Language of document : ECLI:EU:T:2006:104

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla Estiża)

5 ta' April 2006 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Ilment ta’ kompetitur – Direttiva 92/81/KEE – Taxxi tas-sisa fuq iż-żjut minerali – Żjut minerali użati bħala karburant għan-navigazzjoni bl-ajru – Eżenzjoni mis-sisa – Ittra tal-Kummissjoni lil persuna li għamlet ilment – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Att li jista’ jiġi kkontestat – Regolament (KE) Nru 659/1999 – Kunċett ta’ għajnuna – Imputabbiltà lill-Istat – Trattament ugwali”

Fil-kawża T-351/02,

Deutsche Bahn AG, stabbilita f’Berlin (Il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentata minn M. Schütte, M. Reysen u W. Kirchhoff, u wara minn M. Schütte u M. Reysen, avocats, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Kreuschitz u J. Flett, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika il-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta mill-

Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A.-M. Colaert, F. Florindo Gijón u C. Saile, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Settembru 2002 li tiċħad ilment imressaq mir-rikorrenti fil-5 ta’ Lulju 2002,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn B. Vesterdorf, President, J. D. Cooke, R. García-Valdecasas, I. Labucka u V. Trstenjak, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andova, Amministratriċi,

wara li rat ir-rapport ta’ l-Imħallef Relatur u wara s-seduta tal-21 ta’ Settembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1       L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 fuq l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxa tas-sisa fuq żjut minerali (ĠU L 316, p. 12), kien jipprovdi li l-Istati Membri kellhom japplikaw sisa armonizzata għaż-żjut minerali skond din id-Direttiva.

2       Skond l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 92/81, l-Istati Membri għandhom jeżentaw mis-sisa armonizzata, inter alia, iż-“żjut minerali forniti biex jintużaw bħala karburant għall-iskop ta' navigazzjoni bl-ajru barra mill-avjazzjoni privata għat-turiżmu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3       Id-Direttiva 92/81 ġiet abrogata b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2003 permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU L 283, p. 51).

4       Skond l-Artikolu 4(1) tal-Mineralölsteuergesetz (Liġi Ġermaniża dwar it-tassazzjoni taż-żjut minerali) tal-21 ta’ Diċembru 1992 (BGBl.1992 I, p.2185, rettifika f'BGBl. 1993 I, p. 169, iktar ’il quddiem “MinöStG”) :

“1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12, iż-żjut minerali jistgħu jiġu użati b'eżenzjoni mit-taxxa

[…]

3)      bħala karburant għan-navigazzjoni bl-ajru

a)      mill-kumpanniji ta’ l-ajru li jwettqu t-trasport kummerċjali ta’ persuni u ta’ merkanzija jew il-provvista ta’ servizzi bi ħlas,

[…]”

5       Skond l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat KE (ĠU L 83, p. 1):

“1. Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika malli tirċevieha. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skond il-paragrafi 2, 3 jew 4.

2. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta' deċiżjoni.

3. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f'dik li l-kompatibilità mas-suq komuni ta' miżura notifikata, safejn taqa' fi ħdan l-iskop ta' l-Artikolu [87](1) tat-Trattat, għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni […]. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni taħt it-Trattat kienet applikata.

4. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li tqajjmu dubji dwar il-kompatibilità mas-suq komuni ta' miżura notifikata, għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jibdew proċeduri skond l-Artikolu [88](2) tat-Trattat […]”

6       L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 659/1999 jaqra kif ġej:

“1. Fejn il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni minn kwalunkwe sors li jirrigwarda allegata għajnuna kontra l-liġi, għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien.

2. Jekk meħtieġ, għandha titlob l-informazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat. L-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 5(1) u (2) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

[…]”

7       L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi:

“L-eżami ta’ għajnuna llegali possibli għandu jirriżulta f'deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2), (3) jew (4) […]”

8       Skond l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999:

“[…]

2. Kull parti interessata tista' tinforma lill-Kummissjoni dwar kull allegata għajnuna llegali u dwar kull allegat użu ħażin ta' għajnuna. Fejn il-Kummissjoni tikkonsidra li abbażi ta' l-informazzjoni fil-pussess tagħha m'hemmx raġunijiet biżżejjed biex tingħata opinjoni dwar il-każ, għandha tinforma lill-parti interessata b'dan. Fejn il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni fuq każ li jikkonċerna s-suġġett ta' l-argument ta' l-informazzjoni fornuta, għandha tibgħat kopja ta' dik id-deċiżjoni lill-parti interessata.

3. Fuq talba tagħha, kull parti interessata għandha tikseb kopja ta' kull deċiżjoni skond l-Artikoli 4 u 7, l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11.”

9       Skond l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 659/1999:

“Deċiżjonijiet meħudha skond il-Kapitoli II, III, IV, V u VII għandhom ikunu indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat mingħajr dewmien u biex tagħti [lil] dan ta' l-aħħar l-opportunità li jindika lill-Kummissjoni liema informazzjoni jikkonsidra li għandha tkun koperta mill-obbligu ta' segretezza professjonali.”

 Fatti u proċedura

10     Deutsche Bahn AG hija l-impriża ferrovjarja nazzjonali Ġermaniża. Billi kkunsidrat li l-eżenzjoni mit-taxxa prevista fl-Artikolu 4(1)(3)(a) tal-MinöStG li jgawdi l-karburant għall-ajruplani kienet twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi tat-trasport ferrovjarju (b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-ferroviji ta’ veloċità għolja) u l-impriżi tat-trasport bl-ajru, ir-rikorrenti, permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Lulju 2002, ressqet ilment lill-Kummissjoni dwar l-imsemmija eżenzjoni u stidnitha tibda proċedura ta' investigazzjoni skond l-Artikolu 88 KE.

11     Fit-12 ta’ Settembru 2002, is-Sinjura Loyola de Palacio, li dak iż-żmien kienet Membru tal-Kummissjoni responsabbli għat-trasport, bagħtet ittra lir-rikorrenti, datata bi żball 21 ta’ Settembru 2002, li taqra kif ġej (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”):

“Nirringrazzjakom ta’ l-ittra reċenti tagħkom dwar il-kompetizzjoni fil-Ġermanja bejn Deutsche Bahn u l-‘kumpanniji ta’ l-ajru low-cost’, li fiha titolbu lill-Kummissjoni sabiex tieħu miżuri kontra l-eżenzjoni mit-taxxa għall-karburant ta’ l-avjazzjoni.

Fl-ilment formali anness ma’ l-ittra tagħkom, intom issostnu li l-eżenzjoni mit-taxxa għall-karburant ta’ l-avjazzjoni mhijiex kompatibbli mas-suq intern. Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea tqis li l-eżenzjoni kkonċernata ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE. L-eżenzjoni mit-taxxa hija bbażata fuq id-Direttiva tal-Kunsill fuq l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxa tas-sisa fuq żjut minerali, li ġiet adottata b’mod unanimu mill-Istati Membri, skond l-Artikolu 93 […] KE. Għandu jiġi wkoll ippreċiżat li d-Direttiva ma tħalli l-ebda marġini ta’ diskrezzjoni lill-Istat Membru. Għaldaqstant, l-eżenzjoni mit-taxxa msemmija fl-Artikolu 4(1)(3)(a) tal-[MinöStG] għandha tiġi kkunsidrata bħala implementazzjoni tad-Direttiva [92/81], u mhux bħala tentattiv li tingħata għajnuna.

Barra minn hekk, id-Direttiva Ewropea hija konformi mal-prattika internazzjonali, ibbażata fuq il-politiki stabbiliti mill-Organizzazzjoni ta’ l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (l-ICAO) fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Chicago’).

Peress li l-eżenzjoni mit-taxxa għall-karburant ta’ l-avjazzjoni mhijiex meqjusa li tqajjem problemi ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni m’għandhiex l-intenzjoni li tibda proċedura ta’ investigazzjoni dwar għajnuna mill-Istat, skond l-Artikolu 88 […] KE.

Effettivament, il-Kummissjoni Ewropea – kif ġustament tosservaw fl-ittra tagħkom – ripetutament eżaminat il-problema ta’ l-eżenzjoni mit-taxxa. F’bosta okkażjonijiet, il-Kummissjoni talbet li l-kwistjoni tiġi diskussa fil-kuntest ta’ l-ICAO bil-ħsieb li tiġi introdotta taxxa fuq il-karburant għall-ajruplani jew miżuri ekwivalenti. Grupp ta’ ħidma ta’ l-ICAO qiegħed attwalment jeżamina l-modalitajiet ta' introduzzjoni, għall-avjazzjoni ċivili internazzjonali, ta’ miżuri bbażati fuq is-suq, bħalma huma taxxi, kummerċ ta’ kwoti ta’ emissjoni u mekkaniżmi volontarji.

Indipendentement mill-kwistjoni tad-dritt internazzjonali, il-Kummissjoni Ewropea tosserva, fil-White Paper tagħha fuq il-politika Ewropea tat-trasport, ippubblikata fl-2001, li tista' tiġi kkunsidrata ‘it-tneħħija ta’ l-eżenzjoni mit-taxxa tal-karburant għall-ajruplani fuq titjiriet intra-Komunitarji. Din l-istrateġija mhijiex nieqsa mid-diffikulta, peress li teżiġi trattament ugwali fir-rigward tat-trasportaturi mhux Komunitarji li jagħmlu titjiriet intra-Komunitarji’. Sa llum, l-isforzi tal-Kummissjoni ma wasslu għal ebda emenda ta[d-Direttiva 92/81].”

