Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Diċembru 2009 - L-Italja vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-500/09)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentant: L. Ventrella, avvocato dello Stato)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 7044 finali, tal-24 ta' Settembru 2009, innotifikata fil-25 ta' Settembru 2009, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerta nefqa mġarrba mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta' Garanzija ta' Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), Sezzjoni "garanzija" fil-parti, fejn din teskludi nefqa li saret mill-Italja għas-snin finanzjarji 2005 u 2006:

rettifiki finanzjarji f'daqqa (5%) għal numru ta' allegati nuqqasijiet fil-kontrolli tas-setturi tal-frott u ħaxix - proċessar taċ-ċitru għal totali ta' EUR 3 539 679,81.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tal-konklużjonijiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni l-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali (Artikolu 253 KE), jiġifieri n-nuqqas ta' motivazzjoni kif ukoll il-ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

F'dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni rrettifikat xi għajnuna għall-ipproċessar taċ-ċitru u li fit-twettiq ta' din ir-rettifika ma twettqux kontrolli adegwati dwar jekk il-prodott mogħti lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jikkorrispondix ma' dak mogħti lill-proċessuri, u jekk il-prodott ikkonsenjat għall-ipproċessar jikkorispondix mal-prodott komplut. Skont il-Gvern Taljan, fil-proċedura rriżulta li l-kontrolli seħħew b'mod sodisfaċenti, speċjalment għal dak li jirrigwarda l-kontrolli kemm amministrattivi u ta' kontabbiltà kif ukoll fiżiċi kemm fir-rigward tal-Organizzazzjoni tal-Produtturi, kif ukoll, fir-rigward tal-proċessuri; u li l-attività ta' kontroll seħħet b'mod mhux mistenni (mingħajr ebda avviż minn qabel għall-industriji fir-rigward tad-data tal-kontroll) u b'proporzjon għola mill-minimu previst mir-regolament. Il-punt essenzjali li fuqu l-Kummissjoni kellha timmotiva d-deċiżjoni tagħha kienet b'hekk l-eżistenza ta' "riskju sinjifikanti" tad-dannu finanzjarju għall-Fond, b'mod li jiġġustifika rettifika f'daqqa ta' 5%, li tidher, f'kull każ, sproporzjonata.

____________