Language of document : ECLI:EU:C:2016:485

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fid-29 ta’ Ġunju 2016 (1)

Kawża C‑429/15

Evelyn Danqua

vs

The Minister for Justice and Equality,

Ireland,

Attorney General

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of appeal (Qorti tal-Appell, l-Irlanda)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja –Direttiva 2004/83/KE– Standards minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2005/85/KE – Standards minimi dwar il-proċedura ta’ għoti u ta’ irtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri – Regola ta’ proċedura nazzjonali li tillimata għal ħmistax-il jum ta’ xogħol it-terminu li fih għandha titressaq talba għal protezzjoni sussidjarja wara ċ-ċaħda tat-talba intiża għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat – Ammissibbiltà – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”





1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari qed issir fil-kuntest ta’ tilwima bejn Evelyn Danqua, ċittadina tal-Ghana, u l-Minister for Justice and Equality (2), fl-Irlanda u l-Attorney General dwar il-legalità tal-proċedura segwita mill-awtoritajiet Irlandiżi sabiex jeżaminaw it-talba tagħha għal protezzjoni sussidjarja.

2.        Il-protezzjoni sussidjarja hija protezzjoni internazzjonali li, konformement mal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83 (3), hija maħsuba għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jistgħux jitqiesu bħala refuġjati, iżda li fir-rigward tagħhom jeżistu raġunijiet serji u reali sabiex jitwemmen li jekk jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, jeżisti riskju reali li jsofru perikolu serju. Fil-kuntest tas-sistema komuni Ewropea tal-ażil, il-protezzjoni sussidjarja tikkompleta r-regoli dwar l-istatus ta’ refuġjat, stabbiliti permezz tal-Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (4).

3.        Din il-kawża preżenti toffri l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi għal darba oħra dwar il-modalitajiet proċedurali introdotti fl-Irlanda fuq il-bażi tad-Direttiva 2004/83. Fis-sentenzi tagħha tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744) (5), tal-31 ta’ Jannar 2013, D. u A.(C‑175/11, EU:C:2013:45) (6), kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302) (7), din diġà ddeċidiet fuq il-perspettivi differenti ta’ din il-proċedura fir-rigward tal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, bħad-dritt għal smigħ, id-dritt ta’ benefiċċju għal rimedju ġudizzjarju effettiv jew ukoll id-dritt ta’ benefiċċju minn amministrazzjoni tajba. Il-multiċiplità ta’ dawn ir-rinviji preliminari hija spjegata mill-partikolarità li tikkaratterizza iktar riċentement il-proċedura tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Irlanda (8). Fil-fatt, filwaqt li l-maġġoranza tal-Istati Membri adottaw proċedura waħda li fil-kors tagħha jeżaminaw it-talba għal ażil imressqa mill-parti kkonċernata fid-dawl taż-żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali, l-Irlanda, fil-bidu, stabbilixxiet żewġt proċeduri distinti għall-finijiet tal-eżami, rispettivament, tat-talba għal ażil u t-talba għal protezzjoni sussidjarja, fejn it-tieni tista’ biss titressaq wara ċ-ċaħda tal-ewwel waħda.

4.        B’hekk, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tal-European Communities (Eligibility for Protection) Regulations 2006 [regolamenti tal-2006 dwar il-Komunitajiet Ewropej (kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà ta’ protezzjoni)] (9), l-ittra li b’permezz tagħha l-Ministru7 jinnotifika, wara ċ-ċaħda tat-talba għal ażil tal-parti kkonċernata, l-intenzjoni tiegħu li jadotta deċiżjoni ta’ akkumpanjament lejn il-fruntiera (10) għandha jkollha mehmuż magħha, avviż li jinforma lil din tal-aħħar li tista’ titlob, f’terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol, li jibdew jiddekorru minn din in-notifika, il-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja kif ukoll awtorizzazzjoni temporanzja sabiex jibqa’ fit-territorju (“application for leave to remain”).

5.        Huwa b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li ġiet miċħuda t-talba għal protezzjoni sussidjarja ta’ E. Danqua u għaldaqstant hija l-kompatibbiltà ta’ din ir-regola ta’ proċedura nazzjonali, li tirrekjedi li t-talba intiża għall-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja tiġi ppreżentata f’terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li jibdew jiddekorru min-notifika taċ-ċaħda tal-applikazzjoni intiża għall-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat, li hija f’dan il-każ dibattuta bejn il-partijiet, fir-rigward kemm tal-prinċipju ta’ ekwivalenza kif ukoll tal-prinċipju ta’ effettività stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

6.        F’dawn il-konklużjonijiet, fl-ewwel lok, ser nesponi r-raġunijiet li minħabba fihom applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza tkun, fl-opinjoni tiegħi, mingħajr rilevanza f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda żewġ tipi ta’ domandi li huma bbażati, it-tnejn li huma, fuq id-dritt tal-Unjoni u li l-għan tagħhom u l-kriterji kostituttivi huma distinti.

7.        Fit-tieni lok, ser neżamina ir-regoli tal-proċedura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, Għalkemm il-Court od Appeal (qorti tal-appell, l-Irlanda) ma saqsietx espressament lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, ser nispjega għaliex dan l-eżami huwa meħtieġ skont il-kooperazzjoni li għandha tipprevali fil-kuntest tal-proċedura ta’ talba għal deċiżjoni preliminari bejn il-qorti nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Jien ser nispjega, sussegwentement, ir-raġunijiet għaliex din ir-regola ta’ proċedura, fl-opinjoni tiegħi, ma tistax tiżgura aċċess effettiv għall-persuni li jirrikjedu protezzjoni sussidjarja għad-drittijiet li għandhom skont id-Direttiva 2004/83.

8.        Konsegwentement, ser nistieden lill-qorti nazzjonali kompetenti sabiex tevalwa, jekk it-terminu li fih it-talba intiża għall-kisba tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja ġiet ippreżentata kienx raġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi umani u materjali kollha li jirrigwardaw l-eżami tat-talba għal protezzjoni internazzjonali.Għal dan il-għan, nindika li din tal-aħħar għandha, fil-fehma tiegħi, teżamina jekk il-persuna kkonċernata tqiegħditx f’pożizzjoni li tippermettilha teżerċita d-drittijiet tagħha b’mod effettiv u b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom din tal-aħħar ġiet assistita sabiex twettaq dawn il-passi, kif ukoll jekk il-kundizzjonijiet li fihom iċ-ċaħda tat-talba intiża għall-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat ġiet innotifikata lilha.