12     Bi tweġiba għal din l-ittra, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-Kummissjoni, fit-30 ta’ Settembru 2002, li taqra kif ġej:

“Nirringrazzjakhom ta’ l-ittra tagħkom tat-[12] ta’ Settembru 2002, li fiha tieħdu pożizzjoni fir-rigward ta’ l-ilment imressaq minn Deutsche Bahn kontra l-eżenzjoni mit-taxxi tas-sisa fuq iż-żjut minerali għall-karburant ta’ l-avjazzjoni. Huwa b’interess u sodisfazzjon li sirt naf li l-Kummissjoni wkoll m'għadhiex tikkunsidra l-eżenzjoni mit-taxxa għall-pitrolju bħala opportuna. F’dan ir-rigward, Deutsche Bahn issib konferma espressa ta' l-opinjoni tagħha li l-eżenzjoni mit-taxxi tas-sisa fuq iż-żjut minerali twassal dejjem iktar għal kompetizzjoni żleali, b’mod partikolari min-naħa tal-kumpanniji ta’ l-ajru low-cost, għad-detriment tat-trasport bil-ferrovija ta’ veloċità għolja ICE.

Għaldaqstant, iżjed u iżjed ninsabu ddiżappuntati li ma tridu tibdew l-ebda investigazzjoni dwar għajnuna mill-Istat fir-rigward ta' din l-eżenzjoni mit-taxxa li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Aħna nitolbukom tirrevedu għal darb’oħra l-pożizzjoni tagħkom. Fil-fehma tagħna, l-adozzjoni tad-Direttiva dwar iż-żjut minerali ma tipprekludix eżami ta’ l-aspetti li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat. Dak iż-żmien, ma kienx hemm kompetizzjoni bejn il-ferrovija u t-trasport bl-ajru. Din is-sitwazzjoni nbidlet f'dawn l-aħħar għaxar snin. Fil-fehma tagħna, il-Kummissjoni tista' u għandha tieħu dan il-tibdil in kunsiderazzjoni.

F'każ li l-Kummissjoni żżomm mal-pożizzjoni legali mogħtija fl-ittra tagħkom, din il-kwistjoni jkollha tiġi sottomessa lill-qrati Ewropej kompetenti sabiex tingħata kjarifika.

Bit-tama li tali proċeduri ġudizzjarji jkunu jistgħu jiġu evitati, aħna nibqgħu għad-dispożizzjoni tagħkom.”

13     F’ittra tal-25 ta’ Novembru 2002, li r-rikorrenti rċeviet wara li tressaq dan ir-rikors, is-Sinjura Loyola de Palacio sostanzjalment irrepetiet dak li kien hemm fl-ittra tagħha tat-12 ta’ Settembru 2002.

14     Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Novembru 2002, ir-rikorrenti ressqet il-preżenti rikors.

15     Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Diċembru 2002, hija ressqet ukoll rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni (irreġistrat bin-numru T-361/02) bil-għan li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni illegalment naqset milli tiddeċiedi fuq l-ilment tar-rikorrenti.

16     Fid-9 ta’ Jannar 2003, is-Sinjura Loyola de Palacio bagħtet ittra lir-rikorrenti li taqra kif ġej:

“Nirreferi għall-ittri tiegħi tat-12 ta’ Settembru 2002, li bi żball ġiet datata 21 ta’ Settembru, u tal-25 ta’ Novembru 2002, li nixtieq nirrepeti u nikkonferma l-kontenut tagħhom fid-dawl ta’ l-avvenimenti sussegwenti.

Jiena tal-fehma li dan il-każ ma jaqax taħt ir-regoli fuq l-għajnuna mill-Istat. La jiena u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma adottajna, f’dan ir-rigward, deċiżjoni skond ir-Regolament [Nru 659/1999] jew abbażi ta’ bażi ġuridika oħra. Il-Kummissjoni lanqas ma ħadet pożizzjoni. Jirriżulta b’mod ċar mill-ittri ċċitati iktar ’il fuq li jiena naqbel ma' din l-opinjoni. Madankollu, sabiex tiġi evitata kull interpretazzjoni żbaljata min-naħa tagħkom, tistgħu tikkunsidraw kull parti ta’ l-ittri tiegħi li minnha intom jew il-konsulenti tagħkom taslu għal konklużjoni oħra, jew bħala konformi mal-pożizzjoni tiegħi, jew bħala li ġiet irtirata.”

17     Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni bagħtet din l-ittra lill-Qorti tal-Prim’Istanza, fejn infurmata li hija kienet irtirat iż-żewġ ittri tat-12 ta’ Settembru u tal-25 ta’ Novembru 2002 imsemmija hawn fuq. Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li l-preżenti rikors preżenti m'għadx kellu skop.

18     Fil-25 ta’ Frar 2003, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din l-ittra tad-9 ta’ Jannar 2003, li fihom enfasizzat li kien għad għandha interess li tkompli bir-rikors.

19     B’digriet tas-6 ta’ Novembru 2003, il-President tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza awtorizza lill-Kunsill sabiex jintervjeni sabiex isostni t-talbiet tal-Kummissjoni f'din il-kawża. Is-sottomissjonijiet ta’ l-intervent tal-Kunsill ġew ippreżentati fit-22 ta’ Diċembru 2003. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawn is-sottomissjonijiet fil-15 ta’ Marzu 2004.

20     Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (l-Ewwel Awla Estiża) iddeċidiet tiftaħ il-proċedura orali u, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet iwieġbu għal ċerti domandi. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ dawn it-talbiet.

21     B’digriet ta’ l-20 ta’ Ġunju 2005, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni (T-361/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni mressaq mir-rikorrenti bħala manifestament inammissibbli.

22     It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ Settembru 2005.

 It-talbiet tal-partijiet

23     Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–       tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż;

–       sussidjarjament, f'każ li l-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi li d-deċiżjoni kkontestata ġiet abrogata jew irtirata permezz ta’ l-ittra tad-9 ta’ Jannar 2003, tikkonstata li din id-deċiżjoni ta' l-aħħar hija nulla u tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż;

–       iktar sussidjarjament, f'każ li l-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi li m’hemmx lok li tagħti deċiżjoni, tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 87(6) u l-Artikolu 90(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, meħuda flimkien.

24     Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, f’kull każ, bħala infondat;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

25     Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha, f'każ li tikkunsidra r-rikors bħala ammissibbli, li tiddikjara l-eċċezzjoni ta’ illegalità imqajma mir-rikorrenti bħala manifestament infondata u li tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

26     L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2002 ma tikkostitwix att li jista' jiġi kkontestat. Hija tippretendi li din l-ittra m’għandhiex effett ġuridiku billi fiha s-Sinjura Loyola de Palacio tinforma lir-rikorrenti dwar sitwazzjoni ġuridika ċara, jiġifieri l-fatt li l-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti fil-5 ta’ Lulju 2002 ma kinitx tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni relattiva għall-għajnuna mill-Istat, u li, għal din ir-raġuni, l-eżenzjoni kkonċernata ma setgħetx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Skond il-Kummissjoni, is-Sinjura Loyola de Palacio ma kellhiex l-intenzjoni li tirriżolvi l-kwistjoni b'mod legalment vinkolanti. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkwalifikata bħala deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat fid-dawl tan-nuqqas, f’dan il-każ, ta’ wħud mill-karatteristiċi tal-proċedura applikabbli f’din il-materja, relattivi għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjonijiet mill-Kummissjoni, għall-pubblikazzjoni tagħhom u għall-fatt li huma indirizzati lill-Istat Membru (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sytraval”, punt 45). Anki jekk ir-Regolament Nru 659/1999 kellu jkun applikabbli f'dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ma tkun xejn ħlief komunikazzjoni informali ta’ informazzjoni, kif previst mit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-Regolament u, għalhekk, tkun inkontestabbli.

27     Il-Kummissjoni żżid li s-sentenzi ċċitati mir-rikorrenti dwar l-allegat effett ġuridiku tad-deċiżjoni kkontestata huma neqsin minn rilevanza peress li jew ġew mogħtija qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 659/1999, jew ma jirrigwardawx fatti li jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tilgħab bil-kliem meta tippretendi li l-Kummissjoni effettivament ippronunzjat ruħha fuq il-każ li tressaq quddiemha u li, għaldaqstant, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 mhuwiex applikabbli. Il-Kummissjoni ssostni li hija ma setgħetx tippronunzja ruħha fuq dan il-każ, peress li hija diġà kienet taf, fil-mument meta tressaq l-ilment, li l-fatti li ġew ikkomunikati lilha ma kinux jikkonċernaw għajnuna mill-Istat u wisq inqas għajnuna illegali jew applikata abużivament.

28     It-tieni nett, il-Kummissjoni tafferma li r-rikorrenti m’għandhiex interess ġuridiku. Fil-fatt, l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2002, anki jekk jitqies li kienet att li seta' jiġi kkontestat, ġiet irtirata permezz ta’ l-ittra tad-9 ta’ Jannar 2003 u għaldaqstant hija nieqsa minn kull effett.

29     F’kull każ, din ittra ta' l-aħħar tikkonferma l-opinjoni ġuridika espressa fit-12 ta’ Settembru 2002 u tindika wkoll, mingħajr l-ebda ambigwità, li din tirrigwarda biss opinjoni ġuridika personali li ma torbotx lill-Kummissjoni u li din ta’ l-aħħar ma adottat l-ebda deċiżjoni.

30     Il-Kummissjoni tispeċifika f’dan ir-rigward li huwa biss fil-każ li “l-avukat jew l-avukati tad-destinatarju ta’ l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2002 jkunu ġibdu konklużjonijiet oħrajn minnha li kien neċessarju li jispeċifikaw, fl-aħħar sentenza [ta’ l-ittra tad-9 ta’ Jannar 2003], li f’dan il-każ, hija ppreferiet tirtira s-siltiet li dwarhom ingħatat interpretazzjoni oħra, qabel ma jsiru s-suġġett ta' kawża superfluwa u evitabbli”.

31     Skond il-Kummissjoni, ma jeżisti l-ebda riskju li hija tirrepeti l-aġir ikkonċernat fil-futur. Fil-fatt, ikun biżżejjed għar-rikorrenti li tagħmel talba bbażata fuq l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 sabiex il-Kummissjoni twieġeb għaliha b’deċiżjoni indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li mbagħad tkun tista' tiġi effettivament ikkontestata. Skond l-Artikolu 20(3) ta’ dan ir-Regolament, ir-rikorrenti tirċievi kopja ta’ din id-deċiżjoni.

