jekk ikun il-każ, indikazzjonijiet li jinsabu f’deċiżjonijiet sussegwenti għall-adozzjoni tal-att inkwistjoni, kemm jekk ikunu ta’ natura li jiżvelaw l-assenza ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tat-test li dan l-att injora, bħal deċiżjoni li tikkonstata li dan it-test jikkostitwixxi att ċar, jew, għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet, bħal deċiżjoni li tiċċara l-portata tal-imsemmi test jew tad-deċiżjonijiet diverġenti fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħatalu.

66      F’dan il-każ, tali elementi tal-ġurisprudenza kienu jeżistu, peress li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30 kien dispożizzjoni determinanti fil-kuntest tal-proċedura għal annullament relatata mar-Regolament kontenzjuż.

67      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tqis rilevanti li tirreferi għall-punti 40 sa 45 tas-sentenza appellata, essenzjalment, għad-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest tal-proċedura għal annullament suċċessivament mill-Qorti tal-Ġustizzja, fuq appell, u mill-Qorti Ġenerali, fuq rinviju, inkluż għalhekk għall-motivi tas-sentenza tal-appell relatati mar-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, sabiex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk l-osservanza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30 kinitx tqajjem kwistjonijiet kumplessi u diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni fid-dawl, b’mod partikolari, tal-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-portata tal-kliem “matul l-użu”.

68      Għalhekk, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

69      Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 41 sa 44 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motivi tas-sentenza ta’ annullament fid-dawl tas-sentenza fl-appell. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, li mis-sentenza fl-appell kien jirriżulta li kien hemm lok li jiġi bbilanċjat, minn naħa, l-obbligu li jintuża metodu ta’ kalkolu li jippermetti li titkejjel il-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners f’kundizzjonijiet kemm jista’ jkun simili għall-kundizzjonijiet reali ta’ użu, li jeżiġi li l-kontenitur tal-vacuum cleaner ikun mimli sa ċertu livell, u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti marbuta mal-validità xjentifika tar-riżultati miksuba u mal-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi, li kien għamel neċessarju li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjoni kkonċernata. Sussegwentement hija kkonstatat, fil-punti 43 u 44 tas-sentenza appellata, li, fis-sentenza ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali kienet interpretat il-motivi tas-sentenza fl-appell fis-sens li dan l-obbligu u dawn ir-rekwiżiti kienu jikkostitwixxu żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, b’tali mod li n-nuqqas ta’ osservanza tal-ewwel waħda kien suffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni u, għalhekk, sabiex jiġi annullat ir-Regolament kontenzjuż.

70      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, li dawn l-elementi ta’ motivazzjoni kienu jistabbilixxu li l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30 għall-każ speċifiku tal-vacuum cleaners kienet tqajjem ċerti diverġenzi ta’ evalwazzjoni, li kienu jindikaw diffikultajiet ta’ interpretazzjoni fir-rigward taċ-ċarezza u tal-preċiżjoni ta’ din id-dispożizzjoni u, b’mod iktar ġenerali, tad-Direttiva 2010/30 meħuda fl-intier tagħha.

71      B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma kisritx l-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza ta’ annullament. Fil-fatt, hija ma bbażatx l-evalwazzjoni tagħha biss fuq din is-sentenza, iżda fuq il-paragun bejn ir-raġunament li sar f’din is-sentenza u r-raġunament li kienet tirriżulta minnu s-sentenza tal-appell. L-argument tal-appellanti li jgħid li, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali, is-sentenza ta’ annullament tar-Regolament kontenzjuż turi li l-kuntest ġuridiku ma kien jirċievi ebda kumplessità għandu jiġi miċħud għall-istess raġuni, peress li l-evalwazzjoni kkritikata tirrigwarda mhux l-eżami ta’ din is-sentenza fiha nnifisha, iżda l-paragun tagħha mas-sentenza fl-appell. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-eżamijiet li għamlet il-Qorti Ġenerali, minn naħa, fis-sentenza ta’ annullament, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, u, min-naħa l-oħra, fis-sentenza appellata, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, huma ta’ natura differenti. Fil-fatt, fis-sentenza ta’ annullament, hija kellha biss tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, u mhux fuq l-eżistenza ta’ “ksur suffiċjentement serju”.

72      Konsegwentement, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq irraba’ aggravju, ibbażat fuq ilksur f’diversi aspetti talkunċett ta’ “ksur suffiċjentement serju”, dwar ilkriterju ta’ evalwazzjoni dwar ilkumplessità tassitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati

73      Ir-raba’ aggravju, li essenzjalment jinkludi tmien partijiet, huwa bbażat fuq il-ksur f’diversi aspetti tal-kunċett ta’ “ksur suffiċjentement serju” ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, dwar il-kriterju ta’ evalwazzjoni relatat mal-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati.

 Fuq lewwel parti tarraba’ aggravju

–       Largumenti talpartijiet

74      L-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, li l-kwistjoni tal-validità xjentifika tal-metodu tat-test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec kienet rilevanti sabiex tiġi evalwata l-kumplessità tal-kuntest leġiżlattiv. Fil-fatt, peress li ġie stabbilit li l-Kummissjoni kienet injorat element essenzjali tad-Direttiva 2010/30, kien legalment irrilevanti li jiġi eżaminat ukoll jekk il-Kummissjoni kellhiex dubji leġittimi dwar dan il-metodu. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa, f’dan ir-rigward ukoll, ivvizzjat sa fejn hija kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha quddiemha l-alternattiva li tikkonsisti fl-għażla bejn metodu ta’ test irregolari, għaliex imwettaq b’kontenitur vojt, u l-metodu ta’ test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec.