I –    Il-fatti, il-proċedura nazzjonali u d-domandi preliminari

9.        Fit-13 ta’ April 2010, E. Danqua ressqet talba għal ażil quddiem l-Office of the Refugee Applications Commissionner (uffiċċju ta’ kummissjarju responsabbli għat-talbiet għal ażil). Din sostniet li kienet tirriskja li tiġi suġġetta, fil-każ li tiġi rritornata lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, għall-prattika trokosi, tip ta’ servitù ritwali li taffettwa lin-nisa.

10.      Fir-rapport tiegħu tas-16 ta’ Ġunju 2010, dan l-uffiċċju fformula rakkomandazzjoni negattiva fir-rigward tat-talba tal-parti kkonċernata minħabba xi dubji dwar il-kredibbiltà ta’ dawn l-allegazzjonijiet. Din ir-rakkomandazzjoni ġiet ikkonfermata fl-appell mir-Refugee Appeals Tribunal (qorti li tieħu konjizzjoni ta’ appelli fir-rigward tal-istatus tar-refuġjati), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2011.

11.      Fid-9 ta’ Frar 2011, il-Ministru innotifika lil E. Danqua, minn naħa, biċ-ċaħda tat-talba tagħha għal ażil, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-2006, u, min-naħa l-oħra, bl-intenzjoni tiegħu li jordna l-akkumpanjament lejn il-fruntiera tagħha, skont l-Artikolu 3 tal-Ligi tal-1999 dwar l-immigrazzjoni. Flimkien ma’ din in-notifika kien hemm avviz li informa lill-parti kkonċernata fuq il-possibbiltà li tressaq talba għal protezzjoni sussidjarja, f’terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li jibdew jiddekorru mill-imsemmija notifika.

12.      Wara din iċ-ċaħda tat-talba għal ażil tagħha, ir-Refugee Legal Service (iktar 'il quddiem ir-“RLS”) informa lill-parti kkonċernata li din ma kinitx ser tkun assistita minnhom fil-kuntest tal-passi tagħha sabiex tikseb il-protezzjoni sussidjarja. Madankollu, dan is-servizz ressaq, f’isimha, talba għal awtorizzazzjoni ta’ residenza minħabba raġunijiet umanitarji.

13.      Mid-deiċżjoni tar-rinviju jirriżulta li din it-talba ġiet miċħuda fit-23 ta’ Settembru 2013 u deċiżjoni ta’ akkumpanjament lejn il-fruntiera ġiet adottata mill-Minister fir-rigward ta’ E. Danqua fis-17 ta’ Settembru 2013.

14.      Sussegwentement, din tal-aħħar ngħatat is-servizz ta’ avukat privat, li ressaq talba intiża għall-kisba tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fit-8 ta’ Ottubru 2013. Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Novembru 2013, il-Ministru informa lill-parti kkonċernata li t-talba tagħha ma setgħatx tiġi aċċettata minħabba l-fatt li din ma ġietx ippreżentata fit-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol kif previst fin-notifika tad-9 ta’ Frar 2011.

15.      Għaldaqstant, il-parti kkonċernata kkontestat lil din id-deċiżjoni quddiem il-High Court (qorti għolja, l-Irlanda), billi invokat, b’mod partikolari, ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, peress li ma hemmx terminu simili previst fil-kuntest tal-preżentazzjoni ta’ talba għal ażil.

16.      Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, il-High Court (qorti għolja) ċaħdet ir-rikors tal-parti kkonċernata, billi ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ekwivalenza ma huwiex applikabbli fil-kawża preżenti sa fejn dan huwa intiż sabiex tipparaguna żewġ regoli tal-proċedura bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, E. Danqua appellat din is-sentenza quddiem il-Court of appeal (qorti tal-appell).

17.      Il-Court of appeal (qorti tal-appell), meta saqsiet lilha nnifisha dwar ir-relevanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza f’din il-kawża, hija tal-fehma li talba għal ażil tista’ tikkostitwixxi punt ta’ paragun adattat sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju..

18.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssostni li, minkejja li l-maġġoranza tat-talbiet għal ażil jiġu ttrattati skont is-sistema implementata mid-Direttiva 2004/83, l-Istati Membri dejjem jistgħu, mill-inqas teoretikament, jagħtu l-ażil konformement mad-dritt nazzjonali tagħhom. F’dan il-każ, it-talbiet għal ażil jistgħu jaqgħu, parzjalment, fid-dritt tal-Unjoni, u parzjalment fid-dritt nazzjonali.

19.      Fir-rigward tal-issuġġettar ta’ terminu bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-introduzzjoni ta’ talba għal protezzjoni sussidjarja, il-qorti tar-rinviju tqis li dan it-terminu huwa ġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi, li jekk nieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tas-sistema Irlandiża, kienet tikkonsisti, fiż-żmien meta seħħew il-fatti fit-tilwima fil-kawża prinċipali, minn żewġt proċeduri distinti u suċċessivi. Tali suġġettar jippermetti, b’mod partikolari, li jiġi żgurat li t-talbiet għal protezzjoni internazzjonali jiġu ttrattati f’terminu raġonevoli.

20.      Huwa f’dan il-kuntest li l-Court of appeal (qorti tal-appell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, applikazzjoni għal ażil, irregolata minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifletti l-obbligi tal-Istat Membru skont id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83 [...], tista’ titqies bħala punt ta’ paragun xieraq ma’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, għandu jitqies f’dan ir-rigward il-fatt li t-terminu li fih għandhom jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja jservi l-għan importanti li jiġi żgurat li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jkunu ttrattati f’terminu raġonevoli?”

II – Osservazzjonijiet preliminari dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal rinviju preliminari

21.      Id-deċiżjoni tar-rinviju ma fihiex spjegazzjoni tal-kuntest ġuridiku nazzjonali applikabbli għal din il-kawża preżenti, li tista’ tqajjem kwistjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

22.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 267 TFUE joħloq proċedura ta’ kooperazzjoni mill-qrib u diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex tkun deċiża l-kawża li tkun tressqet quddiemhom (11).

23.      Fil-kuntest ta’ dan id-djalogu bejn il-qrati u b’rispett reċiproku tal-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom, kull parti tassumi r-responsabbiltajiet tagħha. Għaldaqstant, dik il-kooperazzjoni ġudizzjarja taħdem “fiż-żewġ direzzjonijiet”. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel kull sforz sabiex tgħin lill-qorti tar-rinviju biex tinterpreta u tapplika d-dritt tal-Unjoni b’mod korrett, filwaqt li tagħtiha b’mod partikolari l-fakultà l-iktar wiesgħa sabiex tadixxiha (12), -qorti tar-rinviju għandha, min-naħa tagħha, tirrispetta l-funzjoni proprja li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-materja u għalhekk tagħmel mill-aħjar sabiex tagħtiha l-informazzjoni kollha u l-provi kollha sabiex tkun tista’ teżerċita l-funzjoni tagħha konformement mal-Artikolu 267 TFUE.