32     Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-preżenti rikors huwa ammissibbli. Hija ssostni b’mod partikolari li l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2002, hija att li jista jiġi kkontestat peress li fiha l-Kummissjoni tagħti opinjoni ġuridika definittiva li tipproduċi effetti vinkolanti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 10, u d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 1999, UPS Europe vs Il-Kummissjoni, T-182/98, Ġabra p. II-2857, punt 39).

33     Hija tisħaq fuq il-fatt li r-rikors ma sarx mingħajr skop wara l-ittra tad-9 ta’ Jannar 2003. Hija kien għad għandha interess ġuridiku peress li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ġiet irtirata b’mod validu. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2002 kienet ġiet irtirata, l-interess leġittimu tar-rikorrenti li tiġi kkonstatata l-illegalità ta’ din l-ittra baqa', madankollu, intatt.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

34     Skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, persuna fiżika jew legali tista' tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lejha.

35     Skond ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti b'mod li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu l-pożizzjoni ġuridika tiegħu b'mod ċar, li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE (sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 9, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 2001, Métropole Télévision – M6 et vs Il-Kummissjoni, T-112/99, Ġabra p. II-2459, punt 35). Għaldaqstant, jistgħu jkunu s-suġġett ta' rikors għal annullament id-dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi sabiex jipproduċu effetti legali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, Ġabra p. 263, punt 42, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ April 2003, Le Pen vs Il-Parlament, T-353/00, Ġabra p. II-1729, punt 77).

36     Ir-rikorrenti tallega, fl-ilment tagħha, li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(3)(a) tal-MinöStG favur il-kumpanniji ta’ l-ajru biss toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn it-trasport bl-ajru, b’mod partikolari fil-każ ta’ kumpanniji li joffru rati baxxi, u t-trasport ferrovjarju fis-suq tat-trasport tal-passiġġieri, bi ksur ta’ l-Artikolu 87 KE.

37     Fl-ittra tat-12 ta’ Settembru 2002, il-Kummissjoni twieġeb li hija tqis li l-eżenzjoni kkonċernata ma tistax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat peress li tirriżulta mit-transpożizzjoni tad-Direttiva 92/81, jiġifieri att Komunitarju u li, konsegwentement, ir-regoli li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat mhumiex applikabbli (ara l-punt 11 iktar 'il fuq).

38     Fil-kuntest tal-preżenti rikors, il-Kummissjoni ssostni li l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2002 mhijiex att kontestabbli (ara l-punt 26 iktar 'il fuq).

39     Sabiex jiġi vverifikat jekk l-imsemmija ittra tikkostitwixxix miżura kontestabbli, għandu, l-ewwel nett, jiġi stabbilit is-suġġett ta’ l-ittra tar-rikorrenti tal-5 ta’ Lulju 2002 li hija twieġeb.

40     Għandu jiġi kkonstatat jekk l-ittra tar-rikorrenti tal-5 ta’ Lulju 2002 kellha l-għan li tressaq ilment motivat dwar allegat ksur ta’ l-Artikolu 87 KE quddiem il-Kummissjoni. Dan l-ilment, li kien fih iżjed minn 800 paġna, kien jinkludi numru kbir ta’ elementi ta’ prova, data ekonomiċi u statistiċi, intiżi sabiex jikkoroboraw l-allegazzjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u, b’mod partikolari, ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-eżenzjoni in kwistjoni. Fl-ilment tagħha, ir-rikorrenti talbet espliċitament lill-Kummissjoni sabiex tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali skond l-Artikolu 88 KE.

41     Indipendentement mill-kwistjoni jekk l-ilment kienx fondat jew le, huwa evidenti li, bil-fatt li rċeviet dan l-ilment, il-Kummissjoni ġiet fil-pussess ta’ “informazzjoni li [t]irrigwarda allegata għajnuna kontra l-liġi” fis-sens ta' l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/1999. Jirriżulta minn din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar li l-Kummissjoni għandha teżamina tali informazzjoni mingħajr dewmien (ara l-punt 6 iktar 'il fuq). Hija għandha dritt tagħmel dan, iżda f'dan l-istadju m’għandhiex l-obbligu li tikkuntattja l-Istat Membru kkonċernat.

42     Skond l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 659/1999, l-eżami preliminari ta’ “għajnuna illegali possibbli” għandu jirriżulta fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2), (3) jew (4) (ara l-punt 7 iktar 'il fuq). B’mod partikolari, l-Artikolu 4(2) ta’ l-istess Regolament jipprovdi li jekk, wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-miżura li dwarha tittratta l-informazzjoni fil-pussess tagħhaa ma tikkostitwixxix għajnuna, hija għandha tirreġistra dik il-konstatazzjoni permezz ta’ deċiżjoni (ara l-punt 5 iktar 'il fuq).

43     Barra minn din il-possibbiltà li tieħu deċiżjoni skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni, meta titressaq quddiemha informazzjoni dwar l-eżistenza possibbli ta’ għajnuna mill-Istat, m'għandha l-ebda għażla oħra ħlief li tinforma lill-partijiet ikkonċernati, skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 20(2) ta’ l-istess Regolament, li “m’hemmx raġunijiet biżżejjed sabiex tingħata opinjoni dwar il-każ” (ara l-punt 8 iktar 'il fuq).

44     F’dan il-każ, jidher ċar li l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2002 ma tinkludix deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fis-sens ta' l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, jew deċiżjoni li tibda il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skond l-Artikolu 4(4). Għaldaqstant, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk din l-ittra tinkludix deċiżjoni fis-sens ta' l-Artikolu 4(2) ta’ l-imsemmi Regolament, jew jekk tikkostitwixxix sempliċement komunikazzjoni informali, kif previst mill-Artikolu 20(2) ta’ l-istess Regolament.

45     Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li f'dan il-każ il-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li ssostni, ma għażlitx il-possibbiltà li tipprovdi t-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999. Mhux talli ma ssostnix li ma jeżistux raġunijiet biżżejjed sabiex tingħata opinjoni dwar l-ilment, talli l-Kummissjoni, kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fl-ittri tal-25 ta’ Novembru 2002 u tad-9 ta’ Jannar 2003, tieħu pożizzjoni ċara u definittiva. Hija ssib li l-ilment ma jippermettix li tiġi identifikata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat peress li l-eżenzjoni kkonċernata ma toħroġx minn deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi li jagħtu għajnuna iżda li hija l-konsegwenza ta’ l-obbligu impost fuq il-Ġermanja li tittrasponi d-Direttiva 92/81 (ara l-punt 11 iktar 'il fuq).

46     Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li fid-digriet tagħha Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni mressaq mir-rikorrenti fil-kawża T-361/02, għar-raġuni li l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2002 kienet tikkostitwixxi “teħid ta’ pożizzjoni ċara u espliċita fuq l-ilment tar-rikorrenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 20). 

47     Għaldaqstant, din l-ittra ma tistax tiġi interpretata bħala li tillimita ruħha li tinforma lir-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ raġunijiet biżżejjed sabiex tingħata opinjoni dwar il-każ, fis-sens tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999. Fl-imsemmija ittra, il-Kummissjoni adottat pożizzjoni espliċita u motivata.

48     Fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2002 tinkludix deċiżjoni bħal dik prevista mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999, jiġifieri l-konstatazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, wara eżami preliminari, li l-miżura kkonċernata ma tikkostitwixxix għajnuna, hemm lok li jiġi rrilevat li huwa espressament indikat li l-Kummissjoni tqis li “l-eżenzjoni kkonċernata ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE” (ara l-punt 11 iktar 'il fuq).

49     Għaldaqstant, konformement ma’ l-obbligu impost fuqha skond l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni eżaminat l-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti u kkonkludiet, fl-ittra tat-12 ta’ Settembru 2002, li ma kien hemm ebda għajnuna minħabba li l-eżenzjoni ma kinitx imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat. Huwa għalhekk stabbilit li din l-ittra tinkludi deċiżjoni fis-sens ta' l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999. Ir-raġuni li għaliha l-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li mhemmx għajnuna mill-Istat, kif ukoll il-fatt li l-eżami preliminari ma rrikjediex analiżi profonda u fit-tul, min-naħa tagħha, ta’ l-informazzjoni li kienet is-suġġett ta’ l-ilment, huma irrilevanti f’dan ir-rigward.

50     Il-Kummissjoni ssostni li l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2002 ma tistax tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni bħal dik imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999 minħabba li l-ilment imressaq fil-5 ta’ Lulju 2002 ma kienx jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni żżid li l-ittra la kienet indirizzata u lanqas ikkomunikata lil Stat Membru, kif jitlob l-Artikolu 25 ta’ l-istess Regolament (ara l-punt 9 iktar 'il fuq).

51     Dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu aċċettati. L-ewwel nett, hija ġurisprudenza stabbilita li l-forma li fiha jittieħdu atti jew deċiżjonijiet hija, bħala regola, irrilevanti għal dak li jikkonċerna l-possibbiltà li jiġu kkontestati permezz ta’ rikors għal annullament u li hija s-sustanza tagħhom li għandha titqies sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn jikkostitwixxux atti fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 iktar 'il fuq; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Marzu 1994, Air France vs Il-Kummissjoni, T-3/93, Ġabra p. II-121, punti 43, 57 u 58).

52     Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 41 iktar 'il fuq, meta titressaq quddiem il-Kummissjoni informazzjoni li dwar għajnuna allegatament illegali, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li teżamina din l-informazzjoni mingħajr dewmien skond l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/1999. Jekk, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tikkuntentax ruħha biss li tinforma l-parti interessata li m’hemmx raġunijiet biżżejjed sabiex tingħata opinjoni dwar il-każ, iżda tieħu pożizzjoni ċara u motivata billi tindika li l-miżura in kwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna, hija ma tista' tipproċedi biss skond l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament. Billi adottat deċiżjoni li essenzjalment tinkludi deċiżjoni meħuda skond din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar, il-Kummissjoni m’għandhiex dritt li teskludiha mill-istħarriġ tal-qorti Komunitarja billi tiddikjara li ma ħaditx tali deċiżjoni, billi tipprova tirtiraha, jew billi tiddeċiedi li ma tindirizzax id-deċiżjoni lill-Istat Membru kkonċernat, bi ksur ta’ l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 659/1999.

