Language of document : ECLI:EU:C:2021:303

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fil‑15 ta’ April 2021 (1)

Kawża C665/20 PPU

Openbaar Ministerie

vs

X

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Amsterdam (il‑Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, Il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Konsenja ta’ persuni rikjesti lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Punt 5 tal‑Artikolu 4 – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv – Persuna rikjesta li ġiet iġġudikata b’mod definittiv għall‑istess atti minn pajjiż terz – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Sentenza li ġiet skontata jew li ma tistax tiġi eżegwita iżjed”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal‑Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri2002/584/ĠAI) (2), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (3) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2.        Għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tiġi deskritta bħala abbundanti, il-varjetà tas‑sitwazzjonijiet li fihom dan l-istrument huwa implimentat tkompli tqajjem mistoqsijiet ġodda dwar il-portata tar-regoli u tal-prinċipji li l‑applikazzjoni tiegħu tirrikjedi. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija eżempju ieħor ta’ dan.

3.        It-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l‑Baxxi, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fid‑19 ta’ Settembru 2019 mill-Amtsgericht Tiergarten (il-Qorti Distrettwali ta’ Tiergarten, il‑Ġermanja) sabiex jinbdew proċeduri kriminali kontra X għal atti ta’ vjolenza rari li allegatament ġew kommessi f’Berlin (il-Ġermanja) iżda li potenzjalment kienu diġà suġġetti, totalment jew parzjalment, ta’ deċiżjoni mogħtija mill-qorti kriminali ta’ Téhéran (l-Iran). Ikkundannat għal pieni ta’ priġunerija ta’ seba’ snin u sitt xhur, X ibbenefika minn tnaqqis ta’ piena għall-aħħar 338 jum permezz ta’ miżura ta’ amnestija ġenerali pproklamata mill-Gwida tar-Rivoluzzjoni fl-okkażjoni tal-40 anniversarju tar-rivoluzzjoni Iranjana.

4.        F’dan il-kuntest partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiċċara l-ġurisprudenza tagħha dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni tal‑awtoritajiet ġudizzjarji ffaċjati b’raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fil-każ speċifiku previst fil‑punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Għall-ewwel darba, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi wkoll dwar l‑applikabbiltà transnazzjonali tal-prinċipju ne bis in idem dedott mill‑punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u dwar l-effett ta’ miżura ta’ klemenza fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

5.        Il-premessi 6, 10 u 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistipulaw:

“(6)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja..

[…]

(10)      Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wiehed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl‑Artikolu 6(1) [TUE], determinat mill-Kunsill skond l‑artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl‑Artikolu 7(2) tiegħu.

[…]

(12)      Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill‑Artikolu 6 [TUE] u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Kapitolu VI tiegħu. […]”

6.        Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [TUE].”

7.        L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Raġunijiet għan-non-esekuzzjoni obbligatorja biex ma jiġix esegwit mandat ta’ arrest Ewropew”, jistipula:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ l-esekuzzjoni (minn hawn ’il quddiem ‘l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni') għandha tiċħad li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

1)      jekk ir-reat li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest hu kopert minn amnestija fl-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, fejn dak l-Istat kellu ġurisdizzjoni biex jieħu azzjoni kriminali kontra r-reat skond il-liġi kriminali tiegħu;

2)      jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni hi infurmata li l-persuna rikjesta ġiet finalment ġudikata minn Stat Membru fir-rigward ta’ l-istess atti bil-kondizzjoni li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ingħatat jew qed tingħata attwalment jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li ta s-sentenza;

3)      jekk il-persuna li hi s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax, minħabba fl-età tagħha, tinsab kriminalment responsabbli għall-atti li fuqhom hu bbażat il-mandat ta’ arrest skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.”

8.        L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 minn naħa tiegħu jirrigwarda, skont it-titolu tiegħu, ir-“Raġunijiet għan-nuqqas ta’ esekuzzjoni [fakultattiv] tal-mandat ta’ arrest Ewropew”. Skont dan l-artikolu:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

[…]

5)      jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni hi infurmata li l-persuna rikjesta ġiet iġġudikata finalment minn Stat terz fir-rigward ta’ l-istess atti bil-kondizzjoni li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ġiet skontata jew bħalissa qed tiġi skontata jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza;

[…]”

B.      Id-dritt Olandiż

9.        Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ġiet trasposta fid-dritt Olandiż permezz tal-wet tot implementatie van het kaderbesluit van de Raad van de Europese Unie betreffende het Europees aanhoudingsbevel en de procedures van overlevering tussen de lidstaten van de Europese Unie (il‑Liġi li timplimenta d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-Proċeduri ta’ Konsenja bejn l-Istati Membri), tad‑29 ta’ April 2004 (4), kif emendata bil-Liġi tat‑22 ta’ Frar 2017 (5) (iktar ’il quddiem l-“OLW”).

10.      Fid-data meta saret it-talba għal deċiżjoni preliminari, l‑Artikolu 9(1) tal-OLW kien jistipula:

“Il-konsenja tal-persuna rikjesta ma hijiex awtorizzata fir-rigward ta’ att li għalih:

[…]

d)      din il-persuna kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni liberatorja jew li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni ta’ qorti Olandiża, jew ta’ deċiżjoni definittiva ekwivalenti ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew ta’ pajjiż terz;

e)      din il-persuna ġiet ikkundannata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, meta:

1.      il-piena jew il-miżura imposta diġà ġiet skontata;

2.      il-piena jew il-miżura imposta ma għadhiex tista’ tiġi eżegwita jew ma tistax tiġi eżegwita iktar;

3.      il-kundanna tikkonsisti f’dikjarazzjoni ta’ ħtija mingħajr piena jew miżura;

4.      il-piena jew il-miżura imposta hija skontata fil-Pajjiżi l‑Baxxi;

[…]”

11.      Skont l-Artikolu 28(2) tal-OLW:

“Jekk ir-rechtbank [il-Qorti Distrettwali] tikkonstata […] li l-konsenja ma tistax tiġi awtorizzata […], hija għandha tirrifjuta din il-konsenja fid‑deċiżjoni tagħha.”

III. Il-fatti li minnhom oriġinat il-kawża prinċipali

12.      Fid‑19 ta’ Settembru 2019, l-Amtsgericht Tiergarten (il-Qorti Distrettwali ta’ Tiergarten) ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew kontra X għall-konsenja tiegħu sabiex jinbdew proċeduri kriminali għal atti li huwa allegatament ikkommetta f’Berlin fit‑30 ta’ Ottubru 2012.

13.      Dakinhar, X allegatament rabat lil Y, li dak iż-żmien kienet is‑sieħba tiegħu, kif ukoll lil Z, bintha ta’ għaxar snin, filwaqt li heddidhom b’sikkina. Sussegwentement, huwa allegatament stupra lil Y qabel ma kkawżalha ġrieħi. Qabel ma telaq mid-dar ta’ Y, huwa sakkar il-kmamar li fihom kienu jinsabu marbuta Y u Z rispettivament bil-għan li jikkawża l-mewt tagħhom.

14.      Ir-reati li għalihom hija mitluba l-konsenja huma s-segwenti:

–        attentat ta’ qtil volontarju tas-sieħba tiegħu;

–        attentat ta’ qtil ta’ bint is-sieħba tiegħu, minuri fil-mument tal‑fatti;

–        stupru tas-sieħba tiegħu;

–        daqqiet u ġrieħi gravi fuq is-sieħba tiegħu;

–        sekwestru volontarju tas-sieħba tiegħu;

–        sekwestru volontarju tal-bint minuri tas-sieħba tiegħu.

15.      Abbażi ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, X ġie arrestat fil‑Pajjiżi l-Baxxi u tressaq quddiem il-qorti tar-rinviju fit‑18 ta’ Marzu 2020. Huwa informa lil din il-qorti li ma kienx qed jagħti l‑kunsens għall-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi u tqiegħed taħt arrest sakemm tingħata deċiżjoni dwar dan. Insostenn tal‑oppożizzjoni magħmula kontra l-konsenja tiegħu, X invoka l‑prinċipju ne bis in idem, filwaqt li sostna, b’mod partikolari, li huwa kien suġġett ta’ deċiżjoni definittiva għall-istess atti f’pajjiż terz, jiġifieri l‑Iran.

16.      Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, X kien suġġett ta’ deċiżjoni fl-Iran għall-atti hawn fuq imsemmija, bl-eċċezzjoni tas‑sekwestru ta’ Y li, fl-elementi materjali tiegħu, xorta kien inkluż fl‑akkuża tal-attentat ta’ qtil volontarju fuqha. Fi tmiem il-proċedura li saret fl-Iran, X ġie kkundannat permezz ta’ sentenza kriminali definittiva għad-daqqiet u ġrieħi gravi li huwa kien ikkawża lil Y, kif ukoll għall‑attentati ta’ qtil ta’ Y u Z. Għall-kuntrarju, huwa kien illiberat b’mod definittiv mill‑akkużi ta’ stupru ta’ Y u ta’ sekwestru volontarju ta’ Z.

17.      Skont id-dritt Iranjan, X kellu jkun suġġett għall-itwal piena ta’ priġunerija imposta fil-konfront tiegħu f’dan il-pajjiż għall-atti li għalihom ġie kkundannat b’mod definittiv, jiġifieri piena ta’ priġunerija ta’ seba’ snin u sitt xhur. X skonta l-parti l-kbira ta’ din il-piena. Huwa bbenefika minn tnaqqis ta’ piena għall-bqija tal-kundanna permezz ta’ amnestija ġenerali pproklamata mill-Gwida tar-Rivoluzzjoni, fl‑okkażjoni tal-40 anniversarju tar-rivoluzzjoni Iranjana.

18.      Minħabba d-daqqiet u l-ġrieħi gravi li kkawża lil Y, X ġie kkundannat ukoll iħallasha “diya”. Minħabba l-insolvenza tiegħu, X ġie awtorizzat jifrex il-pagament ta’ dan il-kumpens permezz tal-ewwel ħlas ta’ 200 000 000 riali Iranjani (madwar EUR 4 245) segwit b’pagamenti mensili ta’ ammont ekwivalenti għal 2 % tad-“diya”. Wara li ħallas l-ewwel pagament u l-ewwel pagament mensili, X inħeles fl-Iran fil‑5 ta’ Mejju 2019. Fis‑7 ta’ Settembru 2020, l-awtoritajiet Iranjani ħarġu mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu minħabba nuqqas ta’ osservanza tal‑iskadenzi tal-pagamenti sussegwenti.

19.      Quddiem il-qorti tar-rinviju, X isostni li huwa kien suġġett għal proċeduri kriminali u ngħata deċiżjoni definittiva fl-Iran għall-istess atti li għalihom qed tintalab il-konsenja tiegħu bis-saħħa tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront tiegħu. Huwa allegatament ġie lliberat b’mod definittiv fir-rigward ta’ parti mill-atti, filwaqt li l-parti l-oħra allegatament wasslet għal kundanna ta’ priġunerija li X skonta kompletament. Barra minn hekk, X isostni li d-“diya” ma tikkostitwixxix piena jew miżura, iżda obbligu ta’ ħlas ta’ danni lill-vittma.

20.      Minn dan X jiddeduċi li, skont l-Artikolu 9(1)(d) u l-punt 1 tal‑Artikolu 9(1)(e) tal-OLW, il-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet Ġermaniżi permezz tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront tiegħu għandha tiġi miċħuda. Huwa jsostni, b’mod partikolari, li l-Artikolu 9(1) tal-OLW ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn sentenza definittiva mogħtija fi Stat Membru u sentenza definittiva mogħtija fi stat terz. B’dan il-mod, il-leġiżlatur Olandiż uża l-possibbiltà li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tagħti lill-Istati Membri li jirrifjutaw il-konsenja f’każ ta’ sentenza definittiva u ta’ piena skontata kompletament f’pajjiż terz. Il‑qrati Olandiżi huma, għalhekk, obbligati jkunu konformi magħha.

21.      Minn naħa l-oħra, il-Prosekutur isostni li l-eċċezzjoni invokata minn X, ibbażata fuq kundanna preċedenti fl-Iran, ma tistax tintlaqa’. Fir‑rigward ta’ kundanna imposta f’pajjiż terz, hija fil-fatt il-qorti tar‑rinviju, bħala awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni bis-saħħa tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li għandha twarrab l‑applikazzjoni tal-Artikolu 9(1)(e) tal-OLW sabiex tevalwa jekk il‑kundanna imposta fl-Iran tistax tkun suġġetta għar-rikonoxximent reċiproku bis-saħħa ta’ fiduċja reċiproka bbażata fuq trattati jew l-użanza. Fid-dawl tal-ksur tar-relazzjonijiet diplomatiċi u tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja mar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, kif ukoll tal-eżistenza ta’ differenzi sinjifikattivi bejn is-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri tal-Unjoni u dik tal‑Iran, tali fiduċja fis-sistema ġuridika Iranjana hija nieqsa. Minn dan il-Prosekutur jikkonkludi li l-kundanna imposta fuq X fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran ma għandhiex tikkostitwixxi raġuni valida għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal‑mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront tiegħu.

22.      Iffaċċjata b’dawn l-argumenti kuntrarji, il-qorti tar-rinviju tesprimi diversi dubji dwar il-mod li bih għandu jiġi interpretat il-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u dwar kif ġie traspost fid‑dritt Olandiż.

23.      F’dan ir-rigward, hija tosserva li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jelenka r-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, filwaqt li l-OLW tistipula li, fil-preżenza ta’ tali raġunijiet, l-eżekuzzjoni għandha tiġi rrifjutata, peress li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma għandha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, jekk il-kunċett ta’ “l-istess atti” użat fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jingħata l-istess interpretazzjoni bħal dik mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-punt 2 tal‑Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas minkejja li l-ewwel ipoteżi tkopri l-eżistenza ta’ sentenza definittiva mogħtija f’pajjiż terz filwaqt li t-tieni waħda tirrigwarda sentenza definittiva mogħtija fi Stat Membru ieħor. Finalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk miżura ta’ klemenza, bħal dik li minnha bbenefika X fl-Iran, tippermettix li jiġi kkunsidrat li l‑piena imposta fil-konfront tiegħu ġiet skontata jew ma tistax tiġi eżegwita iktar skont il-liġijiet tal-pajjiż tal-kundanna fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

24.      Peress li kkunsidrat li r-risposta għad-domanda dwar jekk il‑mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra X jistax jiġi eżegwit tiddependi, finalment, mill-interpretazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, Il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq domandi preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    Id-domandi preliminari u l-proċedura ta’ urġenza quddiem ilQorti tal-Ġustizzja

25.      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, ir-rechtbank Amsterdam (il‑Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, id-domandi preliminari segwenti:

“1)      Il-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584/ĠAI] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jagħżel li jittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali tiegħu, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa jekk l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhiex tiġi rrifjutata?

2)      Il-kunċett ta’ “l-istess atti”, li jinsab fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI u l-istess kunċett li jinsab fil‑punt 2 tal-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati bl-istess mod, u, jekk dan ma huwiex il-każ, kif għandu jiġi interpretat dan il-kunċett fl-ewwel dispożizzjoni ċċitata?

3)      Il-kundizzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI li teżiġi li l-kundanna “ġiet skontata […] jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza” għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tirreferi wkoll għas‑sitwazzjoni fejn il-persuna rikjesta tkun ġiet ikkundannata definittivament għall-istess fatti għal piena ta’ priġunerija li hija tkun skontat parti minnha fil-pajjiż li fih ingħatat il-kundanna u li bbenefikat għall-bqija tal-kundanna minn maħfra tal-piena, mogħtija minn awtorità mhux ġudizzjarja ta’ dan il-pajjiż, bħala parti minn miżura ta’ klemenza ġenerali li hija applikabbli wkoll għal persuni kkundannati għal fatti gravi, bħal fil-każ tal-persuna rikjesta, u li ma hijiex ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet razzjonali ta’ politika kriminali?”

26.      Il-qorti tar-rinviju talbet ukoll l-applikazjoni tal-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Ġustizzja.

27.      Insostenn ta’ din it-talba, hija sostniet li d-domandi mressqa jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li taqa’ taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE. Hija osservat ukoll li X ġie arrestat sakemm tingħata deċiżjoni dwar il-konsenja tiegħu lill‑awtoritajiet Ġermaniżi. Ir-risposta urġenti tal-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għandha influwenza diretta u determinanti dwar it-tul tal-arrest tal-persuna kkonċernata.

28.      Fis‑17 ta’ Diċembru 2020, il-Ħames Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tilqa’ din it-talba.

29.      Il-Prosekuzzjoni, X, il-Gvern Olandiż u dak Ġermaniż kif ukoll il‑Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Bl‑eċċezzjoni tal-Gvern Ġermaniż, kollha ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li saret fit‑3 ta’ Marzu 2021.

V.      Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari

30.      Kif indikajt fil-qafas tal-introduzzjoni għal dawn il‑konklużjonijiet, il-ġurisprudenza relatata mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija abbundanti. Il-qafas li fih dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati huwa llum il-ġurnata magħruf (6).

31.      Preliminarjament, għandu għalhekk jiġi enfasizzat li d-dritt tal‑Unjoni huwa bbażat fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l‑Unjoni, kif speċifikat fl-Artikolu 2 TUE. Hija din il-premessa li timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fir-rispett tad‑dritt tal-Unjoni li jimplimenta dawn il-valuri (7).

32.      Dawn iż-żewġ prinċipji, kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u kemm il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, għandhom importanza tant fundamentali fid-dritt tal-Unjoni li huma dawn li jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jeżiġi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li kull wieħed minn dawn l-Istati jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l‑Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (8).

33.      F’dan il-kuntest, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża sabiex tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bbażata fuq il‑Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit‑13 ta’ Diċembru 1957, b’sistema ssimplifikata u iktar effettiva ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-persuni kkundannati jew issuspettati għall‑finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet jew ta’ proċeduri. Bħala l‑ewwel miżura konkreta tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fil‑qasam tal-liġi kriminali, il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat, neċessarjament, skont it-termini stess tal‑leġiżlatur tal-Unjoni, fuq livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (9).

34.      Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil‑qasam kriminali, huwa applikat fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi r-regola li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad‑dispożizzjonijiet ta’ din l-istess deċiżjoni qafas. Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat ħlief għall-motivi, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Barra minn hekk, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas. Konsegwentement, filwaqt li l‑eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (10).

35.      B’hekk, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tistabbilixxi b’mod espliċitu r-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju (Artikolu 3) u r‑raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv (Artikoli 4 u 4a) tal‑mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll il-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti f’każijiet partikolari (Artikolu 5) (11).

36.      Madankollu, il-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproku li fuqhom hija bbażata din id-Deċiżjoni Qafas ma jistgħux jippreġudikaw, b’xi mod, id-drittijiet fundamentali ggarantiti lill-persuni kkonċernati (12). Minn dan loġikament jiriżulta li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni li tkun tali li tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, mingħajr ma tiġi għalhekk ikkontestata l-effettività tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri li tagħha l-mandat ta’ arrest Ewropew, kif previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali (13).

B.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

37.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jagħżel li jittrasponi din id‑dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali tiegħu, huwa jkun obbligat jagħti lill‑awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx lok jew le li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni tal‑mandat ta’ arrest Ewropew għar-raġuni msemmija f’din id‑dispożizzjoni.

38.      Kif l-Avukat Ġenerali Bot diġà wera fil-qasir, fil-konklużjonijiet tiegħu, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503), il-kwistjoni li tqum hija dik sabiex jiġi ddeterminat x’għandu jinftiehem permezz tan‑natura “fakultattiva” tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Din il-fakultà hija intiża għall-Istati Membri li, meta jittrasponu d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fid-dritt nazzjonali tagħhom, ikunu jistgħu jiddeċiedu jew le li jżommu r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv, jew hija attribwita lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li żżommhom skont iċ‑ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ (14)?

39.      F’dan ir-rigward, il-libertà tal-Istati Membri li jittrasponu r‑raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew ġiet, ċertament, ikkonfermata diversi drabi mill-Qorti tal‑Ġustizzja (15). Madankollu, minn dakinhar, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar ipoteżi differenti ta’ raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest. Kull darba hija sostniet l-interpretazzjoni li l-awtorità ġudizzjarja għandu neċessarjament ikollha marġni ta’ diskrezzjoni (16). F’dan il-każ, il-konklużjoni li għaliha wasalt, fi tmiem analiżi testwali, kuntestwali u teleoloġika tal-punt 5 tal‑Artikolu 4 tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija identika.

40.      Fl-ewwel lok, nirrileva li kien b’riferiment espress għall-punt 30 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:116) li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill‑kliem tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li meta Stat Membru jkun għażel li jittrasponi din id‑dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandu madankollu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni rigward il-kwistjoni dwar jekk hemmx lok jew le li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew (17).

41.      Issa, f’dan il-punt tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali Bot ma llimitax l-analiżi tiegħu għat-test tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584. Din kienet tirrigwarda, minn naħa waħda, it‑titolu tal-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas u, min-naħa l-oħra, l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, li jinkludi sentenza waħda li tintroduċi, mingħajr distinzjoni, ir-raġunijiet kollha tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv enumerati minn 1 sa 7.

42.      B’hekk, jista’ utilment jitfakkar li l-aġġettiv “[fakultattiv]” li jinsab fit-titolu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirrigwarda n‑“nuqqas ta’ eżekuzzjoni” tal-mandat ta’ arrest Ewropew u mhux ir‑“raġunijiet” li jistgħu jiġġustifikawh. Għalhekk huwa proprju r-rifjut li jiġi eżegwit il-mandat li huwa fakultattiv, għall-kuntrarju tar-rifjuti obbligatorji previsti fl-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni qafas (18). Issa, peress li hija fakultattiva, kull deċiżjoni ta’ rifjut hija neċessarjament ir‑riflessjoni ta’ għażla deliberata tal-awtur tagħha u, konsegwentement, il-frott tal-evalwazzjoni tiegħu.

43.      Barra minn hekk, kif jirrileva wkoll l-Avukat Ġenerali Bot fl-istess punt tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li l-fakultà li tiġi rrifjutata l‑eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew hija mogħtija direttament lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali ta’ eżekuzzjoni. Fil-fatt, fejn fl‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa stipulat li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni “għandha tiċħad li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew” (19) fil-każijiet elenkati f’din id‑dispożizzjoni, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 jindika li din l-istess awtorità “tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew” (20). Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, mill-għażla tat-terminu “tista’” jirriżulta li meta Stat Membru jkun għażel li jittrasponi din id‑dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni rigward il-kwistjoni dwar jekk hemmx lok jew le li tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew (21).

44.      Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija kkorroborata mill-kuntest li fih jaqa’. Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet preliminari tiegħi fakkart li l-eżekuzzjoni tal‑mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi r-regola u r-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa eċċezzjoni li, bħala tali, għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta (22). Issa, jekk tiġi awtorizzata traspożizzjoni tal‑Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li teżiġi li l‑awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew fl-eżempji msemmija f’din id-dispożizzjoni ċċaħħad, minħabba n-natura awtomatika tagħha, lil din l-awtorità mill‑possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi, speċifiċi f’kull każ, li jistgħu jwassluha sabiex tikkunsidra li l-kundizzjonijiet għal rifjut ma ġewx issodisfatti. Għalhekk, billi tittrasforma sempliċi fakultà ta’ rifjut f’obbligu reali, dispożizzjoni ta’ din in-natura tittrasforma wkoll l‑eċċezzjoni kkostitwita mir-rifjut tal-konsenja f’regola ta’ prinċipju (23).

45.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax twarrab, fil‑kuntest tal-interpretazzjoni kuntestwali tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-ipoteżi msemmija fil-punt 2 tal‑Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas. Effettivament, l-eżempji msemmija huma identiċi, bir-riżerva biss li l-ewwel ipoteżi tirrigwarda l‑eżistenza ta’ sentenza definittiva mogħtija f’pajjiż terz, filwaqt li t-tieni tirrigwarda sentenza definittiva mogħtija minn Stat Membru. Kif jirrileva b’mod rilevanti l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, kieku l-Istati Membri setgħu jagħżlu li jibdlu l-ipoteżi msemmija fil-punt 5 tal‑Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 f’rifjut obbligatorju, id‑differenza bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet imbagħad ma tagħmilx iktar sens.

46.      Fit-tielet lok, l-għan li għandu jintlaħaq bil-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew jidhirli li jikkonferma wkoll l-interpretazzjoni favur marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-awtoritajiet ġudizzjarji. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-għan tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa li jippermetti l-arrest u l-konsenja ta’ persuna rikjesta sabiex, fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq mill‑imsemmija deċiżjoni qafas, ir-reat imwettaq ma jibqax mingħajr kastig u li jitressqu azzjonijiet kontra din il-persuna jew li din il-persuna tiskonta l-piena ta’ priġunerija imposta kontriha (24).

47.      Issa, jekk il-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istati Membri jobbligaw lill‑awtoritajiet ġudizzjarji jirrifjutaw, fi kwalukwe każ, l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fil-każ fejn il-persuna rikjesta tkun diġà ġiet iġġudikata b’mod definittiv għall-istess atti minn pajjiż terz (bil‑kundizzjoni li, f’każ ta’ kundanna, din tkun skontata jew tkun attwalment qiegħeda tiġi eżegwita jew ma tkunx tista’ tiġi eżegwita iktar skont il-liġijiet tal-pajjiż ta’ kundanna) u mingħajr ma dawn l-awtoritajiet ikollhom xi tip ta’ marġni ta’ diskrezzjoni filwaqt li s-sistemi ġuridiċi u l-proċeduri applikabbli fil-pajjiżi terzi jistgħu jkunu sinjifikattivament differenti minn dawk applikabbli fl-Istati Membri, jista’ joħloq riskju ta’ impunità tal-persuna rikjesta. Tali intepretazzjoni ma għandhiex, għalhekk, tkun ikkunsidrata bħala konformi mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (25).

48.      F’dan il-kuntest, bl-istess mod kif l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni għandhom, skont l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ikunu jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jippermettu li jiġi żgurat li l-konsenja ta’ persuna koperta b’mandat ta’ arrest Ewropew ma timplikax ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha għaliex din id-dispożizzjoni tipprevedi – bl-istess mod bħall-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 – każ ta’ raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv (26), l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom ikunu jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll iċ-ċirkustanzi kollha li jippermettulhom jiżguraw li r-rifjut tal-konsenja ma timplikax l-impunità tal-persuna rikjesta.

49.      Tali setgħa diskrezzjonali hija daqstant ieħor importanti fil-qafas tal-applikazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, peress li din id-dispożizzjoni testendi l-prinċipju ne bis in idem għas‑sentenzi mogħtija mill-qrati ta’ terzi pajjiżi. Issa, kuntrarjament għal dak li japplika bejn l-Istati Membri, il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u rikonoxximent reċiproku, abbażi tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew, ma humiex awtomatikament trasponibbli għall-Istati terzi (27). Din il-karatteristika hija l-qofol tat-tieni domanda preliminari u għalhekk ser neżaminaha bħala parti mit-tieni domanda.

50.      Wara li ġie spjegat dan, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li mill-interpretazzjoni testwali, kuntestwali u teleoloġika tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li dan għandu jiġi interpretat fis-sens li meta Stat Membru jagħżel li jittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali tiegħu, huwa obbligat li jagħti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tistabbilixxi jekk hemmx lok jew le li tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew għar-raġuni msemmija f’din id‑dispożizzjoni.

C.      Fuq it-tieni domanda preliminari

51.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett tal-“istess atti” li jinsab fil-punt 5 tal‑Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jingħata l-istess interpretazzjoni bħal dik, formalment identika, użata fil-punt 2 tal‑Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas. Jekk dan ma huwiex il-każ, il‑qorti tar-rinviju allura tistaqsi x’interpretazzjoni għandu jingħata.

52.      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, bħall-punt 2 tal‑Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-punt 5 tal-Artikolu 4 tagħha ma jirreferix għad-dritt tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l‑kunċett tal-“istess atti”. Minħabba r-rekwiżit tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, l-evalwazzjoni ta’ dan il-kunċett għalhekk ma tistax titħalla f’idejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ kull Stat Membru skont id‑dritt nazzjonali tagħhom. Huwa jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad‑dritt tal-Unjoni (28).

53.      F’dak li jirrigwarda l-kunċett tal-“istess atti” li jinsab fil-punt 2 tal‑Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan għandu jingħata l-istess definizzjoni bħal dik mogħtija lill-kunċett tal-“istess azzjonijiet” li jinsab fl-Artikolu 54 tal‑Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal‑Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (29), iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu) fid-19 ta’ Ġunju 1990 (iktar ’il quddiem il‑“KFS”) (30). Huwa għalhekk interpretat bħala li jirrigwarda biss il-materjalità tal-fatti u li jinkludi ġabra ta’ fatti marbutin inseparabbilment ma’ xulxin, irrispettivament mill-kwalifika ġuridika ta’ dawn il-fatti jew mill-interess ġuridiku protett (31).

54.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat l-identiċità tal-kunċetti billi bbażat ruħha fuq l-għan komuni tal-Artikolu 54 tal-KFS u tal-punt 2 tal‑Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li huwa li jiġi evitat li persuna tiġi mħarrka mill-ġdid jew tkun is-suġġett ta’ sentenza kriminali fir-rigward tal-istess atti (32). Issa, jiena ma narax x’jista’ jkun l-għan l‑ieħor li jista’ jkun moħbi wara l-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, peress li din id-dispożizzjoni hija, kif diġà indikajt preċedentament, simili f’kull mod għall-punt 2 tal-Artikolu 3 tal-istess Deċiżjoni Qafas, ħlief fir-rigward tal-Istat li minnu toriġina s-sentenza preċedenti li tiddeċiedi dwar l-istess atti.

55.      F’dawn id-ċirkustanzi, fid-dawl tal-għan komuni u tan-neċessità, irrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tiġi żgurata l-koerenza bejn l‑interpretazzjonijiet magħmula tad-dispożizzjonijiet differenti tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584 (33), jidhirli li l-kunċett tal-“istess atti” użat fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tagħha għandu jingħata l-istess interpretazzjoni bħal dak li tinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tagħha.

56.      Jiena nżid ukoll li, minkejja li l-prinċipu ta’ ne bis in idem ma ssemmiex formalment mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma hemm l-ebda dubju li huwa dan il-prinċipju li l‑punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 qed jimplimentaw. Dan jidher, minn naħa waħda, mit‑titolu tal-Kapitolu li fih jaqa’ l-Artikolu 54 tal-KFS – “Applikazzjoni tal-Prinċipju ne bis in idem” – u, min-naħa l-oħra, mill-interpretazzjoni identika li tingħata lill-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”, li jifformalizza dan il-prinċipju fil-Karta (34).

57.      Iktar minn koerenza interna fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hija iktar kwistjoni li tiġi żgurata koerenza transversali fid-dritt tal-Unjoni. Peress li huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit ukoll fl-Artikolu 50 tal-Karta (35), u li sa issa ngħata l-istess interpretazzjoni f’oqsma tant differenti bħal dak tat-taxxa fuq il-valur miżjud)(VAT) (36), il-ġlieda kontra l-ħasil tal‑flus (37) jew il-mandat ta’ arrest Ewropew, id-definizzjoni tiegħu ma tistax tvarja skont l-istrument ġuridiku inkwistjoni u, a fortiori, fl-istess strument uniku. Tali differenza tkun iktar u iktar tistona, saħansitra tkun anakronistika, peress li anki l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem adottat interpretazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem li jiffoka fuq ir-rekwiżit ta’ atti identiċi jew essenzjalment l-istess (38).

58.      Huwa veru li, bħal strumenti internazzjonali oħra (39), l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad‑Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata fi Strasbourg fit‑22 ta’ Novembru 1984, jillimita l-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem għas-sentenzi li jingħataw fl-istess pajjiż uniku (40). Bl-istess mod, l-Artikolu 50 tal-Karta jispjega li l-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata “fl-Unjoni”. Din l-applikazzjoni transnazzjonali limitata tal-prinċipju ne bis in idem hija spjegata, fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, minħabba l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li jobbliga lil kull Stat Membru sabiex jikkunsidra, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha jirrispettaw id-dritt tal‑Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (41). Jiena lanqas ma ninjora li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fil-qafas tal-KFS, ir-rabta meħtieġa li kien hemm bejn il‑prinċipju ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 ta’ din il-Konvenzjoni u l-fiduċja reċiproka tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali rispettivi tagħhom (42).

59.      Madankollu, għalkemm l-ebda prinċipju ta’ dritt internazzjonali pubbliku ma jimponi l-applikazzjoni transnazzjonali tal-prinċipju ne bis in idem (43), sa fejn naf jien, l-ebda regola ma tipprojbixxiha (44). Issa, meta għażel li jistabbilixxi raġuni għal rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fir-rigward ta’ sentenzi mogħtija f’pajjiż terz f’termini identiċi għal dawk użati fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni għamel din l-għażla.

