Language of document : ECLI:EU:T:2001:61

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla Estiża)

20 ta’ Frar 2001 (*)

“Rikors għal annullament – Kompetizzjoni – Deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni – Pagamenti ta’ penalitajiet perjodiċi – Dritt ta’ rifjut li tingħata risposta li timplika r-rikonoxximent ta’ ksur – Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali”

Fil-kawża T-112/98,

Mannesmannröhren-Werke AG, stabbilita f’Mülheim an der Ruhr (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Klusmann u K. Moosecker, avocats, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs


Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn K. Wiedner, bħala aġent, assistit minn M. Hilf, Professur, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta


li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(98)1204, tal-15 ta’ Marzu 1998, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11(5) tar-Regolament tal-Kunsill Numru 17,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn B. Vesterdorf, President, A. Potocki, A. W. H. ij, M. Vilaras u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur: H. Jung,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara l-proċedura orali tat-23 ta’ Mejju 2000,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 11, intitolat “Talbiet għall-informazzjoni”, tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU 13, 1962, p.204), jipprovdi, fil-paragrafi 1, 4 u 5:

“1. Fit-twettiq tad-doveri mogħtija lilha mill-Artikolu 89 u mid-dispożizzjonijiet adottati taħt l-Artikolu 87 tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’ takkwista l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Gvernijiet u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u minn impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi.

[...]

4. It-titolari ta’ l-impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni legali, kumpaniji jew ditti, jew assoċjazzjonijiet li m’għandhomx personalita legali, il-persuni awtorizzati li jirrappreżentawhom skond il-liġi jew skond il-kostituzzjoni tagħhom għandhom ifornu l-informazzjoni mitluba.

5. Meta impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi ma tfornix l-informazzjoni mitluba fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-Kummissjoni, jew tforni informazzjoni skorretta, il-Kummissjoni għandha permess ta’ deċiżjoni titlob li l-informazzjoni tiġi fornuta. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa, tistabilixxi limitu taż-żmien xieraq li fih din għandha tiġi fornuta u tindika l-penalitajiet pprovduti fl-Artikolu 15(1)(b) u l-Artikolu 16(1)(ċ) u d-dritt li tieħu d-deċiżjoni għar-reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.”

2        L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 17, intitolat “Pagamenti ta’ penalitajiet perjodiċi” jgħid:

“1. Il-Kummissjoni tista’ permess ta’ deċiżjoni timponi fuq impriża jew assoċjazzjonijiet ta’ [i]mpriżi pagamenti ta’ penalitajiet perjodiċi ta’ minn 50 sa 1000 unit ta’ rendikond għal kull ġurnata, ikkalkolati mid-data appuntata mid-deċiżjoni, sabiex iġġielhom:

[...]

(ċ) ifornu l-nformazzjoni kompluta u korretta li hija talbet permess tad-deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu11 (5);

[...]”

3        Barra minn hekk, l-Artikolu 6 (1) u (2) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ta’ l-4 ta’ Novembru 1950 (KEDB ) jipprovidi li:

“1. Fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u ta’ l-obbliġi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa ntitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi. [....]

(2) Kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu jiġi meqjus li jkun innoċenti sakemm ma jiġix pruvat ħati skond il-liġi.’”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

4        Il-Kummissjoni bdiet proċedura ta’ investigazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti u manufatturi oħra ta’ tubi ta’ l-azzar. Matul din l-investigazzjoni, hija wettqet, f’diversi drabi, diversi verifiki, b’mod partikolari għand ir-rikorrenti.

5        Fit-tmiem ta’ dawn il-verifiki, fit-13 ta’ Awwissu 1997, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti talba għal informazzjoni, li fiha ġew mistoqsija domandi dwar ksur allegat tar-regoli tal-kompetizzjoni li fih kien maħsub li r-rikorrenti kienet ħadet sehem.

6        Din it-talba għal informazzjoni kienet tinkludi, b’mod partikolari, l-erba’ domandi segwenti:

“1.6 Laqgħat bejn produtturi Ewropej u Ġappuniżi

Skond l-informazzjoni fil-pussess tal-Kummissjoni, l-impriża tiegħek ħadet sehem f’laqgħat bejn produtturi Ewropej u produtturi Ġappuniżi ta’ tubi bla saldatura. Tali laqgħat ġew żvolti fil-kuntest ta’ dak li fil-professjoni jissejjaħ “Europe-Japan Club”. Kien hemm laqgħat fil-livell tal-Presidenti ( “Presidents Meetings” jew “P-Meetings”), fil-livell tad-diriġenti (“Managers Committee” jew “Managers Meetings” jew “M-Meetings”), fil-livell ta’ l-esperti (“Experts Meetings” jew “E-Meetings”) u fil-livell ta’ gruppi ta’ xogħol (“Working Group”).

Jekk jogħġbok ipprovdi, għall-perijodu mill-1984 sal-lum:

–        id-dati, il-postijiet u l-impriżi li pparteċipaw f’kull waħda mil-laqgħat bejn produtturi Ewropej u Ġappuniżi ta’ tubi bla saldatura fil-livelli tal-Presidenti, tad-diriġenti, ta’ l-esperti u tal-gruppi tax-xogħol;

–        l-ismijiet tal-persuni li rrappreżentaw lill-impriża tiegħek fil-laqgħat imsemmija iktar ’il fuq u d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar (rendikont ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar, biljetti ta’ l-ajru etc.) ta’ dawn il-persuni;

–        kopja ta’ l-inviti kollha, aġendi, minuti, memorandums interni, records u kull dokument ieħor fil-pussess ta’ l-impriża tiegħek u/jew ta’ l-impjegati tiegħek dwar il-laqgħat imsemmija iktar ’il fuq;

–        għal-laqgħat li għalihom ma tistax issib id-dokumenti rilevanti, jekk jogħġbok iddeskrivi l-għan tal-laqgħa, id-deċiżjonijiet meħuda u t-tip ta’ dokumenti riċevuti qabel u wara l-laqgħa.

1.7 Laqgħat ‛Special Circe’

Skond l-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha, l-impriża tiegħek ipparteċipat f’laqgħat bejn produtturi ta’ tubi bla saldatura Ewropej fil-kuntest ta’ dak li huwa msejjaħ “Special Circle”.

Jekk jogħġbok ipprovdi, għall-perijodu mill-1984 sal-lum:

–        id-dati, il-postijiet u l-impriżi li pparteċipaw f’kull waħda mil-laqgħat bejn produtturi Ewropej ta’ tubi bla saldatura fil-livelli tal-Presidenti, tad-diriġenti, ta’ l-esperti u tal-gruppi ta’ xogħol;

–        l-isem tal-persuni li rrappreżentaw lill-impriża tiegħek fil-laqgħat imsemmija iktar ’il fuq u d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar (rendikont ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar, biljetti ta’ l-ajru etc.) tat-tali persuni;

–        kopja ta’ l-inviti kollha, aġendi, minuti, memorandums interni, records u kull dokument ieħor fil-pussess ta’ l-impriża tiegħek u/jew ta’ l-impjegati tiegħek dwar il-laqgħat imsemmija iktar ’il fuq;

–        għal-laqgħat li għalihom ma tistax issib id-dokumenti rilevanti, jekk jogħġbok iddeskrivi l-għan tal-laqgħa, id-deċiżjonijiet meħuda u t-tip ta’ dokumenti riċevuti qabel u wara l-laqgħa.

1.8 Ftehim ta’ l-1962

Bejn l-1 ta’ Jannar 1962 u Lulju 1996 l-impriża tiegħek kienet parti kontraenti f’erba’ ftehim li jikkonċernaw l-OCTG [tubi tat-tħaffir ta’ l-azzar] u l-line pipes (Quota agreement for OCTG, Price agreement for Linepipe, Supplementary agreement). X’inhi r-relazzjoni bejn dawn il-ftehim u l-Europe-Japan Club imsemmi iktar ’il fuq u l-“Ispecial Circle”?

Sa liema estent l-eżistenza u l-implementazzjoni ta’ dawn il-ftehim influwenzaw id-deċiżjonijiet adottati fi ħdan il- “Europe-Japan Club”u/jew fi ħdan l- “Ispecial Circle”?

Sa liema estent id-deċiżjonijiet adottati fi ħdan il-“Europe-Japan Club” u/jew fi ħdan l-“Ispeċial Circle” influwenzaw l-implementazzjoni tal-ftehim imsemmija iktar ’il fuq?

2.3 Laqgħat bejn produtturi Ewropej u Ġappuniżi

Skond l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni, l-impriża tiegħek ipparteċipat f’laqgħat bejn produtturi Ewropej u produtturi Ġappunizi ta’ tubi ssaldjati ta’ diametru kbir.

Jekk jogħġbok ipprovdi għall-perijodu mill-1984 sal-lum:

–        id-dati, il-postijiet u l-impriżi li pparteċipaw f’kull waħda mil-laqgħat bejn produtturi Ewropej u Ġappuniżi ta’ tubi ssaldjati ta’ diametru kbir fil-livelli tal-Presidenti, tad-diriġenti, ta’ l-esperti u tal-gruppi ta’ xogħol;

–        l-isem tal-persuni li rrappreżentaw lill-impriża tiegħek fil-laqgħat imsemmija iktar ’il fuq u d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar (rendikont ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar, biljetti ta’ l-ajru etc.) tat-tali persuni;

–        kopja ta’ l-inviti kollha, aġendi, minuti, memorandums interni, records u kull dokument ieħor fil-pussess ta’ l-impriża tiegħek u/jew ta’ l-impjegati tiegħek dwar il-laqgħat imsemmija iktar ’il fuq;

–        għal-laqgħat li għalihom ma tistax issib id-dokumenti rilevanti, jekk jogħġbok iddeskrivi l-għan tal-laqgħa, id-deċiżjonijiet meħuda u t-tip ta’ dokumenti riċevuti qabel u wara l-laqgħa.

7        Permezz ta’ ittra ta’ l-14 ta’Ottubru 1997, l-avukati tar-rikorrenti rrispondew għal xi wħud mid-domandi tat-talba għal informazzjoni, imma rrifjutaw illi jirrispondu għall-erba’ domandi msemmija iktar ’il fuq. Permezz ta’ ittra tat-23 ta’Ottubru 1997, ir-rikorrenti kkonfermat il-kontenut tar-risposta ta’ l-avukati tagħha.

8        Fir-risposta tagħha ta’ l-10 ta’ Novembru 1997, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument tar-rikorrenti li din ma kinitx obbligata tirrispondi għall-erba’ domandi msemmija iktar ’il fuq. Konsegwentement, il-Kummissjoni, iffissat terminu ta’ għaxart ijiem li jibda jiddekorri mir-riċevuta ta’ l-ittra tagħha sabiex jiġu pprovduti lilha r-risposti għall-imsemmija domandi, billi invokat l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 17. Hija żiedet li fil-każ li r-rikorrenti ma tirrispondix għal dawn id-domandi fit-terminu mogħti jista’ jiġi impost fuqha pagament ta’ penalitajiet perjodiku

9        Permezz ta’ ittra ta’ l-avukati tagħha tas-27 ta’ Novembru 1997, ir-rikorrenti irtirat ir-rifjut tagħha li tipprovdi l-informazzjoni mitluba.

10      Fil-15 ta’ Mejju 1998, il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11(5), tar-Regolament Nru 17 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). L-Artikolu 1 jipprevedi li r-rikorrenti għandha tirrispondi fi żmien 30 jum li jibda jiddekorri minn notifika tad-deċiżjoni kkontestata għall-erba’ domandi in kwistjoni, annessi magħha. L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li , “[f]in-nuqqas tar-rikorrenti li tipprovdi l-informazzjoni mitluba taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1, jiġi impost fuqha pagamenti ta’ penalitajiet perjodiku ta’ ECU 1 000 għal kull jum ta’ dewmien li jibda jiddekorri mill-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 1”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Proċedura

11      Permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ Lulju 1998, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

12       B’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u fuq proposta ta’ l-Ewwel Awla, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, wara li semgħet il-partijiet skond l-Artikolu 51 tar-Regoli msemmija, li tibgħat il-kawża quddiem Kulleġġ Ġudikanti estiż.

13      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla Estiża) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

14      Is-sottomissjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza ġew mismugħa fis-seduta tat-23 ta’ Mejju 2000.

15       Permezz ta’ fax irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ Diċembru 2000, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tieħu in kunsiderazzjoni l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU C364, 2000, p.1) proklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (iktar ’il quddiem il-“Karta”) għall-evalwazzjoni ta’ din il-kawża, għar-raguni li din kienet tikkostitwixxi element ġuridiku ġdid fuq l-applikabbilta’ ta’Artikolu 6 (1) tal-KEDB għall-fatti tal-kawża. Sussidjarjament hija titlob li l-proċedura orali terġa tinfetaħ.

16      Wara li ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-talba, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Jannar 2001, ċaħdet l-argument tar-rikorrenti, billi sostniet illi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropjea m’għandha ebda rilevanza għall-evalwazjoni ta’ din il-kawża.

 It-talbiet tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarament tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

18       Il-Kummissjoni titolb lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli safejn dan huwa intiż għall-annullament ta’l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat safejn dan huwa intiż għall-annullament ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata;

–         tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż

19      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat illi “ma kellha la l-intenzjoni u lanqas is-setgħa li teżegwixxi l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata”. Konsegwentement għal din il-konferma, ir-rikorrenti rtirat it-talbiet tagħha għall-annullament tat-tali Artikolu u, konsegwentement, hija rtirat il-motivi marbuta magħhom, li ta’ dan ġiet mehuda nota formali.

 Fuq il-mertu

20      In sostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tinvoka erba’ talbiet ta’ dritt. Qabel kollox, għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel tliet motivi li kollha jittrattaw allegat ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża.

 L-argumenti tal-partijiet

 Fuq l-ewwel motiv

21      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq is-sentenza tal-Qorti tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni (374/87, Ġabra p.3283, iktar ’il quddiem is-“sentenza Orkem”).

22      Ir-rikorrenti ssostni li, huwa veru li impriża hija obbligata tipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha neċessarja dwar fatti li hija tista’ tkun taf dwarhom u tikkomunikalha, skond il-bżonn, id-dokumenti relatati li huma fil-pussess tagħha, anke jekk dawn jistgħu jservu sabiex tiġi stabbilita, kontriha jew kontra impriża oħra, l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv. Madankollu, dan l-obbligu u d-dritt korrispondenti tal-Kummissjoni ġew suġġetti mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-kundizzjoni li d-drittijiet ta’ difiża ta’ l-impriża kkonċernata ma jiġux ippreġudikati minn deċiżjoni li teħtieġ il-provvista ta’ informazzjoni (sentenzi Orkem, punt 34, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Marzu 1995, Société générale vs Il-Kummissjoni, T-34/93, Ġabra p. II-545, punti u seq.). Dawn il-prinċipji ġew estiżi għall-istadju ta’ l-investigazzjoni preliminari. Ir-rikorrenti żżid illi, fis-sentenza Orkem, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-drittijiet tad-difiża ġew ippreġudikati meta l-Kummissjoni ma talbitx biss informazzjoni dwar il-fatti, imma għamlet ukoll domandi dwar il-finalita’ ta’ l-azzjoni meħuda u l-għan ta’ ċerti laqgħat. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala illegali domanda ta’ natura tali li tisforza lir-rikorrenti tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim li jista’ jostakola jew jirristrinġi l-kompetizzjoni. F’din il-kawża d-domandi li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata għandhom l-istess finalità illegali.

23      Fir-rigward tad-domanda 1.6, in-natura illegali tagħha tirriżulta. qabel kollox, mill-kliem tagħha fis-sens illi dan juri li l-Kummissjoni kellha diġà fil-pussess tagħha informazzjoni fattwali rigward il-laqgħat imsemmija. Din in-natura illegali tirriżulta wkoll mid-domanda magħmula lir-rikorrenti fir-raba’ inċiż ta’ din id-domanda fejn ir-rikorrenti hija mitluba tiddeskrivi l-għan tal-laqgħat in kwistjoni u d-deċiżjonjiet meħuda waqt dawn il-laqgħat fil-każ fejn hija ma jkollhiex id-dokumenti “rilevanti”, Din il-ħtieġa tirrelata neċessarjament ma’ l-għan ta’ dawn il-laqgħat u mal-kontenut u/jew l-għan eventwalment illegali. Kieku ftehim jew prattika mifthema antikompetittiva kienu ġew diskussi jew deċiżi matul dawn il-laqgħat, ir-rikorrenti kienet tkun neċessarjament imwassla, hija u tirrispondi għal din il-parti tad-domanda, tammetti direttament li dawk li pparteċipaw fil-laqgħat kienu qed isegwu għan antikompetittiv. L-elementi kkomunikati b’risposta għal din il-parti tad-domanda jippermettu wkoll lill-Kummissjoni tinterpreta r-risposti mogħtija għad-domandi li jinstabu fit-tliet inċiżi l-oħra ta’ din id-domanda bħala konfermazzjoni ta’ l-ammissjoni ta’ aġir illegali. Għalhekk, l-obbligu li tingħata risposta għal dawn id-domandi jwassal ukoll, fir-rigward ta’ kull waħda minnhom, għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

24      L-istess japplika fir-rigward tad-domanda 1.7, li teħtieġ, f’mod simili, indikazzjonijiet dwar l-għan imfittex mill-parteċipanti tal-laqgħat tal-produtturi Ewropej ta’ tubi bla saldatura fil-kuntest ta’ l-“Ispecial Circle” u informazzjoni dwar is-suġġetti diskussi u d-deċiżjonijiet adottati matul ċerti laqgħat minn dawn.

25      Id-domanda 1.8 ma tirrigwardax il-fatti u, fir-rigward tas-segħat li jagħti l-Artikolu 11(1) u (5), tar-Regolament Numru 17, dan irrendiha illegali. Fil-fatt, il-Kummissjoni tista’ teżiġi biss informazzjoni dwar sitwazzjonijiet ta’ fatt. Għall-kuntrarju, hija ma għandhiex id-dritt titlob pariri jew deċiżjonijiet ta’ valur u lanqas li tistieden lir-rikorrenti tagħmel assunzjonijiet jew tiġbed konklużjonijiet. F’din il-kawża, il-kwistjoni dwar ir-“relazzjoni” bejn ftehim ġuridiċi li għandha l-Kummissjoni u ċertu ksur preżunt tikkonċerna esklużivament l-evalwazzjoni ta’ stat ta’ fatt. Barra minn dan, jekk il-laqgħat fil-kuntest tal-“Europe-Japan Club” u ta’ l-“Ispecial Circle” kellhom għan antikompetittiv u jekk kien hemm relazzjoni bejn dawn il-laqgħat u l-ftehim magħruf mill-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar tista’ tkun informata dwar dan biss permezz ta’ l-ammissjoni ta’ aġir antikompetittiv, illi, ħadd ma jista’ jiġi kostrett li jagħmel skond il-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza Orkem.

26      Fir-rigward tad-domanda 2.3, peress illi din għandha l-istess kliem bħall-ewwel żewġ domandi, l-argumenti invokati fir-rigward ta’ dawn it-tnejn ta’ l-aħħar japplikaw għal din mutatis mutandis.

27      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, fis-sentenza Société générale (punt 75), il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċiment ikkonstatat illi domanda li in prinċipju hija fattwali ma ssirx illegali bil-fatt biss illi, sabiex tingħata risposta għaliha, huwa neċessarju wkoll li tiġi kkunsidrata l-interpretazzjoni tal-ftehim illi huma preżunti li huma antikompetittivi. Madankollu, ma jista’ fl-ebda każ jiġi dedott minn tali konstatazzjoni li d-domandi intiżi għal interpretazzjonijiet jew evalwazzjonijiet huma dejjem legali u għalhekk għandhom jiġu mogħtija risposta. Fil-fatt, fl-imsemmija kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza preċiżament osservat illi, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11(5), tar-Regolament Numru 17, l-impriżi huma obbligati biss jagħtu risposti “purament ta’ fatt”.

28      Il-Kummissjoni ssostni li, fil-kors tal-proċedura ta’ invesitgazzjoni preliminari, impriżi huma obbligati jikkomunikawlha l-fatti kollha li huma jafu bihom u li dwarhom il-Kummissjoni tistaqsihom permezz ta’ talba għal informazzjoni. L-impriżi għandhom ukoll l-obbligu li jibagħtulha d-dokumenti kollha li jirrigwardaw dawn il-fatti. L-għan ta’ dan l-obbligu huwa li tiġi garantita kemm l-effettività tad-dritt Komunitarju dwar ftehim u prattiċi restrittivi kif ukoll iż-żamma tas-sistema ta’ kompetizzjoni intiża mit-Trattat KE, li l-impriżi għandhom l-obbligu assolut li jirrispettaw. Ir-rikorrenti ma tistax topponi b’suċċess għal tali obbligu permezz tad-drittijiet ta’difiża. Ir-Regolament Numru 17 jagħti lill-impriżi in kwistjoni ċerti garanziji proċedurali matul il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, imma ma jawtorizzahomx jastjenu milli jirrispondu għal ċerti domandi għar-raġuni li r-risposti tagħhom jistgħu jservu sabiex jiġi stabbilit illi huma kisru r-regoli tal-kompetizzjoni u jikkostitwixxu b’dan il-mod awto-inkriminazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni tammetti li hija ma tistax tobbliga lil impriża tagħti risposti li permezz tagħhom din tkun imwassla tammetti l-eżistenza tal-ksur illi hija l-istituzzjoni li għandha tressaq prova tiegħu.

29      Għalhekk, skond il-Kummissjoni kull impriża hija obbligata tikkomunika, wara talba għal informazzjoni, il-fatti kollha rilevanti fir-rigward tad-dritt dwar ftehim u prattiċi restrittivi. Għall-kuntrarju, huwa pprojbit li impriża tiġi mistoqsija dwar l-intenzjonijiet, l-għan jew il-finalita’ ta’ ċerta prattiċi jew miżuri, peress illi tali domandi jistgħu jikkostrinġuha tammetti ksur.

30      Il-Kummissjoni tosserrva li d-domandi 1.6, 1.7 u 2.3 jikkorrisspondu, fil-parti l-kbira, għal dawk li hija għamlet fil-kawża li tat lok għas-sentenza Orkem u li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mhumiex oġġezzjonabbli. Tali domandi huma intiżi sabiex tinkiseb informazzjoni dwar iż-żamma ta’ laqgħat u dwar il-kwalita tal-parteċipanti kif ukoll il-komunikazzjoni ta’ dokumenti relatati magħhom. L-informazzjoni kollha mitluba tirrigwarda għaldaqstant fatti oġġettivi u ma timplikax l-ammissjoni ta’ aġir illegali. Għaldaqstant din ma tistax tiġi kkritikata.

31      Id-domanda 1.8 tirrigwarda erba’ ftehim konklużi mir-rikorrenti fl-1962 u nnotifikati lill-Bundeskartellamt (Uffiċċju Federali għas-Sorvelljanza ta’ Kartelli u Akkordji). Skond il-Kummissjoni, din id-domanda hija purament ta’ fatt u allura regolari. Din tibqa’ hekk anki fil-każ li hija teżiġi wkoll interpretazzjoni ta’ dawn il-ftehim (sentenza Société générale, punt 75).

32      Finalment, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma rrikonoxitx l-eżistenza tad-dritt li wieħed ma jixhidx kontra tiegħu nnifsu (Orkem, punt 27).

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 6(1), tal-KEDB

33      Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni hija obbligata tirrispetta fil-proċeduri tagħha l-Artikolu 6 tal-KEDB (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, T-213/95 u T-18/96, Ġabra p. II-1739, punti 41, 42 u 53). Id-drittijiet fundamentali garantiti mill-KEDB, bħala prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, għandhom preċedenza fuq is-sempliċi regoli previsti fir-Regolament Nru 17. Barra minn hekk, jirriżulta mill-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni tqis illi hija obbligata tirrispetta l-KEDB.

34      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tal-KEDB, ir-rikorrenti ssostni li l-imsemmi Artikolu jagħti dritt lil, b’mod partikolari, kull persuna li kontriha tkun tressqet akkuża kriminali. “Kull persuna” tfisser kemm il-persuni fiżiċi kif ukoll il-persuni ġuridiċi (opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem annessa ma’ Qorti Ewropea D.B. sentenza Stenuit tas-27 ta’ Frar 1992, Serje A, Nru 232-A). Ir-rikorrenti żżid illi l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ddeċidiet f’dan is-sens fis-sentenza Orkem billi rrikonoxxiet espressament illi mhux il-persuni fiżiċi biss, imma wkoll l-impriżi li fir-rigward tagħhom investigazzjoni hija mibdija fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni jistgħu jinvokaw d-drittijiet fundamentali garantiti mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll b’mod impliċitu li l-fatt li l-Kummissjoni m’għandhiex il-kwalita ta’ “qorti” ma jiġġustifikax il-fatt li tiġi mwarrba l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

35      Proċedura ta’ investigazzjoni intiża sabiex jiġu imposti sanzjonijiet tikkostitwixxi wkoll “akkuża kriminali” fis-sens ta’ Artikolu 6 tal-KEDB (Qorti Ewropea, sentenza Öztürk tal-21 ta’ Frar 1984, Serje A, Nru 73, § 56). Il-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fl-opinjoni tagħha ċċitata iktar ’il fuq, adottat dan l-approċċ rigward proċedura taħt id-dritt dwar ftehim u prattiċi ristrettivi li wasslet għal multa.

36      Skond ir-rikorrenti, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 6 tal-KEDB teċċedi nettament dik tal-prinċipji rikonoxxuti fis-sentenza Orkem. Tali Artikolu mhux biss jippermetti lill-persuni li jkunu s-suġġett ta’ proċedura li tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ multa jirrifjutaw li jirrispondu għad-domandi jew li jipprovdu dokumenti li fihom informazzjoni dwar l-għan ta’ prattiċi antikompetittivi, imma jistabbilixxi wkoll id-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifisu permezz ta’ azzjoni pożittiva.

37      Ir-rikorrenti ssostni li, fis-sentenza Funke tal-25 ta’ Frar 1993, (serje A numru 256-A), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti Ewropea”) iddeċidiet li kull miżura intiża sabiex tikkostrinġi persuni fiżiċi jew ġuridiċi suġġetti għal proċedura ta’ investigazzjoni jinkriminaw ruħhom permezz ta’ azzjoni pożittiva tikser l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni, u dan indipendentement minn dak li tipprovdi d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali invokata mill-amministrazzjoni li tmexxi l-investigazzjoni.

38      F’dan is-sens, għandhom jiġu kkwalifikati bħala miżuri illegali mhux biss il-ħtieġa ta’ konfessjoni fiha nnifisha jew ta’ indikazzjoni ta’ l-għan antikompetittiv ta’ ċerti laqgħat, imma wkoll l-eżerċizzju ta’ pressjoni, bit-theddid ta’ sanzjonijiet, bil-għan li jippermetti lill-Kummissjoni tikseb kontra r-rikorrenti elementi inkriminanti. It-talba, taħt it-theddida ta’ sanzjonijiet, tat-tfittxija u l-produzzjoni ta’ dokumenti relatati ma’ laqgħat li l-Kummissjoni tissuspetta li r-rikorrenti pparteċipat għalihom, u li hija tqis li huma ta’ natura illegali li tista’ tiġġustifika sanzjonijiet fil-kuntest ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, jkollha bħala effett li r-rikorrenti tiġi obbligata takkuża lilha nnifisha. Il-minuti, n-noti u d-dokumenti relatati ma’ l-ispejjeż ta’ l-ivjaġġar jew ma’ informazzjoni oħra relatata mal-laqgħat li, skond il-Kummissjoni, kellhom għan li jmur kontra l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (li issa sar l-Artikolu 81 KE), għandhom jiġu kkunsidrati bħala li m’għandhomx jiġu mfittxija jew prodotti mir-rikorrenti.

39      Ir-rikorrenti ssostni li, abbażi ta’ l-Artikolu 6(1) tal-KEDB, hija tista’ legalment tirrifjuta li jkollha kull aġir pożittiv li jobbligaha tixhed direttament kontriha nnifisha f’ proċedura ta’ investigazzjoni, indipendentement minn jekk, fid-dawl tal-prinċipji, li issa huma parzjalment imwarrba, rikonoxxuti fis-sentenza Orkem, tali aġir jwassalhiex tipprovdi elementi inkriminanti, jew tammetti għanijiet illegali jew intenzjonijiet antikompetittivi. Dan il-motiv għaldaqstant kellu wkoll jostakola l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

40      Ir-rikorrenti żżid seba’ punti, bil-għan li turi l-applikabbilta’ tal-KEDB fil-kawża preżenti.

41      Fl-ewwel lok, hija ssostni li jirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow (C-299/95, Ġabra p. I-2629, punt 14), u tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C-185/95 P, Ġabra p. I-8417), li miżuri inkompatibbli mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti u garantiti mill-KEDB ma jistgħux jiġu ammessi fil-Komunita’ Ewropea.

42      Fit-tieni lok, hija ssostni li l-Qorti Ewropea, fis-sentenzi Funke u Öztürk iċċitati iktar ’il fuq, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fl-opinjoni tagħha, iċċitata iktar ’il fuq, irrikonoxxew id-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu fi proċedura nazzjonali jew li taqa’ taħt id-dritt Komunitarju. Ir-rikorrenti żżid li, fis-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-Artikolu 6 tal-KEDB huwa applikabbli fil-kuntest ta’ proċeduri li jistgħu jwasslu għal multa b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 17.

43      Fit-tielet lok, hija tallega li l-prinċipji stipulati fis-sentenza Orkem ma kinux ġew ikkonfermati la fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Ottubru 1993, Otto (C-60/92, Ġabra p. I-5683), u lanqas fis-sentenza Société générale.

44      Fir-raba’ lok, mhemmx bażi għall-Kummissjoni sabiex issostni li l-kapaċita’ tagħha li teżerċita l-attivita’ tagħha u l-implementazzjoni tad-dritt Komunitarju dwar ftehim u prattiċi ristrettivi tiddependi parzjalment fuq jekk hija tistax jew le tobbliga lill-impriżi kkonċernati jinkriminaw lilhom nfushom.

45      Fil-ħames lok, ir-rikorrenti tfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenzi Orkem (punt 30) u Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (punt 21), l-applikazzjoni tad-drittijiet garantiti mill-KEDB ma tiddependix mid-distinzjoni bejn persuni fiżiċi u persuni ġuridiċi.

46      Fis-sitt lok, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dritt Ewropew mhemmx, “kuntest limitat ħafna tad-dritt penali strictu sensu”, kif invokat mill-Kummissjoni, b’drittijiet u obbligi partikolari. L-evalwazzjoni tad-domanda dwar jekk il-kunċett ta’ “akkuża f’materja kriminali” fis-sens tal-KEDH jinkludix ukoll is-sanzjonijiet amministrattivi u l-multi tiddependi biss min-natura tagħhom ta’ sanzjoni. Dan il-kunċett huwa mifhum u interpretat b’mod awtonomu mill-Qorti Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Qorti Ewropea D.B., sentenza Neumeister tas-27 ta’ Ġunju 1968, serje A Nru 8, §18, u sentenza, Öztürk, iċċitata iktar ’il fuq, §50). L-argument tal-Kummissjoni, li hija m’għandha l-ebda kompetenza f’materja kriminali mhuwiex għaldaqstant rilevanti għall-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Skond ir-rikorrenti, minn dan li jippreċedi jirriżulta li d-dritt Ewropew tal-ftehim u prattiċi ristrettivi u l-applikazzjoni tiegħu, jaqgħu wkoll taħt id-dritt “kriminali” skond il-KEDB.

47      Fl-aħħar lok, hija ssostni li l-Kummissjoni għandha tkun ikkunsidrata bħala “qorti” fis-sens ta’ Artikolu 6(1) tal-KEDB.

48      Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, illi anke jekk id-drittijiet garantiti mill-KEDB jikkostitwixxu sors ta’ ispirazzjoni għall-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, għad-drittijiet fundamentali, sa fejn l-Istati Membri kollha aderew għall-KEDB b’mod illi din tirrifletti n-norma komuni għall-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, il-legalità’ ta’ l-atti ta’ l-organi Komunitarji ma tistax, madankollu, tiġi evaluata direttament fir-rigward ta’ din il-Konvenzjoni. Id-deċiżjoni kkontestata ma setgħatx għaldaqstant ġiet adottata bi ksur ta’ Artikolu 6 tal-KEDB.

49      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Qorti Ewropea ddeċidiet illi, skond l-Artikolu 6 tal-KEDB, kull min jiġi eżaminat, fis-sens tal-Konvenzjoni, għandu d-dritt sabiex iżomm is-silenzju jew illi jirrifjuta li jixhed tiegħu nnifsu. Madankollu, hija tinvoka ħames argumenti sabiex turi illi Artikolu 6(1) tal-KEDB mhuwiex applikabbli fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti.

50      Fl-ewwel lok, hija tenfasizza li, sa llum, il-Qorti Ewropea qatt ma ddeċidiet illi d-dritt li wieħed ma jixhiedx kontra tiegħu nnifsu kellu jiġi rikonoxxut fil-qasam ta’ ftehim jew prattiċi restrittivi fi proċedura nazzjonali jew fil-proċedura Komunitarja.

51      Fir-rigward tal-proċedura Komunitarja, il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari, għall-partikolaritajiet tagħha, jiġifieri li din tikkonċerna biss persuni ġuridiċi u li, fl-ebda każ, ma tista’ twassal għal akkuża kriminali jew għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni kriminali fil-veru sens tal-kelma.

52      Fit-tieni lok, hija ssostni li l-Qorti Ewropea għada ma ddeċidietx illi d-dritt li wieħed ma jixhiedx kontra tiegħu nnifsu jista’ jiġi applikat għal persuni ġuridiċi.

53      Fit-tielet lok, hija tallega li d-dritt tal-persuna kkonċernata li tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni li jesponuha għar-riskju li tixhed kontra tagħha nnifsha ġie aċċettat mill-Qorti Ewropea biss fil-qasam limitat ħafna tad-dritt kriminali strictu sensu u tradizzjonali, jiġifieri fil-kuntest ta’ proċeduri li fihom tista’ tiġi mogħtija sentenza li tippriva l-libertà u li, minħabba n-natura partikolari tas-sanzjoni sostnuta, setgħu manifestament jiġu kkwalifikati bħala akkużi fil-qasam kriminali fis-sens ta’ l-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

54      Fir-raba’ lok, hija ssostni li hija mhijiex “qorti” u li, għalhekk, il-prinċipji li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB ma japplikawx f’dan il-każ preżenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Enso Española vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II-1875, punt 56). In-nuqqas ta’ kompetenza ġurisdizzjonali tal-Kummissjoni għandha bħala konsegwenza li proċedura fil-qasam ta’ ftehim u prattiċi ristrettivi m’għandhiex natura kriminali. Il-prinċipji li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tal-KEDB mhumiex għaldaqstant applikabbli għall-proċedura ta’ investigazzoni preliminari mmexxija mill-Kummissjoni.

55      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tgħid li jkun prattikament impossibbli li jiġi applikat id-dritt Komunitarju dwar ftehim u prattiċi restrittivi mingħajr l-obbligu impost fuq l-impriżi li jikkollaboraw b’mod attiv fl-investigazzjonijiet fuq il-fatti. Ikun allura neċessarju li hija tkun tista’ timponi lill-impriżi jipprovdu, fi proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, informazjoni li tista’ tippermetti l-inkriminazzjoni tagħhom. Din in-neċessità kienet ġiet rikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza Société générale, punti 71 et seq. u l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Warner fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & SL vs Il-Kummissjoni, 155/79, Ġabra p.1575). Skond il-Kummissjoni, il-proċedura prevista mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 ma tistax iktar tilħaq l-għan tagħha jekk l-impriża kkonċernata tiġi rikonoxxuta d-dritt illi tirrifjuta li tagħmel dikjarazzjonijiet jew li tipproduċi dokumenti fil-każ li dawn jistgħu jiġu użati sabiex tiġi ppruvata l-illegalita’ ta’ l-aġir tagħha.

56      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrileva li l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti ma jippermettux lanqas li jiġi konkluż li l-ewwel Artikolu tad-deċiżjoni kkontestata huwa kuntrarju għall-prinċipji li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikoli 6(2) u 10 tal-KEDB

57      Ir-rikorrenti ssostni li d-dritt li wieħed ma jixhiedx kontra tiegħu nnifsu huwa protett mill-preżunzjoni ta’ innoċenza prevista mill-Artikolu 6(2) tal-KEDB, kif ukoll mil-liberta’ ta’ espressjoni rikonoxxuta fl-Artikolu 10 tal-KEDB (opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem annessa ma’ Qorti Ewropea D.B., sentenza K. c. Awstria tat-2 ta’ Ġunju 1993, serje A numru 255-B). Ir-rikorrenti indikat fir-rikors illi hija tillimita lilha nfisha għal din l-affermazzjoni għaliex il-Qorti Ewropea ddeċidiet fis-sentenza Funke, iċċitata iktar ’il fuq (§ 45), li l-ksur ta’ l-Artikolu 6(1) tal-KEDB kien jeħlisha mill-ħtieġa li teżamina l-allegat ksur ta’ prinċipju ieħor ta’ din il-Konvenzjoni.

58      Il-Kummissjoni taċċetta li, minħabba r-relazzjoni mill-qrib bejn il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt li wieħed ma jixhiedx kontra tiegħu nnifsu, dan id-dritt huwa bbażat, fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea, fuq id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(1) tal-KEDB, magħquda flimkien ma’ dawk ta’ l-Artikolu 6(2). Madankollu l-Artikolu 6(2) tal-KEDB ma jagħtix lid-dritt in kwistjoni xi bażi differenti jew aktar wiesgħa minn dik li tirriżulta mill-Artikolu 6(1) f’dak li jikkonċerna l-possibiltà li jiġi rrifjutat li tiġi pprovduta informazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

59      Mill-bidu nett, għandu jkun enfasizzat li l-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex kompetenti sabiex tevalwa l-legalita’ ta’ investigazzjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-KEDB, in kwantu dawn ta’ l-aħħar ma jifformawx parti fihom infushom mid-dritt Komunitarju (sentenza Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T-347/94, Ġabra p. II-1751, punt 311).

60      Madankollu, skond ġurisprudenza kostanti, id-drittijiet fundamentali jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-osservanza tagħhom hija assigurata mill-qorti Komunitarja (ara, b’mod partikolari, l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 2/94, tat-28 ta’ Marzu 1996, Ġabra p.I-1759, punt 33, u s-sentenza Kremzow, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14). Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza jispiraw ruħhom mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet pprovduti mit-trattati internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li l-Istati Membri kkoperaw u aderew għalihom. Il-KEDB għandha, f’dan ir-rigward, sinjifikat partikolari (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra 1651, punt 18 u Kremzow, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14). Barra minn dan, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu F tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (li sar l-Artikolu 6(2) KE) “L-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u l-Libertajiet Fundamentali ffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità”.

61      Wara, għandu jiġi mfakkar li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament Nru 17 għandhom bħala għan li jippermettulha twettaq il-missjoni, mogħtija lilha mit-Trattat, li tiggarantixxi li r-regoli dwar il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni jiġu osservati.

62      Matul il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, ir-Regolament Nru 17 ma jirrikonoxxix lill-impriza li kienet is-suġġett ta’ miżura investigattiva xi dritt li tevita l-eżekuzzjoni ta’ din il-miżura fuq il-bażi li r-riżultati tagħha jistgħu jipprovdu l-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li hija wettqet. Għall-kuntrarju, dan jimponi fuq l-impriza, obbligu ta’ kollaborazzjoni attiva, li jimplika li hija tqiegħed għad-dispozizzjoni tal-Kummissjoni l-elementi ta’ informazzjoni relatati mas-suggett ta’ l-investigazzjoni (sentenzi Orkem, punt 27, u Societé Générale, punt 72).

63      Fin-nuqqas ta’ dritt għas-silenzju espressament stabbilit mir-Regolament Nru 17, għandu jiġi eżaminat jekk ċerti limitazzjonijiet għas-setgħa ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni matul l-investigazzjoni preliminari ma jirriżultawx, madankollu, minn neċessità’ li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża (sentenza Orkem, punt 32).

64      F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi evitat li d-drittijiet tad-difiża jiġu irrimedjabilment kompromessi fil-kuntest tal-proċeduri ta’ investigazzjoni preliminari li jistgħu jkunu ta’ natura determinanti fl-aċċertament tan-natura illegali ta’ l-aġir ta’ impriżi (sentenzi Orkem, punt 33, u Societé Générale, punt 73).

65      Madankollu, skond ġurisprudenza kostanti, sabiex jiġi ppriżervat l-effett utli ta’ l-Artikolu 11(2) u (5) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni għandha d-dritt tobbliga lill-impriża tipprovdiha bl-informazzjoni kollha neċessarja dwar fatti li dwarhom hija jista’ jkollha konoxxenza u li tagħtiha, skond il-każ id-dokumenti relattati magħhom li huma fil-pussess tagħha, anki jekk dawn jistgħu jservu sabiex tiġi stabbilita, kontriha jew kontra xi impriża oħra, l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv (sentenzi Orkem, punt 34, tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 1989, Solvay vs Il-Kummissjoni, 27/88, Ġabra p. 3355, publikazzjoni sommarja, u Societé Générale, punt 74).

66      Ir-rikonoxximent ta’ dritt għas-silenzu assolut, invokat mir-rikorrenti, fil-fatt imur lil hemm minn dak li huwa neċessarju għall-preservazzjoni tad-drittijiet tad-difiża ta’ l-impriżi u jikkostitwixxi ostakolu inġustifikat għat-twettiq, mill-Kummissjoni, tal-missjoni li tassigura l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, li lilha hija attribwita permezz ta’ l-Artikolu 89 tat-Trattat KE (li sar, wara l-emendi, l-Artikolu 85 KE).

67      Minn dan jirriżulta li dritt għas-silenzju jista’ jiġi rikonoxxut lil impriża destinatarja ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni fis-sens ta’ Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17 biss safejn hija tkun obbligata tipprovdi risposti li permezz tagħhom hija tkun imwassla tammetti l-eżistenza tal-ksur li hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tiegħu (sentenza Orkem, punt 35).

68      Huwa fil-limiti hekk imfakkra li għandhom jiġu evalwati l-argumenti tar-rikorrenti.

69      Fil-każ preżenti, qabel kollox għandha tiġi ezaminata l-legalità tad-domandi 1.6,1.7 u 2.3, li huma kważi identiċi, u wara dik tad-domanda 1.8.

70      Id-domandi 1.6, 1.7 u 2.3 fihom, fl-ewwel tliet inċiżi tagħhom, biss domandi għal informazzjoni ta’ natura fattwali u ta’ komunikazzjoni ta’ dokumenti preeżistenti. Domandi paragunabbli ma ġewx iddikjarati illegali mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Orkem. Għalhekk ir-rikorrenti kienet obbligata tirrispondi għalihom.

71      Min-naħa l-oħra, dawn it-tliet domandi, fl-aħħar inċiż tagħhom, ma jirrigwardawx biss informazzjoni ta’ fatt. Il-Kummissjoni tistieden, fl-istess termini, lir-rikorrenti tiddeskrivi, partikolarment, l-“għan“ tal-laqgħat li fihom din ta’ l-aħħar ipparteċipat u d“deċiżjonijiet adottati” fil-kors tagħhom, anki jekk huwa ċar li l-istituzzjoni tissuspetta li l-għan ta’ dawn il-laqgħat kien sabiex jikseb ftehim dwar il-prezz tal-bejgħ, b’mod sabiex jostakolaw jew jirristrinġu l-kompetizzjoni. Minn dan jirriżulta li tali domandi huma ta’ natura li jobbligaw lir-rikorrenti tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim illegali kontra r-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni.

72      F’dan ir-rigward, hemm lok illi jiġi osservat illi l-Kummissjoni espressament indikat fl-aħħar inċiż tat-tliet domandi in kwistjoni li r-rikorrenti kellha tipprovdiha l-informazzjoni in kwisjoni biss fil-każ illi hija ma kinitx tasal issib id-dokumenti rilevanti mitluba fl-inċiż preċedenti. Ir-rikorrenti kienet għaldaqstant obbligata tirrispondi għall-aħħar inċiż tad-domandi magħmula biss safejn hija ma setgħatx tipproduċi d-dokumenti mitluba. Madankollu, minħabba l-ordni u l-kontenut tad-domandi fl-ewwel tliet inċiżi, ma jistax jiġi eskluż li r-rikorrenti kien ikollha tirrispondi għall-aħħar inċiż ta’ dawn it-tliet domandi.

73      Konsegwentament, hemm lok li jiġi konkluż illi d-domandi 1.6, 1.7 u 2.3, fl-aħħar inċiż tagħhom, jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

74      Fir-rigward tad-domanda 1.8, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni titlob lir-rikorrenti tikkummenta, l-ewwel nett, fuq ir-relazzjoni bejn, minn naħa, l-erba’ ftehim li jikkonċernaw l-OCTG u l-pipelines konklużi fl-1962 u nnotifikati lill-Bundeskartellamt u, minn naħa l-oħra, l-“Europe-Japan Circle” u l-“Ispecial Circle”, kif ukoll, it-tieni nett, fuq id-deċiżjonjiet adottati fi ħdan il-“Europe-Japan Club” u/jew fi ħdan l-“Ispecial Circle”, jiġifieri fuq id-deċiżjonijiet illi l-Kummissjoni tqis li jistgħu jikkostitwixxu ksur tar-regoli tat-Trattat. Ir-risposta għal din id-domanda tobbliga lir-rikorrenti tagħmel evalwazzjoni dwar in-natura ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Hemm lok li jiġi konkluż illi d-domanda 1.8, tikkostitwixxi wkoll, konformament mas-sentenza Orkem, ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

75      Fir-rigward ta’ l-argumenti li l-Artikolu 6(1) u (2) tal-KEDB jippermetti lil persuna, destinatarja ta’ talba għal informazzjoni, ma tirrispondix għad-domandi, anke purament ta’ fatt, u tirrifjuta milli tikkomunika dokumenti lill-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha direttament fuq il-KEDB quddiem il-qorti Komunitarja.

76      Fir-rigward ta’ l-impatt eventwali tal-Karta, invokat mir-rikorrenti (ara iktar ’il fuq il-punt 15), fuq l-evlawazzjoni tal-kawża preżenti, għandu jiġi mfakkar li din il-Karta ġiet ipproklamata mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-7 ta’ Diċembru 2000. Minn dan jirriżulta li l-Karta ma jista’ jkollha ebda konsegwenza fuq l-evalwazzjoni ta’ l-att ikkontestat li ġie adottat qabel din id-data. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx lok li terġa’ tinfetaħ il-proċedura orali kif mitlub mir-rikorrenti.

77      Madankollu, hemm lok li jiġi enfasizzat li d-dritt Komunitarju jirrikonoxxi l-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll ta’ dritt għal proċess ġust (ara sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21, u tat-28 ta’ Marzu 2000, Kromback, C-7/98, Ġabra, p. I-1935, punt 26). Huwa f’applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, li joffru, fil-qasam speċifiku tad-dritt tal-kompetizzjoni, in kwistjoni fil-preżenti kawża, protezzjoni ugwali għal dik garantita mill-Artikolu 6 tal-KEDH, li, skond ġurisprudenza kostanti, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxew lid-destinatarji tad-domandi indirizzati mill-Kummissjoni b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17 id-dritt illi jillimitaw lilhom infushom illi jirrispondu għal domandi ta’ natura ta’ fatt biss u li jikkomunikaw biss il-materjal u d-dokumenti preeżistenti mitluba, peress illi tali dritt huwa, barra minn hekk, rikonoxxut mill-ewwel fażi ta’ invesitgazzjoni mibdija mill-Kummissjoni.

78      Il-fatt li wieħed ikun obbligat jirrispondi għad-domandi purament ta’ fatt magħmula mill-Kummissjoni u li jissodisfa t-talbiet tagħha ta’ produzzjoni ta’ dokumenti preeżistenti ma jistax jikser il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jew id-dritt għal proċess ġust. Xejn ma jimpedixxi fil-fatt lid-destinatarju juri, iktar tard fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew matul proċedura quddiem il-qorti Komunitarju, fl-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu tad-difiża, li l-fatti esposti fir-risposti tiegħu jew id-dokumenti kkomunikati għandhom sinjifikat ieħor minn dak meqjus mill-Kummissjoni.

79      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tkun annullata in kwantu din tobbliga lir-rikorrenti tirrispondi għall-aħħar inċiż tad-domandi 1.6, 1.7 u 2.3 u għad-domanda 1.8, li huma ta’ natura jwassluha tammetti l-parteċipazzjoni eventwali tagħha fi ftehim li jista’ jostakola jew jirristrinġi l-kompetizzjoni

Dwar ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ l-applikabbiltà’ tal-garanziji proċedurali tad-dritt nazzjonali.

 Argumenti tal-partijiet

80       Ir-rikorrenti ssostni li d-dritt tagħha li ma tkunx obbligata tinkrimina lilha nnifisha permezz ta’ att pożittiv jirriżulta mhux biss mid-dritt Komunitarju, imma wkoll mid-dritt Ġermaniż, li, fil-każ preżenti, ma għandux jiġi mwarrab. Hija ssostni li, fid-dritt Ġermaniż, huwa applikabbli l-prinċipju li ebda persuna fiżika jew ġuridika mhija obbligata tixhed kontra tagħha nfisha quddiem l-awtorità li tmexxi l-investigazzjoni. Permezz ta’ dan il-prinċipju, hija jkollha d-dritt illi tirrifjuta li tipprovdi kull informazzjoni u ma tistax tkun obbligata tipproduċi ebda dokument li jikkostitwixxi evidenza kontriha. Skond ir-rikorrenti, kull persuna akkużata jew investigata tista’, permezz ta’ l-Artikolu 136(1) ta’ l-iStrafprozeßordnung (Kodiċi tal-proċedura kriminali Ġermaniż), iġġib ruħha b’mod passiv fil-proċeduri ta’ investigazzjoni ta’ natura kriminali jew amministrattiva, għaliex ħadd ma jista’ jkun kostrett jikkontribwixxi b’mod attiv għas-sanzjoni tiegħu stess.

81      Tali garanzija tad-dritt nazzjonali għandha rwol f’dan il-każ, skond ir-rikorrenti, in kwantu l-impożizzjoni ta’ multa fir-rigward tagħha fil-proċedura ta’ investigazzjoni ta’ dritt Komunitarju tista’ tagħti lok għal proċeduri legali bis-saħħa tad-dritt nazzjonali. Il-ftuħ ta’ proċeduri oħra ta’ investigazzjoni jkun, b’mod partikolari, possibbli, għaliex l-impożizzjoni ta’ multa permezz ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 ma teskludix li l-impriża tkun is-suġġett ta’ proċeduri ġodda jew kumplimentari fid-dritt nazzjonali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1969, Walt Wilhelm et vs Il-Bundeskartellamt, 14/68, Ġabra p. 1, 16). Għandu, f’dan ir-rigward, jittieħed kont tal-fatt li, fil-każ ta’ pronunċja ta’ multa, il-Kummissjoni tagħlaq il-proċeduri billi tħejji deċiżjoni motivata u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, illi tpoġġi in evidenza ċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt li abbażi tagħhom ġie stabbilit il-ksur. Ir-rikorrenti żżid illi l-pubblikazzjoni ta’ tali elementi tista’ wkoll twassal lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiftħu, għall-istess fatti, proċeduri ta’ investigazzjoni oħra ta’ natura kriminali jew amministrattiva.

82      Il-Kummissjoni ssostni li l-eżiġenzi tad-dritt Ġermaniż huma rilevanti fir-rigward tal-legalità tad-deċiżjoni tad-deċiżjoni kkontestata biss safejn jista’ jiġi maħruġ mid-differenti sistemi ġuridiċi ta’ l-Istati Membri prinċipju komuni li wieħed jista’ jirrifjuta li jixhed kontra tiegħu nnifsu. Issa, dan huwa eżattament dak illi l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet fis-sentenza Orkem (punt 29) billi fakkret li s-sistemi ġuridiċi tal-maġġoranza ta’ l-Istati Membri jirrikonoxxu d-dritt li wieħed ma jixhedx kontra tiegħu nnifsu biss lill-persuna fiżika akkużata bi ksur fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali.

83      Barra minn dan, il-Kummissjoni tirrileva li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss hija awtorizzata tuża l-informazzjoni li hija tiġbor fil-kuntest ta’ proċedura taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 1992, AEB et, C-67/91, Ġabra, p. I-4785, punt 38). Hija tfakkar li din l-informazzjoni ma tistax tiġi invokata mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri la matul proċedura ta’ investigazzjoni preliminari u lanqas sabiex tiġi ġġustifikata deċiżjoni meħuda fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni, kemm jekk tad-dritt nazzjonali kif ukoll jekk tad-dritt Komunitarju). Din l-informazzjoni għandha tibqa’ fl-isfera interna ta’ dawn l-awtoritajiet u tista’ tiġi użata biss sabiex tiġi evalwata l-opportunità li tinbeda jew le proċedura nazzjonali (sentenza AEB et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

84      Għandu jiġi mfakkar li, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, is-sistemi ġuridiċi ta’ l-Istati Membri ma jirrikonoxxux, b’mod ġenerali, dritt illi wieħed ma jixhiedx kontra tiegħu nnifsu. Huwa, għalhekk, irrelevanti għall-eżitu tal-kawża preżenti li, skond ir-rikorrenti, jeżisti tali prinċipju fid-dritt Ġermaniż.

85      Rigward l-argument tar-rikorrenti, li hemm riskju li informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni u mgħoddija lill-awtoritajiet nazzjonali tkun użata kontriha minn dawn ta’ l-aħħar, huwa biżżejjed illi ssir referenza għas-sentenza AEB et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li fakkret li l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni għandha tiġi mgħoddija lill-awtoritajiet nazzjonali, kjarament iddikjarat:

“Din l-informazzjoni ma tistax tiġi invokata mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri la matul proċedura ta’ investigazzjoni preliminari u lanqas sabiex tiġi ġġustifikata deċiżjoni meħuda fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni, kemm jekk tad-dritt nazzjonali kif ukoll jekk tad-dritt Komunitarju). Din l-informazzjoni għandha tibqa’ fl-isfera interna ta’ dawn l-awtoritajiet u tista’ tiġi użata biss sabiex tiġi evaluata l-opportunità li tinbeda jew le proċedura nazzjonali”.

86      Minn dan jirriżulta li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma jistgħux jinvokaw l-informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni permezz tat-talba għal informazzjoni tagħha bbażata fuq l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 sabiex tiġi ġġustifikata deċiżjoni meħuda kontra r-rikorrenti abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni.

87      Konsegwentement, jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi jqisu li l-informazzjoni miksuba f’dan il-kundizzjonijiet mill-Kummissjoni hija rilevanti sabiex tinbeda proċedura fuq l-istess fatti, huma obbligati jindirizzaw it-talba għal informazzjoni tagħhom stess dwar dawn il-fatti.

88      Il-fatt li informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni tista’ tiġbed l-attenzjoni ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi fuq il-possibilità ta’ ksur fid-dritt Ġermaniż u li dawn ta’ l-aħħar jistgħu jużawha sabiex jevalwaw l-opportunità li tinbeda jew le proċedura nazzjonali ma jbiddilx il-konklużjoni li dan il-motiv ma jistax jiġi milqugħ, kif jirriżulta b’mod ċar mill-punt 42 tas-setnenza AEB et, iċċitata iktar ’il fuq.

89      Minn dan jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud

90      Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, hemm lok, minn naħa, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-aħħar inċiż tad-domandi 1.6, 1.7 u 2.3 u tad-domanda 1.8 tat-talba għal informazzjoni indirizzata lir-rikorrenti fit-13 ta’Awwissu 1997 u, min-naħa l-oħra, illi l-bqija tar-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

91      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 69(3) ta’ dawn ir-Regoli, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress illi l-Kummissjoni u r-Repubblika ta’ l-Awstrija tilfu parzjalment, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom.

92      Fil-każ preżenti, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, fl-ewwel lok, illi kull parti tilfet parzjalment. Għandu jiġi nnotat, fit-tieni lok, li, billi imponitilha tirrispondi għad-domandi li jinstabu fl-aħħar inċiż tad-domandi 1.6, 1.7 u 2.3 u għad-domanda 1.8, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, kuntrarjament għas-sentenza Orkem, u obbligat lir-rikorrenti tressaq ir-rikors preżenti. F’dawn il-kunidizzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tbati żewġ terzi ta’ l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni C(1998)1204 tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Mejju 1998, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, hija annullata f’dak li jikkonċerna l-aħħar inċiż tad-domandi 1.6, 1.7 u 2.3 u d-domanda 1.8 tat-talba għal informazzjoni indirizzata lir-rikorrenti fit-13 ta’Awwissu 1997.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-konvenuta għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll żewġ terzi ta’ l-ispejjeż tar-rikorrenti, li għandha tbati terz mill-ispejjeż tagħha stess.

Vesterdorf

Potocki

Meij

Vilaras

 

      Forwood

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-20 ta’ Frar 2001.

H. Jung

 

       B. Vesterdorf

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.