Language of document : ECLI:EU:F:2009:92

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

9 ta’ Lulju 2009

Kawża F-91/07

Javier Torijano Montero

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Att li jikkawża preġudizzju – Ammissibbiltà – Kwalifiki mitluba – Grad – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Interess tas-servizz – Ugwaljanza fit-trattament”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEFA, li bih J. Torijano Montero jitlob l-annullament tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti 197/06, ippubblikat sabiex jimtela l-post ta’ amministratur (AD 11‑8) fi ħdan it-taqsima “Protezzjoni Esterna” tad-direttorat “Uffiċċju ta’ Sigurtà” tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal‑Unjoni Ewropea.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Kundizzjonijiet li jeskludu l-uffiċjali li huma eliġibbli għal trasferiment jew għal promozzjoni – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 29, 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – Assenjazzjoni tal-persunal – Dritt kweżit għaż-żamma fl-impjieg ta’ assenjazzjoni – Assenza

3.      Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – Assenjazzjoni tal-persunal – Avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Kundizzjonijiet li għandhom l-effett li jeskludu l-kandidatura ta’ uffiċjal li jkun eżerċita l-funzjonijiet li jikkorrispondu għall-pożizzjoni indikata fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Assenza

4.      Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – Determinazzjoni tal-livell ta’ pożizzjoni li għandha timtela – Kriterji

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1))

5.      Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – Determinazzjoni tal-livell ta’ pożizzjoni li għandha timtela – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7)

1.      Sa fejn il-kundizzjonijiet dwar l-aċċess għall-impjieg iddefiniti permezz ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti ikollhom l-effett li jeskludu l-kandidatura ta’ uffiċjali li jkunu eliġibbli għal trasferiment jew għal promozzjoni, dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lil dawn l-uffiċjali. Din il‑konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata biss minħabba s-sempliċi fatt li kandidat ma jkollux il-grad rikjest mill-avviż. Fil-fatt, jekk ikunu biss il-kandidati li jkkollhom il-grad mitlub mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti li jkunu jistgħu jikkontestaw il-legalità ta’ dan l-avviż, dan iċaħħad lill-uffiċjali kollha li għandhom grad differenti minn dak mitlub mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti mill-opportunità li jikkontestaw il-legalità tal-kundizzjonijiet imposti mill-istess avviż. B’dan il-mod, l-effettività tal-istħarriġ tal-legalità ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti tkun limitata ħafna minħabba li d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju jkun limitat għall-uffiċjali li jissodisfaw il-kundizzjoni dwar il-grad minimu mitlub għall-mili tal-pożizzjoni vakanti. Issa, dawn l-uffiċjali ma għandhomx interess li jaġixxu kontra tali avviż ta’ pożizzjoni vakanti, sakemm kundizzjoni oħra stabbilita mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jkollha l-effett li teskludi l-kandidatura tagħhom.

(ara l-punti 27, 30 u 31)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Ġunju 1975, Küster vs Il‑Parlament, 79/74, Ġabra p. 725, punti 5 u 6; 11 ta’ Mejju 1978, De Roubaix vs Il‑Kummissjoni, 25/77, Ġabra p. 1081, punti 7 u 8;

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 18 ta’ Mejju 2006, Corvoisier et vs BĊE, F‑13/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑19 u II‑A‑1‑65, punt 42

2.      Impjegat ma jkollux dritt kweżit għaż-żamma fl-impjieg li fiha kien assenjat. Fil-fatt, tali permanenza tirrestrinġi b’mod intollerabbli l-libertà li għandhom l‑istituzzjonijiet fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom u fl-adattament tagħhom għall-bżonnijiet li jinbidlu.

(ara l-punt 74)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ Jannar 2003, F vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑138/01, ĠabraSP p. I‑A‑25 u II‑137, punt 43

3.      Fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet speċifiċi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti mill-amministrazzjoni lil uffiċjal, li bihom huwa jista’ jkollu dritt li jippreżenta l-kandidatura tiegħu għal impjieg u l-kandidatura tiegħu tkun aċċettata sabiex jokkupa l-imsemmi impjieg, avviż ta’ pożizzjoni vakanti li jistabbilixxi kundizzjonijiet li għandhom l-effett li jeskludi l-kandidatura ta’ dan l-uffiċjal ma jistax jitqies li jikser il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, sempliċement minħabba li l-uffiċjal ikun wettaq id-dmirijiet li jikkorrispondu għall-pożizzjoni msemmija f’dan l-avviż.

(ara l-punt 74)

4.      Il-kunċett ta’ interess tas-servizz huwa relatat mal-funzjonament xieraq tal‑istituzzjoni inġenerali u, b’mod partikolari, mar-rekwiżiti speċifiċi tal‑pożizzjoni li għandha timtela. Għalkemm l-istituzzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa rigward l-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħha u l‑evalwazzjoni tal-impjiegi, madankollu huma l-importanza tal-kompiti u r‑responsabbiltajiet marbuta mal-impjieg partikolari li jikkostitwixxu l-kriterju prinċipali li permezz tiegħu għandu jiġi ddeterminat il-livell tal-pożizzjoni li għandha timtela. Minn dan il-prinċipju jirriżulta li l-Awtorità tal-Ħatra hija obbligata li tistabbilixxi l-livell ta’ pożizzjoni li għandha timtela skont l‑importanza ta’ dan ix-xogħol, irrispettivament mill-kwalifiki tal-kandidati jew tal‑kandidati potenzjali li jintwerew wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

(ara l-punt 77)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ Ottubru 1980, Dautzenberg vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, 2/80, Ġabra p. 3107, punt 9;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Frar 1994, Latham vs Il‑Kummissjoni, T‑3/92, ĠabraSP p. I‑A‑23 u II‑83, punt 45; 19  ta’ Frar 1998, Campogrande vs Il‑Kummissjoni, T‑3/97, ĠabraSP p. I‑A‑89 u II‑215, punt 41

5.      Id-deċiżjoni li biha istituzzjoni tistabbilixxi l-livell ta’ impjieg ma jimplikax li l‑istituzzjoni tiċċaħħad mill-opportunità li tirrevedi ulterjorment il-klassifikazzjoni ta’ dan l-impjieg, fid-dawl ta’ approċċ ġdid. Is-sempliċi eżistenza ta’ evalwazzjoni preċedenti differenti ma tistax tikkostitwixxi l-prova ta’ qbiż tal-limiti jew ta’ użu manifestament żbaljat tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-istituzzjoni rigward id-determinazzjoni tal-livell ta’ pożizzjoni li għandha timtela.

(ara l-punti 80 u 86)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 ta’ Frar 1987, Bouteiller vs Il‑Kummissjoni, 324/85, Ġabra p. 529, punt 6; 12 ta’ Frar 1987, Bonino vs Il‑Kummissjoni, 233/85, Ġabra p. 739, punt 5;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Diċembru 1999, Cendrowicz vs Il‑Kummissjoni, T‑143/98, ĠabraSP p. I‑A‑273 u II‑1341, punti 23 u 28