Language of document : ECLI:EU:T:2019:155

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Marzu 2019 (*)

“FAEG – Infiq eskluż mill-finanzjament – Infiq magħmul mill-Italja – Skema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor –Regolament (KE) Nru 320/2006 – Regolament (KE) Nru 968/2006 – Regolament (KE) Nru 1290/2005 – Terminu ta’ 24 xahar – Kunċett ta’ “miżura multiannwali” – Kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni – Kunċett ta’ “faċilità ta’ produzzjoni” – Klassifikazzjoni tas-silos – Kunċett ta’ “żarmar sħiħ” – Anness 2 tad-dokument VI/5330/97 – Diffikultajiet fl-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Kooperazzjoni leali – Aspettattivi leġittimi –Ne bis in idem – Primjums għall-qatla – Miżuri ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni tal-prodotti agrikoli – Pagamenti tardivi – Prova tal-eżistenza ta’ kundizzjonijiet partikolari ta’ ġestjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Żball ta’ traduzzjoni f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ regolament tal-Unjoni – Imputabbiltà tal-korrezzjoni finanzjarja għall-Istat Membru”

Fil-Kawża T‑135/15,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli, avvocato dello Stato,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn D. Colas u S. Horrenberger, bħala aġenti,

u minn

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Bianchi, P. Ondrůšek u I. Galindo Martín, sussegwentement minn D. Bianchi u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

konvenuta,

li għanda bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/103 tas‑16 ta’ Jannar 2015 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2015, L 16, p. 33), sa fejn hija tirrigwarda l-infiq imwettaq mir-Repubblika Taljana,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

komposta minn H. Kanninen, President, J. Schwarcz u C. Iliopoulos (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑12 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Regolament (KE) Nru 320/2006

1        Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 tal‑20 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar ta’ l-industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU 2006, L 58, p. 42, rettifika fil-ĠU 2009, L 64M, p. 11). Ir-Regolament Nru 320/2006 ġie emendat diversi drabi u l-aħħar darba mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2009 tad‑19 ta’ Jannar 2009 dwar modifiki għall-Politika Agrikola Komuni billi jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 320/2006, (KE) Nru 1405/2006, (KE) Nru 1234/2007, (KE) Nru 3/2008, u (KE) Nru 479/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 1883/78, (KEE) Nru 1254/89, (KEE) Nru 2247/89, (KEE) Nru 2055/93, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 2596/97, (KE) Nru 1182/2005 u (KE) Nru 315/2007 (ĠU 2009, L 30, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2010, L 220, p. 76 u ĠU 2009, L 230, p. 6). Ir-Regolament Nru 320/2006, kif emendat bir-Regolament Nru 72/2009, huwa applikabbli għall-fatti ta’ din il-kawża.

2        Ir-Regolament Nru 320/2006, fil-premessi 1 u 5, jistabbilixxi dan li ġej:

“(1) […] Sabiex is-sistema Komunitarja tal-produzzjoni u l-kummerċ taz-zokkor tiġi konformi mal-ħtiġiet internazzjonali u tkun żgurata l-kompetittività tagħha fil-futur huma meħtieġ li jibda l-proċess ta’ ristrutturar profond li jwassal għal tnaqqis sinifikanti fil-kapaċità tal-produzzjoni li ma tħallix profitt fil-Komunità. Għal dan il-għan, bħala prekondizzjoni għall-implimentazzjoni ta’ organizzazzjoni ġdida, funzjonanti u komuni tas-suq taz-zokkor, għandha tkun stabbilita skema temporanja, separata u awtonoma, ta’ ristrutturar ta’ l-industrija taz-zokkor fil-Komunità [Ewropea]. […]

(5)      Għandu jkun introdott inċentiv ekonomiku importanti għall-impriżi taz-zokkor bl-aktar produttività baxxa biex iċedu l-kwota tal-produzzjoni tagħhom fil-forma ta’ għajnuna għar-ristrutturar adegwata. Għal dan il-għan, għandha titwaqqaf għajnuna għar-ristrutturar li toħloq inċentiv biex tkun abbandunata l-produzzjoni tal-kwota taz-zokkor u jkun hemm rinunzja tal-kwoti kkonċernati, waqt li fl-istess ħin jitqies r-rispett lejn l-impenji soċjali u ambjentali magħqudin ma’ l-abbandunar tal-produzzjoni. L-għajnuna għandha tkun disponibbli waqt erba’ snin ta’ kummerċjalizzazzjoni bil-għan li titnaqqas il-produzzjoni sakemm meħtieġ biex tintlaħaq sitwazzjoni tas-suq bilanċjata fil-Komunità.”

3        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 320/2006, intitolat “Fond temporanju għar-ristrutturar”, jipprevedi:

“1. B’dan huwa stabbilit il-fond temporanju għar-ristrutturar ta’ l-industrija taz-zokkor fil-Komunità (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ bħala l-‘fond għar-ristrutturar’).

Il-fond għar-ristrutturar għandu jifforma parti mit-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija. Sa mill-1 ta’ Jannar 2007 huwa għandu jifforma parti mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG).

2. Il-fond għar-ristrutturar għandu jiffinanzja l-infiq li tirriżulta mill-miżuri previsti taħt l-Artikoli 3, 6, 7, 8 u 9 [ta’ dan ir-Regolament].

4.      Dan ir-Regolament m’għandux japplika għar-reġjuni l-aktar imtarrfin imsemmijin fl-Artikolu 299(2) tar-Trattat.

[…]”.

4        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 320/2006, intitolat “Dritt għall-kumpens” jipprevedi:

“1. Kull impriża li tipproduċi z-zokkor, l-isoglukożju jew il-ġulepp ta’ l-inulina li għaliha ġiet allokata kwota sa l-1 ta’ Lulju 2006 […] għandha d-dritt għall-assistenza ta’ ristrutturar għal kull tunnellata rinunzjata, sakemm matul wieħed mis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006[/]2007, 2007[/]2008, 2008[/]2009 u 2009[/]2010 (l-impriża):

a)      tirrinunzja l-kwota assenjata lilha minn waħda jew aktar mill-fabbriki u żżarma għal kollox il-faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħha tal-fabbriki kkonċernati;

[jew]

(b)      tirrinunzja l-kwota assenjata minnha lil waħda jew iktar mill-fabbriki tagħha, parzjalment iżżarma l-faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-fabbriki kkonċernati u ma tużax il-kumplament tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-fabbriki kkonċernati għall-produzzjoni ta’ prodotti koperti mill-organizzazzjoni tas-suq komuni għaz-zokkor,

[…]

3.      Iż-żarmar sħiħ tal-faċilitajiet tal-produzzjoni għandu jirrikjedi:

(a)      il-waqfa definittiva u totali tal-produzzjoni taz-zokkor, l-isoglukożju u x-xiropp ta’ l-inulina mill-faċilitajiet tal-produzzjoni kkonċernati;

(b)      l-għeluq tal-fabbrika jew tal-fabbriki u ż-żarmar tal-faċilitajiet tal-produzzjoni tagħhom fil-perijodu msemmi fil-[…] Artikolu 4(2)[(d)],

u

(ċ) ir-restawrar tal-kondizzjonijiet ambjentali tajbin tas-sit tal-fabbrika u l-iffaċilitar ta’ l-allokazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fil-perijodu msemmi fil-[…] l-Artikolu 4(2)[(f)]. […]

4.      Iż-żarmar parzjalment tal-faċilitajiet tal-produzzjoni għandu jeħtieġ:

(a)      il-waqfa definittiva u totali tal-produzzjoni taz-zokkor, l-isoglukożju u x-xiropp ta’ l-inulina mill-faċilitajiet tal-produzzjoni kkonċernati;

(b)      iż-żarmar tal-faċilitajiet tal-produzzjoni li mhux ser jintużaw għall-produzzjoni l-ġdida u kienu destinati u użati għall-produzzjoni tal-prodotti msemmijin taħt (a) […]

(ċ) ir-restawrar tal-kondizzjonijiet ambjentali tajbin tas-sit tal-fabbrika u l-iffaċilitar ta’ l-allokazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fil-perijodu msemmi fil-[…] Artikolu 4(2)[f].

5.      L-ammont ta’ għajnuna għar-ristrutturar għal kull tunnellata ta’ kwota rinunzjata għandu jkun:

(a)      fil-każ imsemmi fil-[…]paragrafu 1[(a)]:

–        EUR 730[…] għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007,

–        EUR 730[…] għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008,

–        EUR 625[…] għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009,

–        EUR 520[…] għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2009/2010,

fil-każ imsemmi fil-[…] paragrafu 1[(b)]:

–        EUR 547.50 għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni,

–        EUR 547.50 għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008,

–        EUR 468.75 għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009,

–        EUR 390 għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2009/2010,

[…]”

5        Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 320/2006, intitolat “Applikazzjoni għal l-għajnuna għar-ristrutturar”:

“1. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għar-ristrutturar għandhom ikunu ppreżentati lill-Istat Membru kkonċernat sal-31 ta’ Jannar li jippreċedi s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li waqtha ser tkun rinunzjata l-kwota.

[…]

2. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għar-ristrutturar għandhom jinkludu:

(a)      pjan ta’ ristrutturar;

[…]

(ċ) impenn li tkun rinunzjata l-kwota rilevanti fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata;

(d)      fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a), impenn biex jiżżarmaw għal kollox il-faċilitajiet ta’ produzzjoni fil-perijodu li għandu jkun determinat mill-Istat Membru kkonċernat;

(e)      fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(1)(b), impenn biex jiżżarmaw parzjalment il-faċilitajiet ta’ produzzjoni fil-perijodu li għandu jkun determinat mill-Istat Membru kkonċernat u li ma jintużax is-sit tal-produzzjoni u l-faċilitajiet ta’ produzzjoni rimanenti għall-produzzjoni ta’ prodotti koperti mill-organizzazzjoni tas-suq komuni għaz-zokkor;

[…]

3.      Il-pjan ta’ ristrutturar imsemmi fil-paragrafu 2(a) għandu jinkludi ta’ l-inqas l-elementi li ġejjin:

[…]

(ċ) deskrizzjoni teknika kompleta tal-faċilitajiet għall-produzzjoni kkonċernati;

(d)      pjan ta’ negozju li jagħti dettalji tal-modalitajiet, skeda tal-ħin u spejjeż għall-għeluq tal-fabbrika jew fabbriki jew iż-żarmar sħiħ jew parzjali tal-faċilitajiet għall-produzzjoni;

[…]

(h)      pjan finanzjarju li jagħti dettalji ta’ l-ispejjeż kollha f’rabta mal-pjan għar-ristrutturar.”

6        L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Deċiżjoni dwar l-għajnuna għar-ristrutturar u l-kontrolli”, jipprevedi:

“1.      Sa l-aħħar ta’ Frar li jippreċedi s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2), l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar l-għoti ta’ l-għajnuna għar-ristrutturar. Madankollu, id-deċiżjoni għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 għandha tkun adottata sat-30 ta’ Settembru 2006.

[…]

2.      L-għajnuna għar-ristrutturar għandha tingħata jekk l-Istat Membru jkun stabbilixxa wara verifika dettaljata li:

–        l-applikazzjoni tinkludi l-elementi msemmijin fl-Artikolu 4(2),

–        il-pjan għar-ristruttrar jinkludi l-elementi msemmijin fl-Artikolu 4(3),

–        il-miżuri u l-azzjonijiet deskritti fil-pjan għar-ristrutturar huma f’konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja u nazzjonali rilevanti;

–        […]

3.      Jekk waħda jew iktar mill-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel tliet inċiżi tal-paragrafu 2 ma jkunux rispettati, l-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturar għandha tintradd lura lill-applikant. L-applikant għandu jkun infurmat bil-kondizzjonijiet li mhumiex rispettati. L-applikant imbagħad jista’ jew jirtira jew ikompli l-applikazzjoni tiegħu.

[…]”

7        Skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament Nru 320/2006:

“L-għajnuna għar-ristrutturar imsemmija fl-Artikolu 3 għandha titħallas f’żewġ pagamenti:

–        40 % f’Ġunju tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2),

u

–        60 % fi Frar tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ wara.

Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li taqsam il-pagament imsemmi fit-tieni ta’ l-inċiżi preċedenti f’żewġ ħlasijiet […].”

8        Fl-aħħar nett, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 320/2006, intitolat “Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1290/2005” jistipula:

“Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 huwa b’dan emendat kif ġej:

1)      Dawn li ġejjin jiżdiedu fl-Artikolu 3(1):

‘(e) għajnuna għar-ristrutturar, għajnuna għad-diversifikazzjoni, għajnuna addizzjonali għad-diversifikazzjoni u għajnuna transitorja previsti fl-Artikoli 3, 6, 7 8 u 9 tar-Regolament [Nru 320/2006].”

[…]”

 Regolament (KE) Nru 968/2006

9        Il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 968/2006 tas‑27 ta’ Ġunju 2006 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 (ĠU 2006, L 176, p. 32). Ir-Regolament Nru 968/2006 ġie emendat diversi drabi, u fl-aħħar lok mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 672/2011 tat‑13 ta’ Lulju 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 968/2006 (ĠU 2011, L 184, p. 1). Ir-Regolament Nru 968/2006, fil-verżjoni tiegħu emendat bir-Regolament Nru 672/2011, huwa applikabbli għall-fatti kkonċernati minn din il-kawża.

10      Skont il-premessa 4 tar-Regolament Nru 968/2006:

“Fir-rigward tar-rinunzja tal-kwoti, l-Artikolu 3 tar-Regolament […] Nru 320/2006 jistipula l-għażliet ta’ żarmar sħiħ jew parzjali tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni, li jirriżultaw f’ammonti differenti ta’ għajnuna għar-ristrutturar. Filwaqt li l-kundizzjonijiet applikabbli għal dawk iż-żewġ għażliet għandhom iqisu li ammont ogħla ta’ għajnuna għar-ristrutturar jingħata għal żarmar sħiħ, minħabba l-ispejjeż ogħla involuti, jitqies xieraq li wieħed jaħseb għall-possibbiltà li jinżammu partijiet mill-fabbrika li m’humiex parti mil-linja ta’ produzzjoni, jekk ikunu jistgħu jintużaw għal skopijiet oħra previsti fil-pjan ta’ ristrutturar, speċjalment meta użu bħal dan joħloq l-impjiegi. Min-naħa l-oħra, installazzjonijiet li m’humiex marbuta direttament mal-produzzjoni taz-zokkor għandhom jiżżarmaw jekk ma jkun hemm l-ebda użu alternattiv għalihom f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u jekk il-manutenzjoni [żamma] tagħhom tkun ta’ ħsara għall-ambjent.”

11      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 968/2006, intitolat “Żarmar ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni”, jipprevedi:

“1.      Fil-każ ta’ żarmar sħiħ imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament […] Nru 320/2006, ir-rekwiżit biex jiżżarmaw il-faċilitajiet ta’ produzzjoni għandhom jikkonċernaw:

(a)      il-faċilitajiet kollha li huma neċessarji biex ikun prodott iz-zokkor, l-isoglukosju jew il-ġulepp tal-inulina, bħal pereżempju: faċilitajiet għall-ħażna, l-analiżi, il-ħasil u l-qtugħ ta’ pitravi zokkrin, kannamieli, ċereali jew ċikwejra; il-faċilitajiet kollha li huma neċessarji biex ikun estratt u pproċessat jew ikkonċentrat zokkor mill-pitravi zokkrin jew mill-kannamieli, lamtu miċ-ċereali, glukosju mil-lamtu jew inulina miċ-ċikwejra;

(b)      il-parti tal-faċilitajiet ħlief dawk imsemmija fil-punt (a) li huma relatati direttament mal-produzzjoni taz-zokkor, l-isoglukosju jew il-ġulepp tal-inulina u li huma neċessarji biex tkun trattata l-produzzjoni skont il-kwota rrinunzjata, anki jekk tkun tista’ tintuża fir-rigward tal-produzzjoni ta’ prodotti oħra, bħal: faċilitajiet għat-tisħin jew l-ipproċessar tal-ilma, jew għall-produzzjoni tal-enerġija; faċilitajiet biex tkun trattata l-polpa tal-pitravi zokkrin jew il-ġulepp magħqud; faċilitajiet għat-trasport intern;

(c)      il-faċilitajiet l-oħra kollha, bħal faċilitajiet ta’ ppakkjar, li jkunu baqgħu ma ntużawx u li jkunu se jiġu żarmati u mneħħija għal raġunijiet ambjentali.

2.      Fil-każ ta’ żarmar parzjali msemmi fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament […] Nru 320/2006, ir-rekwiżit biex ikunu żarmati l-faċilitajiet ta’ produzzjoni għandu jikkonċerna l-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li ma jkunux intenzjonati biex jintużaw għal produzzjoni oħra jew għal użu ieħor tas-sit tal-fabbrika f’konformità mal-pjan ta’ ristrutturar.”

12      Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 968/2006, intitolat “Obbligi tal-Istati Membri”:

“1.      Sa mhux iktar tard minn għoxrin ġurnata minn meta jkun irċeva kopja ta’ l-istedina għall-konsultazzjoni li l-Artikolu 2(3) jirreferi għaliha, l-Istat Membru għandu jinforma lill-partijiet involuti fil-pjan tar-ristrutturar bid-deċiżjoni tiegħu fuq:

[…]

(b)      il-perjodu, li jiskadi sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2010, biex jiżżarmaw il-faċilitajiet ta’ produzzjoni u biex ikun hemm konformità mal-impenji soċjali u ambjentali msemmija fl-Artikoli 3(3)(c) u 3(4)(c) tar-Regolament […] Nru 320/2006;

[…]

B’deroga mill-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, fuq talba motivata tal-impriża kkonċernata, l-Istati Membri jistgħu jagħtu estensjoni tad-data ta’ skadenza ffissata f’dak il-punt sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2012. F’dan il-każ, l-impriża għandha tressaq pjan emendat tar-ristrutturar skont l-Artikolu 11.

[…]”

13      L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 968/2006, intitolat “Eliġibbiltà għall-għajnuna għar-ristrutturar”, jipprevedi:

“ […]

2.      Biex l-applikazzjoni titqies eliġibbli, il-pjan ta’ ristrutturar għandu:

(a)      jinkludi sommarju tal-objettivi ewlenin, il-miżuri u l-azzjonijiet kif ukoll l-ispejjeż stmati ta’ dawn il-miżuri u l-azzjonijiet, il-pjan finanzjarju u l-iskedi ta’ żmien;

(b)      jispeċifika għal kull fabbrika kkonċernata l-ammont ta’ kwota li jrid jiġi rrinunzjat, li għandu jkun inqas jew daqs il-kapaċità ta’ produzzjoni li se tkun żarmata b’mod sħiħ jew parzjali;

(c)      jinkludi attestazzjoni li l-faċilitajiet ta’ produzzjoni se jkunu żarmati kompletament jew parzjalment u mneħħija mis-sit ta’ produzzjoni;

[…]

(e)      jiddetermina b’mod ċar l-azzjonijiet u l-ispejjeż kollha ffinanzjati mill-fond għar-ristrutturar u, jekk applikabbli, l-elementi l-oħra relatati intenzjonati biex ikunu ffinanzjati minn fondi Komunitarji oħra.

3.      Jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ma jkunux sodisfatti, l-Istat Membru għandu jinforma lill-applikant dwar ir-raġunijiet għal dan u jiffissa skadenza fil-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, sa meta l-pjan ta’ ristrutturar ikun jista’ jiġi aġġustat kif meħtieġ.

L-Istat Membru għandu jiddeċiedi dwar l-eliġibbiltà tal-applikazzjoni aġġustata fi żmien 15-il ġurnata ta’ xogħol wara l-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu, iżda mill-inqas 10 ġranet ta’ xogħol qabel l-iskadenza prevista fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006.

Jekk l-applikazzjoni aġġustata ma tkunx ippreżentata fil-ħin jew titqies bħala ineliġibbli, l-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturar għandha tiġi rrifjutata u l-Istat Membru għandu jinforma lill-applikant u lill-Kummissjoni dwar dan fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol. Ir-reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni ġdida mill-istess applikant għandha tkun soġġetta għall-ordni kronoloġika msemmija fl-Artikolu 8.

[…]”

14      Skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament Nru 968/2006:

“L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-applikanti l-għotja tal-għajnuna għar-ristrutturar għall-pjan ta’ ristrutturar eliġibbli rispettiv tagħhom sa l-iskadenza prevista fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament […] Nru 320/2006. Kopja sħiħa tal-pjan ta’ ristrutturar approvat għandha tintbagħat lill-Kummissjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.”

15      L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 968/2006, intitolat “Emendi għall-pjan ta’ ristrutturar”, jipprevedi:

“1.      Hekk kif tingħata l-għajnuna għar-ristrutturar, il-benefiċjarju għandu jwettaq il-miżuri kollha elaborati fil-pjan ta’ ristrutturar approvat u għandu jirrispetta l-impenji inklużi fl-applikazzjoni tiegħu għall-għajnuna għar-ristrutturar.

2.      Kwalunkwe emenda għal pjan ta’ ristrutturar approvat għandu jaqbel magħha l-Istat Membru fuq il-bażi ta’ talba mill-impriża kkonċernata:

(a)      li tispjega r-raġunijiet u l-problemi ta’ implimentazzjoni ffaċċjati;

(b)      li tippreżenta l-aġġustamenti jew il-miżuri l-ġodda proposti u l-effetti mistennija;

(c)      li telabora l-implikazzjonijiet finanzjarji u tal-ħin.

L-emendi jistgħu ma jimmodifikawx l-ammont totali tal-għajnuna ta’ ristrutturar li għandha tingħata jew l-ammonti ta’ ristrutturar temporanji li għandhom jitħallsu f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament […] Nru 320/2006.

L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bil-pjan ta’ ristrutturar emendat.”

16      L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 968/2006, intitolat “Pagament tal-għajnuna għar-ristrutturar”, jipprevedi:

“1. Il-pagament ta’ kull ħlas parzjali tal-għajnuna għar-ristrutturar, kif imsemmi fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament […] Nru 320/2006, għandu jkun soġġett għar-reġistrazzjoni ta’ garanzija ta’ ammont ugwali għal 120 % tal-ammont tal-ħlas parzjali kkonċernat.

[…]”

17      Skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 968/2006, intitolat “Rilaxx ta’ garanziji”:

“1.      Il-garanziji li jagħmlu referenza għalihom l-Artikoli 16(1)[…], 16a(2) u 18(2) għandhom jaqgħu sakemm:

(a)      il-miżuri u l-azzjonijiet kollha previsti fil-pjan ta’ ristrutturar, fil-programmi ta’ ristrutturar nazzjonali u fil-pjan tan-negozju, kif applikabbli, ikunu ġew implimentati;

(b)      Il-garanziji msemmija fl-Artikoli 16(1) u 18(2) għandhom jiġu rilaxxati dejjem jekk:

(c)      l-Istati Membri jkunu wettqu l-kontrolli msemmija fl-Artikolu 25;

[…]

3.      Bl-eċċezzjoni ta’ każ ta’ forza maġġuri, is-sigurtà tintilef jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ma ġewx sodisfatti sat-30 ta’ Settembru 2012 l-iktar tard.”

18      L-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 968/2006, intitolat “Kontrolli”, jistabbilixxi kif ġej:

“1.      Kull impriża u sit ta’ produzzjoni li jkunu ngħataw għajnuna taħt il-fond ta’ ristrutturar għandhom jiġu spezzjonati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fi żmien tliet xhur wara l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 23(2).

L-ispezzjoni għandha tara li jkun hemm konformità mal-pjan ta’ ristrutturar jew mal-pjan tan-negozju u għandha tivverifika r-reqqa u l-kompletezza tal-informazzjoni mogħtija mill-impriża fir-rapport ta’ progress. L-ewwel spezzjoni taħt pjan ta’ ristrutturar għandha tivverifika wkoll kwalunkwe informazzjoni addizzjonali mogħtija mill-impriża fl-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturar, b’mod partikulari l-konferma msemmija fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament […] Nru 320/2006.

2.      L-ispezzjoni għandha tkopri fil-każijiet kollha l-elementi tal-pjan ta’ ristrutturar imsemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament […] Nru 320/2006. […]”

19      Barra minn hekk, l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 968/2006, intitolat “Irkupru”, jipprevedi:

“1.      Bla ħsara għall-paragrafu 4[3], jekk benefiċjarju ma jkunx konformi ma’ wieħed jew iktar mill-impenji tiegħu fil-pjan ta’ ristrutturar, fil-pjan tan-negozju jew fi pjan ta’ ristrutturar nazzjonali, kif applikabbli, il-parti tal-għajnuna mogħtija rigward l-impenn (impenji) ikkonċernat(i) għandha tiġi rkuprata ħlief fil-każ ta’ force majeure.

[…]”

20      Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 968/2006, intitolat “Sanzjonijiet”:

“1.      Jekk benefiċjarju ma jkunx konformi ma’ wieħed jew iktar mill-impenji tiegħu taħt il-pjan ta’ ristrutturar, il-pjan tan-negozju jew il-programm ta’ ristrutturar nazzjonali, kif applikabbli, hu jkun meħtieġ iħallas ammont ugwali għal 10 % tal-ammont li jrid jiġi rkuprat taħt l-Artikolu 26.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Id-deċiżjoni kkontestata

21      Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/103 tas‑16 ta’ Jannar 2015 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2015, L 16, p. 33, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni b’mod partikolari imponiet fuq ir-Repubblika Taljana l-korrezzjonijiet li ġejjin:

–        korrezzjoni ta’ ammont ta’ EUR 90 498 735.16 għall-infiq li sar mir-Repubblika Taljana taħt l-iskema temporanja għar-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor, minħabba l-assenza ta’ qerda totali tal-faċilitajiet kollha ta’ produzzjoni taz-zokkor mill-benefiċjarji tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni (snin finanzjarji 2007, 2008 u 2009);

–        korrezzjoni ta’ ammont ta’ EUR 1 607 275.90 għal ħlas tardiv tal-bilanċ ta’ primjums tal-qatla marbutin mas-sena tat-talba 2004 (sena finanzjarja 2010);

–        korrezzjoni b’rata fissa ta’ ammont ta’ EUR 1 198 831.03 għal ħlas tardiv ta’ ċerti spejjeż marbuta ma’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni favur il-prodotti agrikoli (snin finanzjarji 2009 u 2010).

22      It-tliet korrezzjonijiet imsemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq huma kkontestati mir-Repubblika Taljana fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

 Fuq il-korrezzjoni finanzjarja relatata man-nefqa taħt l-iskema temporanja għar-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor

23      F’Settembru 2010, is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu, fl-Italja, inkjesta dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor mogħtija lil ċerti impriżi Taljani li jipproduċu z-zokkor matul is-snin finanzjarji 2007, 2008 u 2009 (iktar ’il quddiem l-“inkjesta EX/2010/010/IT”).

24      Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Diċembru 2010, indirizzata skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni ta’ l-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU 2006, L 171, p. 90), il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Taljani bir-riżultat tal-inkjesta EX/2010/010/IT, li kien mehmuż mal-ittra inkwistjoni (iktar ’il quddiem l-“ewwel komunikazzjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2010”).

25      Mill-ewwel komunikazzjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2010 jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet Taljani ma kinux osservaw totalment ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni, sa fejn hija kienet ikkonstatat li silos kienu miżmuma fuq diversi siti ta’ produzzjoni taz-zokkor li jappartjenu lill-impriżi Taljani li talbu l-għoti ta’ din l-għajnuna (iktar ’il quddiem is-“silos kontenzjużi”). F’dan ir-rigward, hija indikat li dawn l-impriżi ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ jekk ma kinux kompletament implimentaw il-pjan ta’ ristrutturazzjoni u jekk il-bini assoċjat mal-attività ta’ produzzjoni, li s-silos kontenzjużi tagħhom, ma kinux ġew irtirati. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani tindika jekk silos kinux għadhom preżenti fis-siti tal-produzzjoni taz-zokkor fejn l-aġenti tagħha ma kinux marru.

26      L-awtoritajiet Taljani wieġbu għall-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fl-ewwel komunikazzjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2010 permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Frar 2011.

27      Fit-18 ta’ April 2011, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Spanjoli għal diskussjonijiet bilaterali, li saru fi Brussell (il-Belġju), fl‑4 ta’ Mejju 2011.

28      Il-minuti ta’ din il-laqgħa ġew ikkomunikati lill-awtoritajiet Rumeni b’ittra tas‑26 ta’ Lulju 2011. Dawn ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-imsemmi minuti fit‑2 ta’ Novembru 2011.

29      B’ittra tas‑16 ta’ Awwissu 2012, li ntbagħtet abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 885/2006 (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni formali tas‑16 ta’ Awwissu 2012”), il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Taljani li kienet qiegħda tippjana li twarrab EUR 90 498 735.15 mill-finanzjament tal-Unjoni minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, previsti fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 320/2006 u fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 968/2006.

30      Fil‑11 ta’ Ottubru 2012, l-awtoritajiet Taljani marru quddiem il-Korp ta’ Konċiljazzjoni abbażi tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 885/2006, li ta r-rapport tiegħu fl‑10 ta’ Frar 2013.

31      Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-kunċett ta’ “faċilitajiet ta’ produzzjoni”, fis-sens tal-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 320/2006 u tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 968/2006, kopra s-silos taz-zokkor tal-benefiċjarju tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan ma kienx il-każ f’żewġ każijiet: minn naħa, meta ntwera li s-silos kienu ntużaw biss għall-iskopijiet tal-ħażna taz-zokkor, prodott skont il-kwota, maħżun minn produtturi oħrajn jew mixtri mingħand dawn tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, fejn intużaw biss għall-ippakkjar taz-zokkor prodott banda oħra għall-iskopijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu.

32      Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni tat terminu ta’ xahrejn lill-awtoritajiet Taljani sabiex jippreżenta osservazzjonijiet supplimentari, b’mod partikolari wara l-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 31 iktar ’il fuq, kif ukoll provi li jistabblixxu li, qabel l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, is-silos inkwistjoni kienu jservu esklużivament għall-ħażna u għall-ippakkjar taz-zokkor prodott taħt kwota minn produtturi oħrajn.

33      Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Mejju 2014, l-awtoritajiet Taljani kkontestaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li skontha, għall-finijiet li jiġi evalwat jekk is-silos kinux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “faċilitajiet ta’ produzzjoni”, kellu jiġi kkunsidrat il-mod kif dawn kienu ntużaw fid-data tal-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

34      Fir-rapport ta’ sinteżi adottat mill-Kummissjoni fit‑12 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni kkonfermat il-proposta tagħha li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni s-somma ta’ EUR 90 498 735.16.

 Fuq il-korrezzjoni finanzjarja applikata għal ħlas tardiv tal-bilanċ ta’ primjums tal-qatla relatati mas-sena ta’ applikazzjoni 2004

35      Is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu investigazzjoni fl-Italja fir-rigward tal-primjums għall-qatla rigward in-nuqqas ta’ osservanza tat-termini ta’ pagament u talli nqabżu l-limiti finanzjarji matul is-sena baġitarja 2010.

36      Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Frar 2011, mibgħuta skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Taljani r-riżultati tal-verifiki tagħha. Dawn tal-aħħar wieġbu għal din il-komunikazzjoni permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Marzu 2011.

37      Saret laqgħa bilaterali bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Taljani fil‑15 ta’ Ġunju 2011, fi Brussell. Il-minuti tal-imsemmija laqgħa ntbagħtu lill-awtoritajiet Taljani fit‑3 ta’ Awwissu 2011. Dawn tal-aħħar ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil‑5 ta’ Ottubru 2011.

38      Il-Kummissjoni tenniet il-pożizzjoni tagħha f’ittra tat‑18 ta’ Jannar 2012, mibgħuta skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006, li għaliha l-awtoritajiet Taljani wieġbu b’ittra tas‑27 ta’ Marzu 2012.

39      Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Ottubru 2013, mibgħuta abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 885/2006, il-Kummissjoni kkomunikat formalment lill-awtoritajiet Taljani l-ammont stmat tal-korrezzjoni proposta, jiġifieri ammont ta’ EUR 7 643 605.11 minħabba, fost affarijiet oħra, in-nuqqas ta’ osservanza tat-termini ta’ pagament għall-primjums tal-qatla marbutin mas-sena ta’ applikazzjoni 2004, li l-bilanċ tagħhom kien imħallas lill-benefiċjarji fit‑30 ta’ Ottubru u fit‑3 ta’ Novembru 2009.

40      Fl‑10 ta’ Diċembru 2013, l-awtoritajiet Taljani marru quddiem il-Korp ta’ Konċiljazzjoni. Dan tal-aħħar ippreżenta r-rapport tiegħu fis‑6 ta’ Mejju 2014.

41      Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni kkomunikat il-pożizzjoni finali tagħha lill-awtoritajiet Taljani, li fiha hija żammet korrezzjoni b’rata fissa ta’ EUR 7 643 605.11, li minnhom ammont ta’ EUR 1 607 275.90 korrispondenti għall-ħlas tardiv tal-bilanċ ta’ primjums tal-qatla relatati mas-sena ta’ applikazzjoni 2004, matul is-sena baġitarja 2010.

 Fuq il-korrezzjoni finanzjarja applikata għal ħlas tardiv ta’ ċerti spejjeż relatati mal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli

42      Mit‑30 ta’ Novembru sal‑4 ta’ Diċembru 2009, is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu fl-Italja investigazzjoni dwar l-azzjonijiet ta’ tagħrif u ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi u li jikkonċernaw is-snin baġitarji 2008 sa 2010.

43      Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ April 2010, mibgħuta skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Taljani ir-riżultat tal-eżitu tal-verifiki tagħha. L-awtoritajiet Taljani wieġbu għal din il-komunikazzjoni permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Lulju 2010.

44      Saret laqgħa bilaterali bejn l-awtoritajiet Taljani u l-Kummissjoni, fit‑18 ta’ Novembru 2010, fi Brussell. Il-minuti ta’ din il-laqgħa ntbagħtu lill-awtoritajiet Taljani fil‑31 ta’ Jannar 2011. Dawn tal-aħħar ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit‑30 ta’ Marzu 2011.

45      Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ April 2013, mibgħuta skont it-tielet subparagrafu tal‑Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 885/2006, il-Kummissjoni kkomunikat formalment lill-awtoritajiet Taljani l-ammont stmat tal-korrezzjoni proposta, jiġifieri EUR 2 844 470.65 għas-snin baġitarji 2008 (mit‑30 ta’ Mejju 2008 biss), 2009 u 2010.

46      Fit‑3 ta’ Ġunju 2013, l-awtoritajiet Taljani marru quddiem il-Korp ta’ Konċiljazzjoni. Dan tal-aħħar ippreżenta r-rapport tiegħu fid‑29 ta’ Novembru 2013.

47      Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni kkomunikat il-pożizzjoni finali tagħha lill-awtoritajiet Taljani, li fiha hija għamlet, b’mod partikolari, korrezzjoni b’rata fissa ta’ EUR 1 198 831.03 minħabba n-natura tardiva ta’ pagamenti marbutin mal-azzjonijiet ta’ tagħrif u ta’ promozzjoni għal prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi, li seħħew matul is-snin baġitarji 2009 u 2010.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

48      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Marzu 2015, ir-Repubblika Taljana ppreżentat dan ir-rikors.

49      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 u fil-25 ta’ Ġunju 2015 rispettivament, ir-Repubblika Franċiża u l-Ungerija talbu sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana. B’deċiżjonijiet tat-22 ta’ Lulju 2015, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talbiet għal dawn l-interventi.

50      Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna ċertu nfiq magħmul mir-Repubblika Taljana;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

51      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

52      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

53      L-Ungerija titlob sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata.

54      Permezz ta’ ittra tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Ġunju 2016, il-partijiet ġew informati dwar il-bidla fil-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali u bid-deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali li jassenja l-kawża mill-ġdid lil Imħallef Relatur ieħor, li ġie assenjat lit-Tielet Awla.

55      Permezz ta’ ittra tar-Reġistru tat‑3 ta’ Ottubru 2016, il-partijiet ġew informati dwar il-bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u l-assenjazzjoni tal-Imħallef Relatur lir-Raba’ Awla li lilha din il-kawża ġiet għalhekk assenjata.

56      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u talbithom jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini.

57      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑12 ta’ Settembru 2017.

 Id-dritt

58      Insostenn tar-rikors, ir-Repubblika Taljana tinvoka sitt motivi.

59      L-ewwel erba’ motivi tqajmu insostenn ta’ talba għall-annullament tal-korrezzjoni dwar l-infiq magħmul mir-Repubblika Taljana taħt l-iskema temporanja għar-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor. L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 31(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal‑21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1), id-drittijiet tad-difiża u l-prinċipju ta’ kontradizzjoni, kif ukoll insuffiċjenza ta’ motivazzjoini. It-tieni motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 11 (1) tar-Regolament Nru 885/2006, tar-Regolament Nru 320/2006, tar-Regolament Nru 968/2006, u tas-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑338/12 sa C‑347/12, EU:C:2013:737). It-tielet motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ kooperazzjoni leali, ne bis in idem, ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1290/2005, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tal-Kapitolu 3 tar-Regolament Nru 885/2006 u l-Linji gwida stabbiliti fid-dokument VI/5330/97 tal-Kummissjoni tat‑23 ta’ Diċembru 1997, intitolat “Linji gwida li jirrigwardaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija” (iktar ’il quddiem id-“dokument VI/5330/97”), tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif ukoll nuqqas ta’ eżami tal-pożizzjoni tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni.

60      Il-ħames motiv huwa invokat insostenn tat-talba għal annullament tal-korrezzjoni applikata għal ħlas tardiv tal-bilanċ ta’ primjums tal-qatla marbutin mas-sena tat-talba 2004 u huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 883/2006 tal‑21 ta’ Ġunju 2006 li jistipula l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 rigward iż-żamma tal-kotba ta’ l-aġenziji tal-ħlas, id-dikjarazzjonijiet ta’ l-ispejjeż u tad-dħul u l-kundizzjonijiet ta’ ħlas lura ta’ l-ispejjeż fil-qafas ta’ l-EAGF u ta’ l-EAFRD (ĠU 2006, L 171, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 71M, p. 382), fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ żnaturament tal-fatti.

61      Is-sitt motiv huwa invokat insostenn tat-talba għal annullament tal-korrezzjoni applikata għal ħlas tardiv ta’ ċerti spejjeż relatati mal-azzjonijiet ta’ tagħrif u ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli u huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 501/2008 tal‑5 ta’ Ġunju 2008 dwar termini u kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 rigward azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (ĠU 2008, L 147, p. 3), kif ukoll tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u tar-responsabbiltà lill-Istati Membri tal-korrezzjonijiet finanzjarji.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju tal-kontradittorju kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni

62      L-ewwel motiv huwa kompost, sostanzjalment, minn tliet partijiet. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 31(4) tar-Regolament Nru 1290/2005. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ kontradittorju. It-tielet parti hija bbażata, essenzjalment, fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 31(4) tar-Regolament Nru 1290/2005

63      Ir-Repubblika Taljana tikkritika lill-Kummissjoni, essenzjalment, talli kkunsidrat li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni kienet miżura multiannwali fis-sens tal-Artikolu 31(4)(b), tar-Regolament Nru 1290/2005 u li l-korrezzjoni finanzjarja għaldaqstant setgħet, f’dan il-każ, tirrigwarda l-ispejjeż kollha minfuqa taħt l-iskema temporanja għar-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor. B’dan il-mod, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 31(4) tar-Regolament Nru 1290/2005.

64      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana.

65      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk huwiex ġustament li l-Kummissjoni inkludiet fil-bażi tal-korrezzjoni finanzjarja kkontestata l-ispejjeż kollha sostnuti mir-Repubblika Taljana taħt l-iskema temporanja għar-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor, konformement mal-Artikolu 31(4)(b) tar-Regolament Nru 1290/2005, jew jekk hija kellhiex teskludi minn din il-bażi l-infiq magħmul iktar minn 24 xahar qabel in-notifika lill-awtoritajiet Taljani tal-ewwel komunikazzjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2010, skont l-Artikolu 31(4)(a) tar-Regolament Nru 1290/2005. Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, għandu jiġi ddeterminat jekk l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tas-settur taz-zokkor tiffinanzjax miżura multiannwali fis-sens tal-Artikolu 31(4)(b) tar-Regolament Nru 1290/2005.

66      L-Artikolu 31(4) tar-Regolament Nru 1290/2005 jipprevedi:

“Il-finanzjament ma jistax jiġi rifjutat għal:

a)      l-infiq kif indikat fl-Artikolu 3(1) [ta’ dan ir-regolament] li jitwettaq aktar minn [24] xahar qabel ma l-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bil-miktub dwar ir-riżultati tal-ispezzjoni tagħha;

b)      l-infiq dwar il-miżuri pluriennali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) [ta’ dan ir-regolament] jew fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-programmi kif indikat fl-Artikolu 4 [ta’ dan ir-regolament], meta l-obbligu finali fuq min jirċievi jseħħ aktar minn [24] xahar qabel ma l-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bil-miktub dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet tagħha;

[…]”

67      Fost l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 3(1)(e) tar-Regolament Nru 1290/2005, kif emendat mill-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 320/2006, tinsab, fost l-oħrajn, l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tas-settur taz-zokkor.

68      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3 (1) tar-Regolament Nru 320/2006, l-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni jiddependi fuq it-twettiq ta’ żewġ kundizzjonijiet: minn naħa, ir-rinunzja għall-kwota ta’ produzzjoni u, min-naħa l-oħra, iż-żarmar sħiħ jew parzjali tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni.

69      Fir-rigward tar-rinunzja għall-kwota ta’ produzzjoni, ir-Repubblika Taljana ssostni, ġustament, li din hija miżura immedjata, li sseħħ matul sena ta’ kummerċjalizzazzjoni partikolari.

70      Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, ir-rinunzja għall-kwota tal-produzzjoni ma hijiex “l-essenza stess tal-iskema inkwistjoni”, peress li l-Artikolu 3(1) (a) u (b) tar-Regolament Nru 320/2006 jirrikjedi ukoll iż-żarmar sħiħ jew parzjali tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ jew parzjali (ara l-punt 68 iktar ’il fuq).

71      Issa, iż-żarmar tal-faċilitajiet tal-produzzjoni jfisser li jitwettqu, fiż-żmien ta’ diversi operazzjonijiet kumplessi u, għaldaqstant, ma jistax jikkostitwixxi miżura ta’ darba.

72      Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 320/2006, iż-żarmar sħiħ tal-faċilitajiet tal-produzzjoni għandu jirrikjedi, l-ewwel nett, il-waqfien definittiv u totali tal-produzzjoni taz-zokkor, tal-isoglukożju u tax-xiropp tal-inulina mill-faċilitajiet tal-produzzjoni kkonċernati, it-tieni nett, l-għeluq tal-fabbrika jew tal-fabbriki u ż-żarmar tal-faċilitajiet tal-produzzjoni tagħhom u, it-tielet nett, ir-rijabilitazzjoni ambjentali tas-sit tal-fabbrika u miżuri li jiffaċilitaw l-allokazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema.

73      Fir-rigward taż-żarmar parzjali, l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 320/2006 jistabbilixxi rekwiżiti simili għal dawk imfakkra fil-punt 72 iktar ’il fuq.

74      Barra minn hekk, il-fatt li l-operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni nfirxu fuq bosta snin huwa indikat ukoll mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 968/2006, li stabbilixxa terminu għat-twettiq taż-żarmar tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni u sabiex ikun hemm konformità mal-impenji soċjali u ambjentali, fosthom id-data ta’ skadenza, emendata diversi drabi, ġie finalment stabbilit għall‑31 ta’ Marzu 2012 permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 672/2011.

75      Fl-aħħar nett, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-Repubblika Taljana indikat li l-attivitajiet ta’ żarmar tas-siti ta’ produzzjoni ta’ żewġ intrapriżi Taljani li talbu l-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ kienu żvolġew għal madwar tlieta jew erba’ snin.

76      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor hija maħsuba mhux sabiex tiffinanzja azzjoni ta’ darba, iżda sett ta’ miżuri li l-implimentazzjoni effettiva tagħhom għandha tinfirex, fil-prinċipju, fuq numru ta’ snin. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-iskema ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor hija miżura multiannwali fis-sens tal-Artikolu 31(4)(b) tar-Regolament Nru 1290/2005.

77      L-argumenti invokati mir-Repubblika Taljana ma jistgħux jikkontestaw il-konklużjoni preċedenti.

78      L-ewwel nett, ir-Repubblika Taljana ssostni li n-natura ta’ darba tal-miżuri ffinanzjati mill-għajnuna għar-ristrutturazzjoni hija murija mill-fatt li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 320/2006 jipprevedi l-ħlas ta’ ammont wieħed għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, għalkemm ikun maqsum f’żewġ pagamenti mħallsa matul perijodu ta’ inqas minn 12-il xahar.

79      F’dan ir-rigward, minn qari tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament Nru 320/2006 u tal-Artikoli 16, 22 u 25(1) tar-Regolament Nru 968/2006 jirriżulta li l-ħlas tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, f’diversi pagamenti, isir flimkien mal-għoti ta’ garanziji, li jiġu rrilaxxati biss jekk, fi tmiem il-proċess ta’ ristrutturazzjoni, l-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 968/2006 jikkonfermaw, fost affarijiet oħra, li l-miżuri u l-azzjonijiet kollha previsti fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni ġew implimentati.

80      Minn dan jirriżulta li l-ammont definittiv tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma jistax ikun magħruf qabel ir-rilaxx tal-aħħar garanziji miżmuma mill-Istati Membri u, għaldaqstant, wara l-kontrolli mwettqa ladarba jitlestew l-operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni kollha.

81      B’hekk, anki jekk jiġi preżunt li 24 xahar qabel l-ewwel komunikazzjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2010, l-għajnuna kollha għar-ristrutturazzjoni kollha kienet ingħatat lill-impriżi Taljani, kif sostniet ir-Repubblika Taljana waqt is-seduta, mingħajr madankollu ma ntwera dan, l-ammont ta’ din l-għajnuna ma kienx definittiv u għadu jista’ jiġi suġġett għal modifika.

82      Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni fis-seduta, jekk wieħed jassumi li l-ħlas tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni lill-impriżi Taljani sar darba, din iċ-ċirkustanza ma teskludix il-klassifikazzjoni ta’ miżura multiannwali tal-iskema ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor. Fil-fatt, dak li huwa determinanti, f’dan ir-rigward, huwa li l-implimentazzjoni ta’ din l-iskema għandha diversi obbligi, li l-eżekuzzjoni tagħhom ma tistax tkun immedjata, iżda tinfirex fuq bosta snin.

83      It-tieni nett, ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment, li, billi applikat l-Artikolu 31(4)(b) tar-Regolament Nru 1290/2005, il-Kummissjoni tista’ leġittimament tikkontesta kwalunkwe nefqa taħt l-iskema temporanja għar-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor sakemm il-komunikazzjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006 tkun seħħet f’terminu ta’ 24 xahar mill-eżekuzzjoni tal-aħħar obbligu impost fuq il-benefiċjarju. F’dan il-każ, hija tqis li l-Kummissjoni setgħet għalhekk tibda proċedura ta’ clearance tal-kontijiet sa Marzu 2015, jiġifieri għal terminu ta’ 24 xahar mid-data finali għaż-żarmar tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni, jiġifieri l‑31 ta’ Marzu 2012. F’dan il-każ, komunikazzjoni mill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006 li seħħet wara l-iskadenza tat-terminu għal żarmar sħiħ, ma tistax tippermetti lill-Istat Membru li jirrimedja l-irregolarità kkonstatata mill-Kummissjoni. Fil-fehma tagħha, dan il-fatt imur kontra l-ispirtu tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet, li wieħed mill-elementi essenzjali tiegħu jikkonsisti f’li jawtorizza lill-Istat Membru sabiex jirrimedja l-irregolaritajiet ikkonstatati mill-Kummissjoni.

84      Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-Repubblika Taljana kkonfermat li bl-argument tagħha, imfakkar fil-punt 83 iktar ’il fuq, hija ma kellhiex il-ħsieb li tinvoka l-illegalità tal-Artikolu 31(4)(b), tar-Regolament Nru 1290/2005, iżda, essenzjalment, tikkontesta l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni f’dan il-każ.

85      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-komunikazzjoni skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006, f’dan il-każ l-ewwel komunikazzjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2010 (ara l-punt 24 iktar ’il fuq), intbagħtet lir-Repubblika Taljana qabel l-iskadenza tal-aħħar obbligu impost fuq il-benefiċjarji tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, jiġifieri l‑31 ta’ Marzu 2012 (ara l-punt 74 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana setgħet tirrimedja għall-irregolaritajiet osservati fl-ewwel komunikazzjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2010 jew, tal-inqas, tadotta miżuri sabiex dawn jiġu megħluba.

86      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni ma wettqitx żball billi kkunsidrat li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor kienet maħsuba sabiex tiffinanzja miżura multiannwali, u, għaldaqstant, meta inkludiet, fil-korrezzjoni kontenzjuża, l-għajnuna kollha għar-ristrutturazzjoni mogħtija lill-impriżi Taljani.

87      Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ kontradittorju

88      Ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment, li, minħabba t-tardività tagħha, il-bidla fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-bażi legali għall-kalkolu tat-terminu ta’ 24 xahar imsemmi fl-Artikolu 31(4) tar-Regolament Nru 1290/2005, li saret fil-komunikazzjoni formali tas‑16 ta’ Awwissu 2012, ma tathiex l-opportunità li teżerċita d-drittijiet tagħha tad-difiża u tippreġudika n-natura kontradittorja tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet.

89      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana.

90      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-deċiżjoni finali u definittiva dwar il-clearance tal-kontijiet għandha tittieħed wara proċedura kontradittorja speċifika li matulha l-Istati Membri kkonċernati għandu jkollhom il-garanziji kollha meħtieġa sabiex jippreżentaw il-perspettiva tagħhom (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑245/97, EU:C:2000:687, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Din il-proċedura hi rregolata mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006, intitolat “Approvazzjoni tal-konformità”, li jipprevedi:

“1.      Fejn, minħabba kwalunkwe stħarriġ, il-Kummissjoni tqis li l-infiq ma sarx skond ir-regoli Komunitarji, hija għandha tikkomunika s-sejbiet tagħha lill-Istat Membru kkonċernat u għandha tindika l-miżuri korrettivi meħtieġa biex tkun żgurata l-konformità futura ma’ dawk ir-regoli.

Il-komunikazzjoni għandha tagħmel riferenza għal dan l-Artikolu. L-Istat Membru għandu jirrispondi fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-komunikazzjoni u l-Kummissjoni tista’ timmodifika l-pożizzjoni tagħha b’konsegwenza ta’ dan. F’każijiet iġġustifikati, il-Kummissjoni tista’ taqbel li testendi l-perjodu għar-risposta.

Wara li jiskadi l-perjodu għar-risposta, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ laqgħa bilaterali u ż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu ftehim dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu kif ukoll dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-baġit Komunitarju.

2.      Fi żmien xahrejn mid-data meta jiġu riċevuti l-minuti tal-laqgħa bilaterali msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istat Membru għandu jikkomunika kwalunkwe informazzjoni mitluba matul dik il-laqgħa jew kwalunkwe informazzjoni oħra li jqis li tkun utli għall-eżami li jkun għaddej.

[…]

Wara li jiskadi l-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tikkomunika formalment il-konklużjonijiet tagħha lill-Istat Membru fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni riċevuta fil-qafas tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità. Il-komunikazzjoni għandha tevalwa l-infiq li l-Kummissjoni qed tipprevedi li se teskludi mill-finanzjament Komunitarju skond l-Artikolu 31 tar-Regolament […] Nru 1290/2005 u għandha tagħmel riferenza għall-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-Regolament.

3.      […]

Wara li tkun eżaminat kwalunkwe rapport imħejji mill-Korp ta’ Konċiljazzjoni skond il-Kapitolu 3 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta, jekk ikun meħtieġ, deċiżjoni waħda jew aktar skond l-Artikolu 31 tar-Regolament […] Nru 1290/2005 sabiex teskludi mill-finanzjament Komunitarju l-infiq li sar minħabba n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli Komunitarji sakemm l-Istat Membru jkun effettivament implimenta l-miżuri korrettivi.

[…]”

92      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-“komunikazzjoni bil-miktub” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006 għandha tagħti lill-Gvern ikkonċernat għarfien sħiħ tar-riżervi tal-Kummissjoni, sabiex jista’ jwettaq il-funzjoni ta’ twissija mogħtija minn din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2012, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑24/11 P, EU:C:2012:266, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006 għandu jinqara mal-Artikolu 31(4) tar-Regolament Nru 1290/2005, li jgħid li l-Kummissjoni ma tistax teskludi l-infiq li sar barra minn wieħed mill-perijodi msemmija minn din id-dispożizzjoni. Minn dan jirriżulta li l-komunikazzjoni bil-miktub prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11 (1) tar-Regolament Nru 885/2006 sservi bħala twissija li l-infiq sostnuta f’ċertu perijodu qabel in-notifika ta’ din il-komunikazzjoni tista’ tiġi eskluża mill-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG) u, konsegwentement, din il-komunikazzjoni tikkostitwixxi l-element ta’ riferiment għall-kalkolu tal-punt tat-tluq għal dan il-perijodu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2012, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑24/11 P, EU:C:2012:266, punt 30).

94      Finalment, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006 ma jirrikjedix li l-komunikazzjoni bil-miktub issemmi n-nefqa li għandha tiġi eskluża (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2004, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C‑312/02, EU:C:2004:594, punt 14). Lanqas ma huwa rikjest li l-komunikazzjoni bil-miktub issemmi espliċitament il-perijodu msemmi fl-Artikolu 31(4) tar-Regolament Nru 1290/2005 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2002, Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑170/00, EU:C:2002:51, punt 32). Fil-fatt, fir-rigward tar-rekwiżiti proċedurali, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006 jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-“komunikazzjoni tal-konstatazzjonijiet”, prevista fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, li hija inkwistjoni f’din il-kawża, u, min-naħa l-oħra, il-“komunikazzjoni formali tal-konklużjonijiet”, prevista fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2, li ssir fi stadju iktar tard. Minn dan jirriżulta li l-ewwel komunikazzjoni ma għandhiex tikkonforma mar-rekwiżiti formali stretti daqs it-tieni waħda (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2002, Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑170/00, EU:C:2002:51, punt 29).

95      Preliminarjament, mill-punti 68 sa 76 iktar ’il fuq jirriżulta li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor tiffinanzja miżuri multiannwali u, għaldaqstant, li l-bażi legali għall-kalkolu tat-terminu ta’ 24 xahar huwa l-Artikolu 31(4)(b) tar-Regolament Nru 1290/2005.

96      F’dan il-każ, fl-ittra li takkumpanja r-riżultati tal-investigazzjoni EX/2010/010/IT ikkomunikati lir-Repubblika Taljana permezz tal-ewwel komunikazzjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2010, huwa indikat li l-eventwali “esklużjoni ser tirrigwarda biss in-nefqa sostnuta fl-[24] xahar qabel ma intbagħtet il-komunikazzjoni [imsemmija]”. Il-Kummissjoni għaldaqstant irreferiet, impliċitament iżda neċessarjament, għall-Artikolu 31(4)(a) tar-Regolament Nru 1290/2005 bħala l-bażi legali għall-kalkolu tal-perijodu ta’ 24 xahar u mhux għall-Artikolu 31(4)(b) tar-Regolament Nru 1290/2005.

97      Madankollu, bħall-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li, minkejja r-riferiment li jinsab fl-ittra inkluża fl-ewwel komunikazzjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2010, jirriżulta b’mod ċar mill-anness ta’ din l-ittra li l-Kummissjoni kkontestat l-eliġibbiltà tal-impriżi Taljani inkwistjoni għall-għajnuna kollha għar-ristrutturazjoni li kienu rċevew. Fil-fatt, ġie indikat, b’mod partikolari, li “[i]s-servizzi tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jikkunsidraw […] li l-ebda waħda mill-impriżi inkwistjoni ma tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tirċievi [l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ]” u li, “[p]eress li l-parti l-kbira tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni diġà tħallset u li l-parti l-kbira tal-garanziji ġew irrilaxxati lill-impriżi inkwistjoni, huwa speċifikat li l-amministrazzjoni tista’, fl-aħħar mill-aħħar, tkun responsabbli għall-konsegwenzi finanzjarji ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti previsti mir-regolamenti”.

98      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel komunikazzjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2010 tat lill-awtoritajiet Taljani għarfien suffiċjenti dwar ir-riżervi tal-Kummissjoni u dwar il-korrezzjonijiet li kienu ser isiru fir-rigward tal-infiq inkwistjoni, b’tali mod li hija ssodisfat il-funzjoni ta’ avviż mogħti lill-komunikazzjoni bil-miktub prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006.

99      Għalkemm, fil-laqgħa bilaterali tal‑4 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni indikat li l-investigazzjoni EX/2010/010/IT kienet tirrigwarda l-perijodu ta’ 24 xahar qabel ma tintbagħat il-komunikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11 (1) tar-Regolament Nru 885/2006 u, għaldaqstant, li l-infiq sostnut bejn l‑10 ta’ Diċembru 2008 u d‑9 ta’ Diċembru 2010 biss kienet ikkonċernata minn din l-investigazzjoni, jibqa’ l-fatt li, fl-Anness 1 tal-komunikazzjoni formali tas‑16 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni kkonfermat il-pożizzjoni adottata fl-ewwel komunikazzjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2010. Fil-fatt, hija sostniet, essenzjalment, li l-korrezzjoni finanzjarja setgħet tiġi stabbilita abbażi tal-infiq kollu magħmul mir-Repubblika Taljana taħt l-iskema ta’ ristrutturazzjoni temporanja tal-industrija taz-zokkor, inkluż qabel il-perijodu ta’ 24 xahar qabel l-ewwel komunikazzjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2010 u, għaldaqstant, li, f’dan il-każ, it-terminu ta’ 24 xahar kellu jiġi kkalkolat skont l-Artikolu 31(4)(b) tar-Regolament Nru 1290/2005.

100    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, wara li rċeviet il-komunikazzjoni formali tas‑16 ta’ Awwissu 2012, ir-Repubblika Taljana marret quddiem il-Korp ta’ Konċiljazzjoni konformement mal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 885/2006 u għaldaqstant kellha l-possibbiltà li tikkontesta l-applikabbiltà tal-Artikolu 31(4)(b) tar-Regolament Nru 1290/2005 quddiem dan il-korp (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑84/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:471, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Issa, waqt is-seduta, ir-Repubblika Taljana ammettiet li, quddiem il-Korp ta’ Konċiljazzjoni, hija ma kinitx għamlet kontestazzjoni fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 31(4)(b) tar-Regolament Nru 1290/2005 u li hija kienet iffokat biss fuq il-kwistjoni tal-mertu dwar il-possibbiltà li jinżammu s-silos kontenzjużi u tibbenefika minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ.

102    Finalment, għandu jitfakkar li, wara l-għoti tas-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Marzu 2014, tat lir-Repubblika Taljana l-opportunità li tissottometti osservazzjonijiet addizzjonali (ara l-punt 32 iktar ’il fuq). Issa, fl-ittra ta’ tweġiba tagħhom tat‑30 ta’ Mejju 2014, l-awtoritajiet Taljani wkoll ma kkontestawx l-applikazzjoni tal-Artikolu 31(4)(b) tar-Regolament Nru 1290/2005 għall-każ f’din il-kawża (ara l-punt 33 iktar ’il fuq).

103    F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Taljana ma tistax tibbaża ruħha quddiem il-Qorti Ġenerali fuq garanzija proċedurali li hija stess naqset milli tuża matul il-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 1999, Petrides vs Il-Kummissjoni, C‑64/98 P, EU:C:1999:399, punt 32).

104    Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni parti tat-tielet motiv tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata, essenzjalment, fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni

105    Ir-Repubblika Taljana tinvoka, essenzjalment, insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għar-raġuni li r-raġunijiet tal-bidla għall-għarrieda u mhux iġġustifikata ta’ bażi legali għall-kalkolu tat-terminu ta’ 24 xahar, magħmul mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni formali tas‑16 ta’ Awwissu 2012, kienu msemmija fil-qosor f’din il-komunikazzjoni.

106    Il-Kummissjoni ma tiddikjara xejn f’dan ir-rigward.

107    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest partikolari tat-tħejjija tad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-clearance tal-kontijiet, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala li hija suffiċjenti peress li l-Istat destinatarju kien involut mill-qrib fit-teħid ta’ din id-deċiżjoni u kien jaf bir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li s-somma kontenzjuża ma kellhiex tkun responsabbiltà tal-FAEGG (sentenzi tat‑1 ta’ Ottubru 1998, il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑27/94, EU:C:1998:446, punt 36, u tal ‑ 10 ta’ Settembru 2008, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑181/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:331, punt 32).

108    F’dan il-każ, fl-Anness 1 tal-komunikazzjoni formali tas‑16 ta’ Awwissu 2012, fil-punt 12 tal-parti “Argumenti”, il-Kummissjoni fakkret li l-iskema temporanja għar-ristrutturazjoni tal-industrija taz-zokkor kienet tikkonċerna l-perijodu mill‑1 ta’ Lulju 2006 sal‑31 ta’ Marzu 2012, jiġifieri perijodu ta’ 69 xahar. Barra minn hekk, fil-punt 13 tal-parti “Argumenti”, hija spjegat li din l-iskema kienet tikkostitwixxi miżura multiannwali fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1290/2005, li taħtha kienu twettqu l-pagamenti perijodiċi ta’ partijiet differenti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li l-pagament ta’ kull partit tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ kien suġġett għall-kostituzzjoni ta’ garanzija ta’ ammont ugwali għal 120 % ta’ dik il-parti korrispondenti. Il-Kummissjoni spjegat ukoll li, konformement mal-Artikolu 31(4)(b) tar-Regolament Nru 1290/2005, l-evalwazzjoni tal-konformità ta’ dawn l-ispejjeż mal-objettivi tal-fond għar-ristrutturazzjoni taz-zokkor u r-regolamenti relatati setgħet issir biss mid-data tal-aħħar obbligu impost fuq il-benefiċjarju, jiġifieri l‑31 ta’ Marzu 2012. Fil-punt 15 tal-parti “Argumenti” tal-Anness 1 tal-komunikazzjoni formali tas‑16 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni kkonkludiet, essenzjalment, li, peress li s-silos kontenzjużi ma kinux ġew żarmati sal‑31 ta’ Marzu 2012, in-nefqa kollha relatata mal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija lill-impriżi Taljani kienu koperti mill-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet.

109    Huwa għalhekk stabbilit li, fil-komunikazzjoni formali tas‑16 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni esponiet b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom il-korrezzjoni finanzjarja kellha tkopri l-infiq sostnuta matul il-perijodu kkalkulat skont l-Artikolu 31(4)(b) tar-Regolament Nru 1290/2005. Barra minn hekk, il-motivi msemmija fil-punt 108 iktar ’il fuq kienu jippermettu lir-Repubblika Taljana sabiex tifhem ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni kienet biddlet il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-bażi legali għall-kalkolu tat-terminu ta’ 24 xahar imsemmi fl-Artikolu 31(4) tar-Regolament Nru 1290/2005.

110    Għaldaqstant, hemm lok li t-tielet parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda, u, għalhekk, l-ewwel motiv jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006, tad-drittijiet tad-difiża, tar-Regolamenti Nru 320/2006 u Nru 968/2006 kif ukoll tas-sentenza tal14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C187/12 sa C189/12)

111    Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 u tad-drittijiet tad-difiża It-tieni parti hija bbażata fuq ksur tar-Regolamenti Nri 320/2006 u 968/2006 kif ukoll tas-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑338/12 sa C‑347/12, EU:C:2013:737).

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 u tad-drittijiet tad-difiża

112    Ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment, li l-ewwel komunikazzjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2010 tikser l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006, sa fejn hija ma kinitx tatha għarfien perfett tar-riżervi tal-Kummissjoni u ma tathiex l-opportunità li tibbenefika mid-drittijiet tad-difiża rrikonoxxuti minn din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, hija ssostni, minn naħa, li fl-ewwel komunikazzjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni allegat li s-silos kienu, fiċ-ċirkustanzi kollha, faċilitajiet ta’ produzzjoni minkejja li, fl-ittra tat-28 ta’ Marzu 2014, mibgħuta wara l-għoti tas-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR ea (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), hija rrikonoxxiet li s-silos ma kellhomx neċessarjament jiġu kkunsidrati bħala faċilitajiet ta’ produzzjoni. Min-naħa l-oħra, hija tirrileva li l-ewwel komunikazzjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2010 ma kienet tinkludi l-ebda riferiment għall-fatt li l-użu tas-silos kellu jiġi evalwat fid-data tal-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ (iktar ’il quddiem il-“kriterju stabbilit mill-Kummissjoni”). Skontha, huwa biss mill-ittra tal-Kummissjoni tat‑28 ta’ Marzu 2014 li hija kellha għarfien perfett tar-riżervi ta’ din tal-aħħar dwar il-kwistjoni taż-żarmar tas-silos fil-każ ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ. Issa, f’din id-data, hija ma setgħetx iktar tibbenefika mill-garanziji proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006, u lanqas teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha.

113    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana.

114    Hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-deċiżjoni finali u definittiva dwar il-clearance tal-kontijiet għandha tittieħed wara proċedura kontradittorja speċifika li matulha l-Istati Membri kkonċernati għandu jkollhom il-garanziji kollha meħtieġa sabiex jippreżentaw il-perspettiva tagħhom (sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 1998, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑61/95, EU:C:1998:27, punt 39; tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑245/97, EU:C:2000:687, punt 47, u tas‑3 ta’ Lulju 2014, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, T‑16/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:603, punt 69).

115    Barra minn hekk, mill-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006 jirriżulta li l-ewwel komunikazzjoni għandha tippreċiża r-riżultat tal-verifiki tal-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat u tindika l-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata fil-futur l-osservanza tar-regoli tal-Unjoni inkwistjoni (ara l-punt 91 iktar ’il fuq).

116    F’dan il-każ, kif ġie espost fil-punt 25 iktar ’il fuq, mill-ewwel komunikazzjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2010 jirriżulta li għall-Kummissjoni l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ ma kinux issodisfatti, peress li ċerti faċilitajiet ta’ produzzjoni, fosthom is-silos kontenzjużi, kienu nżammu fuq is-siti antiki ta’ produzzjoni taz-zokkor li saritilhom żjara mill-investigaturi tal-Kummissjoni. Fl-imsemmija komunikazzjoni, il-Kummissjoni indikat ukoll li l-impriżi Taljani ma kinux eliġibbli għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ jekk ma kinux kompletament implimentaw il-pjani ta’ ristrutturazzjoni u jekk il-bini l-ieħor marbut mal-attività ta’ produzzjoni, fosthom is-silos inkwistjoni, ma kinux twaqqgħu.

117    Fl-ittra tagħha tad‑9 ta’ Frar 2011, ir-Repubblika Taljana kkontestat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li s-silos kienu, fi kwalunkwe każ, faċilitajiet ta’ produzzjoni li jaqgħu taħt l-obbligu taż-żarmar, billi sostniet, essenzjalment, minn naħa, li s-silos in kwistjoni ma kinux jikkostitwixxu faċilitajiet ta’ produzzjoni billi kienu intiżi esklużivament għall-ħażna tal-prodott lest u, min-naħa l-oħra, li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni kienet tmur kontra r-Regolamenti Nru 320/2006 u Nru 968/2006. Ir-Repubblika Taljana tenniet il-pożizzjoni tagħha fil-laqgħa bilaterali tal‑4 ta’ Mejju 2011, fl-osservazzjonijiet tagħha tat‑2 ta’ Novembru 2011 dwar il-minuti ta’ din l-imsemmija laqgħa u matul il-proċedura ta’ konċiljazzjoni.

118    Matul il-laqgħa bilaterali tal‑4 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha li skontha s-silos kontenzjużi kellhom jiġu kkunsidrati bħala parti integrali t-faċilitajiet ta’ produzzjoni u, f’dan ir-rigward, kellhom jiġu żarmati.

119    Barra minn hekk, fis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-kunċett ta’ “faċilitajiet ta’ produzzjoni” kopra s-silos iddestinati għall-ħażna taz-zokkor tal-benefiċjarju tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan ma kienx il-każ f’żewġ każijiet (iktar ’il quddiem l-“eċċezzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja”): minn naħa, meta ntwera li s-silos kienu ntużaw biss għall-iskopijiet tal-ħażna taz-zokkor, prodott skont il-kwota, maħżun minn produtturi oħrajn jew mixtri mingħand dawn tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, fejn intużaw biss għall-ippakkjar taz-zokkor prodott banda oħra għall-iskopijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et, C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737, punti 32, 33 u 35).

120    Fid-dawl tas-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), il-Kummissjoni biddlet il-pożizzjoni tagħha rigward il-klassifikazzjoni tas-silos u, kif tfakkar fil-punti 32 u 102 iktar ’il fuq, b’ ittra tat‑28 ta’ Marzu 2014, tat lill-awtoritajiet Taljani xahrejn sabiex jipproduċu provi konvinċenti li, f’dan il-każ, is-silos kontenzjużi servew, qabel l-applikazzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna kontenzjuża, esklużivament għall-ħażna u l-ippakkjar taz-zokkor prodott taħt kwota minn produtturi oħra.

121    Ir-Repubblika Taljana ma kkonformatx ma’ din it-talba. Fil-fatt, fl-ittra tagħha tat‑30 ta’ Mejju 2014, hija llimitat ruħha li tikkontesta l-kriterju stabbilit mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, hija b’mod partikolari sostniet li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet espressament irrikonoxxiet, fis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), li s-silos tal-ħżin setgħu ma jiġux żarmati jekk kien intwera li ġew assenjati għall-ħażna taz-zokkor iddepożitat minn produtturi oħra jew mixtrija minn dawn tal-aħħar jew li kienu maħsuba għall-ippakkjar taz-zokkor prodott banda oħra. Skontha, kien għaldaqstant inutli li tevalwa liema kien l-użu tas-silos qabel l-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Fl-aħħar nett, hija indikat li l-awtoritajiet Taljani bagħtu lill-Kummissjoni d-dokumenti kollha relatati mal-proċedura ta’ ammissjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, inklużi l-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni approvati, kif ukoll ir-rapporti annwali tal-kontrolli mwettqa fil-post, li jindikaw il-faċilitajiet u t-tagħmir żarmat u dawk miżmuma, kif ukoll l-użu reali ta’ kull wieħed jew waħda minnhom.

122    Minn dak li ntqal jirriżulta li r-Repubblika Taljana ma pproduċietx provi li jippermettu li jiġi stabbilit li s-silos kontenzjużi ma kinux jikkostitwixxu faċilitajiet ta’ produzzjoni fid-data tat-talba għal għajnuna u, għaldaqstant, li teżerċita d-drittijiet tagħha ta’ difiża b’rabta ma’ din il-kwistjoni.

123    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq u fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 103 iktar ’il fuq, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ma huwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

124    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regolamenti Nri 320/2006 u 968/2006 kif ukoll tas-sentenza tal14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C187/12 sa C189/12)

125    Ir-Repubblika Taljana, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u mill-Ungerija, issostni, essenzjalment, li, fid-dawl tal-fatt li ż-żamma tas-silos kontenzjużi tipprekludi l-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, il-Kummissjoni kisret ir-Regolamenti Nru 320/2006 u Nru 968/2006 kif ukoll is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑338/12 sa C‑347/12, EU:C:2013:737).

126    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana, tar-Repubblika Franċiża u tal-Ungerija.

127    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), wara li kkonstatat li l-kunċett ta’ “faċilitajiet ta’ produzzjoni” ma ġiex iddefinit mir-Regolamenti Nru 320/2006 u Nru 968/2006, l-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-kunċett ta’ “produzzjoni” seta’ inkluda wkoll stadji oħra tal-manifattura ta’ prodott li jinsab upstream jew downstream tal-proċess kimiku jew fiżiku ta’ trasformazzjoni u, għaldaqstant, seta’ inkluda l-ħżin taz-zokkor li ma kienx ippakkjat immedjatament wara li ġie estratt mill-materja prima. B’hekk, hija kkonkludiet li l-ħażna tista’ tkun “relatata direttament mal-produzzjoni taz-zokkor” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 968/2006 (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et, C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737, punt 26). It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li s-silos kienu jistgħu jkollhom impatt dirett fuq il-kwantitajiet ta’ zokkor li setgħu jiġu prodotti u fuq il-proċess ta’ produzzjoni, li jiddependu mill-prossimità ta’ faċilità ta’ ħażna, sa fejn dawn kienu jippermettu, b’mod partikolari, li jiġi pospost, totalment jew parzjalment, il-bejgħ tal-prodott ta’ sena ta’ kummerċjalizzazzjoni taz-zokkor partikolari u b’hekk jaffettwaw is-sitwazzjoni tas-suq fis-sens tal-premessa 5 tar-Regolament Nru 320/2006 (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et, C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737, punti 27 sa 29). It-tielet nett, hija kkunsidrat, essenzjalment, li mill-Artikolu 3(3)(a) u (b) tar-Regolament Nru 320/2006 jirriżulta li, bħala prinċipju, sabiex jibbenefika minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, il-kumpless industrijali kkonċernat għandu jiġi ddekummissjonat kompletament u li l-għażla li ma jiġux żarmati jew li jibqgħu jintużaw fil-futur il-faċilitajiet li ma humiex dawk ta’ produzzjoni, filwaqt li jinżamm id-dritt għall-għajnuna sħiħa, kienet tikkostitwixxi eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et, C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737, punt 30).

128    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, fil-punt 31 tas-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-silos tal-ħażna taz-zokkor tal-benefiċjarju tal-għajnuna għandhom jiġu kklassifikati bħala faċilitajiet tal-produzzjoni, u dan irrispettivament minn jekk intużawx ukoll għal skopijiet oħra. Madankollu, il-Qorti għamlet żewġ eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju (ara l-punt 119 iktar ’il fuq).

129    F’dan il-każ, ir-Repubblika Taljana ma tikkontestax li, fi tmiem il-proċess ta’ ristrutturazzjoni, is-silos kontenzjużi kienu nżammu fuq diversi siti ta’ produzzjoni ta’ zokkor li jappartjenu lill-impriżi Taljani li bbenefikaw minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ. Hija lanqas ma tikkontesta li ma pproduċietx elementi li juru li, fil-mument fejn l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għar-ristrutturazjoni totali kienu ġew introdotti, is-silos kontenzjużi kienu jaqgħu fl-eċċezzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

130    Ir-Repubblika Taljana, sostnuta mill-Ungerija u mir-Repubblika Franċiża, tikkunsidra madankollu li ċ-ċirkustanza mfakkra fil-punt 129 iktar ’il fuq ma jistgħux jiġġustifikaw il-korrezzjoni finanzjarja li hija suġġetta għaliha.

131    Mill-premessi 1 u 5 tar-Regolament Nru 320/2006 jirriżulta li l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni huwa li tnaqqas il-kapaċità ta’ produzzjoni taz-zokkor mhux profittabbli fl-Unjoni billi tinċentiva lill-impriżi li l-produttività tagħhom hija l-iktar baxxa sabiex jabbundunaw il-produzzjoni tagħhom taz-zokkor taħt kwota u li jirrinunzjaw għall-kwoti kkonċernati.

132    Mill-premessa 5 tar-Regolament Nru 320/2006 jirriżulta wkoll li l-iskema ta’ ristrutturazzjoni hija bbażata fuq il-parteċipazzjoni volontarja tal-impriża taz-zokkor sa fejn hija għandha l-għan li tintroduċi inċentiv ekonomiku sinjifikattiv, fil-forma ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni adegwata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et, C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737, punt 44).

133    Sabiex jintlaħaq l-għan ta’ tnaqqis tal-kapaċità ta’ produzzjoni taz-zokkor mhux profittabbli fl-Unjoni, segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda żewġ reġimi ta’ ristrutturazzjoni differenti skont it-tip ta’ żarmar magħmul, jiġifieri ż-żmuntar sħiħ jew parzjali, li jwasslu għal ammont ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni differenti, kif dan jirriżulta mill-Artikolu 3(5)(a) u (b) tar-Regolament Nru 320/2006, moqri flimkien mal-premessa 4 tar-Regolament Nru 968/2006.

134    L-ewwel nett, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti għall-finijiet tal-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, l-Artikolu 3(1) (a) u (b) u l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 320/2006 jirrikjedu li l-impriża taz-zokkor rikorrenti tirrinunzja għall-kwota li hija assenjat lil fabbrika waħda jew iktar minn tagħha u twettaq l-għeluq tal-fabbrika u ż-żarmar sħiħ tal-faċilità tal-produzzjoni. Min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar parzjali, l-Artikolu 3(1)(b) u Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament Nru 320/2006 jirrikjedu li l-impriża taz-zokkor rikorrenti tirrinunzja għall-kwota assenjata minnha lil fabbrika waħda jew iktar minn waħda u li żżarma parzjalment il-faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-fabbriki kkonċernati u ma tużax iżjed il-faċilitajiet ta’ produzzjoni li jibqgħu għall-produzzjoni ta’ prodotti li jaqgħu fl-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (iktar ’il quddiem l-“OKS taz-zokkor”).

135    It-tieni nett, l-ambitu tal-obbligu ta’ żarmar tal-faċilitajiet tal-produzzjoni ġie ppreċiżat mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 968/2006.

136    Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 968/2006, l-obbligu ta’ żarmar sħiħ, imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 320/2006, jikkonċerna l-faċilitajiet meħtieġa għall-produzzjoni taz-zokkor, ta’ isoglukożju jew ta’ ġulepp tal-inulina (Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 968/2006), dawk li huma direttament relatati mal-produzzjoni taz-zokkor, ta’ isoglukożju jew ta’ ġulepp tal-inulina li huma meħtieġa għall-produzzjoni skont il-kwota rrilaxxata, anke jekk jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra (Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 968/2006), kif ukoll kwalunkwe faċilità oħra, b’mod partikolari l-faċilitajiet tal-ippakkjar, li ma hijiex qiegħda tintuża, u maħsuba sabiex jiġu żarmati u mneħħija għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent (Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 968/2006).

137    Konformement mal-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 968/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 320/2006 u mal-premessa 4 tar-Regolament Nru 968/2006, għaldaqstant jistgħu jkunu eċċezzjonalment miżmuma, fil-każ ta’ żarmar sħiħ, l-impjanti kollha minbarra dawk meħtieġa għall-produzzjoni ta’ zokkor, ta’ isoglukożju jew ta’ ġulepp tal-inulina jew li huma direttament marbuta mal-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti, bħall-faċilitajiet ta’ ppakkjar, sakemm dawn jintużaw u ma jkunux maħsuba sabiex jiġu żarmati u mneħħija għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent

138    Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 968/2006 jipprevedi li, fil-każ ta’ żarmar parzjali, l-obbligu ta’ żarmar ikopri l-installazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu (ara l-punt 136 iktar ’il fuq) li ma jkunux maħsuba sabiex jintużaw għal produzzjoni oħra jew għal użu ieħor tas-sit tal-fabbrika konformement mal-pjan ta’ ristrutturazzjoini. Barra minn hekk, mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 320/2006 jirriżulta li l-faċilitajiet ta’ produzzjoni li jistgħu jinżammu ma għandhomx jibqgħu jintużaw għall-manifattura ta’ prodotti li jaqgħu fl-OKS taz-zokkor. B’hekk, konformement skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 968/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 320/2006, jistgħu jinżammu l-faċilitajiet li kienu meħtieġa għall-produzzjoni ta’ zokkor, tal-isoglukożju jew tal-ġulepp tal-inulina jew li kienu direttament marbuta mal-produzzjoni tal-imsemmija prodotti, sakemm dawn ma jkunux użati għall-manifattura ta’ prodotti li huma koperti mill-OKS taz-zokkor u li jkunu maħsuba għal produzzjoni oħra jew għal użu ieħor tas-sit tal-fabbrika konformement mal-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

139    It-tielet nett, l-għażla bejn iż-żarmar sħiħ u ż-żarmar parzjali għandha ssir mill-impriżi taz-zokkor meta ssir l-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

140    Fil-fatt, minn qari flimkien tal-Artikolu 4(2)(a)(c), (d) u (e), u l-Artikolu 4(3)(c) u (h) tar-Regolament Nru 320/2006 kif ukoll l-Artikolu 9(2)(a) u (c) tar-Regolament Nru 968/2006, li applikazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għandha tinkludi, b’mod partikolari, l-impenn tal-applikant tal-għajnuna, minn naħa, li jirrinunzja għall-kwota inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, sabiex iżarma b’mod sħiħ jew parzjalment il-faċilitajiet ta’ produzzjoni f’terminu li għandu jkun stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll pjan ta’ ristrutturazzjoni li fih, fost affarijiet oħrajn, deskrizzjoni teknika kompleta tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni kkonċernati, sommarju tal-miżuri u l-azzjonijiet kif ukoll l-istima tal-ispejjeż ta’ dawn il-miżuri u azzjonijiet, il-pjan finanzjarju u l-kalendarju ta’ miżuri differenti maħsuba.