24.      Għal dan il-għan, l-ispjegazzjoni tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali hija element kostituttiv, jekk mhux essenzjali tat-talba għal deċiżjoni preliminari u n-nuqqas tagħha jikkostitwixxi raġuni għall-inammissibbiltà manifesta tat-talba għal deċiżjoni preliminari (13).

25.      Fir-rigward tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikjedi li t-talba għal deċiżjoni preliminari jkollha spjegazzjoni fil-qosor tal-fatti rilevanti u ssemmi l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jkunu applikabbli fil-kawża prinċipali u, fejn applikabbli, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti (14).

26.      Għandu jiġi kkonstatat li din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma fihiex spjegazzjoni tal-qafas ġuridiku nazzjonali, il-Court of Appeal (qorti tal-appelli ssemmi espressament isemmu ir-riferimenti għad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni.

27.      Wara li ntqal dan, jien ma naħsibx, fid-dawl tal-kuntest li fih tinsab din it-talba għal deċiżjoni preliminari u l-għan tagħha, li din il-lakuna tista’ tiġġustifika li tiddikjara l-inammissibbiltà tar-rikors.

28.      L-ewwel nett, il-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jippermettu li jinftiehem il-kontenut tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni.

29.      It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “r-rekqwżiti [dwar il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari] jistgħux jiġu iktar faċilment issodisfatti meta dik it-talba […] tidħol f’kuntest magħruf ħafna diġà minħabba rinviju għal deċiżjoni preliminari preċedenti” (15).

30.      Issa, kif indikat, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li fuq id-diversi aspetti tal-proċedura għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja fl-Irlanda fis-sentenzi tagħha tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744), tal-31 ta’ Jannar 2013, D. u A. (C‑175/11, EU:C: 2013:45) kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014: 302), u dalwaqt ser tiddeċiedi dwar il-kawża M. (C‑560/14), attwalment pendenti quddiemha. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija għaldaqstant il-ħames talba għal deċiżjoni li saret minn qorti Irlandiża dwar modalitajiet proċedurali għall-protezzjoni proċedurali applikabbli għat-talbiet għal protezzjoni sussidjarja mressqa qabel ir-riformi li saru fl-2013 u fl-2015(16).

31.      Kif jirriżulta mis-sentenzi mogħtija preċedentement mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kuntest ġuridiku applikabbli, fl-Irlanda, għal talba għal protezzjoni sussidjarja huwa għaldaqstant magħruf, peress li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni hija barra minn hekk espressament imsemmija fil-punt 15 tas-entenza tat-8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302).

32.      It-tielet nett, nafu li l-Qorti tal-Ġustizzja hija iktar eżiġenti meta dik it-talba tidħol fil-kuntest ta’ kawżi tal-kompetizzjoni u tal-kuntratti pubbliċi, fejn dawn tal-aħħar huma kkaratterizzati minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt kumplessi, bħal litigazzjoni tal-kompetizzjoni u tal-kuntratti pubbliċi (17).

33.      Issa, f’din il-kawża, għalkemm il-proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali hija kkaratterizzata, hawn, minn multipliċità ta’ stadji proċedurali, il-kwistjoni ta’ dritt quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ sempliċi, peress li hija tiġi ppreżentata taħt lenti speċifika ħafna, peress li l-interpretazzjoni mitluba tikkonċerna dispożizzjoni li l-għan huwa li jiġi stabbilit terminu.

34.      Ir-raba’ nett, jien ninnota li l-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari tippermetti lill-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll lill-Kummissjoni Ewropea li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

35.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jien konvint li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-informazzjoni kollha sabiex teżerċita l-funzjoni tagħha skont l-għan imsemmi fl-Artikolu 267 TFUE, u dan minkejja l-lakuni tad-deċiżjoni tar-rinviju.

III – L-analiżi tiegħi

36.      Id-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxix xi regoli preċiżi li jiddeterminaw il-modalitajiet tat-talba għal protezzjoni sussidjarja, u b’mod partikolari t-terminu li fih tali talba għandha titressaq quddiem l-awtorità nazzjonali kompetenti.

37.      Fil-fatt, id-Direttiva 2004/83 ma hijiex intiża, permezz tal-kontenut u l-għan aħħari tagħha, li tippreskrivi regoli ta’ proċedura applikabbli għall-eżami ta’ talba għal protezzjoni internazzjonali u lanqas, għalhekk, li tiddetermina l-garanziji proċedurali li għandhom, jingħataw, f’dan is-sens, lil applikant għal ażil (18). Din id-direttiva għandha biss l-għan li tistabbilixxi kriterji komuni għall-Istati Membri kollha għal dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet sostantivi li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni internazzjonali (19) kif ukoll il-kontenut sostantiv ta’ din il-protezzjoni (20). Huwa f’dan il-kuntest li d-Direttiva 2004/83 tiddetermina, fl-Artikolu 2(ċ) u (e), il-persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-istatus ta’ refuġjat mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, kif ukoll, fil-Kapitolu VII tagħha, id-drittijiet li huma inerenti għal kull wieħed minn dawn l-istatus.

38.      Ir-regoli proċedurali dwar l-eżami tat’ talba għal protezzjoni internazzjonali huma, min-naħa tagħhom, stabbiliti fid-Direttiva 2005/85 (21). Konformement mal-Artikolu 1 tagħha, din għandha l-għan li tistabbilixxi standards minimi komuni għal fl-Istati Membri għall-proċedura ta’ għoti u ta’ irtirar tal-istatus ta’ refuġjat u tispeċifika , fil-Kapitoli II u III tagħha, id-drittijiet u l-obbligi proċedurali imposti fuq l-applikant u fuq l-Istat Membru għall-evalwazzjoni tat-talba għal protezzjoni internazzjonali.

39.      Issa, abbażi tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar tapplika biss meta Stat Membru jeżamina talba għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat jew meta dan l-Istat ikun stabbilixxa proċedura waħda li permezz tagħha jeżamina talba fid-dawl ta’ żewġt forom ta’ protezzjoni internazzjonali, jiġifieri dik relatata mal-istatus ta’ refuġjat u dik relatata mal-protezzjoni sussidjarja.

