Language of document : ECLI:EU:C:2021:4

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Jannar 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Artikolu 6(1) u Artikolu 8(1)(c) – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ abbażi ta’ att nazzjonali ta’ tqegħid taħt investigazzjoni – Kunċett ta’ ‘mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett’ – Assenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali – Konsegwenzi – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑414/20 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Settembru 2020, fil-proċeduri kriminali kontra

MM,

fil-preżenza ta’:

Spetsializirana prokuratura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, N. Wahl (Relatur), F. Biltgen, L. S. Rossi u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tat‑3 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Settembru 2020, li r-rinviju preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza, konformement mal-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni tal‑21 ta’ Settembru 2020 tat-Tielet Awla li tilqa’ din it-talba,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Novembru 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal MM, minn V. T. Bratoevska u T. Gincheva, advokati,

–        għall-Gvern Bulgaru, minn T. Tsingileva u L. Zaharieva, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Ladenburger, I. Zaloguin u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Diċembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra MM li fihom ġiet ikkontestata l-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontrih insostenn ta’ talba għal eżami mill-ġdid tal-miżura ta’ detenzjoni provviżorja li huwa kien suġġett għaliha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jistabbilixxi li:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas].

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [TUE].”

4        L-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti” jipprevedi li:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.      L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

3.      Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.”

5        L-Artikolu 8 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Kontenut u forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jgħid, fil-paragrafu 1(c) tiegħu, li:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-formola li tinsab fl-Anness:

[…]

(c)      l-indikazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ sentenza esegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2;

[…]”

6        Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tipprevedi, fl-anness tagħha, formola li tinkludi mudell uniformi tal-mandat ta’ arrest Ewropew. It-taqsima (b) ta’ din il-formola, dwar id-“[d]eċiżjoni li fuqha huwa bbażat il-mandat”, tirreferi, fil-punt 1 tagħha, għal “[m]andat ta’ arrest jew [għal] deċiżjoni ġudizzjarja li jkollha l-istess effett”.

 Id-dritt Bulgaru

7        Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ġiet trasposta fid-dritt Bulgaru permezz taż-Zakon za ekstraditsiata i evropeiskata zapoved za arest (il-Liġi dwar l-Estradizzjoni u l-Mandat ta’ Arrest Ewropew, DV Nru 46/05, tat‑3 ta’ Ġunju 2005, iktar ’il quddiem iz-“ZEEZA”). L-Artikolu 37 taz-ZEEZA jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew f’termini kważi identiċi għal dawk tal-Artikolu 8 ta’ din id-deċiżjoni qafas.

8        Skont il-punt 1 tal-Artikolu 56(1) taz-ZEEZA, il-prosekutur għandu l-kompetenza, fil-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali, li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront tal-persuna akkużata. Matul din il-fażi tal-proċedura kriminali, il-leġiżlazzjoni Bulgara ma tipprevedix il-possibbiltà għal qorti li tipparteċipa fil-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew jew li teżerċita stħarriġ tal-validità ta’ dan il-mandat ta’ arrest, la qabel u lanqas wara l-ħruġ tiegħu.

9        Skont l-Artikolu 200 tan-nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”), moqri flimkien mal-Artikolu 66 taz-ZEEZA, il-mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jiġi kkontestat biss quddiem l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-istanza superjuri.

10      Il-mandat ta’ preżentazzjoni, li huwa intiż sabiex iwassal lil persuna ssuspettata li tkun wettqet reat quddiem il-korpi ta’ investigazzjoni tal-pulizija, huwa rregolat mill-Artikolu 71 tan-NPK. Dan il-mandat ta’ preżentazzjoni jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors biss quddiem il-prosekutur pubbliku.

11      It-tqegħid taħt investigazzjoni ta’ persuna ssuspettata li wettqet ksur huwa rregolat b’mod partikolari mill-Artikolu 219 tan-NPK.

12      L-Artikolu 219(1) tan-NPK jistabbilixxi li, “[m]eta jinġabru biżżejjed provi tal-ħtija ta’ persuna partikolari […], il-korp ta’ investigazzjoni għandu jagħmel rapport lill-prosekutur pubbliku u jqiegħed lill-persuna taħt investigazzjoni billi jistabbilixxi ordni għal dan l-għan”. Dan huwa att maħruġ mill-korp ta’ investigazzjoni taħt il-kontroll tal-prosekutur pubbliku. Kif jirriżulta mill-Artikolu 219(4) sa (8) u mill-Artikolu 221 tan-NPK, din l-ordni hija intiża sabiex tinnotifika lill-persuna ssuspettata li wettqet reat bit-tqegħid tagħha taħt investigazzjoni u tagħtiha l-possibbiltà li tiddefendi ruħha. L-imsemmija ordni ma għandhiex bħala effett legali t-tqegħid taħt detenzjoni tal-persuna akkużata.

13      L-ordni ta’ tqegħid taħt investigazzjoni maħruġa mill-korp ta’ investigazzjoni ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors quddiem qorti. Hija tista’ tiġi kkontestata biss quddiem il-prosekutur pubbliku. L-Artikolu 200 tan-NPK jipprevedi fil-fatt li “[l]-ordni tal-korp ta’ investigazzjoni tista’ tiġi kkontestata quddiem il-prosekutur pubbliku. Id-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku, li ma hijiex suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju, tista’ tiġi appellata quddiem l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-istanza superjuri li d-deċiżjoni tiegħu hija definittiva”.

