Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofijski rayonen sad (il-Bulgarija) fit-18 ta’ Diċembru 2020 – “Banka DSK” EAD vs RP

(Kawża C-689/20)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofijski rayonen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: “Banka DSK” EAD

Konvenut: RP

Domandi preliminari

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 , ikkunsidrat flimkien mal-punt 1(e) u (f) tal-Anness tal-istess direttiva u mal-Artikolu 15(2) u (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ bona fide u joħolqu obbligi għall-konsumatur, klawżoli li jżidu b’mod kunsiderevoli l-ispejjeż għall-konsumatur taħt kuntratt ta’ kreditu fil-każ li l-konsumatur ma jagħmilx trasferiment mensili tas-salarju tiegħu lill-bank kreditur, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont il-kuntratt, il-konsumatur huwa obbligat jistabbilixxi rahan fuq is-salarju tiegħu, irrispettivament kif u fejn jirċievi dan is-salarju?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, ikkunsidrat flimkien mal-punt 1(e) u (f) tal-Anness tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ bona fide u joħolqu obbligi għall-konsumatur, klawżoli li jobbligaw lill-konsumatur juża effettivament servizzi oħra tan-negozjant li jipprovdi l-kreditu minbarra t-trasferiment tas-salarju tiegħu lil dan in-negozjant?

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun bħala prinċipju fl-affermattiv, fuq liema kriterji għandha tibbaża ruħha l-qorti nazzjonali meta tevalwa n-natura inġusta? B’mod partikolari, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-livell ta’ rabta bejn is-suġġett tal-kuntratt ta’ kreditu u s-servizzi addizzjonali li l-konsumatur huwa obbligat juża, in-numru ta’ servizzi kif ukoll ir-regoli nazzjonali dwar ir-restrizzjoni ta’ bejgħ abbinat?

Il-prinċipju li d-dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat b’mod konformi mal-atti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, stabbilit fil-punt 26 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ April 1985, von Colson (14/83, EU:C:1984:153), għandu jiġi applikat ukoll għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali nazzjonali li jirregolaw suġġett legali distint (f’dan il-każ, ir-regoli dwar il-kompetizzjoni żleali) iżda relatat mas-suġġett tal-att tad-dritt tal-Unjoni applikat mill-qorti nazzjonali fil-kawża li jkollha quddiemha (f’dan il-każ, id-Direttiva 93/13, dwar il-klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumatur)?

L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) 2 , ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 6(1)(d) tal-istess direttiva u mal-Artikolu 10(2)(f) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE 3 , għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi l-indikazzjoni ta’ rata ta’ interessi iktar baxxa fit-test prinċipali tal-kuntratt ta’ kreditu mal-konsumatur jekk l-għoti tal-kreditu fuq il-bażi ta’ din ir-rata jiddependi minn jekk ikunux issodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-anness tal-kuntratt? Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni tal-kundizzjonijiet dwar it-tnaqqis tar-rata tal-interessi, dwar meta ma japplikax dan it-tnaqqis u dwar kif jista’ jerġa jinkiseb dan it-tnaqqis?

L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-evalwazzjoni tal-possibbiltà li tinħoloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika tal-konsumatur, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-sehem fis-suq tal-bank li jagħti krediti lill-konsumaturi fid-dawl tal-bżonnijiet tal-konsumaturi għal dawn il-prodotti?

L-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż tal-kuntratt marbuta mal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur, li l-eżekuzzjoni tiegħu tagħti lok għal tnaqqis fl-interessi marbuta mal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur, jagħmlu parti mir-rata perċentwali annwali ta’ imposta tal-kreditu u għandhom jiġu inklużi fil-kalkolu ta’ din tal-aħħar?

L-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ nuqqas li jitwettqu obbligi previsti fil-kuntratti marbuta mal-kuntratt ta’ kreditu, liema nuqqas iwassal għal żieda fil-perċentwali tal-interessi tal-kreditu, ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta tal-kreditu għandha tiġi kkalkolata wkoll fid-dawl tar-rata perċentwali annwali applikabbli minħabba dan in-nuqqas?

L-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjoni inkorretta tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta fil-kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn negozjant u konsumatur, hawnhekk il-persuna li tissellef, għandha titqies daqslikieku ma ġietx indikata r-rata perċentwali annwali ta’ imposta fil-kuntratt ta’ kreditu u l-qorti nazzjonali għandha tapplika l-konsegwenzi previsti fid-dritt nazzjonali tagħha għall-każ li ma tkunx ġiet indikata r-rata perċentwali annwali ta’ imposta fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur?

L-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sanzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur, prevista fid-dritt nazzjonali, li twassal sabiex ikollu jiġu rrimborsat biss il-kapital tal-kreditu, hija proporzjonata fil-każijiet fejn il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur ma jindikax b’mod preċiż ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.

2     ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86.

3     ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46.