Language of document : ECLI:EU:C:2009:482

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

16 ta’ Lulju 2009 (*)

“Protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi – Speċi elenkati fl-Anness B tar-Regolament (KE) Nru 338/97 – Prova tan-natura legali tal-kisba ta’ kampjuni ta’ dawn l-ispeċi – Oneru tal-prova – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża C‑344/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Kościanie (il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Lulju 2008, fil-proċeduri kriminali kontra

Tomasz Rubach,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, K. Schiemann, J. Makarczyk u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Konstantinidis u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97, tad-9 ta’ Diċembru 1996, dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 136).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra T. Rubach għall-ksur tal-liġi Pollakka dwar il-protezzjoni tan-natura.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni dwar il-kummerċ internazzjonali fi speċje pperikolati ta’ fawna u flora selvaġġi

3        Il-Konvenzjoni dwar il-kummerċ internazzjonali fi speċje pperikolati ta’ fawna u flora selvaġġi, iffirmata f’Washington fit-3 ta’ Marzu 1973 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 993, Nru I-14537, iktar ’il quddiem is-“CITES”), għandha l-għan li tiżgura li l-kummerċ internazzjonali ta’ speċi elenkati fl-annessi tagħha, kif ukoll il-partijiet u derivati tagħhom, ma jippreġudikax il-konservazzjoni tal-biodiversità, u jkun ibbażat fuq l-użu sostenibbli ta’ speċi selvaġġi.

4        L-imsemmija konvenzjoni ġiet implementata fil-Komunità Ewropea mill-1 ta’ Jannar 1984 bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3626/82, tat-3 ta’ Diċembru 1982, dwar l-applikazzjoni fil-Komunità tal-Konvenzjoni dwar il-kummerċ internazzjonali fi speċje pperikolati ta’ fawna u flora selvaġġi (ĠU L 384, p. 1). Dan ir-regolament ġie mħassar permezz tar-Regolament Nru 338/97 li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu, għandu japplika b’mod konformi mal-għanijiet, il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tas-CITES.

 Id-dritt Komunitarju

5        L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 338/97 jipprovdi:

“Dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kontroll ta’ attivitajiet kummerċjali

1. Ix-xiri, l-offerta għax-xiri, il-ksib għal għanijiet kummerċjali, il-wiri fil-pubbliku għal skopijiet kummerċjali, l-użu għal qliegħ u l-bejgħ kummerċjali, iż-żamma għall-bejgħ, l-offerta għal bejgħ jew it-trasport għal bejgħ ta’ kampjuni ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness A għandu jkun projbit.

[…]

5. Il-projbizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ukoll ikunu applikabbli għal kampjuni ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness B ħlief meta jkun jista jiġi ppruvat għas-sodisfazzjon ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat li dawk il-kampjuni kienu nkisbu u, jekk kienu joriġinaw minn barra l-Komunità, li kienu ġew introdotti fiha, skond il-leġislazzjoni fis-seħħ dwar il-konservazzjoni ta’ fawna u flora salvaġġi.

[…]”

6        L-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Sanzjonijiet

1. Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jassiguraw l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet mill-anqas dwar il-ksur li ġej ta’ dan ir-Regolament:

a)      l-introduzzjoni fil-, jew l-esportazzjoni jew ir-ri-esportazzjoni mill-Komunità ta’ kampjuni mingħajr il-permess jew ċertifikat indikat jew b’xi permess jew ċertifikat falz, iffalzifikat jew invalidu jew wieħed li jkun alterat mingħajr awtorizzazzjoni ta’ l-awtorità tal-ħruġ;

b)      nuqqas ta’ konformità ma’ l-istipulazzjonijiet speċifikati fuq xi permess jew ċertifikat maħruġ skond dan ir-Regolament;

[…]

j)      ix-xiri, l-offerta għax-xiri, il-ksib għal skopijiet kummerċjali, l-użu għal qliegħ kummerċjali, il-wiri fil-pubbliku għal skopijiet kummerċjali, il-bejgħ, iż-żamma għall-bejgħ, l-offerta għal bejgħ jew it-trasport għal bejgħ ta’ kampjuni b’kontravenzjoni ta’ l-Artikolu 8;

[…]

2. Il-miżuri msemmijin fil-paragrafu 1 għandhomn jixirqu lin-natura u l-gravità tal-ksur u għandhom jinkludu dispożizzjonijiet r[i]gward il-qbid u, fejn xieraq, il-konfiska tal-kampjuni.

