Language of document : ECLI:EU:T:2024:86

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

8 ta’ Frar 2024 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Intervent - Artikolu 173(1) u Artikolu 179 tar-Regoli tal-Proċedura – Risposta ppreżentata wara l-iskadenza tat-terminu – Artikoli 142 sa 145 tar-Regoli tal-Proċedura - Inapplikabbiltà – Ċaħda”

Fil-Kawża T‑30/23,

Fly Persia IKE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja),

Ali Barmodeh, residenti f’Ateni,

irrappreżentati minn R. Marano, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn R. Raponi, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

Dubai Aviation Corp., stabbilita f’Dubai (L-Emirati Għarab Magħquda),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta minn K. Kowalik-Bańczyk, Presidenta, E. Buttigieg, G. Hesse, I. Dimitrakopoulos u B. Ricziová (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti u l-proċedura

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Fly Persia IKE u Ali Barmodeh, jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal‑24 ta’ Novembru 2022 (Każ R 1723/2021-4) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2        Fit‑13 ta’ Frar 2019 ir-rikorrenti ppreżentaw lill-EUIPO applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għat-trade mark figurattiva:

Image not found

3        It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet tindika diversi servizzi li jaqgħu b’mod partikolari fil-Klassi 39, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

4        Fl‑4 ta’ Ġunju 2019, Dubai Aviation Corp. ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għas-servizzi indikati li jaqgħu fil-Klassi 39.

5        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark tal-Unjoni Ewropea preċedenti rriprodotta iktar ’il quddiem, li tkopri wkoll diversi servizzi li jaqgħu fil-Klassi 39:

Image not found

6        Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

7        Fit‑13 ta’ Awwissu 2021, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni parzjalment.

8        Fis‑6 ta’ Ottubru 2021, ir-rikorrenti appellaw quddiem l-EUIPO mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

9        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell.

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Jannar 2023, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fit‑13 ta’ Frar 2023, ir-rikors ġie nnotifikat lil Dubai Aviation Corp. bħala parti quddiem il-Bord tal-Appell permezz ta’ ittra tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali.

11      Fis‑26 ta’ April 2023, Dubai Aviation Corp. ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali dokument intitolat “Risposta”.

12      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑24 ta’ Mejju 2023, il-Qorti Ġenerali stiednet lil Dubai Aviation Corp. tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-raġunijiet għall-preżentata tad-dokument intitolat “Risposta” wara l-iskadenza tat-terminu previst mill-Artikolu 179 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Dubai Aviation Corp. wieġbet fit-terminu mogħti lilha.

13      Fl‑14 ta’ Ġunju 2023, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti u lill-EUIPO sabiex jifformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-dokument intitolat “Risposta” ta’ Dubai Aviation Corp., peress li dan seta’ jiġi kklassifikat bħala talba għal intervent.

14      Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Ġunju 2023, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali tiċħad it-talba għal intervent ta’ Dubai Aviation Corp.

15      Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Lulju 2023, l-EUIPO indika li ma kienx jopponi għall-intervent ta’ Dubai Aviation Corp. sa fejn din kienet issostni t-talbiet tal-EUIPO ppreżentati fir-risposta tagħha.

 Id-dritt

16      Skont it-tieni u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut, kull persuna li tiġġustifika interess fis-soluzzjoni ta’ tilwima minbarra kawża bejn Stati Membri, bejn istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew bejn Stati Membri, minn naħa, u istituzzjonijiet tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, għandha dritt tintervjeni f’dik it-tilwima. It-talbiet fir-rikors għal intervent jista’ jkollhom biss bħala suġġett is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet.

