Language of document : ECLI:EU:T:2020:231

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

28 ta’ Mejju 2020 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjonijiet għal trade marks figurattivi tal-Unjoni Ewropea We IntelliGence the World, currencymachineassistant, robodealer, currencyassistant, tradingcurrencyassistant, CKPL, moneypersonalassistant, moneyassistant, currencypersonalassistant, CNTX Trading, AIdealer u CNTX – Trade marks figurattivi preċedenti tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju Unit li jirrappreżentaw żewġ ċrieki mdaħħlin f’xulxin jew żewġ diski fuq xulxin – Sospensjoni tal-proċedimenti – Artikolu 71(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625”

Fil-Kawżi T‑84/19 u T‑88/19 sa T‑98/19,

Cinkciarz.pl sp. z o.o., stabbilita f’Zielona Góra (Il-Polonja), irrappreżentata minn E. Skrzydło-Tefelska u K. Gajek, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Söder u H. O’Neill, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

MasterCard International, Inc., stabbilita fi New York, New York (L-Istati Uniti), irrappreżentata minn J. Olsen, B. Hitchens, P. Andreottola, solicitors, G. Tritton u A. Muir Wood, barristers,

–        li għandha bħala s-suġġett tagħha tnax-il rikors ippreżentati kontra d-deċiżjonijiet tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tas-7 ta’ Diċembru 2018 (Każijiet R 1062/18-2, R 1059/18-2, R 1058/18-2, R 1057/18-2, R 1056/18-2, R 1060/18-2, R 1055/18-2, R 1054/18-2, R 1053/18-2, R 986/18-2, R 1063/18-2 u R 1064/18-2), marbuta ma’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn MasterCard International u Cinkciarz.pl,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Svenningsen (Relatur), President, R. Barents u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: A. Juhász-Tóth, amministratur,

wara li rat ir-rikorsi ppreżentati quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12, 13 u fl‑14 ta’ Frar 2019,

wara li rat ir-risposti għall-appell tal-EUIPO ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Ġunju 2019,

wara li rat ir-risposti tal-intervenjenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Mejju 2019,

wara li rat id-deċiżjoni tal‑10 ta’ April 2019 li għaqdet flimkien il-Kawżi T‑84/19 u T‑88/19 sa T‑98/19 għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u l-eventwali fażi orali tal-proċedura,

wara l-emenda għall-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali,

wara s-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2019,

tagħti l-prezenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Bejn is-16 ta’ Marzu u l-25 ta’ April 2016, ir-rikorrenti, Cinkciarz.pl sp. z o.o., ippreżentat tnax-il applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat [issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)].

2        It-trade marks li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom (iktar ’il quddiem it-“trade marks li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom”) huma s-sinjali figurattivi li ġejjin:

–        Fil-Kawża T‑84/19,

Image not found

–        Fil-Kawża T‑88/19,

Image not found

–        Fil-Kawża T‑89/19,

Image not found

–        Fil-Kawża T‑90/19,

Image not found

–        Fil-Kawża T‑91/19,

Image not found

–        Fil-Kawża T‑92/19,

Image not found

–        Fil-Kawża T‑93/19,

Image not found

–        Fil-Kawża T‑94/19,

Image not found

–        Fil-Kawża T‑95/19,

Image not found

–        Fil-Kawża T‑96/19,

Image not found

–        Fil-Kawża T‑97/19,

Image not found

–        Fil-Kawża T‑98/19,

Image not found

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saru l-imsemmija applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tagħhom jaqgħu taħt il-klassijiet 9 u 36 kif ukoll, skont il-każ, 41 (trade marks li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom inkwistjoni fil-Kawżi T‑92/19, T‑96/19 u T‑98/19) jew 45 (trade marks li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom inkwistjoni fil-Kawżi T‑84/19, T‑88/19 sa T‑91/19, T‑93/19 sa T‑95/19 u T‑97/19) fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

4        L-applikazzjonijiet għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ġew ippubblikati fil-Bullettin tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, skont il-każ, fid-19 ta’ Mejju jew fl-14 ta’ Lulju 2016.

5        Preċedentement, jiġifieri fil-15 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti kienet ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni oħra ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li kellha s-sinjal figurattiv li ġej (iktar ’il quddiem it-“trade mark purament figurattiva €$”):

Image not found

6        It-trade mark purament figurattiva €$ tikkorrispondi eżattament mal-element figurattiv ta’ erba’ trade marks li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom inkwistjoni inkwistjoni fil-Kawżi T‑84/19, T‑92/19, T‑96/19 u T‑98/19, u l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni li tikkonċernaha kienet tirrigwarda prodotti u servizzi li jaqgħu taħt l-istess klassijiet bħal dawk previsti minn dawk l-erba’ trade marks li saret applikazzjoni għalihom. L-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark purament figurattiva €$ ġiet miċħuda mill-eżaminatur, li d-deċiżjoni tiegħu ġiet ikkonfermata mill-Bord tal-Appell. Madankollu, id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar ġiet annullata bis-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2018, Cinkciarz.pl vs EUIPO (€$) (T‑665/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:125), liema kawża ġiet mibgħuta lura quddiem l-Ewwel Bord tal-Appell (Każ R 1345/2018-1).

7        Fit-12 ta’ Awwissu 2016, l-intervenjenti, Mastercard International, Inc., ippreżentat oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat‑12-il trade marks li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom, skont l-artikolu 41 tar-Regolament Nru°207/2009 (li sar l-Artikolu 46 tar-Regolament 2017/1001), għall-prodotti u s-servizzi kollha koperti minn kull waħda minnhom.

8        L-oppożizzjonijiet kienu bbażati, b’mod partikolari, fuq seba’ trade marks tal-Unjoni Ewropea u trade mark tar-Renju Unit.

9        Fost is-seba’ trade marks tal-Unjoni Ewropea hemm inklużi t-tliet trade marks li ġejjin:

–        it-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea Nru 9835869, riprodotta iktar ’il quddiem, li tkopri prodotti u servizzi li jaqgħu b’mod partikolari taħt il-klassijiet 9 u 36 (iktar ’il quddiem iċ-“ċrieki mdaħħlin f’xulxin”):

Image not found

–        it-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea Nru 2988533, riprodotta’il quddiem, bl-iswed u abjad, li tkopri prodotti u servizzi li jaqgħu b’mod partikolari taħt il-klassijiet 9, 36, 41 u 45 (iktar ’il quddiem id-“diski suwed u bojod”):

Image not found

–        it-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea Nru 9812538, riprodotta’il quddiem, bil-kulur aħmar fl-oranġo u oranġo ċar, li tkopri prodotti u servizzi li jaqgħu b’mod partikolari taħt il-klassijiet 9, 36, 41 u 45 (iktar ’il quddiem id-“diski ħomor u oranġo”):

Image not found

10      Billi r-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjonijiet kienu b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru°207/2009 [li saru l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 2017/1001].