[…]

4. Meta kampjun ħaj ta’ speċi elenkata fl-Anness B jew C jasal fil-post ta’ l-introduzzjoni fil-Komunità mingħajr il-permess jew ċertifikat validu kif meh[ħ]tieġ, il-kampjun għandu jinqabad u jista jkun ikkonfiskat jew, jekk il-kunsinnatarju jirrifjuta li jaċċetta l-kampjun, l-awtortajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru responsabbli għall-post ta’ l-introduzzjoni jista’, jekk ikun il-każ, jirrifjuta li jaċċetta l-konsenja u jobbliga lil min iġorr biex jieħu lura l-kampjun lejn il-post mnejn telqu.”

7        L-Anness B tar-Regolament Nru 338/97 isemmi, fil-klassi Arachnida, ordni Araneae, il-brimb tat-tip Brachypelma.

 Id-dritt nazzjonali

8        Id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali jirriżultaw b’mod partikolari, mil-liġi tas-16 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tan-natura (DZ. U Nru 92, intestatura 880, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-protezzjoni tan-natura”), li tirriproduċi d-dispożizzjonijiet tas-CITES u tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar dan is-suġġett.

9        L-Artikolu 61(1) tal-Liġi dwar il-protezzjoni tan-natura jipprovdi:

“1. It-trasport bejn il-fruntieri statali, ta’ xtieli u annimali tal-ispeċi suġġetti għal restrizzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ta’ partijiet identifikabbli u derivati tagħhom, jeħtieġu l-awtorizzazzjoni tal-Ministru tal-Ambjent, u dan bla ħsara għat-tieni paragrafu.”

10      L-Artikolu 64 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1. Kull min iżomm annimali msemmija fl-Artikolu 61(1), li jappartjenu għall-amfibji, rettili, għasafar u mammiferi, jew kull min irabbi annimali bħal dawn, għandu jirreġistrahom bil-miktub.

2. L-obbligu ta’ reġistrazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 ma jikkonċernax:

1)      il-ġonna żooloġiċi;

2)      il-persuni li l-attività ekonomika tagħhom hija relatata mal-kummerċ tal-annimali msemmija fl-Artikolu 61(1);

3)      iż-żamma temporanja tal-annimali għal finijiet terapewtiċi u ta’ rijabilitazzjoni.

3. Ir-reġistru msemmi fil-paragrafu 1 jinżamm mill-iStarosta [president tad-distrett] kompetenti, skont il-post fejn jinżammu jew jitrabbew l-annimali.

[…]

5. L-obbligu ta’ reġistrazzjoni jew ta’ tħassir mir-reġistru japplika mid-data tal-kisba, tal-bejgħ, tal-importazzjoni jew esportazzjoni, tad-dħul fil-pussess tal-annimal, tat-telfa jew tal-mewta tiegħu. L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew għat-tħassir mir-reġistru għandha ssir lill-iStarosta kompetenti, fi żmien 14-il jum mid-data li fiha japplika l-obbligu.

[…]

8. L-iStarosta għandu jikkonferma r-reġistrazzjoni permezz ta’ ċertifikat.

9. Il-persuni msemmija fil-paragrafu 2(2) għandhom ikollhom fil-pussess tagħhom, u jittrasferixxu flimkien mal-annimal mibjugħ, id-dokument oriġinali msemmi fil-paragrafu 4(11) jew kopja tiegħu. Il-bejjiegħ tal-annimal għandu jinkludi fil-kopja, numru konsekuttiv, id-data tal-ħruġ, it-timbru u l-firma tiegħu, filwaqt li jippreċiża n-numru ta’ annimali li għalihom inħareġ id-dokument u fejn id-dokument tal-oriġini jikkonċerna iktar minn speċi waħda, għandu jinkludi l-informazzjoni dwar l-ispeċi tagħhom.

[…]”

11      L-Artikolu 128 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Kull min

[...]

