Language of document : ECLI:EU:F:2014:44

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

26 ta’ Marzu 2014

Kawża F‑8/13

CP

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Uffiċjal — Kap ta’ diviżjoni — Perijodu ta’ prova — Nuqqas ta’ konferma fil-funzjonijiet ta’ kap ta’ diviżjoni — Assenjazzjoni mill-ġdid f’funzjoni mhux amministrattiva — Regoli interni tal-Parlament”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih CP ressaq din l-azzjoni intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tat‑23 ta’ Marzu 2012, li biha l-Parlament Ewropew ma kkonfermahx fil-funzjonijiet tiegħu ta’ kap ta’ diviżjoni, kif ukoll, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-danni subiti minħabba l-illegalità ta’ din id-deċiżjoni.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2012, li biha l-Parlament Ewropew ma kkonfermax lil CP fil-funzjonijiet tiegħu ta’ kap ta’ diviżjoni u ttrasferixxih fl-impjieg tiegħu lid-Direttorat Ġenerali “Politiki interni tal-Unjoni” hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż ta’ CP.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment — Effett — Tressiq lill-qorti tal-att ikkontestat — Kundizzjoni — Motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda li għandha taqbel mal-att ikkontestat

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Assenjazzjoni tal-persunal — Assenjazzjoni mill-ġdid — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Limiti — Interess tas-servizz — Assenjazzjoni mill-ġdid f’funzjoni mhux amministrattiva għal kap ta’ diviżjoni li ma jkunx wettaq xogħol sodisfaċenti — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 7(1) u 51)

3.      Uffiċjali — Pożizzjoni vakanti — Pożizzjoni mimlija permezz ta’ trasferiment — Perijodu ta’ prova — Stabbiliment ta’ programm ta’ azzjoni fil-każ ta’ diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom l-uffiċjal — Obbligu ta’ parteċipazzjoni tal-persuna interessata fir-redazzjoni tal-programm — Obbligu tal-amministrazzjoni li taġixxi minnufih meta jinqalgħu diffikultajiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 21 u 21a; Regolament intern tal-Parlament Ewropew dwar il-konferma fil-funzjonijiet ta’ kap ta’ diviżjoni, ta’ direttur u ta’ direttur ġenerali)

4.      Uffiċjali — Pożizzjoni vakanti — Pożizzjoni mimlija permezz ta’ trasferiment — Perijodu ta’ prova — Stabbiliment tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu fil-bidu tal-perijodu ta’ prova — Nuqqas ta’ osservanza — Konsegwenza — Kritika tal-evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43; Regolament intern tal-Parlament Ewropew dwar il-konferma fil-funzjonijiet ta’ kap ta’ diviżjoni, ta’ direttur u ta’ direttur ġenerali)

5.      Uffiċjali — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Obbligu li tinstema’ l-persuna ikkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ att li jikkawżalha preġudizzju — Portata — Applikazzjoni ta’ miżuri ta’ assenjazzjoni mill-ġdid

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2))

6.      Uffiċjali — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Assenjazzjoni tal-persunal — Assenjazzjoni mill-ġdid — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-membru tal-persunal ikkonċernat — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1))

1.      Meta t-talbiet għal annullament formalment indirizzati kontra ċ-ċaħda ta’ lment ikunu, bħala tali, mingħajr kontenut awtonomu, huma jkollhom bħala effett li jressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-att li kontrih ikun tressaq l-ilment.

Madankollu, fid-dawl tal-finalità tagħha stess, li hija dik li tippermetti lill-amministrazzjoni tirrevedi d-deċiżjoni tagħha, il-proċedura prekontenzjuża għandha natura evoluttiva, b’tali mod li, fis-sistema tar-rimedji previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni tista’, filwaqt li tiċħad l-ilment, tasal tibdel ir-raġunijiet li fuqhom ikun ġie adottat l-att ikkontestat. Għaldaqstant, meta l-motivazzjoni li tidher fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment sempliċement tirrispondi lil din tal-aħħar, hija l-legalità tal-att inizjali li jikkawża preġudizzju li tiġi eżaminata, u dan, fid-dawl tar-raġunijiet li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

(ara l-punti 18 u 21)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, punt 8

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ April 2006, Camόs Grau vs Il-Kummissjoni, T‑309/03, punt 43

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 9 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Birkhoff, T-377/08 P, punti 55 sa 60

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Diċembru 2010, Angulo Sánchez vs Il‑Kunsill, F-67/09, punt 70; 28 ta’ Marzu 2012, BD vs Il-Kummissjoni, F‑36/11, punt 47

2.      L-Awtorità tal-Ħatra tieħu direttament mill-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal is-setgħa li tassenja mill-ġdid uffiċjali fl-interess tas-servizz, mingħajr ma din is-setgħa tkun suġġetta għall-adozzjoni ta’ regoli ta’ eżekuzzjoni, u l-fatt li jinżamm uffiċjal f’pożizzjoni ta’ amministrazzjoni li, ipotetikament, ma jkunx wera kompetenza adegwata sabiex jibqa’ fiha, imur kontra dan l-interess.

