Language of document :

Appell ippreżentat fit-18 ta’ Jannar 2023 minn Ferriera Valsabbia SpA u Valsabbia Investimenti SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fid-9 ta’ Novembru 2022 fil-Kawża T-655/19, Ferriera Valsabbia u Valsabbia Investimenti vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-29/23 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Ferriera Valsabbia SpA, Valsabbia Investimenti SpA (rappreżentanti: D. Fosselard, avocat u avvocato, D. Slater, avocat u solicitor u G. Carnazza, avvocata)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fid-9 ta’ Novembru 2022 fil-Kawża T-655/19, Ferriera Valsabbia u Valsabbia Investimenti vs Il-Kummissjoni;

permezz ta’ deċiżjoni finali, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, tannulla, għal dak li jirrigwarda lill-appellanti, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 4969 final tal-4 ta’ Lulju 2019 dwar proċediment skont l-Artikolu 65 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (Kawża AT.37956 – Vireg għar-rinfurzar);

konformement mal-Artikolu 138 tar-Regoli tal-Proċedura, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, kemm jekk sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw tliet aggravji.

L-ewwel aggravju: ksur tal-Artikolu 266 TFUE. Ksur tal-Artikoli 14 u 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 1 u tal-Artikoli 11, 12 u 14 tar-Regolament Nru 773/2004 2 . Motivazzjoni żbaljata u kontradittorja. Nuqqas li tingħata deċiżjoni. Żball manifest ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Il-Qorti Ġenerali għamlet żball manifest ta’ liġi u mmotivat is-sentenza tagħha b’mod żbaljat, billi naqset milli tiddeċiedi fuq ċerti ilmenti mqajma mir-rikorrenti f’dik il-kawża, sa fejn iddeċidiet li l-Kummissjoni, billi organizzat smiegħ ġdid dwar il-mertu tal-kawża, fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, fl-2018, irrimedjat għad-difett proċedurali ċċensurat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Settembru 2017, Ferriera Valsabbia et vs Il-Kummissjoni (C-86/15 P u C-87/15 P, EU:C:2017:717).

It-tieni motiv: Interpretazzjoni żbaljata u ksur tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Żball manifest ta’ liġi u eċċess ta’ poter. Nuqqas li tingħata deċiżjoni u ksur tal-Artikolu 296 TFUE.

Il-Qorti Ġenerali eskludiet li t-tul tal-proċedura, kemm jekk ikun fir-rigward tal-fażi amministrattiva biss kif ukoll għall-proċedura fit-totalità tagħha, kienet eċċessiva u li dan it-tul ippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, u b’dan il-mod wettqet żball ta’ liġi, żball manifest ta’ evalwazzjoni u, f’ċerti aspetti, billi naqset milli tiddeċiedi fuq ċerti ilmenti mqajma mir-rikorrenti f’dik il-kawża kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, immotivat is-sentenza tagħha b’mod żbaljat.

It-tielet motiv: Ksur tal-Artikolu 296 TFUE. Motivazzjoni tas-sentenza żbaljata u kontradittorja. Nuqqas li tingħata deċiżjoni u żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Il-Qorti Ġenerali wettqet mill-ġdid żball manifest ta’ liġi kif ukoll żball manifest ta’ evalwazzjoni u vvizzjat is-sentenza tagħha b’motivazzjoni żbaljata, billi qieset li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet motivata b’mod suffiċjenti.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

1 Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).