53     Il-Kummissjoni lanqas ma tista' tinvoka l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward u, b’mod partikolari, is-sentenza Sytraval. Fil-fatt, din is-sentenza ta' l-aħħar ingħatat qabel ma ġiet stabbilita bir-Regolament Nru 659/1999 is-sistema proċedurali ta’ l-ilmenti fil-kuntest ta’ l-għajnuna mill-Istat. Dan ir-Regolament ta' l-aħħar huwa intiż sabiex jikkodifika u jsaħħaħ il-prassi tal-Kummissjoni f’din il-materja, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-tieni premessa tar-Regolament).

54     Għandu wkoll jiġi mfakkar li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Sytraval, il-Kummissjoni kienet adottat deċiżjoni indirizzata lill-Istat Membru kkonċernat u li ċaħdet l-ilment in kwistjoni, iżda ma kinitx ikkomunikat it-test ta’ din id-deċiżjoni lill-persuni li għamlu l-ilment (is-sentenza Sytraval, punti 14 u 46). Il-Kummissjoni kienet biss infurmat lill-persuni li għamlu l-ilment dwar l-effett tad-deċiżjoni tagħha (punt 15). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kienet id-deċiżjoni indirizzata lill-Istat Membru li kellha tkun is-suġġett ta’ eventwali rikors għal annullament u mhux il-komunikazzjoni indirizzata lill-persuni li għamlu l-ilment (punt 45).

55     F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma indirizzatx deċiżjoni dwar l-allegata għajnuna mill-Istat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Li kieku l-Kummissjoni indirizzat tali deċiżjoni lill-awtoritajiet Ġermaniżi, kif setgħet tagħmel skond l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 659/1999, ir-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 88(2) KE, kien ikollha d-dritt li tikkontesta l-validità tagħha bħala persuna direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni fil-kawża skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sytraval, punti 41 u 48). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-fatt li hija ma indirizzatx deċiżjoni lill-Istat Membru, u għalhekk in-nuqqas tagħha li tosserva l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 659/1999, sabiex iċċaħħad lir-rikorrenti mill-garanziji proċedurali tagħha.

56     Għandu jiżdied li jirriżulta espliċitament mir-Regolament Nru 659/1999 li dan ir-Regolament huwa intiż, inter alia, sabiex iżid iċ-ċertezza legali, partikolarment għal dak li jikkonċerna l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat (il-premessi 3, 7 u 11). Dan il-għan jiġi manifestament ippreġudikat li kieku l-Kummissjoni kellha d-dritt li tirriżolvi każijiet f'dan il-qasam barra mill-kuntest proċedurali previst minn dan ir-Regolament.

57     Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni (ara punt 29 iktar 'il fuq), is-Sinjura Loyola de Palacio imkien ma speċifikat, la fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 11 iktar 'il fuq), u lanqas fl-ittra tagħha tad-9 ta’ Jannar 2003 (ara l-punt 16 iktar 'il fuq), li hija kienet esprimiet opinjoni personali f’din id-deċiżjoni. Għall-kuntrarju, hija manifestatament ħadet deċiżjoni amministrattiva f’isem il-Kummissjoni.

58     F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li din l-ittra ma tirriżultax mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva fuq l-ilment mill-kulleġġ tal-Kummissarji (ara l-punt 26 iktar 'il fuq). Tali deċiżjoni tista' tiġi adottata biss jekk titressaq proposta għal dan il-għan mill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli. L-ittra tat-12 ta’ Settembru 2002 tagħti x'tifhem li s-Sinjura Loyola de Palacio ma kellha l-ebda intenzjoni li tressaq l-inkartament quddiem il-kulleġġ. Fil-fatt, hija ddikjarat li l-ilment ma setax ikun is-suġġett ta’ eżami fil-kuntest ta’ l-Artikolu 87 KE u tar-Regolament Nru 659/1999 u li, għaldaqstant, ma seta' jkun is-suġġett ta' ebda deċiżjoni tal-kulleġġ.

59     Fir-rigward tal-fatt li l-ittra ma ġietx ippubblikata (ara l-punt 26 iktar 'il fuq), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mhuwiex neċessarju li att jiġi ppubblikat sabiex ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

60     Barra minn hekk, il-Kummissjoni tafferma li r-rikorrenti m’għandhiex interess ġuridiku peress li l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2002 ġiet irtirata permezz ta’ l-ittra tad-9 ta’ Jannar 2003 (ara l-punt 16 iktar 'il fuq) u għalhekk hija nieqsa minn kull effett (ara l-punt 28 iktar 'il fuq).

61     Għandu mill-ewwel jiġi kkonstatat li l-ittra tad-9 ta’ Jannar 2003 hija fformulata b’mod ambigwu. Minn naħa, meta tirreferi għall-ittri tat-12 ta’ Settembru u tal-25 ta’ Novembru 2002, il-Membru tal-Kummissjoni tiddikjara li hija “[t]ixtieq [t]irrepeti u [t]ikkonferma l-kontenut tagħhom fid-dawl ta’ l-avvenimenti sussegwenti”. Min-naħa l-oħra, hija tindika li r-rikorrenti tista' “tikkunsidr[a] kull parti ta’ l-ittri t[agħha] li minnha [hija] jew il-konsulenti tagħ[ha] [j]aslu għal konklużjoni oħra, jew bħala konformi mal-pożizzjoni t[agħha], jew bħala li ġiet irtirata”. Fid-dawl ta’ dawn it-termini partikolarment ambigwi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din l-ittra għandha tinqara b’mod li ma tiffavorixxix il-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

62     Jirriżulta mill-ittra tad-9 ta’ Jannar 2003 li l-Kummissjoni żammet mal-pożizzjoni tagħha li l-ebda investigazzjoni ta’ l-ilment fil-kuntest ta’ l-Artikolu 88 KE ma kienet iġġustifikata. Għaldaqstant, hija ma biddlitx il-pożizzjoni tagħha li skontha l-eżenzjoni mit-taxxa ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE, u ma bdietx il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE. Fil-fatt, hija kkonfermat espressament il-kontenut ta’ l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2002 fl-ittra tagħha tal-25 ta' Novembru 2002, u, kif tammetti l-Kummissjoni fl-atti tagħha, fl-ittra tagħha tad-9 ta’ Jannar 2003 wkoll. Il-Kummissjoni lanqas ma ddeċidiet li tirrevedi l-pożizzjoni tagħha.

63     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2002 essenzjalment tinkludi deċiżjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999 u li għad għandha effetti ġuridiċi minkejja l-ittra tad-9 ta’ Jannar 2003. Għaldaqstant, il-preżenti rikors huwa ammissibbli u għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fuqu.

 Fuq il-mertu

64     Ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-legalità, it-tieni fuq ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet fuq ksur ta’ l-Artikolu 87 KE, ir-raba’ fuq ksur ta’ l-Artikolu 88 KE, il-ħames fuq applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 307 KE, u sitt fuq il-ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali.

65     L-ewwel, it-tielet u r-raba’ motivi għandhom jiġu eżaminati flimkien.

 Fuq l-ewwel, it-tielet u r-raba’ motivi

 L-argumenti tal-partijiet

66     Fir-rigward tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 4(1)(3)(a) tal-MinöStG jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens ta' l-Artikolu 87 KE, li hija inkompatibbli mas-suq komuni.

67     L-ewwel nett, hija tirrimarka li billi l-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw fil-Ġermanja huma totalment eżentati mit-taxxi tas-sisa ġenerali fuq iż-żjut minerali bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4(1)(3)(a) tal-MinöStG, il-piżijiet fiskali tagħhom huma konsiderevolment imnaqqsin, b'mod li jibbenefikaw minn vantaġġ finanzjarju.

68     It-tieni nett, billi t-telf ta’ dħul dovut għal din l-eżenzjoni (435 miljun EUR fl-2002) huwa a spejjeż tal-baġit Ġermaniż, il-vantaġġ mogħti jingħata permezz tar-riżorsi ta’ l-Istat. Ir-rikorrenti tispeċifika li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, l-eżistenza ta’ għajnuna ma tiddependix mill-preżenza ta’ “piż addizzjonali” għall-Istat. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jirrikonoxxi li eżenzjoni mit-taxxa, bħal dik f’dan il-każ, hija eżempju klassiku ta’ għajnuna fis-sens ta' l-Artikolu 87 KE.

69     Ir-rikorrenti żżid li l-Artikolu 4(1)(3)(a) tal-MinöStG jikkostitwixxi mingħajr dubju att tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, peress li ġiet adottata mill-organi leġiżlattivi ta’ dan l-Istat Membru. Hija tispeċifika li din id-dispożizzjoni tirrappreżenta biss element wieħed tas-sistema ġenerali tat-tassazzjoni taż-żjut minerali fil-Ġermanja u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma qegħditx fid-dubju n-natura ġuridika ta’ miżura nazzjonali ta’ l-atti li jittrasponu l-Artikolu 8(1)(a) u (b) tad-Direttiva 92/81 fis-sentenzi tagħha ta’ l-10 ta’ Ġunju 1999, Braathens (C-346/97, Ġabra p. I-3419), u tal-25 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-437/01, Ġabra p. I-9861).

70     Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 4(1)(3)(a) tal-MinöStG huwa miżura ta' traspożizzjoni ta' l-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 91/81, huwa jikkostitwixxi att ta’ l-Istat Membru u, għaldaqstant, hija miżura imputabbli lill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 1991, Emmott, C-208/90, Ġabra p. I-4269, punt 21, u tat-12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker u Lesage, C-37/92, Ġabra p. I-4947, punt 7). Ir-rikorrenti tirrileva li, skond l-Artikolu 249 KE, direttiva torbot biss f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, filwaqt li l-għażla tal-forma u tal-metodi titħalla f’idejn il-leġiżlatur nazzjonali. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tafferma l-Kummissjoni, ma jistgħux jeżistu direttivi li ma jħallux marġini ta’ diskrezzjoni lill-Istat.

71     F’dan il-każ, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 92/81 ħalla marġini ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri billi huma kellhom jeżentaw il-karburant għall-ajruplani mis-sisa armonizzata, “taħt il-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu bil-għan li tiġi assigurata l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawn l-eżenzjonijiet u jiġi impedit kull frodi, evażjoni jew abbuż”. Barra minn hekk, kif sostna l-Kunsill, il-leġiżlatur Ġermaniż għandu marġini ta' diskrezzjoni biex jevita distorsjoni tal-kompetizzjoni billi jeżenta mezzi oħra ta’ trasport mis-sisa fuq iż-żjut minerali, fil-kuntest tal-possibbiltajiet offerti mid-Direttiva 92/81.

72     It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-eżenzjoni in kwistjoni tikkostitwixxi wkoll miżura selettiva li tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet skond l-Artikolu 87 KE.

73     Ir-raba’ nett, hija tesponi li l-Artikolu 4(1)(3)(a) tal-MinöStG iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ relazzjoni kompetittiva bejn il-ferroviji ta’ veloċità għolja u l-mezzi tat-trasport ta’ l-ajru fuq rotot intra-Komunitarji [Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 1998 (Każ N IV/M.1305 – Eurostar) (ĠU 1999, C 256, p. 4) punt 21]. Ir-rikorrenti tippretendi li, fl-ilment tagħha, hija spjegat suffiċjentement li tali relazzjoni kompetittiva teżisti wkoll fuq ir-rotot interni Ġermaniżi. Barra minn hekk, filwaqt li r-rikorrenti trid iħallas numru ta’ taxxi fuq is-sorsi ta’ enerġija primarja li hija tuża, l-eżenzjoni kkonċernata tippermetti lill-kumpanniji ta’ l-ajru li jnaqqsu konsiderevolment l-ispejjeż tagħhom u, għaldaqstant, joffru prezzijiet fuq rotot interni Ġermaniżi li huma iktar baxxi minn dawk li toffri r-rikorrenti.

74     Il-ħames nett, l-eżenzjoni kkonċernata taffetwa l-kummerċ bejn Stati Membri billi, minn naħa, il-kumpanniji ta’ l-ajru ġeneralment joperaw f’diversi Stati Membri u, min-naħa l-oħra, il-ferroviji ta’ veloċità għolja jgħaqqdu diversi bliet kapitali Ewropej bejniethom b’mod li jinsabu f’relazzjoni kompetittiva diretta mal-mezzi ta' trasport bl-ajru.

75     Skond ir-rikorrenti, jirriżulta minn dak li jippreċedi li l-Artikolu 4(1)(3)(a) tal-MinöStG jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata hija illegali.

76     Ir-rikorrenti tqis ukoll li l-għajnuna kkonċernata hija inkompatibbli mas-suq komuni. L-Artikolu 4(1)(3)(a) tal-MinöStG ma jissodisfax manifestament il-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 87(2) KE u ma jistax jiġi ddikjarat kompatibbli taħt l-Artikolu 87(3) KE.

77     Barra minn hekk, hija tissottometti li l-Kummissjoni m'għandhiex raġun tikkunsidra, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81 jeskludi l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87 KE. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tad-dritt sekondarju għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-Artikolu 87 KE u ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt primarju li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat, li huma espressjoni partikolari tal-prinċipju tal-kompetizzjoni ħielsa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1978, INAMI vs Viola, 26/78, Ġabra p. 1771, punti 9 sa 14; ara wkoll il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Lenz fl-atti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 52/84, Ġabra p. 89, 99). Jirriżulta minn prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju li kunflitt ta' applikazzjoni bejn id-dritt sekondarju u d-dritt primarju għandu jiġi riżolt jew bl-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt sekondarju b'mod li tkun konformi mad-dritt primarju (b’mod partikolari billi l-eżenzjoni mit-taxxa tiġi estiża għall-operaturi tal-ferroviji ta’ veloċità għolja), jew, fil-każ fejn tali interpretazzjoni ma tkunx possibbli, billi ma tiġix applikata d-dispożizzjoni tad-dritt sekondarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 1988, van Landschoot vs Mera, 300/86, Ġabra p. 3443).

78     Għandu wkoll jiġi konkluż minn interpretazzjoni testwali, sistematika u teleoloġika ta’ l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 92/81 li l-Artikolu 87 KE huwa applikabbli f’dan il-każ. L-ewwel nett, jirriżulta mill-kliem użat f'din id-dispożizzjoni li l-eżenzjoni mit-taxxi tas-sisa għandha valida biss “bla ħsara għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħra”. It-tieni nett, skond il-ġurisprudenza, l-eżenzjonijiet mit-taxxi fakultattivi taħt l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 92/81 huma limitati mid-dispożizzjonijiet ġenerali intiżi sabiex jipproteġu l-kompetizzjoni, li jinkludu l-Artikolu 87 KE (ara, per eżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2000, BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-184/97, Ġabra p. II-3145, punt 62), b'mod li l-eżenzjoni mit-taxxa kkonċernata għandha tkun limitata bl-istess mod. It-tielet nett, interpretazzjoni teleoloġika ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81 ixxaqleb lejn l-applikabbiltà tar-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat għall-eżenzjoni mit-taxxa tal-karburant għall-ajruplani billi din id-dispożizzjoni tfittex li toħloq suq intern effettiv u l-uniformizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizjoni.

79     Ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kunsill li l-konsegwenza neċessarja ta' l-armonizzazzjoni parzjali ta’ taxxa permezz ta’ att tad-dritt Komunitarju hija li l-miżura ma taqax taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat, ħlief jekk id-direttiva li fuqha din l-armonizzazzjoni hija bbażata tipprovdi espressament għall-applikazzjoni tagħhom. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tikser il-ġerarkija tan-normi. Li kieku l-Kunsill ried jeskludi l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(1) KE, kien imissu bbaża d-Direttiva mhux biss fuq l-Artikolu 93 KE, iżda wkoll fuq l-Artikolu 89 KE, u b’hekk, kien ineħħi l-miżuri kkonċernati mill-proċedura ta’ stħarriġ ta’ l-għajnuna mill-Istat. Bl-istess mod, il-Kunsill seta' jiddikjara li l-miżuri previsti mid-Direttiva kienu kompatibbli mas-suq komuni abbażi ta’ l-Artikolu 88(2) KE, ta’ l-Artikolu 87(3)(e) KE, jew, possibbilment, ta’ l-Artikolu 73 KE. Dan jikkorrispondi mal-prassi ġeneralment segwita mill-Kunsill [ara, per eżempju, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1107/70 ta’ l-4 ta’ Ġunju 1970 dwar l-għoti ta’ għajnuniet għal trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 130, p. 1)]. Peress li l-Kunsill ma stabbilixxiex deroga għad-dritt primarju abbażi tas-setgħat previsti mid-dritt primarju, huwa d-dritt primarju li huwa applikabbli, jiġifieri, f’dan il-każ, l-Artikoli 87 KE u 88 KE. L-affermazzjoni tal-Kunsill li tali deroga ġiet effettivament prevista għandha tiġi miċħuda peress li l-imsemmija deroga ma ġietx espressa b’mod ċar u espliċitu.

80     F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jikkontesta l-pożizzjoni tal-Kunsill li skontha l-fatt li ma ntużatx, bħala setgħa, waħda mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq fil-qasam ta’ l-għajnuna jikkostitwixxi biss difett formali negliġibbli. Fil-fatt, abbażi tad-Direttiva, ma jistax jiġi taċitament eskluż l-istħarriġ tal-miżuri ta’ traspożizzjoni li għandhom jiġu adottati skond id-Direttiva fid-dawl tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-għajnuna mill-Istat. Għall-kuntrarju, huwa neċessarju li d-Direttiva tkun effettivament ibbażata fuq is-setgħa korrispettiva.

81     Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni u l-Kunsill jassoġġettaw l-eżenzjonijiet mit-taxxa previsti mid-Direttiva 2003/96, li tissostitwixxi d-Direttiva 92/81, għal eżami dettaljat fid-dawl tal-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ l-għajnuna. Ikun għalhekk inkomprensibbli li l-konvenuta u l-intervenjenti issa jirrifjutaw li jipproċedu għal stħarriġ ta’ l-eżenzjonijiet mit-taxxi previsti mid-Direttiva 92/81 fid-dawl tal-kriterji ta’ l-Artikolu 87 KE.

82     Huwa minnu li r-rikorrenti tammetti li l-Kummissjoni ma tistax tagħti deċiżjoni fuq il-validità tad-direttivi tal-Kunsill. Madankollu, hija tista', u għandha, teżamina jekk it-traspożizzjoni, minn Stat Membru, ta’ l-eżenzjoni mit-taxxa prevista mid-Direttiva 92/81 hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam ta’ l-għajnuna u tiżgura li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tasalx, wara d-data tat-transpożizzjoni, biex toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni inkompatibbli mas-suq komuni. Il-Kummissjoni għandha wkoll tistħarreġ il-marġini ta’ diskrezzjoni residwa li għandhom l-Istati Membri biex jestendu din l-eżenzjoni mit-taxxa għat-trasport ferrovjarju skond l-Artikolu 8(2)(ċ) ta’ l-istess Direttiva. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ġunju 1999, ARAP et vs Il-Kummissjoni (T-82/96, Ġabra p. II-1889, punt 14) mhijiex rilevanti billi din tirrigwarda regolament, li m’għandux bżonn jiġi ttraspost mill-Istat Membru, u mhux direttiva.

