Language of document : ECLI:EU:T:2006:123

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

ta' l-10 ta' Mejju 2006 (*)

"Għajnuna mill-Istat – Trasport bl-ajru – Ilment – Nuqqas ta' spjegazzjoni tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni – Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Terminu – Ammissibbiltà"

Fil-kawża T‑395/04

Air One SpA, stabbilita fi Chieti (l-Italja), irrappreżentata minn G. Belotti u M. Padellaro, Avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Di Bucci u E. Righini, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett rikors ibbażat fuq l-Artikolu 232 KE intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha meta astjeniet milli tadotta deċiżjoni fuq l-ilment imressaq mir-rikorrenti fit-22 ta' Diċembru 2003 dwar l-għajnuna li kienet ġiet mogħtija illegalment mir-Repubblika Taljana lill-kumpannija ta' l-ajru Ryanair,

IL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, P. Lindh u V. Vadapalas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta' Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-Fatti li wasslu għall-kawża

1       Permezz ta' ittra tat-22 ta' Diċembru 2003, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni lment li fih iddenunzjat l-għajnuna li l-awtoritajiet Taljani kienu taw illegalment lill-kumpannija ta' l-ajru Ryanair taħt forma ta' tnaqqis tal-prezzijiet ta' servizzi ta' ajruport u ta' groundhandling. Ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tordna lir-Repubblika Taljana tissospendi l-ħlas ta’ din l-għajnuna.

2       Peress li hi ma rċeviet ebda risposta għal dan l-ilment, ir-rikorrenti, permezz ta' ittra tas-26 ta' Jannar 2004, talbet lill-Kummissjoni tibgħat nota li tikkonferma li rċevietu.

3       Permezz ta' ittra tas-17 ta' Frar 2004, il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet l-ilment, irreġistrat fid-29 ta' Diċembru 2003. Il-Kummissjoni saqsiet lir-rikorrenti jekk tistax tagħti isimha lill-awtoritajiet Tajlani jew, fil-każ ta' risposta negattiva, jekk tistax tibgħatilhom verżjoni mhux kunfidenzjali ta' l-ilment.

4       Permezz ta' ittra tat-23 ta' Frar 2004, ir-rikorrenti, waqt li kienet qed tistenna risposta, talbet lill-Kummissjoni tinvestiga l-għanjuna ddenunzjata.

5       Permezz ta' faks ta' l-1 ta' Marzu, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni verżjoni mhux kunfidenzjali ta' l-ilment tagħha.

6       Fil-11 ta' Ġunju 2004, waqt li kienet qed tistenna risposta, ir-rikorrenti talbet formalment lill-Kummissjoni tispjega l-pożizzjoni tagħha fuq l-ilment tagħha skond l-Artikolu 232 KE.

7       Permezz ta' ittra tad-9 ta' Ġunju 2004, il-Kummissjoni bagħtet l-ilment tar-rikorrenti lill-awtoritajiet Taljani filwaqt li stiedniethom jivverifikaw il-veraċità tal-kontenut tagħha u jirrisponduha fi żmien tliet ġimgħat. Fuq talba ta' l-awtoritajiet Taljani, dan it-terminu ġie estiż sat-30 ta' Settembru 2004.

8       Permezz ta' faks tat-13 ta' Settembru 2004, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-verżjoni mhux kunfidenzjali ta' l-ilment tagħha kien intbagħat lill-awtoritajiet Taljani fid-9 ta' Lulju 2004 u li kien ingħatalhom terminu għal risposta li jiskadi fit-30 ta' Settembru 2004.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9       Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’ Istanza fil-5 ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrenti ressqet din it-talba.

10     Instemgħu t-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’ Istanza waqt is-seduta tal-11 ta' Jannar 2006.

11     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’ Istanza jogħġobha:

–       tiddikjara li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha meta astjeniet milli tispjega l-pożizzjoni tagħha, għalkemm hija kienet ġiet mitluba formalment tagħmel dan, fuq l-ilment tagħha mressaq fit-22 ta' Diċembru 2003 dwar l-għajnuna mill-Istat li l-awtoritajiet Taljani taw illegalment lill-kumpannija ta' l-ajru Ryanair;

–       tordna lill-Kummissjoni tispjega l-pożizzjoni tagħha fuq dan l-ilment u fuq il-miżuri kawtelatorji mitluba;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż, anki jekk m'hemmx iktar lok għal azzjoni minħabba l-adozzjoni ta' att mill-Kummissjoni matul il-proċedimenti.

12     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’ Istanza jogħġobha:

–       tiddikjara r-rikors inammissibbli jew, sussidjarjament, infondat;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

13     Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli, peress li r-rikorrenti ma wrietx li hija kkonċernata direttament u individwalment mid-deċiżjoni li hija naqset milli tadotta. Peress li ma ġiex ippruvat suffiċjentament li l-miżuri ddenunzjati affettwaw l-interessi tagħha, ir-rikorrenti ma kellhiex locus standi.

