Language of document : ECLI:EU:C:2014:2169

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fl-4 ta’ Settembru 2014 (1)

Kawżi magħquda C‑464/13 u C‑465/13

Europäische Schule München

vs

Silvana Oberto (C-464/13)

Barbara O’Leary (C-465/13)

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja)]

“Statut tal-Iskejjel Ewropej – Ġurisdizzjoni tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej jew tal-qrati tas-sede tal-Iskejjel sabiex tingħata deċiżjoni fuq kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat konkluż bejn l-Iskola Ewropea u għalliem mhux assenjat jew ikkollokat minn Stat Membru”





I –    Introduzzjoni

1.        Tilwim dwar iż-żmien determinat tal-kuntratti ta’ xogħol konklużi, b’mod ripetut matul diversi snin, bejn il-Kap ta’ Skola Ewropea u l-għalliema part-time tiegħu, jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat tas-sede tal-imsemmija skola jew f’dik tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej, skont l‑Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej, iffirmata fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1994 (2) bejn l-Istati Membri u l-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-1994ˮ)?

2.        Dan huwa, essenzjalment, is-suġġett tad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesarbeitsgericht (Qorti Federali tax-Xogħol, il-Ġermanja) fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri bejn l‑Europäische Schule München (Skola Ewropea ta’ München) u żewġ għalliema part-time tagħha, S. Oberto u B. O’Leary, li eżerċitaw din l-attività mis-sena 1998 u s-sena 2003 rispettivament, abbażi ta’ kuntratti għal żmien determinat ta’ sena, imġedda perijodikament mill-Kap ta’ din l-iskola, bis-saħħa tar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time tal-Iskejjel Ewropej irreklutati bejn l-1 ta’ Settembru 1994 u l-31 ta’ Awwissu 2011, approvati mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Iskejjel Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-timeˮ) (3).

3.        Permezz ta’ żewġ rikorsi ppreżentati quddiem l-Arbeitsgericht München (tribunal tax-xogħol ta’ München), S. Oberto u B. O’Leary ikkontestaw il-limitazzjoni għal sena tat-tul tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom, li skadew fix-xahar ta’ Awwissu 2011. Huma jsostnu quddiem l‑Arbeitsgericht München li l-qrati Ġermaniżi għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-validità tal-limitazzjonijiet tat-tul tar-relazzjoni ta’ impjieg li torbothom mal-Europäische Schule München. Għall‑kuntrarju, din tal-aħħar tallega li hija ma hijiex suġġetta għall‑ordinament ġuridiku Ġermaniż, peress li l-kwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej.

4.        Permezz ta’ sentenza interlokutorja, l-Arbeitsgericht München iddikjarat ir-rikors ammissibbli, u din ġiet ikkonfermata fl-appell. Adita minn rikors għal “Reviżjoniˮ ippreżentat mill-Europäische Schule München, il-Bundesarbeitsgericht tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal‑ewwel sentenza tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni tal-1994.

5.        Kien f’dan il-kuntest li l-Bundesarbeitsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)       L-ewwel sentenza tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni [tal‑1994] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-għalliema [part-time] rreklutati minn Skola Ewropea u li ma jkunux ikkollokati mill-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala inklużi fost il-persuni koperti mill-[imsemmija] Konvenzjoni u bħala persuni li ma humiex esklużi mill-applikazzjoni tagħha, b’differenza mill-persunal amministrattiv u anċillari?

2)      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni [tal-1994] għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri wkoll il-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju li jkun ibbażat fuq l-[imsemmija] Konvenzjoni jew fuq ir-regoli adottati skont din il-konvenzjoni, u li jkun adottat fir‑rigward tal-għalliema [part-time] mid-direttur [mill-Kap] ta’ Skola fl-eżerċizzju tal‑kompetenzi tiegħu?

3)      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda:

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni [tal-1994] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-konklużjoni ta’ ftehim bejn id‑direttur ta’ Skola Ewropea u għalliem [part-time], dwar il-limitazzjoni tat-tul tar‑relazzjoni ta’ xogħol [relazzjoni ta’ impjieg] tal-għalliem [part-time], tikkostitwixxi att adottat mid‑direttur fir-rigward tal-għalliem [part-time] li jikkawża preġudizzju lil dan tal‑aħħar?

4)      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta negattiva għat-tieni u t-tielet domanda:

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni [tal-1994] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Bord tal-Ilmenti hemm imsemmi għandu ġurisdizzjoni esklużiva fl-ewwel u fl-aħħar istanza sabiex jiddeċiedi, wara l-eżawriment tar-rimedji amministrattivi, dwar it-tilwim li jikkonċerna l-limitazzjoni tat-tul ta’ kuntratt ta’ xogħol li d‑direttur ta’ Skola jikkonkludi ma’ għalliem [part-time] f’sitwazzjoni fejn dan il‑ftehim ikun essenzjalment ibbażat fuq il-kriterju stabbilit mill-Kunsill Superjuri [Bord tal-Gvernaturi] msemmi fil-punt 1.3 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema [part-time] […] li jipprevedi kuntratti ta’ xogħol annwali?ˮ

6.        Saru osservazzjonijiet bil-miktub fuq dawn id-domandi mill‑partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-persuni kkonċernati għamlu wkoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta tal-15 ta’ Mejju 2014.

II – Analiżi

A –    Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad‑domandi preliminari

7.        Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad‑domandi preliminari ġiet ikkontestata fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Europäische Schule München minħabba n-natura internazzjonali tal‑Konvenzjoni tal-1994. Minkejja li l-Europäische Schule München korrettament irrinunzjat għal din l-oġġezzjoni waqt is-seduta, din il‑kwistjoni, qabel xejn ta’ ordni pubbliku, xorta jistħoqqilha li tiġi diskussa xi ftit.

8.        Huwa veru li, meta ġew stabbiliti, l-Iskejjel Ewropej, li l-għan tagħhom huwa li jiġi żgurat li jiġu edukati flimkien it-tfal tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mill-iskola tat-tfal iż-żgħar sa dik sekondarja (4), kienu rregolati mill-Konvenzjoni dwar l-Istatut tal-Iskola Ewropea, iffirmata fit-12 ta’ April 1957 fil-Lussemburgu (5), u mill-Protokoll dwar il-ħolqien tal-Iskejjel Ewropej, stabbilit f’riferiment għall-Konvenzjoni tal-Iskola Ewropea, iffirmat fit-13 ta’ April 1962 (6), strumenti konklużi bejn is-Sitt Stati Membri li oriġinarjament ifformaw il-Komunitajiet Ewropej, filwaqt li dawn tal-aħħar, min-naħa tagħhom, ma kinux iffirmaw dawn l‑istrumenti.