83     Ir-rikorrenti għalhekk tiddeduċi minn dak li jippreċedi li l-eżenzjoni mit-taxxi tas-sisa favur karburant għall-ajruplani prevista mill-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81 mhijiex kompatibbli ma’ l-Artikolu 87 KE u għaldaqstant hija inapplikabbli fil-forma attwali tagħha.

84     Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li lanqas l-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81 mhuwa applikabbli peress li m'għadux iżjed kopert bis-setgħa mogħtija bl-Artikolu 93 KE. F'dan ir-rigward, hija tosserva li jirriżulta mill-Artikolu 241 KE li xejn ma jżommha milli tinvoka l-inapplikabbiltà ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81.

85     Fil-fatt, din id-Direttiva armonizzat l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq iż-żjut minerali u, bħad-direttivi l-oħra adottati f’dan il-qasam, hija bbażata esklużivament fuq l-Artikolu 93 KE u hija intiża għat-twettiq tas-suq intern Komunitarju fis-sens ta' l-Artikolu 14 KE. Ir-rikorrenti tammetti li, meta ġiet adottata din id-Direttiva, l-eżenzjoni mit-taxxa tal-karburant għall-ajruplani prevista mill-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81 probabbilment kienet neċessarja għat-twettiq tas-suq intern, fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva ta’ dak iż-żmien. Madankollu, kif jikkonferma wkoll il-Kunsill, il-kumpanniji ta’ l-ajru u l-operaturi tal-ferroviji ta’ veloċità għolja jinsabu attwalment f’relazzjoni kompetittiva qawwija u l-eżenzjoni mit-taxxi tas-sisa kkonċernata twasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara punt 73 iktar 'il fuq). Għaldaqstant, l-eżenzjoni mit-taxxa tal-karburant għall-ajruplani twassal mhux biex twettaq is-suq intern, iżda, għall-kuntrarju, sabiex toħloq distorsjoni qawwija tal-kompetizzjoni.

86     Issa miżura li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni ma tistax tkun “neċessarja” sabiex tiżgura t-twettiq u l-funzjonament tas-suq komuni fis-sens ta' l-Artikolu 93 KE. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, miżura tista' biss tiġi kkunsidrata bħala neċessarja fin-nuqqas ta’ alternattiva li toħloq inqas distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ġunju 1996, NMB France et vs Il-Kummissjoni, T-162/94, Ġabra p. II-427, punt 69). Skond ir-rikorrenti, ikun hemm inqas distorsjoni tal-kompetizzjoni bl-estensjoni ta’ l-eżenzjoni mit-taxxa prevista mill-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81 għall-operaturi tal-ferroviji ta’ veloċità għolja jew bit-tneħħija ta’ din l-eżenzjoni mit-taxxi tas-sisa fuq iż-żjut minerali għat-titjiriet intra-Komunitarji. Konsegwentement, wara t-tibdil fis-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq ikkonċernat, l-eżenzjoni mit-taxxa tal-karburant ta’ l-avjazzjoni prevista mill-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81 m'għadhiex iżjed neċessarja sabiex tiżgura t-twettiq u l-funzjonament tas-suq intern u ma tkunx iżjed koperta bl-Artikolu 93 KE.

87     Ir-rikorrenti tenfasizza li hija ma tikkontestax il-fatt li l-Kunsill seta' jibbaża d-Direttiva 92/81 fuq l-Artikolu 93 KE. Tibqa' madankollu l-kwistjoni jekk, minħabba t-tibdil fir-relazzjoni kompetittiva li teżisti bejn l-avjazzjoni ċivili u l-ferroviji ta’ veloċità għolja, is-setgħa prevista mill-Artikolu 93 KE hijiex biżżejjed sabiex teskludi eżami tal-miżuri ta’ transpożizzjoni fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet ġenerali fil-qasam ta’ l-għajnuna. Ir-rikorrenti tispeċifika li hija m’għandhiex l-intenzjoni li tikseb l-annullament tad-Direttiva, iżda li hija tqis li s-setgħa użata ma teskludix li jsir stħarriġ min-naħa tal-Kummissjoni.

88     Fir-rigward ta’ l-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kien imissha pproċediet għal eżami diliġenti u imparzjali ta’ l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C-449/98 P, Ġabra p. I-3875, punt 45, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni, T-95/96, Ġabra p. II-3407, punt 72). Bil-fatt li ċaħdet l-ilment tagħha kompletament, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-legalità kif ukoll ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 659/1999.

89     Ir-rikorrenti tiddubita jekk, meta fformulat l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2002, il-Kummissjoni rrispettatx il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u r-regoli interni tagħha. Hija tispeċifika f’dan ir-rigward li, filwaqt li skond dwar ir-regoli interni, il-kulleġġ tal-Kummissarji kien kompetenti f’dan il-każ, apparentement dan il-każ ma tressaqx quddiem dan il-kulleġġ.

90     Fl-aħħarnett, sabiex issostni r-raba’ motiv, ir-rikorrenti tallega li, billi l-Kummissjoni tirrifjuta, fid-deċiżjoni kkontestata, li tibda proċedura ta' investigazzjoni formali, hija taġixxi bi ksur ta’ l-obbligi tagħha li joħorġu mill-Artikolu 88(2)(3) KE kif ukoll mill-Artikolu 10(1) u mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 659/1999.

91     Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni m'għandhiex raġun tqis li, fid-dawl ta' l-emendi proposti għad-dispożizzjonijiet ikkonċernati tad-Direttiva 92/81, hija dispensata milli tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ l-għajnuna li hemm fis-seħħ.

92     Il-Kummissjoni tqis li, f’dan il-każ, huwa manifest li ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ għajnuna mill-Istat. Hija ssostni li l-eżenzjoni in kwistjoni mhijiex imputabbli lil Stat fis-sens tal-ġursprudenza rilevanti (sentenza tal-Qorti tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, Ġabra p. I-4397). L-eżenzjoni mit-taxxa prevista fl-Artikolu 4(1)(3)(a) tal-MinöStG tistrieħ fuq l-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81 u l-Istati Membri m’għandhom l-ebda marġini ta’ manuvra sabiex jittrasponu l-imsemmija eżenzjoni (sentenza Braathens, punt 69 iktar ’il fuq).

93     Bi tweġiba għall-argument tar-rikorrenti li, fid-dawl tas-supremazija tad-dritt primarju, il-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għandha tkun applikabbli, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti tinjora l-fatt li s-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, ukoll tirrigwarda l-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u għandha tiġi rrispettata. Barra minn hekk, hija ma taċċettax l-argument li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 92/81 mhuwiex kopert bis-setgħa ta’ l-Artikolu 93 KE, billi tikkunsidra li r-rikorrenti tħallat il-kwistjoni realment rilevanti f'dan ir-rigward, jiġifieri dik ta’ l-armonizzazzjoni rikjesta, mal-kwistjoni tar-riperkussjonijiet fuq il-kompetizzjoni, li m'għandha l-ebda rabta ma’ l-Artikolu 93 KE.

94     Il-Kummissjoni ma tweġibx għall-argumenti magħmula mir-rikorrenti sabiex issostni l-ewwel motiv tagħha.

95     Fir-rigward tar-raba’ motiv, il-Kummissjoni tqis li ma kienx hemm lok li tibda proċedura ta' investigazzjoni formali. Hija żżid li d-Direttiva 92/81 ġiet sostitwita bid-Direttiva 2003/96, b’mod li ma kienx hemm għalfejn tibda proċedura ta' investigazzjoni formali.

96     Il-Kunsill iressaq tliet argumenti sabiex juri li s-sistema u l-proċedura ta’ stħarriġ ta’ l-għajnuna mill-Istat previsti mill-Artikoli 87 KE sa 89 KE mhumiex applikabbli f’dan il-każ. L-ewwel nett, dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex applikabbli għall-miżuri adottati mil-leġiżlatur Komunitarju, sakemm dan ta’ l-aħħar ma jiddeċidix mod ieħor. Fil-fatt, il-poteri li l-Artikolu 88 KE jagħti lill-Kummissjoni ma jippermettulhiex tiddikjara li dispożizzjoni Komunitarja fis-seħħ hija inapplikabbli.

97     It-tieni nett, l-eżenzjoni kkontestata ma tistax titqies bħala għajnuna mill-Istat peress li, mill-għan u mill-istruttura ġenerali tagħha, mhijiex maħsuba biex toħloq vantaġġ li jikkostitwixxi piż addizzjonali għall-Istat.

98     It-tielet nett, il-Kunsill ifakkar li, anki kieku l-eżenzjoni kkontestata kellha tiġi meqjusa bħala għajnuna mill-Istat, huwa għandu l-poter li jeżenta ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-osservanza tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni. Issa jirriżulta min-natura inkondizzjonata tad-dispożizzjoni kkontestata li l-leġiżlatur Komunitarju, f’dan il-każ, eskluda speċifikament il-possibbiltà ta' tali stħarriġ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

99     L-Artikolu 87(1) KE jiddikjara kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, inkompatibbli mas-suq komuni,.

100   Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tkopri d-deċiżjonijiet ta’ l-Istati Membri li bihom dawn ta’ l-aħħar, sabiex jilħqu l-għanijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom, iqiegħdu riżorsi għad-dispożizzjoni ta’ l-impriżi jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, permezz ta’ deċiżjonijiet unilaterali u awtonomi, jew jagħtuhom vantaġġi intiżi sabiex jinkoraġġixxu t-twettiq ta’ l-għanijiet ekonomiċi u soċjali mfittxija (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Marzu 1980, Amministrazione delle finanze dello Stato vs Denkavit italiana, 61/79, Ġabra p. 1205, punt 31).

101   Minn dan isegwi li, sabiex vantaġġi jistgħu jiġu kkwalifikati bħala għajnuna fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE, għandhom, b’mod partikolari, ikunu imputabbli lill-Istat (ara s-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, u l-ġurisprudenza ċċitata).