75      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-parti.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

76      Għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, il-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi rregolata hija element rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jistax jiġi kklassifikat bħala suffiċjentement serju.

77      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat espliċitament li kien neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni setgħetx teskludi l-użu tal-metodu tat-test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec fid-dawl tad-dubji dwar il-validità xjentifika tar-riżultati miksuba u tal-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi, sabiex tiddeċiedi dwar l-argument tal-appellanti. Fil-fatt, mill-punti 46, 47, 49 u 50 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dawn tal-aħħar sostnew li l-użu ta’ metodu ta’ test b’kontenitur mimli ma kien jippreżenta ebda kumplessità partikolari u li l-metodu ta’ test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec kien xjentifikament validu, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ preċiżjoni, ta’ affidabbiltà u ta’ riproduċibbiltà tal-miżuri.

78      Min-naħa l-oħra, mis-sentenza fl-appell jirriżulta, b’mod partikolari mill-punti 19 sa 42, 68, 70 u 83 tagħha, li l-kwistjoni tar-riproduċibbiltà tal-miżuri meħuda permezz tal-metodu ta’ test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelac, marbut mal-validità xjentifika tar-riżultati miksuba u mal-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi, kien element importanti fil-proċedura relatata mar-rikors għal annullament, u dan kemm qabel kif ukoll wara l-kjarifika minn din is-sentenza tal-portata tat-termini “matul l-użu” li jinsabu fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30. Fil-fatt, din il-kwistjoni kienet ġiet diskussa quddiem il-Qorti Ġenerali matul l-ewwel fażi ta’ dan ir-rikors u mill-punti 68 u 70 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li kienet rilevanti.

79      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta ddeċidiet li teżamina l-kumplessità tas-sitwazzjoni li kellha tiġi solvuta u, f’dan il-kuntest, ħadet inkunsiderazzjoni l-imsemmija kwistjoni.

80      Għall-bqija, mir-risposta għall-ewwel aggravju jirriżulta li l-ilment tal-appellanti dwar il-fatt li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet tinsab quddiem alternattiva huwa bbażat fuq qari ineżatt tas-sentenza appellata.

81      Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel parti tar-raba’ aggravju tista’ tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ittieni u rraba’ parti tarraba’ motiv

–       Largumenti talpartijiet

82      Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jinvokaw żnaturament tal-provi u ksur tar-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni. Huma jsostnu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li, fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż, hija kellha dubji dwar il-validità xjentifika tar-riżultati miksuba u l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi bil-metodu ta’ test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec. Konsegwentement, fl-assenza ta’ prova f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonstata l-eżistenza ta’ tali dubji, fil-punt 52 tas-sentenza appellata. Hija tilmenta wkoll li ma indikatx ir-raġuni għalfejn l-eżami tal-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi solvuta kien jiddependi mill-kwistjoni dwar “jekk il-Kummissjoni kinitx ċaħdet il-validità xjentifika ta’ metodu wieħed ta’ mili”.

83      Fil-kuntest tar-raba’ parti, li għandha tiġi eżaminata flimkien mat-tieni parti, l-appellanti jsostnu li, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat l-Artikolu 7 tar-Regolament kontenzjuż bħala element rilevanti. Permezz tal-ewwel ilment tagħhom, huma jinvokaw l-iżnaturament ta’ dan l-artikolu, peress li dan ma jinkludix “dikjarazzjoni” tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ użu tal-metodu ta’ test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec minħabba l-eżistenza ta’ dubji dwar il-validità xjentifika tiegħu. Għall-kuntrarju, l-imsemmi artikolu jikkonferma li, fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni kienet għadha ma eżaminatx il-possibbiltà li tirrikorri għal metodi ta’ kejl b’kontenitur mimli.

84      Permezz tat-tieni lment tagħhom, l-appellanti jsostnu li, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-imsemmi Artikolu 7, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita u kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom, fl-assenza ta’ prova dwar il-fatt li l-Kummissjoni kienet wettqet evalwazzjoni tal-imsemmi metodu ta’ test.

85      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-ilmenti fformulati f’dawn iż-żewġ partijiet.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

86      Fir-rigward tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat dan li ġej:

“Mill-Artikolu 7 tar-regolament [kontenzjuż] jirriżulta li l-Kummissjoni qieset, fid-dawl tal-istat ta’ konoxxenzi tekniċi, li l-metodu ta’ test [tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec] ma setax jintuża abbażi tal-Artikolu 10(4)(b) tad-Direttiva 2010/30. Tali esklużjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Kummissjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners, impliċitament qieset li l-imsemmi metodu ta’ test ma kienx jikkostitwixxi metodu ta’ kejl u ta’ kalkolu affidabbli, preċiż u riproduċibbli, fis-sens tal-Artikolu 5 ta[r]- regolament [kontenzjuż]. Il-Kummissjoni għalhekk ippreferiet tagħżel metodu ta’ test ibbażat fuq l-użu ta’ kontenitur vojt li, għalkemm jirrifletti firxa ta’ użu iktar stretta minn metodu bbażat fuq l-użu ta’ kontenitur mimli, kien jissodisfa l-kriterji ta’ affidabbiltà, ta’ preċiżjoni u ta’ riproduċibbiltà.”