17      Barra minn hekk, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut isegwi li r-Regoli tal-Proċedura jistgħu jidderogaw mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 u mill-Artikolu 41 ta’ dan l-istatut sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-kawżi li jaqgħu fil-qasam tal-proprjetà intellettwali. Għal dan l-għan, ġew adottati, b’mod partikolari, regoli speċifiċi dwar l-intervenjenti (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat-18 ta’ Marzu 2016, Sociedad agraria de transformación no 9982 Montecitrus vs UASI - Spanish Oranges (MOUNTAIN CITRUS SPAIN), T-495/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:179, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-7 ta’ Diċembru 2016, Claranet Europe vs EUIPO - Claro (claranet), T‑129/16, mhux ippubblikat, EU:T:2016:728, punt 8).

18      Għalhekk, l-istatus quddiem il-Qorti Ġenerali ta’ parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO minbarra r-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali huwa rregolat mill-Artikolu 173 tar-Regoli tal-Proċedura (digriet tat‑12 ta’ Lulju 2022, Cipla Europe vs EUIPO u Glaxo Group, C‑245/22 P(I), mhux ippubblikat, EU:C:2022:549, punt 59). B’mod iktar partikolari, il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jagħti lill-partijiet fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, li ma humiex ir-rikorrenti, pożizzjoni proċedurali ekwivalenti għal dik tal-partijiet prinċipali. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tidderoga, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 ta’ dan l-Istatut, skont liema t-talbiet fir-rikors għal intervent jista’ jkollhom biss l-għan li jsostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali. Fil-fatt, l-intervenjenti skont l-Artikolu 173 tar-Regoli tal-Proċedura jistgħu mhux biss isostnu t-talbiet ta’ parti prinċipali, iżda jistgħu wkoll jifformulaw talbiet u motivi awtonomi minn dawk tal-partijiet prinċipali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-5 ta’ Marzu 2004, Boss vs UASI - Delta Biomichania Pagatou (BOSS), T‑94/02, EU:T:2004:68, punt 17).

19      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 173(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell li ma tkunx ir-rikorrenti tista’ tipparteċipa fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bħala intervenjenti billi twieġeb għar-rikors fil-forom u fit-termini stabbiliti. Qabel l-iskadenza tat-terminu previst għall-preżentata tar-risposta, dik il-parti ssir parti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bħala intervenjenti mal-preżentata ta’ att proċedurali. Tali parti titlef l-istatus tagħha ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali jekk ma tweġibx għar-rikors fil-forom u fit-termini stabbiliti.

20      L-Artikolu 179 tar-Regoli tal-Proċedura jippreċiża, f’dan ir-rigward, li parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell li ma hijiex ir-rikorrenti għandha tippreżenta r-risposta tagħha għar-rikors f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tiegħu.

21      Għalhekk, parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO li ma hijiex ir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali li ma tkunx ippreżentat risposta għar-rikors fit-terminu previst f’dan ir-rigward mill-Artikolu 179 tar-Regoli tal-Proċedura ma għandhiex il-kwalità ta’ parti quddiem il-Qorti Ġenerali u, għalhekk, wara dan it-terminu, ma tistax tippreżenta osservazzjonijiet matul il-proċedura quddiemha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Lulju 2022, Cipla Europe vs EUIPO u Glaxo Group, C‑245/22 P(I), mhux ippubblikat, EU:C:2022:549, punt 61).

22      F’dan il-każ, peress li r-rikors ġie nnotifikat lil Dubai Aviation Corp. fit‑13 ta’ Frar 2023, it-terminu sabiex tiġi ppreżentata r-risposta għar-rikors, imsemmi fl-Artikolu 173(1) tar-Regoli tal-Proċedura, skada, konformement mal-Artikolu 179 ta’ dawn ir-regoli, moqri flimkien mal-Artikolu 60 tal-imsemmija regoli, fl‑24 ta’ April 2023 fl-assenza ta’ kull talba motivata għal estensjoni.