14     Il-Kummissjoni tqis li hija r-rikorrenti li għandha turi l-importanza ta' l-effett fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Mejju 2004, Deutsche Post et DHL vs Il-Kummissjoni T‑358/02, Ġabra p. II‑1565, punt 37), indipendentement mill-fażi tal-proċedura li fi tmiemha l-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors għal annullament. Mandankollu, hija tilmenta li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza mxiet lejn iktar permessività. Filwaqt li tirrikonoxxi li kull impriża tibbenefika minn rapport ta' kompetizzjoni, anki mhux sostanzjali, il-kwalità ta' l-interessat fis-sens ta' l-Artikolu 88(2) KE u, b’konsegwenza ta’ dan, il-locus standi, din il-ġurisprudenza twassal li tneħħi mill-kontenut tagħha l-kundizzjoni prevista fl-Artikoli 230KE u 232 KE, li biha individwu għandu jkun kkonċernat direttament u individwalment minn deċiżjoni sabiex ikun jista' jitlob l-annullament jew jiddenunzja n-nuqqas li tittieħed azzjoni ta' l-awtur tagħha. Il-Kummissjoni żżid li d-dubji tagħha jaqblu ma' dawk espressi mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu ta' l-24 ta' Frar 2005 fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C‑78/03 P, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra). Hija titlob lill-Qorti tal-Prim’ Istanza tadotta metodu iktar strett tal-kriterji ta' ammissibbilità, skond il-linja adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal-25 ta' Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677), u ta' l-1 ta' April 2004, Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré (C‑263/02 P, Ġabra p. I‑3425).

15     Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma wrietx li hija sostanzjament affettwata mill-miżuri statali li hija ddenunzjat, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-effett tagħhom fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha. Is-sempliċi fatt li hija kompetitriċi potenzjali tal-benefiċjarju tal-miżuri statali ddenunzjati mhuwiex biżżejjed sabiex ir-rikorrenti tiġi kkunsidrata "kkonċernata direttament u individwalment".

16     Mingħajr ma tiġi mitluba koinċidenza perfetta bejn ir-rotot ipprovduti mir-rikorrenti u Ryanair, il-Kummissjoni tqis li hija r-rikorrenti li għandha turi l-eżistenza ta' relazzjoni ta' sostitwibbiltà bejn ir-rotot tagħha u dawk ta' Ryanair. F'dan il-każ, ir-relazzjoni ta' koinċidenza bejn Ryanair u r-rikorrenti huwa negliġibbli. Fil-fatt, ir-rotta bejn Ruma u Frankfurt biss hija moqdija miż-żewġ kumpanniji. Mandankollu, ir-rikorrenti tuża din ir-rotta b'kooperazzjoni mal-Lufthansa, taħt forma ta' akkordju ta' code-sharing. Għaldaqstant, mhuwiex possibbli li tqis li t-titjiriet ta' din ir-rotta jistgħu jiġu kkunsidrati bħala rriżervati għar-rikorrenti.

17     Ir-rikorrenti ssostni li r-rikors huwa ammissibbli.

18     L-ewwel nett, l-interpretazzjoni wisq ristretta tal-kundizzjonijiet ta' ammissibbilità proposta mill-Kummissjoni ma tikkorrispondix għall-istat attwali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza ta' l-1 ta' Diċembru 2004, Kronofrance vs Il-Kummissjoni, T‑27/02, li għadha ma ġietx ppubblikata fil-Ġabra, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata).

19     It-tieni nett, huwa manifest li r-rikorrenti, kompetitriċi potenzjali tar-Ryanair, hija parti interessata fis-sens ta' l-Artikolu 88(2) KE. L-iżvilup tagħha jiġi mwaqqaf mill-għajnuna mogħtija lil Ryanair, b'mod partikolari fuq ir-rotot li jibdew mill-ajruporti Taljani ta' Ruma (Ciampino), Milano (Bergamo, Orio al Serio), Pescara, Alghero u Venezja (Treviso).

20     It-tielet nett, ir-rikorrenti tenfasizza li, jekk hija ma kinitx ikkonċernata direttament u individwalment mill-għajnuna mogħtija lill-kompetitriċi tagħha Ryanair, hija ma kinitx tuża r-riżorsi tagħha sabiex tiddenunzja l-għajnuna u sabiex tressaq rikors.

21     Ir-raba' nett, it-teżi ta' l-inammissibbilità sostnuta mill-Kummissjoni tmur kontra l-għanijiet tat-trattat fil-qasam tal-kontroll ta' l-għajnuna. Fil-fatt, l-ilmenti ta' l-impriżi terzi jikkontribwixxu għall-effettività ta' l-eżerċizzju tal-Kummissjoni tal-prerogattivi esklussivi fil-qasam.