40.      Id-Direttiva 2005/85 tagħti għaldaqstant kull flessibbiltà lill-Istati Membri sabiex jirregolaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet proċedurali relattivi għall-eżami ta’ talba għal protezzjoni sussidjarja meta dawn tal-aħħar wettqu l-għażla sabiex jeżaminaw din it-talba fil-kuntest ta’ proċedura distinta minn dik intiża għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat, bħalma kien il-każ fl-Irlanda fiż-żmien meta seħħew il-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

41.      Għaldaqstant, dan ir-riferiment għall-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri huwa tradizzjonalment limitat bl-obbligu li jiġu rrispettati, minn naħa, id-drittijiet fundamentali u, osservati, min-naħa l-oħra, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (22).

42.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza jirrekjedi li regola nazzjonali tapplika mingħajr distinzjoni għal azzjonijiet ibbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u fuq dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali. Fi kliem ieħor, ir-regoli tal-proċedura adottati mill-Istati Membri għal azzjoni bbażata fuq id-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk previsti għal azzjoni simili bbażata fuq id-dritt intern (23).

43.      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, fil-prattika, dan jirrikjedi li dawn il-modalitajiet proċedurali ma jrendux impossibbli, jew eċċessivament diffiċli, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-persuna kkonċernata.

44.      F’dawn il-konklużjonijiet, u peress li tirrigwarda s-suġġett stess tad-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju, ser neżamina, qabel kollox, sa fejn ir-regola ta’ proċedura inkwistjoni tista’ tiġi eżaminata mil-lenti tal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

45.      Insegwitu, ser neżamina sa fejn din ir-regola ta’ proċedura tista’ tiżgura l-effettività sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni sussidjarja.

46.      Għalkemm il-Court of appeal (qorti tal-appell) ma talbitx lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod espress sabiex teżamina r-regola ta’ proċedura inkwistjoni fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, jien inqis, bħall-Kummissjoni, li dan l-eżami għandu jsir sabiex il-qorti tar-rinviju tagħti risposta utli għas-soluzzjoni tat-tilwima li tressqet quddiemha. Waqt is-seduta, il-Ministru ddeċieda li l-imsemmi eżami huwa inopportun sa fejn, minn naħa, dan il-prinċipju ma ġiex invokat fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, tali raġunament imur kontra l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

47.      Kif indikajt, il-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE għandha l-għan hija intiża li tiġi stabbilita proċedura ta’ kooperazzjoni mill-qrib u diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qorti nazzjonali, li permezz tagħha tal-ewwel hija msejħa li tipprovdi lil tat-tieni b’risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li għandha quddiemha (24). Barra minn hekk, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-Qorti tar-rinviju għandha bżonn għal dan il-għan, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex koperti mid-domandi li huma indirizzati minn din il-qorti, peress li din tal-aħħar tatha l-punti ta’ fatti u ta’ liġi li jippermettu din l-interpretazzjoni (25), li jidher li huwa l-każ hawnhekk.

48.      Jien għalhekk tal-fehma li hemm lok li tingħata lill-qorti tar-rinviju l-elementi utli fir-rigward mhux biss tal-portata tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, iżda wkoll dik tal-prinċipju ta’ effettività għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni tabilħaqq spjegat li din il-kwistjoni għandha tiġi trattata taħt il-prinċipju ta’ effettività. Il-partijiet interessati waqt is-seduta,

A –    Fuq il-prinċipju ta’ ekwivalenza

49.      Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi regola ta’ proċedura nazzjonali li tirrekjedi li t-talba intiża għall-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja għandha tiġi ppreżentata f’terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li jibdew jiddekorru min-notifika taċ-ċaħda tat-talba intiża għall-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat.

50.      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li tali terminu ma huwiex previst fil-kuntest tal-preżentazzjoni ta’ talba intiża għall-kisba tal-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat, anki jekk din it-talba tikkonsisti f’punt ta’ paragun adattat fid-dawl li jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

51.      Kuntrarjament għall-opinjoni espressa mill-qorti tar-rinviju, jiena nqis li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza huwa mingħajr rilevanza f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

52.      Fil-fatt, applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza tippreżumi li nkun f’pożizzjoni sabiex nipparaguna, minn naħa, il-modalitajiet proċedurali applikabbli għal azzjoni fuq id-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, il-modalitajiet proċedurali applikabbli għal azzjoni simili bbażata fuq id-dritt intern.

53.      Issa, dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti.

54.      L-ewwel nett, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda żewġ azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, jiġifieri t-talba intiża għall-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat u t-talba intiża għall-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

55.      Id-Direttivi 2004/83 u 2005/85 (26) jipparteċipaw fl-istabbiliment ta’ sistema Ewropea komuni għal ażil, li, konformement mal-Artikolu 78(1) TFUE għandha tippermetti lill-Unjoni sabiex tiżviluppa politika komuni fir-rigward tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja, skont il-Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951. B’mod partikolari, skont il-kliem tal-Artikolu 78(2)(a), (b), (d) u (f) TFUE, il-miżuri adottati f’dan il-kuntest fihom mhux biss status uniformi ta’ ażil u ta’ protezzjoni sussidjarja favur ċittadini ta’ pajjiżi terzi, iżda wkoll proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar ta’ dan l-istatus, kif ukoll l-istandards li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet għall-akkoljenza ta’ dawn iċ-ċittadini.

56.      Hekk kif jirriżulta mill-premessa 1 tagħhom, id-Direttivi 2004/83 u 2005/85 jagħmlu b’hekk armonizzazzjoni mhux biss tar-regoli dwar ir-rikonoxximent u tal-kontenut tal-istatus ta’ refuġjat u tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja (27), iżda wkoll tar-regoli proċedurali applikabbli għal dan il-għan.

57.      Għalkemm l-Istati Membri jibqgħu liberi sabiex jadottaw jew sabiex iżommu xi standards iktar favorevoli sabiex jiddeċiedu, minn naħa, dwar persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, ir-regoli proċedurali applikabbli għal dan il-għan, peress li dawn in-normi għandhom, madankollu, jibqgħu kompatibbli ma’ dawn id-direttivi.

58.      Fil-kuntest tas-sistema Ewropea komuni għal ażil, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru huma għaldaqstant illum irregolati mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kemm fir-rigward tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

59.      B’hekk, ma nistax napplika l-prinċipju ta’ ekwivalenza, hekk kif inhu ddefinit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li kieku jkollna nipparagunaw, minn naħa, il-modalitajiet proċedurali applikabbli għal talba għal ażil ibbażata fuq id-dritt tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, il-modalitajiet proċedurali applikabbli fuq talba ta’ protezzjoni sussidjarja bbażata wkoll fuq id-dritt tal-Unjoni.