60.      Madankollu, għandu jitfakkar li l-punt 5 tal-Artikolu 4 tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal‑Artikolu 1(3) tiegħu li jimponi rispett totali tad-drittijiet fundamentali u osservanza sħiħa tal-prinċipji ġuridiċi fundamentali stabbiliti bl-Artikolu 6 tat-TUE fl-eżekuzzjoni tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Konsegwentement, l-applikazzjoni transnazzjonali tal-prinċipju ne bis in idem ma għandha bl-ebda mod, ikun x’ikun, tippreġudika d-drittijiet fundamentali ggarantiti lill-persuni kkonċernati (45).

61.      Għalhekk minn qari ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet flimkien jirriżulta li, għalkemm l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza definittiva mogħtija minn qorti ta’ pajjiż terz, dan ikun bil-kundizzjoni li din is-sentenza tkun it-tmiem ta’ proċedura li, b’mod partikolari, tkun osservat r-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq li l‑Istati Membri huma obbligati josservaw u li tista’ tiggarantixxi d‑drittijiet tal-partijiet kollha fil-proċess (46).

62.      Il-fatt li l-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistipula raġuni għal rifjut ta’ eżekuzzjoni fakultattiv, filwaqt li l-punt 2 tal‑Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jistabbilixxi raġuni għal rifjut ta’ eżekuzzjoni obbligatorju, għandu wkoll żewġ konsegwenzi oħra li huma wkoll garanziji li jistgħu jikkumpensaw in-nuqqas ta’ fiduċja reċiproka fil‑konfront ta’ Stati terzi.

63.      Minn naħa waħda, huwa finalment kull Stat Membru li jagħżel jekk jixtieqx jittrasponi l-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u jestendi l-prinċipju ta’ ne bis in idem għal sitwazzjonijiet transnazzjonali barra mill-Unjoni (47). Minn naħa l-oħra, kif urejt fl-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni konkreta tal-eċċezzjoni msemmija fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha titħalla fid-diskrezzjoni tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni.

64.      Hija għalhekk l-awtorità ġudizzjarja kompetenti li għandha tistabbilixxi, minbarra n-natura ta’ smigħ xieraq fl-Istat terz, jekk il-fatti materjali inkwistjoni jikkostitwixxux ġabra ta’ azzjonijiet inseparabbilment marbuta fiż-żmien, fl-ispazju kif ukoll mill-iskop tagħhom (48).

65.      Fl-evalwazzjoni tagħha, l-awtorità ġudizzjarja għandha, finalment, tieħu inkunsiderazzjoni l-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li huwa li r-reat imwettaq ma jibqax mingħajr kastig u li jitressqu azzjonijiet kontra l-persuna rikjesta jew li din il-persuna tiskonta l-piena ta’ priġunerija imposta kontriha (49). Effettivament, kif diġà indikajt, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni li, ċertament, hija tali li tiżgura l-konformità tagħha mar-rekwiżiti tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati – li minnhom il-prinċipju ne bis in idem jifforma parti –, mingħajr ma tiġi għalhekk ikkontestata l-effettività tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri li tagħha l-mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali (50).

66.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li l‑kunċett tal-“istess atti” li jinsab fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jingħata l-istess interpretazzjoni bħal dik użata fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas. Dan il-kunċett għandu għalhekk jiġi interpretat bħala li jirrigwarda biss in-natura tal‑atti u li jinkludi ġabra ta’ fatti konkreti marbutin inseparabbilment ma’ xulxin, irrispettivament mill-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti jew mill-interess ġuridiku protett.

D.      Fuq it-tielet domanda preliminari

67.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kundizzjoni prevista fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584 dwar l-eżekuzzjoni tal-piena għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tkun issodisfatta meta l-persuna rikjesta tkun ġiet ikkundannata b’mod definittiv għall-istess atti għal piena ta’ priġunerija li hija tkun skontat parti minnha fil-pajjiż li fih ingħatat il‑kundanna, u li tkun ibbenefikat, għall-bqija tal-kundanna, minn maħfra tal‑piena mogħtija minn awtorità mhux ġudizzjarja ta’ dan il-pajjiż, bħala parti minn miżura ta’ klemenza ġenerali applikabbli wkoll għal persuni kkundannati għal atti gravi u li ma hijiex ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ politika kriminali.

68.      Is-sens li għandha tingħata din il-kundizzjoni huwa importanti inkwantu din tista’ tipprekludi rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Effettivament, jekk il-piena ma ġiet eżegwita fis-sens tal‑punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, din id‑dispożizzjoni timponi ritorn, bħala regola, jiġifieri l-konsenja tal‑persuna kkonċernata.

69.      Preliminarjament, nippreċiża li jiena nifhem il-fenomenu ġuridiku tal-klemenza kif ġie ddefinit mill-qorti tar-rinviju: jiġifieri bħala miżura mogħtija minn awtorità mhux ġudizzjarja li minnha bbenefika grupp ta’ persuni kkundannati għal atti gravi u li ma hijiex ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ politika kriminali. Dan il-mod, newtrali u ġenerali, li bih tiġi ddefinita l-problema jidhirli li huwa rilevanti b’mod partikolari fid-dawl tal-ħafna miżuri ta’ klemenza eżistenti (51) u tal‑varjabbiltà tad-definizzjoni tagħhom fit-tradizzjonijiet ġuridiċi tal‑Istati Membri (52).

70.      Wara li l-qafas ta’ analiżi ġie hekk iddefinit, jista’ jiġi osservat li l-kundizzjoni għall-eżekuzzjoni hija ddefinita f’termini identiċi fil-punt 2 tal-Artikolu 3 u fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, iżda wkoll fl-Artikolu 54 tal-KFS. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat fir‑rigward ta’ dan tal-aħħar li l-kundizzjoni għall-eżekuzzjoni tkun issodisfatta meta jiġi kkonstatat li, fil-mument li fih tinbeda t-tieni proċedura kriminali kontra l-istess persuna għall-istess atti bħal dawk li jkunu wasslu għal kundanna fl-ewwel Stat Kontraenti, il-piena imposta f’dan l-ewwel Stat ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed skont il-liġijiet ta’ dan ilIstat (53).

71.      Madankollu ma għandniex nieqfu fuq din il-konstatazzjoni biss, ibbażata fuq il-kliem tal-Artikolu 54 tal-KFS, sabiex jiġi interpretat il‑punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u, b’dan il-mod, jitwarrab il-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Effettivament, jekk it-“test ta’ dispożizzjoni, […] skont il-prinċipji ta’ interpretazzjoni tradizzjonali, huwa dejjem il-punt ta’ tluq u, fl-istess ħin, il-limitu ta’ kull interpretazzjoni” (54), peress li l-metodi ta’ interpretazzjoni l-oħra huma fakultattivi biss fil-każ fejn it-test inkwistjoni jkun assolutament ċar u inekwivokabbli (55). Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal‑artikolu inkwistjoni ma jippermettix, waħdu, li jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kundizzjoni għal eżekuzzjoni.