87      Permezz ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, indikat preċiżament fuq liema elementi, li jirriżultaw mir-Regolament kontenzjuż innifsu, hija bbażat il-konstatazzjoni tagħha li l-Kummissjoni kellha dubji rigward il-metodu ta’ test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi ma jinkludi ebda ksur tar-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova. Min-naħa l-oħra, hija hekk immotivat ukoll din il-konstatazzjoni u indikat l-importanza mogħtija lill-elementi ta’ kuntest li wasslu lill-Kummissjoni twarrab dan il-metodu sabiex tevalwa l-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi rregolata, peress li din id-deċiżjoni wasslet sabiex jiġi adottat metodu li sussegwentement irriżulta irregolari.

88      Madankollu, permezz tal-ewwel ilment tagħhom tar-raba’ parti, l-appellanti jsostnu li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 60 tas-sentenza appellata jirriżultaw minn żnaturament tal-Artikolu 7 tar-Regolament kontenzjuż.

89      Dan l-artikolu, li l-Qorti Ġenerali rriferiet għalih fil-punt 60 tas-sentenza appellata, kien ifformulat kif ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku sa mhux aktar tard minn ħames snin wara li jkun daħal fis-seħħ. Ir-reviżjoni għandha b’mod partikolari tivvaluta [...] jekk hux vijabbli li jintużaw metodi ta’ kejl għall-konsum annwali tal-enerġija, għat-trab miġbur u għall-emissjoni mill-ġdid tat-trab li huma bbażati fuq kejl b’kontenitur parzjalment mimli pjuttost milli b’kontenitur vojt.”

90      Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, fl-imsemmi punt 60, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex l-intenzjoni li tirreplika t-termini ta’ din id-dispożizzjoni, iżda li tislet minnha tagħlimiet, kif jindikaw il-kliem “mill-Artikolu 7 tar-regolament [kontenzjuż] jirriżulta”.

91      Fit-tieni lok, dan il-punt isegwi diversi konstatazzjonijiet relatati mad-Direttiva 2010/30, mar-Regolament kontenzjuż u mal-pubblikazzjoni tal-istandard Cenelec f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li jinsabu fil-punti 55 sa 58 tas-sentenza appellata, li fil-kuntest tagħhom jaqgħu l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, kif jindikaw il-kliem “[f]’dan ir-rigward”, li jibda bihom il-punt 59 tal-imsemmija sentenza.

92      Għalhekk, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat li d-Direttiva 2010/30 kienet timponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tuża standards u metodi ta’ kejl armonizzati sabiex tiddetermina l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-indikaturi rilevanti, bħall-konsum tal-enerġija (sentenza appellata, punt 55). It-tieni nett, hija rreferiet għal diversi elementi tar-Regolament kontenzjuż, jiġifieri l-premessa 4 u l-Artikolu 5 tiegħu, intitolat “Metodi ta’ kejl”, li jindikaw li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta kellha tinkiseb permezz ta’ metodi ta’ kejl u ta’ kalkolu affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-metodi ta’ kejl u ta’ kalkolu rrikonoxxuti l-iktar reċenti, li jirreferi għall-Anness VI ta’ dan ir-regolament. Hija, b’mod partikolari, fakkret li l-punt 1 ta’ dan l-anness kien isemmi għal dan il-għan l-istandards armonizzati li n-numri ta’ referenza tagħhom kienu ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali u kien jispeċifika li dawn l-istandards kellhom ikunu konformi mad-definizzjonijiet, mal-kundizzjonijiet, mal-ekwazzjonijiet u mal-parametri tekniċi stabbiliti f’dan l-anness (sentenza appellata, punt 56). Fl-aħħar, it-tielet nett, il-Qorti Ġenerali semmiet li r-riferimenti tal-istandard Cenelec kienu ġew ippubblikati f’komunikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, li fiha ġie ppreċiżat li t-Taqsima 5.9 ta’ dan l-istandard kienet ġiet eskluża mill-kwotazzjoni kkonċernata, u minn dan irriżulta li, għall-applikazzjoni tal-Anness VI tar-Regolament kontenzjuż, l-istandard armonizzat dwar il-kalkolu tal-prestazzjoni tat-tneħħija tat-trab u tal-konsum annwali tal-enerġija tal-vacuum cleaners kien iddeterminat abbażi ta’ testijiet b’kontenitur vojt (sentenza appellata, punti 57 u 58).

93      Mill-elementi kollha msemmija fil-punti 90 sa 92 ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-tagħlim meħud mill-Qorti Ġenerali mill-Artikolu 7 tar-Regolament kontenzjuż, imqiegħed fil-kuntest tiegħu u ċċarat minnha, ma huwiex irrikonċiljabbli mal-kliem ta’ dan l-artikolu.

94      Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-appellanti li l-Artikolu 7 tar-Regolament kontenzjuż seta’ jinftiehem fis-sens li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat il-metodu ta’ test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż, iżda kienet ipprevediet li tipproċedi ulterjorment, għandu jitfakkar li l-fatt li element tal-fajl ippreżentat lill-Qorti Ġenerali jista’ jkun is-suġġett ta’ qari differenti minn dak użat minnha ma huwiex biżżejjed sabiex juri li din tal-aħħar hija bbażata fuq żnaturament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs ANKO (C‑78/14 P, EU:C:2021:732, punt 55). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-użu, f’dan l-artikolu, tal-kliem “tirrevedi” u “fid-dawl tal-progress teknoloġiku” jirrendi improbabbli l-interpretazzjoni proposta mill-appellanti, iżda, għall-kuntrarju, isostni dik magħmula mill-Qorti Ġenerali.

95      Fl-aħħar nett, l-ilment li jgħid li, permezz tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita u bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, għandu jiġi miċħud minħabba li, permezz ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, din tal-aħħar sempliċement evalwat il-portata ta’ element tal-proċess ippreżentat quddiemha. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament kontenzjuż kien neċessarjament l-element ċentrali tar-rikors għad-danni li l-Qorti Ġenerali kienet adita bih u kien jagħmel parti minn dan il-proċess, li l-appellanti kienu jafu bih u li huma setgħu jieħdu pożizzjoni dwaru. Konsegwentement, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tieħu dan ir-regolament inkunsiderazzjoni u, jekk ikun il-każ, li tislet minnu t-tagħlim li hija tqis utli sabiex tevalwa r-rilevanza tat-teżijiet rispettivi tal-partijiet fir-rigward ta’ ċirkustanza fattwali relatata mal-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi rregolata.

96      Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni u r-raba’ parti tar-raba’ aggravju jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq ittielet parti tarraba’ aggravju

–       Largumenti talpartijiet

97      Permezz tat-tielet parti tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw id-dikjarazzjoni li tinsab fl-aħħar tal-punt 53 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-Kummissjoni kellha perijodu ta’ ħames snin, mid‑19 ta’ Ġunju 2010, sabiex tadotta l-atti delegati previsti mid-Direttiva 2010/30, konformement mal-Artikolu 11(1) tagħha.

98      Minn naħa, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ħadet inkunsiderazzjoni din id-dispożizzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kumplessità leġiżlattiva, peress li kkunsidrat li l-“pressjoni temporali” li tirriżulta minnha setgħet tiġġustifika l-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż li jimponi metodu ta’ test b’kontenitur vojt, filwaqt li l-imsemmija dispożizzjoni ma imponiet ebda terminu imperattiv fuq il-Kummissjoni.

99      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li dan il-perijodu ta’ ħames snin li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tadotta r-Regolament kontenzjuż kellu effett fuq l-aġir tagħha, fl-assenza ta’ kwalunkwe prova f’dan ir-rigward.

100    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-parti.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

101    Fil-punt 53 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement fakkret il-kontenut ta’ ċerti elementi tal-preambolu u tad-dispożittiv tad-Direttiva 2010/30, fosthom l-Artikolu 11(1) tagħha, mingħajr ma ddeduċiet minn dan ebda indikazzjoni.

102    Għaldaqstant, il-kritika magħmula lill-Qorti Ġenerali li, b’dan il-mod, ikkunsidrat li dan l-artikolu kien jeżerċita “pressjoni temporali” fuq il-Kummissjoni billi jimponilha li tadotta r-Regolament kontenzjuż f’ċertu terminu, hija bbażata fuq qari ineżatt ta’ dan il-punt.

103    Barra minn hekk, sa fejn jista’ jiġi kkunsidrat li l-appellanti jirreferu wkoll għall-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 95 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li mill-kliem stess ta’ dan il-punt jirriżulta li dawn il-kunsiderazzjonijiet saru għal finijiet ta’ kompletezza, wara li, fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet mill-iżviluppi kollha li ppreċedew li l-Kummissjoni setgħet tqis, mingħajr ma teċċedi b’mod manifest u gravi l-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha, li l-metodu ta’ test fit-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec ma kienx xieraq sabiex jiggarantixxi l-validità xjentifika u l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi u tagħżel, alternattivament, metodu ta’ test adattat sabiex jissodisfa l-kriterji ta’ validità u ta’ preċiżjoni tal-informazzjoni.

104    Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tadotta l-imsemmija kunsiderazzjonijiet, peress li, indipendentement mill-iżball ta’ liġi li hija wettqet fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30, il-Kummissjoni setgħet tqis li hija kienet marbuta tilleġiżla dwar il-vacuum cleaners. Fil-fatt, it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu kien jipprevedi li kull prodott li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, li fosthom kien hemm dan it-tip ta’ prodotti, kellu jiġi rregolat minn att delegat tal-Kummissjoni.

105    It-tielet parti tar-raba’ aggravju għandha għaldaqstant tiġi miċħuda.

 Fuq ilħames parti tarraba’ aggravju

–       Largumenti talpartijiet

106    Il-ħames parti tar-raba’ aggravju fiha żewġ ilmenti. Permezz tal-ewwel ilment tagħhom, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali żnaturat, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, l-argument tagħhom dwar il-mandat mogħti mill-Kummissjoni liċ-Cenelec. Permezz tat-tieni lment tagħhom, huma jsostnu li huwa ma mmotivatx id-dikjarazzjoni li tinsab fil-punt 68 ta’ din is-sentenza li l-iżvilupp ta’ metodu ta’ test tal-prestazzjoni tat-tneħħija tat-trab ibbażat fuq l-użu ta’ kontenitur mimli għall-finijiet tal-kalkolu tal-prestazzjoni tal-enerġija kien ta lok għal diffikultajiet u lanqas ma tathom il-possibbiltà li jesprimu ruħhom f’dan ir-rigward.

107    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-ilmenti.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

108    Fil-punt 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet għal rapport taċ-Cenelec, ikkwalifikat bħala rapport finali, li fih dan l-organu nnota li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ma tadottax il-proċedura dwar il-prestazzjoni tat-tneħħija tat-trab minn tapit u art iebsa għall-finijiet tal-implimentazzjoni tar-Regolament kontenzjuż. Il-Qorti Ġenerali rrilevat li, minkejja li dan l-organu kien indika li din il-proċedura kienet tagħmel parti mill-istandard Cenelec, l-imsemmija proċedura kienet tikkonċerna diversi punti ta’ dan l-istandard li ma kinux jagħmlu parti mill-istandards armonizzati msemmija fil-punt 1 tal-Anness VI ta’ dan ir-regolament. Minn dan hija ddeduċiet li l-argument tar-rikorrenti relatat ma’ dawn il-punti ma kienx rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni setgħetx teskludi l-użu tal-metodu tat-test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec mingħajr ma tikser, b’mod manifest u gravi, il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha.