2) jikser id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-ispeċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun irregolat il-kummerċ fihom, permezz ta’ wieħed mill-atti li ġejjin:

[...]

d)      offerta ta’ bejgħ jew xiri, xiri jew kisba, użu jew wiri pubbliku għal finijiet ta’ lukru, bejgħ, żamma jew trasport għal finijiet ta’ bejgħ, ta’ kampjuni ta’ ċerti speċi ta’ flora u ta’ fawna,

[...]

jeħel piena ta’ bejn tliet xhur u ħames snin priġunerija.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li T. Rubach kiseb, waqt fieri tat-terrarju, brimb eżotiċi tat-tip Brachypelma Albopilosum, kampjun protett li jagħmel parti minn speċi ta’ annimal elenkat fl-Anness B tar-Regolament Nru 338/97, u li huwa beda jgħammarhom filwaqt li kienu miżmuma f’gaġeġ u jbigħhom b’irkant fuq l-Internet, minn Frar sa Ottubru 2006.

13      Minħabba dawn il-fatti, tressqu proċeduri kriminali kontra T. Rubach għal 46 ksur tal-Artikolu 128(2)(d) tal-Liġi dwar il-protezzjoni tan-natura.

14      Permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2007, is-Sąd Rejonowy w Kościanie ħelset lill-imputat fir-rigward tal-fatti kollha li kien akkużat bihom, billi qieset li l-imġiba tiegħu ma kellhiex elementi karatteristiċi tal-att illegali li kien akkużat bih.

15      Permezz ta’ appell ippreżentat quddiemha mill-Prokuratur Rejonowy w Kościanie, is-Sąd Okręgowy w Poznaniu annullat l-imsemmija sentenza fl-intier tagħha, fit-2 ta’ April 2008 u rrinvijatha għal eżami mill-ġdid.

16      Fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid tal-kawża, is-Sąd Rejonowy w Kościanie kkunsidrat li l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-qorti tal-appell, li hija vinkolanti fuq il-qorti li teżamina mill-ġdid, tfisser li l-imputat jista’ jevita r-responsabbiltà kriminali biss jekk jiġi ddeterminat l-oriġini tal-annimali jew billi jiġi prodott iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 64(1) tal-Liġi dwar il-protezzjoni tan-natura, li jikkonċerna l-annimali mibjugħa, jew billi jinġabu provi li jippermettu t-traċċabbiltà tal-oriġini ta’ dawn l-annimali u li jiġi ddeterminat b’mod ċar il-persuna jew persuni lil min jappartjenu jew li rabbewhom.

17      Fir-rigward tal-ewwel element, is-Sąd Rejonowy w Kościanie għamlet xi domandi lill-iStarostwo Powiatowe w Kościanie (l-uffiċċju distrettwali ta’ Kościan). Il-pożizzjoni ta’ din l-awtorità turi li l-imputat ma setax jirreġistra l-kampjuni inkwistjoni li, peress li jagħmlu parti mill-araknidi, ma kinux suġġetti għal reġistrazzjoni. Dan il-fatt huwa kkonfermat wkoll mill-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.

18      Issa, skont is-Sąd Rejonowy w Kościanie, jekk l-imputat għandu jipproduċi dokument li l-liġi nazzjonali ma tobbligahx jakkwistah, filwaqt li mhux obbligat ikollu għarfien partikolari dwar l-oriġini tal-annimali inkwistjoni, huwa ma jistax jevita r-responsabbiltà kriminali tiegħu.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy w Kościanie ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“[K]if min iżomm l-annimali elenkati fl-Anness B [tar-Regolament Nru 338/97] (li la huma amfibji, la rettili, la għasafar u lanqas mammiferi) jista’ jipprova, fis-sens [tal-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament] u fid-dawl tal-preżunzjoni tal-innoċenza, li l-ispeċi fil-pussess tiegħu ġew akkwistati […] skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-rigward tal-fawna u flora selvaġġi [...]?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

20      Il-Gvern Pollakk jipproponi li r-risposta lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 338/97, li jissuġġetta l-possibbiltà li tiġi eżerċitata attività kummerċjali, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tal-istess regolament, għal prova tal-legalità tal-kisba tal-kampjuni tal-ispeċi elenkati fl-Anness B tal-imsemmi regolament, jirreferi għar-regoli dwar il-provi li japplikaw quddiem l-awtorità nazzjonali kompetenti. Jekk din tkun qorti kriminali, il-prova ta’ dan il-fatt għandha tinġab skont il-prinċipji tal-proċeduri kriminali li jeħtieġu li r-realtà tal-fatti tiġi kkonstatata b’kull mezz ta’ prova possibbli u li d-dubji ma jistgħux jintużaw kontra l-akkużat.

