Language of document : ECLI:EU:C:2021:115

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fil-11 ta’ Frar 2021 (1)

Kawża C648/20 PPU

Svishtov Regional Prosecutor’s Office

vs

PI

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Westminster Magistrates’ Court (il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Westminster, ir-Renju Unit))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest nazzjonali u mandat ta’ arrest Ewropew maħruġa mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku ta’ Stat Membru – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta lil dan l-Istat Membru – Dritt għal-libertà – Artikoli 6 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”






I.      Introduzzjoni

1.        Fil-proċeduri dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hemm differenzi notevoli bejn Stat Membru u ieħor, b’mod partikolari fir-rigward tal-awtoritajiet identifikati bħala l-“awtorità ġudizzjarja emittenti” u l-“awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (3). Hemm differenzi wkoll dwar ir-rimedji introdotti mill-Istati Membri sabiex jippermettu lill-persuni li jkunu s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jikkontestaw quddiem qorti l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest kif ukoll id-deċiżjoni nazzjonali li fuqha dan il-mandat għandu jkun ibbażat.

2.        Fid-dawl ta’ din id-diversità f’dawn is-sistemi proċedurali, il-Qorti tal-Ġustizzja fasslet ġurisprudenza li tenfasizza n-natura ġudizzjarja tal-awtoritajiet emittenti u ta’ eżekuzzjoni li huma mistennija jikkooperaw fil-kuntest ta’ proċedura ta’ konsenja bbażata fuq id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (4).

3.        Peress li tħaddan interpretazzjoni fis-sens li dawn l-awtoritajiet ġudizzjarji ma humiex ikkostitwiti biss minn imħallfin jew minn qrati, iżda wkoll minn, b’mod iktar ġenerali, awtoritajiet li, bħall-membri tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali tal-Istat Membru emittenti jew ta’ eżekuzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li din id-deċiżjoni qafas tawtorizza lill-Istati Membri jintroduċu proċeduri differenti għall-ħruġ u għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

4.        B’dan premess, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-marġni ta’ manuvra li għalhekk għandhom l-Istati Membri għandu jiġi eżerċitat b’osservanza tar-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuni li jkunu s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, sa fejn dan il-mandat huwa ta’ natura li jippreġudika d-dritt għal-libertà li huwa ggarantit mill-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (5).

5.        Għaldaqstant, f’kull kawża li titressaq quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk is-sistema proċedurali inkwistjoni tagħmilx konċiljazzjoni bbilanċjata bejn id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuni li jkunu s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u l-effettività tas-sistema ta’ konsenja stabbilita permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

6.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà, ma’ din id-deċiżjoni qafas, ta’ sistema proċedurali li fil-kuntest tagħha, meta l-mandat ta’ arrest Ewropew u d-deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali li fuqha jkun ibbażat dan il-mandat ta’ arrest ikunu ġew adottati, it-tnejn li huma, mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fil-fażi preliminari tal-proċedura kriminali, l-uniku stħarriġ ġudizzjarju ta’ dawn id-deċiżjonijiet li jista’ jitwettaq fl-Istat Membru emittenti jista’ jseħħ biss wara l-konsenja tal-persuna rikjesta lil dan l-Istat Membru.

7.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi r-raġunijiet għaliex tali sistema proċedurali, fil-fehma tiegħi, ma tissodisfax ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584

8.        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprovdi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [TUE].”

9.        L-Artikolu 6(1) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

[…]

3.      Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.”

10.      L-Artikolu 8 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Kontenut u forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(c) tiegħu:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-formola li tinsab fl-Anness:

[…]

(c)      l-indikazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ sentenza esegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2;”

11.      Fl-anness tagħha, l-imsemmija deċiżjoni qafas tipprevedi formola speċifika li l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom jimlew billi jindikaw l-informazzjoni speċifikament meħtieġa (6). Il-parti (b) ta’ din il-formola, dwar id-“[d]eċiżjoni li fuqha huwa bbażat il-mandat”, tirreferi, fil-punt 1 tagħha, għal “[m]andat ta’ arrest jew deċiżjoni ġudizzjarja li jkollha l-istess effett”.

B.      Id-dritt Bulgaru

12.      Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ġiet trasposti fid-dritt Bulgaru permezz taz-zakon za ekstraditsiata i evropeiskata zapoved za arest (il-Liġi dwar l-Estradizzjoni u l-Mandat ta’ Arrest Ewropew, iktar ’il quddiem iż-“ZEEZA”) (7), li l-Artikolu 37 tagħha jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew b’termini kważi identiċi għal dawk tal-Artikolu 8 ta’ din id-deċiżjoni qafas.

13.      Skont il-punt 1 tal-Artikolu 56(1) taż-ZEEZA, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku għandu l-kompetenza li, fil-fażi preliminari tal-proċedura kriminali, joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew kontra l-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali. Matul din il-fażi tal-proċedura kriminali, il-leġiżlazzjoni Bulgara ma tipprevedix il-possibbiltà għal qorti li tipparteċipa fil-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jew li teżerċita stħarriġ tal-validità ta’ dan il-mandat ta’ arrest, la qabel u lanqas il-ħruġ tiegħu (8).

14.      Skont l-Artikolu 200 tan-nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”), moqri flimkien mal-Artikolu 66 taż-ZEEZA, il-mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jkun biss is-suġġett ta’ rikors quddiem l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku tal-istanza superjuri.

15.      It-tqegħid taħt arrest preventiv ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni kriminali huwa rregolat, matul il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali, mill-Artikolu 64 tan-NPK.

16.      Skont l-Artikolu 64(1) tan-NPK, “[i]l-miżura ta’ tqegħid taħt arrest preventiv għandha tiġi adottata matul il-proċedura preliminari mill-qorti tal-ewwel istanza kompetenti fuq talba mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku”.

17.      Skont l-Artikolu 64(2) tan-NPK, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jista’ jadotta miżura li tordna t-tqegħid taħt arrest tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni għal perijodu massimu ta’ 72 siegħa bil-għan li din il-persuna tkun tista’ tidher quddiem il-qorti kompetenti sabiex tadotta, jekk ikun il-każ, miżura ta’ tqegħid taħt arrest preventiv. Hija l-miżura adottata mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni li sservi bħala bażi għall-mandat ta’ arrest Ewropew, li wkoll jinħareġ minn dan l-uffiċċju matul il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali.

III. It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18.      Il-proċedura quddiem il-Westminster Magistrates’ Court (il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Westminster, ir-Renju Unit) tikkonċerna mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mir-rayonna prokuratura Svichtov (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Reġjonali ta’ Svichtov, il-Bulgarija) fit-28 ta’ Jannar 2020 għall-konsenja ta’ PI, ċittadin Bulgaru, lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali dwar serq allegatament imwettaq minnu fit-8 ta’ Diċembru 2019. PI ġie arrestat fil-11 ta’ Marzu 2020 fir-Renju Unit fuq il-bażi ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew u tqiegħed taħt detenzjoni fl-istennija tal-konsenja tiegħu.

19.      Fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, PI joġġezzjona għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontrih billi jsostni li l-leġiżlazzjoni Bulgara ma tiżgurax il-livell doppju ta’ protezzjoni li għandu jiġi ggarantit lill-persuni li jkunu s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. F’dan ir-rigward, huwa jinvoka l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li toħroġ mis-sentenzi tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (9), u tas-27 ta’ Mejju 2019, PF (Il-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (10), segwiti mis-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2019, Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lyon u ta’ Tours) (11), u tat-12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja) (12).