102   Dan mhuwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, l-Artikolu 4(1)(3)(a) tal-MinöStG jimplementa l-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81. Issa, kif deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, din dispożizzjoni ta' l-aħħar timponi obbligu ċar u preċiż fuq l-Istati Membri li ma jassoġġettawx il-karburant li jintuża għan-navigazzjoni kummerċjali bl-ajru għat-taxxa tas-sisa armonizzata (sentenza Braathens, punt 69 ’il fuq, punti 30 sa 32). Billi jittrasponu l-eżenzjoni fid-dritt nazzjonali, l-Istati Membri ma għamlu xejn ħlief li jimplementaw dispożizzjonijiet Komunitarji konformement ma’ l-obbligi tagħhom skond it-Trattat. Minn dan isegwi li d-dispożizzjoni kkonċernata mhijiex imputabbli lill-Istat Ġermaniż, iżda, fir-realtà, tirriżulta minn att tal-leġiżlatur Komunitarju.

103   Ir-rikorrenti tenfasizza li l-eżenzjoni ngħatat permezz ta' riżorsi ta’ l-Istat. Madankollu, l-imputabbiltà ta’ għajnuna lil Stat hija distinta mill-kwistjoni jekk l-għajnuna ngħatatx permezz ta' riżorsi ta’ l-Istat. Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza li dan huwa każ ta' kundizzjonijiet distinti u kumulattivi (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 92 ’il fuq, punt 24).

104   Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li wħud mill-kundizzjonijiet essenzjali għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87 KE mhumiex sodisfatti, b'mod li l-Kummissjoni kellha d-dritt tikkonkludi li l-eżenzjoni kkonċernata ma kinitx taqa' fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

105   Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-marġini ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri bil-kliem tal-bidu ta’ l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 92/81, li jispeċifika li l-eżenzjonijiet għandhom jingħataw mill-Istati Membri “taħt il-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu bil-għan li tiġi assigurata l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawn l-eżenzjonijiet u jiġu impedit kull frodi, evażjoni jew abbuż”, japplika biss għall-formulazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni ta’ l-eżenzjoni kkonċernata u ma tqiegħedx fid-dubju n-natura inkondizzjonata ta’ l-obbligu ta’ eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni (sentenza Braathens, punt 69 iktar ’il fuq, punt 31).

106   Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrent li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħet tevita d-distorsjoni tal-kompetizzjoni billi testendi l-eżenzjoni għall-ferroviji ta’ veloċità għolja bis-saħħa ta’ l-Artikolu 8(2)(c) tad-Direttiva 92/81, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Istati Membri kellhom perfettament id-dritt li jikkuntentaw ruħhom li jittrasponu d-dispożizzjonijiet obbligatorji tad-Direttiva u li ma jirrikorrux għall-possibbiltà li jwessgħu l-eżenzjoni.

107   Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka l-inapplikabbiltà ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81. Minn naħa, hija tinsisti dwar il-fatt li, bis-saħħa tal-prinċipju tas-supremazija, l-eżenzjoni mit-taxxi tas-sisa għall-karburant ta’ l-ajruplani prevista minn din id-dispożizzjoni mhijiex kompatibbli ma’ l-Artikolu 87 KE u li, għaldaqstant, hija inapplikabbli fil-forma attwali tagħha. Li kieku l-Kunsill ried jeskludi l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87 KE, kien imissu bbaża d-Direttiva mhux biss fuq l-Artikolu 93 KE, iżda wkoll fuq artikoli oħra tat-Trattat (ara punt 79 iktar 'il fuq). Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81 huwa inapplikabbli billi m'għadux iżjed kopert mis-setgħa ta’ l-Artikolu 93 KE. Hija ssostni li l-kumpanniji ta’ l-ajru u l-operaturi tal-ferroviji ta' veloċità għolja jinsabu attwalment f’relazzjoni kompetittiva qawwija u li, b’konsegwenza ta’ dan, l-eżenzjoni kkonċernata twassal mhux biex twettaq is-suq intern, iżda, għall-kuntrarju, sabiex toħloq distorsjoni qawwija tal-kompetizzjoni (ara l-punt 85 iktar 'il fuq).

108   Anki jekk jitqies li r-rikorrenti qajmet eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81, din l-eċċezzjoni ma toħroġx b'mod ċar mill-atti tagħha. B’mod partikolari, fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-intervent tal-Kunsill, ir-rikorrenti speċifikat li l-argument essenzjali tagħha hu li l-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81 ma jistax iwaqqaf lill-Kummissjoni milli teżamina l-eżenzjoni kkonċernata fil-kuntest tal-proċeduri dwar l-għajnuna mill-Istat.

109   F’kull każ, l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward ta' l-inapplikabbiltà ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81 ma jistgħux jiġu milqugħa.

110   Fir-rigward ta’ l-argument tagħha li din id-dispożizzjoni hija inapplikabbli minħabba li tikser l-Artikolu 87 KE, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punt 104 iktar 'il fuq, dan l-Artikolu ta' l-aħħar mhuwiex applikabbli f’dan il-każ.

111   Għal dak li jikkonċerna l-argument ibbażat fuq l-Artikolu 93 KE, għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva 92/81 ġiet adottata mill-Kunsill, b’deċiżjoni unanima abbażi ta’ dan l-artikolu, sabiex jiġu armonizzati l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq iż-żjut minerali. L-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81 tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali li jipprovdu għal eżenzjoni mit-taxxa favur il-karburant għall-ajruplani. Ir-rikorrenti stess tammetti, fir-rikors tagħha, li l-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81 probabbilment kien neċessarju fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva, billi kien intiż sabiex tiggarantixxi li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn id-diversi kumpanniji ta’ l-ajru ta’ l-Istati Membri, kif ukoll bejn dawn il-kumpanniji u l-operaturi ta’ Stati terzi (ara l-punt 85 iktar 'il fuq).

112   Anki jekk jitqies li r-rikorrenti ġustament tinvoka l-eżistenza, wara l-adozzjoni tad-Direttiva 92/81, ta’ relazzjoni kompetittiva ġdida bejn it-trasport bl-ajru u dak ferrovjarju, minn dan ma jsegwix li l-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81 sar illegali. Kien il-leġiżlatur Komunitarju, li għandu marġini ta' diskrezzjoni wiesgħa fl-eżerċizzju tal-poter tiegħu, li kellu jevalwa s-sitwazzjoni u, f’każ ta' bżonn, jiddeċiedi jekk kienx opportun li jemenda d-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

113   F’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni u l-Kunsill jassoġġettaw l-eżenzjonijiet mit-taxxa previsti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/96 għal eżami dettaljat fid-dawl tal-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi rilevat li l-Artikolu 14(1)(b) ta’ din id-Direttiva jipprovdi għal eżenzjoni li tapplika għal “prodotti ta’ enerġija forniti biex jintużaw bħala karburant għall-iskop ta' navigazzjoni bl-ajru barra minn safar b'mod privat u għad-divertiment [barra mill-avjazzjoni privata għat-turiżmu]”.Issa jirriżulta mill-Artikolu 14(2) ta’ l-istess Direttiva li Stat Membru jista', minn naħa, jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 14(1) għat-trasport internazzjonali u intra-Komunitarju u, min-naħa l-oħra, jirrinunzja għall-eżenzjoni meta jidħol fi ftehim bilaterali ma' Stat Membru ieħor. Minn dan isegwi li l-miżuri ta’ transpożizzjoni ta’ l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/96 huma miżuri li dwarhom l-Istati jgawdu marġini ta’ diskrezzjoni, ħaġa li tispjega li s-sorveljanza tal-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat hija prevista mill-Artikolu 26(2) ta’ din id-Direttiva. Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li t-tielet motiv m’huwiex fondat.

114   Fl-aħħarnett, l-ewwel u r-raba’ motivi huma bbażati fuq il-premessa li r-rikorrenti ressqet ilment li jistħoqqlu li jiġi eżaminat fid-dettall mill-Kummissjoni. Issa fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 4(1) tal-MinöStG jillimita ruħu li jimplementa dispożizzjoni obbligatorja ta’ att Komunitarju (ara l-punti 99 sa 104 iktar 'il fuq), il-Kummissjoni kellha d-dritt li tiċħad l-ilment fid-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma kien neċessarju li tirreferih lill-kulleġġ tal-Kummissarji u li tibda proċedura ta' investigazzjoni formali skond l-Artikolu 88(2) KE.

115   Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel, it-tielet u r-raba’ motivi jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

116   Ir-rikorrenti tesponi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba l-ksur ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE. Fir-rigward ta' deċiżjonijiet li jikkonkludu li ma teżisti ebda għajnuna mill-Istat allegata f’ilmenti, il-Kummissjoni hija marbuta li tispjega lill-persuna li tkun għamlet l-ilment ir-raġunijiet li għalihom l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt invokati fl-ilment ma kinux suffiċjenti sabiex jippruvaw l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat (sentenza Sytraval, punt 64).

117   Issa f’dan il-każ, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jinftehmu r-raġunijiet li għalihom l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt invokati mir-rikorrenti fl-ilment tagħha ma jippruvawx l-eżistenza ta’ għajnuna illegali mill-Istat.

118   Il-Kummissjoni u l-Kunsill ma jgħidu xejn fuq l-argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex issostni t-tieni motiv tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

119   Skond ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura ta’ l-att ikkonċernat u trid turi r-raġunament ta’ l-istituzzjoni, awtriċi ta' l-att, b’mod ċar u inekwivoku, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu r-raġunijiet għall-miżura li ttieħdet u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni għandu jiġi evalwat skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, b'mod partikolari l-kontenut ta’ l-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista' jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. M’hemmx bżonn li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, billi l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissoddisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b'referenza għall-kliem tagħha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza Sytraval, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

120   F’dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni ċaħdet l-ilment minħabba li l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(3)(a) tal-MinöStG kienet tikkostitwixxi implementazzjoni tad-Direttiva 92/81 u mhux tentattiv sabiex tingħata għajnuna (ara punt 11 iktar 'il fuq). Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, tali motivazzjoni, għalkemm fil-qosor, kienet suffiċjentement ċara u komprensibbli.