21      Il-Gvern Spanjol jissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi d-domanda fis-sens li għandha tkun meħtieġa l-prova tal-legalità tal-oriġini ta’ kull kampjun elenkat fl-Anness B, filwaqt li l-awtortajiet amministrattivi tal-Istati Membri kompetenti skont is-CITES għandu jkollhom il-kompitu li jevalwaw dawn il-provi li jippermettu, fi kwalunkwe ipoteżi, li tkun garantita t-traċċabbiltà tal-oriġini legali tal-kampjuni inkwistjoni.

22      Skont il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ir-risposta lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li matul il-proċeduri kriminali intiżi sabiex jippenalizzaw ksur eventwali tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 338/97, fid-dawl tan-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji li jirregolaw tali proċeduri kriminali, il-qorti nazzjonali għandha, bħala regola ġenerali, tapplika l-liġi nazzjonali billi tinterpretaha skont id-dritt Konunitarju u billi tiżgura l-effettività sħiħa ta’ dan tal-aħħar. Fir-rigward tat-tqassim tal-oneru tal-prova, il-Kummissjoni, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li l-projbizzjoni li kampjuni ta’ speċi elenkati fl-Anness B tar-Regolament Nru 338/97 jintużaw għal skopijiet kummerċjali tapplika bħala regola ġenerali, tqis li fil-kuntest tal-proċeduri kriminali huwa l-kompitu tal-Prokuratur li jipprova li T. Rubach uża kampjuni ta’ speċi protetti għal skopijiet kummerċjali. Iżda għall-kuntrarju ta’ dan, huwa T. Rubach li għandu jkollu l-kompitu li jipprova li daħal fil-pussess ta’ dawn il-kampjuni b’mod legali, u dan jippermettilu li jevita r-responsabbiltà kriminali tiegħu.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

23      Kif jirriżulta mill-elementi kollha tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment qiegħda tistaqsi, minn naħa, liema huma l-provi ammissibbli fid-dawl tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 338/97, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li jikkonċernaw attivitajiet dwar kampjuni ta’ speċi ta’ annimali bħal dawk imsemmija fil-kawża prinċipali, elenkali fl-Anness B ta’ dan ir-regolament, u min-naħa l-oħra, liema huwa t-tqassim ġust tal-oneru tal-prova sabiex tiġi ddeterminata n-natura legali tal-kisba ta’ dawn il-kampjuni.

24      Is-sistema ta’ protezzjoni stabbilita għall-kampjuni tal-ispeċi elenkati fl-Annessi A u B tal-imsemmi regolament għandha l-għan li tipproteġi bil-mod l-aktar sħiħ possibbli lil speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom, f’konformità mal-għanijiet, il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tas-CITES.

25      Huwa paċifiku li r-Regolament Nru 338/97 ma jinvolvix projbizzjoni ġenerali ta’ importazzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ speċi oħrajn minbarra dawk imsemmija fl-Anness A tiegħu (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2008, Nationale Raad van Dierenkwekers en Liefhebbers u Andibel, C‑219/07, Ġabra p. I‑4475, punt 18).

26      Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-użu kummerċjali tal-kampjuni ta’ speċi elenkati fl-Anness B tar-Regolament Nru 338/97 huwa awtorizzat sakemm il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament huma sodisfatti (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2001, Tridon, C‑510/99, Ġabra p. I‑7777, punt 44). Fil-fatt, il-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni prevista fl-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament ma tapplikax meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tkun pruvat li dawn il-kampjuni kienu nkisbu, u jekk kienu joriġinaw minn barra mill-Komunità, li kienu ġew intordotti fiha, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ dwar il-konservazzjoni tal-fawna u l-flora selvaġġi.

27      Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 338/97 ma jippreċiżax liema provi għandhom jintużaw sabiex tiġi ppruvata l-kisba legali tal-kampjuni tal-ispeċi elenkati fl-Anness B ta’ dan ir-Regolament, skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament, b’mod partikolari, meta dawn ikunu twieldu meta l-omm kienet maqbuda f’gaġġa fit-territorju Komunitarju. Il-kompitu li jiġu ddeterminati l-provi li jippermettu li jintwera li l-imsemmija kundizzjonijiet huma sodisfatti, huwa għaldaqstant dak tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Dawn il-provi jinkludu l-permessi jew iċ-ċertifikati pevisti mill-istess regolament jew kull dokument indikat ieħor li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jqisu bħala utli.