22     Il-ħames nett, rigward ir-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi, il-ġurisprudenza diġà rrikonnoxxiet l-ammissibbiltà tar-rikorsi intiżi sabiex jikkontrollaw id-deċiżjonijiet jew in-nuqqasijiet li tittieħed azzjoni tal-Kummissjoni meta din għandha lment quddiema li qed jiddenunzja l-eżistenza ta' ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Ottubru 1977 Metro vs Il-Kummissjoni, 26/76, Ġabra p. 1875, punt 13). Dawn il-prinċipji għandhom ikunu applikabbli wkoll fil-qasam ta' l-għajnuna mill-Istat. Ir-rikorrenti tosserva, b'mod partikolari, li l-Qorti tal-Prim’ Istanza diġà ssanzjonat l-ammissibbilità ta' rikors imressaq minn kompetitur potenzjali kontra deċiżjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tat-3 ta' April 2003, BaByliss vs Il-Kummissjoni, T‑114/02, Ġabra p. II‑1279).

23     Is-sitt nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq id-digriet Deutsche Post et DHL vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar 'il fuq, biex tikkontesta l-effett sostanzjali ta' l-interessi tagħha. Dan id-digriet jikkonċerna rikors għall-annullament ta' deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 88(2) KE wara t-tmiem ta' proċedura formali ta' investigazzjoni ta' għajnuna, li fiha t-terzi kienu ġew debitament mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

24     Għandha mill-ewwel tiġi kkonstatata l-inammissibbiltà tal-kap tat-talbiet tar-rikorrenti, safejn dan jitlob lill-Qorti tal-Prim’ Istanza tordna lill-Kummissjoni tispjega mingħajr dewmien il-pożizzjoni tagħha fuq l-ilment u fuq it-talba ta' miżuri kawtelatorji tar-rikorrenti. Il-qorti Komunitarja ma għandhiex il-kompetenza tindirizza inġunzjonijiet lil instituzzjoni fil-kuntest ta' rikors ibbażat fuq l-Artikolu 232 KE. Il-Qorti tal-Prim’ Istanza għandha biss il-possibbiltà li tikkonstata l-eżistenza ta' nuqqas li tittieħed azzjoni. Imbagħad, skond l-Artikolu 233 KE, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’ Istanza ta' l-24 ta' Jannar 1995, Ladbroke vs Il-Kummissjoni, , Ġabra p. II‑115, punt 75, u tad-9 ta' Settembru 1999, UPS Europe vs Il-Kummissjoni, T‑127/98, Ġabra p. II‑2633, punt 50).

25     Rigward l-ammissibbiltà tal-kap tat-talbiet intiż għall-konstatazzjoni ta' nuqqas li tittieħed azzjoni mill-Kummisssjoni, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-Artikoli 230 KE u 232 KE jipprevedu l-istess rimedju ġuridiku. Minn dan jirriżulta li, hekk kif ir-raba inċiż ta' l-Artikolu 230 KE jippermetti lil individwi li jippreżentaw rikors għal annullament kontra att ta' instituzzjoni li mhuwiex indirizzat lilhom jekk dan l-att jikkonċernhom direttament u individwalment, it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 232 KE, għandu jiġi interpretat li jagħtihom ukoll il-fakultà li jippreżentaw rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontra instituzzjoni li tkun naqset milli twettaq att li jikkonċernhom bl-istess mod (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Novembru 1996, T. Port, C‑68/95, Ġabra p. I‑6065, punt 59).

26     Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti għandhiex id-dritt li tressaq proċedimenti għall-annullament ta', mill-inqas, wieħed mill-atti li l-Kummissjoni setgħet adottat fl-aħħar tal-fażi preliminari ta' investigazzjoni ta' l-għajnuna prevista fl-Artikolu 88(3) KE, li jikkonsisti fid-deċiżjoni li l-miżuri ddenunzjati ma jikkostitwixxux għajnuna, jew li jikkostitwixxu għajnuna iżda rriżultaw kompattibbli mas-suq komuni, jew li, minħabba fihom, huwa neċċessarju li jinfetħu l-proċedimenti ta' l-Artikolu 88(2), KE.

27     Il-ġurisprudenza diġà aċċettat l-ammissibbilità ta' rikors imressaq minn kompetitur ta' benefiċjarju ta' għajnuna, intiż sabiex tiġi kkonstatata l-omissjoni tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni skond il-fażi preliminari ta' l-investigazzjoni ta' l-għajnuna prevista fl-Artikolu 88(3), KE (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tal-15 ta' Settembru 1998, Gestevisión Telecinco vs Il-Kummisssjoni, T‑95/96, Ġabra p. II‑3407, punti 57 sa 70 u tat-3 ta' Ġunju 1999, TF1 vs Il-Kummissjoni, T‑17/96, Ġabra p. II‑1757, punti 26 sa 36).

28     Il-Kummissjoni ma taqbilx ma' l-applikazzjoni ta' din is-soluzzjoni f'dan il-każ. Essenzjalment, il-kriterji tagħha jinqasmu fi tlett punti.

29     Fl-ewwel nett, hija ssostni li l-kwalità ta' l-interessat fis-sens ta' l-Artikolu 88(2) KE m'għandhiex tkun biżżejjed sabiex jiġi ddikjarat li kompetitur għandu d-dritt li jressaq proċedimenti. Hemm bżonn li dan ta' l-aħħar juri effett sostanzjali fuq l-interessi tiegħu, skond il-ħtiġiet mitluba mill-ġurisprudenza għall-ammissibbiltà tar-rikorsi kontra s-sentenzi meħuda wara l-proċedura formali ta' investigazzjoni ta' l-għajnuna prevista fl-Artikolu 88(2), KE.