9.        Min-natura intergovernattiva tal-Konvenzjoni tal-1957, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet illi hija ma kellhiex ġurisdizzjoni tinterpreta d‑dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, kemm fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll fil-kuntest tal-proċedura stipulata fl‑Artikolu 226 KE li hija intiża sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ Stat li jwettaq l-obbligi tiegħu skont it-Trattat KE (7). Fil-fatt, peress li dan l‑istrument kien ġie konkluż esklużivament mill-Istati Membri, ma kienx jagħmel parti integrali mid-dritt Komunitarju (8).

10.      Il-Konvenzjoni tal-1957 u l-Protokoll dwar il-ħolqien ta’ Skejjel Ewropej stabbilit f’riferiment għall-Konvenzjoni tal-Iskola Ewropea, iffirmata fit-13 ta’ April 1962, madankollu ġew annullati u ssostitwiti mill-Konvenzjoni tal-1994, skont l-Artikolu 34 ta’ din tal-aħħar.

11.      Issa, il-Konvenzjoni tal-1994 ma ġietx konkluża biss mill-Istati Membri iżda wkoll mill-Komunitajiet Ewropej, u l-parteċipazzjoni ta’ dawn tal-aħħar kienet is-suġġett tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/557/KE, Euratom, tas-17 ta’ Ġunju 1994, li tawtorizza l-Komunità Ewropea u l‑Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika jiffirmaw u jikkonkludu l-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej (9).

12.      Għaldaqstant, din il-Konvenzjoni hija ftehim konkluż bejn il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea li, f’dak li jirrigwarda llum l-Unjoni Ewropea, jimplika li huwa parti integrali mill-ordinament ġuridiku tagħha mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi ftehim, jiġifieri l-1 ta’ Ottubru 2002. Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-1994 (10).

13.      Din l-evalwazzjoni ma hijiex kontradetta mis-sentenza Miles et (11) li ma kinitx tirrigwarda n-natura tal-Konvenzjoni tal-1994 fir-rigward tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, iżda l-klassifikazzjoni tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej bħala “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membruˮ, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

14.      Jiena nżid li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tagħti deċiżjoni preliminari, dwar id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-1994 testendi wkoll, fl-opinjoni tiegħi, għall-atti adottati abbażi ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet u li għalihom dawn jagħmlu riferiment, b’mod partikolari sabiex tinftiehem il-portata tagħhom. Fil-fatt, dawn l-atti jippermettu l-interpretazzjoni tal-portata eżatta tal-imsemmija dispożizzjonijiet. Huma neċessarjament jifformaw parti minn dawn tal‑aħħar u ma jistgħux jiġu esklużi mill-Qorti tal-Ġustizzja.

15.      Kif l-argumenti relatati mar-risposta li trid tingħata għad‑domandi preliminari iktar ’il quddiem se juru, fost dawn l-atti hemm, f’din il-kawża, ir-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema [part-time], att ta’ portata ġenerali, adottat mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Iskejjel Ewropej, li huwa l-organu deċiżjonali prinċipali komuni għall-imsemmija Skejjel u li huwa magħmul, b’mod partikolari, mir-rappreżentati tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni Ewropea (12). Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju stess hija perfettament konxja mill-ħtieġa ta’ tali demarkazzjoni peress li hija tirreferi espliċitament għar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time fir-raba’ domanda preliminari tagħha għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal‑Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni tal-1994.

16.      Peress li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, fl-opinjoni tiegħi, ma għandhiex tqajjem dubji, issa għandhom jiġu eżaminati dawn id‑domandi li huma intiżi, essenzjalment, li jistabbilixxu jekk l‑Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni tal-1994 għandux jiġi interpretat fis‑sens li jeskludi li l-qorti tar-rinviju, bħala qorti tal-Istat fejn l-Europäische Schule München għandha s-sede tagħha, milli jkollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi li ġew ippreżentati quddiemha minn S. Oberto u B. O’Leary, minħabba l-fatt li dawn kellhom jiġu ppreżentati quddiem il-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej, skont l‑imsemmi artikolu.

B –    Fuq l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni tal-1994 u l-portata tal‑ġurisdizzjoni tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej

17.      Filwaqt li l-Konvenzjoni tal-1957 ma kellha l-ebda mekkaniżmu speċifiku sabiex jirregola kwistjonijiet bejn il-persuni li għalihom kienet intiża u l-Iskejjel Ewropej, il-Konvenzjoni tal-1994 stabbilixxiet Bord tal-Ilmenti “b’ġurisdizzjoni strettanent limitataˮ bil-għan “li tingħata protezzjoni legali xierqa kontra atti tal-Bord tal-Gvernaturi jew Bordijiet Amministrattivi [tal-imsemmija Skejjel]ˮ “lill-għalliema kif ukoll persuni oħra kopertiˮ mir-Regolamenti tal-Persunal ta’ dawn l‑Iskejjel (13).

18.      Il-kliem tal-ewwel domanda preliminari jirreferu għal żewġ kategoriji ta’ persunal irreklutat mal-Iskejjel Ewropej, jiġifieri, l-għalliema, minn naħa waħda, u l-persunal amministrattiv u anċillari, min-naħa l-oħra.

19.      Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni tal-1994 jirriżulta li din tinkludi, fl-ewwel istanza u fl-aħħar istanza u wara li jkun ġie eżawrit ir-rimedju amministrattiv, “f’kull tilwima li tirrigwarda l-applikazzjoni ta[l-imsemmija] Konvenzjoni għall-persuni kollha li huma koperti biha ħlief persunal amministrattiv u anċillari, u rigward il-legalità ta’ kull att ibbażat fuq il-Konvenzjoni [tal-1994] jew regoli magħmulin taħtha, li jaffettwaw ħażin dawk il-persuni, mwettqa mill-Bord tal-Gvernaturi [jew] tal-Bord Amministrattiv ta’ skola fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom […]ˮ.

20.      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-ġurisdizzjoni tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej jinkludi l‑kwistjonijiet li jirrigwardaw il-persuni koperti mill-Konvenzjoni tal-1994, bl-esklużjoni tal-persunal amministrattiv u anċillari.