60.      It-tieni nett, talba intiża għall-benefiċċju ta’ status ta’ refuġjat u talba intiża għall-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja ma jikkostitwixxuux azzjonijiet simili, hekk kif huwa rikjest mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

61.      Fl-ewwel lok, huwa anċillari għall-istatus ta’ refuġjat li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jintroduċi, b’konformità mal-Artikolu 78(2)(b) TFUE, forma oħra ta’ protezzjoni internazzjonali, ikklassifikata bħala “sussidjarja” u li tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti speċifiċi previsti fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2004/83 (28).

62.      L-użu tal-kelma “sussidjarja” kif ukoll il-kliem tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva jindikaw, mingħajr ambigwità, li l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja huwa indirizzat liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet rikjesti sabiex għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat (29). Billi introduċa forma sussidjarja ta’ protezzjoni fis-sistema ta’ ażil Ewropew komuni, il-leġiżlatur tal-Unjoni għaldaqstant ma kellux l-intenzjoni joffri żewġ forom simili ta’ protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, il-leġiżlatur Irlandiż stabbilixxa żewġt proċeduri għall-finijiet tal-eżami, rispettivament, tat-talba għal ażil u tat-talba għal protezzjoni sussidjarja, fejn it-tieni ma tistax tiġi ppreżentata ħlief wara ċ-ċaħda tal-ewwel waħda. Fir-rigward tal-Istati Membri li għażlu proċedura waħda, dawn iwettqu eżami tat-talba ta’ protezzjoni internazzjonali taħt il-perspettiva, qabel kollox, tal-kundizzjonijiet stabbiliti għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat (30).

63.      Fit-tieni lok, l-istatus ta’ refuġjat joffri xi drittijiet u xi vantaġġi ekonomiċi u soċjali li huma usa’ minn dawk li jirriżulta mill-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja (31).

64.      Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha M. (C‑277/11, EU:C:2012:744), in-natura tad-drittijiet inerenti għall-istatus ta’ refuġjat u dik tad-drittijiet inerenti għall-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja huma, fil-fatt, differenti (32). Fil-Kapitolu VII tagħha, intitolat “Kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali”, id-Direttiva 2004/83 tagħmel distinzjoni skont jekk il-persuna kkonċernata hijiex refuġjata jew tibbenefikax mill-protezzjoni sussidjarja (33). Fir-rigward tal-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja, hija tawtorizza lill-Istati Membri sabiex jadottaw kundizzjonijiet iktar restrittivi għal dak li għandu x’jaqsam mal-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza jew dokumenti tal-ivvjaġġar (34). B’hekk, għalkemm l-Istati Membri huma marbuta li jagħtu lir-refuġjati permess ta’ residenza għal perijodu minimu ta’ tliet snin, huma jistgħu jillimitaw il-perijodu ta’ dan il-permess għal sena, kemm-il darba dan ikun qed jingħata lil individwu li jkun qed jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja. L-imsemmija direttiva tawtorizza wkoll lill-Istati Membri jillimitaw l-aċċess għal ċerti drittijiet ekonomiċi u soċjali bħalma huwa l-aċċess għas-suq tax-xogħol jew għall-protezzjoni soċjali (35). B’hekk, għalkemm il-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn taħriġ marbut mal-impjieg taħt kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawl applikabbli għaċ-ċittadini nazzjonali, għall-kuntrarju, il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom il-benefiċjarji tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja jistgħu jaċċedu għal dawn l-azzjonijiet huma ddeterminati mill-Istati Membri. Bl-istess mod, għalkemm l-Istati Membri huma marbuta li jagħtu lill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali l-istess assistenza soċjali meħtieġa, bħal dik prevista għaċ-ċittadini nazzjonali, huma jistgħu madankollu jillimitaw din l-assistenza għall-benefiċċji essenzjali, fir-rigward tal-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja.

65.      Inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi, il-prinċipju ta’ ekwivalenza, hekk kif ġie stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa għaldaqstant mingħajr relevanza f’sitwazzjoni li tikkonċerna ż-żewġ tipi ta’ talbiet ibbażati, it-tnejn li huma, fuq id-dritt tal-Unjoni u li s-suġġett u l-kriterji kostituttivi tagħhom huma differenti (36).

B –    Fuq il-prinċipju ta’ effettività

66.      Sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli, qed nipproponi li tiġi eżaminata r-regola tal-proċedura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taħt il-perspettiva tal-prinċipju ta’ effettività.

67.      Konsegwentement, il-kwistjoni hija dik sabiex isir magħruf jekk regola tal-proċedura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrekjedi li talba intiża għall-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja hija ppreżentata f’terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li jibdew jiddekorru min-notifikazzjoni taċ-ċaħda tat-talba intiża għall-kisba tal-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat, tistax tiżgura aċċess effettiv għal persuni li jirrekjedu protezzjoni internazzjonali, għad-drittijiet li ngħatawlhom abbażi tad-Direttiva 2004/83.

68.      Infakkar li, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-2006, l-ittra li permezz tagħha, wara ċ-ċaħda tat-talba għal ażil tal-parti kkonċernata, il-Ministru jinnotifika l-intenzjoni tiegħu sabiex jadotta deċiżjoni ta’ akkumpanjament lejn il-fruntiera, għandha jkollha mehmuża magħha, avviż li jinforma lil din tal-aħħar li tista’ titlob, f’terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li jibdew jiddekorru minn din in-notifika, il-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja kif ukoll awtorizzazzjoni temporanja sabiex tibqa’ fit-territorju. Għal dan il-għan, tiġi mehmuża ma’ din l-ittra avviż ta’ informazzjoni dwar il-protezzjoni sussidjarja kif ukoll il-formola li tippermetti li titressaq it-talba. Minbarra l-informazzjoni personali, l-applikant jiġi mistieden jikkomunika d-dokumenti supplimentari kollha u jagħti d-dettalji tar-raġunijiet relatati speċifikament maċ-ċirkustanzi invokati insostenn tat-talba tiegħu għall-protezzjoni sussidjarja, billi jiġi spreċifikat, b’mod partikolari, id-dannu serju li jista’ jsostnu kemm-il darba jmur lura fil-pajjiż tiegħu ta’ oriġini.