11      Fil‑5 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti ppreżentat talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fir-rigward ta’ żewġ trade marks preċedenti bl-iswed u l-abjad, imsemmija fl-ewwel żewġ inċiżi tal-punt 9 iktar ’il fuq (ċrieki mdaħħlin f’xulxin u diski suwed u bojod, iktar ’il quddiem, flimkien imsejħa, it-“trade marks preċedenti bl-iswed u l-abjad”).

12      Permezz ta’ tnax-il deċiżjoni mogħtija fis-27 ta’ Marzu, fl-10 ta’ April u fil-11 ta’ April 2018, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjonijiet fl-intier tagħhom. Fil-kuntest tal-analiżi tagħha, hija qabel xejn ħadet inkunsiderazzjoni, inkonnessjoni mat-trade marks invokati insostenn tal-oppożizzjoni, it-trade mark li tirrappreżenta żewġ diski suwed u bojod, u qieset li s-sinjali kunfliġġenti ma kinux simili. Sussegwentement hija estendiet il-konklużjoni tagħha għat-trade marks l-oħra preċedenti, a fortiori, peress li dawn it-trade marks l-oħra ma kinux jippreżentaw il-kompożizzjoni ta’ abjad u iswed tad-diski li jikkaratterizzaw l-element figurattiv tat-trade marks li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom. Fid-dawl tal-assenza ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni qieset li ma kienx neċessarju li tinkiseb il-konjizzjoni tal-kwistjoni proċedurali tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità marbuta mat-trade mark preċedenti li tirrappreżenta żewġ diski suwed u bojod.

13      Fid-29 ta’ Mejju u fis-7 ta’ Ġunju 2018, l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, taħt l-Artikoli 66 u 71 tar-Regolament Nru 2017/1001, mid-deċiżjonijiet kollha tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

14      B’deċiżjonijiet tas-7 ta’ Diċembru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), wara li eżamina ex officio il-kwistjoni tas-sospensjoni tal-proċedimenti minħabba l-eżistenza ta’ proċedimenti paralleli pendenti marbuta mat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità taż-żewġ trade marks preċedenti bl-iswed u l-abjad kif ukoll mar-reġistrazzjoni tat-trade mark purament figurattiva €$, it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ dawn ir-rikorsi.

15      B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni wettqet żball billi ma ddefinixxietx il-pubbliku rilevanti, li huwa stess iddefinixxa skont il-klassijiet differenti ta’ prodotti jew servizzi kkonċernati f’dan il-każ.

16      Barra minn hekk, fid-deċiżjonijiet ikkontestati kollha bl-eċċezzjoni ta’ dik ikkontestata fil-kuntest tal-Kawża T‑96/19 (deċiżjoni R 986/2018-2) (iktar ’il quddiem, l-“ewwel ħdax-il deċiżjoni kkontestati”), il-Bord tal-Appell iddeċieda, bħad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li jipparaguna s-sinjali kunfliġġenti filwaqt li bbaża ruħu fuq it-trade mark tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta żewġ diski suwed u bojod, meqjusa bħala waħda mit-trade marks preċedenti l-iktar favorevoli għall-intervenjenti (l-oħra hija t-trade mark preċedenti preċedenti li tirrappreżenta żewġ ċrieki mdaħħlin f’xulxin). Fi tmiem dan il-paragun, huwa qies, għall-kuntrarju tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li l-imsemmija sinjali kienu jirrappreżentaw livell ta’ xebh dgħajjef ħafna mill-perspettiva viżiva.

17      Fid-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tal-Kawża T‑96/19 (iktar ’il quddiem it-“tnax-il deċiżjoni kkontestata”), il-Bord tal-Appell iddeċieda li jibbaża l-analiżi tiegħu fuq it-trade mark tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta żewġ diski ħomor u oranġo, peress li t-trade marks preċedenti bl-iswed u l-abjad kienu suġġetti għal talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. F’din id-deċiżjoni, huwa qies ukoll li s-sinjali pparagunati f’din il-kawża kienu jirrappreżentaw livell ta’ xebh dgħajjef mill-perspettiva viżiva.

18      Fid-dawl tal-eżistenza ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, il-Bord tal-Appell qies li kien neċessarju li jipparaguna l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni u li jeżamina l-allegazzjonijiet tal-intervenjenti inkonnessjoni mal-karattru distintiv imsaħħaħ tat-trade marks preċedenti. F’dan ir-rigward, fl-ewwel ħdax-il deċiżjoni kkontestati, huwa jenfasizza li din il-kwistjoni seta’ jkollha rwol kruċjali peress li l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq diversi drittijet preċedenti “u li wħud [minn dawn id-drittijiet preċedenti] (jekk mhux kollha) [u t-trade mark li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha f’dan il-każ] jistgħu jitqiesu bħala li jixxiebħu b’mod dgħajjef […] sa fejn dawn jikkonsistu f’żewġ ċrieki fuq xulxin, tal-istess daqs u ppreżentati b’mod orizzontali”. Għall-istess raġuni marbuta ma’ xebh bejn l-imsemmija sinjali, huwa qies ukoll li kien neċessarju li jeżamina r-raġuni għall-oppożizzjoni previstafl-Artikolu 8(5) tar-Regolament 2017/1001.

19      Konsegwentement, wara li annulla d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell bagħat lura l-kawżi quddiem din tal-aħħar. Madankollu, fl-ewwel ħdax-il deċiżjoni ikkontestati, huwa “[irrakkomanda] [lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni] li tissospendi l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni sakemm tingħata deċiżjoni finali legalment vinkolanti fuq il-validità [tad-]drittijiet [preċedenti li bbażaw ruħhom fuqhom id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell stess]” u, fit-tnax-il deċiżjoni kkontestata, stieden “lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità pendenti kontra r-reġistrazzjoni tat-trade marks [preċedenti bl-iswed u l-abjad]”. Barra minn dan, ġiet inkluża t-tieni rakkomandazzjoni ta’ sospensjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati fil-Kawżi T‑84/19, T‑92/19, T‑96/19 u T‑98/19, fid-dawl tad-deċiżjoni finali li għandha tingħata fil-proċedimenti marbuta mar-reġistrazzjoni tat-trade mark purament figurattiva €$ (ara punti 27 sa 33 iktar ’il quddiem).

 It-talbiet tal-partijiet

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż marbuta mal-proċedura quddiem l-EUIPO.

21      L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

22      Skont l-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta diversi kawżi jkollhom l-istess suġġett, dawn il-kawżi jistgħu, f’kull ħin, ex officio jew fuq talba ta’ parti prinċipali, jintgħaqdu minħabba konnessjoni, alternattivament jew kumulattivament, għall-finijiet tal-fażi bil-miktub jew tal-fażi orali tal-proċedura jew għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

23      Fid-dawl tat-talbiet tar-rikorrenti intiżi għat-tagħqid flimkien tal-kawżi odjerni, wara li nstemgħu l-partijiet l-oħra, il-kawżi ġew magħquda flimkien, fl-ewwel lok, għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-eventwali fażi orali tal-proċedura, b’deċiżjoni tal‑10 ta’ April 2019.