141    Konformement mad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 140 iktar ’il fuq, huwa għaldaqstant mhux iktar tard mill-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ jew parzjali, li l-benefiċjarju tal-għajnuna għandu jkun identifika l-faċilitajiet kollha ta’ produzzjoni li għandha l-ħsieb li żżarma konformement mal-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Dan ifisser għaldaqstant, fir-rigward tas-silos kontenzjużi, li tiġi ddeterminata l-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna jekk jikkostitwixxu faċilitajiet ta’ produzzjoni li ż-żarmar tagħhom għandu jkun obbligatorjament previst mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni meta hija titlob l-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, fejn jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

142    Kwalunkwe interpretazzjoni kuntrarja ċċaħħad fis-sustanza tagħhom ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 320/2006 u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 968/2006 u, barra minn hekk, tmur kontra d-distinzjoni bejn żarmar parzjali u żarmar sħiħ magħmula mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara l-punt 133 iktar ’il fuq).

143    F’dan ir-rigward, minn naħa, fl-ipoteżi fejn, fid-data tal-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, l-impriżi taz-zokkor ma jkunux jafu jekk is-silos preżenti fis-siti tagħhom tal-produzzjoni jikkostitwixxux jew le faċilitajiet ta’ produzzjoni, dawn ma jkunux imsemmija fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni bħala faċilitajiet ta’ produzzjoni li għandhom ikunu żarmati, bi ksur tal-Artikolu 4(3)(c) tar-Regolament Nru 320/2006 (ara l-punt 140 iktar ’il fuq).

144    Barra minn hekk, l-impenn li jiżżarmaw il-faċilitajiet ta’ produzzjoni kollha, li għandu jiġi mehmuż mal-applikazzjoni ta’ għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar totali (ara l-punt 140 iktar ’il fuq), huwa vvizzjat peress li, ipotetikament, ma jirrigwardax it-totalità ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni eżistenti fil-jum meta l-imsemmi impenn ittieħed).

145    Min-naħa l-oħra, jekk il-klassifikazzjoni ta’ silos bħala impjanti ta’ produzzjoni kienet evalwata fl-aħħar tal-proċess tar-ristrutturazzjoni, dan kien jippermetti, fil-każ ta’ żarmar sħiħ bħal fil-każ ta’ żarmar parzjali, li jinżammu silos li, fid-data tal-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna, jikkostitwixxu impjanti ta’ produzzjoni minħabba li, wara r-ristrutturazzjoni, ma jkunux jistgħu jibqgħu jintużaw bħala faċilitajiet ta’ produzzjoni taz-zokkor. Għaldaqstant, il-possibbiltà ta’ żamma ta’ parti mill-faċilitajiet ta’ produzzjoni ma tkunx iktar tipika ta’ żarmar parzjali, iżda testendi wkoll għal żarmar sħiħ, anki jekk, minħabba l-ispejjeż għoljin marbuta maż-żarmar sħiħ, l-operaturi ser jirċievu ammont ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ 25 % ogħla minn dak mogħti fil-każ ta’ żarmar parzjali, kif dan jirriżulta mill-Artikolu 3(5)(a) u (b) tar-Regolament Nru 320/2006 u mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 968/2006.

146    Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-Repubblika Taljana, ir-Repubblika Franċiża u l-Ungerija, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li huwa fid-data tal-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni li għandha tiġi evalwata l-klassifikazzjoni tas-silos.

147    Il-konklużjoni preċedenti ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti invokati mir-Repubblika Taljana, mill-Ungerija u mir-Repubblika Franċiża.

148    Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Taljana ssostni li, fir-rigward ta’ silos intiżi għall-attività ta’ ppakkjar, il-kriterju stabbilit mill-Kummissjoni ma huwiex konformi mal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni tal-impjieg u tal-attività ta’ impriżi kkonċernati mir-ristrutturazzjoni. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tippermetti espressament ż-żamma tal-attivitajiet ta’ ppakkjar u tal-faċilitajiet meħtieġa għal dan il-għan. Issa, huwa paċifiku li, skontha, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-attività tal-ippakkjar, huwa dejjem meħtieġ li jkun hemm silos. Għaldaqstant, jekk silo użat għal-ippakkjar kien twaqqa’, dan iwassal għall-waqfien tal-attività tal-impriża kkonċernata u t-telf tal-impjiegi, li jmur kontra l-għan imfakkar preċedentement.

149    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li diversi dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 320/2006 u 968/2006 jikkonfermaw l-importanza li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu fuq is-sitwazzjoni tal-impjiegi fir-reġjuni affettwati mir-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor. Pereżempju, mill-Artikolu 3(3)(c) u l-Artikolu 3(4)(c) tar-Regolament Nru 320/2006 jirriżulta li ż-żarmar sħiħ u ż-żarmar parzjali tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni jeħtieġu t-teħid ta’ miżuri mmirati sabiex jiġi ffaċilitat it-teħid ta’ miżuri sabiex tiġi ffaċilitata l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema. Barra minn hekk, fil-każ ta’ żarmar parzjali, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 968/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 320/2006, jawtorizza ż-żamma tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni bil-għan li jiġu allokati mill-ġdid għall-manifattura ta’ prodotti minbarra dawk li jaqgħu fl-OKS taz-zokkor (ara l-punt 138 iktar ’il fuq), sabiex b’hekk jinżammu l-impjiegi fis-siti preċdedenti antiki ta’ produzzjoni taz-zokkor. Bl-istess mod, l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 968/2006, moqri fid-dawl tal-premessa 4 ta’ dan l-istess regolament jippermetti, fil-każ ta’ żarmar totali, iż-żamma ta’ faċilitajiet minbarra dawk meħtieġa għall-produzzjoni taz-zokkor, l-isoglukożju jew il-ġulepp tal-inulina jew li huma direttament marbuta mal-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti, bħal pereżempju l-faċilitajiet ta’ ppakkjar, li jintużaw u ma humiex maħsuba sabiex jiġu żarmati u mneħħija għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent (ara l-punt 137 iktar ’il fuq).

150    Madankollu, l-għan ta’ protezzjoni tal-impjieg u l-attività tal-impriżi kkonċernati mir-ristrutturazzjoni għandu jiġi evalwat flimkien mal-għan prinċipali tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, jiġifieri t-tnaqqis fil-kapaċità ta’ produzzjoni taz-zokkor mhux profittabbli fl-Unjoni, konformement mal-premessi 1 u 5 tar-Regolament Nru 320/2006 (ara l-punt 131 iktar ’il fuq).

151    Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali invokati mir-Repubblika Taljana ma jistgħux jiġġustifikaw l-interpretazzjoni tagħha tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li tippreġudika d-distinzjoni essenzjali li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ried jistabbilixxi bejn iż-żarmar parzjali u totali (ara l-punti 133, 134 u 145 iktar ’il fuq), u għaldaqstant, hija kuntrarja għall-imsemmija leġiżlazzjoni.

152    Għaldaqstant hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Taljana.

153    Fit-tieni lok, ir-Repubblika Taljana, l-Ungerija u r-Repubblika Franċiża jargumentaw, essenzjalment, li l-obbligu li jiġu żarmati kompletament il-faċilitajiet tal-produzzjoni jista’ jkun issodisfatt anki jekk is-silos intiżi għall-ippakkjar ma jiġux meqruda, peress li jkun hemm rinunzja għall-kwota tal-produzzjoni u, konsegwentement, waqfien definittiv tal-produzzjoni taz-zokkor.

154    Mill-punti 133, 134 u 145 iktar ’il fuq, jirriżulta li, sabiex jintlaħaq l-għan ta’ tnaqqis tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ zokkor mhux profittabbli fl-Unjoni segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda żewġ skemi ta’ ristrutturazzjoni differenti skont it-tip ta’ żarmar imwettaq, li jwasslu għal ammont ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni differenti. Barra minn hekk, kif indikat fil-punti 139 sa 141 iktar ’il fuq, l-għażla bejn iż-żarmar parzjali u ż-żarmar sħiħ jimplika li l-impriża li titlob għajnuna għar-ristrutturazzjoni tidentifika, malli ssir it-talba għall-għoti tal-għajnuna, il-faċilitajiet kollha ta’ produzzjoni preżenti fuq is-sit ikkonċernat li hija timpenja ruħha li teqred kompletament jew parzjalment sa mhux iktar tard mit-tmiem tal-proċess ta’ ristrutturazzjoni.

155    Għaldaqstant, il-loġika tas-sistema implimentata mil-leġiżlatur tal-Unjoni hija li l-identifikazzjoni tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni li għandhom jiġu żarmati ssir meta ssir l-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ungerija, il-kriterju stabbilit mill-Kummissjoni ma jmurx kontra l-istruttura tas-sistema ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor.

156    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-argumenti invokati mir-Repubblika Taljana, l-Ungerija u r-Repubblika Franċiża għandhom jiġu miċħuda.

157    Fit-tielet lok, ir-Repubblika Taljana tikkritika lill-Kummissjoni talli din irrikjediet, f’ittra tat‑28 ta’ Marzu 2014, li hija turi li silos tal-ippakkjar inkwistjoni kienu użati biss għall-ippakkjar taz-zokkor prodott minn produtturi oħra. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, iż-żamma ta’ silos għall-ippakkjar kienet awtorizzata mill-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 968/2006 u, għaldaqstant, kien irrilevanti li z-zokkor għall-ippakkjar ġej minn produtturi oħra jew mill-operatur tal-faċilità. Barra minn hekk, hija ssostni, bħar-Repubblika Franċiża, li mill-punt 33 tas-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), jirriżulta li s-silos għall-ippakkjar jevitaw li jiġu kklassifikati bħala faċilitajiet tal-produzzjoni jekk iz-zokkor maħżun fl-imsemmija silos huwa “prodott band’oħra skont il-kwota”, filwaqt li, għas-silos tal-ħażna, huwa meħtieġ, konformement mal-punt 32 tas-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), li z-zokkor kien inxtara minn produtturi oħra.

158    L-ewwel nett, diġà ġie indikat fil-punti 136 u 137 iktar ’il fuq li l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 968/2006 jippermetti biss iż-żamma ta’ faċilitajiet minbarra dawk ta’ produzzjoni. Għaldaqstant, huwa ġustament li l-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Taljana li turi, essenzjalment, li s-silos ta’ ppakkjar kontenzjużi, li l-preżenza tagħhom fuq is-siti ta’ produzzjoni żarmati kien ġie kkonstatat fil-kuntest tal-investigazzjoni EX/2010/010/IT, kienu jaqgħu taħt waħda mill-eċċezzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-data tal-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u b’hekk jevitaw il-klassifikazzjoni ta’ faċilità ta’ produzzjoni.

159    It-tieni nett, fis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013 SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737, punti 26 u 31), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li silo li huwa użat għall-ħażna taz-zokkor tal-benefiċjarju tal-għajnuna jikkostitwixxi faċilità direttament marbuta mal-produzzjoni taz-zokkor fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 968/2006. Għaldaqstant huwa ma jaqax taħt faċilitajiet oħra, b’mod partikolari tal-ippakkjar, imsemmija fl-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 968/2006, li ż-żamma tagħhom tista’ tiġi aċċettata fil-każ ta’ żarmar totali sakemm dawn jintużaw u ma jkunux maħsuba sabiex jiġu żarmati u mneħħija għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent.

160    Għaldaqstant, l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 968/2006 ma jistax jippermetti ż-żamma ta’ silos li kienu użati għall-ħażna tal-produzzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna, peress li l-imsemmija żamma tista’ sseħħ biss fil-każ ta’ żarmar parzjali u sakemm, fi tmiem ir-ristrutturazzjoni, l-imsemmi silo ma jibqax jintuża għall-manifattura ta’ prodotti li jaqgħu fl-OKS taz-zokkor.

161    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument invokat mill-Ungerija fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li skontha l-premessa 4 tar-Regolament Nru 968/2006 tagħmel distinzjoni, fi ħdan il-faċilitajiet ta’ produzzjoni, bejn sottogrupp ta’ faċilitajiet “li ma humiex parti mil-linja ta’ produzzjoni”, inklużi s-silos ta’ ħażna taz-zokkor, u li ż-żamma tagħhom tkun ammessa indipendentement min-natura totali jew parzjali taż-żarmar.

162    It-tielet nett, matul il-proċedura ta’ clearance inkwistjoni, ir-Repubblika Taljana ma wrietx, u lanqas sostniet li fid-data tal-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, is-silos kontenzjużi kienu użati għall-ippakkjar taz-zokkor prodott banda oħra mill-benefiċjarju tal-għajnuna skont kwota oħra ta’ produzzjoni. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-argument tar-Repubblika Taljana li skontu, essenzjalment, is-silos għall-ippakkjar u t-tgeżwir ta’ zokkor “prodott band’oħra skont il-kwota” jaqgħu taħt waħda mill-eċċezzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li dan ma jikkontestax il-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni li s-silos kontenzjużi ma kinux jaqgħu taħt waħda mill-eċċezzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-data tal-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

163    Għaldaqstant hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Taljana.

164    Fir-raba’ lok, ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment, li l-konsegwenzi tal-korrezzjoni finanzjarja applikata mill-Kummissjoni u taż-żarmar tas-silos kontenzjużi huma sproporzjonati fir-rigward tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li skontha jintlaħqu kompletament bir-rilaxx tal-kwota u bil-waqfien definittiv tal-produzzjoni taz-zokkor li jirriżulta minn dan.