69.      Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tqis li t-terminu stabbilit fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-2006 jiżgura l-effettività tad-drittijiet tar-rikorrent “basta li l-applikazzjoni mhix miċħud biss minħabba li ġie ppreżentat tardivament, jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti [...] ma jistax jinjora r-riskju reali ta’ ħsara fil-każ ta' deportazzjoni u hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li l- applikant tiffaċċja riskju reali li jiġi suġġett għal periklu serju kif definit fl-Artikolu 15 tad-Direttiva [2004/83].”

70.      Għalkemm jien naqbel mal-fehma li, fil-kawża bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, għandha tingħata prijorità għall-preżervazzjoni tad-drittijiet l-iktar essenzjali tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, jien ma naħsibx li l-evalwazzjoni li għandha tagħmel l-awtorità nazzjonali kompetenti dwar l-eżistenza, fis-sens tal-Artikolu 2(e) u tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83, ta’ riskju ta’ periklu serju jekk imur lura f’pajjiżu ta’ oriġinu, hija lokha f’dan l-istadju tal-proċeduri. L-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni ittendi li tirrikjedi mill-awtorità nazzjonali kompetenti li hija teżamina l-merti tat-talba qabel ma tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ din tal-aħħar, li trendi b’hekk l-osservanza ta’ terminu stabbilit mil-liġi purament aċċessorja. Issa, jekk terminu huwa ffissat u jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tat-talba, dan it-terminu għandu jiġi applikat b’mod oġġettiv sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u t-trattament ġust ta’ kulħadd.

71.      Din hija r-raġuni għaliex naqbel mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

72.      Inqis, fir-realtà, li dan it-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol huwa insuffiċjenti sabiex jiżgura l-effettività tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2004/83 għall-persuni li jitolbu protezzjoni sussidjarja.

73.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Mejju 2014, N.(C‑604/12, EU:C:2014:302), li, fil-kuntest ta' sistema bħal dik inkwistjoni kkaratterizzata minn żewġt stadji proċedurali distinti, l-effettività tal-aċċess għall-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja jirrekjedi li “l-eżami tat-talba għal protezzjoni sussidjarja jitwettaq f’terminu raġonevoli” (37).

74.      Għalkemm l-impożizzjoni ta’ terminu bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jgħin manifestament sabiex il-proċedura tal-eżami tat-talba għal protezzjoni internazzjonali tasal li tintemm, xorta jibqa’ l-fatt li dan it-terminu huwa qasir ħafna.

75.      Qabel kollox, wieħed irid iżomm f’moħħu li d-deċiżjoni mistennija hija ta’ importanza vitali għall-individwu li, b’mod leġittimu, qed ifittex li jikseb il-protezzjoni internazzjonali. Dan jinstab f’sitwazzjoni umana u materjali diffiċli ħafna u għaldaqstant ma għandniex ninsew li l-proċedura li huwa beda quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandha tippermettilu sabiex jiżgura l-preżervazzjoni tad-drittijiet l-iktar essenzjali tiegħu permezz tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali.

76.      Insegwitu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet li l-applikant jista’ jiltaqa’ magħhom, minħabba l-lingwa tiegħu pereżempju, sabiex mhux biss jifhem ir-regoli tal-proċedura, iżda wkoll sabiex isir jaf dwar id-drittijiet u l-obbligi tiegħu. Għalkemm teżisti assistenza ġudizzjarja, għandu jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, ir--RLS irrifjuta li jassisti lil E. Danqua fil-kuntest tal-passi li kellha tieħu sabiex tikseb protezzjoni sussidjarja, u pprefera li jippreżenta talba għall-awtorizzazzjoni ta’ residenza minħabba raġunijiet umanitarji f’isimha.

77.      Fl-aħħar nett, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll id-diffikultajiet materjali li jistgħu jwasslu sabiex in-notifika tingħata tard. Fil-fatt, ma nistgħux inqabblu s-sitwazzjoni tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, li huwa biss individwu li qed ifittiex kenn, ma’ kwalunkwe ċittadin ieħor residenti fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. L-applikant għal protezzjoni internazzjonali ma jiddisponix minn indirizz fiss fuq dan it-territorju u jista’ jbiddel ir-residenza sakemm tiġi eżaminata t-talba tiegħu intiża għall-benefiċċju ta’ dritt għal ażil. F’din il-kawża preżenti, l-eżami tat-talba ppreżentata minn E. Danqua u intiża għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat damet għaxar xhur. Mill-informazzjoni kkomunikata waqt is-seduta jirriżulta li din tal-aħħar toqgħod, bħalissa, fi tverna. Ma huwiex eskluż li, matul dan il-perijodu ta’ żmien, din biddlet l-indirizz tagħha mingħajr ma informat l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

78.      Jekk ma’ dan inżidu l-istat psikoloġiku li l-applikant jista’ jinstab fiha, ma nistgħux nirriskjaw li dan l-individwu, li qed jipprova jikseb protezzjoni internazzjonali, jiġi ostakolat milli jressaq talba intiża għall-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja minħabba terminu qasir wisq, anki jekk ikun intitolat għalih.

79.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, li jirrigwardaw, minn naħa, in-natura fundamentali tal-protezzjoni li għandha tingħata lil persuni qegħdin jirriskjaw perikolu serju fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni umana u materjali diffiċli li jaffaċjaw dawn il-persuni fl-Istat Membru ospitanti, terminu bħal dak previst fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-2006 ma jippermettix, fl-opinjoni tiegħi, li tiġi żgurata l-effettività tal-aċċess għall-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

80.      Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit terminu minflok il-leġiżlatur nazzjonali?

81.      Jiena ma naħsibx li dan għandu jkun il-każ.

82.      Minn naħa, l-istabbiliment tar-regola tal-proċedura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’, kif intwera fil-punti 39 sa 41 ta’ dawn il-konkużjonijiet, fl-awtonomija proċedura tal-Irlanda.

83.      Min-naħa l-oħra, dan ma jagħmel l-ebda sens sa fejn tali regola tal-proċedura, prevista fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-2006, ma għadiex fis-seħħ issa. Fil-fatt, infakkar li wara r-riforma li hija bdiet fl-2015, l-Irlanda ħassret is-sistema doppja li kkaratterizzat fil-passat il-proċedura tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju ta’ proċedura waħda li fil-kors tagħha l-awtoritajiet kompetenti jeżaminaw it-talba għal ażil imressqa mill-parti kkonċernata, interessata fid-dawl taż-żewġt forom ta’ protezzjoni internazzjonali. Konsegwentement, regola ta’ proċedura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi t-terminu li fih it-talba intiża għall-għoti tal-istatus mogħti mill-istatus tal-protezzjoni sussidjarja għandha tiġi ppreżentata wara ċ-ċaħda tat-talba intiża għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, ma għadhiex teżisti.