24      Il-Qorti Ġenerali qieset li huwa xieraq li l-kawżi odjerni jingħaqdu wkoll għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

25      Insostenn tar-rikorsi, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati, f’kull waħda mill-kawżi rispettivament:

–        l-ewwel wieħed fuq il-ksur tal-Artikolu 71(1)(a) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625, tal‑5 ta’ Marzu 2018, li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1001, u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1), moqri flimkien mal-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”);

–        it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 41(2) tal-Karta;

–        it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, u

–        ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 2017/1001.

 Fuq l-ewwel motiv f’kull waħda mill-kawżi kif ukoll fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv fil-Kawża T96/19 u t-tielet parti tat-tieni motiv fil-kawżi kollha bl-eċċezzjoni tal-Kawża T96/19

26      Permezz tal-ewwel motiv f’kull waħda mill-kawżi kif ukoll l-ewwel parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑96/19 u t-tielet parti tat-tieni motiv fil-kawżi kollha bl-eċċezzjoni tal-Kawża T‑96/19, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, ir-rikorrenti tikkritika d-deċiżjonijiet ikkontestati, essenzjalment, sa fejn il-Bord tal-Appell ma ssospendiex il-proċeduri ta’ reviżjoni minkejja li kien ikkonstata li din is-sospensjoni kienet iġġustifikata u ma pprovda ebda motivazzjoni sal-grad rikjest mil-liġi għall-assenza ta’ sospensjoni tal-proċedura ta’ reviżjoni.

 Kuntest

27      Dawn il-motivi u dawn il-fergħat jikkonċernaw il-passaġġi tad-deċiżjonijiet ikkontestati li fihom il-Bord tal-Appell invoka s-sospensjoni tal-proċeduri inkwistjoni minħabba diversi proċedimenti paralleli pendenti quddiem l-EUIPO, minkejja li kien eżamina r-rikorsi li kien adit bihom.

28      Il-proċedimenti paralleli inkwistjoni kienu jinkludu, minn naħa, żewġ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fir-rigward tat-trade marks preċedenti bl-iswed u l-abjad, jiġifieri ċ-ċrieki mdaħħlin f’xulxin u d-diski suwed u bojod, billi t-tieni waħda minn dawn it-trade marks ittieħdet inkunsiderazzjoni għall-ipparagunar tas-sinjali fl-ewwel ħdax-il deċiżjoni kkontestata, jiġifieri d-deċiżjonijiet ikkontestati kollha bl-eċċezzjoni ta’ dik ikkontestata fil-Kawża T‑96/19.

29      Min-naħa l-oħra, il-proċedimenti paralleli inkwistjoni kienu jinkludu l-proċedimenti marbuta mar-reġistrazzjoni tat-trade mark purament figurattiva €$, li tikkorrispondi eżattament mal-element figurattiv ta’ erba’ mit-tnax-il trade mark li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom, jiġifieri t-trade marks li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom inkwistjoni fil-Kawżi T‑84/19, T‑92/19, T‑96/19 u T‑98/19.

30      Il-passaġġi kkonċernati tad-deċiżjonijiet ikkontestati huma, fl-ewwel lok, il-punt 13 tal-ewwel ħdax-il deċiżjoni kkontestati, li fih il-Bord tal-Appell ikkonstata li ż-żewġ trade marks preċedenti bl-iswed u l-abjad, li huwa qieshom bħala t-trade marks preċedenti l-iktar favorevoli għall-intervenjenti, kienu s-suġġett ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li diġà jinsabu fi stadju avvanzat qabel ma d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma tadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati, b’tali mod li, “skont [l-imsemmija awla], ikun xieraq li dawn il-proċedimenti jiġu sospiżi sa ma tingħata deċiżjoni definittiva u legalment vinkolanti fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri [għal dikjarazzjoni ta’ invalidità]”.

31      Barra minn dan, fl-istess ħdax il-deċiżjoni kkontestati, abbażi ta’ konstatazzjoni identika, il-Bord tal-Appell “irrakkomanda s-sospensjoni tal-proċediment ta’ oppożizzjoni [ikkoċernata] sakemm tingħata deċiżjoni finali legalment vinkolanti fir-rigward tal-validità [tad-] drittijiet [preċedenti li fuqhom ibbażaw ruħhom id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell stess]” (ara, pereżempju, il-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑84/19 jew punt 56 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-98/19). Impliċitament huwa esprima l-istess sens fil-punt 61 tat-tnax-il deċiżjoni kkontestata, inkwistjoni fil-Kawża T-96/19.

32      Fit-tieni lok, fid-deċiżjonijiet ikkontestati fil-Kawżi T‑84/19, T‑92/19, T‑96/19 u T‑98/19, li jirrigwardaw l-erba’ trade marks li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom li l-element figurattiv tagħhom jikkorrispondi eżattament mat-trade mark purament figurattiva €$, li hija s-suġġett tal-proċedimenti preċedenti ta’ reġistrazzjoni msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell qies li “[d-] deċiżjoni finali [dwar l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark purament figurattiva €$ kienet] tal-ikbar importanza għall-evalwazzjoni pendenti [, b’tali mod li] qies li [kien] xieraq li jiġi mistenni l-għoti ta’ deċiżjoni finali u legalment vinkolanti f’din il-kawża [l-oħra], qabel ma jiġi ievalwat il-karattru distintiv tal-element figurattiv [tat-trade marks ikkonċernati li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom]” jew “li [kien] xieraq li tittieħed inkunsiderazzjoni [d-]deċiżjoni finali u legalment vinkolanti [li kellha tingħata f’dik il-kawża l-oħra] fil-mument tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tal-element figurattiv inkwistjoni” (ara, rispettivament, il-punti 35, 35, 39 u 38 tal-imsemmija deċiżjonijiet ikkontestati).

33      Barra minn hekk, dejjem fid-deċiżjonijiet ikkontestati fil-Kawżi T‑84/19, T‑92/19, T‑96/19 u T‑98/19, “[il-] Bord tal-Appell xtaq jiġbed l-attenzjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni għall-Każ […] R 1345/2018-1, […] pendenti quddiem l-Ewwel Bord tal-Appell”, “u rrakkomanda s-sospensjoni tal-proċedimenti pendenti […] sakemm tingħata [deċiżjoni] finali u legalment vinkolanti fil-kuntest ta’ din il-[kawża l-oħra]” (ara, rispettivament, il-punti 58, 57, 62 u 61 tal-imsemmija deċiżjonijiet ikkontestati).

34      Barra minn hekk, fil-punti 58, 62 u 61 tad-deċiżjonijiet ikkontestati fil-Kawżi T‑84/19, T‑96/19 u T‑98/19, il-Bord tal-Appell żied li, “[fid-]dawl ta’ din id-[deċiżjoni] u tal-fatt li l-element verbali [tat-trade mark li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha kkonċernata kienet] distintiva b’mod dgħajjef għal parti mill-[pubbliku rilevanti jew mill-prodotti u servizzi inkwistjoni], […] id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni setgħet anki tipprevedi li tiftaħ mill-ġdid l-eżami [tat-trade marks ikkonċernati li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom] fuq il-bażi ta’ raġunijiet assoluti”.

 L-argumenti tal-partijiet

35      Permezz tal-ewwel motiv f’kull waħda mill-kawżi, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li, peress li l-Bord tal-Appell kien għamel il-konstatazzjonijiet previsti fil-punti 30 sa 33 iktar ’il fuq, dan kellu jissospendi l-proċedimenti ta’ reviżjoni, bi skans ta’ ksur tal-Artikolu 71(1)(a) tar-Regolament Delegat 2018/625 kif ukoll id-dettami ta’ ċarezza, ta’ koerenza u ta’ effettività li jservu bħala bażi għal din id-dispożizzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sanċit fl-Artikolu 41(2) tal-Karta. Fin-nuqqas, l-imsemmija awla kienet twettaq użu ħażin ta’ poter. Barra minn hekk, din l-awla naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-interess tal-partijiet, meta hija kienet obbligata li tagħmel dan ladarba meta tiddeċiedi dwar l-opportunità ta’ sospensjoni eventwali tal-proċedimenti. Ir-rikorrenti żżid, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell ma pprovdiex motivazzjoni għad-deċiżjoni finali li ma jissospendix il-proċedimenti meta huwa kien ikkunsidra din is-sospensjoni bħala waħda ġġustifikata.

36      Permezz tat-tielet fergħa tat-tieni motiv fil-Kawżi T‑84/19, T‑92/19 u T‑98/19 kif ukoll l-ewwel fergħa tat-tieni motiv fil-Kawża T‑96/19, kawżi li fihom it-trade mark li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha inkwistjoni tinkludi element figurattiv identiku għat-trade mark purament figurattiva €$, ir-rikorrent issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn kontradizzjoni tal-motivi. Din il-kontradizzjoni tinsab fil-fatt li, suċċessivament, il-Bord tal-Appell, minn naħa, qies li kien iġġustifikat jistenna l-għoti ta’ deċiżjoni definittiva fil-proċedimenti paralleli kkonċernati, marbuta mar-rifjut ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark purament figurattiva €$ minħabba nuqqas ta’ karattru distintiv, qabel ma jevalwa l-karattru distintiv tal-element figurattiv identiku tat-trade marks li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom inkwistjoni f’dawn l-erba’ kawżi u, min-naħa l-oħra, eżamina r-rikors u, f’dan il-kuntest, evalwa l-karattru distintiv tal-imsemmi element figurattiv.

37      It-tielet fergħa tat-tieni motiv fit-tmien kawżi l-oħra hija wkoll ibbażata fuq kontradizzjoni tal-motivi. Din il-kontradizzjoni tinsab fil-fatt li suċċessivament, il-Bord tal-Appell qies, minn naħa, li kien iġġustifikat jissospendi l-proċedimenti minħabba l-eżistenza ta’ żewġ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li fihom tpoġġa f’dubju l-karattru distintiv taż-żewġ trade marks preċedenti bl-iswed u l-abjad, u, min-naħa l-oħra, ħa inkunsiderazzjoni waħda minn dawn iż-żewġ trade marks preċedenti sabiex jipparaguna s-sinjali u, f’dan il-kuntest, qies li kellu jiġi rrikonoxxut favur dik it-trade mark minimum ta’ karattru distintiv minħabba r-reġistrazzjoni tagħha.

38      L-EUIPO sempliċement isostni li l-ewwel motiv huwa inammissibbli għal żewġ raġunijiet.

39      Fl-ewwel lok, dan il-motiv kien jikkonċerna punti tad-deċiżjonijiet ikkontestati li ma kinux jorbtu lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li liha ġew mibgħuta lura l-kawżi skont l-Artikolu 71(2) tar-Regolament 2017/1001. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell sempliċement indirizza r-rakkomandazzjonijiet lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni dwar is-sospensjoni tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

40      Fit-tieni lok, l-EUIPO ssostni li l-assenza ta’ sospensjoni tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell ma inċidiex fuq l-interessi tar-rikorrenti, peress li l-proċedimenti paralleli kkonċernati ma setgħux jinfluwenzaw l-eżitu tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni inkwistjoni, b’tali mod li l-kawżi kellhom f’kull każ jiġu mibgħuta lura quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Fil-fatt, minn naħa, l-oppożizzjonijiet inkwistjoni huma wkoll ibbażati fuq trade marks oħra preċedenti u t-trade marks preċedenti bl-iswed u l-abjad kienu s-suġġett ta’ żewġ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tielet proċedimenti paralleli, marbuta mar-reġistrazzjoni tat-trade mark purament figurattiva €$, l-EUIPO jsostni li, anki jekk jiġi preżunt li l-element figurattiv identiku ta’ erba’ trade marks li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom inkwistjoni ma għandux karattru distintiv, ma kienx jeżisti inqas xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti.

41      Barra minn hekk, l-intervenjenti ssostni li l-ewwel motiv huwa infondat, peress li kien jirriżulta b’mod partikolari mill-ġurisprudenza marbuta mal-Artikolu 71(1) tar-Regolament Delegat 2018/625 li, fid-dawl tal-libertà ta’ evalwazzjoni li huwa għandu, il-Bord tal-Appell ma huwiex obbligat li jissospendi l-proċedimenti meta s-sospensjoni hija ġġustifikata. Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti ma tennietx it-talba tagħha għal sospensjoni tal-proċedimenti quddiem l-imsemmija awla kien jispjega li din tal-aħħar ma kinitx immotivat id-deċiżjoni tagħha li ma tissospendix il-proċedimenti fid-dawl tal-interess tal-partijiet. Fl-aħħar, id-direttivi tal-EUIPO, li r-rikorrenti tagħmel riferiment għalihom, ma kinux jeħtieġu s-sospensjoni tal-proċediment ta’ oppożizzjoni meta l-validità tat-trade mark preċedenti tkun ikkontestata u, fi kwalunkwe każ, ma kinux jorbtu lill-imsemmija awla.

42      Fir-rigward tat-tieni motiv, l-ewwel jew it-tielet fergħa, l-EUIPO jsostni li l-kritiki tar-rikorrenti jirriżultaw minn qari żbaljat tad-deċiżjonijiet ikkontestati u minn konfużjoni bejn il-kritika rigward l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-kritika rigward il-fondatezza tal-motivazzjoni, minkejja li jikkonċedi li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati fil-Kawżi T‑84/19, T‑92/19, T‑96/19 u T‑98/19, ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Bord tal-Appell issuġġerixxa sospensjoni tal-proċedimenti minħabba l-proċedimenti paralleli marbuta mar-reġistrazzjoni tat-trade mark purament figurattiva €$ ma humiex ċari.

43      Min-naħa tagħha, l-intervenjenti ssostni li la hemm nuqqas ta’ motivazzjoni u lanqas kontradizzjoni tal-motivi fl-elementi differenti invokati mir-rikorrenti, b’mod partikolari peress li huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza li huwa rikonoxxut minimu ta’ karattru distintiv fir-rigward ta’ trade mark irreġistrata anki jekk ir-reġistrazzjoni tagħha tkun suġġetta għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li tpoġġi f’dubju l-karattru distintiv tagħha, kif inhu l-każ fir-rigward tat-trade mark preċedenti meħuda inkunsiderazzjoni għall-ipparagunar tas-sinjali fl-ewwel ħdax-il deċiżjoni ikkontestati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Tfakkira tal-kuntest legali u tal-ġurisprudenza

44      Skont l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Delegat 2018/625, fir-rigward tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, jew għal reviżjoni, l-istanza jew il-Bord tal-Appell li għandu ġurisdizzjoni tista’ jew jista’ tissospendi jew jissospendi il-proċedimenti fuq inizjattiva tiegħu jew tagħha stess, meta ċ-ċirkustanzi tal-każ ikunu tali li jiġġustifikaw tali sospensjoni, jew inkella fuq talba immotivata ta’ waħda mill-partijiet fil-proċeduri inter partes, meta ċ-ċirkustanzi tal-każ ikunu jiġġustifikaw is-sospensjoni, b’kont meħud tal-interessi tal-partijiet u tal-istadju tal-proċedura.

45      Mill-premessa 17 tar-Regolament Delegat 2018/625 jirriżulta li l-Artikolu 71(1) ta’ dan ir-regolament huwa intiż li jkabbar iċ-ċarezza, il-koerenza u l-effikaċja tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, jew għal reviżjoni. F’dan ir-rigward, jeħtieġ jiġi enfasizzat li jekk it-trade mark preċedenti invokata insostenn ta’ oppożizzjoni titlef il-validità tagħha matul il-proċedimenti, dik l-oppożizzjoni titlef l-iskop tagħha [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2008, Citigroup vs UASI – S.C. Spanish Oranges (MOUNTAIN CITRUS SPAIN), T‑495/12, mhux ippubblikat, EU:T:2014:985, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑7 ta’ Diċembru 2016, Claranet Europe vs EUIPO – Acer (ALTUS), T‑162/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:87, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata].

46      Barra minn hekk, mill-kliem tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament Delegat 2018/625 jirriżulta li l-Bord tal-Appell għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-deċiżjoni li jissospendi jew le l-proċedimenti pendenti, is-sospensjoni tibqa’ fakultà ta’ dak il-bord (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Jordi Nogues/EUIPO – Grupo Osborne (BADTORO), T‑386/15, EU:T:2017:632, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Madankollu, il-fatt illi l-Bord tal-Appell għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jissospendi l-proċedimenti pendenti quddiemu ma jeżentax l-evalwazzjoni tiegħu mill-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, din iċ-ċirkustanza tillimita l-imsemmi stħarriġ inkonnessjoni mal-mertu għal verifika tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, BADTORO, T‑386/15, EU:T:2017:632, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      B’hekk, l-eżistenza ta’ proċedimenti paralleli li l-eżitu tagħhom jista’ jinċidi fuq dak tal-proċedimenti ta’ reviżjoni ma timplikax li l-proċedimenti ta’ reviżjoni huma sospiżi awtomatikament u, għaldaqstant, u waħidha ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi kklassifikat bħala żball manifest il-fatt li l-Bord tal-Appell astjena milli jissospendi l-proċedimenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, KAISERHOFF, T‑556/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:985, punt 33).

49      Fil-fatt, fl-ewwel lok, sospensjoni tal-proċedimenti ma tkun ta’ ebda interess jekk jirriżulta, mill-analiżi, li l-eżitu tal-proċedimenti paralleli ma jinċidix fuq l-eżitu tal-oppożizzjoni, kif kien ikun il-każ kieku din tal-aħħar ġiet milqugħha abbażi ta’ dritt preċedenti ieħor mhux ikkontestat (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, BADTORO, T-386/15, EU:T:2017:632, punt 17) jew, għall-kuntrarju, kieku l-oppożizzjoni kellha f’kull każ tiġi miċħuda, pereżempju fl-assenza ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, bħalma kkonstatat id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fid-deċiżjonijiet li, f’dan il-każ, ġew mibgħuta quddiem il-Bord tal-Appell, wara li qieset li t-trade marks kunfliġġenti ma kinux jixxiebhu.

50      Fit-tieni lok, fil-proċedimenti inter partes, il-Bord tal-Appell għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-interess ta’ kull waħda mill-partijiet fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu marbuta mas-sospensjoni tal-proċedimenti, billi d-deċiżjoni li jissospendi jew le l-proċedimenti għandha tkun ir-riżultat ta’ bbilanċjar tal-interessi inkwistjoni. B’hekk, anki fil-preżenza ta’ proċedimenti paralleli, il-Bord tal-Appell jista’ jqis li bbilanċjar tal-interessi preżenti jitlob, fi kwalunkwe każ, li ma jiġux sospiżi l-proċedimenti ta’ reviżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, KAISERHOFF, T‑556/12, mhux ippubblikat, EU:T:2014:985, punti 33 u 34).

51      F’dan ir-rigward, ġie deċiż li, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi preżenti quddiemu, il-Bord tal-Appell għandu b’mod partikolari jwettaq evalwazzjoni prima facie tal-probabbiltajiet li l-proċedimenti paralleli potenzjalment rilevanti jwasslu għal deċiżjoni li tinċidi fuq il-proċedimenti ta’ reviżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2008, Citigroup vs UASI – Technopharma (Fair & Lovely), T‑811/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:98, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Frar 2019, ALTUS, T-162/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:87, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li, għalkemm din l-evalwazzjoni tinċidi fuq il-konstatazzjoni tad-dgħufija tal-imsemmija probabbiltajiet, il-bilanċ tal-interessi tal-partijiet ixaqleb favur l-interess leġittimu tal-persuna li tressaq l-oppożizzjoni li tikseb, mingħajr dewmien, deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2015, Petco Animal Supplies Stores vs UASI – Gutiérrez Ariza (PETCO), T 664/13, EU:T:2015:791, punt 35).

52      Madakollu, f’każ ta’ inċertezza dwar l-eżitu ta’ proċedimenti paralleli li jikkontestaw it-trade mark preċedenti invokata insostenn ta’ oppożizzjoni, il-prosegwiment tal-proċediment ta’ oppożizzjoni mingħajr l-istennija tal-eżitu tal-proċedimenti paralleli, bħala prinċipju, ma jipprovdi l-ebda vantaġġ lill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti, peress li, anki jekk il-proċediment ta’ oppożizzjoni jwassal għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark suċċessiva, xejn ma jkun jipprekludi l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ din l-istess talba ġaladarba tkun ġiet iddikjarata l-invalidità tat-trade mark preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, KAISERHOFF, T‑556/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:985, punti 41 u 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni fuq id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar eventwali sospensjoni tal-proċedimenti, hemm lok li jiġi eżaminat, b’mod partikolari, jekk l-elementi li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell kinux jippermettulu jikkonkludi, mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li ma kienx hemm lok, jew jekk xieraq, li kien hemm lok, li jiġu sospiżi l-proċedimenti quddiemu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Société des produits Nestlé vs UASI – Claro (claranet), T‑129/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:842, punt 28).

54      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni b’mod partikolari meta bbaża l-konklużjoni tiegħu dwar l-ibbilanċjar tal-interessi preżenti fuq analiżi legali żbaljata tal-fatti jew fuq fatti mhux eżatti, jew mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2019, ALTUS, T‑162/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:87, punti 41, 44, 47, 49 u 57 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Centrotherm Systemtechnik vs UASI u centrotherm Clean Solutions, C‑610/11 P, EU:C:2013:593, punti 108, 110 u 116).

55      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżami tal-kwistjoni tas-sospensjoni tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell għandha ssir qabel l-eżami tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2017, Aldi vs EUIPO – Rouard (GOURMET), T‑572/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:591, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Fil-fatt, id-deċiżjoni li jiġu sospiżi proċedimenti ta’ reviżjoni kontra deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni hija intiża li tingħata deċiżjoni fuq oppożizzjoni b’mod partikolari meta l-validità ta’ trade mark preċedenti li fuqha tiddependi l-fondatezza tal-oppożizzjoni titqies bħala mhedda serjament, b’tali mod li jkunu jistgħu jinsiltu l-konsegwenzi tad-deċiżjoni li tiddeċiedi definittivament fuq il-validità ta’ din it-trade mark fil-kuntest tal-analiżi tal-fondatezza tal-argumenti kollha invokati kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2015, PETCO, T‑664/13, EU:T:2015:791, punt 29). Dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jinġabru taħt l-għan ta’ ċarezza, ta’ korerenza u ta’ effettività tal-proċedimenti stabbiliti fil-premessa 17 tar-Regolament Delegat 2018/625.

57      Fl-aħħar, għandu jiġi mfakkar li, fil-każijiet fejn istituzzjoni tal-Unjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hija ta’ importanza fundamentali. Fost dawn il-garanziji nsibu, b’mod partikolari, l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ in eżami u li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha b’mod suffiċjenti. Għaldaqstant, huwa biss b’dan il-mod li l-qorti tal-Unjoni tista’ tivverifika jekk ġewx issodisfatti l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali (sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14).

–       Evalwazzjoni tal-każ ineżami

58      Huwa stabbilit li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell ħa inkusiderazzjoni l-eżistenza ta’ tliet proċedimenti paralleli b’rabta mal-kwistjoni dwar jekk kinitx iġġustifikata sospensjoni tal-proċedimenti ta’ reviżjoni. Kienu jeżistu, minn naħa, ż-żewġ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità marbuta mat-trade marks preċedenti bl-iswed u l-abjad, u min-naħa l-oħra, il-proċedimenti marbuta mar-rifjut ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark purament figurattiva €$. F’dawn it-tliet proċedimenti, tpoġġa f’dubju l-karattru distintiv tat-trade marks ikkonċernati.

59      Fir-rigward taż-żewġ proċedimenti paralleli ta’ invalidità marbuta mat-trade marks preċedenti bl-iswed u l-abjad, il-Bord tal-Appell ikkonstata preliminarjament fl-ewwel ħdax-il deċiżjoni kkontestati li l-imsemmija proċedimenti “kienu diġà jinsabu fi stadju avvanzat qabel ma ngħatat id-deċiżjoni [tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni]” u li, “[k]onsegwentement, […] kien opportun li jiġu sospiżi il-proċedimenti odjerni sa ma tingħata deċiżjoni definittiva u legalment vinkolanti fil-kuntest ta’ dawk il-proċedimenti” (ara, pereżempju, il-punt 13 tad-deċiżjonijiet ikkontestati fil-Kawżi T‑84/19 u T‑98/19).

60      Madankollu, il-Bord tal-Appell eżamina r-rikors u qies li, “[f]i kwalunkwe każ, kull sinjal irreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea igawdi minn ċertu livell ta’ karattru distintiv” u kompla biex iddikjara li, “[k]onsegwentement, [huwa kien iqis], f’dak il-mument speċifiku, li [t-trade mark preċedenti li tirrappreżenta żewġ diski suwed u bojod kienu jippreżentaw] ċertu livell ta’ karattru distintiv” (ara, pereżempju, il-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑84/19 jew il-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑98/19).

61      Għall-kuntrarju, fil-punt 25 tat-tnax-il deċiżjoni, inkwistjoni fil-Kawża T‑96/19, il-Bord tal-Appell ikkonstata li t-trade mark preċedenti li tirrappreżenta żewġ diski suwed u bojod “[kienet] tixbah lil [dik] li [kienet] tippreżenta l-iktar punti komuni mat-trade mark [ikkonċernata li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha]”, iżda, “peress li dan id-dritt preċedenti [kien] […] is-suġġett ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità”, huwa ddeċieda li jeżamina r-rikors abbażi ta’ trade mark oħra.

62      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 31 iktar ’il fuq, fid-deċiżjonijiet ikkontestati kollha, inkluż dik inkwistjoni fil-Kawża T‑96/19, il-Bord tal-Appell irrakkomanda lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tissospendi l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni sa ma tingħata deċiżjoni finali dwar il-validità tat-trade marks preċedenti bl-iswed u l-abjad.

63      Fir-rigward tal-proċedimenti paralleli marbuta mar-reġistrazzjoni tat-trade mark purament figurattiva €$, fid-deċiżjonijiet ikkontestati fil-Kawżi T‑84/19, T‑92/19, T‑96/19 u T‑98/19, il-Bord tal-Appell qies li “[i]d-deċiżjoni finali f’[dawn il-proċedimenti paralleli kienet] mill-iktar rilevanti għal din l-evalwazzjoni”, jiġifieri l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tal-element figurattiv tat-trade marks li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom ikkonċernati fil-kuntest tal-ipparagunar tas-sinjali, u li, “[k]onsegwentement, [huwa] [kien] qies li [kien] xieraq li jistenna l-għoti f’dawn il-[proċedimenti paralleli] ta’ deċiżjoni finali u legalment vinkolanti qabel ma jevalwa l-karattru distintiv tal-element figuratif inkwistjoni” (ara, pereżempju, il-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑84/19 jew il-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑98/19).

64      Madankollu, il-Bord tal-Appell eżamina r-rikors quddiemu u qies li, fl-element figurattivi tat-trade marks li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom inkwistjoni fil-Kawżi T‑84/19, T‑92/19, T‑96/19 u T‑98/19, l-elementi “€” u “$” ma kinux distintivi u d-diski bojod u suwed kienu distintivi b’mod dgħajjef biss (ara, pereżempju, il-punti 33 u 34 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑84/19 jew il-punti 36 u 37 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑98/19).

65      Barra minn hekk, ukoll fid-deċiżjonijiet ikkontestati fil-Kawżi T‑84/19, T‑92/19, T‑96/19 u T‑98/19, il-Bord tal-Appell irrakkomanda lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tissospendi l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni sa ma tingħata deċiżjoni finale fil-proċedimenti paralleli kkonċernati.

