Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Frar 2022 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija

(Kawża C-85/22)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Koleva u C. Hermes, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika tal-Bulgarija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitats”) 1 peress li:

ma rrikonoxxietx fl-iqsar żmien possibbli, iżda mhux iktar tard minn sitt snin, bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni (iktar ’il quddiem “ŻSK”) 194 minn total ta’ 229 sit ta’ importanza għall-Komunità (iktar ’il quddiem “SIK”), stabbiliti fid-Deċiżjonijiet 2009/93/KE, 2009/91/KE u 2009/92/KE tat-12 ta’ Diċembru 2008 u fid-Deċiżjoni 2013/23/UE tas-16 ta’ Novembru 2012;

b’mod sistematiku u kontinwu tonqos milli twettaq l-obbligu tagħha li tistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni ddettaljati u speċifiċi għal żona;

b’mod sistematiku u kontinwu tonqos mili twettaq l-obbligu tagħha li tidentifika l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali previsti fl-Anness I u tal-ispeċi previsti fl-Anness II li jinsabu f’dan ir-reġjun, u

naqset milli tittrasponi b’mod korrett l-Artikolu 6(1) fid-dritt nazzjonali.

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Din il-kawża tikkonċerna t-traspożizzjoni żbaljata tal-Artikolu 6(1) u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(4) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats min-naħa tar-Repubblika tal-Bulgarija.

L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats jirrikjedi, inter alia, fil-każ li sit partikolari jitqies li huwa sit ta’ importanza għall-Komunità skont il-proċedura prevista fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu 4, li l-Istat Membru kkonċernat jirrikonoxxi dan is-sit bħala ŻSK fl-iqsar żmien possibbli u f’mhux iktar tard minn sitt snin. Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-849/19, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2020:1047), il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat li l-Istati Membri għandhom ukoll l-obbligu li jistabbilixxu għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal kull ŻSK. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats jipprovdi li, fil-limiti taż-ŻSK, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li għandhom jinkludu, skont il-każ, pjanijiet ta’ ġestjoni adegwati mfassla speċifikament għas-siti jew inklużi fi pjanijiet oħra dwar l-iżvilupp, kif ukoll il-miżuri legali, amministrattivi u kuntrattwali meħtieġa li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali previsti fl-Anness I u tal-ispeċi previsti fl-Anness II li jinsabu f’dan ir-reġjun.

Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq dwar ir-rikonoxximent bħala ŻSK fit-terminu meħtieġ, dwar l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal żona, dwar l-istabbiliment tal-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa, u dwar it-traspożizzjoni korretta fid-dritt nazzjonali tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats.

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.