84.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tat-talbiet għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali ppreżentati taħt il-leġiżlazzjoni l-antika, naħseb li hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tivverifika jekk it-terminu li fih għandha tressqet it-talba għal protezzjoni sussidjarja huwiex raġonevoli.

85.      F’dan ir-rigward, inqis li din tal-aħħar għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha umani u materjali li jirrigwardaw l-eżami tat-talba għal protezzjoni internazzjonali.

86.      B’mod partikolari, hija għandha teżamina jekk il-parti kkonċernata kinitx tinsab f’sitwazzhjoni li tippermettilha li teżerċita d-drittijiet tagħha b’mod effettiv billi tittieħed b’mod partikolari l-għajnuna li setgħat tibbenefika minnha fit-twettiq tal-passi tagħha, u b’mod partikolari l-assistenza ġudizzjarja li setgħat tibbenefika minnha jew jekk ġietx imċaħħda minnha.

87.      Il-qorti nazzjonali kompetenti għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni d-data li fiha l-persuna kkonċernata saret taf bin-notifika li informatha bir-rifjut tat-talba tagħha għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u l-ordni ta’ tneħħija għall-konfini adottata mill-Ministru.

88.      F’din il-kawża, inqis li E. Danqua ma tqegħditx f’pożizzjoni li tippermettilha li tressaq it-talba tagħha għall-benfiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fit-terminu stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u għalhekk teżerċita d-drittijiet li huma rrikonoxxuti lilha mid-Direttiva 2004/83 b’mod effettiv.

89.      L-ewwel nett, ir-rappreżentant ta’ E. Danqua indika, waqt is-seduta, li kien illitterat u qatt ma kienu ġew informat bil-modalitajiet tal-proċedura, b’mod partikolari bir-regoli li jirregolaw l-estensjoni tal-perijodu relatat mat-tressqi ta’ talba għall-benfiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

90.      It-tieni nett, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-RLS irrifjuta li jassisti lil E Danqua fil-kuntest ta’ din it-talba, u pprefera li jressaq, f’isimha, talba għal permess ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji. Huwa biss wara ċ-ċaħda ta’ din it-talba u l-adozzjoni, kontra E. Danqua, ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija li din tal-aħħar ingħatat is-servizzi ta’ avukat privat, li ressaq it-talba għall-benfiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

91.      It-tielet nett, għandu jiġi ammess li l-proċedura li għaliha ġiet esposta E. Danqua, ikkarratterizzata minn diversi stadji u minn statuses differenti, tista’ tiżgwida lil xi ħadd li ma huwiex familjari mal-proċedura. Fil-fatt, minkejja li t-talba tagħha għall-għoti ta’ “status ta’ refuġjat” ġiet irrifjutata, ir-RLS, peress li rrifjuta li jassitiha fil-kuntest ta’ talba intiża għall-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, ressaq f’isimha “talba għall-permess ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji”. Kien biss wara ċ-ċaħda ta’ din it-talba u tal-“ordni ta’ akkumpanjament lejn il-fruntiera li l-konsulent legali ġdid tal-persuna kkonċernata mbagħad ressaq “talba ntiża għall-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja”. Hemm statuses differenti daqskemm hemm regoli ta’ proċeduri applikabbli.

92.      Ir-raba’ nett, għalkemm huwa paċifiku li E. Danqua attwalment ressqet it-talba tagħha ntiża għall-benefiċċju tal-istatus mogħti għall-protezzjoni susidjarja fit-8 ta’ Ottubru 2013, sentejn u tmien xhur wara n-notifika taċ-ċaħda tat-talba tagħha għall-ażil, għandu madankollu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata ressqet din it-talba għaxart ijiem wara ċ-ċaħda, fit-23 ta’ Settembru 2013, tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji.

93.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, naħseb li t-talba mressqa mill-parti kkonċernata għandha tiġi debitament ezaminata.

94.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, qed nipproponi għaldaqstant lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li l-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi li regola ta’ proċedura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrekjedi li t-talba intiża għall-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja għandha titressaq f’terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li jibdew jiddekorru min-notifika taċ-ċaħda tat-talba intiża għall-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat.

95.      Hija l-qorti nazzjonali kompetent li għandha tevalwa jekk it-terminu li fih it-talba għall-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja tressqet huwuex raġonevoli meta jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha umani u materjali li jirrigwardaw l-eżami tat-talba għal protezzjoni internazzjonali. Għal dan il-għan, hija għandha teżamina jekk il-persuna kkonċernata tqiegħditx f’pożizzjoni li tippermettilha li teżerċita d-drittijiet tagħha b’mod effettiv, filwaqt li b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet li fihom din tal-aħħar ġiet assistita fit-twettiq tal-passi tagħha kif ukoll il-kondizzjonijiet li taħthom ġiet innotifikata lilha ċ-ċaħda tat-talba ntiża għall-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat.

IV – Konklużjoni

96.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha indikati iktar 'il fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lill-Court of appeal (qorti tal-appell, l-Irlanda):

Il-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li regola ta’ proċedura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrekjedi li t-talba intiża għall-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja għandha titressaq f’terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li jibdew jiddekorru min-notifikazzjoni taċ-ċaħda tat-talba intiża għall-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat.

Hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tevalwa jekk it-terminu li fih it-talba għall-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja tressqet huwiex raġonevoli meta jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha umani u materjali li jirrigwardaw l-eżami tat-talba għal protezzjoni internazzjonali. Għal dan il-għan, hija għandha teżamina jekk il-persuna kkonċernata tqiegħditx f’pożizzjoni li tippermettilha li teżerċita d-drittijiet tagħha b’mod effettiv, filwaqt li b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet li fihom din tal-aħħar ġie assistita fit-twettiq tal-passi tagħha kif ukoll il-kondizzjonijiet li taħthom ġiet innotifikata lilha ċ-ċaħda tat-talba ntiża għall-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2–      Iktar 'il quddiem il-“Ministru”.


3–      Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar l-istandards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni bla ċittadinanza bħala refuġjati jew bħala persuni li b’mod ieħor jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96 u r-rettifika ĠU 2005, L 204, p. 24).


4      Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954), Konvenzjoni li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954.


