Language of document :

Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta' Lulju 2012 - TME vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-329/11) 

("Kuntratti pubbliċi għal servizzi - Proċedura ta' sejħa għal offerti dwar ir-rijabilitazzjoni tal-impjant ta' trattament tal-ilma użat f'Bukarest, kofinanzjat mill-fondi strutturali ISPA - Deċiżjoni allegatament illegali tal-awtoritajiet Rumeni li jiċħdu l-offerta magħmula mir-rikorrenti - Rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta' korrezzjonijiet finanzjarji kontra r-Rumanija - Inammissibbiltà

manifesta")

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: TME SpA - Termomeccanica Ecologia (Milano, l-Italja) (rappreżentanti: C. Malinconico, S. Fidanzia u A. Gigliola, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Aresu u P. Van Nuffel, aġenti)

Suġġett

Minn naħa, l-annullament tal-ittra tal-Kummissjoni tal-20 ta' April 2001, li għandha bħala suġġett l-ilment tal-kumpannija TME SpA dwar nuqqas ta' twettiq ta' obbligi imposti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea min-naħa tar-Rumanija fil-kuntest tal-proġett "Bucharest Wastewater Treatment Plant Rehabilitation: Stage I ISPA 2004/R0/16/P/PE/003-03 ", inerenti fl-irristrutturar tal-impjant ta' trattament tal-ilma użat f'Bukarest [D (2011)REGIO.B3/MAD], u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni.

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli.

TME SpA - Termomeccanica Ecologia għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk inkorsi mill-Kummissjoni Ewropea.

____________

1 - ĠU C 252, 27.08.2011.