21.      Minn dan jirriżulta li l-kwistjonijiet bejn il-persunal amministrattiv u anċillari u l-Iskejjel Ewropej jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat tas-sede tal-imsemmija Skejjel.

22.      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata, qabel kollox, mill-Artikolu 27(7) tal-Konvenzjoni tal-1994 li jistipula “[t]ilwim ieħor li l-Iskejjel [Ewropej] ikunu parti fihˮ, jiġifieri dak li ma jaqax fil-ġurisdizzjoni esklużiva u strettament iddefinita tal-Bord tal-Ilmenti tal-iskejjel Ewropej, “għandu jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni [tal-qrati] nazzjonaliˮ.

23.      Insegwitu, din l-interpretazzjoni hija msaħħa mill‑Artikolu 36 tar-Regolamenti tal-Persunal amministrattiv u anċillari tal-Iskejjel Ewropej, approvati mill-Bord tal-Gvernaturi f’Lisbona fis‑17 u 18 ta’ April 2007, li jipprevedu li huma dawn il-qrati biss li għandhom il-ġurisdizzjoni sabiex jagħtu deċiżjoni ġudizzjarja fuq tilwim bejn membru tal-persunal amministrattiv u anċillari fi Skola Ewropea u li jirrigwardaw il-legalità ta’ att ta’ implementazzjoni tar‑Regolamenti ta’ dan il-persunal li jikkawża preġudizzju (14).

24.      Min-naħa l-oħra, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 27(2) tal‑Konvenzjoni tal-1994, it-tilwim bejn l-għalliema u l-Iskejjel Ewropej jaqgħu fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej.

25.      Madankollu, tali konstatazzjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex tinqata’ l-kwistjoni mressqa mill-qorti tar-rinviju fir-rigward ta’ tilwim bejn Skola Ewropea u l-għalliema part-time tagħha.

26.      Fl-ewwel lok, mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-1994 jirriżulta li l-kategorija tal-“persunal tal-għalliemaˮ jew “tal-għalliemaˮ koperta bl-imsemmija Konvenzjoni ma tinkludix, stricto sensu, lill‑għalliema part-time.

27.      Fil-fatt, mill-Artikolu 3(2) tal-Konvenzjoni tal-1994 jirriżulta li t‑tagħlim jingħata minn għalliema kkollokati jew assenjati mill-Istati Membri, jiġifieri dawk li, peress li jappartjenu għas-sistema ta’ tagħlim tal-Istati Membri rispettivi tagħhom, jibqgħu jżommu, mingħajr kundizzjonijiet, matul il-kollokament jew l-assenjazzjoni tagħhom mal-Iskejjel Ewropej, id-drittijiet ta’ promozzjoni u rtirar iggarantiti mir‑regoli nazzjonali tagħhom, skont l-Artikolu 12(4)(a) tal-imsemmija Konvenzjoni (15).

28.      Barra minn hekk, it-tieni sentenza tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni tal-1994 tagħmel distinzjoni bejn “ir-Regolamenti tas-Servizzi għall‑persunal tal-għalliema [ir-Regolamenti tal-Persunal tal‑għalliema]ˮ, adottat mill-Bord tal-Gvernaturi (16), skont l‑Artikolu 12(1) tal-imsemmija Konvenzjoni, u “il-kondizzjonijiet għall‑għalliema part-timeˮ.

29.      L-għalliema part-time għalhekk ma jaqgħu la fil-kategorija ta’ “persunal amministrattiv u anċillariˮ tal-Iskejjel u lanqas f’dik ta’ “persunal tal‑għalliemaˮ fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-1994.

30.      Fil-fehma tiegħi, ikun iktar korrett jekk jitqies li jappartjenu għall-kategorija ta’ “persuni [oħra] kopertiˮ bl-imsemmija Konvenzjoni, li t-tilwim tagħhom kontra l-iskejjel Ewropej għandhom, bħala regola, jintbagħtu lill-Bord tal-Ilmenti tal-iskejjel Ewropej, bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni tal-1994.

31.      Madankollu, u fit-tieni lok, għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni tal-1994 jirreferi speċifikament għall-“kondizzjonijiet għall‑għalliema part-timeˮ li għandhom jistabbilixxu l‑“kondizzjonijiet u r-regoli dettaljatiˮ għall-proċeduri quddiem limsemmi Bord tal-Ilmenti.

32.      Il-kundizzjonijiet applikabbli għall-għalliema part-time jinsabu fir‑Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time adottati mill-Bord tal‑Gvernaturi, li jirregola wkoll ir-relazzjonijiet ta’ impjieg bejn l-Europäische Schule München u B. O’Leary u S. Oberto fil-kawżi prinċipali.

33.      Minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-għalliema part-time jiġu rreklutati sabiex jilqgħu għal ċerti sitwazzjonijiet bil-għan li jwettqu servizz minħabba ħtieġa temporanja u li l-kuntratti tax-xogħol tagħhom huma annwali (17).

34.      Barra minn hekk, filwaqt li l-Artikolu 3.2 tar-Regolamenti tal‑Persunal tal-għalliema part-time jispeċifika li diversi dispożizzjonijiet tar‑Regolamenti tal-Persunal ikkollokat mal-Iskejjel Ewropej, fosthom l-Artikolu 80 ta’ dawn ir-Regolamenti, dwar il-proċedura quddiem il‑Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej “huma applikati fil-konfront ta’ għalliema rreklutati mill-Kap tal-iskolaˮ, l-Artikolu 3.4 tar-Regolamenti tal-Persunal tal‑għalliema part-time, intitolat “Leġiżlazzjoni tal-pajjiż sede tal-iskolaˮ, jistipula li “l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ u ta’ tkeċċija tal-għalliema part-time […] huma rregolati mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż sede tal-iskola fil-qasam tar-regolamentazzjoni u tar-relazzjonijiet ta’ impjieg, tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet preċedenti. Il-qrati tas-sede tal-iskola għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu eventwali tilwimˮ.

35.      Skont ir-riferiment li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni tal-1994 għall-kundizzjonijiet u għar-regoli ddettaljati stabbiliti bil-kundizzjonijiet applikabbli għall-għalliema part-time, l-Artikolu 3.4 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time għalhekk jissuġġetta l‑portata tal-ġurisdizzjoni tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej u tal-proċedura applikabbli quddiemu għat-tilwim bejn dawn tal-aħħar u l-Iskejjel Ewropej, sa fejn għandhom jiġu stabbiliti.

36.      Filwaqt li tirreferi, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għad-deċiżjoni tal-21 ta’ Awwissu 2012 tal-Bord tal-Ilmenti fil-Kawża 12/12 (iktar ʼil quddiem id-deċiżjoni fil-Kawża 12/12”), l-Europäische Schule München tqis, essenzjalment, li l-ġurisdizzjoni tal‑Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej tinkludi t-tilwim kollu dwar impjieg bejn għalliem part-time u Skola Ewropea, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 3.2 tar‑Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time.

37.      Għalkemm huwa ċar li l-evalwazzjonijiet tal-imsemmi Bord tal-Ilmenti ma għandhomx jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli li l-konklużjoni li tislet l-Europäische Schule München mid-deċiżjoni fil-Kawża 12/12 għandha tingħata interpretazzjoni differenti ħafna għal żewġ raġunijiet.

38.      Minn naħa waħda, għandu jiġi spjegat li, f’din il-kawża, il-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej kien mitlub jiddeċiedi dwar il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kap tal-Europäische Schule München dwar ir-rifjut, lil wieħed mill-għalliema part-time tagħha, li jitħallas allowances ta’ sorveljanza minħabba ħinijiet supplimentari. L-imsemmi Bord tal-Ilmenti ċaħad ir-rikors bħala inammissibbli minħabba r-raġuni prinċipali li r-rikors ma kienx ippreċedut minn proċedura prekontenzjuża skont ir-Regolamenti tal-Persunal (18). Issa, kif jidher mill-għan tat-tilwima kif ukoll mill-motivazzjoni sussidjarja dwar il-mertu tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Ilmenti, ir-rikors kien jirrigwarda l‑kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-għalliema part-time u mhux “il-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ u ta’ tkeċċijaˮ tagħhom, skont l‑Artikolu 3.4. tar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time.

39.      Min-naħa l-oħra, huwa veru li, qabel ma ddikjara r-rikors inammissibbli, il-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej madankollu indika li huwa kellu ġurisdizzjoni sabiex jirrikonoxxi tali rikors fid-dawl tar-riferiment, bis‑saħħa tal-Artikolu 3.2. tar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time, għall-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal ikkollokat, bl-Artikolu 3.2. li “jipprevali fuq [l-Artikolu] 3.4 tar-Regolamenti tal-Persunal [tal-għalliema part-time], li jipprevedi l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-pajjiż sede, f’dan il-każ l-Arbeitgericht München, imma ‘mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet preċedenti’ u għalhekk, b’mod sussidjarjuˮ (19). Madankollu, bir-rispett kollu lejn l-imsemmi Bord tal-Ilmenti, mit-test tal-Artikolu 3.4. tar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time, irriprodott fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li l-espressjoni “mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet preċedentiˮ, li tinsab fi tmiem tal-ewwel sentenza ta’ dan l-artikolu, ma tirreferi bl-ebda mod għat-tieni sentenza tal-istess artikolu, li hija relatata mal-ġurisdizzjoni tal-qrati tas-sede “sabiex jiddeċiedu eventwali tilwimˮ.

40.      Fil-verità, l-espressjoni “mingħajr preġudizzju għad‑dispożizzjonijiet preċedentiˮ, li tinsab fl-ewwel sentenza tal‑Artikolu 3.4. tar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time, tirreferi esklużivament għall-“kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ u ta’ tkeċċija tal-għalliema part-timeˮ u għalhekk tista’ tinftiehem biss li qed tirreferi għall‑kundizzjonijiet materjali u mhux proċedurali stipulati fid‑dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time.

41.      Dan l-approċċ jidhirli li huwa konformi mal-għan, diġà enfasizzat, segwit mill-Konvenzjoni tal-1994 li tillimita strettament il‑ġurisdizzjoni tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej, mingħajr ma taffettwa b’mod eċċessiv il-ġurisdizzjoni residwa tal-qrati tal-Istat tas-sede tal-Iskejjel, kif jirriżulta mill-Artikolu 27(7) ta’ din il-konvenzjoni.

42.      F’dan ir-rigward, u sabiex titneħħa kull ambigwità, huwa evidenti, fid-dawl ta’ dawn l-argumenti kollha, li lanqas għandu jintlaqa’ l-argument, ta’ natura ġenerali, spjegat mill-Europäische Schule München, fir-rigward tal-immunità ġudizzjarja li għandhom l-Iskejjel Ewropej quddiem il-qrati nazzjonali, bħala organizzazzjoni internazzjonali (20).

43.      Fil-fatt, il-Konvenzjoni tal-1994 u l-atti adottati bl-implementazzjoni tagħha juru b’mod suffiċjenti r-rieda tal-partijiet kontraenti li jiżguraw tqassim ekwilibrat tal-ġurisdizzjonijiet rispettivi tal‑Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej u tal-qrati tal-Istati tas-sede tal-Iskejjel Ewropej u mhux li jippermettu lil dawn tal-aħħar li jkollhom immunità sħiħa quddiem il-qrati nazzjonali, inkluż fil-qasam tal-impjieg u dan, kemm għall-persunal li għandu funzjoni essenzjali fl-Iskejjel Ewropej, jiġifieri t-tagħlim, kif ukoll dawk li jipparteċipaw f’din il-funzjoni b’mod aċċessorju jew indirett.

44.      Minn dan jirriżulta, fl-opinjoni tiegħi, li l-ġurisdizzjoni tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej tinkludi t-tilwim bejn għalliem part-time u Skola Ewropea, bl‑esklużjoni, minn naħa waħda, ta’ dawk relatati mal-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ u ta’ tkeċċija ta’ dan il-persunal, skont l-applikazzjoni konġunta tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni tal-1994 u tal-Artikolu 3.4. tar-Regolament tal-Persunal tal-għalliema part-time, u, min‑naħa l-oħra, tilwim ieħor li fihom l-Iskejjel huma parti, b’mod partikolari dawk relatati mar-responsabbiltà fil-qasam ċivili u kriminali, fis-sens tal-Artikolu 27(7) tal-Konvenzjoni tal-1994.

45.      F’din il-kawża, sakemm it-tilwim fil-kawża prinċipali jirrigwarda l-użu b’mod suċċessiv ta’ kuntratti annwali (21) u, għalhekk, kundizzjoni essenzjali tar-reklutaġġ tal-għalliema part-time, huwa jaqa’, konsegwentement, fil-ġurisdizzjoni tal-qrati tas-sede tal-Europäische Schule München, bis‑saħħa tal-Artikolu 3.4. tar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time.

46.      Ir-rikonoxximent ta’ tali ġurisdizzjoni favur il-qrati tas-sede tal‑Iskejjel Ewropej jidhirli li huwa iktar korrett u ġġustifikat peress li jippermetti li tiġi żgurata protezzjoni xierqa, mill-perspettiva tad-dritt materjali, tad-drittijiet tal-għalliema part-time f’dak li jirrigwarda l‑kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ u ta’ tkeċċija, iżda din il-protezzjoni ma hijiex, minkejja, b’mod partikolari, l-istatus ta’ ħaddiem tal-imsemmija għalliema part-time, żgurata, mingħajr ebda dubju, mis-sistema ta’ rimedju ġudizzjarju implementata bil-Konvenzjoni tal-1994.

47.      Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ċittadin ta’ Stat Membru li fi Stat Membru ieħor għandu impjieg f’organizzazzjoni internazzjonali ma jitlifx minħabba dan il-fatt l-istatus ta’ ħaddiem tiegħu, fis-sens tal‑Artikolu 45 TFUE (22). Ir-rikonoxximent u ż-żamma ta’ dan l-istatus huma iktar u iktar sinjifikattivi meta l-persuni inkwistjoni jaqgħu, bħall-għalliema part-time rreklutati mill-Iskejjel Ewropej, fil-parti l-kbira minnhom, taħt dispożizzjonijiet fil-qasam tal-impjieg u ta’ regolamentazzjoni tax-xogħol kif ukoll fil-qasam tas-sigurtà soċjali u ta’ taxxa fuq id-dħul mix-xogħol tal-leġiżlazzjoni tal-Istat tas-sede tal-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni.

48.      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, permezz tar-rikorsi rispettivi tagħhom imressqa quddiem il-qrati tas-sede tal-Europäische Schule München, S. Oberto u B. O’Leary għandhom il-ħsieb, essenzjalment, li jiksbu l-protezzjoni tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tittrasponi d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis‑CEEP (23), b’mod partikolari l-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ʼil quddiem il-“ftehim qafas”), li jinsab fl-anness ta’ din id-direttiva.

49.      L-imsemmija klawżola għandha l-għan li timplementa wieħed mill-għanijiet segwiti mill-imsemmi ftehim qafas, jiġifieri li jiġi llimitat l-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, meqjus li huwa sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema, billi jiġu stabbiliti ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni minimi intiżi li tiġi evitata l-perkarjetà tas-sitwazzjoni tal-impjegati (24).

50.      Huwa b’dan il-mod li d-Direttiva 1999/70 timponi fuq l-Istati Membri, bil-għan li jiġi evitat l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, l-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ minn tal-inqas waħda mit-tliet miżuri elenkati fil-punt 1(a) sa (ċ) tal-klawżola 5, li jittrattaw, rispettivament, raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg, it-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg suċċessivi, u n-numru ta’ tiġdid tagħhom (25).

51.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70 titlob, għal dan il-għan b’mod partikolari, li l-Istati Membri jkunu “fi kwalunkwe ħinˮ f’pożizzjoni li jiżguraw ir-riżultati imposti minn din id‑direttiva.

52.      Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni rrikonoxxiet ukoll li l-punt 1 tal-klawżola 5 tal-ftehim qafas, implementat bid-Direttiva 1999/70, jikkostitwixxi l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ interdizzjoni tal‑abbuż ta’ dritt, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt, b’tali mod li, fir‑relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-aġenti tagħhom irreklutati għal żmien determinat, id-dispożizzjonijiet applikabbli għal dawn l-aġenti għandhom jiġu interpretati, sa fejn possibbli, konformement mal-għanijiet u mar-rekwiżiti minimi tal-ftehim qafas, u b’mod definittiv, mal-prinċipju ta’ interdizzjoni tal-abbuż ta’ dritt (26).

53.      Għaldaqstant, impjegati, irreklutati għal żmien determinat, kemm minn persuna li timpjega ta’ Stat Membru kif ukoll mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandhom jistennew li jkunu jistgħu jibbenefikaw minn bażi komuni ta’ rekwiżiti minimi offruti mill-punt 1 tal-klawżola 5 tal-ftehim qafas, implementat bid-Direttiva 1999/70 jew bil-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt li huwa espress b’mod speċifiku fl‑imsemmija klawżola.

54.      L-Istati Membri u l-Unjoni, li nfakkar, huma l-uniċi partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni tal-1994, ma setgħux kellhom l-intenzjoni li jirrinunzjaw li jiżguraw għal ħaddiema tal-Unjoni l-benefiċċju ta’ din il-bażi komuni, meta kkonkludew bejniethom il-Konvenzjoni tal-1994, anki jekk, fuq kollox, is-sistema tal-imsemmija ħaddiema taqa’, bħal fil-każ tal-għalliema part-time tal-Iskejjel Ewropej, fil-parti l-kbira fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tas-sede ta’ dawn l-Iskejjel.

55.      Barra minn hekk, matul is-seduta, il-Kummissjoni ma ċaħditx li r‑rekwiżiti minimi li jirriżultaw mill-punt 1 tal-klawżola 5 tal-ftehim qafas implementat mid-Direttiva 1999/70 jistgħu jiġu applikati fir‑relazzjonijiet ta’ impjieg bejn l-Iskejjel Ewropej u l-għalliema part-time tagħhom, iżda sempliċement sostniet, essenzjalment, li r‑Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time, adottati bl-applikazzjoni tal‑Konvenzjoni tal-1994, ma kinux addattaw ruħhom għall-evoluzzjoni tad‑dritt, kif jirriżulta mill-imsemmi punt 1 tal-klawżola 5 tal-ftehim qafas bħala espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ projbizzjoni tal‑interdizzjoni tal-abbuż ta’ dritt.

56.      Issa, bħala att tal-Unjoni, il-Konvenzjoni tal-1994 għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt, li huwa espress b’mod speċifiku, fir-rigward tar-relazzjonijiet ta’ xogħol fi ħdan l-Unjoni, fil-punt 1 tal-klawżola 5 tal-ftehim qafas, implementat bid-Direttiva 1999/70, li jeżiġi l-adozzjoni ta’ miżuri minimi intiżi sabiex jipprevjenu l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi.

57.      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal‑Konvenzjoni tal-1994 ma jiżgurawx li tali bażi komuni ta’ miżuri minimi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni jistgħu, mingħajr l-ebda dubju, jiġu effettivament invokati quddiem il-korp ġudizzjarju li hija stabbilixxiet, minkejja, b’mod partikolari, it-tip ta’ ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, tal-għalliema part-time tal-Iskejjel Ewropej.

58.      Fil-fatt, minħabba n-natura “sui generisˮ tas-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Konvenzjoni tal-1994 u tat-tip ta’ korp ta’ organizzazzjoni internazzjonali (27), il-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej diġà qies li l-istrumenti internazzjonali, u bis-saħħa tagħhom id-dritt tal-Unjoni, li għalihom l-Iskejjel Ewropej ma humiex parti ma jistgħux jobbligawhom ġuridikament bħala tali (28).

59.      Ċertament, l-imsemmi bord jidher lest jirrikonoxxi li l‑prinċipji fundamentali, jiġifieri l-prinċipji ġenerali, li għalihom jirreferu dawn l-istrumenti u li huma normalment applikati kemm fl‑ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll f’dak tal-Istati Membri “jistgħuˮ jservu ta’ riferiment għall-azzjoni tal-korpi tal-Iskejjel Ewropej flimkien mar-regoli tad-dritt li huma tagħhom (29).

60.      Xorta jibqa’ l-fatt li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej sabiex jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji li jirriżultaw b’mod partikolari mid-dritt tal-Unjoni, li jistgħu sempliċement iservu ta’ riferiment fir-rigward tal-eżami tal-legalità tal-azzjoni u tal-atti tal‑Iskejjel Ewropej, ma jippermettix li jiġi żgurat, fir-rigward tal‑ħaddiema li s-sistema tagħhom taqa’, fil-parti l-kbira, bħal dak tal‑għalliema part-time, taħt il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-impjieg, tas-sigurtà soċjali u fiskali tal-Istat Membru tas-sede tal-Iskejjel Ewropej, l-osservanza tal‑prinċipju ġenerali tal-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt li huwa espress b’mod speċifiku, fil-qasam tar-relazzjonijiet ta’ impjieg fi ħdan l-Unjoni, fil-bażi komuni kkostitwit permezz tar-rekwiżiti minimi tal-punt 1 tal-klawżola 5 tal‑ftehim qafas, implementat bid-Direttiva 1999/70 u li għandu jiġi żgurat “fi kwalunkwe ħinˮ mill-imsemmi Stat Membru.

61.      Tali marġni ta’ diskrezzjoni jidhirli li huwa iktar u iktar inkwetanti peress li l-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej jiddeċiedi fl-ewwel u fl-aħħar istanza u peress li ma huwiex awtorizzat jitlob deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, wara s-sentenza Miles et (30).

62.      Il-fatt li t-twaqqif permezz tal-Konvenzjoni tal-1994 ta’ Bord tal‑Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej ppermetta li jiġi żgurat ċertu livell ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-persuni koperti mill-imsemmija Konvenzjoni ma għandux, waħdu, jiżgura li, mill-perspettiva tad-dritt materjali, dawn il-persuni jistgħu effettivament, mingħajr ebda dubju, jinvokaw ir-rekwiżiti minimi stipulati fil-klawżola 5 tal-ftehim qafas, implementat bid‑Direttiva 1999/70, bħala espressjonijiet speċifiċi ta’ prinċipju ġenerali ta’ dritt li jorbot lill-partijiet kontraenti kollha tal-Konvenzjoni tal-1994 u li, fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi injorat mill-organi istitwiti mill‑imsemmija Konvenzjoni.

63.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, lanqas huwa suffiċjenti li ġie stabbilit tali rimedju proċedurali (31). Huwa meħtieġ li barra minn hekk dan ir-rimedju jiżgura d-drittijiet mogħtija lill-persuni koperti mill‑Konvenzjoni tal-1994, f’dan il-każ dawk li jirriżultaw mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-abbuż ta’ dritt li jista’ jirriżulta bl-użu ta’ kuntratti ta’ reklutaġġ għal żmien determinat suċċessivi, ikunu invokati b’mod effettiv quddiem il-korp ġudizzjarju stabbilit mill-imsemmija Konvenzjoni (32).

64.      Peress li l-invokabbiltà ta’ dawn id-drittijiet quddiem dan l‑organu ma hijiex, kif għadni kif urejt, żgurata mingħajr ebda dubju, jiena nqis, sakemm is-sistema ġuridika stipulata bil-Konvenzjoni tal‑1994 ma tiġix emendata, b’tali mod, b’mod partikolari, sabiex tawtorizza lill-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej jissottometti domandi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja (33), huwa ġġustifikat, f’dan il-każ, li l-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal‑għalliema part-time f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ u ta’ tkeċċija tagħhom mill-Iskejjel Ewropej jiġi żgurat mill-qrati tal-Istat Membru tas-sede tal-imsemmija skejjel.

65.      Soluzzjoni kuntrarja tfisser li titneħħa l-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali tat-tilwim li jirrigwarda, oġġettivament, tal-inqas parzjalment, l‑applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, anki jekk il‑korp ġudizzjarju istitwit mill-Konvenzjoni tal-1994 ma jappartjenix, fil-mument, għas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni. Issa, b’analoġija għall‑motivazzjoni msemmija fl-opinjoni mogħtija mill-Qorti tal‑Ġustizzja fir-rigward tal-ftehim previst li joħloq sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi (34), tali soluzzjoni jidhirli li hija inkompatibbli mad-dritt primarju tal-Unjoni.

66.      Huwa għalhekk li nqis li kemm il-kontenut tal‑Artikolu 27 tal-Konvenzjoni tal-1994, moqri fid-dawl tar‑Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time, kif ukoll il-kuntest u l-ispirtu li fihom dawn l-istrumenti għandhom jiġu interpretati, isostnu l-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ u ta’ tkeċċija tal-għalliema part-time jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tas-sede tal-Iskejjel Ewropej.