14      It-tqegħid taħt detenzjoni provviżorja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali huwa rregolat, matul il-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali, mill-Artikolu 64 tan-NPK.

15      Skont l-Artikolu 64(1) tan-NPK, “[i]l-miżura ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja għandha tiġi adottata matul il-proċedura preliminari mill-qorti tal-ewwel istanza kompetenti fuq talba tal-prosekutur pubbliku”.

16      Sabiex iressaq tali talba, il-prosekutur pubbliku għandu jevalwa jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 63(1) tan-NPK humiex issodisfatti sabiex jitlob lil din il-qorti timponi fuq il-persuna akkużata, wara t-tqegħid tagħha taħt investigazzjoni, l-iktar miżura severa ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja fil-kuntest tal-proċedura preliminari.

17      Konformement mal-Artikolu 64(2) tan-NPK, il-prosekutur pubbliku jista’ jadotta miżura li tordna t-tqegħid taħt detenzjoni tal-persuna akkużata għal tul massimu ta’ 72 siegħa bl-għan li jippermetti d-dehra ta’ din il-persuna quddiem il-qorti li hija kompetenti sabiex tadotta, jekk ikun il-każ, miżura ta’ detenzjoni provviżorja.

18      L-Artikolu 64(3) tan-NPK jipprovdi li “l-qorti għandha teżamina immedjatament il-kawża […] bil-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata”

19      Konformement mal-Artikolu 64(4) tan-NPK, il-qorti hija l-awtorità kompetenti sabiex teżamina t-talba għal tqegħid taħt detenzjoni provviżorja u sabiex tevalwa jekk ikunx hemm lok li timponi din il-miżura, li tagħżel li timponi miżura inqas severa jew li tirrifjuta b’mod ġenerali li timponi miżura proċedurali vinkolanti fil-konfront tal-persuna akkużata.

20      Skont l-Artikolu 270 tan-NPK, intitolat “Deċiżjonijiet dwar il-miżura koerċittiva u l-miżuri l-oħra ta’ stħarriġ ġudizzjarju matul il-proċedura kontenzjuża”:

“1.      Il-kwistjoni tal-bidla tal-miżura koerċittiva tista’ tiġi invokata fi kwalunkwe mument tal-proċedura kontenzjuża. Fil-każ li ċ-ċirkustanzi jinbidlu, tista’ tiġi ppreżentata talba oħra relatata mal-miżura koerċittiva quddiem il-qorti kompetenti.

2.      Il-qorti għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet f’seduta ppubblika.

[…]

4.      Id-digriet imsemmi fil-paragrafi 2 u 3 jista’ jiġi appellat […]”

 Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21      Fil-Bulgarija nbdew proċeduri kriminali kontra 41 persuna akkużata talli pparteċipaw f’organizzazzjoni kriminali ta’ traffikar ta’ drogi. 16 minn dawn il-persuni, fosthom MM, ħarbu.

22      Permezz ta’ ordni tat‑8 ta’ Awwissu 2019, meħuda skont l-Artikolu 71 tan-NPK, il-korp ta’ investigazzjoni ħareġ avviż ta’ tfittxija fil-konfront ta’ MM sabiex jittieħed b’mod obbligatorju għand is-servizzi tal-pulizija. Din l-ordni, li kienet toriġina minn investigatur tal-pulizija, qatt ma ġiet effettivament implimentata.

23      Permezz ta’ ordni tad‑9 ta’ Awwissu 2019, il-korp ta’ investigazzjoni, bl-awtorizzazzjoni tal-prosekutur pubbliku, qiegħed lil MM taħt investigazzjoni għall-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali ta’ traffikar ta’ drogi. Sa fejn MM kien ħarab, din l-ordni, li, skont il-qorti tar-rinviju, ma kellhiex bħala effett legali t-tqegħid tiegħu taħt detenzjoni, iżda kellha biss l-għan li tgħarrfu bl-akkużi miġjuba kontrih, ġiet innotifikata biss lill-avukat tiegħu maħtur ex officio.

24      Fis‑16 ta’ Jannar 2020, il-prosekutur pubbliku ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ MM. Fit-taqsima dwar id-“[d]eċiżjoni li fuqha huwa bbażat il-mandat”, fil-punt 1, intitolat “[m]andat ta’ arrest jew deċiżjoni ġudizzjarja li jkollha l-istess effett”, tissemma biss l-ordni tad‑9 ta’ Awwissu 2019 li permezz tagħha MM kien tqiegħed taħt investigazzjoni.

25      Fil-25 ta’ Marzu 2020, il-kawża tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju bil-għan li jiġi eżaminat il-mertu.

26      Fis‑16 ta’ April 2020, il-prosekutur pubbliku ressaq talba għat-tqegħid taħt detenzjoni provviżorja tal-persuni li kienu ħarbu, fosthom MM. Matul is-seduta pubblika li nżammet fl‑24 ta’ April 2020, il-qorti tar-rinviju ċaħdet din it-talba għar-raġuni li, skont id-dritt nazzjonali, ma kienx possibbli li tiġi ordnata tali detenzjoni fl-assenza tal-persuna akkużata.