109    Permezz tal-ewwel ilment tagħhom, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-argument li huma kienu ppreżentaw, li huma jidentifikaw bħala “l-uniku argument li Dyson ippreżentat dwar il-mandat M353”.

110    Għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma jippreċiżawx is-silta jew is-siltiet tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom li ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u għalhekk ma jippermettux lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-fondatezza tal-allegazzjonijiet tagħhom.

111    Konsegwentement, ir-raba’ lment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

112    Permezz tat-tieni lment tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx l-evalwazzjoni tagħha, li tinsab fil-punt 68 tas-sentenza appellata, skont liema l-iżvilupp ta’ metodu ta’ test tal-prestazzjoni tat-tneħħija tat-trab tal-vacuum cleaners ibbażat fuq l-użu ta’ kontenitur mimli għall-finijiet tal-kalkolu tal-prestazzjoni tal-enerġija ta lok għal diffikultajiet.

113    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li “waħda mid-diffikultajiet inerenti [għall-] metodu ta’ test [tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec] kienet marbuta man-neċessità li jiġi ddefinit minn qabel dak li jikkostitwixxi kontenitur mimli” u, fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, li dan il-metodu “għalhekk jinkludi tliet definizzjonijiet possibbli ta’ dak li jista’ jinftiehem b’‘kontenitur mimli’”. Sussegwentement hija rreferiet, fil-punti 75 sa 79 tal-imsemmija sentenza, għall-minuti tax-xogħlijiet tal-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC) u għan-nota li tippreċedi d-deskrizzjoni tal-metodu ta’ test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec, dokumenti preċedenti għall-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż li l-Qorti Ġenerali qieset li jsostnu l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-approċċ li jikkonsisti f’li jinżammu tliet definizzjonijiet possibbli ta’ kontenitur mimli ma kienx adattat sabiex jiżgura l-uniformità u l-komparabbiltà tar-riżultati, peress li dan seta’ jimplika livelli ta’ mili differenti skont il-vacuum cleaners.

114    Permezz ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt id-dikjarazzjoni li tinsab fil-punt 68 tas-sentenza appellata.

115    Barra minn hekk, l-appellanti ma jallegawx li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq provi li ma kinux jinsabu fil-proċess li ġie ppreżentat quddiemha u li dwarhom huma ma kinux f’pożizzjoni li jieħdu pożizzjoni.

116    Minn dan isegwi li t-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala infondat fl-intier tiegħu, b’mod li l-ħames parti għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

 Fuq issitt parti tarraba’ aggravju

117    Is-sitt parti tar-raba’ aggravju tinkludi seba’ lmenti.

118    Permezz tal-ewwel ilment tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, li żnaturat il-metodu ta’ test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec billi affermat, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li dan jinkludi tliet definizzjonijiet possibbli ta’ dak li għandu jinftiehem b’“kontenitur mimli”. Huma jsostnu li dan il-metodu jinkludi definizzjoni waħda li tinkludi tliet kundizzjonijiet.

119    Min-naħa l-oħra, huma jqisu li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddeċiedi li l-Kummissjoni kellha raġun teskludi l-imsemmi metodu minħabba li dan kien jinkludi tliet punti ta’ waqfien, filwaqt li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 666/2013 tat‑8 ta’ Lulju 2013 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-vacuum cleaners (ĠU 2013, L 192, p. 24), kien jipprevedi li t-testijiet li jirrigwardaw it-tul tal-ħajja utli tal-magni tal-vacuum cleaners kienu magħmula b’kontenitur mimli f’50 %, li kien jikkostitwixxi varjant tal-istess metodu, mingħajr ma l-Kummissjoni tqiegħed f’dubju l-validità xjentifika tiegħu.

120    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

121    Għandu jiġi kkonstatat li l-ilment ta’ żnaturament tal-metodu ta’ test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec huwa bbażat fuq qari parzjali tas-silta kkonċernata tas-sentenza appellata.

122    Fil-fatt, fl-ewwel lok, fil-punt 72 tagħha, il-Qorti Ġenerali esponiet li dan il-metodu jikkonsisti f’li titkejjel il-prestazzjoni tat-tneħħija tat-trab hekk li l-apparat jaspira t-trab tat-test, u dan sakemm tiġi ssodisfatta waħda mit-tliet kundizzjonijiet previsti, jiġifieri jew meta indikatur tal-vacuum cleaner jindika li l-kontenitur tat-trab għandu jiġi mbattal jew jiġi mibdul, jew meta l-pressjoni osservata ġewwa l-apparat tonqos b’40 % meta mqabbla mal-pressjoni rreġistrata fil-bidu tat-test, jew meta l-kwantità ta’ trab tat-test injettata fl-apparat tilħaq 100 gramma għal kull litru tal-“volum massimu li jista’ jintuża” tal-kontenitur tat-trab. Kien biss sussegwentement li hija esponiet, fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest ta’ spjegazzjoni, li l-imsemmi metodu “[kien] jinkludi għalhekk tliet definizzjonijiet possibbli ta’ dak li jista’ jinftiehem b’‘kontenitur mimli’”. Issa, din l-ispjegazzjoni, ibbażata fuq it-termini “definizzjonijiet possibbli”, ma tistax tiġi assimilata ma’ qari manifestament kuntrarju għas-silta kkonċernata tat-Taqsima 5.9 tal-imsemmi standard.