28      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-kunċett ta’ prova, kull prova li hija ammissibbli skont ir-regoli tal-proċedura tal-Istati Membri fi proċeduri simili hija, bħala prinċipju, ammissibbli. Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jiddeterminaw, skont il-prinċipji tal-liġi nazzjonali tagħhom applikabbli fil-qasam tal-provi, jekk fil-każ konkret ippreżentat quddiemhom, huwiex ippruvat li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 338/97 huma sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2000, Met-Trans et Sagpol, C-310/98 u C-406/98, Ġabra p. I‑1797, punti 29 u 30).

29      Għaldaqstant, ir-risposta lill-qorti tar-rinviju dwar dan l-ewwel aspett għandha tkun li r-Regolament Nru 338/97 ma jillimitax il-provi li jistgħu jintużaw sabiex tiġi ddeterminata n-natura legali tal-kisba ta’ kampjuni ta’ speċi elenkati fl-Anness B ta’ dan ir-regolament u li l-mezzi ta’ prova kollha li huma ammissibbli skont ir-regoli tal-proċedura tal-Istat Membru kkonċernat fi proċeduri simili huma, bħala prinċipju, ammissibbli sabiex jiġi deċiż jekk il-kisba tal-imsemmija kampjuni hijiex legali.

30      Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-tqassim tal-oneru tal-prova sabiex tiġi ddeterminata n-natura legali tal-kisba ta’ kampjuni ta’ speċi ta’ annimali elenkati fl-Anness B tar-Regolament Nru 338/97, fid-dawl tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, għandu jiġi mfakkar li l-preżunzjoni ta’ innoċenza, kif tirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, tagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonfermata mill-ġdid mill-preambolu tal-Att Uniku Ewropew u mill-Artikolu 6(2) tat-Trattat UE, huma protetti fis-sistema legali Komunitarja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punt 149, u Montecatini vs Il-Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra p. I‑4539, punt 175).

31      Il-preżunzjoni ta’ innoċenza hija intiża sabiex tiggarantixxi lil kull persuna li ma tkunx indikata jew ittrattata bħala ħatja ta’ reat qabel ma tkun ġiet stabbilita l-ħtija tagħha minn qorti (ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Y. B. et vs It-Turkija tat-28 ta’ Ottubru 2004, Nri 48173/99 u 48319/99, § 43).

32      Għandu jiġi enfasizzat li l-implementazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni stabbilita għall-kampjuni tal-ispeċi elenkati fl-Annessi A u B tar-Regolament Nru 338/97 ma taffettwax l-obbligu ġenerali li għandha l-prosekuzzjoni li tipprova, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, li l-imputat uża għal skopijiet kummerċjali, kampjuni ta’ speċi elenkati fl-Anness B tar-Regolament Nru 338/97, li huma protetti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

33      Fi kwalunkwe każ, l-imputat għandu d-dritt li jiddefendi ruħu kontra azzjoni għal responsabbiltà kriminali, billi juri, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 338/97, li huwa daħal fil-pussess tal-imsemmija kampjuni b’mod legali, skont il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija dispożizzjoni, u li juża għal dan il-għan, kull prova ammissibbli skont ir-regoli tal-proċedura applikabbli.

34      Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 338/97 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra persuna akkużata li kisret din id-dispożizzjoni, il-mezzi ta’ prova kollha li huma ammissibbli skont ir-regoli tal-proċedura tal-Istat Membru kkonċernat fi proċeduri simili huma, bħala prinċipju, ammissibbli sabiex jiġi deċiż jekk il-kisba ta’ kampjuni ta’ speċi ta’ annimali elenkati fl-Anness B ta’ dan ir-regolament hijiex legali. Barra minn hekk, fid-dawl tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, tali persuna tista’ tuża dawn il-provi kollha sabiex tipprova li hija daħlet fil-pussess tal-imsemmija kampjuni b’mod legali, skont il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

35      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 8(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97, tad-9 ta’ Diċembru 1996, dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra persuna akkużata li kisret din id-dispożizzjoni, il-mezzi ta’ prova kollha li huma ammissibbli skont ir-regoli tal-proċedura tal-Istat Membru kkonċernat fi proċeduri simili huma, bħala prinċipju, ammissibbli sabiex jiġi deċiż jekk il-kisba ta’ kampjuni ta’ speċi ta’ annimali elenkati fl-Anness B ta’ dan ir-regolament hijiex legali. Barra minn hekk, fid-dawl tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, tali persuna tista’ tuża dawn il-provi kollha sabiex tipprova li hija daħlet fil-pussess tal-imsemmija kampjuni b’mod legali, skont il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.