66      Qabel xejn, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-EUIPO fl-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà marbuta mal-ewwel motiv, din ma tindirizzax il-fatt li l-Bord tal-Appell irrakkomanda lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li quddiemha ġew irrinvijjati quddiemha li tissospendi l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, iżda l-fatt li l-Bord tal-Appell ma ssospendhiex il-proċedimenti ta’ reviżjoni.

67      Madankollu, f’dan ir-rigward, huwa stabbilit li l-Bord tal-Appell, wara li espona r-raġunijiet li jimmilitaw favur sospensjoni tal-proċedimenti ta’ reviżjoni, impliċitament iddeċieda li ma jissospendihomx, peress li eżamina l-fondatezza tar-rikorsi li kien adit bihom u laqa’ dawn ir-rikorsi u sussegwentement irrinvijja l-kawża quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

68      Ghaldaqstant, hemm lok li tinċaħad l-imsemmija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bħala li tirriżulta minn qari żbaljata tal-ewwel motiv.

69      Fil-mertu, l-Artikolu 71(1), tar-Regolament Delegat 2018/625 jikkonferixxi lill-Bord tal-Appell is-setgħa li jeżamina u li jevalwa, anki ex officio, jekk iċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami jiġġustifikawx sospensjoni tal-proċedimenti ta’ reviżjoni. Mid-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta li l-imsemmi Bord eżerċita din is-setgħa f’kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati.

70      Fil-fatt, minn naħa, il-Bord tal-Appell qies li kien iġġustifikat li jissospendi l-proċedimenti ta’ reviżjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati fil-kawżi kollha bl-eċċezzjoni ta’ dik inkwistjoni fil-Kawża T‑96/19, minħabba proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità marbuta mat-trade marks preċedenti bl-iswed u l-abjad. Min-naħa l-oħra, fid-deċiżjonijiet ikkontestati fil-Kawżi T‑84/19, T‑92/19, T‑96/19 u T‑98/19, huwa jqis li kien iġġustifikat jistenna l-għoti ta’ deċiżjoni fil-proċedimenti marbuta mar-reġistrazzjoni tat-trade mark purament figurattiva €$ qabel ma jipproċedi bl-evalwazzjoni li huwa kien inkarigat iwettaq (ara, pereżempju, il-punti 13 u 35 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑84/19).

71      Madakollu, tali kunsiderazzjonijiet kienu jikkorrispondu għall-evalwazzjoni li, skont l-Artikolu 71(1), tar-Regolament Delegat 2018/625, kienet tikkundizzjona s-sospensjoni tal-proċedimenti. Barra minn hekk, dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu jimplikaw neċessarjament li kienu jeżistu probabbiltajiet kbar li l-proċedimenti paralleli meħuda inkunsiderazzjoni kienu jwasslu għal deċiżjonijiet li kienu jinċidu fuq il-proċedimenti ta’ reviżjoni u li l-ibbilanċjar tal-interessi preżenti kien ixeqleb favur ir-rikorrenti.

72      Madankollu, il-Bord tal-Appell eżamina r-rikorsi, mingħajr ma pprovda l-ebda motivazzjoni għad-deċiżjoni finali tiegħu li ma jissospendix il-proċedimenti, deċiżjoni li kienet timplika, għall-kuntrarju, li l-ibbilanċjar tal-interessi preżenti kellu jxeqleb favur l-intervenjenti. Barra minn hekk, il-fatt li l-Bord tal-Appell finalment irrakkomanda lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tissospendi l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni jippreżumi li, fl-opinjoni tal-imsemmi bord, l-ibbilanċjar tal-interessi preżenti kien ixeqleb mill-ġdid favur ir-rikorrenti sa mill-għeluq tal-proċedimenti ta’ reviżjoni.

73      Issa, jeħtieġ jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 57 iktar ’il fuq, l-osservanza tad-dritt tal-partijiet ikkonċernati li jkollhom id-deċiżjoni li tkun tolqothom, immotivata b’mod suffiċjenti hija partikolarment importanti meta din id-deċiżjoni tirriżulta minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, bħal fil-każ ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Appell dwar sospensjoni eventwali tal-proċedimenti quddiemu.

74      F’dan ir-rigward, diġà ġie deċiż li asserzjonijiet ġenerali u kategoriċi bl-ebda mod ma jippermettu li jitqies li l-Bord tal-Appell eżerċita b’mod effettiv setgħa diskrezzjonali wiesgħa li huwa għandu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Centrotherm Systemtechnik vs UASI u centrotherm Clean Solutions, C‑610/11 P, EU:C:2013:593, punt 110). A fortiori dan għandu jkun il-każ ukoll meta ma tiġi pprovduta l-ebda motivazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni kruċjali fil-materja li tirriżulta mill-ibbilanċjar tal-interessi preżenti, iktar u iktar jekk, bħal f’dawn il-kawżi odjerni, deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tkun tinkludi kunsiderazzjonijiet ambivalenti fuq din l-evalwazzjoni nnifisha.

75      Hemm lok ukoll jiġi speċifikat li, anki jekk jitħalla barra l-fatt li l-Bord tal-Appell indika espliċitament li huwa kien iqis xieraq li jissospendi “l-proċedimenti odjerni” (punt 13 tal-ewwel ħdax-il deċiżjoni kkontestati) jew li d-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark purament figurattiva €$ kienet mill-iktar rilevanti “għall-evalwazzjoni pendenti” (punti 35, 35, 39 u 38 tad-deċiżjonijiet ikkontestati rispettivament fil-Kawżi T‑84/19, T‑92/19, T‑96/19 u T‑98/19) u li jista’ jitqies li l-imsemmi bord sempliċiment irrakkomanda lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tissospendi l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, wara li qies, f’termini assoluti, li s-sospensjoni tal-proċedimenti kienet iġġustifikata, xorta għandu jiġi kkonstatat li tali approċċ, li huwa intiż li jġib miegħu applikazzjoni ddifferita tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament Delegat 2018/625, huwa wieħed irregolari.

76      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 55 u 56 iktar ’il fuq dwar in-natura preliminari tal-eżami tal-kwistjoni tas-sospensjoni tal-proċedimenti ta’ reviżjoni jirriżulta li din is-sospensjoni, jekk iġġustifikata, għandha tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-effett ta’ deċiżjoni mistennija fi proċedimenti paralleli fuq il-fondatezza tal-argumenti kollha invokati kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Konsewentement, jekk il-Bord tal-Appell iqis li s-sospensjoni tal-proċedimenti hija ġġustifikata, dan ma għandu l-ebda possibbiltà oħra ħlief li jordna dik is-sospensjoni u għaldaqstant ma jistax jeżamina r-rikors, lanqas parzjalment. Għalhekk, fil-kawżi odjerni, ġaladarba l-imsemmi bord kien ikkunsidra li s-sospensjoni tal-proċedimenti kienet iġġustifikata, huwa ma setax jiddeċiedi r-rikors u minħabba f’dan ma seta’ jagħmel l-ebda rakkomandazzjoni lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, peress li kull rinviju tal-kawżi lil din tal-aħħar kien jimplika eżami tar-rikors u għaldaqstant kien jirriżulta minn żball ta’ liġi.