72.      Qabelxejn, f’dak li jirrigwarda l-kuntest li fih jaqa’ l-punt 5 tal‑Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, mill-punt 1 tal-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jirriżulta bla dubju li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma injorax l‑interferenza potenzjali ta’ miżuri ta’ klemenza fl-applikazzjoni tal‑mandat ta’ arrest Ewropew.

73.      Skont din id-dispożizzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew meta r‑reat li huwa l-bażi tiegħu huwa kopert minn amnestija fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u li dan l-Istat Membru kellu l-kompetenza li jibda proċedura għall-imsemmi reat skont il-liġi kriminali tiegħu stess. Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni llimita dan il-każ għall-amnestija fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u rrefera għaliha biss bħala raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju. Il-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għalhekk ma għandux jiġi interpretat bħala li jawtorizza t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ miżura ġenerali ta’ klemenza minkejja li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d‑Deċiżjoni Qafas 2002/584 telenka r-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew b’mod eżawrjenti (56) u li r‑rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa kkonċepit bħala eċċezzjoni li għandha tingħata interpretazzjoni stretta (57).

74.      Sussegwentement, jekk nikkunsidraw l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jista’ jitfakkar li l-mekkaniżmu tal‑mandat ta’ arrest Ewropew huwa l-ewwel pass ta’ konkretizzazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fil-qasam tad-dritt kriminali. Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża, għalhekk, sabiex tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali preċedenti b’sistema simplifikata u iktar effiċjenti ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji (58). Għalhekk hija iktar in-“natura ġudizzjarja” tal-estradizzjoni: minkejja li l-estradizzjoni hija att ta’ sovranità, il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa att ġudizzjarju (59).

75.      Huwa għalhekk li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 stabbilixxiet mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri (60), li għandhom jinftehmu fil-qafas ta’ din id-Deċiżjon Qafas bħala l-awtoritajiet li jipparteċipaw – b’mod indipendenti (61) – fl‑amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali (62).

76.      Issa, il-miżura ta’ klemenza kif iddefinita mill-qorti tar-rinviju hija, minn naħa waħda, mogħtija minn awtorità mhux ġudizzjarja u, min-naħa l-oħra, bl-ebda mod ma taqa’ f’perspettiva ta’ politika kriminali. Konsegwentement, jidher li jekk tali miżura tittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-applikazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 dan imur kontra l-filosofija ta’ sistema li tagħmel il‑mandat ta’ arrest Ewropew strument ta’ ġustizzja kriminali u tpoġġi lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri fil-qofol tal-funzjonament tiegħu.

77.      Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija inkompatibbli wkoll mal-prinċipju ne bis in idem peress li dan il-prinċipju huwa bbażat fuq il‑loġika tal-fiduċja reċiproka u li din għandha topera biss fl-isfera tal-applikazzjoni ġudizzjarja tal-liġi (63). L-awtoritajiet ġudizzjarja huma, effettivament, fl‑aħjar pożizzjoni sabiex jirrikkonċiljaw, fi tmiem analiżi konkreta u individwalizzata, id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati u l-effettività tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri.

78.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-kundizzjoni għall-eżekuzzjoni imposta fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jidhirli li għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tkoprix il-maħfra ta’ piena mogħtija minn awtorità mhux ġudizzjarja tal‑pajjiż terz li minnu toħroġ is-sentenza ta’ kundanna definittiva, bħala parti minn miżura ta’ klemenza ġenerali li hija applikabbli wkoll għal persuni kkundannati għal atti gravi u li ma hijiex ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ politika kriminali.

VI.    Konklużjoni

79.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il‑Pajjiżi l-Baxxi) bil-mod segwenti:

1)      Il-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal‑Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2002/584/ĠAI), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li meta Stat Membru jagħżel li jittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali tiegħu, huwa obbligat li jagħti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tistabbilixxi jekk hemmx lok jew le li tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew għar-raġuni msemmija f’din id-dispożizzjoni.

2)      Il-kunċett tal-“istess atti” li jinsab fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, għandu jingħata l-istess interpretazzjoni bħal dik użata fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tal-istess Deċiżjoni Qafas. Dan il-kunċett jirrigwarda biss il-materjalità tal‑fatti. Huwa jinkludi ġabra ta’ fatti konkreti marbutin inseparabbilment ma’ xulxin, irrispettivament mill-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti jew mill-interess ġuridiku protett.

3)      Il-kundizzjoni għall-eżekuzzjoni imposta fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tkoprix il-maħfra ta’ piena mogħtija minn awtorità mhux ġudizzjarja tal-pajjiż terz li minnu toħroġ is-sentenza ta’ kundanna definittiva, bħala parti minn miżura ta’ klemenza ġenerali li hija applikabbli wkoll għal persuni kkundannati għal atti gravi u li ma hijiex ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ politika kriminali.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.


3      ĠU 2009, L 81, p. 24.


4      Stb. 2004, Nru 195.


5      Stb. 2017, Nru 82.


6      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn lejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni) (C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 42).


7      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 35), u tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn lejn l‑Istat ta’ eżekuzzjoni) (C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 35).


8      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 36), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 35).


9      Ara l-premessi 6 u 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 39 u 40), u tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn lejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni) (C‑314/18, EU:C:2020:191, punti 37 u 38).


10      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 41); tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn lejn l‑Istat ta’ eżekuzzjoni) (C‑314/18, EU:C:2020:191 punt 39), kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 37).


11      Sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas‑sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 42), u tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn lejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni) (C‑314/18, EU:C:2020:191 punt 40).


12      Ara l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Ara wkoll, f’dan is-sens, is‑sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 59).


13      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 63).


14      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:116, punt 26).


15      B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet: “[…] jekk jittrasponu l‑Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fid-dritt nazzjonali tagħhom […]” (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge (C‑42/11, EU:C:2012:517, punt 50, enfasi miżjud minni) jew inkella: “[…] meta Stat Membru jkun għażel li jittrasponi [il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584] fid-dritt nazzjonali […]” (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 21) (enfasi miżjud minni)). Ara, ukoll, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Sut (C‑514/17, EU:C:2018:1016, punt 33).


16      Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 21); tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Sut (C‑514/17, EU:C:2018:1016, punt 33), kif ukoll tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 86 u 99); fir-rigward tal-Artikolu 4a tal-istess deċiżjoni, ara s‑sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 50); tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 96), kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg (C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 51).