Għaldaqstant, l-imsemmija awtorità tista’ tibbaża ruħha direttament fuq l-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex tassenja mill-ġdid kap ta’ diviżjoni, li ma jkunx ħadem b’mod sodisfaċenti, f’pożizzjoni mhux amministrattiva.

Barra minn dan, l-Artikolu 51 tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex tali li jqiegħed inkwistjoni dan li ntqal preċedentement. Dan l-artikolu jipprevedi, fil-fatt, is-sitwazzjoni partikolari ta’ uffiċjal li, fuq il-bażi ta’ diversi rapporti ta’ evalwazzjoni konsekuttivi, juri insuffiċjenza professjonali u jirriskja minħabba dan il-fatt li jitkeċċa, li jinżel fil-grad, jew li jiġi kklassifikat fi grupp ta’ funzjonijiet inferjuri, biż-żamma jew le tal-grad. Huwa jittratta għaldaqstant sitwazzjoni differenti minn dik ta’ kap ta’ diviżjoni li ma jeħilx dawn il-miżuri fil-każ ta’ insuffiċjenza.

(ara l-punti 31 sa 33)

3.      Regoli interni ta’ istituzzjoni, li jgħidu li l-evalwaturi u l-uffiċjali fil-perijodu ta’ prova jistabbilixxu programm ta’ azzjoni matul intervista, għandhom jinqraw fid-dawl tal-prinċipju ġerarkiku, li l-portata tiegħu hija ppreċiżata mill-Artikoli 21 u 21a tar-Regolamenti tal-Persunal, u li bis-saħħa tiegħu s-superjur normalment għandu s-setgħa li jimponi r-rieda tiegħu fuq dik tas-subordinati tiegħu. Anki fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil, id-deċiżjoni fuq il-kontenut tal-programm ta’ azzjoni taqa’ fuq l-evalwatur finali. Madankollu, il-parteċipazzjoni tal-uffiċjal ikkonċernat fir-redazzjoni tal-programm ta’ azzjoni hija ġġustifikata bl-eżiġenza li dan il-programm jieħu inkunsiderazzjoni adegwatament id-diffikultajiet tiegħu u jissodisfa dawn il-bżonnijiet. Għaldaqstant, il-programm ta’ azzjoni ma jkunx laħaq l-iskop tiegħu jekk l-imsemmi uffiċjal ma jkunx tqiegħed fil-pożizzjoni li jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu. Fil-każ li dawn ir-regoli interni ma jkunux sempliċement qed jipprevedu li l-uffiċjal ikkonċernat jinstema’ imma jkunu qed jassoċjawh mal-evalwaturi fir-redazzjoni tal-programm ta’ azzjoni, hija għandha tiġi kklassifikata bħala sostanzjali. Din il-formalità ma tiġix osservata jekk il-programm ta’ azzjoni jiġi stabbilit mill-evalwaturi u jiġi sussegwentement biss ikkomunikat lill-uffiċjal wara li jkun ġie deċiż minnhom.

Barra minn hekk, anki jekk ir-regoli interni jipprevedu li l-proċedura li twassal għall-istabbiliment ta’ programm ta’ azzjoni tista’ tinbeda f’kull mument, isegwi minn dawn ir-regoli li l-programm ma jistax jiġi stabbilit in extremis. Fil-fatt, huma jindikaw li l-proċedura li twassal għall-istabbiliment ta’ programm ta’ azzjoni matul il-perijodu ta’ prova għandha tinbeda mingħajr dewmien fil-każ ta’ diffikultajiet, u tiġi stabbilita għax-xhur li jkun fadal, u li l-Awtorità tal-Ħatra għandha tiġi informata regolarment bl-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni, bil-għan li kjarament ikun dak li l-programm jingħatalu effettività. Konsegwentement, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta, a fortiori jekk tinqara fid-dawl tad-dmir ta’ premura, li l-evalwaturi għandhom jaġixxu minnufih kif jinqalgħu d-diffikultajiet.