123    Fir-rigward tat-tieni argument, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali esponiet li t-tipi ta’ miżuri kkonċernati mir-Regolament kontenzjuż u mir-Regolament Nru 666/2013 ma kinux paragunabbli, għaliex, kuntrarjament għall-miżuri ta’ prestazzjoni enerġetika, it-test ta’ durabbiltà tal-magni previst mit-tieni regolament ma kienx jeħtieġ li tiġi eżaminata r-relazzjoni bejn il-prestazzjoni tat-tneħħija tat-trab u l-konsum tal-enerġija.

124    Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

125    Permezz tat-tieni lment tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żnaturat in-nota li tippreċedi d-deskrizzjoni tal-metodu ta’ test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec permezz ta’ diversi kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 76 sa 79 ta’ din is-sentenza.

126    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

127    L-appellanti jirrilevaw li n-nota kkonċernata ma tinkludix diversi elementi riprodotti fil-kunsiderazzjonijiet relatati magħha li jinsabu fil-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata. Issa, kif jidher mill-qari ta’ dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex l-intenzjoni li tirriproduċi fihom, anki jekk f’formulazzjoni mill-ġdid, siltiet minn din in-nota, iżda li tindika s-suġġett tagħha u tislet minn dawn is-siltiet ċerti konsegwenzi prattiċi dwar l-utilità ta’ dan il-metodu fid-dawl ta’ elementi oħra li hija kienet identifikat preċedentement. Barra minn hekk, permezz tal-imsemmija kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma marritx manifestament lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-imsemmija nota.

128    Fir-rigward tal-punt 79 tas-sentenza appellata, l-appellanti jillimitaw ruħhom sabiex iressqu l-ipoteżi, ineżatta, li l-Qorti Ġenerali setgħet tesprimi fih li l-metodu ta’ test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec kien invalidu, meta hija sempliċement ipparafrażat silta min-nota kkonċernata mingħajr ma waslet għal konklużjoni.

129    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

130    Permezz tat-tielet ilment tagħhom, l-appellanti jsostnu li, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat ir-rapport tal-impriża AEA Energy & Environment intitolat “Report to the Commission, Preparatory studies for Eco-Design Requirements of EUPs (II), Lot 17 Vacuum Cleaners”, datat Frar 2009.

131    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

132    Għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-eżami tal-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi rregolata u tan-natura intenzjonali jew mhux skużabbli tal-iżball imwettaq mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kien importanti li jsir magħruf jekk, billi ppreferiet tirrikorri għall-metodu ta’ test b’kontenitur vojt pjuttost milli metodu ta’ test b’kontenitur mimli, il-Kummissjoni kinitx wettqet ksur manifest u gravi tal-limiti imposti fuq is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha. Il-Qorti Ġenerali qieset ukoll, fid-dawl tal-elementi rrilevati fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza, li, għalkemm il-metodu ta’ test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec kien jippermetti li tiġi evalwata l-prestazzjoni tal-vacuum cleaners f’kundizzjonijiet ta’ użu iktar qrib il-kundizzjonijiet normali ta’ użu minn dawk riflessi bl-użu ta’ kontenitur vojt, dan il-metodu kien joħloq inċertezzi dwar l-eżattezza tal-informazzjoni intiża li tiġi pprovduta lill-konsumaturi. Fil-punt 83 tal-imsemmija sentenza, hija żiedet li kien hemm elementi oħra li jsostnu din il-konstatazzjoni, li hija elenkat u kkummentat fil-punti 84 sa 91 tagħha.

133    Minn dan jirriżulta li l-kunsiderazzjonijiet dwar dawn l-elementi l-oħra, fosthom dawk li jinsabu fil-punt 85 tas-sentenza appellata, huma ta’ natura superfluwa.

134    It-tielet ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

135    Permezz tar-raba’ lment tagħhom, l-appellanti jsostnu li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’kontradizzjoni ta’ motivi.

136    Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 76 sa 79 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni kellha dubji dwar il-validità xjentifika tal-metodu ta’ test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec, li huwa irrikonċiljabbli mad-dikjarazzjonijiet li jinsabu fil-punti 81 u 82 tal-imsemmija sentenza li jgħidu li, minn naħa, “min-natura tal-proċess ta’ standardizzazzjoni jirriżulta li l-fatt li metodu ta’ test ikun ġie inkorporat fi standard armonizzat, bħall-istandard Cenelec, jippermetti li tiġi preżunta l-validità xjentifika u teknika ta’ dan il-metodu” u, min-naħa l-oħra, “il-kwistjoni dwar jekk il-metodu tat-test [tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec] huwiex xjentifikament u teknikament fondat ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni ma kkontestatx dawn l-elementi waqt l-adozzjoni tar-regolament [kontenzjuż]”.

137    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

138    Għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, il-punti 76 sa 79 tiegħu ma għandhomx il-portata li jagħtuhom l-appellanti, peress li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha sabiex teżamina l-kontenut ta’ nota maħruġa miċ-Cenelec fir-rigward tad-diffikultà li jiġi ddeterminat livell ta’ mili ta’ kontenitur ta’ vacuum cleaner li jista’ jservi bħala riferiment sabiex titkejjel il-prestazzjoni tiegħu, kif identifikata fil-punti 72 u 73 tal-imsemmija sentenza.