30     Rigward dan, għandu jiġi mfakkar li meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura formali ta' investigazzjoni prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta' deċiżjoni meħuda abbażi tal-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu, li għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni, il-benefiċjarji ta' dawn il-garanziji proċedurali, previsti mill-Artikolu 88(2) KE, jistgħu biss jassiguraw ir-rispett ta' din il-proċedura jekk ikollhom il-possibbiltà jikkontestaw dik id-deċiżjoni quddiem il-qrati Komunitarji (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C 198/91, Ġabra p. I 2487, punt 23; tal-15 ta' Ġunju 1993, Matra vs il-Kummissjoni, Ġabra p. I 3203, punt 17 u tat-2 ta' April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, C 367/95 P, Ġabra p. I 1719, punt 40).

31     Għal dawn ir-raġunijiet, il-qorti Komunitarja tiddikjara ammissibbli rikors intiż għall-annullament ta' deċiżjoni bħal din, imressaq minn persuna interessata fis-sens ta' l-Artikolu 88(2) KE, meta l-għan tal-persuna li tressaq ir-rikors ikun li b'hekk tipproteġi d-drittijiet proċedurali tagħha taħt din l-aħħar dispożizzjoni (sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 23 sa 26, u Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 17 sa 20).

32     Mill-banda l-oħra, jekk ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni ta' evalwazzjoni ta' l-għajnuna nfisha jew deċiżjoni meħuda fl-aħħar tal-fażi tal-proċedura formali ta' investigazzjoni, is-sempliċi fatt li hija tista' titqies bħala persuna interessata fis-sens ta' l-Artikolu 88(2) KE mhuwiex biżżejjed biex ir-rikors jiġi kkunsidrat ammissibbli. Għalhekk, din il-persuna jkollha tipprova li għandha pożizzjoni partikolari fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Ġunju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, Ġabra p. 197). B'mod partikolari, dan huwa l-każ meta l-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq tiġi milquta sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni in kwistjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Jannar 1986, Cofaz et vs Il-Kummissjoni, 169/84, Ġabra p. 391, punti 22 sa 25, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Diċembru 1997, Sveriges Betodlares u Henrikson vs Il-Kummissjoni, C-409/96, Ġabra p. I-7531, punt 45).

33     Din il-ġurisprudenza, reċentament ikkonfermata mill-ġdid mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar 'il fuq, b'hekk turi l-importanza li għandha tingħata lill-fażijiet differenti tal-proċedura ta' eżami ta' l-għajnuna, ħaġa li l-Kummissjoni qablet magħha fis-seduta. B'hekk, il-Kummissjoni ma tistax, b'mod raġonevoli, tibbaża ruħha fuq id-digriet Deutsche Post u DHL vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar 'il fuq, sabiex tikkonkludi dwar l-inammissibbiltà tar-rikors, għar-raġuni li l-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq in kwistjoni mhijiex milquta sostanzjalment mill-għotja tal-miżuri ddenunzjati. Fil-fatt, id-digriet ta' inammissibbiltà, imsemmi hawn fuq, ibbażat fuq in-nuqqas ta' effett sostanzjali tal-pożizzjoni kompetittiva taz-żewġ impriżi, kien ġie mogħti f'kawża li fiha rikors kien ġie mressaq kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata wara l-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE u li fil-kuntest tiegħu l-interessati kienu ġew debitament mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

34     Għalhekk, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li tapplika għar-rikorsi kollha intiżi kontra d-deċiżjonijiet fil-qasam ta' l-għajnuna minn Stat, il-kundizzjonijiet ta' ammissibbilità applikabbli għar-rikorsi intiżi kontra d-deċiżjonijiet meħuda wara l-proċedura formali ta' investigazzjoni ta' l-għajnuna prevista fl-Artikolu 88(2) KE, jew għar-rikorsi intiżi kontra d-deċiżjonijiet meħuda fuq il-bażi ta' l-Artikolu 88(3) KE li mhumiex intiżi għall-protezzjoni tal-garanziji proċedurali ta' l-interessati iżda huma intiżi għall-kontestazzjoni tal-merti ta' dawn id-deċiżjonijiet.

35     It-tieni nett, il-Kummissjoni toġġezzjona li r-rikorrenti ma tistax tiġi mqabbla ma' parti interessata li għandha locus standi, peress li ma ġiex ippruvat li hija kienet sostanzjament milquta mill-għajnuna ddenunzjata.

36     Din l-oġġezzjoni għandha wkoll tiġi miċħuda. Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, l-interessati fis-sens ta' l-Artikolu 88(2) KE huma l-persuni, l-intrapriżi jew l-assoċjazzjonijiet li jistgħu jintlaqtulhom l-interessi tagħhom permezz ta' l-għoti ta' għajnuna, jiġifieri, b'mod partikolari, l-intrapriżi li jikkompetu mal-benefiċjarji ta' din l-għajnuna u l-organizzazzjonijiet professjonali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni, 323/82, Ġabra p. 3809, punt 16; Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36). Il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Intermills vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, kienet ġiet stabbilita fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE, u li jipprovdi li l-kunċett ta' partijiet interessati għandu jfisser "kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta' għajnuna, b'mod partikolari l-benefiċjarju ta' l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ". Għalhekk, il-kwalità ta' interessat mhijiex riżervata għall-impriżi sostanzjament milquta mill-għotja ta' għajnuna.

37     It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li kompetitur potenzjali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala parti interessata li għandha locus standi.

38     F'dan il-każ, peress li r-rikorrenti diġa pprovdiet servizzi regolari ta' trasport ta' l-ajru ta' passiġġieri fis-suq Taljan, il-kwalità ta' interessata ma tistax tiġi miċħuda lilha għall-unika raġuni li r-rotot, li hija tuża direttament, ma jikkoinċidux perfettament ma dawk tal-benefiċjarju tal-miżuri in kwistjoni. Għall-iskopijiet ta' l-eżami ta' l-ammissibbiltà, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti hija kompetitriċi tal-benefiċjarju tal-miżuri statali ddenunzjati, safejn dawn iż-żewġ impriżi jużaw, direttament jew indirettament, is-servizzi regolari ta' trasport ta' l-ajru tal-passiġġieri minn jew lejn ajruporti Taljani, b'mod partikolari ajruporti reġjonali.

39     Rigward il-kollegamenti internazzjonali, r-rikorrenti toffri, b'mod partikolari, tali servizzi bejn Ruma u Frankfurt, żewġt ibliet, it-tnejn moqdija minn Ryanair. Ċertament, ir-rikorrenti ma tużax din ir-rotta bl-apparat tal-flotta tagħha stess, iżda laħqet akkordju ta' code-sharing ma' Lufthansa. Mandankollu, din iċ-ċirkustanza ma tnaqqasx mill-fatt li r-rikorrenti setgħet toffri lill-pubbliku servizzi ta' trasport bejn dawn iż-żewġt ibliet. Peress li hija diġà għandha flotta, r-rikorrenti hija, barra minn hekk, kapaċi li tiżviluppa l-attività tagħha lejn destinazzjonijiet oħra moqdija wkoll minn Ryanair. Rigward il-kollegamenti nazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li jekk, fiż-żmien tal-fatti prinċipali, Ryanair ma użatx ir-rotot bejn l-ibliet Taljani, ma jistax jiġi eskluż li hija tista' tagħmel dan sussigwentament f'kompetizzjoni diretta mar-rikorrenti.

40     Dawn il-fatti jirriflettu l-eżistenza ta' relazzjoni ta' kompetizzjoni suffiċjenti, għall-iskopijiet ta' l-eżami ta' l-ammissibbiltà, bejn ir-rikorrrenti u l-benefiċjarju tal-miżuri ddenunzjati.

41     Konsegwentament, ir-rikorrenti hija parti interessata fis-sens ta' l-Artikolu 888(2) KE. Għaldaqstant, hija għandha d-dritt tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skond l-Artikolu 88(3) KE bil-għan li tikseb l-osservanza tad-drittijiet proċedurali tagħha bħala parti interessata. F'dawn iċ-ċirkustanzi, hija għandha d-dritt li titlob lill-Qorti tal-Prim’ Istanza tikkonstata n-nuqqas eventwali li tittieħed azzjoni tal-Kummissjoni, peress li ma jistax jiġi eskluż li l-Kummissjoni spjegat il-pożizzjoni tagħha fuq l-ilment mingħajr ma fetħet il-proċedura formali ta' investigazzjoni.

42     Għalhekk, ir-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

43     Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet obbligata tiddeċiedi fuq l-ilment f’terminu raġonevoli li jibda jiddekorri mid-data meta tkun ġiet hekk imsejħa. Dan it-terminu huwa iżjed qasir milli l-ilment mibgħut lill-Kummissjoni huwa preċiż. Il-Kummissjoni ma tistax ittawwal indefinitament l-eżami preliminari ta' miżuri statali li huma s-suġġett ta' lment taħt l-Artikolu 88 KE meta hija aċċettat, bħal f'dan il-każ, li tibda tali eżami (sentenza Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 72 sa 74). Id-deċiżjoni eventwali tal-Kummissjoni li ma tibdix l-eżami fuq il-mertu u li ma ssegwix ilment jew li tiċħad it-talba għal miżuri kawtelatorji għandha, a fortiori, issir f'terminu ferm iqsar.

44     F'dan il-każ, il-Kummissjoni ma osservatx dan l-obbligu peress li hija baqgħet inattiva għal disa' xhur. Ir-rikorrenti tenfasizza n-natura mhux raġonevoli ta' l-attitudni tal-Kummissjoni li, fi żmien ħdax-il xhar wara li ġie ppreżentat l-ilment, hija llimitat ruħha li tibgħat dan lill-aworitajiet Taljani. Fil-kuntest ta' dan ir-rikors, il-Kummissjoni ma tat ebda element ieħor li jippermetti li tiġi, mill-inqas, ivverifikata l-eżistenza ta' istruttorja matul dan il-perijodu. Il-rwol tagħha, esklussivament passiv, huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba. Għalhekk, hemm ommissjoni ta' aġir, li jikkostitwixxi nuqqas li tittieħed azzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 232 KE.