5–      Sentenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-portata tad-dritt għal smigħ fil-kuntest tal-eżami tat-talba għal protezzjoni sussidjarja. Wara din is-sentenza, is-Supreme Court (qorti suprema, l-Irlanda), ippreżentat rinviju għal deċiżjoni preliminari ġdid li permezz tiegħu talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża x’jimplika, b’mod konkret, ir-rispett tad-dritt għal smigħ f’tali proċedura. Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’din il-kawża M (C‑560/14, EU:C:2016:320) ġew ippreżentati fit-3 ta’ Mejju 2016 u l-imsemmija kawża għada pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


6–      Sentenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq il-portata tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik stabbilita fl-Irlanda kif ukoll fuq il-modalitajiet applikabbli għall-proċeduri mħaffa jew prijoritarji.


7–      Sentenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq il-kompatibbiltà, fir-rigward tar-rispett tal-prinċipju ta’ effettività u għad-dritt għal amministrazzjoni tajba, tar-regola tal-proċedura stabbilita fl-Irlanda li tissuġġetta l-eżami tat-talba għal protezzjoni sussidjarja għaċ-ċaħda preċedenti tat-talba intiża għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.


8–      Fil-punt 11 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża M (C‑560/14, EU:C:2016:320), l-Avukat Ġenerali Mengozzi rrileva ddikjara li l-proċedura tal-eżami ta’ talba għall-protezzjoni internazzjonali kienet is-suġġett ta’ żewġ riformi fl-Irlanda. Filwaqt li l-ewwel riforma, adottata fl-2013 żammet is-sistema doppja, it-tieni riforma, adottata fl-2015, issostitwiet din il-proċedura bi proċedura waħda għall-finijiet tal-eżami taż-żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali, u dan konformement mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).


9–      Adottati mill-Minister for Justice, Equality and Law Reform (ministru tal-ġustizzja, tal-ugwaljanza, u tar-rigorma tal-liġi) fid-9 ta’ Ottubru 2006 u li għandhom, b’mod partikolari, bħala għan, it-transpożizzjoni tad-Direttiva 2004/83 (iktar 'il quddiem ir-“Regolamenti tal-2006”).


10–      Artikolu 3(3) tal-Immigration Act 1999 (Il-Liġi tal-1999 dwar l-immigrazzjoni).


11 –            Digriet tat-8 ta’ Settembru 2011, Abdallah (C‑144/11, EU:C:2011:565, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, FIRIN (C‑107/13, EU:C:2014:151, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 –       Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13 –            Ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-15 ta’ April 2011, Debiasi (C‑613/10, EU:C:2011:266), kif ukoll is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑2/14, EU:C:2015:400, punt 25).


14 –            Digriet tat-13 ta’ Diċembru 2012, Debiasi (C‑560/11, EU:C:2012:802, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, Petru (C‑268/13, EU:C:2014:2271, punt 22). Ara, ukoll, id-digriet tat-8 ta’ Settembru 2011, Abdallah (C‑144/11, EU:C:2011:565, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara l-Artikolu 94(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-punt 22 tar-Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali dwar ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2012, C 338, p. 1).


15 –            Digriet tas-17 ta’ Lulju 2014, 3D I (C‑107/14, EU:C:2014:2117, punt 12).


16 –            Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


17 –            Ara, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, id-digriet tal-21 ta’ Novembru 2012, Fontaine (C‑603/11, EU:C:2012:731, punt 15), kif ukoll, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 “Spezzino” et (C‑113/13, EU:C:2014:2440, punti 47 u 48).


18–      Ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 73), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża M. (C‑277/11, EU:C:2012:253, punt 19), u s-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 38), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża N. (C‑604/12, EU:C:2013:714, punt 27).


19–      Ara l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva.


20–      Ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 72), u l-punt 19 tal-konlużjonijiet tiegħi fil-Kawża M. (C‑277/11, EU:C:2012:253).


21–      Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat (ĠU 2005 L 326, p. 13).


22–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara ukoll, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23–      Sentenzi tal-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 74), u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 32).


24 –      Digriet tat-8 ta’ Settembru 2011, Abdallah (C‑144/11, EU:C:2011:565, punt 9 u l-ġurisprudenzas ċċitata), kif ukoll sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, FIRIN (C‑107/13, EU:C:2014:151, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25 –      sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais (C‑152/03, EU:C:2006:123, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26–      Infakkar li dawn id-direttivi ġew adottati abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 63 KE (li sar l-Artikolu 78 TFUE).


27 – Ara b’mod partikolari l-premessi 6 u 7 tad-Direttiva 2004/83 ; premessi 3 sa 6 tad-Direttiva 2005/85 ; premessi 8 sa 10 kif ukoll 12 u 13 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, p. 9) kif ukoll il-premessa 13 tad-Direttiva 2013/32.


28–      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 32 u 33).


29–      Ara l-premessi 5 u 24 tal-imsemmija direttiva.


30–      Infakkar li l-istabbiliment ta’ proċedura waħda, għalkemm kienet fakultà offruta taħt id-Direttiva 2005/85, jikkostitwixxi illum obbligu skont it-termini tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32. Preżentament, din id-dispożizzjoni tipprovdi, mingħajr ambigwità, “[m]eta teżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, l-awtorità determinanti għandha l-ewwel tiddeċiedi jekk l-applikanti jikkwalifikawx bħala rifuġjati u, jekk le, jiddeċiedu jekk l-applikanti humiex eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja”.


31–      Id-Direttiva 2013/32 telimina d-differenzi li jeżistu fil-livell tad-drittijiet mogħtija lir-refuġjati u lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja li ma setgħux jibqgħu jitqiesu bħala ġġustifikati. L-emendi jikkonċernaw it-tul tal-permessi ta’ residenza u l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, għall-kura tas-saħħa u għas-suq tax-xogħol.


32 – Ara l-punt 92 ta’ din is-sentenza.


33 – Dan il-kapitolu jagħti dettalji, b’mod partikolari, dwar il-kundizzjonijiet li taħthom il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali jistgħu jiksbu l-permess ta’ residenza kif ukoll id-dokumenti għall-ivvjaġġar u jista’ jkollhom aċċess għax-xogħol, għall-edukazzjoni, għall-protezzjoni soċjali, għall-kura tas-saħħa kif ukoll għall-akkomodazzjoni.


34 – Ara, rispettivament, l-Artikoli 24 u 25 ta’ din id-direttiva.


35 – Ara, rispettivament, l-Artikoli 26 u 28 tad-Direttiva 2004/83.


36–      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38, punti 73 et 74), dwar dispożizzjoni proċedurali nazzjonali li tirregola r-rikorsi intiżi sabiex isostnu d-djun salarjali.


37–      Punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza.