Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Marzu 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija

(Kawża C-174/21)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: I. Zaloguin, M. Noll-Ehlers, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika tal-Bulgarija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, peress li ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa sabiex teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C-488/15, EU:C:2017:267), ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE fir-rigward taż-żoni u tal-agglomerazzjonijiet BG0001 Sofija, BG0002 Plovdiv, BG0004 Tramuntana, BG0005 Lbiċ u BG0006 Xlokk;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa ta’ EUR 3 156 kuljum, mid-data tal-għoti tas-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C-488/15, EU:C:2017:267) sad-data tal-għoti tas-sentenza fil-kawża ineżami, jew, fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġi rrimedjat qabel, sal-31 ta’ Diċembru tal-aħħar sena ta’ nuqqas, iżda f’kull każ somma f’daqqa ta’ mhux inqas minn EUR 653 000;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 5 677.20 kuljum għal kull żona fir-rigward tal-kwalità tal-arja, ikkalkolati mid-data tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ineżami sad-data tal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C-488/15, EU:C:2017:267), kif ukoll

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Bulgarija naqset milli twettaq dak li huwa meħtieġ għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-488/15, sa fejn għadha tonqos milli twettaq (i) l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1), ikkunsidrat flimkien mal-Anness XI tal-istess direttiva u (ii) l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 23 tal-istess direttiva.

____________