45      Ir-rikorrenti tosserva li dan in-nuqqas li tittieħed azzjoni huwa iktar inkwetanti mill-għajnuna in kwistjoni li tirrigwarda l-impriża Ryanair, li l-finanzjament tagħha kien diġà s-suġġett ta' investigazzjonijiet min-naħa tas-servizz tad-Dipartiment Ġenerali "Enerġija u Trasport" tal-Kummissjoni speċjalizzat fl-applikazzjoni ta' għajnuna mill-Istat fis-settur ta' l-ajru, li lilu kien indirizzat l-ilment (Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Frar 2004, dwar il-benefiċċji mogħtija mir-Reġjun tal-Wallon u minn Brussels South Charleroi Airport lill-kumpannija ta' l-ajru Ryanair rigward l-istabbiliment tagħha f'Charleroi, JO L 137, p. 1). Rigward l-eżistenza tar-riżorsi ta' Stat, ir-rikorrenti tosserva wkoll li, bl-eċċezzjoni ta' l-ajruport ta' Ruma Ciampino, il-kumpanniji kollha li jmexxu ajruporti previsti fl-ilment tagħha huma miżmuma, fil-biċċa l-kbira, minn entitajiet pubbliċi.

46     Il-Kummissjoni kellha mill-inqas tiddeċiedi f'terminu raġonevoli fuq it-talbiet ta' miżuri kawtelatorji mniżżla fl-ilment tagħha, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 659/1999.

47     Il-Kummissjoni tikkontesta l-mertu ta' dawn l-allegazzjonijiet.

48     L-ewwel nett hija tfakkar li dawk li ressqu l-ilment mhumiex destinatarji tad-deċiżjonijiet fil-qasam ta' għajnuna mill-Istat, inklużi dawk li ma tibdix il-proċedura formali ta' investigazzjoni ta' l-għajuna prevista l-Artikolu 88(2) KE (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar 'il fuq, punt 45). Fil-fatt, dawn id-deċiżjonijiet għandhom, bħala destinatarji, l-Istati Membri biss. Konsegwentament, huwa biss fir-rigward ta' l-Istati Membri kkonċernati li l-Kummissjoni hija obbligata taġixxi għal dak li jikkonċerna l-miżuri statali in kwistjoni.

49     It-tieni nett, il-Kummissjoni tafferma li l-ewwel obbligu li hija għandha, meta hija tirċievi lment fil-qasam ta' għajnuna minn Stat, huwa li teżamina dan l-ilment u, f'dan il-każ, li tisma' l-Istat Membru kkonċernat, sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok li tibda proċedura. Hija tfakkar li Regolament Nru 659/1999 (l-Artikolu 10, l-Artikolu 11(1) u (2) u l-Artikolu 20(2)) jobbligaha teżamina mingħajr dewmien l-informazzjoni riċevuta u li titlob preċiżazzjonijiet mill-Istat membru kkonċernat. Wara din il-fażi ta' investigazzjoni preliminari, il-Kummissjoni mbagħad għandha l-obbligu li tispjega l-pożizzjoni tagħha u li tikkomunikaha lil dak li ressaq l-ilment jew li tinformah li m'hemmx biżżejjed raġunijiet sabiex toħroġ opinjoni.

50     Il-Kummissjoni tallega li hija wettqet dawn l-obbligi. Madankollu, hija tgħid li hija informat lir-rikorrenti, permezz ta' ittra tas-17 ta' Frar 2004, li s-servizzi kompetenti ser janalizzaw l-informazzjoni mogħtija u jivverifikaw jekk tistax tittieħed azzjoni kontra l-awtoritajiet Taljani. Il-Kummissjoni tfakkar li kienet, f'dak iż-żmien, saqsiet lir-rikorrenti dwar il-kunfidenzjalità eventwali ta' informazzjoni kontenuta fl-ilment. Għalhekk, din l-ittra turi li l-ilment kien diġà għaddej minn investigazzjoni fix-xhar ta' Frar.

51     Wara, il-Kummissjoni, permezz ta' ittra tad-9 ta' Lulju 2004, sasqiet lill-awtoritajiet Taljani dwar il-miżuri previsti fuq l-ilment sabiex tiġbor l-informazzjoni u l-preċiżazzjonijiet addizzjonali fir-rigward ta' l-informazzjoni pprovduti fl-ilment. Hija informat lir-rikorrenti b'dan fit-13 ta' Settembru 2004. Il-Kummissjoni tikkonkludi minn dan li, f'dik id-data, ir-rikorrenti ma setgħetx tinjora li l-ilment tagħha kien is-suġġett ta' investigazzjoni u dan jeskludi l-ipoteżi kollha ta' nuqqas li tittieħed azzjoni.

