Language of document : ECLI:EU:T:2010:406

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

24 ta’ Settembru 2010

Kawża T-498/09 P

Petrus Kerstens

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2005 — Għoti ta’ punti ta’ prijorità — Oneru tal-prova — Drittijiet tad-difiża — Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Settembru 2009, Kerstens vs Il‑Kummissjoni (F-102/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑359 u II‑A‑1‑1881), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. P. Kerstens għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Appell — Motivi — Ammissibbiltà — Kwistjonijiet ta’ dritt

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Metodi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45(1))

3.      Proċedura — Proċedura bil-miktub

1.      Skont l-Artikolu 11 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell quddiem il-Qorti Ġenerali huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ dritt. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biss huwa kompetenti li jikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ li l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tiegħu tirriżulta mill-atti tal-proċess ippreżentati lilu, u li jevalwa dawn il-fatti.

Għalhekk, hija ammissibbli abbażi ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali, l-invokazzazzjoni mill-persuna interessata ta’ żball ta’ dritt fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-uffiċjali.

(ara l-punti 25 u 26)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 19 ta’ Marzu 2010, Bianchi vs ETF, T‑338/07 P, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Anki jekk ir-rapporti dwar l-evoluzzjoni tal-karriera, fit-totalità tagħhom, jikkostitwixxu l-bażi essenzjali tal-eżami preliminari għall-attribuzzjoni tal-punti ta’ prijorità li tqiegħdu għad-dispożizzjoni għal kull Direttorat Ġenerali u li, għaldaqstant ċertu koerenza għandha teżisti bejn il-punti ta’ mertu u n-numru ta’ punti ta’ prijorità mogħtija lill-uffiċjali, madankollu ma jistax jiġi dedott li teżisti korrelazzjoni stretta u matematika bejn il-punti ta’ mertu u l-punti ta’ prijorità. Fil-fatt, l-istabbiliment tal-punti ta’ prijorità huwa intiż sabiex jippermetti lid-Direttorati Ġenerali biex jikkumpensaw lill-uffiċjali li kienu wrew merti partikolari li l-punti ta’ mertu waħidhom ma jirriflettux, sew jekk ir-riżultati tagħhom immorru lil hinn mill-għanijiet individwali tagħhom, sew jekk l-isforzi u r-riżultati tagħhom kienu rimarkabbli. F’dan il-kuntest, id-Direttorati Ġenerali għandhom għalhekk jibbenefikaw minn setgħa diskrezzjonali li tneħħi l-istabbiliment ta’ konnessjoni bejn il-punti ta’ prijorità u l-punti ta’ mertu.

(ara l-punt 29)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 23 ta’ Novembru 2006, Lavagnoli vs Il‑Kummissjoni, T‑422/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 61 u 62: Il-Qorti Ġenerali 1 ta’ April 2009, Valero Jordana vs Il‑Kummissjoni, T‑385/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑1 et II‑A‑2‑1, punti 138 u 153.

3.      Il-proċedura orali hija, l-istess bħall-proċedura bil-miktub, parti essenzjali u, ħlief għal ċerti każijiet espressament previsti, obbligatorja għall-proċedura ġudizzjarja li tippermetti lill-partijiet li jippreżentaw b’mod utli l-argumenti tagħhom u b’mod partikolari li jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar l-argumenti jew l-elementi ta’ prova li ma setgħux jitkellmu fuqhom matul il-proċedura bil-miktub. Għalhekk, il-fatt li persuna interessata ma setgħetx tippreżenta bil-miktub uħud mill-osservazzjonijiet tagħha dwar il-mertu, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li jawtorizza l-preżentata ta’ replika unikament f’dak li jikkonċerna l-kwistjonijiet dwar ammissibbiltà, ma jistax jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża.

(ara l-punt 38)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 1 ta’ April 1982, Holdijk et, 141/81 sa 143/81, Ġabra p. 1299, punt 7; Il-Qorti Ġenerali 27 ta’ Ottubru 1994, Mancini vs Il‑Kummissjoni, T‑508/93, ĠabraSP p. I‑A‑239 u II‑761, punti 33 u 34.