27      Fil‑5 ta’ Lulju 2020, b’eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tas‑16 ta’ Jannar 2020, MM ġie arrestat fi Spanja. Fit‑28 ta’ Lulju 2020, huwa ġie kkonsenjat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Bulgari. Fl-istess jum, il-prosekutur pubbliku ressaq talba għat-tqegħid taħt detenzjoni provviżorja ta’ MM.

28      Fid‑29 ta’ Lulju 2020, fi tmiem seduta li matulha MM deher personalment u nstema’, il-qorti tar-rinviju ordnat it-tqegħid tiegħu taħt detenzjoni provviżorja.

29      Fil‑5 ta’ Awwissu 2020, MM appella mid-deċiżjoni li tordna t-tqegħid tiegħu taħt detenzjoni provviżorja, billi invoka b’mod partikolari l-illegalità tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontrih, u talab lill-qorti tal-appell tressaq talba għat-tressiq ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

30      Fl‑14 ta’ Awwissu 2020, il-qorti tal-appell ikkonfermat id-deċiżjoni li tordna t-tqegħid taħt detenzjoni provviżorja ta’ MM mingħajr ma eżaminat il-kwistjonijiet marbuta mad-difetti li jistgħu jivvizzjaw l-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew u billi ċaħdet it-talba għat-tressiq ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

31      Fis‑27 ta’ Awwissu 2020, MM ippreżenta rikors ġdid quddiem il-qorti tar-rinviju, skont l-Artikolu 270 tan-NPK, intiż sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjoni li tordna t-tqegħid tiegħu taħt detenzjoni provviżorja.

32      Matul is-seduta pubblika li nżammet fit‑3 ta’ Settembru 2020, MM invoka b’mod partikolari l-illegalità tal-mandat ta’ arrest Ewropew billi indika li din ma kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja Spanjola li eżegwixxietu, minħabba l-fatt li MM kien ta l-kunsens tiegħu li jiġi kkonsenjat lill-awtoritajiet Bulgari. MM invoka d-dritt li jinvoka din l-illegalità quddiem il-qorti tar-rinviju u sostna li l-imsemmija illegalità kienet tivvizzja d-deċiżjoni li tordna t-tqegħid tiegħu taħt detenzjoni provviżorja. Konsegwentement, MM talab it-tneħħija ta’ din id-deċiżjoni.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-mandat ta’ arrest Ewropew u l-att nazzjonali li fuq il-bażi tiegħu jinħareġ dan il-mandat għandhom jinħarġu biss mill-prosekutur pubbliku, mingħajr ma huwa possibbli li l-qorti tipparteċipa fil-ħruġ jew teżerċita stħarriġ qabel jew wara l-ħruġ tiegħu, hija konformi mal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni [Qafas 2002/584]?

2)      Mandat ta’ arrest Ewropew li jkun inħareġ fuq il-bażi ta’ att ta’ tqegħid taħt investigazzjoni fil-konfront tal-persuna mfittxija, fejn dan l-att ma jkunx jikkonċerna ż-żamma ta’ din il-persuna taħt detenzjoni, huwa konformi mal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584?

3)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv: f’sitwazzjoni fejn, [fil-ħruġ u fl-istħarriġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, parteċipazzjoni tal-qorti ma tkunx permessa] […] u minkejja li dan il-mandat ikun inħareġ fuq il-bażi ta’ att nazzjonali li ma jipprevedix iż-żamma taħt detenzjoni tal-persuna mfittxija, dan il-mandat ta’ arrest Ewropew ikun effettivament implimentat u l-persuna mfittxija tkun ikkonsenjata, il-persuna mfittxija għandha tingħata dritt għal rimedju effettiv fil-kuntest tal-istess proċedura kriminali bħal dik li matulha jkun inħareġ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew? Id-dritt għal rimedju effettiv jimplika li l-persuna mfittxija għandha titqiegħed fis-sitwazzjoni li kienet tkun fiha li kienu ma kienx hemm ksur?”

34      Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Diċembru 2020, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li d-deċiżjoni li tordna l-miżura provviżorja taħt il-forma ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja ta’ MM ġiet emendata fis‑27 ta’ Novembru 2020 u li din il-miżura provviżorja issa ħadet il-forma ta’ detenzjoni domiċiljarja.

 Fuq il-proċedura b’urġenza

35      Permezz ta’ att ippreżentat fl‑4 ta’ Settembru 2020, il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li tagħmel parti mill-oqsma koperti mit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, li jikkonċerna l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għaldaqstant hija tista’ tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

37      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-kriterju relatat mal-urġenza, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija, fid-data tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari, imċaħħda mil-libertà u li ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 38, kif ukoll tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 99).

38      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 21, 28, 31 u 32 ta’ din is-sentenza, fil-kawża prinċipali, MM huwa ssuspettat li pparteċipa f’organizzazzjoni kriminali ta’ traffikar ta’ drogi u deċiżjoni ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja ttieħdet kontra tiegħu fid‑29 ta’ Lulju 2020. Fis‑27 ta’ Awwissu 2020, MM ressaq, skont l-Artikolu 270 tan-NPK, talba quddiem il-qorti tar-rinviju intiża sabiex tiġi kkontestata l-legalità ta’ din id-deċiżjoni billi invoka, f’dan il-kuntest, l-illegalità tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontrih.