77      L-eċċezzjonijiet invokati mill-EUIPO dwar in-nuqqas ta’ interess tar-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jpoġġu f’dubju dawn il-kunsiderazzjonijiet.

78      Fil-fatt, fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-dikjarazzjoni li l-eżitu tal-proċedimenti marbuta mar-reġistrazzjoni tat-trade mark purament figurattiva €$ ma jinċidix fuq il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-ipparagunar tas-sinjali fid-deċiżjonijiet ikkontestati fil-Kawżi T‑84/19, T‑92/19, T‑96/19 u T‑98/19, peress li l-Bord tal-Appell seta’ jasal għall-istess konklużjoni anki jekk l-element figurattiv tat-trade marks li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom ikkonċernati ma kellux karattru distintiv, hemm lok li jiġi kkonstatat il tali evalwazzjoni ma hijiex inkluża fl-imsemmija deċiżjonijiet ikkontestati. Għall-kuntrarju, l-imsemmi bord qies f’dawn tal-aħħar li l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ dan l-element figurattivi li kienet tirriżulta indirettament mid-deċiżjoni finali li għandha tingħata fl-imsemmija proċedimenti paralleli kienet mill-iktar rilevanti għall-evalwazzjoni pendenti, jiġifieri dik marbuta mal-ipparagunar tas-sinjali kunfliġġenti.

79      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-EUIPO ma jistax isostni deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali permezz ta’ elementi li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni f’din tal-aħħar (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2017, GOURMET, T‑572/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:591, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan jiswa’ speċjalment għall-evalwazzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-Bord tal-Appell għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

80      Fir-rigward, fit-tieni lok tal-fatt li l-oppożizzjonijiet inkwistjoni huma bbażati fuq trade marks preċedenti oħra li ma humiex iż-żewġ trade marks li huma s-suġġett tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità paralleli, għandu jiġi kkonstatat li, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-proċedimenti, il-Bord tal-Appell ipparaguna s-sinjali kunfliġġenti billi ħa inkunsiderazzjoni biss waħda minn dawn iż-żewġ trade marks fid-deċiżjonijiet ikkontestati kollha bl-eċċezzjoni ta’ dik inkwistjoni fil-Kawża T‑96/19, li fiha huwa pparaguna unikament abbażi ta’ trade mark preċedenti oħra.

81      Għaldaqstant, fil-kawżi kollha bl-eċċezzjoni tal-Kawża T‑96/19, iċ-ċirkustanza li l-oppożizzjoni kienet ukoll ibbażata fuq trade marks preċedenti oħra minbarra dik esklużivament meħuda inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell ma tistax tistabbilixxi l-assenza ta’ effett konkret tal-iżball imwettaq mill-Bord tal-Appell billi ma ssospendiex il-proċedimenti kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, BADTORO, T‑386/15, EU:T:2017:632, punt 32).

82      Fir-rigward tat-tnax-il deċiżjoni kkontestata, inkwistjoni fil-Kawża T‑96/19, il-fatt li, f’din id-deċiżjoni, l-ipparagunar tas-sinjali twettaq abbażi ta’ trade mark preċedenti li ma hijiex waħda miż-żewġ trade marks preċedenti li kienu s-suġġett ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità madankollu ma jimplikax li l-iżball imwettaq mill-Bord tal-Appell inkonnessjoni mal-assenza ta’ sospensjoni tal-proċedimenti kkonċernati f’din il-kawża huwa mingħajr effett konkret. Fil-fatt, ġie kkonstatat fil-punt 78 iktar ’il fuq li kien jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet ta’ dan il-bord stess fl-imsemmija deċiżjoni li l-proċedimenti paralleli l-oħra, marbuta mar-reġistrazzjoni tat-trade mark purament figurattiva €$, setgħu jinċidu fuq l-evalwazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 31 iktar ’il fuq, l-imsemmi bord qies ukoll f’din id-deċiżjoni kkontestata li, minkejja li kien ħa inkunsiderazzjoni għall-ipparagunar tas-sinjali trade mark preċedenti oħra li ma hijiex waħda minn dawk previsti mill-proċedimenti paralleli għal dikjrarazzjoni ta’ invalidità, kien madankollu indikat li għandom jiġu sospiżi l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni sal-għoti ta’ deċiżjoni finali legalment vinkolanti dwar il-validità tat-trade marks preċedenti kkontestati fil-proċedimenti għal dikjrarazzjoni ta’ invalidità.

83      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel motiv u, skont il-każ, l-ewwel jew it-tielet parti tat-tieni motiv f’kull kawża huma fondati.

 Fuq il-partijiet l-oħra tat-tieni motiv kif ukoll fuq it-tielet u r-raba’ motiv ta’ kull kawża

84      Peress li l-eżami tal-kwistjoni tas-sospensjoni tal-proċedimenti sar qabel dak dwar l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, hemm lok li jiġu annullati d-deċiżjonijiet ikkontestati, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi jew il-partjiet l-oħra.

 Fuq l-ispejjeż

85      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

86      Skont l-Artikolu 138(3) tal-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-istess artikolu, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

87      Ir-rikorrenti talbet li l-EUIPO u l-intervenjenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħha minbarra dawk tagħhom, inklużi l-ispejjeż marbuta mal-proċedimenti quddiem l-EUIPO.

88      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell huma kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. Madankollu, l-istess ma jgħoddx għall-ispejjeż sostnuti għall-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Għaldaqstant, it-talbiet tar-rikorrenti ma jistgħux jintlaqgħu sa fejn dawn jikkonċernaw l-ispejjeż marbuta mal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

89      Peress li l-EUIPO tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti f’din il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

90      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża odjerna, hemm lok li jiġi deċiż li l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha mġarrba fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

91      Fir-rigward tat-talba li tikkonċerna l-kundanna tal-EUIPO u tal-intervenjenti għall-ispejjeż tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, huwa dan tal-aħħar li għandu jiddeċiedi, fid-dawl tal-kawża odjerna, fuq l-ispejjeż marbuta ma’ dawk il-proċedimenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T84/19, T88/19 sa T98/19 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Id-deċiżjonijiet tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO tas-7 ta’ Diċembru 2018 (Kawżi R 1062/18-2, R 1059/18-2, R 1058/18-2, R 1057/18-2, R 1056/18-2, R 1060/18-2, R 1055/18-2, R 1054/18-2, R 1053/18-2, R 986/18-2, R 1063/18-2 u R 1064/18-2) huma annullati.

3)      L-EUIPO għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll awk sostnuti minn Cinkciarz.pl sp. z o.o. għall-finijiet tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

4)      MasterCard International, Inc. għandha tbati l-ispejjeż tagħha marbuta mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

Svenningsen

Barents

Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑28 ta’ Mejju 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.