121   Konsegwentement, it-tieni motiv għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 307 KE u tar-regoli tad-dritt internazzjonali

 L-argumenti tal-partijiet

122   Ir-rikorrenti ssostni li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat hija eskluża mill-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali tas-7 ta’ Diċembru 1944 (Ġabra tat-trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 15, p. 295, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”) kif ukoll minn diversi ftehim bilaterali dwar it-traffiku bl-ajru li ġew konklużi abbażi ta’ din il-Konvenzjoni la hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali u lanqas ma’ l-Artikolu 307 KE.

123   Fir-rigward tad-dritt internazzjonali pubbliku, ir-rikorrenti tippretendi li l-eżenzjoni mit-taxxa tal-karburant għall-ajruplani prevista fil-ftehim internazzjonali bl-ebda mod ma tipprekludi li dik ibbażata fuq l-Artikolu 4(1)(3)(a) tal-MinöStG titqies bħala li tikser l-Artikolu 87(1) KE. Skond ir-regola ta’ kunflitt tal-liġijiet stabbilita fl-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-Liġi tat-Trattati tat-23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 788, p. 354), id-dispożizzjonijiet tat-trattati internazzjonali konklużi preċedentement bejn l-Istati Membri japplikaw biss sakemm dawn ikunu kompatibbli ma’ l-obbligi konvenzjonali sussegwenti, bħal dawk li jirriżultaw mis-sħubija tagħhom mal-Komunitajiet Ewropej.

124   Fir-rigward tad-dritt Komunitarju, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 307 KE jillimita ruħu li jiggarantixxi d-drittijiet ta’ Stati terzi skond id-dritt internazzjonali pubbliku mingħajr ma jobbliga l-Istati Membri jassumu l-obbligi konvenzjonali tagħhom li ġew qabel it-Trattati Komunitarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni tal-KEE, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 430). B’konsegwenza ta’ dan, peress li s-sitwazzjoni f'dan il-każ hija purament intra-Komunitarja, huwa d-dritt primarju li huwa applikabbli f’każ ta’ kunflitt (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Lulju 1991, RTE vs Il-Kummissjoni, T-69/89, Ġabra p. II-485, punt 103). Għaldaqstant, anki fir-rigward ta’ l-Artikolu 307 KE, la l-Konvenzjoni ta’ Chicago u lanqas il-ftehim internazzjonali bilaterali bbażati fuqha ma jipprekludu l-applikabbiltà għall-Artikolu 4(1)(3)(a) tal-MinöStG tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat bosta drabi li l-Konvenzjoni ta’ Chicago ma kellha l-ebda effett vinkolanti fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet intra-Komunitarji.

125   Il-Kummissjoni u l-Kunsill ma jgħidu xejn fuq l-argumenti invokati mir-rikorrenti sabiex issostni l-ħames motiv tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

126   Dan il-motiv mhuwiex rilevanti. Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-fatt li l-Artikolu 4(1)(3)(a) tal-MinöStG ma jiksirx ir-regoli Komunitarji li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat fid-dawl tan-nuqqas ta’ miżura ta’ l-Istat f’dan il-każ (ara punt 11 iktar 'il fuq). Konsegwentement, il-Kummissjoni m'applikatx id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat.

127   Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod mhija bbażata fuq id-dritt internazzjonali. Il-Kummissjoni qatt ma invokat id-dritt internazzjonali sabiex tiġġustifika l-inapplikabbiltà tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat. Hija għamlet biss riferenza għad-dritt internazzjonali sabiex tispjega l-kuntest ta’ l-eżenzjoni kkonċernata u sabiex tafferma li d-Direttiva 92/81 kienet konformi mal-prattika internazzjonali (ara l-punt 11 iktar 'il fuq).

128   Din il-konklużjoni ma tistax tiġix affetwata mill-fatt li l-Kummissjoni żiedet sempliċement, fid-deċiżjoni kkontestata, li d-Direttiva 92/81 kienet “konformi mal-prattika internazzjonali, ibbażata fuq il-politiki stabbiliti mill-[ICAO] fil-kuntest tal-[Konvenzjoni ta’ Chicago]”.

129   Minn dan isegwi li l-ħames motiv huwa infondat.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali

 L-argumenti tal-partijiet

130   Ir-rikorrenti tfakkar li l-prinċipju tat-trattament ugwali jipprojbixxi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ April 2000, Karlsson et, C-292/97, Ġabra p. I-2737, punt 39; ara, ukoll, is-sentenza van Landschoot vs Mera, punt 77 iktar ’il fuq, punt 9).

131   Issa f’dan il-każ, l-eżenzjoni mit-taxxa tal-karburant għall-ajruplani bbażata fuq l-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81 u fuq ir-regola ta’ transpożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fid-dritt intern, jiġifieri l-Artikolu 4(1)(3)(a) tal-MinöStG, twassal għal nuqqas ta’ trattament ugwali bejn ir-rikorrenti u l-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw fuq rotot interni Ġermaniżi. Peress li fuq ir-rotot interni Ġermaniżi, ir-rikorrenti u l-kumpanniji ta’ l-ajru joffru servizz li, f’għajnejn il-konsumaturi, huwa sostitwibbli, huma qiegħdin f’sitwazzjoni paragunabbli. Ir-rikorrenti tinsisti f’dan ir-rigward fuq ir-relazzjoni kompetittiva li teżisti bejn l-ajruplan u l-ferrovija, u fuq kollox il-ferroviji ta’ veloċità għolja. It-trattament diskriminatorju tar-rikorrenti meta mqabbla mal-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw fuq ir-rotot interni jirriżulta għalhekk mill-fatt li huma biss dawn il-kumpanniji ta’ l-aħħar li huma eżentati mit-taxxi tas-sisa fuq iż-żjut minerali. Din id-differenza fit-trattament mhijiex oġġettivament iġġustifikata. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni mhux iġġustifikata ġiet espressament irrikonoxxuta mill-istituzzjonijiet.

132   Ir-rikorrenti tissuġġerixxi lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex ittemm din id-diskriminazzjoni billi tapplika, mutatis mutandis, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 231 KE (sentenza van Landschoot vs Mera, punt 77 iktar ’il fuq). Dan l-approċċ jippermetti, b’mod partikolari, li ma tiġix applikata l-eżenzjoni mit-taxxa kkontestata lill-kumpanniji ta’ l-ajru li jinsabu f’relazzjoni kompetittiva diretta mar-rikorrenti.

133   Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Lulju 2000, Idéal tourisme (C-36/99, Ġabra p. I-6049), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, sabiex jevitaw in-nuqqas ta’ trattament ugwali, l-Istati Membri setgħu jintaxxaw ukoll it-trasport bl-ajru (punt 33). Barra minn hekk, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ trattament ugwali invokat seta' wkoll ġie rrimedjat billi jiġu eżentati l-ferroviji ta' veloċità għolja.

134   Il-Kummissjoni ma tgħid xejn fuq l-argumenti invokati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

135   Il-Kunsill iqis li r-rikorenti tibbaża ruħha fuq premessa żbaljata, jiġifieri li t-trasport ferrovjarju u t-trasport bl-ajru, peress li potenzjalment huma f'kompetizzjoni ma' xulxin, huma paragunabbli u għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod.

136   Il-Kunsill jindika li bħala leġiżlatur iqis, li, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tat-trasport bl-ajru, il-karburant għan-navigazzjoni bl-ajru barra mill-avjazzjoni privata għat-turiżmu kellu jiġi eżentat. Meta tistħarreġ l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur, il-qorti għandha tillimita ruħha sabiex jeżamina jekk huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew b'użu ħażin tas-setgħa jew jekk l-awtorità kkonċernata qabżitx manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Issa r-rikorrenti bl-ebda mod ma tispjega għaliex il-Kunsill aġixxa b’mod manifestament mhux xieraq fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

137   Jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-prinċipju tat-trattament ugwali jipprojbixxi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti, b'mod li jwassal għal żvantaġġ għal ċerti operaturi meta mqabbla ma’ oħrajn, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza Karlsson et, punt 130 iktar ’il fuq, punt 39; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T-228/99 u T-233/99, Ġabra p. II-435, punt 272).

138   Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-prinċipju tat-trattament ugwali ma nkisirx f’dan il-każ, billi s-sitwazzjoni ta’ l-impriżi tat-trasport bl-ajru hija manifestatament distinta minn dik ta’ l-impriżi tat-trasport ferrovjarju. F'dak li jikkonċerna l-karatteristiċi operazzjonali tagħhom, l-istruttura ta’ l-ispejjeż tagħhom u d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li għalihom huma soġġetti, is-servizzi tat-trasport bl-ajru u tat-trasport ferrovjarju huma differenti ħafna u mhumiex paragunabbli fis-sens tal-prinċipju tat-trattament ugwali.

139   F’kull każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li d-differenza fit-trattament hija oġġettivament iġġustifikata f’dan il-każ, fid-dawl tasetgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kunsill fir-rigward tal-ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ eventwali trattament differenti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 1997, Oleifici Italiani vs Il-Kummissjoni, T-267/94, Ġabra p. II-1239, punt 47). Fil-fatt, fid-dawl tal-prattika internazzjonali ta’ l-eżenzjoni tat-taxxi tas-sisa favur il-karburant għall-ajruplani, sanċita mill-Konvenzjoni ta’ Chicago, kif ukoll minn ftehim bilaterali konklużi bejn Stati, ikun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi Komunitarji tat-trasport bl-ajru u l-operaturi ta’ l-Istati terzi li kieku l-leġiżlatur Komunitarju impona taxxi tas-sisa fuq dan il-karburant unilateralment. Konsegwentement, l-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva kienet oġġettivament iġġustifikata.

140   Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

141   Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

142   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

143   Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (l-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

3)      Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Vesterdorf

Cooke

García-Valdecasas

         Labucka                                                       Trstenjak

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-5 ta' April 2006.

Ir-Reġistratur

 

      Il-President

E. Coulon

 

      B. Vesterdorf


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.