23      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi ppreżentat ir-risposta tagħha lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ April 2023, Dubai Aviation Corp. ma osservatx it-terminu previst sabiex tirrispondi għar-rikors. Sabiex tiġġustifika l-preżentata tardiva ta’ din ir-risposta, hija tispjega, fir-risposta tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑24 ta’ Mejju 2023, li hija bbażat ruħha, essenzjalment, fuq is-sistema “ġenerali” tal-intervent prevista fl-Artikolu 143 tar-Regoli tal-Proċedura, li fiha aġixxiet fit-terminu. B’mod partikolari, hija tammetti li żbaljat fir-rigward tas-sistema u t-terminu applikabbli billi ppreżentat ir-risposta tagħha fit-terminu previst fl-imsemmija dispożizzjoni. Madankollu, hija titlob lill-Qorti Ġenerali għall-“ammissjoni tat-talba tagħha għal intervent”.

24      Skont ir-rikorrenti, it-talba għal intervent għandha tiġi miċħuda bħala “inammissibbli”. Huma jsostnu li, sa fejn Dubai Aviation Corp. ma osservatx it-terminu previst għall-preżentata tar-risposta u ma ġġustifikatx ċirkustanzi eċċezzjonali li jippermettu deroga mir-regoli tal-proċedura, hija “tilfet” l-istatus tagħha ta’ intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-Artikolu 173(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Huma jqisu li, anki jekk id-dokument intitolat “Risposta” kellu jiġi kklassifikat bħala talba għal intervent skont l-Artikolu 143 tar-Regoli tal-Proċedura, tali talba hija inammissibbli, peress li l-fatt li Dubai Aviation Corp. kienet parti fil-proċedura quddiem l-EUIPO ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġġustifika dritt għal intervent skont l-imsemmi artikolu.

25      L-EUIPO ma jqajjem ebda oġġezzjoni għat-talba għal intervent sa fejn Dubai Aviation Corp. issostni t-talbiet li jinsabu fir-risposta tiegħu. Huwa jinnota li l-eżistenza u l-assenza ta’ użu effettiv tad-drittijiet speċifiċi ta’ intervent previsti fl-Artikolu 173 tar-Regoli tal-Proċedura ma jipprekludux, bħala prinċipju, li parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell li ma tkunx ir-rikorrenti titlob li tintervjeni konformement mal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 142 sa 145 tal-imsemmija regoli, sakemm il-kundizzjonijiet previsti għal dan l-għan ikunu ssodisfatti. Fil-fehma tiegħu, id-dokument intitolat “Risposta” jinkludi “indikazzjonijiet espliċiti” fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 143(2)(a) sa (d) tar-Regoli tal-Proċedura, kif ukoll indikazzjonijiet impliċiti dwar ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (e) u (f) ta’ dan il-paragrafu. Barra minn hekk, huwa jafferma li t-talba għal intervent tistabbilixxi wkoll l-interess ta’ Dubai Aviation Corp. fis-soluzzjoni tal-kawża f’dan il-każ, konformement mal-Artikolu 40(2) tal-istess statut.

26      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li Dubai Aviation Corp. ma ppreżentat ebda att proċedurali qabel l-iskadenza tat-terminu previst mill-Artikolu 173(1) tar-Regoli tal-Proċedura, moqri flimkien mal-Artikoli 60 u 179 ta’ dawn ir-regoli, għall-preżentata tar-risposta, u ppreżentat ir-risposta tagħha barra minn dan it-terminu. Barra minn hekk, fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, Dubai Aviation Corp. la tinvoka u lanqas, a fortiori, ma tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jikkostitwixxu każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

27      Għaldaqstant, Dubai Aviation Corp. ma saritx parti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bħala intervenjenti konformement mal-Artikolu 173(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura.

28      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk Dubai Aviation Corp. tistax tiġi ammessa tintervjeni abbażi tal-Artikoli 142 sa 145 tar-Regoli tal-Proċedura.

29      F'dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikoli 142 sa 145 tar-Regoli tal-Proċedura jistabbilixxu r-regoli dwar il-preżentata tat-talbiet għal intervent quddiem il-Qorti Ġenerali u dwar l-eżami tagħhom. Skont l-Artikolu 143(1) tal-imsemmi regolament, it-talbiet għal intervent għandhom jiġu ppreżentati f’terminu ta’ sitt ġimgħat mill-pubblikazzjoni tal-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dwar ir-rikors promotur relatat. L-imsemmija dispożizzjonijiet jagħmlu parti mit-tielet titolu dwar ir-rikorsi diretti.