139    Għaldaqstant, ir-raba’ lment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

140    Permezz tal-ħames ilment tagħhom, l-appellanti jsostnu li, fil-punti 75 u 87 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali b’mod irregolari ħadet inkunsiderazzjoni dokumenti li l-Kummissjoni ammettiet li ma kinux fil-pussess tad-dipartimenti tagħha responsabbli għat-tfassil tal-leġiżlazzjoni kkonċernata. Huma jirreferu, f’dan ir-rigward, għall-punti 5 sa 15 tar-risposta ppreżentata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

141    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

142    Fil-punt 15 tar-risposta tagħha fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni indikat li “[l]-elementi esposti iktar ’il fuq wasslu [...] għall-adozzjoni [...] tar-regolament [kontenzjuż]”. Id-dokumenti msemmija fil-punti 75 u 87 tas-sentenza appellata ma humiex fost l-elementi hekk imsemmija.

143    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, id-dikjarazzjoni li tinsab fil-punt 15 ta’ din in-nota ma kinitx tfisser li d-dipartimenti tal-Kummissjoni kellhom għarfien biss tal-elementi msemmija fil-punti preċedenti tagħha fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż. Għalhekk, bħala eżempju, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni ma kinitx taf bl-analiżi tal-impatt li hija kienet wettqet jew bil-konsultazzjonijiet li hija kienet organizzat bl-għan tal-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, minkejja li din l-analiżi u dawn il-konsultazzjonijiet ma jissemmewx fis-silta kkonċernata tal-imsemmija osservazzjonijiet.

144    Għaldaqstant, il-ħames ilment, li huwa bbażat fuq premessa ineżatta, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

145    Permezz tas-sitt ilment tagħhom, l-appellanti jsostnu li, fil-punti 86 sa 91 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni elementi irrilevanti, peress li dawn kienu sussegwenti għall-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż.

146    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

147    Għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment jirrigwarda motivi superfluwi tas-sentenza appellata, kif jirriżulta mill-punti 132 u 133 ta’ din is-sentenza, li ġew esposti mill-Qorti Ġenerali biss sabiex jiġu kkonfermati l-kunsiderazzjonijiet li hija kienet semmiet preċedentement abbażi ta’ elementi li jaqgħu taħt iċ-ċirkustanzi li fihom il-Kummissjoni kienet aġixxiet fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż.

148    Konsegwentement, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

149    Permezz tas-seba’ u l-aħħar ilment tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li żnaturat il-provi u adottat motivi kontradittorji, billi kkunsidrat, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, li, fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni kienet eżaminat u eskludiet il-validità xjentifika tal-metodu ta’ test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec. Issa, minn naħa, din id-dikjarazzjoni ma hija sostnuta minn ebda prova. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-bidu tal-istess punt, li l-Kummissjoni ma kinitx ikkontestat il-validità xjentifika ta’ dan il-metodu.

150    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

151    Il-punt 82 tas-sentenza appellata huwa fformulat kif ġej:

“[...] Il-kwistjoni dwar jekk il-metodu ta’ test imsemmi fit-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec huwiex xjentifikament u teknikament fondat ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni ma kkontestatx dawn l-elementi waqt l-adozzjoni tar-regolament [kontenzjuż], iżda qieset, essenzjalment, li l-imsemmi metodu ta’ test ma kienx adattat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners fid-dawl tal-kriterji ta’ affidabbiltà, ta’ preċiżjoni u ta’ riproduċibbiltà. [...]”

152    Għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li l-Kummissjoni kienet eskludiet il-validità xjentifika ta’ dan il-metodu, b’tali mod li l-ilment tal-appellanti huwa bbażat fuq premessa ineżatta.

153    Konsegwentement, is-seba’ lment ma huwiex fondat u għalhekk għandu jiġi miċħud, l-istess bħas-sitt parti tar-raba’ aggravju fl-intier tiegħu.

 Fuq isseba’ parti tarraba’ aggravju

–       Largumenti talpartijiet

154    Permezz tas-seba’ parti tar-raba’ aggravju tagħhom, li jirrigwarda l-punt 92 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita meta kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni dwar l-ittikkettjar tal-vacuum cleaners ma kinitx paragunabbli ma’ dik dwar l-ittikkettjar ta’ apparati elettrodomestiċi oħra, fatt li żied il-kumplessità tas-sitwazzjoni li kellha tiġi rregolata, filwaqt li l-Kummissjoni ma kinitx allegat li kienu biss il-vacuum cleaners li kellhom diffikultajiet fir-rigward tas-simulazzjoni tal-mili. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx din l-evalwazzjoni u lanqas ma ppermettiet lill-appellanti jesprimu ruħhom dwar din il-kwistjoni.

155    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-parti.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti tal-Ġustizzja

156    Il-punt 92 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata huwa fformulat kif ġej:

“Dawn id-diffikultajiet speċifiċi għat-teknika u għall-mod ta’ użu tal-vacuum cleaners jippermettu wkoll li jitwarrab l-argument li permezz tiegħu l-appellanti jsostnu li l-Kummissjoni ma kellhiex quddiemha sitwazzjoni kumplessa, peress li hija diġà kellha l-okkażjoni tadotta, għall-finijiet tat-tikkettjar enerġetiku, standards ta’ test li jirriflettu l-kundizzjonijiet ta’ użu normali ta’ apparat elettriku għal użu domestiku bħalma huma l-fran, il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, il-magni li jnixxfu l-ħwejjeġ u li l-magni li jsaħħnu l-ilma.”

157    Mill-kliem użat mill-Qorti Ġenerali jirriżulta, minn naħa, li, permezz tal-kunsiderazzjonijiet magħmula f’dan il-punt, hija kellha l-intenzjoni li tirrispondi għal argument tal-appellanti u, min-naħa l-oħra, li kienet tirreferi għall-konstatazzjonijiet kollha li hija kienet esponiet preċedentement, dwar il-partikolaritajiet li jippreżentaw il-vacuum cleaners, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-varjabbiltà tal-mili tal-kontenitur u l-kumplessità tat-tfassil ta’ metodu ta’ test li jieħu inkunsiderazzjoni filwaqt li jkun riproduċibbli, meta mqabbel mal-prodotti l-oħra msemmija fl-imsemmi punt.