17      Sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 21).


18      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:116, punt 30).


19      Enfasi miżjud minni.


20      Enfasi miżjud minni.


21      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Sut (C‑514/17, EU:C:2018:1016, punt 33).


22      Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet u r-riferimenti indikati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.


23      Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:116, punt 31).


24      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn lejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni) (C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 47).


25      Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 23). Ara wkoll, għal dikjarazzjoni u applikazzjoni tal-prinċipju li l-impunità tal-persuna rikjesta hija inkompatibbli mal-għan li għandu jintlaħaq bid‑Deċiżjoni Qafas 2002/584, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 82 u 103).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 96), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg (C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 51). Ara, ukoll, f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv dwar in-neċessità li l-awtoritajiet ġudizzjarji jingħataw setgħa diskrezzjonali, – f’dan il-każ, il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 –, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 86 u 99).


27      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża JR (Mandat ta’ arrest – Kundanna fi Stat terz, membru taż-ŻEE) (C‑488/19, EU:C:2020:738, punt 34).


28      Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-kunċett tal-“istess atti” li jinsab fil-punt 2 tal‑Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 38).


29      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2 p. 9.


30      Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 40).


31      Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 39).


32      Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 40).


33      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860, punt 33).


34      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punti 25, 34 u 35). Barra minn hekk jista’ jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi b’mod partikolari, fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, għall-punti 39 u 40 tas-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C‑261/09, EU:C:2010:683) dwar l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.


35      Sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Slovak Telekom (C‑857/19, EU:C:2021:139, punt 39).


36      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197).


37      Ara l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża LG u MH (Awtoriċiklaġġ) (C‑790/19, EU:C:2021:15, punti 50 u 51).


38      Ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 10 ta’ Frar 2009, Zolotoukhine vs Ir-Russja, CE:ECHR:2009:0210JUD001493903, punti 78 sa 82 u, għal applikazzjoni iktar reċenti, Qorti EDB, 19 ta’ Diċembru 2017, Ramda vs Franza, CE:ECHR:2017:1219JUD007847711.


39      Ara l-Artikolu 14(7) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottat mill-Assembla Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis‑16 ta’ Diċembru 1966 u li daħal fis-seħħ fit‑23 ta’ Marzu 1976.


40      Ara, f’dan is-sens, Rafaraci, T., “The principle of non bis in idem in the jurisprudence of the European Court of Justice”, f’Le contrôle juridictionnel dans l’espace pénal européen, Edizzjonijiet tal-Università ta’ Brussell, Brussell, 2009, p. 93 sa 110, b’mod partikolari p. 93.


41      Ara l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet u r‑riferimenti ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8


42      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge (C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87, punt 33), kif ukoll tad‑9 ta’ Marzu 2006, Van Esbroeck (C‑436/04, EU:C:2006:165, punt 30).


43      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il‑Kummissjoni (C‑289/04 P, EU:C:2006:431, punt 58).


44      Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 58 tal-KFS li jistipula li d-dispożizzjonijiet ta’ din il‑Konvenzjoni “m’għandhomx iwaqqfu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar estensivi dwar il-prinċipju ta’ ne bis in idem fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji meħuda f’pajjiżi barranin”.


45      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punti 59 u 63).


46      F’dan ir-rigward, abbażi tal-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ta’ X, jidher li l‑proċedura kriminali li wasslet għall-kundanna tiegħu fl-Iran ma kinitx travestija ta’ proċess. Bl-istess mod il-piena mogħtija tidher, meta jiġu kkunsidrati l‑kundizzjonijiet tal-arrest kif deskritti minn X, ta’ ċertu severità. Fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi eżegwit, dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu, mingħajr dubju, jiġu wkoll ikkunsidrati mill‑qrati Ġermaniżi.


47      Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet u r-riferenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 15.


48      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2006, Van Esbroeck (C‑436/04, EU:C:2006:165, punt 38), u tat‑18 ta’ Lulju 2007, Kraaijenbrink (C‑367/05, EU:C:2007:444, punt 27).


49      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn lejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni) (C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 47).


50      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 63).


51      L-amnestija u l-maħfra jiġu f’moħħi b’mod spontanju. Uħud jassoċjaw magħha wkoll il-preskrizzjoni u l-libertà kundizzjonali, iżda dawn il-miżuri ma humiex l‑uniċi li jistgħu jiġu kkunsidrati (ara, f’dan is-sens, Mathieu, B., u Verpeaux, M., “Conclusions comparatives”, f’Ruiz Fabri, H., Della Morte, G., Lambert Abdelgawad, E., Martin-Chenut, K., La clémence saisie par le droit. Amnistie, prescription et grâce en droit international et comparé, Société de législation comparée, Kollezzjoni tal-UMR tad-dritt komparattiv ta’ Pariġi, Vol. 14, Pariġi, 2007, p. 311 sa 318).


52      Anki minħabba eventwali distinzjoni bejn, minn naħa waħda, miżuri ta’ klemenza fis-sens strett (“executive clemency”) – li huma rriżervati għall-poter eżekuttiv – u, min-naħa l-oħra, l-amnestija – li hija att leġiżlattiv (f’dan is-sens, fis-sistemi ta’ common law, Pascoe, D., u Manikis, M., “Making sense of the victim’s role in clemency decision making”, International Review of Victimology, Vol. 26(I), 2020, p. 3 sa 28, b’mod partikolari p. 4 u 5, u p. 8 u 9). Ara, ukoll, sabiex tikkonvinċi ruħek dwar in-nuqqas ta’ definizzjoni komuni, diskussjonijiet relatati mal-kunċetti ta’ “maħfra ”, ta’ “amnestija” u ta’ “preskrizzjoni”, “Les institutions de clémence, regards de droit comparé”, f’Ruiz Fabri, H., Della Morte, G., Lambert Abdelgawad, E., Martin-Chenut, K., La clémence saisie par le droit, op. cit., p. 275 sa 309).


53      Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Bourquain (C‑297/07, EU:C:2008:708, punt 48).


54      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Agrana Zucker (C‑33/08, EU:C:2009:99, punt 37).


55      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Franza vs Il-Parlament (Eżerċizzju tas-setgħa baġitarja) (C‑73/17, EU:C:2018:386, punt 25).


56      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


57      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


58      Ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


59      Ara, f’dan is-sens, Jegouzo, I., “Le mandat ta’ arrest Ewropew, acte de naissance de l’Europe judiciaire pénale”, f’Cartier, M.-E., Le mandat d’arrêt européen, Bruylant, Brussell, 2005, p. 33 sa 45, b’mod partikolari p. 42; Bot, S., Le mandat d’arrêt européen, Larcier, Nru°215, Brussell, 2009.


60      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 96).


61      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 38).


62      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860, punt 32).


63      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Bourquain (C‑297/07, EU:C:2008:206, punt 83).