30      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 191 tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari tar-raba’ titolu ta’ dan ir-regolament li jikkonċerna l-kontenzjuż dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, id-dispożizzjonijiet tat-tielet titolu huma applikabbli għall-proċeduri previsti mir-raba’ titolu. Fi kliem ieħor, għalkemm ir-raba’ titolu tar-Regoli tal-Proċedura dwar il-kontenzjuż relatat mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jipprevedi r-regoli proċedurali speċifiċi, id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-tielet titolu ma japplikawx. Din id-dispożizzjoni hija għalhekk espressjoni tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali.

31      Minn dan jirriżulta li, sa fejn ir-raba’ titolu tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi regoli speċifiċi dwar l-intervent quddiem il-Qorti Ġenerali ta’ parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell li ma hijiex ir-rikorrenti, l-Artikoli 142 sa 145 tal-imsemmi regolament ma humiex applikabbli għal din il-parti.

32      Għaldaqstant, huwa eskluż li, wara li tkun tilfet il-possibbiltà li ssir parti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bħala intervenjenti konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 173 tar-Regoli tal-Proċedura, Dubai Aviation Corp. tista’ tiġi ammessa tintervjeni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 142 sa 145 tar-Regoli tal-Proċedura, u, għalhekk, tibbenefika mit-terminu previst mill-Artikolu 143(1) ta’ dawn ir-regoli.

33      Din il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata mill-espożizzjoni tal-motivi li kienet takkumpanja l-abbozz ta’ emendi għar-Regoli tal-Proċedura tat‑22 ta’ Settembru 1994 intiżi sabiex dawn ir-regoli jiġu adattati għall-karatteristiċi speċifiċi tal-kontenzjuż il-ġdid tad-dritt tat-trade marks. Fiha, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-partijiet fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell kienu suġġetti għal “sistema partikolari” li kienet differenti mis-sistema ta’ intervent prevista mid-dispożizzjonijiet ġenerali li għalihom kienu suġġetti l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet u t-terzi persuni oħra li għandhom interess fis-soluzzjoni tat-tilwima.

34      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Artikoli 142 sa 145 tar-Regoli tal-Proċedura ma humiex applikabbli f’dan il-każ u li, fid-dawl tal-Artikolu 173(1) u (2) ta’ dawn ir-regoli, Dubai Aviation Corp. ma saritx parti fil-proċedura f’din il-kawża.

 Fuq l-ispejjeż

35      L-ewwel, mill-Artikolu 173(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li l-parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, li ma hijiex ir-rikorrenti, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha meta ma tweġibx għar-rikors fil-forom u fit-termini previsti. F’dan il-każ, peress li Dubai Aviation Corp. ma weġbitx għar-rikors fil-forom u fit-termini stabbiliti, hija għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-atti proċedurali li hija ppreżentat.

36      It-tieni, skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli f’din il-kawża bis-saħħa tal-Artikolu 191 ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

37      F’dan il-każ, minn naħa, peress li Dubai Aviation Corp. tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk tar-rikorrenti relatati mal-proċedura ta’ intervent, konformement mat-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

38      Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ talbiet tal-EUIPO intiżi sabiex Dubai Aviation Corp. tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-proċedura ta’ intervent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Dubai Aviation Corp. ma hijiex ammessa tipparteċipa fil-proċedura fil-Kawża T30/23 bħala intervenjenti.

2)      Dubai Aviation Corp. għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk ta’ Fly Persia IKE u ta’ Ali Barmodeh relatati mal-proċedura ta’ intervent.

3)      L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu relatati mal-proċedura ta’ intervent.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Frar 2024.

Ir-Reġistratur

 

Il-Presidenta

V. Di Bucci

 

K. Kowalik-Bańczyk


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.