(ara l-punti 46 u 48)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ Mejju 1991, Interhotel vs Il-Kummissjoni, C-291/89, punt 17; 7 ta’ Mejju 1991, Oliveira vs Il-Kummissjoni, C-304/89, punt 21

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Marzu 2000, Gogos vs Il-Kummissjoni, T-95/98, punt 53

4.      Ir-raġuni wara l-perijodu ta’ prova impost fuq il-kapijiet ta’ diviżjoni l-ġodda ta’ istituzzjoni tixbah ħafna dik li tiġġustifika l-perijodu ta’ prova impost fuq l-uffiċjali l-ġodda. Bl-istess mod, l-evalwazzjoni fit-tmiem tal-perijodu ta’ prova għandha similitudni suffiċjenti mal-evalwazzjoni perjodika prevista fl-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, perijodu ta’ prova, sabiex ikun effettiv, għandu jiżvolġi f’kundizzjonijiet normali. Barra minn hekk, meta jeżistu regoli li jipprevedu l-istabbiliment ta’ għanijiet għal uffiċjal fil-bidu tal-perijodu ta’ evalwazzjoni, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-regoli jkollha natura sostantiva u jiġġustifika l-kritika tal-evalwazzjoni kontenzjuża.

B’hekk, mir-regoli interni ta’ istituzzjoni jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ konferma jew le ta’ kap ta’ diviżjoni għandha toħroġ minn evalwazzjoni li tkopri l-perijodu kollu ta’ prova fid-dawl tal-għanijiet preċiżi stabbiliti għal dan il-perijodu, u l-fatt li l-persuna interessata ma tkunx issodisfat programm ta’ azzjoni ma jkun jista’ bl-ebda mod jiġġustifika l-imsemmija deċiżjoni, meta dan il-programm ikun ġie stabbilit b’mod irregolari u tardiv.

Barra minn hekk, dokument ta’ deskrizzjoni tal-pożizzjoni ma jistax, bħala tali, jitqies li huwa dokument li jistabbilixxi l-għanijiet ta’ uffiċjal, peress li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ dokumenti għandhom suġġetti u karatteristiċi differenti.

(ara l-punti 57, 58, 65 u 75)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Novembru 1994, Correia vs Il‑Kummissjoni, T‑568/93, punt 34; 28 ta’ Novembru 2007, Vounakis vs Il‑Kummissjoni, T‑214/05, punt 43

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2007, Sundholm vs Il‑Kummissjoni, F-42/06, punti 39 sa 41; 2 ta’ Lulju 2009, Giannini vs Il‑Kummissjoni, F-49/08, punt 65; 10 ta’ Novembru 2009, N vs Il-Parlament, F‑71/08, punti 56 sa 60; 12 ta’ Mejju 2011, AQ vs Il‑Kummissjoni, F-66/10, punti 68 u 88

5.      Miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ma toħroġx minn proċedura miftuħa kontra l-uffiċjal ikkonċernat u, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ma jkunx jista’ jinvoka l-obbligu tal-istituzzjoni li tirrispetta fil-konfront tiegħu d-drittijiet tad-difiża, bħala tali. Madankollu, id-drittijiet tad-difiża jkopru kompletament, billi huma usa, id-dritt proċedurali ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma miżura individwali li taffettwaha ħażin ma tittieħed fil-konfront tagħha.

Issa, id-dritt li wieħed jinstema’ f’kull proċedura ta’ dan l-ordinament jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dispożizzjoni li tiżgura d-dritt għal amministrazzjoni tajba. F’dan ir-rigward, skont ir-raba’ premessa tal-preambolu tagħha, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha bħala għan il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u li tagħmilhom iktar viżibbli. Hekk kif inhu indikat fil-Konvenzjoni Ewropea tal-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, l-għan tal-imsemmija karta huwa li tipproteġi drittijiet li ma humiex teoriċi jew illużorji, imma konkreti u effettivi.

(ara l-punti 79 sa 81)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Novembru 2012, M., C-277/11, punti 81 sa 83; 18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C‑595/10 P, punti 98 u 99

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 5 ta’ Diċembru 2012, Z vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F-88/09 u F-48/10, punti 144 sa 147, li hija taħt appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T-88/13 P

6.      Fil-kuntest tal-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjal, id-dmir ta’ premura jimponi fuq l-Awtorità li twettaq eżami effettiv, sħiħ, u ċċirkustanzjat tas-sitwazzjoni fid-dawl tal-interess tas-servizz u tal-interess tal-uffiċjal ikkonċernat, liema interess jiġi espress, jekk ikun il-każ, fl-osservazzjonijiet li dan tal-aħħar jifformula fuq l-elementi li jiġu sottoposti lilu.

F’dan ir-rigward, meta l-amministrazzjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ ġudizzjarju, anki jekk ikollu portata limitata, jeżiġi li l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jistabbilixxu li d-deċiżjoni kkontestata tkun ġiet adottata permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, li tissoponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tas-sitwazzjoni.

(ara l-punti 82 u 83)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C‑310/04, punt 122; 8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C-343/09, punt 34

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 14 ta’ Novembru 2013, ICdA et vs Il‑Kummissjoni, T-456/11, punt 46

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Lulju 2007, Wils vs Il-Parlament, F‑105/05, punt 75; 23 ta’ Ottubru 2013, D’Agostino vs Il-Kummissjoni, F-93/12, punt 57, li hija taħt appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑670/13 P