39      Minn dan isegwi li ż-żamma ta’ MM taħt detenzjoni provviżorja kienet tiddependi, fil-mument tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari, mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn ir-risposta tagħha għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jista’ jkollha konsegwenza immedjata fuq id-destin tad-deċiżjoni li tordna t-tqegħid tiegħu taħt detenzjoni provviżorja. Barra minn hekk, l-emenda tal-miżura koerċittiva ordnata kontra MM f’miżura ta’ detenzjoni domiċiljarja ma taffettwax din il-konklużjoni sa fejn din hija wkoll ta’ natura li tirrestrinġi kunsiderevolment il-libertà ta’ MM.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil‑21 ta’ Settembru 2020, it-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

41      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kwalità ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew u tad-deċiżjoni nazzjonali li fuqha dan tal-aħħar huwa bbażat.

42      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li kemm id-deċiżjoni ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll l-att nazzjonali ta’ tqegħid taħt investigazzjoni li abbażi tiegħu nħareġ dan il-mandat għandhom jitqiesu li ġew adottati mill-prosekutur pubbliku biss. Issa, sa fejn id-dritt nazzjonali applikabbli ma jipprevedi ebda rimedju ġudizzjarju kontra dawn l-atti, din il-qorti tqis li huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-konformità ta’ dan id-dritt mal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

43      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ma tikkontestax il-klassifikazzjoni tal-prosekutur pubbliku bħala awtorità ġudizzjarja emittenti, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fid-dawl tal-elementi żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun tista’ tadotta din il-klassifikazzjoni, jiġifieri, minn naħa, il-parteċipazzjoni tiegħu fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali u, min-naħa l-oħra, l-indipendenza tiegħu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet inerenti għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 51 u 74, kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours), C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077, punt 52).

44      Issa, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meħuda minn awtorità li ma hijiex qorti ma tikkostitwixxix kundizzjoni sabiex din l-awtorità tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala awtorità ġudizzjarja emittenti, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Tali rekwiżit ma jaqax taħt ir-regoli statutorji u organizzattivi tal-imsemmija awtorità, iżda jikkonċerna l-proċedura ta’ ħruġ ta’ tali mandat, li għandha tissodisfa r-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ tali stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meħuda minn awtorità li ma hijiex qorti hija rilevanti għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel parti tat-tielet domanda, b’mod li ser jiġu eżaminati fil-kuntest tar-risposta għal din id-domanda r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-każ fejn ikun jidher li, skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru emittenti, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew u tad-deċiżjoni nazzjonali li abbażi tagħha dan tal-aħħar ikun inħareġ ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju f’dan l-Istat Membru, kemm jekk qabel il-konsenja tal-persuna mfittxija jew wara din il-konsejna.

46      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwalità ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew u tad-deċiżjoni nazzjonali li fuqha dan tal-aħħar huwa bbażat.

 Fuq it-tieni domanda

47      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li mandat ta’ arrest Ewropew għandu jitqies invalidu meta ma jkunx ibbażat fuq “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

48      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li fuqu hija bbażata s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-fatt li l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali rispettivi tagħhom jinsabu f’pożizzjoni li jipprovdu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali, irrikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari, fil-Karta (sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi, C‑241/15, EU:C:2016:385, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Il-prinċipji ta’ rikonoxximent reċiproku u ta’ fiduċja reċiproka li fuqhom hija bbażata s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew huma msejsa fuq il-premessa li tgħid li l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni nħareġ b’mod konformi mar-rekwiżiti minimi li fuqhom tiddependi l-validità tiegħu, li fosthom hemm dak previst fl-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fil-fatt, il-protezzjoni ġudizzjarja li tinkludi żewġ livelli hija, bħala prinċipju, nieqsa f’sitwazzjoni li fiha proċedura ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew tkun ġiet applikata mingħajr ma tkun ittieħdet, qabel il-ħruġ ta’ dan tal-aħħar, deċiżjoni, bħall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, li fuqha huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew, minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi, C‑241/15, EU:C:2016:385, punti 57).

50      F’din il-perspettiva, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tipprevedi b’mod partikolari, fl-Artikolu 8(1)(c) tagħha, li l-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jinkludi informazzjoni, ippreżentata konformement mal-formola li tinsab fl-anness ta’ din id-deċiżjoni qafas, dwar l-eżistenza ta’ “sentenza esegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2” tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Din l-informazzjoni għandha tissemma fil-punt (b) tal-formola, li tinsab f’dan l-anness, intitolat “Deċiżjoni li fuqha huwa bbażat il-mandat”, u li l-punt 1 tagħha jipprevedi li għandu jiġi indikat il-“[m]andat ta’ arrest jew [id-]deċiżjoni ġudizzjarja li jkollha l-istess effett”.

51      Għandu jitfakkar li, għalkemm id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tinkludix definizzjoni preċiża tal-kunċett ta’ “mandat ta’ arrest jew ta’ […] deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva li jkollha l-istess effett”, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan jirrigwarda, fl-ewwel lok, att nazzjonali distint mid-deċiżjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi, C‑241/15, EU:C:2016:385, punt 58).