52     It-tielet nett, il-Kummissjoni tenfasizza li l-atti li hija setgħet twettaq s'issa jagħmlu parti mill-kuntest tal-fażi preliminari li għandha tippermettilha twaqqaf wieħed mill-atti previsti fl-Artikolu 4(2),(3) u (4) tar-Regolament Nru 659/1999, jiġifieri l-adozzjoni ta' deċiżjoni li tiddikjara jekk il-miżuri in kwistjoni mhumiex għajnuna jew li huma għajnuna kompattibbli jew li hemm lok għal-bidu ta' proċedura formali taħt ta' l-Artikolu 88(2) KE. Wara din il-proċedura, ir-rikorrenti għandha l-possibbiltà li tissottometti l-att hekk adottat għall-kontroll tal-Qorti tal-Prim’ Istanza.

53     Ir-raba' nett, il-Kummissjoni tgħid li mhija marbuta ma ebda terminu sabiex tanalizza l-għajnuna mhux notifikata. Fil-fatt, it-terminu previst mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Diċembru 1973, Lorenz (120/73, Ġabra p. 1471), mhuwiex applikabbli għall-għajnuna mhux notifikata (sentenza Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 78). Għal dawn ta' l-aħħar, l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprevedi li l-Kummissjoni tista' jew għandha titlob informazzjoni ta' l-Istat Membru qabel ma tiftaħ il-proċedura formali.

54     Ċertament, għalkemm ir-Regolament Nru 659/1999 jobbliga lill-Kummissjoni tivestiga l-fatti li hija għandha quddiemha mingħajr dewmien, in-natura raġonevoli ta' tali investigazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-fatti u tal-kuntest ta' kull kawża (sentenza Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 75). Madankollu hija mhijiex obbligata li tipprovdi lil dawk li jressqu lment, spjegazzjonijiet iddettaljati fuq l-investigazzjonijiet li qed isiru.

55     F'dan il-każ, it-tul tal-proċedura amministrattiva kien ta' madwar ħdax-il xhar, li bdew jiddekorru minn meta rċeviet il-verżjoni kunfidenzjali ta' l-ilment, u disa' xhur li bdew jiddekorru minn meta rċeviet il-verżjoni mhux kunfidenzjali tagħha. Fid-dawl tal-fatti u tal-kuntest tal-kawża, dan it-tul ta' żmien kien raġonevoli. Il-Kummissjoni tenfasizza erba' diffikultajiet partikolari li ltaqgħet magħhom meta kienet qed tittratta l-ilment:

–       l-għajnuna allegata in kwistjoni ġiet mogħtija f'settur kumpless (trasport ta' l-ajru ta' passiġġieri u servizzi ta' trasport ta' l-ajru);

–       dawk li jagħtu l-għajnuna allegata kienu kumpanniji li fil-kapital tagħhom l-awtoritajiet pubbliċi kellhom diversi ishma u dan ikkomplika, għall-Istat Membru u għall-Kummissjoni, il-ġabra ta' l-informazzjoni rigward l-akkordji bejn dawk li jagħtu l-għajnuna u Ryanair;

–       kien diffiċli li tivverifika jekk l-għajnuna taqax taħt riżorsi statali jew jekk hijiex imputabbli lill-Istat;

–       l-ilment tar-rikorrenti talab lill-Kummissjoni testendi l-investigazzjoni tagħha lil tliet kumpanniji li jmexxu l-infrastruttura tas-servizzi tat-trasport ta' l-ajru identifikati mill-isem ta' l-ajruport biss li huma kienu jużaw u dan implika xogħol importanti addizzjonali min-naħa tal-Kummissjoni.

56     Il-Kummissjoni tqis li aġixxiet b'mod diliġenti wara li kienet ġiet intimata mir-rikorrenti.

57     Mill-kronoloġija tal-proċedura, il-Kummissjoni kkonkludiet li, fid-data meta tressaq dan ir-rikors (il-5 ta' Ottubru 2004), ir-rikorrenti ma setgħetx tinjora l-istat ta' l-avanzar ta' l-investigazzjoni. Fid-dawl tat-terminu ta' risposta impost fuq l-awtoritajiet Taljani, ir-rikorrenti ma setgħetx raġonevolment tistenna li l-Kummissjoni tispjega l-pożizzjoni tagħha qabel il-5 ta' Ottubru 2004. Il-Kummissjoni rċeviet l-informazjoni mogħtija mill-awtoritajiet Taljani fis-7 ta' Ottubru 2004 u l-informazzjoni addizzjonali kompluta fid-9 ta' Novembru 2004.

58     Fl-aħħar nett, rigward il-ksur allegat tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni tqis li din ir-raġuni, imqajma għall-ewwel darba fl-istadju tar-rikors, hija ġdida u għalhekk inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

59     L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-argument dwar il-ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba ma kienx ġie espressament żviluppat fl-istadju tar-rikors. Madankollu, dan l-argument huma marbut b'mod strett ma' dak dwar it-tmiem tat-terminu raġonevoli fl-investigazzjoni ta' l-ilment li jikkostitwixxi l-unika raġuni ta' dan ir-rikors. Għaldaqstant, dan l-argument ma jistax jiġi kkunsidrat bħala raġuni ġdida fis-sens ta' l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’ Istanza u għalhekk, huwa ammissibbli.