67.      Kuntrarjament għal dak li l-Europäische Schule München allegat fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li tiġi ammessa tali ġurisdizzjoni favur il-qrati tal-Istat Membru tas-sede tal-Iskejjel Ewropej ma jfisser bl-ebda mod li l-għalliema part-time jiġu ssuġġettati għal sistemi differenti. Fil‑fatt, minbarra li, kif ammettew kemm l-imsemmija skola kif ukoll il‑Kummissjoni matul is-seduta, ċerti skejjel Ewropej diġà ma għadhomx joffru biss kuntratti annwali lill-għalliema part-time tagħhom u li, għalhekk, dan il-persunal ma huwiex suġġett għal regoli ta’ reklutaġġ kompletament uniformi, ir-rekwiżiti minimi previsti fil-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, implementat bid-Direttiva 1999/70, espressjonijiet speċifiċi tal-prinċipju ta’ interdizzjoni tal-abbuż ta’ dritt, u li huma mitluba jiżguraw il-qrati nazzjonali, jikkostitwixxu bażi komuni għall-Istati Membri kollha, b’mod partikolari dawk li fit-territorju tagħhom għandhom l-Iskejjel Ewropej bis-saħħa tal-Konvenzjoni tal-1994.

68.      Fl-aħħar nett, jiena nenfasizza li l-approċċ li nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi f’dawn il-kawżi ma għandux jiġi interpretat bħala kontestazzjoni tal-immunità minn ġurisdizzjoni li minnha jibbenifikaw, bis‑saħħa tal-istrumenti kostituttivi tagħhom, l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

69.      Għall-kuntrarju, dan huwa bbażat, kemm fuq ir-relazzjonijiet, ħafna drabi mfakkra, partikolarment stretti u funzjonali li għandhom l-Iskejjel Ewropej mal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll fuq l‑istruttura oriġinali tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-1994 u tal‑atti meħuda fl-implementazzjoni tagħha, li jirrikonoxxu b’mod partikolari l-ġurisdizzjoni residwa tal-qrati nazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni tat-tilwim bejn il-persuni koperti mill-imsemmija Konvenzjoni u l-Iskejjel Ewropej, minbarra dawk li s-soluzzjoni tagħhom huma strettament mogħtija lill-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej.

III – Konklużjoni

70.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti r-risposta li ġejja għad‑domandi preliminari magħmula mill-Bundesarbeitsgericht:

“L-Artikolu 27(2) u (7) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal‑Iskejjel Ewropej, iffirmata fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1994 (35) bejn l-Istati Membri u l-Komunitajiet Ewropej, għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat tas-sede tal-Iskejjel Ewropej sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwima bejn l-imsemmija Skejjel u l-għalliema part-time tagħhom fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ u ta’ tkeċċija tagħhom, fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time rreklutati bejn l-1 ta’ Settembru 1994 u l-31 ta’ Awwissu 2011, approvati mill-Bord tal-Gvernaturi ta’ dawn l-Iskejjel.ˮ


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 1, p. 16. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2002.


3 – Ref.: 2011-06-D-24-fr-1.


4 – Ara l-Artikoli 1 u 3 tal-Konvenzjoni tal-1994. L-Iskejjel Ewropej li għalihom japplika l-Istatut huma, fil-verità, erbatax, u jilqgħu kważi 23,000 student u joffru l-Baċellerat Ewropew. Ħamsa minn dawn l-Iskejjel jinsabu fil-Belġju, tlieta fil-Ġermanja (fosthom l-Europäische Schule München), tnejn fil‑Lussemburgu, waħda fi Spanja, waħda fl-Italja, waħda fil-Pajjiżi l-Baxxi u waħda fir-Renju Unit. Mill-2005, u fid-dawl tal-preżenza ta’ aġenziji tal-Unjoni jew ta’ organi oħra simili fl-Istati Membri l-oħra, il-Bord tal-Gvernaturi tal-Iskejjel Ewropej iddeċieda li joħloq numru ta’ Skejjel Ewropej awtorizzati, imsejħa tat-tip II, li joffru edukazzjoni ekwivalenti għall-erbatax-il Skola Ewropea u awtorizzati wkoll sabiex joffru l-Baċellerat Ewropew. Dawn l-Iskejjel Ewropej awtorizzati, li huma disgħa (tnejn fi Franza, waħda fil-Ġermanja, waħda fil-Finlandja, waħda fil-Greċja, waħda fl-Irlanda, waħda fl-Italja, waħda fil-Pajjiżi l-Baxxi u waħda fir-Renju Unit), madankollu ma humiex elenkati fl-Anness I tal-Konvenzjoni tal-1994.


5 – Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 443, p. 129.


6 – Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 752, p. 267.


7 – Ara, rispettivament, is-sentenza Hurd (44/84, EU:C:1986:2, punti 20 sa 22) u s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑132/09, EU:C:2010:562, punt 45).


8 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (EU:C:2010:562, punt 44). Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-Komunitajiet Ewropej bl-ebda mod ma kienu assumew l-obbligi tal-Istati Membri fi ħdan l-organi stabbiliti bil-Konvenzjoni tal-1957 u li din tal-aħħar ma kienet tistipula l-ebda klawżola li tagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja.


9 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 1, p. 14.


10 – Ara, b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenza Bogiatzi (C‑301/08, EU:C:2009:649, punt 23) u s-sentenza Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 73). Ara, f’dak li jirrigwarda l-Konvenzjoni tal-1994, il-konklużjonijiet tiegħi Il-Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑132/09, EU:C:2010:342, nota ta’ qiegħ il-paġna 46).


11 – Sentenza Miles et (C‑196/09, EU:C:2011:388).


12 – Ara l-Artikoli 8 u 10 tal-Konvenzjoni tal-1994.


13 – Ara r-raba’ premessa tal-preambolu tal-Konvenzjoni tal-1994.


14 – Ref.: 2007-D-153-fr-6, p. 18.


15 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑545/09, EU:C:2012:52, punti 41 u 48). Preċedentement, il-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej kien ikklassifika l-kuntratti annwali suċċessivi li jorbtu għalliem mal-Iskola Ewropea ta’ Brussell II bħala relazzjonijiet ta’ impjieg “taħt sistema ta’ dritt privat li huwa distint b’mod ċar minn dak tal-persunal ikkollokat fi ħdan Skejjel Ewropejˮ, billi ppreżuppona illi dan il‑persunal tal-aħħar, kuntrarjament għall-għalliema, jingħata funzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali: ara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Ilmenti tat-22 ta’ Ġunju 2001, Rikors 01/001, p. 7. Din id-deċiżjoni, bħal dawk kollha adottati mill-Bord tal-Ilmenti, hija disponibbli fis-sit: http://schola-europaea.eu/cree/


16 – Ara r-Regolamenti tal-Persunal ikkollokat tal-Iskejjel Ewropej, kif emendati l-aħħar darba mill-Bord tal-Gvernaturi fil-5 ta’ Diċembru 2013, Ref. 2011-04-D-14-fr-3.