20.      Fid-dritt Bulgaru, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jista’, fuq il-bażi tal-Artikolu 64(2) tan-NPK, jadotta miżura li ċċaħħad il-libertà li tkun valida għal perijodu massimu ta’ 72 siegħa u li tkun tista’ sservi bħala bażi għall-ħruġ minn dan l-istess uffiċċju tal-prosekutur pubbliku ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Skont PI, la f’każ u lanqas fl-ieħor ma jkunu protetti d-drittijiet fundamentali u proċedurali tal-persuna rikjesta billi jkun hemm stħarriġ ġudizzjarju, u dan inkluż fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżura. Peress li l-miżura li ċċaħħad il-libertà tikkostitwixxi mandat ta’ arrest nazzjonali, dan il-mandat ma jkun suġġett għal ebda stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti qabel l-eventwali konsenja tal-persuna rikjesta lil dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, il-mandat ta’ arrest Ewropew ma huwa suġġett għal ebda stħarriġ ġudizzjarju, la qabel u lanqas wara l-konsenja.

21.      Quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Reġjonali ta’ Svichtov sostna, għall-kuntrarju, li l-interessi tal-persuna kkonċernata dejjem ikunu protetti bis-saħħa tal-intervent ta’ avukat li jaġixxi favur tagħha. Id-deċiżjoni li jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew hija bbażata fuq il-miżura li ċċaħħad il-libertà adottata bis-saħħa tal-Artikolu 64(2) tan-NPK, li jimponi li, wara l-konsenja ta’ din il-persuna, din tal-aħħar tiġi ppreżentata quddiem qorti fl-Istat Membru emittenti sabiex jiġu kkonfermati jew issostitwiti l-miżuri ta’ arrest u ta’ detenzjoni. Wara l-konsenja, il-persuna kkonċernata jew ir-rappreżentant legali tagħha jkollhom id-dritt li jsostnu l-oġġezzjonijiet tagħhom quddiem din il-qorti fir-rigward taż-żamma taħt arrest tagħha. Għalhekk, is-sistema Bulgara hija konformi mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja peress li tiżgura l-livell doppju ta’ protezzjoni meħtieġ minn din tal-aħħar.

22.      Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ pożizzjonijiet sostnuti quddiemha, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk il-livell doppju tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna rikjesta, kif titlob il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikunx żgurat meta kemm il-mandat ta’ arrest Ewropew u kemm il-mandat ta’ arrest nazzjonali li fuqhom ikun ibbażat jinħarġu minn uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u meta, qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta lill-Istat Membru emittenti, ma jkun hemm ebda possibbiltà li dawn id-deċiżjonijiet jiġu mistħarrġa minn qorti. Il-qorti tar-rinviju tirrileva, f’dan ir-rigward, li, skont id-dritt Bulgaru, la l-miżura nazzjonali li ċċaħħad il-libertà u lanqas il-mandat ta’ arrest Ewropew ma huma bbażati fuq deċiżjoni ta’ qorti u li la waħda u lanqas l-ieħor ma jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta lil dan l-Istat Membru.

23.      Skont il-qorti tar-rinviju, is-sitwazzjoni fil-Bulgarija hija differenti minn dik tal-każijiet l-oħra li tressqu preċedentement għall-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn ma hemm ebda possibbiltà ta’ intervent ta’ qorti qabel il-konsenja fir-rigward tal-mandat ta’ arrest nazzjonali jew tal-mandat ta’ arrest Ewropew, u sa fejn ma hemm ebda possibbiltà ta’ stħarriġ minn qorti tad-deċiżjoni tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew.

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Westminister Magistrates’ Court (il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Westminister) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Meta tintalab il-konsenja ta’ persuna rikjesta għall-finijiet tal-prosekuzzjoni tagħha, u meta d-deċiżjoni biex jinħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali u d-deċiżjoni biex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew ikunu t-tnejn li huma ttieħdu minn prosekutur pubbliku, mingħajr ebda involviment ta’ qorti qabel il-konsenja, persuna rikjesta tgawdi mil-livell doppju ta’ protezzjoni stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (C 241/15, EU:C:2016:385) jekk:

(a)      l-effett tal-mandat ta’ arrest nazzjonali jkun limitat għad-detenzjoni tal-individwu għal massimu ta’ 72 siegħa għall-finijiet li jitressaq quddiem qorti; u

(b)      meta ssir il-konsenja, hija biss il-qorti li għandha tiddeċiedi l-ħelsien jew iż-żamma taħt detenzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ?”

25.      Il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex din it-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

IV.    Analiżi

26.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li minnha għandha tibbenefika persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali jkunu ssodisfatti meta, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti, kemm il-mandat ta’ arrest Ewropew u kemm id-deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali li fuqha jkun ibbażat jinħarġu minn awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ta’ dan l-Istat Membru, ma tkunx hija stess qorti, u ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju fl-imsemmi Stat Membru qabel il-konsenja tal-persuna kkonċernata.

27.      Għall-kuntrarju, il-qorti tar-rinviju ma tpoġġix f’dubju l-klassifikazzjoni tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku Bulgaru bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fid-dawl tal-elementi identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun tista’ tingħata din il-klassifikazzjoni, jiġifieri, minn naħa, il-parteċipazzjoni tiegħu fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali (13) u, min-naħa l-oħra, l-indipendenza tiegħu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet inerenti għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (14).

28.      Għandu jitfakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meħuda minn awtorità li ma hijiex qorti ma tikkostitwixxix kundizzjoni sabiex din l-awtorità tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala awtorità ġudizzjarja emittenti, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Tali rekwiżit ma jaqax taħt ir-regoli statutorji u organizzattivi tal-imsemmija awtorità, iżda jikkonċerna l-proċedura ta’ ħruġ ta’ tali mandat, li għandha tissodisfa r-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva” (15).

29.      Peress li l-kwalità ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew u tad-deċiżjoni nazzjonali li fuqha jkun ibbażat dan tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tieħu deċiżjoni biss fuq il-kwistjoni dwar jekk il-proċedura Bulgara dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tissodisfax ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

30.      Reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tieħu konjizzjoni ta’ din il-proċedura Bulgara, iżda f’ċirkustanzi u minn perspettiva differenti.

31.      B’hekk, fil-kawża li wasslet għas-sentenza MM, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha s-sitwazzjoni li fiha qorti tal-Istat Membru emittenti, adita b’talba intiża li tikkontesta l-legalità ta’ miżura ta’ tqegħid taħt arrest preventiv bis-saħħa tal-Artikolu 270 tan-NPK, xtaqet tkun taf liema konsegwenzi kellha tislet mill-konstatazzjoni li mandat ta’ arrest Ewropew ma kienx ibbażat fuq “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u kien għalhekk invalidu. Din il-qorti indikat, f’dan ir-rigward, li hija ma kellhiex il-possibbiltà, fil-kuntest ta’ tali istanza, li tistħarreġ b’mod inċidentali l-validità ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali jew Ewropew sa fejn hija sostniet li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-deċiżjoni tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku li joħroġ tali mandat, sa fejn din id-deċiżjoni tal-aħħar setgħet tkun is-suġġett ta’ rikors biss quddiem l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku tal-istanza superjuri.