158    B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali la ddeċidiet ultra petita u lanqas kisret id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti. Barra minn hekk, hija mmotivat suffiċjentement skont il-liġi ċ-ċaħda tal-argument tagħhom.

159    Għalhekk, din is-seba’ parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ittmien parti tarraba’ aggravju

–       Largumenti talpartijiet

160    It-tmien u l-aħħar parti tar-raba’ aggravju hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ risposta għall-argument tal-appellanti li l-metodu ta’ test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec kien ġie magħżul mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 666/2013, filwaqt li din kienet ċaħdet dan il-metodu fil-kuntest tar-Regolament kontenzjuż. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sostnew li dawn iż-żewġ regolamenti jissuġġettaw il-metodi ta’ test għall-istess rekwiżit ta’ validità xjentifika, b’tali mod li, billi adottat il-metodu tat-test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec fil-kuntest tar-Regolament Nru 666/2013, il-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet il-validità xjentifika tagħhom. Issa, il-Qorti Ġenerali sempliċement qieset li l-appellanti ma kellhomx raġun jistabbilixxu analoġija bejn l-imsemmija regolamenti fid-dawl tad-differenzi li jeżistu bejn il-miżuri ta’ prestazzjoni tal-enerġija u t-testijiet ta’ sostenibbiltà, u għalhekk ma weġbitx għall-argument tagħhom.

161    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-parti.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

162    Għandu jitfakkar li, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, il-kwistjoni dwar jekk il-metodu ta’ test tat-Taqsima 5.9 tal-istandard Cenelec kienx xjentifikament fondat ma kinitx rilevanti f’dan il-każ. Permezz ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ, wieġbet għall-argument tal-appellanti kif dawn ippreżentawh fil-kuntest tal-appell.

163    Għaldaqstant, it-tmien parti tar-raba’ aggravju wkoll għandha tiġi miċħuda, u, għaldaqstant, dan l-aggravju fl-intier tiegħu.

 Fuq ilħames sasseba’ aggravju, ibbażati fuq ilksur talkunċett ta’ “ksur suffiċjentement serju” filkuntest talevalwazzjoni talksur allegat talprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament, talprinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u taddmir ta’ diliġenza kif ukoll tallibertà ta’ intrapriża

 Largumenti talpartijiet

164    Permezz tal-ħames sas-seba’ aggravji tagħhom, l-appellanti jikkritikaw l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li l-illegalitajiet allegati insostenn tar-rikors għad-danni tagħhom minbarra l-ksur tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30 ma jikkostitwixxux “ksur suffiċjentement serju”. Dawn l-illegalitajiet l-oħra huma, rispettivament, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ diliġenza kif ukoll il-ksur tal-libertà ta’ intrapriża.

165    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-aggravji.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

166    It-tliet motivi tar-rikors għad-danni dwar l-allegat ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, tad-dmir ta’ diliġenza u tal-libertà ta’ impriża, kif deskritti, rispettivament, fil-punti 102 u 109, fil-punt 113 u fil-punt 120 tas-sentenza appellata, kienu essenzjalment ibbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tirrikorri għal metodu ta’ test b’kontenitur vojt, u mhux mimli, bi ksur ta’ element essenzjali tad-Direttiva 2010/30, peress li dan il-ksur l-ieħor kien konsegwenzi tal-ksur tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, huma kienu bbażati fuq l-istess kuntest bħall-ksur ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

167    Fit-tweġiba tagħha għal kull wieħed minn dawn it-tliet motiv, il-Qorti Ġenerali rreferiet kompletament jew parzjalment għall-evalwazzjoni tagħha dwar il-ksur tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30, li fi tmiemha hija kkonkludiet li din ma kinitx tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, evalwazzjoni inutilment ikkritikata fil-kuntest tal-ewwel erba’ aggravji ta’ dan l-appell.

168    Kif jirriżulta mill-punti 50 u 51 ta’ din is-sentenza, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi tiddependi fuq l-elementi rilevanti fir-rigward tal-kuntest li fih twettaq dan il-ksur.

169    Issa, f’dan il-każ, peress li ċ-ċirkustanzi li kienu invokati insostenn tal-motivi tar-rikors għad-danni li huma kkonċernati mill-ħames sas-seba’ aggravji jikkorrispondu għall-għażla illegali magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-Regolament kontenzjuż, il-kuntest fattwali tad-diversi illegalitajiet attribwiti lill-Kummissjoni fir-rikors għad-danni huwa essenzjalment l-istess. Minn dan jirriżulta li l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali kkritikati fil-kuntest ta’ dawn l-aggravji, li jgħidu li l-ksur allegat fil-konfront tal-Kummissjoni minbarra l-ksur tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30, iżda li jirriżulta minn dan l-aħħar ksur, lanqas ma kienu suffiċjentement serji, huma fi kwalunkwe każ iġġustifikati b’mod suffiċjenti fid-dritt bil-konklużjoni tagħha li l-ksur tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30 ma kienx suffiċjentement serju.

170    Minn dan isegwi li l-ħames sas-seba’ aggravju għandhom jiġu miċħuda.

171    Konsegwentement, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq lispejjeż

172    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

173    Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1), il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfu u l-Kummissjoni talbet li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż kollha relatati ma’ dan l-appell.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Dyson Ltd u l-erbatax-il appellant l-ieħor huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.