60     Huwa importanti li jiġi vverifikat jekk, fil-mument ta' l-intimazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens ta' l-Artikolu 232 KE, din ta' l-aħħar kellhiex l-obbligu li tieħu azzjoni.

61     Safejn hija kellha kompetenza esklużiva biex tevalwa l-kompatibbiltà ta' għajnuna minn stat mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha, fl-interess ta' amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-trattat dwar l-għajununa mill-Istat, twettaq investigazzjoni diliġenti u imparzjali ta' lment li jiddenunzja l-eżistenza ta' għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax ittawwal indefinittivament l-investigazzjonijiet preliminari ta' miżuri statali li huma s-suġġett ta' ilment, meta hija aċċettat, bħal f'dan il-każ, li tibda tali investigazzjoni billi talbet l-informazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat. In-natura raġonevoli tat-tul ta' l-investigazzjoni ta' ilment għandha tiġi eżaminata fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta' kull kawża u, b'mod partikolari, tal-kuntest tagħha, ta' l-istadji proċedurali differenti li l-Kummissjoni għandha ssegwi u tal-kumplessità tal-kawża (sentenza Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 72 sa 75 u TFI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 73 sa 75).

62     F'dan il-kaz, il-Kummissjoni rċeviet l-ilment tar-rikorrenti fid-29 ta' Diċembru 2003. Għalhekk, fil-mument li l-Kummissjoni ġiet intimata skond l-Artikolu 232 KE, jiġifieri fil-11 ta' Ġunju 2004, l-eżami ta' l-ilment dam inqas minn sitt xhur.

63     Il-kawża hija bla dubju kumplessa u tqajjem punti ġodda, minkejja l-adozzjoni tad-deċiżjoni 2004/393 madwar tliet xhur wara li ġie ppreżentat l-ilment tar-rikorrenti.

64     Fost id-diffikultajiet imqajma mill-investigazzjoni ta' l-ilment, jista' jiġi osservat li dan ippreveda diversi ajruporti Taljani mingħajr ma jindika speċifikament dawk li taw l-għajnuna ddenunzjata. Għalkemm l-ilment ppreveda, b'mod partikolari, il-kumpanniji so.ge.a.al, Saga et Aeroporti di Roma, li jmexxu l-ajruporti ta' Alghero, ta' Pescara u ta' Ruma, ir-rikorrenti talbet ukoll lill-Kummissjoni testendi l-investigazzjoni tagħha għall-akkordji li saru minn Ryanair ma' ajruporti Taljani oħrajn, b'mod partikolari dawk ta' Treviso, ta' Pisa u ta' Bergamo (Orio al Serio). Sabiex, b'mod partikolari, tiġi vverifikata l-eżistenza ta' riżorsi ta' oriġini pubblika, l-awtoritajiet Taljani kellhom jitolbu terminu addizzjonali ta' xahrejn sabiex jidentifikaw dawk li jmexxu l-ajruporti in kwistjoni.

65     Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma baqgħetx inattiva wara li rċeviet l-ilment tar-rikorrenti. Fil-fatt, hija interrogat l-awtoritajiet Taljani fid-9 ta' Lulju 2004 wara li kisbet mir-rikorrenti verżjoni mhux kunfidenzjali ta' l-ilment tagħha. Ir-risposta ta' dawn ta' l-aħħar waslet għand il-Kummissjoni fis-7 ta' Ottubru 2004, jiġifieri kważi fl-istess ħin ta' l-iskadenza tat-terminu tar-rikors.

66     Ċertament, ma nagħtat ebda spjegazzjoni lill-Qorti tal-Prim’ Istanza li tippermettilha tifhem għalfejn il-Kummissjoni stenniet iktar minn erba' xhur sabiex tibgħat lill-awtoritajiet Taljani l-verżjoni mhux kunfidenzjali ta' l-ilment u sabiex titlobhom l-informazzjoni. Minkejja dan id-dewmien, jirriżulta li t-tul totali ta' l-investigazzjoni jibqa' inferjuri għal dawk ta' kawżi ta' kumplessità simili li fuqhom il-Qorti tal-Prim’ Istanza kkonkludiet l-eżistenza ta' nuqqas illegali li tittieħed azzjoni. Għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li t-tul tat-trattament ta' l-ilmenti fil-kawżi li ta lok għas-sentenzi Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni u TF1 vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar 'il fuq, kien, fl-ewwel kawża, ta' 47 xhar għall-ewwel ilment u ta' 26 xhar għat-tieni lment u, fit-tieni kawża, ta' 31 xhar.

67     Dawn l-elementi, ikkunsidrati flimkien, ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li, fid-data ta' l-intimazzjoni, it-tul ta' l-eżami ta' l-ilment qabeż il-limiti tat-terminu raġonevoli.

68     Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

69     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’ Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

taqta' u tiddeciedi  :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Legal

Lindh

Vadapalas

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-10 ta' Mejju 2006.

Reġistratur

 

       il-President

E. Coulon

 

      H. Legal


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.