52      Fir-rigward, fit-tieni lok, ta’ dak li għandu jinftiehem bil-kunċett ta’ “deċiżjoni ġudizzjarja”, ġie deċiż li dan il-kunċett jirreferi għad-deċiżjonijiet kollha tal-awtoritajiet li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri, bl-esklużjoni tas-servizzi tal-pulizija (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Özçelik, C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860, punt 33).

53      Fir-rigward, fit-tielet lok, tan-natura tal-att imsemmi fl-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif indika, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 90 sa 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, att nazzjonali li jservi bħala bażi għal mandat ta’ arrest Ewropew għandu, anki jekk ma jissejjaħx “mandat ta’ arrest nazzjonali”, mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti, jipproduċi effetti legali ekwivalenti, jiġifieri dawk ta ’ordni ta’ tfittxija u ta’ arrest tal-persuna suġġetta għal proċeduri kriminali. Dan il-kunċett għalhekk ma jkoprix l-atti kollha li jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra persuna, iżda biss dawk li huma intiżi sabiex jippermettu, permezz ta’ miżura ta’ restrizzjoni ġudizzjarja, l-arrest ta’ din il-persuna sabiex titressaq quddiem qorti għall-finijiet tat-twettiq tal-atti tal-proċeduri kriminali.

54      F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-att nazzjonali li abbażi tiegħu nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew kontra MM huwa l-ordni ta’ tqegħid taħt investigazzjoni tad‑9 ta’ Awwissu 2019 adottata mill-prosekutur pubbliku, li l-għan tagħha huwa biss li tinnotifika lill-persuna kkonċernata bl-akkużi miġjuba kontriha u li tagħtiha l-possibbiltà li tiddefendi ruħha billi tipprovdi spjegazzjonijiet u offerti ta’ provi.

55      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat, bi tweġiba għal talba għal kjarifiki magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li, minbarra l-mandat ta’ preżentazzjoni li jirriżulta mid-digriet tat‑8 ta’ Awwissu 2019 maħruġ mis-servizzi tal-pulizija, ebda mandat ta’ arrest nazzjonali ieħor ma nħareġ fil-konfront ta’ MM. Il-qorti tar-rinviju tindika b’mod partikolari li ebda ordni meħuda abbażi tal-Artikolu 64(2) tan-NPK ma ġiet adottata fil-konfront ta’ MM.

56      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u sa fejn dawn għandhom ikunu eżatti, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu bħala bażi legali mandat ta’ arrest nazzjonali jew deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva li jkollha l-istess effett, kuntrarjament għal dak li jeżiġi l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, b’tali mod li dan il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa invalidu.

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li mandat ta’ arrest Ewropew għandu jitqies invalidu meta ma jkunx ibbażat fuq “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dan il-kunċett ikopri l-miżuri nazzjonali adottati minn awtorità ġudizzjarja għall-finijiet tat-tfittxija u tal-arrest ta’ persuna suġġetta għal proċeduri kriminali, bil-għan li titressaq quddiem qorti għall-finijiet tat-twettiq tal-atti tal-proċeduri kriminali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk att nazzjonali ta’ tqegħid taħt investigazzjoni, bħal dak li fuqu huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipproduċix tali effetti legali.

 Fuq it-tielet domanda

58      Permezz tat-tielet domanda tagħha, li tinkludi żewġ partijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, l-ewwel, jekk, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti li jipprevedu rimedju ġudizzjarju intiż sabiex jiġu mistħarrġa l-kundizzjonijiet li fihom mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ minn awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex fiha nnifisha qorti, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqrija fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali adita b’appell intiż sabiex tiġi kkontestata l-legalità tad-detenzjoni provviżorja ta’ persuna li kienet is-suġġett ta’ konsenja taħt mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fuq il-bażi ta’ att nazzjonali li ma jistax jiġi kklassifikat bħala “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) ta’ din id-deċiżjoni qafas, u li fil-kuntest tiegħu tqajjem aggravju bbażat fuq in-natura invalida ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew fid-dawl tal-liġi tal-Unjoni, li tiddikjara lilha nnifisha kompetenti sabiex twettaq tali stħarriġ ta’ validità. It-tieni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqrija fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li dawn jimponu li l-konstatazzjoni mill-qorti nazzjonali li tgħid li l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni nħareġ bi ksur tal-Artikolu 8(1)(c) ta’ din id-deċiżjoni qafas, sa fejn ma jkunx ibbażat fuq “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikollha bħala konsegwenza l-ħelsien tal-persuna mqiegħda taħt detenzjoni provviżorja wara li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun ikkonsenjaha lill-Istat Membru emittenti.

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali tar-rinviju sabiex teżamina l-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew

59      Permezz tal-ewwel parti tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, minkejja li hija kkonfrontata bil-konsegwenzi tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fil-kuntest ta’ rikors intiż għat-tneħħija tad-detenzjoni provviżorja ta’ MM, hija għandhiex tagħti l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva meħtieġa mill-Artikolu 47 tal-Karta jew jekk, għall-kuntrarju, għandhiex tastjeni mill-problema relatata mal-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew billi tagħti lil MM il-possibbiltà li jippreżenta rikors ġdid bil-għan li jikseb kumpens finanzjarju.