17 – Ara, rispettivament, l-Artikoli 1.2., 2(a) u 1.3. tar-Regolamenti tal-Persunal tal‑għalliema part-time. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Europäische Schule München madankollu speċifikat li l-għalliema part-time jirrappreżentaw kważi 40 % tal‑persunal kollu ta’ din l-iskola. Barra minn hekk, skont dokument tas-Segretarju Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej dwar ir-riforma tas-sistema ta’ dawn l-Iskejjel, approvat mill-Bord tal-Gvernaturi fit-23 ta’ April 2009 (Ref.: 2009-D-353-fr-4, p. 5), numru li ma jistax jitnaqqas ta’ għalliema part-time, ta’ madwar 25 % tat-total globali tal-għalliema, huwa indispensabbli.


18 – Punt 9(b) tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Awwissu 2012. Sussidjarjament, il-Bord tal‑Ilmenti qies li r-rikors kellu fi kwalunkwe każ jiġi miċħud bħala infondat minħabba r-raġuni essenzjali li l-ħin ta’ sorveljanza kellu jkun ikkunsidrat bħala “attività oħraˮ aċċessorja għall-attività ta’ tagħlim li ma jagħtix lok għal remunerazzjoni supplimementari.


19 – Punt 9(a) tad-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq.


20 – Ara, reċentement dwar dan is-suġġett, b’mod partikolari, M.F. Orzan, “Le immunità ed i privilegi delle organizzazioni internazionaliˮ, A. Del Vecchio (a cura di), Diritto delle Organizzazioni Internazionali, Edizioni Scientifiche Italiane, 2012, p. 243.


21 – Għal raġunijiet utli, infakkar li l-Artikolu 1.3 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part-time jistipula li l-“kuntratti ta’ reklutaġġ huma annwaliˮ.


22 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Gardella (C‑233/12, EU:C:2013:449, punti 25 u 26), fir-rigward ta’ ħaddiem tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi.


23 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.


24 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Márquez Samohano (C‑190/13, EU:C:2014:146, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Márquez Samohano (EU:C:2014:146, punt 42 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


26 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Adjemian et vs Il-Kummissjoni (T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punti 57 u 62) u d-digriet Christoph et vs Il-Kummissjoni (F‑63/08, EU:F:2013:36, punt 75). Infakkar li kien fis-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2007 Kofoed (C‑321/05, EU:C:2007:408, punt 38) li l-Qorti tal-Ġustizzja espliċitament irrikonoxxiet li l-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt kienet tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.


27 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Miles et (EU:C:2011:388, punti 39 u 42).


28 – Ara, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Ilmenti tat-30 ta’ Lulju 2007, Rikors 7/14, punt 18; id-deċiżjoni tal-Bord tal-Ilmenti tal-15 ta’ Ottubru 2009, Rikors 9/35, punt 12.


29 – Ara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Ilmenti tat-28 ta’ Awwissu 2012, Rikors 12/35, punt 11.


30 – Sentenza Miles et (EU:C:2011:388, punt 46). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fir-rapport dwar il-ħidma tiegħu għas-sena 2013 (Ref.: 2014-02-D-16-fr-2, dokument tal-11-12 ta’ Marzu 2014, p. 11), il-President tal-Bord tal-Ilmenti tal‑Iskejjel Ewropej, filwaqt li fakkar u qabel mas-“suġġerimentˮ tal-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza Miles et (EU:C:2011:388, punt 45) sabiex il-partijiet kontraenti jevolvu s-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Konvenzjoni tal-1994, iqis li tali evoluzzjoni tippermetti li “jiġi żgurat ir-rispett effettiv tad-­drittijiet tal-persuni koperti bl-imsemmija Konvenzjoniˮ bil-ħsieb li “tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja tal-partijiet fil-kawża komparabbli ma’ dik ta’ kull ċittadin tal-Unjoni Ewropeaˮ.


31 – Dak li jista’ eventwalment ikun suffiċjenti, fir-rigward tad-drittijiet ċivili u proċedurali żgurati fil-qafas tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) fir-rigward, b’mod ġenerali, tar-rimedji interni stabbiliti minn organizzazzjonijiet internazzjonali li ma għandhomx l-istess relazzjonijiet mill-qrib mal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni bħall-Iskejjel Ewropej; ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, Qorti EDB, is-sentenza tad-19 ta’ Frar 1999, Waite u Kennedy vs Il-Ġermanja, Nru 26083/94, QEDB 1999-I, §§ 67-73; id-deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2013, Chapman vs Il‑Belġju, Nru 39619/06, §§ 48-54.


32 – Għandu jiġi rrilevat li, anki fil-konfront tad-dritt ta’ aċċess għal qorti fis-sens tal‑Artikolu 6 KEDH, ċerti qrati nazzjonali jikkontrollaw in-natura verament effettiva tal-mekkaniżmu ta’ regolamentazzjoni ta’ kwistjonijiet fil-qasam tar‑relazzjonijiet ta’ impjieg stabbiliti mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, fin‑nuqqas ta’ liema dawn il-qrati nazzjonali jirrikonoxxu l-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jiġu sottomessi lilhom jekk ikun hemm xi rabta; ara, f’dan ir-rigward, l-eżempji msemmija minn M. F. Orzan, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, p. 260 u 265.


33 – Fir-rapport ta’ ħidma għas-sena 2013 iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, il-President tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej jindika li bħalissa qed imexxi grupp ta’ ħidma li għandu jissottometti lis-Segretarju Ġenerali tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Iskejjel Ewropej proposta dwar il-“mod kif tissaħħaħ il-protezzjoni ġudizzjarja fis-sistema tal-Iskejjel Ewropejˮ. B’mod ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li ftehim internazzjonali konkluż ma’ Stati terzi jista’ jagħtiha b’mod validu ġurisdizzjoni ġdida, bil-kundizzjoni li din l-attribuzzjoni ma tiżnaturax il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ikkonċepita fit-Trattati UE u FUE; ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 1/09 (EU:C:2011:123, punt 75). Tali possibbiltà għandha tkun irrikonoxxuta iktar u iktar fil-każ ta’ ftehim internazzjonali konkluż esklużivament mill-Istati Membri u l-Unjoni.


34 – Opinjoni 1/09 (EU:C:2011:123, punti 80 sa 82).


35 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 1, p. 16. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2002.