Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta' Ottubru 2008 - AKM vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-432/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Staatlich genehmigte Gesellschaft der Autoren, Komponisten und Musikverleger reg. Gen. mbH (AKM) (Vjenna, l-Awstrija) (rappreżentanti: H. Wollmann u F. Urlesberger, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda lil AKM skont l-Artikolu 231(1) KE;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors jirrigwarda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3435 finali, tas-16 ta' Lulju 2008, adottata fil-Kawża COMP/C2/38.698 - CISAC, fejn il-Kummissjoni ddikjarat li l-prattika miftiehma dwar l-għoti reċiproku tad-drittijiet tal-awtur għal xogħolijiet mużikali bejn soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li huma membri tal-Confédération Internationale des Sociétés d'Auteur et Compositeurs (Konfederazzjoni internazzjonali tas-soċjetajiet ta' awturi u kompożituri - "CISAC"), tikser l-Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE.

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat li AKM, bl-applikazzjoni fil-ftehim ta' rappreżentazzjoni reċiproka tar-restrizzjonijiet ta' sħubija li jinsabu fl-Artikolu 11(2), tal-kuntratt mudell CISAC, jew bl-applikazzjoni de facto tar-restrizzjonijiet ta' sħubija, kif ukoll bil-koordinazzjoni tal-limiti territorjali tal-liċenzji, kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, u sa fejn il-Kummissjoni ordnat lil AKM sabiex ittemm dan il-ksur.

Ir-rikorrenti tibbaża r-rikors tagħha fuq il-motivi li ġejjin:

L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni stabbiliet l-fatti b'mod żbaljat f'dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet ta' sħubija minn AKM. Il-Kummissjoni ma ppreżentat l-ebda prova li tikkonferma l-applikazzjoni effettiva ta' restrizzjoni bħal din minn AKM. Bil-kontra, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi li jistabbilixxu li AKM għandha "politika ta' sħubija miftuħa". Barra minn dan, il-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-fatt li tneħħew b'mod impliċitu, r-restrizzjonijiet ta' sħubija li qabel kienu jinsabu fil-ftehim ta' rappreżentazzjoni reċiproka ta' AKM, u li issa m'għadhomx iktar parti tal-ftehim ta' rappreżentazzjoni reċiproka konklużi minn AKM.

Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li fih din tal-aħħar tallega li AKM "kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi kkoordinat ir-restrizzjonijiet territorjali li permezz tagħhom il-kamp ta' applikazzjoni ta' liċenzja huwa limitat għat-territorju nazzjonali ta' kull soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva", jikkontradixxi l-motivi tad-deċiżjoni. B'mod partikolari, it-test tad-deċiżjoni ma fih l-ebda limitu għall-forom ta' xandir (satellita, internet u kejbil) li qieset il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjonijiet tagħha.

Barra minn dan, il-limiti territorjali eżistenti ta' liċenzji li jinsabu fil-ftehim ta' rappreżentazzjoni reċiproka ta' AKM mhumiex ir-riżultat ta' prattiċi miftiehma. Sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta' koordinazzjoni ta' azzjoni intenzjonali, il-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq il-fatt li l-ftehim ta' rappreżentazzjoni reċiproka ta' soċjetajiet Ewropej għall-amministrazzjoni kollettiva prattikament isegwu sistema uniformi. Madankollu, din l-imġieba parallela tista' tiġi spjegata sempliċement permezz tal-istruttura tas-suq storikament tradizzjonali u mill-kundizzjonijiet ġenerali legali għall-attivitajiet tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur.

Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikser il-prinċipju ta' preċiżjoni billi ma jirriżultax b'mod ċar mill-Artikolu 4(2) tad-deċiżjoni x'jinftiehem permezz tar-rekwiżit li "jiġu kkontrollati" ċerti dispożizzjonijiet kuntrattwali.

____________