60      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont id-dritt proċedurali Bulgaru applikabbli fil-qasam kriminali, hija ma għandhiex il-possibbiltà, meta tiġi adita b’talba intiża sabiex tikkontesta l-legalità ta’ miżura ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja skont l-Artikolu 270 tan-NPK, li tistħarreġ b’mod inċidentali l-validità ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali jew Ewropew sa fejn hija ma hijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar id-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku li joħroġ tali mandat, peress li din tal-aħħar tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors biss quddiem l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-istanza superjuri.

61      Fl-aħħar nett, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, għal dak li jirrigwarda proċedura relatata ma’ mandat ta’ arrest Ewropew, il-garanzija tal-osservanza tad-drittijiet tal-persuna li tagħha qed tintalab il-konsenja hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru emittenti, li huwa preżunt li jirrispetta d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan tal-aħħar (sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 50, u tas‑6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali), C‑551/18, EU:C:2018:991, punt 66).

62      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew tinvolvi protezzjoni fuq żewġ livelli tad-drittijiet proċedurali u tad-drittijiet fundamentali li minnhom għandha tibbenefika l-persuna mfittxija, peress li, mal-protezzjoni ġudizzjarja prevista fl-ewwel livell, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, tiżdied dik li għandha tiġi żgurata fit-tieni livell, fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li jista’ jseħħ, jekk ikun il-każ, f’termini qosra, wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali (sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours), C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077, punt 59, kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja), C‑625/19 PPU, EU:C:2019:1078, punt 38).

63      Għalhekk, fir-rigward ta’ miżura li, bħall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, hija tali li tippreġudika d-dritt għal-libertà tal-persuna kkonċernata, din il-protezzjoni timplika li deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi adottata, għall-inqas, f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ dik il-protezzjoni (sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours), C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077, punt 60, kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja), C‑625/19 PPU, EU:C:2019:1078, punt 39).

64      Barra minn hekk, it-tieni livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata jippreżumi li l-awtorità ġudizzjarja emittenti tistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u teżamina b’mod oġġettiv, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha inkriminanti u li jiskaġunaw, u mingħajr ma tkun esposta għar-riskju li tiġi suġġetta għal istruzzjonijiet esterni, b’mod partikolari min-naħa tal-poter eżekuttiv, jekk dan il-ħruġ huwiex ta’ natura proporzjonata (sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours), C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077, punt 61, kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja), C‑625/19 PPU, EU:C:2019:1078, punt 40).

65      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, meta d-dritt tal-Istat Membru emittenti jagħti s-setgħa sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, waqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dak l-Istat Membru, ma hijiex fiha nnifisha qorti, id-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest bħal dan u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità ta’ tali deċiżjoni għandhom ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju, f’dak l-Istat Membru, li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja), C‑625/19 PPU, EU:C:2019:1078, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Tali rimedju kontra d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali meħuda minn awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u li tgawdi mill-indipendenza meħtieġa fir-rigward tal-poter eżekuttiv, ma tikkostitwixxix qorti intiża li tiggarantixxi li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni u l-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ dan il-mandat u, b’mod partikolari, tan-natura proporzjonali tagħha tosserva r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja), C‑625/19 PPU, EU:C:2019:1078, punt 42).

67      Għaldaqstant, huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw li l-ordinamenti ġuridiċi tagħhom jiggarantixxu b’mod effettiv il-livell ta’ protezzjoni ġudizzjarja meħtieġ mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ rimedji li huma jimplimentaw u li jistgħu jvarjaw minn sistema għall-oħra (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja), C‑625/19 PPU, EU:C:2019:1078, punt 43).

68      F’dan il-kuntest, l-istabbiliment ta’ dritt ta’ rimedju separat kontra d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meħud minn awtorità ġudizzjarja li ma hijiex qorti jikkostitwixxi biss possibbiltà f’dan ir-rigward (sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours), C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077, punt 65, kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja), C‑625/19 PPU, EU:C:2019:1078, punt 44).

69      Konsegwentement, il-preżenza, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, ta’ regoli proċedurali li permezz tagħhom il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u, b’mod partikolari, in-natura proporzjonata tiegħu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti, qabel jew fl-istess ħin mal-adozzjoni tiegħu, iżda wkoll sussegwentement, tissodisfa r-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours), C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077, punti 70 u 71, kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja), C‑625/19 PPU, EU:C:2019:1078, punti 52 u 53).

70      Għalkemm, skont l-awtonomija proċedurali li jibbenefikaw minnha, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-modalitajiet konkreti ta’ implimentazzjoni tal-għanijiet li hija ssegwi, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jiġi previst rikors ta’ ċerta natura kontra d-deċiżjonijiet dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, F, C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 52), xorta jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jostakolawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-deċiżjoni qafas, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni ġudizzjarja li hija l-bażi tagħha.

71      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-osservanza tal-Karta hija imposta, kif jirriżulta mill-Artikolu 51(1) tagħha, fuq l-Istati Membri u, konsegwentement fuq il-qrati tagħhom, meta dawn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, li huwa l-każ meta l-awtorità ġudizzjarja emittenti u l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi, C‑241/15, EU:C:2016:385, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan għandu jkun il-każ ukoll meta l-kwistjoni tkun tirrigwarda l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jiġi eżerċitat, b’mod dirett jew inċidentali, fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew.

72      Konsegwentement, meta d-dritt proċedurali tal-Istat Membru emittenti ma jipprevedix rimedju distint li jippermetti li jiġu mistħarrġa minn qorti l-kundizzjonijiet tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew kif ukoll in-natura proporzjonata tiegħu, la qabel jew fl-istess ħin mal-adozzjoni tiegħu u lanqas sussegwentement, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqrija fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li qorti li tintalab tagħti deċiżjoni fi stadju tal-proċeduri kriminali wara l-konsenja tal-persuna mfittxija għandha tkun tista’ tistħarreġ, b’mod inċidentali, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ dan il-mandat meta l-validità tal-imsemmi mandat tiġi kkontestata quddiemha.

73      Dan huwa b’mod partikolari l-każ f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-qorti inkwistjoni hija adita, fil-kuntest ta’ rikors intiż sabiex tiġi kkontestata l-legalità tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja ta’ persuna, b’talba li tikkontesta, b’mod inċidentali, ir-regolarità tal-proċedura ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ din il-persuna u, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ “mandat ta’ arrest jew ta’ kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sa fejn dan il-mandat ikun ippermetta l-arrest u d-dehra tal-imsemmija persuna kif ukoll l-adozzjoni sussegwenti ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà.

74      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel parti tat-tielet domanda hija li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti li jipprevedu rimedju ġudizzjarju intiż sabiex jiġu mistħarrġa il-kundizzjonijiet li fihom mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ minn awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex fiha nnifisha qorti, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqrija fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali adita b’appell intiż sabiex tiġi kkontestata l-legalità tad-detenzjoni provviżorja ta’ persuna li kienet is-suġġett ta’ konsenja taħt mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fuq il-bażi ta’ att nazzjonali li ma jistax jiġi kklassifikat bħala “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) ta’ din id-deċiżjoni qafas, u li fil-kuntest tiegħu tqajjem aggravju bbażat fuq in-natura invalida ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew fid-dawl tal-liġi tal-Unjoni, li tiddikjara lilha nnifisha kompetenti sabiex twettaq tali stħarriġ ta’ validità.

 Fuq il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni ta’ invalidità tal-mandat ta’ arrest Ewropew fuq id-detenzjoni provviżorja tal-persuna akkużata

75      Permezz tat-tieni parti tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-konstatazzjoni li l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa invalidu għandux ikollha l-konsegwenza li MM jitqiegħed fis-sitwazzjoni li kien ikun fiha li kieku l-ksur tad-dritt tal-Unjoni ma seħħx, li jkun jimplika f’dan il-każ it-tneħħija tad-detenzjoni provviżorja ta’ MM.

76      Konformement mal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-għan tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa li jippermetti l-arrest u l-konsenja ta’ persuna mfittxija sabiex, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija deċiżjoni qafas, ir-reat imwettaq ma jibqax mingħajr kastig u li jitressqu azzjonijiet kontra din il-persuna jew li din il-persuna tiskonta l-piena li ċċaħħad il-libertà imposta kontriha (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali), C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punt 39).

77      Minn dan isegwi li, kif osserva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 148 u 149 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-persuna mfittxija ġiet arrestata u sussegwentement ikkonsenjata lill-Istat Membru emittenti, il-mandat ta’ arrest Ewropew, bħala prinċipju, eżawrixxa l-effetti legali tiegħu, bl-eċċezzjoni għall-effetti tal-konsenja espressament previsti fil-Kapitolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u li, fid-dawl tal-limiti inerenti għall-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew, dan ma jikkostitwixxix titolu ta’ detenzjoni tal-persuna mfittxija fl-Istat Membru emittenti.

78      F’dan il-każ, id-detenzjoni provviżorja ta’ MM tirriżulta minn deċiżjoni meħuda fid‑29 ta’ Lulju 2020 wara talba mressqa mill-prosekutur pubbliku.

79      Barra minn hekk, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom miżura ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja tista’ tiġi deċiża u miżmuma fil-konfront ta’ persuna suġġetta għal proċeduri kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2018, Milev, C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punt 47, u tat‑28 ta’ Novembru 2019, Spetsializirana prokuratura, C‑653/19 PPU, EU:C:2019:1024, punt 28), huwa biss fil-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali tagħha li l-qorti kompetenti tista’ tiddeċiedi dwar tali miżura u tinterrompi, jekk ikun il-każ, l-eżekuzzjoni tagħha jekk tikkonstata li tali kundizzjonijiet ma għadhomx issodisfatti.

80      Għaldaqstant, la d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u lanqas l-Artikolu 47 tal-Karta ma jimponu fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li teħles lill-persuna suġġetta għal miżura ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja jekk hija tikkonstata li l-mandat ta’ arrest Ewropew li wassal għall-konsenja ta’ din il-persuna huwa invalidu.

81      Għaldaqstant, hija biss il-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tivverifika jekk miżura nazzjonali li ċċaħħad il-libertà ttieħditx fil-konfront tal-persuna akkużata u jekk ġietx adottata skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru emittenti. Barra minn hekk, hija din il-qorti li għandha tiddetermina, fid-dawl tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru emittenti, liema konsegwenzi l-assenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali validu jista’ jkollha fuq id-deċiżjoni ta’ tqegħid, u mbagħad ta’ żamma, taħt detenzjoni provviżorja ta’ persuna suġġetta għal proċeduri kriminali.

82      Konsegwentement, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqrija fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li dawn ma jimponux li l-konstatazzjoni mill-qorti nazzjonali li tgħid li l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni nħareġ bi ksur tal-Artikolu 8(1)(c) ta’ din id-deċiżjoni qafas, sa fejn ma jkunx ibbażat fuq “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikollha bħala konsegwenza l-ħelsien tal-persuna mqiegħda taħt detenzjoni provviżorja wara li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun ikkonsenjaha lill-Istat Membru emittenti. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi, skont id-dritt nazzjonali tagħha, liema konsegwenzi l-assenza ta’ tali att nazzjonali, bħala bażi legali tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, tista’ tipproduċi fuq id-deċiżjoni jekk il-persuna akkużata tinżammx jew le taħt detenzjoni provviżorja.

83      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li:

–        Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti li jipprevedu rimedju ġudizzjarju intiż sabiex jiġu mistħarrġa l-kundizzjonijiet li fihom mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ minn awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex fiha nnifisha qorti, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqrija fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali adita b’appell intiż sabiex tiġi kkontestata l-legalità tad-detenzjoni provviżorja ta’ persuna li kienet is-suġġett ta’ konsenja taħt mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fuq il-bażi ta’ att nazzjonali li ma jistax jiġi kklassifikat bħala “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) ta’ din id-deċiżjoni qafas, u li fil-kuntest tiegħu tqajjem aggravju bbażat fuq in-natura invalida ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew fid-dawl tal-liġi tal-Unjoni, li tiddikjara lilha nnifisha kompetenti sabiex twettaq tali stħarriġ ta’ validità.

–        Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqrija fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li dawn ma jimponux li l-konstatazzjoni mill-qorti nazzjonali li tgħid li l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni nħareġ bi ksur tal-Artikolu 8(1)(c) ta’ din id-deċiżjoni qafas, sa fejn ma jkunx ibbażat fuq “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikollha bħala konsegwenza l-ħelsien tal-persuna mqiegħda taħt detenzjoni provviżorja wara li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun ikkonsenjaha lill-Istat Membru emittenti. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi, skont id-dritt nazzjonali tagħha, liema konsegwenzi l-assenza ta’ tali att nazzjonali, bħala bażi legali tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, tista’ tipproduċi fuq id-deċiżjoni jekk il-persuna akkużata tinżammx jew le taħt detenzjoni provviżorja.

 Fuq l-ispejjeż

84      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwalità ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew u tad-deċiżjoni nazzjonali li fuqha dan tal-aħħar huwa bbażat.

2)      L-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, għandu jiġi interpretat fis-sens li mandat ta’ arrest Ewropew għandu jitqies invalidu meta ma jkunx ibbażat fuq “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dan il-kunċett ikopri l-miżuri nazzjonali adottati minn awtorità ġudizzjarja għall-finijiet tat-tfittxija u tal-arrest ta’ persuna suġġetta għal proċeduri kriminali, bil-għan li titressaq quddiem qorti għall-finijiet tat-twettiq tal-atti tal-proċeduri kriminali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk att nazzjonali ta’ tqegħid taħt investigazzjoni, bħal dak li fuqu huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipproduċix tali effetti legali.

3)      Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti li jipprevedu rimedju ġudizzjarju intiż sabiex jiġu mistħarrġa l-kundizzjonijiet li fihom mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ minn awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex fiha nnifisha qorti, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, moqrija fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali adita b’appell intiż sabiex tiġi kkontestata l-legalità tad-detenzjoni provviżorja ta’ persuna li kienet is-suġġett ta’ konsenja taħt mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fuq il-bażi ta’ att nazzjonali li ma jistax jiġi kklassifikat bħala “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) ta’ din id-deċiżjoni qafas, u li fil-kuntest tiegħu tqajjem aggravju bbażat fuq in-natura invalida ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew fid-dawl tal-liġi tal-Unjoni, li tiddikjara lilha nnifisha kompetenti sabiex twettaq tali stħarriġ ta’ validità.

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, moqrija fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandha tiġi interpretata fis-sens li dawn ma jimponux li l-konstatazzjoni mill-qorti nazzjonali li tgħid li l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni nħareġ bi ksur tal-Artikolu 8(1)(c) ta’ din id-deċiżjoni qafas, sa fejn ma jkunx ibbażat fuq “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikollha bħala konsegwenza l-ħelsien tal-persuna mqiegħda taħt detenzjoni provviżorja wara li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun ikkonsenjaha lill-Istat Membru emittenti. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi, skont id-dritt nazzjonali tagħha, liema konsegwenzi l-assenza ta’ tali att nazzjonali, bħala bażi legali tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, tista’ tipproduċi fuq id-deċiżjoni jekk il-persuna akkużata tinżammx jew le taħt detenzjoni provviżorja.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.