32.      Fis-sentenza MM tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti li jipprevedu rimedju ġudizzjarju intiż sabiex jiġu mistħarrġa il-kundizzjonijiet li fihom mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ minn awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex fiha nnifisha qorti, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqrija fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali adita b’appell intiż sabiex tiġi kkontestata l-legalità tad-detenzjoni provviżorja ta’ persuna li kienet is-suġġett ta’ konsenja taħt mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fuq il-bażi ta’ att nazzjonali li ma jistax jiġi kklassifikat bħala ‘mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett’, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) ta’ din id-deċiżjoni qafas, u li fil-kuntest tiegħu tqajjem aggravju bbażat fuq in-natura invalida ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew fid-dawl tal-liġi tal-Unjoni, li tiddikjara lilha nnifisha kompetenti sabiex twettaq tali stħarriġ ta’ validità” (16). F’dan l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat ukoll il-konsegwenzi li l-qrati Bulgari jistgħu jisiltu mill-invalidità ta’ mandat ta’ arrest Ewropew meta dan ikun ġie eżegwit.

33.      Għall-kuntrarju, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx direttament fuq il-kwistjoni dwar jekk il-proċedura Bulgara dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew minn uffiċċju tal-prosekutur pubbliku matul il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali kinitx tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

34.      Fil-fatt, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqrija fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantita mill-Artikolu 47 tal-Karta, tawtorizza lil qorti nazzjonali tal-Istat Membru emittenti jistħarreġ, b’mod inċidentali, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew meta l-validità tiegħu tkun ikkontestata quddiemha, kull ma għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja kien li tispeċifika li d-dritt tal-Unjoni jagħti kap ta’ ġurisdizzjoni lil tali qorti nazzjonali fl-assenza ta’ rimedju distint fid-dritt ta’ dan l-Istat Membru. Minn dan ma jistax jiġi dedott, minħabba l-ġurisdizzjoni li l-Artikolu 47 tal-Karta jagħti lill-qorti tal-Istat Membru emittenti, li l-proċedura nazzjonali dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha għalhekk titqies li hija konformi mar-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Is-soluzzjoni mħaddna mill-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, għalhekk, twassal sabiex tħassar l-obbligu li għandu l-Istat Membru emittenti li jintroduċi, fid-dritt proċedurali nazzjonali tiegħu, b’osservanza sħiħa taċ-ċarezza u tas-sigurtà legali, ir-rimedji legali li jippermettu lill-persuni li kienu s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali adottat minn uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, li fuq il-bażi tiegħu jkun sussegwentement ibbażat mandat ta’ arrest Ewropew adottat ukoll minn uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, li jitolbu l-istħarriġ ta’ dawn id-deċiżjonijiet minn qorti.

35.      Nirrileva wkoll li, b’differenza mill-kawża li tat lok għas-sentenza MM, hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni u mhux qorti tal-Istat Membru emittenti li qiegħda tagħmel domanda preliminari fil-kuntest ta’ din il-kawża. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma hijiex ikkontestata fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

36.      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-att nazzjonali li fuqu għandu jkun ibbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew, konformement mal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jikkostitwixxi deċiżjoni ġudizzjarja. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minħabba l-bżonn li tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-interpretazzjonijiet magħmula tad-diversi dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, bħala li jirreferi għall-awtoritajiet li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri tidher, bħala prinċipju, li tista’ tiġi applikata għall-Artikolu 8(1)(c) tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “deċiżjoni ġudizzjarja” jirreferi għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri (17).

37.      Għaldaqstant, sa fejn mill-ispjegazzjonijiet mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Bulgaru jirriżulta li l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku huwa awtorità li r-rwol tagħha huwa li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali fil-Bulgarija, id-deċiżjoni meħuda minnu skont l-Artikolu 64(2) tan-NPK għandha titqies li hija “deċiżjoni ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (18).

38.      Barra minn hekk, fid-dawl tad-definizzjoni tal-“mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li tat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza MM tagħha (19), inqis li l-imsemmi kunċett ikopri miżura, adottata mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fuq il-bażi tal-Artikolu 64(2) tan-NPK, li tordna t-tqegħid taħt arrest tal-persuna li hija suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali għal perijodu massimu ta’ 72 siegħa sabiex din il-persuna tidher quddiem il-qorti li jkollha l-kompetenza tadotta, jekk ikun il-każ, miżura ta’ tqegħid taħt arrest preventiv.

39.      Ġaladarba għamilt dawn il-preċiżazzjonijiet, għandu jiġi vverifikat jekk is-sistema proċedurali Bulgara li fiha l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku huwa l-awtorità li għandha l-kompetenza, matul il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali, sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi ta’ deċiżjoni nazzjonali adottata mill-istess uffiċċju fuq il-bażi tal-Artikolu 64(2) tan-NPK, mingħajr ma dan il-mandat jew din id-deċiżjoni ma jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta lil dan l-Istat Membru, tosservax il-livell doppju ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, kif titlob il-Qorti tal-Ġustizzja.

40.      Fi kliem ieħor, il-kwistjoni mqajma minn dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari hija dwar jekk, meta kemm il-mandat ta’ arrest nazzjonali u kemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ikunu adottati minn uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u jkunu għalhekk deċiżjonijiet ġudizzjarji, il-livell doppju ta’ protezzjoni tad-drittijiet li għandu jiġi ggarantit lill-persuna rikjesta jeħtieġx ukoll li dawn id-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti qabel il-konsenja ta’ din il-persuna lil dan l-Istat Membru.

41.      Sabiex tingħata tweġiba għal din il-kwistjoni, għandha titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-livell doppju ta’ protezzjoni tad-drittijiet li tgawdi minnhom, fl-Istat Membru emittenti, il-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

42.      Minn din il-perspettiva għandu jiġi enfasizzat li, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, “għal dak li jirrigwarda proċedura relatata ma’ mandat ta’ arrest Ewropew, il-garanzija tal-osservanza tad-drittijiet tal-persuna li tagħha qed tintalab il-konsenja hija [fl-ewwel lok i]r-responsabbiltà tal-Istat Membru emittenti, li huwa preżunt li jirrispetta d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan tal-aħħar” (20).

43.      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, is-“sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew tinvolvi protezzjoni fuq żewġ livelli tad-drittijiet proċedurali u tad-drittijiet fundamentali li minnhom għandha tibbenefika l-persuna rikjesta, peress li, mal-protezzjoni ġudizzjarja prevista fl-ewwel livell, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, tiżdied dik li għandha tiġi żgurata fit-tieni livell, fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li jista’ jseħħ, jekk ikun il-każ, f’termini qosra, wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali” (21).

44.      B’hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “fir-rigward ta’ miżura li, bħall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, hija tali li tippreġudika d-dritt għal-libertà tal-persuna kkonċernata, din il-protezzjoni timplika li deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi adottata, għall-inqas, f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ dik il-protezzjoni” (22).

45.      Minn dan isegwi li, “meta l-liġi tal-Istat Membru emittenti tagħti s-setgħa li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, waqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex imħallef jew qorti, id-deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, li fuqha jissawwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, għandha, min-naħa tagħha, tissodisfa tali rekwiżiti” (23).

46.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[l]-issodisfar ta’ dawn ir-rekwiżiti għalhekk jippermetti li jiġi ggarantit lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali hija bbażata fuq proċedura nazzjonali suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju u li l-persuna li hija s-suġġett ta’ dan il-mandat ta’ arrest nazzjonali bbenefikat mill-garanziji kollha meħtieġa għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet bħal dawn, partikolarment dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali u mill-prinċipji legali fundamentali msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584” (24).

47.      B’hekk, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, f’sistema proċedurali li tagħti lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku l-kompetenza joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, l-ewwel livell ta’ protezzjoni jirrikjedi l-adozzjoni minn qabel ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, bħalma huwa mandat ta’ arrest nazzjonali, li għandha tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.

48.      Barra minn hekk, “it-tieni livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata jippreżumi li l-awtorità ġudizzjarja emittenti tistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u teżamina b’mod oġġettiv, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha inkriminanti u li jiskaġunaw, u mingħajr ma tkun esposta għar-riskju li tiġi suġġetta għal istruzzjonijiet esterni, b’mod partikolari min-naħa tal-poter eżekuttiv, jekk dan il-ħruġ huwiex ta’ natura proporzjonata” (25).

49.      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, “meta d-dritt tal-Istat Membru emittenti jagħti s-setgħa sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, waqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dak l-Istat Membru, ma hijiex fiha nnifisha qorti, id-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest bħal dan u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità ta’ tali deċiżjoni għandhom ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju, f’dak l-Istat Membru, li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva” (26).

50.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[t]ali rimedju kontra d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali meħuda minn awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u li tgawdi mill-indipendenza meħtieġa fir-rigward tal-poter eżekuttiv, ma tikkostitwixxix qorti intiża li tiggarantixxi li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni u l-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ dan il-mandat u, b’mod partikolari, tan-natura proporzjonali tagħha tosserva r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva” (27).

51.      Għaldaqstant, huma l-Istati Membri li “għandhom jiżguraw li l-ordinamenti ġuridiċi tagħhom jiggarantixxu b’mod effettiv il-livell ta’ protezzjoni ġudizzjarja meħtieġ mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ rimedji li huma jimplimentaw u li jistgħu jvarjaw minn sistema għall-oħra” (28).

52.      F’dan il-kuntest, “l-istabbiliment ta’ dritt ta’ rimedju separat kontra d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meħud minn awtorità ġudizzjarja li ma hijiex qorti jikkostitwixxi biss possibbiltà f’dan ir-rigward” (29).

53.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li “il-preżenza, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, ta’ regoli proċedurali li permezz tagħhom il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u, b’mod partikolari, in-natura proporzjonata tiegħu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti, qabel jew fl-istess ħin mal-adozzjoni tiegħu, iżda wkoll sussegwentement, tissodisfa r-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva” (30).

54.      Din il-ġurisprudenza hija xhieda ta’ ċerta flessibbiltà min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tosserva l-awtonomija proċedura tal-Istati Membri (31), fir-rigward tal-modalitajiet tal-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jitwettaq fl-Istat Membru emittenti u fir-rigward tal-mument li fih jista’ jitwettaq tali stħarriġ.

55.      Barra minn hekk, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jintlaħaq il-livell doppju ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, ma huwiex biżżejjed li “l-proċedura kollha ta’ konsenja bejn Stati Membri prevista mid-Deċiżjoni Qafas [2002/584] tkun eżerċitata taħt stħarriġ ġudizzjarju” (32). Fil-fatt, meta l-mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ minn awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja tal-Istat Membru emittenti, ma tkunx qorti, il-proċedura nazzjonali li twassal għall-adozzjoni ta’ tali mandat ta’ arrest għandha tkun tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.

56.      Din il-kawża tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika l-mument li fih għandu jitwettaq dan l-istħarriġ ġudizzjarju sabiex il-protezzjoni ġudizzjarja tkun tista’ titqies li għandha natura effettiva.

57.      Nirrileva li, fid-dritt Bulgaru, id-deċiżjoni nazzjonali adottata mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fuq il-bażi tal-Artikolu 64(2) tan-NPK u lanqas id-deċiżjoni ta’ dan l-istess uffiċċju li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew ma jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors quddiem qorti. Barra minn hekk, mill-kawża li tat lok għas-sentenza MM jirriżulta li hemm inċertezza dwar l-eżistenza stess ta’ possibbiltà, fid-dritt Bulgarju, għall-qorti li quddiemha tiġi ppreżentata l-persuna li kienet is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, ladarba titwettaq il-konsenja ta’ din il-persuna, li tistħarreġ b’mod inċidentali l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest.

58.      Madankollu, jekk jitqies li tali possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju b’mod inċidentali effettivament teżisti fid-dritt Bulgaru, il-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu, filwaqt li jibbażaw ruħhom b’mod partikolari fuq l-indikazzjonijiet mogħtija fis-sentenzi Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lyon u ta’ Tours) kif ukoll Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja), li l-proċedura nazzjonali li twassal għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija konformi mal-livell doppju ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna rikjesta, kif titlob il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li, ladarba titwettaq il-konsenja ta’ din il-persuna, din tal-aħħar għandha tiġi ppreżentata fi żmien qasir quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni fl-Istat Membru emittenti sabiex din tiddeċiedi jekk twaqqafx l-arrest preventiv tagħha jew, għall-kuntrarju, jekk testendix dan l-arrest. Għalhekk, skont il-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni, l-eżistenza fl-ordinament ġuridiku Bulgaru ta’ possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew wara l-konsenja tal-persuna rikjesta hija biżżejjed sabiex jitqies li l-proċedura dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew minn uffiċċju tal-prosekutur pubbliku matul il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

59.      Madankollu, jiena nqis, bħalma jsostni essenzjalment PI, li l-eżistenza fl-Istat Membru emittenti ta’ stħarriġ ġudizzjarju fuq il-proċedura nazzjonali li twassal għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li jista’ jitwettaq biss wara l-konsenja tal-persuna kkonċernata lil dan l-Istat Membru ma tissodisfax ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif ġew iddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja u kif jirriżultaw minn interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fid-dawl tal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta.

60.      Fil-fehma tiegħi, il-flessibbiltà murija sa issa mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-eżami tal-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja kinux issodisfatti fis-sistemi proċedurali li tressqu għall-evalwazzjoni tagħha ma għandhiex tiġi estiża b’mod li tiġi rrikonoxxuta l-konformità ma’ tali rekwiżiti ta’ sistema li fiha l-unika protezzjoni ġudizzjarja fl-Istat Membru emittenti li tista’ tgawdi minnha persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tiġi żgurata biss wara l-konsenja ta’ din il-persuna lil dan l-Istat.

61.      Sa fejn il-garanzija tar-rispett tad-drittijiet tal-persuna li tkun intalbet il-konsenja tagħha taqa’ fl-ewwel lok, kif indikat iktar ’il fuq, fir-responsabbiltà tal-Istat Membru emittenti, inqis li, sabiex il-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tkun kompletament effettiva, din il-persuna għandha tkun tista’ tibbenefika minn tali protezzjoni qabel il-konsenja tagħha lil dan l-Istat Membru, u dan minn tal-inqas f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ protezzjoni meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

62.      Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni, jiena ma naħsibx li mis-sentenzi Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lyon u ta’ Tours) kif ukoll Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja) jista’ jiġi konkluż li proċedura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tosserva r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

63.      Fil-fatt, f’kull waħda minn dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet eżami globali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, u dan fiż-żewġ livelli ta’ protezzjoni li minnhom għandha tibbenefika persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, sabiex tivverifika jekk din il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tosservax ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

64.      B’hekk, fis-sentenza tagħha Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lyon u ta’ Tours), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali jirriżulta neċessarjament, fl-ordinament ġuridiku Franċiż, minn mandat ta’ arrest nazzjonali, mogħti minn qorti, ġeneralment il-Qorti Istruttorja” (33). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, “meta mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali jinħareġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-qorti li tkun ħarġet il-mandat ta’ arrest nazzjonali li fuq il-bażi tiegħu l-mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ titlob fl-istess ħin lill-Uffiċċju tal-Prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew u jevalwa l-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ tali mandat ta’ arrest Ewropew u b’mod partikolari tan-natura proporzjonata tiegħu” (34).

65.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-eżistenza, fl-ordinament ġuridiku Franċiż, ta’ azzjoni għan-nullità fuq il-bażi tal-Artikolu 170 tal-code de procédure pénale (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) li tista’ titressaq kontra d-deċiżjoni tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, u dan wara l-konsenja tal-persuna rikjesta u d-dehra tagħha quddiem il-qorti istruttorja jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ kontra persuna li tkun għadha ma hijiex parti fil-proċedura (35).

66.      Minn dawn l-elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja siltet il-konklużjoni li “[l]-eżistenza, fl-ordinament ġuridiku Franċiż, ta’ tali regoli proċedurali turi li n-natura proporzjonata tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju preliminari, jew kważi fl-istess waqt mal-ħruġ tiegħu u, fi kwalunkwe każ, wara l-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, peress li dan l-eżami jista’ għalhekk iseħħ, skont il-każ, qabel jew wara l-konsenja effettiva tal-persuna rikjesta” (36).

67.      Minn dan hija kkonkludiet li tali sistema kienet għaldaqstant tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (37).

68.      Kif jidher mill-approċċ meħud mill-Gvern Bulgaru u mill-Kummissjoni, din is-sentenza setgħet tinftiehem fis-sens li, sabiex proċedura nazzjonali li tipprevedi l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew minn uffiċċju tal-prosekutur pubbliku tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ikun biżżejjed li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ tali mandat ta’ arrest ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti wara l-konsenja tal-persuna rikjesta.

69.      Jiena ma naqbilx ma’ dan il-qari tas-sentenza Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lyon u ta’ Tours). Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet evalwazzjoni globali taż-żewġ livelli ta’ protezzjoni offruti mil-leġiżlazzjoni Franċiża u ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku setgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju qabel il-konsenja, u dan sa mill-ewwel livell ta’ protezzjoni, sa fejn, f’din il-leġiżlazzjoni, il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ minn qorti, li, barra minn hekk, twettaq evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u b’mod partikolari tan-natura proporzjonat tiegħu.

70.      B’hekk, jiena ma inix konvint li, sabiex waslet għall-konklużjoni li s-sistema proċedurali Franċiża tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ħasset li huwa biżżejjed li fid-dritt Franċiż jeżisti rikors ġudizzjarju li jista’, meta l-persuna rikjesta tkun għadha ma hijiex parti fil-proċedura, tiġi eżerċitata biss wara l-konsenja ta’ din il-persuna. Fil-fatt, il-konstatazzjoni li l-proċedura nazzjonali li twassal għall-adozzjoni ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali li jservi bħala bażi għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija suġġetta f’kull każ għal stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti qabel il-konsenja kienet, fil-fehma tiegħi, determinanti (38).

71.      Fil-fehma tiegħi, din l-opinjoni ssib sostenn fis-sentenza Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tat risposta għad-domanda dwar jekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għadhiex tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ li l-kompetenza sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali hija mogħtija lil awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex hija stess qorti, ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jkunu ssodisfatti jekk, qabel id-deċiżjoni effettiva ta’ din l-awtorità li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, qorti tkun evalwat il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tiegħu u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità tiegħu.

72.      Sabiex tat risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dik is-sentenza wkoll, wettqet evalwazzjoni globali taż-żewġ livelli ta’ protezzjoni offruti mil-leġiżlazzjoni Svediża sabiex tivverifika jekk din tal-aħħar kinitx tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

73.      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali jirriżulta neċessarjament, fl-ordinament ġuridiku Svediż, minn deċiżjoni li tordna t-tqegħid taħt detenzjoni provviżorja tal-persuna kkonċernata, li tingħata minn qorti” (39), filwaqt li ppreċiżata li, “sabiex tiġi stabbilita l-ħtieġa li tiġi ordnata d-detenzjoni provviżorja, hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni li għandha tevalwa wkoll il-proporzjonalità ta’ miżuri oħra possibbli, bħall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew” (40). Mill-elementi ta’ informazzjoni li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “l-eżami tan-natura proporzjonata li din il-qorti jkollha tagħmel fil-kuntest tal-eżami tan-neċessità li jiġi ordnat it-tqegħid taħt detenzjoni provviżorja jirrigwarda wkoll il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (41).

74.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li “l-persuna rikjesta fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha d-dritt li tappella mid-deċiżjoni li tordna d-detenzjoni provviżorja, mingħajr limitazzjoni ratione temporis, anki wara l-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew u wara l-arrest tagħha fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Jekk id-deċiżjoni li tordna t-tqegħid taħt detenzjoni provviżorja kkontestata hija annullata, l-invalidazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew hija awtomatika, għaliex il-ħruġ tiegħu huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ din id-deċiżjoni” (42).

75.      Minn dawn l-elementi kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li “[i]l-preżenza, fl-ordinament ġuridiku Svediż, ta’ tali regoli proċedurali jippermetti li jiġi kkonstatat li, anki fl-assenza ta’ rimedju ġudizzjarju distint kontra d-deċiżjoni tal-Prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ tiegħu u, b’mod partikolari, in-natura proporzjonata tiegħu jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti, qabel jew fl-istess ħin mal-adozzjoni tiegħu, iżda wkoll ulterjorment” (43). Għaldaqstant, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[t]ali sistema tissodisfa […] ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva” (44).

76.      Għandu jiġi enfasizzat li, fis-sistemi proċedurali eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lyon u ta’ Tours) kif ukoll Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja), il-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn uffiċċju tal-prosekutur pubbliku kien ibbażat fuq deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali li kienet tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, din id-deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali kienet, f’kull waħda minn dawn is-sistemi, adottata minn imħallef jew minn qorti.

77.      Barra minn hekk, f’kull każ, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-fatt li l-imħallef jew il-qorti li jadottaw id-deċiżjoni nazzjonali li fuqha kien ibbażat li-mandat ta’ arrest Ewropew kienu jagħmlu evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest u b’mod partikolari tan-natura proporzjonata tiegħu.

78.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, mis-sentenzi Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lyon u ta’ Tours) kif ukoll Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja) jirriżulta li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jistgħu jitqiesu li huma ssodisfatti meta ma jkunx hemm rimedju distint kontra d-deċiżjoni tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew jew inkella meta d-deċiżjoni tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju biss wara l-konsenja tal-persuna rikjesta, dan huwa biss bil-kundizzjoni li s-sistema proċedurali tal-Istat Membru emittenti tistabbilixxi proċedura nazzjonali dwar il-ħruġ ta’ mandati ta’ arrest Ewropej li, fi kwalunkwe każ, tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta, minn tal-inqas fl-ewwel livell ta’ protezzjoni mitlub mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa billi tittieħed debitament inkunsiderazzjoni n-natura neċessarjament preliminari għall-konsenja ta’ dan l-istħarriġ ġudizzjarju li għandha tinftiehem, fil-fehma tiegħi, l-espressjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li l-protezzjoni fuq żewġ livelli tad-drittijiet fil-qasam tal-proċedura u tad-drittijiet fundamentali li għandha tibbenefika minnhom il-persuna rikjesta “timplika li deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi adottata, għall-inqas, f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ dik il-protezzjoni” (45).

79.      Fl-aħħar mill-aħħar, il-fatt li protezzjoni ġudizzjarja hija possibbli fis-sistema proċedurali tal-Istat Membru emittenti wara l-konsenja lil dan tal-aħħar tal-persuna rikjesta ma jeżentax lil dan l-Istat Membru milli jipprevedi stħarriġ ġudizzjarju, skont il-każ, tal-mandat ta’ arrest Ewropew jew tad-deċiżjoni nazzjonali li fuqha jkun ibbażat, liema stħarriġ għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat qabel din il-konsenja.

80.      Kif titlob il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jkollha b’hekk il-garanzija li “d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali hija bbażata fuq proċedura nazzjonali suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju u li l-persuna li hija s-suġġett ta’ dan il-mandat ta’ arrest nazzjonali bbenefikat mill-garanziji kollha meħtieġa għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet bħal dawn, partikolarment dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali u mill-prinċipji legali fundamentali msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584” (46).

81.      Fid-dawl tal-karatteristiċi tal-proċedura Bulgara, l-awtorità ġudizzjarja li tintalab teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn uffiċċju tal-prosekutur pubbliku Bulgaru ma jkollhiex din l-istess garanzija peress li la d-deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali li sservi ta’ bażi għal dan il-mandat ta’ arrest Ewropew u lanqas dan tal-aħħar ma jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta lil dan l-Istat Membru.

82.      Għalkemm ma huwiex eskluż li, f’sistema proċedurali li bis-saħħa tagħha l-persuna rikjesta jkollha tiġi ppreżentata fi żmien qasir quddiem il-qorti li jkollha l-kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar l-eventwali tqegħid tagħha taħt arrest preventiv, l-istħarriġ inċidentali tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku li jista’ jitwettaq minn din il-qorti wara l-konsenja jista’ jissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, dan ikun biss, madankollu, bil-kundizzjoni li l-proċedura nazzjonali li tkun wasslet għall-ħruġ ta’ tali mandat ta’ arrest setgħet tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta.

83.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi konkluż li huwa biżżejjed, f’sistema proċedurali li fiha kemm il-mandat ta’ arrest Ewropew u kemm il-mandat ta’ arrest nazzjonali li fuqu jkun ibbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew jinħarġu minn awtorità li la hija mħallef u lanqas qorti, li tali deċiżjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju inċidentali fl-Istat Membru emittenti wara l-konsenja tal-persuna kkonċernata lil dan l-Istat Membru sabiex jitqies li tali sistema tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

84.      Fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fid-dawl tal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta timmilita favur dan is-sens.

85.      Fil-fatt, fid-dawl tal-konsegwenzi li l-adozzjoni ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, u mbagħad il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, huma ta’ natura li jkollhom fuq id-dritt għal-libertà tal-persuna rikjesta, kif iggarantit mill-Artikolu 6 tal-Karta, jidhirli li huwa essenzjali li l-proċedura nazzjonali li twassal għal dawn il-miżuri tkun tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju qabel il-konsenja ta’ din il-persuna, minn tal-inqas fl-ewwel livell ta’ protezzjoni, jiġifieri fir-rigward tal-mandat ta’ arrest nazzjonali li jservi ta’ bażi għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

86.      Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li fuqu hija bbażata s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-fatt li l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali rispettivi tagħhom huma tali li jipprovdu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali, irrikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni u b’mod partikolari fil-Karta (47).

87.      Għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi espliċitament li din tal-aħħar ma jistax ikollha l-effett li tibdel l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u li jiġu osservati l-prinċipji ġuridiċi fundamentali, kif stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE u riflessi fil-Karta, obbligu li, barra minn hekk, jikkonċerna lill-Istati Membri kollha u b’mod partikolari kemm lill-Istat Membru emittenti u lil dak ta’ eżekuzzjoni (48).

88.      Għalhekk, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha tiġi interpretata inkonformità mal-Artikolu 6 tal-Karta, li jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà (49).

89.      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja indikat fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Mejju 2013, F (50), bħal fil-każ tal-proċeduri ta’ estradizzjoni, fil-proċedura ta’ konsenja stabbilita permezz tad-deċiżjoni qafas, id-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikoli 13 tal-KEDB u fl-Artikolu 47 tal-Karta, għandu importanza partikolari (51).

90.      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB, dwar il-proċeduri ta’ estradizzjoni, jirriżulta li huwa biss l-iżvolġiment ta’ tali proċedura li jiġġustifika ċ-ċaħda tal-libertà bbażata fuq dan l-artikolu (52). Barra minn hekk, l-Artikolu 5(3) tal-KEDB jipprevedi li “[k]ull min ikun arrestat jew detenut skont id-disposizzjonijiet tal-paragrafu (1) (ċ) ta’ dan l-Artikolu għandu jinġieb minnufih quddiem imħallef jew funzjonarju ieħor awtorizzat b’liġi biex jeżerċita setgħa ġudizzjarja” (53). Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 5(4) tal-KEDB, kull min ikun imċaħħad mil-libertà tiegħu b’arrest jew detenzjoni għandu d-dritt li jitlob li qorti teżamina l-osservanza tar-rekwiżiti proċedurali u sostantivi meħtieġa għal-“legalità”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-KEDB, taċ-ċaħda tal-libertà tiegħu (54).

91.      Skont il-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni, ikollu jitqies li dawn il-garanziji huma ssodisfatti f’dan il-każ sa fejn, skont id-dritt Bulgaru, il-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tiġi ppreżentata fi żmien qasir quddiem qorti tal-Istat Membru emittenti wara l-konsenja tagħha lil dan l-Istat Membru.

92.      Huwa minnu li, jekk wieħed janalizza s-sitwazzjoni minn perspettiva nazzjonali biss, il-persuna li tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni adottata mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fuq il-bażi tal-Artikolu 64(2) tan-NPK għandha tiġi ppreżentata fi żmien qasir quddiem il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar jekk din il-persuni għandhiex tinżamm jew le taħt arrest fl-istennija tal-proċess.

93.      Madankollu, meta din id-deċiżjoni nazzjonali jkollha wkoll il-funzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, il-perspettiva tkun differenti. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti li għalih għandhom ikunu suġġetti tali deċiżjonijiet adottati minn uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, sa fejn huma ta’ natura li jippreġudikaw id-dritt għal-libertà ggarantit mill-Artikolu 6 tal-Karta, jiġi neċessarjament iddifferit għal stadju ulterjuri għall-konsenja tal-persuna kkonċernata lil dan l-Istat Membru.

94.      Issa, peress li, minħabba l-mekkaniżmu stess ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji li jikkostitwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew, li jimplika ċertu dewmien sabiex titwettaq kif suppost il-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar, il-persuna rikjesta ma tistax tiġi ppreżentata fi żmien qasir quddiem qorti tal-Istat Membru emittenti u peress li l-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija ta’ natura li timplika, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, id-detenzjoni ta’ din il-persuna fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għal perijodu li jista’ jkun twil, inqis li huwa indispensabbli li jiġi ggarantit, bħala rekwiżit minimu, li d-deċiżjoni nazzjonali li tordna r-riċerka u l-arrest ta’ persuna, jekk mhux ukoll id-detenzjoni tagħha bħal f’dan il-każ, u li tkun il-bażi tal-ħruġ minn uffiċċju tal-prosekutur pubbliku ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju fl-istadju tal-adozzjoni tagħha jew, minn tal-inqas, li din tkun tista’ tiġi kkontestata permezz ta’ rikors li jista’ jiġi ppreżentat minn din il-persuna quddiem qorti tal-Istat Membru emittenti hekk kif tiġi arrestata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

95.      Meta mandat ta’ arrest nazzjonali jiġi adottat minn uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, bħal fis-sistema proċedurali Bulgara matul il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali, il-persuna rikjesta għandha għalhekk tkun tista’ tadixxi, sa mill-arrest tagħha fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, qorti tal-Istat Membru emittenti sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-legalità tal-arrest tagħha u tad-detenzjoni tagħha fid-dawl tad-dritt ta’ dan l-Istat Membru, bħalma kien jiġri li kieku din il-persuna kienet ġiet ippreżentata quddiem qorti fit-terminu massimu ta’ 72 siegħa previst fil-każ ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku bis-saħħa tal-Artikolu 64(2) tan-NPK. Fl-assenza ta’ dan, aspett sħiħ tal-legalità tal-arrest u tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata jkun eskluż minn kull stħarriġ ġudizzjarju qabel il-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti peress li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma hijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar dan l-aspett.

96.      Fi kwalunkwe każ, il-proċedura nazzjonali li twassal għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tkun tista’ dejjem tiġi suġġetta, minn tal-inqas f’wieħed miż-żewġ livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna rikjesta, għal stħarriġ ġudizzjarju qabel il-konsenja ta’ din il-persuna lill-Istat Membru emittenti, jiġifieri qabel ma l-mandat ta’ arrest Ewropew ikun eżawrixxa l-parti l-kbira tal-effetti legali tiegħu (55).

97.      Ngħid ukoll li l-eżistenza ta’ garanziji proċedurali previsti fid-dritt sekondarju tal-Unjoni għandha, fil-fehma tiegħi, tmur id f’id mal-garanzija li kull sistema proċedurali għandha tipprevedi stħarriġ ġudizzjarju tal-proċedura nazzjonali li twassal għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li għandu jkun jista’ jitwettaq qabel il-konsenja tal-persuna kkonċernata.

98.      Nirrileva, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija parti minn sistema globali ta’ garanziji dwar il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva previsti minn leġiżlazzjonijiet oħra tal-Unjoni, adottati fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jikkontribwixxu sabiex jiffaċilitaw lill-persuna rikjesta fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha, anki qabel il-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti (56).

99.      B’mod partikolari, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (57), jobbliga lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tinforma, mingħajr dewmien żejjed wara ċ-ċaħda tal-libertà tal-persuni li tkun intalbet il-konsenja tagħhom, lil dawn il-persuni li għandhom id-dritt iqabbdu avukat fl-Istat Membru emittenti (58).

100. Skont l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/48, “[i]r-rwol ta’ dak l-avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat huwa li jassisti lill-avukat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni billi jipprovdi lil dak l-avukat informazzjoni u pariri bil-ħsieb tal-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tal-persuni rikjesti skont id-Deċiżjoni [Qafas 2002/584]”. Fil-fehma tiegħi, ir-rwol tal-avukat, iddefinit b’dan il-mod, jinkludi l-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-rimedji eventwalment disponibbli fl-Istat Membru emittenti bil-għan li jitwettaq stħarriġ minn qorti ta’ dan l-Istat Membru tal-osservanza tal-kundizzjonijiet dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll tal-konformità mad-dritt nazzjonali tad-deċiżjoni nazzjonali li fuqha jkun ibbażat dan il-mandat ta’ arrest.

101. B’hekk, l-effett utli ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jimplika fil-fehma tiegħi, li huwa possibbli għall-persuna li tkun ġiet arrestata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li tikkontesta quddiem qorti tal-Istat Membru emittenti, qabel il-konsenja tagħha lil dan tal-aħħar, jew il-mandat ta’ arrest Ewropew jew id-deċiżjoni nazzjonali fuqha jkun ibbażat, meta ebda waħda minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ma kienet is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju meta nħarġet. Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-preżentata ta’ rikors quddiem qorti tal-Istat Membru emittenti ma għandhiex, sabiex tosserva r-rekwiżit ta’ ħeffa fl-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, tippreġudika l-kundizzjonijiet u t-termini stabbiliti permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għall-eżekuzzjoni ta’ tali mandat ta’ arrest.

102. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha flimkien jirriżulta li l-proċedura Bulgara dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew minn uffiċċju ta’ prosekutur pubbliku matul il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali ma tissodisfax, fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

V.      Konklużjoni

103. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Westminster Magistrates’ Court (il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Westminster, ir-Renju Unit):

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, għandha tiġi interpretata fis-sens li r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għandha tibbenefika minnha persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali ma jkunux issodisfatti meta, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti, kemm il-mandat ta’ arrest Ewropew u kemm id-deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali li fuqha jkun ibbażat, jinħarġu minn awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ta’ dan l-Istat Membru, ma tkunx hija stess qorti, u meta ma jkunux jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju f’dan l-Istat Membru qabel il-konsenja tal-persuna kkonċernata.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.


3      ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”. Għal ħarsa lejn dawn id-differenzi, ara r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tat-2 ta’ Lulju 2020, dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (COM(2020) 270 final, b’mod partikolari p. 5 u 6). Fir-rigward tal-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti, minn dan ir-rapport jirriżulta li, “f’nofs l-Istati Membri l-qrati jew l-imħallfin huma kompetenti biss sabiex joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew. Fi ftit Stati Membri, huwa għalkollox f’idejn l-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku li joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew. Diversi Stati Membri ħatru kemm il-qrati kif ukoll l-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku bħala awtoritajiet emittenti. Barra minn hekk, xi wħud minn dawk l-Istati Membri ħatru awtoritajiet differenti skont l-istadju tal-proċedimenti kriminali (eż. qabel l-akkuża u wara l-akkuża jew qabel il-proċess u [matul il-]proċess) jew skont l-iskop tal-mandat ta’ arrest Ewropew (prosekuzzjoni jew eżekuzzjoni ta’ piena). […] Għadd żgħir ta’ Stati Membri ħatru korp uniku ddedikat (eż. l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali)” (p. 6). Fir-rigward tal-awtorità ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni, skont dan l-istess rapport, “[b]ħala awtoritajiet kompetenti ta’ eżekuzzjoni, il-maġġoranza l-kbira ta’ Stati Membri ħatru l-qrati (eż. qrati tal-appell; qrati distrettwali; qrati supremi) jew imħallfin. […] Ftit Stati Membri ħatru l-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku. Għadd żgħir ta’ Stati Membri ħatru kemm qrati kif ukoll uffiċċji tal-prosekutur pubbliku. Xi Stati Membri ħatru korp uniku ddedikat (eż. l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali jew il-Qorti Superjuri)” (p. 6). Ara wkoll, għal tabella iktar iddettaljata tal-awtoritajiet kompetenti u tal-proċeduri fl-Istati Membri, “Questionnaire on the CJEU’s judgments in relation to the independence of issuing judicial authorities and effective judicial protection – Updated compilation of replies and certificates, Eurojust, 7 ta’ Ġunju 2019 (irrevedut fit-12 ta’ Marzu 2020), disponibbli fl-indirizz internet segwenti: https://www.eurojust.europa.eu/questionnaire-cjeus-judgments-relation-independence-issuing-judicial-authorities-and-effective-0.


4      Ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti) (C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 29).


5      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


6      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali) (C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


7      DV Nru 46, tat-3 ta’ Ġunju 2005.


8      Għall-kuntrarju, kif tindika l-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, matul il-fażi tal-proċess, hija l-qorti kompetenti li għandha s-setgħa li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew.


9      C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456.


10      C‑509/18, EU:C:2019:457.


11      C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, iktar ’il quddiem “is-sentenza Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lyon u ta’ Tours)”, EU:C:2019:1077.


12      C‑625/19 PPU, iktar ’il quddiem “is-sentenza Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja)”, EU:C:2019:1078.


13      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “awtorità, bħal Prosekutur, li għandha l-kompetenza, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, għal finijiet ta’ prosekuzzjoni kontra persuna ssuspettata li wettqet ksur kriminali, għandha titqies li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja tal-Istat Membru kkonċernat”; ara s-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 60).


14      Dwar dan l-aspett nirreferi għall-punti 59 sa 62 tal-konklużjonijiet ppreżentati minni fil-kawża MM (C‑414/20 PPU, EU:C:2020:1009).


15      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2021, MM (C‑414/20 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza MM”, EU:C:2021:4, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara s-sentenza MM (punt 74).


17      Ara s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860, punti 32 u 33).


18      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860, punt 34).


19      Ara s-sentenza MM, li minnha jirriżulta li l-“Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li mandat ta’ arrest Ewropew għandu jitqies invalidu meta ma jkunx ibbażat fuq ‘mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dan il-kunċett ikopri l-miżuri nazzjonali adottati minn awtorità ġudizzjarja għall-finijiet tat-tfittxija u tal-arrest ta’ persuna suġġetta għal proċeduri kriminali, bil-għan li titressaq quddiem qorti għall-finijiet tat-twettiq tal-atti tal-proċeduri kriminali” (punt 57).


20      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza MM (punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-korsiv huwa miżjud minni.


21      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza MM (punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza MM (punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Ara s-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 69). Il-korsiv huwa miżjud minni.


24      Ara s-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 70). Il-korsiv huwa miżjud minni.


25      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza MM (punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza MM (punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza MM (punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza MM (punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza MM (punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza MM (punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza MM (punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas (C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 37).


33      Sentenza Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lyon u ta’ Tours) (punt 67). Il-korsiv huwa miżjud minni.


34      Sentenza Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lyon u ta’ Tours) (punt 68). Il-korsiv huwa miżjud minni.


35      Ara s-sentenza Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lyon u ta’ Tours) (punt 69).


36      Sentenza Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lyon u ta’ Tours) (punt 70).


37      Ara s-sentenza Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lyon u ta’ Tours) (punt 71).


38      Fil-fehma tiegħi ma tistax tinstilet konklużjoni differenti mis-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2021, IR (Dikjarazzjoni tad-drittijiet) (C‑649/19, EU:C:2021:75), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għas-sentenza Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lyon u ta’ Tours) sabiex tiddeċiedi li “id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jeżiġix li d-dritt għal azzjoni legali previst mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti kontra d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali jkun jista’ jiġi eżerċitat qabel il-konsenja tal-persuna kkonċernata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru” (punt 79). Fil-fatt, fid-dawl tal-evalwazzjoni globali taż-żewġ livell ta’ protezzjoni mwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kull kawża li titressaq quddiemha, sabiex tiddeċiedi jekk sistema proċedurali tissodisfax ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-punt imsemmi iktar ’il fuq ma jistax, fil-fehma tiegħi, jiġi interpretat bħala li jfisser li tali rekwiżiti jkunu ssodisfatti meta, bħal f’din il-kawża, l-uniku stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti li jista’ jiġi eżerċitat fuq id-deċiżjonijiet tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku li joħroġ mandat ta’ arrest nazzjonali, u mbagħad li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, iseħħ wara l-konsenja tal-persuna kkonċernata lil dan l-Istat Membru. Huwa importanti wkoll li jiġi osservat li, b’differenza minn din il-kawża li tikkonċerna l-fażi preliminari tal-proċedura kriminali fil-Bulgarija, li fiha l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku huwa kompetenti sabiex joħroġ il-mandat ta’ arrest nazzjonali u l-mandat ta’ arrest Ewropew, il-kawża li tat lok għas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2021, IR (Dikjarazzjoni ta’ drittijiet) (C‑649/19, EU:C:2021:75), kienet tikkonċerna l-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali fil-Bulgarija, li matulha kemm il-miżura ta’ arrest preventiv li kellha l-funzjoni ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali u kemm il-mandat ta’ arrest Ewropew jinħarġu minn qorti (ara l-punt 22 sa 26 ta’ din is-sentenza).


39      Sentenza Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja) (punt 46). Il-korsiv huwa miżjud minni.


40      Sentenza Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja) (punt 47).


41      Sentenza Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja) (punt 48). Il-korsiv huwa miżjud minni.


42      Sentenza Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja) (punt 50). Barra minn hekk, skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Svediż, “kull qorti superjuri li quddiemha jitressaq appell mid-deċiżjoni li tordna t-tqegħid taħt detenzjoni provviżorja tipproċedi wkoll għall-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew” (punt 51 ta’ din is-sentenza).


43      Sentenza Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja) (punt 52).


44      Sentenza Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja) (punt 53).


45      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lyon u ta’ Tours) (punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46      Ara s-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 70).


47      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza MM (punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


48      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2019, TC (C‑492/18 PPU, EU:C:2019:108, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


49      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2019, TC (C‑492/18 PPU, EU:C:2019:108, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), “[i]d-drittijiet previsti fl-Artikolu 6 jikkorrispondu mad-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 5 tal-[Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”)], u, skond l-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandhom l-istess sens u ambitu. Għaldaqstant, il-limitazzjonijiet li b’mod leġittimu jistgħu jiġu imposti fuqhom ma jistgħux jeċċedu dawk permessi mill-KEDB, fil-kliem ta’ l-Artikolu 5”.


50      C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358.


51      Ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, F (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 42).


52      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 57 u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ċċitata).


53      Din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jkun hemm ċaħda tal-libertà mingħajr ma jkun hemm stħarriġ ġudizzjarju malajr tal-arrest jew tad-detenzjoni; ara, bħala eżempju, Qorti EDB, 4 ta’ Diċembru 2014, Ali Samater et vs Franza, CE:ECHR:2014:1204JUD001711010.


54      Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 7 ta’ Lulju 2020, Dimo Dimov et vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2020:0707JUD003004410, punt 69.


55      Ara s-sentenza MM (punt 77).


56      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lyon u ta’ Tours) (punt 72). Il-korsiv huwa miżjud minni.


57      ĠU 2013, L 294, p. 1.


58      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg et Openbaar Ministerie (L-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lyon u ta’ Tours) (punt 73).