165    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma timponix il-qerda tas-silos ħlief fil-każ taż-żarmar sħiħ. Tali obbligu ma jidhirx sproporzjonat fir-rigward tal-għan ta’ tnaqqis tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ zokkor mhux profittabbli fl-Unjoni segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

166    Sussegwentement, il-konservazzjoni ta’ silos, anki jekk ikunu kklassifikati bħala faċilitajiet ta’ produzzjoni fil-mument tal-applikazzjoni għall-għajnuna, għandha tiġi aċċettata fil-każ ta’ żarmar parzjali. F’dan il-każ, l-impriża benefiċjarja tal-għajnuna ma għandhiex iżżarma s-silos u tista’ tkompli teżerċita attivitajiet ekonomiċi fuq is-sit ta’ produzzjoni parzjalment żarmat. Għal dawn ir-raġunijiet, hija ser tirċievi ammont tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ 25 % inqas minn dak li hija kienet tikseb fil-każ ta’ żarmar sħiħ.

167    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma timponix fuq ir-Repubblika Taljana li twettaq il-qerda tas-silos kontenzjużi, iżda li tagħmel korrezzjoni finanzjarja ta’ 25 %, li tikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ u dak tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar parzjali.

168    Finalment, għamdu jitfakkar li, fir-rigward tal-kwistjoni tal-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), li din tal-aħħar tippermetti lill-produttur jiddeċiedi liberament jekk jixtieqx jibbenefika mill-għajnuna, li jagħżel il-fabbrika li għaliha jirrinunzja għall-kwota korrispondenti u, jekk ikun il-każ, li jagħżel bejn żarmar sħiħ jew biss parzjali tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni. Hija ddeċidiet ukoll li l-benefiċċju li l-produttur seta’ jislet mill-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għalhekk iddependa, fil-parti l-kbira, mill-għażliet magħmula minnu stess. Għaldaqstant, hija kkonkludiet li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma kinitx sproporzjonata (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et, C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737, punti 44 sa 46).

169    Għaldaqstant hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Taljana.

170    Fil-ħames lok, l-Ungerija u r-Repubblika Franċiża jsostnu li l-kriterju stabbilit mill-Kummissjoni ma jiħux inkunsiderazzjoni n-natura staġjonali tal-produzzjoni taz-zokkor u jikkontesta l-applikabbiltà prattika tal-eċċezzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja.  F’dan ir-rigward, huma jfakkru li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għandhom jiġu ppreżentati lill-Istat Membru sal-iktar tard il-31 ta’ Jannar ta’ qabel is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li matulha l-kwota għandha tkun irrilaxxata, konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 320/2006. Issa, peress li din id-data tinsab fiċ-ċiklu staġonali tal-produzzjoni taz-zokkor, huwa probabbli ħafna li s-silos ikunu għadhom impenjati fil-produzzjoni taz-zokkor taħt kwota tal-applikant għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, minħabba l-karatteristiċi tagħhom ta’ tħaddim u ta’ użu. L-Ungerija ssostni li għaldaqstant ma huwiex realistiku li, f’din id-data, l-impriżi jaħżnu fis-silos esklużivament iz-zokkor prodott banda oħra. Ir-Repubblika Franċiża żżid, f’dan ir-rigward, li huwa rari għal impriża li jkollha, fl-istess post, faċilità ta’ produzzjoni taz-zokkor skont il-kwota tagħha u silos li jintużaw għall-ħażna, għall-ippakkjar jew il-ħażna taz-zokkor prodott taħt kwota minn produtturi oħra.

171    Minn naħa, il-fatt li jkun diffiċli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-eċċezzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-data tal-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma jfissirx li l-imsemmija kundizzjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfatti. Barra minn hekk il-Kummissjoni pproduċiet is-sentenza Nru 2966 tal‑15 ta’ Ġunju 2015 tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li minnha jirriżulta li, fuq tliet silos preżenti fid-data tal-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, silo kien intuża għall-ħażna taz-zokkor prodott fis-sit tal-produzzjoni tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna, filwaqt li ż-żewġ silos l-oħra kienu jservu għall-ħażna u l-ippakkjar taz-zokkor prodott minn produtturi oħra.

172    Min-naħa l-oħra, iż-żamma ta’ silos li ma jikkostitwixxux faċilitajiet ta’ produzzjoni hija eċċezzjoni għar-regola mfakkra mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 30 tas-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), li skontha l-kumpless industrijali kkonċernat għandu, għall-iskopijiet tal-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, jiġi ddekummissjonat kollu kemm hu. Għaldaqstant, il-fatt li l-evalwazzjoni tal-użu tas-silos fid-data tal-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni rarament twassal għall-esklużjoni tal-klassifikazzjoni tagħhom bħala faċilitajiet ta’ produzzjoni hija biss il-konsegwenza tal-fatt li l-għażla li ma jiżżarmawx jew saħansitra li jkomplu jintużaw fil-futur faċilitajiet minbarra dawn tal-produzzjoni, filwaqt li jinżamm id-dritt għal għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola mfakkra mill-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et, C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737, punt 30).

173    Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tal-Ungerija u tar-Repubblika Franċiża.

174    Fis-sitt lok, l-Ungerija ssostni, essenzjalment, li l-kriterju stabbilit mill-Kummissjoni jmur kontra l-marġni ta’ diskrezzjoni fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni li għandhom l-impriżi taz-zokkor skont il-leġiżlazzjoni applikabbli u, b’mod partikolari, l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 968/2006. Ir-Repubblika Franċiża, min-naħa tagħha ssostni li mill-possibbiltà li jiġi emendat il-pjan ta’ ristrutturazzjoni previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 968/2006 jirriżulta li l-użu preċiż li għandu jsir mis-silos li jinżammu jista’ jevolvi matul il-proċess ta’ żarmar. B’hekk, skontha, in-natura evoluttiva tal-proċess ta’ żarmar tipprekludi l-evalwazzjoni tal-użu tas-silos fid-data tal-applikazzjoni għall-għajnuna. L-Ungerija tissottometti, essenzjalment, li l-kriterju tal-Kummissjoni huwa kuntrarju għall-marġni ta’ manuvra fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni disponibbli għall-impriżi taz-zokkor skont il-leġiżlazzjoni applikabbli u, b’mod partikolari, l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 968/2006.

175    Minn naħa waħda, il-marġni ta’ manuvra fl-istabbiliment tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni disponibbli għall-benefiċjarji tal-għajnuna, kif ukoll is-setgħa li jiġi modifikat dan il-pjan ta’ ristrutturazzjoni konformement mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 968/2006, ma jiksrux id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 320/2006 u tar-Regolament Nru 968/2006 u, b’mod partikolari, l-obbligu essenzjali ta’ żarmar tal-faċilitajiet tal-produzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 320/2006 li, fil-każ ta’ żarmar sħiħ, jimplika l-qerda ta’ kwalunkwe faċilità ta’ produzzjoni eżistenti fil-jum tal-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna.

176    Min-naħa l-oħra, l-argumenti tal-Ungerija u tar-Repubblika Franċiża ma jiħdux inkunsiderazzjoni d-distinzjoni bejn żarmar sħiħ u żarmar parzjali, li madankollu hija konsostanzjali mal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara l-punti 133 u 145 iktar ’il fuq). Issa, il-possibbiltà li jinżammu l-faċilitajiet ta’ produzzjoni, fosthom is-silos, tista’ sseħħ biss fil-każ ta’ żarmar parzjali u permezz ta’ ammont ta’ għajnuna inqas minn dak li ġie pperċepit fil-każ li l-faċilitajiet kollha ta’ produzzjoni ser ikunu żarmati.

177    Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tal-Ungerija u tar-Repubblika Franċiża.

178    Fis-seba’ u l-aħħar lok, ir-Repubblika Franċiża ssostni, essenzjalment, li mill-użu tal-indikattiv futur fil-verżjoni Franċiża tal-espressjoni “tal-faċilitajiet tal-produzzjoni li mhux ser jintużaw”, użata fl-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament Nru 320/2006 jirriżulta li l-kundizzjoni marbuta mal-użu tal-faċilitajiet miżmuma fuq sit ta’ produzzjoni ma tistax tiġi evalwata fid-data tat-talba għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

179    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament Nru 320/2006, fil-każ ta’ żarmar parzjali, huwa permess li jinżammu parti mill-faċilitajiet ta’ produzzjoni u li jiġu żarmati dawk li, ipotetikament, ma humiex ser jibqgħu jintużaw mill-benefiċjarju tal-għajnuna fi tmiem ir-ristrutturazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 968/2006 jippreċiża, f’dan ir-rigward, li għandhom jiġu żarmati l-faċilitajiet kollha “[…] li ma jkunux intenzjonati biex jintużaw għal produzzjoni oħra jew għal użu ieħor tas-sit tal-fabbrika f’konformità mal-pjan ta’ ristrutturar”.

180    B’hekk, minn qari flimkien tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 179 iktar ’il fuq jirriżulta li l-benefiċjarju ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar parzjali għandu jkun jaf, mill-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, liema huma l-faċilitajiet ta’ produzzjoni li beħsiebu ma jużax iktar fi tmiem ir-ristrutturazzjoni u jsemmihom fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

181    F’dan il-kuntest, l-użu tal-futur indikattiv fil-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament Nru 320/2006 ma jistax jostakola l-kriterju stabbilit mill-Kummissjoni.

182    Għaldaqstant għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Franċiża.

183    Peress li l-ebda wieħed mill-argumenti invokati mir-Repubblika Taljana, l-Ungerija u r-Repubblika Franċiża ma huwa fondat, għandha tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tieni motiv u, għaldaqstant, it-tieni motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ kooperazzjoni leali, ne bis in idem u ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll tad-dmir ta’ premura

184    Dan il-motiv huwa essenzjalment magħmul minn żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll tad-dmir ta’ premura. I-ttieni parti hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

185    Għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, it-tieni parti u insegwitu l-ewwel parti tat-tielet motiv.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem

186    Ir-Repubblika Taljana tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, għar-raġuni, essenzjalment, li l-investigazzjoni preċedenti tal-Kummisjoni EX/2008/008/IT kienet tirrigwarda kwistjonijiet identiċi għal dawk li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni EX/2010/010/IT.

187    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana.

188    Mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwiex applikabbli fil-kuntest tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li l-investigazzjonijiet EX/2008/008/IT u EX/2010/10/IT kellhom għanijiet differenti. Fil-fatt, mill-ittra ta’ missjoni dwar l-investigazzjoni EX/2008/008/IT, mibgħuta mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Taljani permezz ta’ faks tal‑10 ta’ Ottubru 2008, jirriżulta li l-Kummissjoni xtaqet essenzjalment tanalizza u tiddiskuti kontrolli dwar il-produzzjoni u l-movimenti taz-zokkor għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006–2007, kif ukoll ir-rapporti ta’ kontroll eżistenti. Min-naħa l-oħra, mill-ittra ta’ missjoni dwar l-investigazzjoni EX/2010/10/IT, mibgħuta mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Taljani permezz ta’ faks tat‑30 ta’ Awwissu 2010, jirriżulta li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li żżur is-siti ta’ produzzjoni tal-impriżi Taljani benefiċjarji tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, tiddiskuti l-kontrolli tal-miżuri dwar ir-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor u teżamina l-pagamenti magħżula.

189    Barra minn hekk, fir-rigward tal-investigazzjoni EX/2008/008/IT, għandu jiġi rrilevat li, fit‑8 ta’ April 2009, il-Kummissjoni kienet bagħtet lill-awtoritajiet Taljani komunikazzjoni fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006, li tikkonsisti f’ittra u f’anness, li, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, hija kkomunikat lill-awtoritajiet Taljani r-riżultati tal-imsemmija investigazzjoni, stipulati fl-anness inkwistjoni. Fiha kien hemm indikat, fost affarijiet oħra, li, “b’mod ġenerali, is-siti ta’ produzzjoni ta’ Eridania [Sadam] inkwistjoni diġà ġew imwaqqa’ u fuq il-post għad hemm ċerti silos ta’ ħażna u makkinarju tal-ippakkjar skont [u li s]kont l-ispetturi, sa dak il-mument ma kienx hemm problemi” (ara t-tielet paragrafu tal-punt 1.1). Madankollu, din is-silta mill-komunikazzjoni tat‑8 ta’ April 2009, meħuda mill-anness inkluż fiha, tirreferi għad-dikjarazzjonijiet tal-ispetturi tekniċi tal-Agenzia per Erogazioni f’Agricoltura (AGEA) (l-Aġenzija għall-Għoti ta’ Għajnuna fis-Settur Agrikolu, l-Italja) magħmul matul iż-żjara tal-Kummissjoni fis-sede amministrattiva ta’ Eridania Sadam, (ara l-ewwel paragrafu tal-punt 1.1), dikjarazzjonijiet li l-Kummissjoni sempliċement irrappurtat fil-kuntest tal-espożizzjoni tar-riżultati tal-investigazzjoni EX/2008/008/IT, mingħajr ma siltet konsegwenzi minnha.

190    Barra minn hekk, il-fatt li, fil-kuntest tal-investigazzjoni EX/2008/008/IT, il-Kummissjoni talbet il-komunikazzjoni tar-rapporti ta’ kontroll u ta’ informazzjoni dwar il-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni ta’ żewġ impriżi Taljani li pparteċipaw fil-programm ta’ ristrutturazzjoni ma jippermettix li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet eżaminat il-kwistjoni taż-żarmar effettiv tal-faċilitajiet kollha tal-produzzjoni, inklużi s-silos kontenzjużi.

191    It-tieni nett, fil-kuntest tal-investigazzjoni EX/2010/010/IT, fl-osservazzjonijiet tagħha tat‑2 ta’ Novembru 2011 fuq il-minuti tal-laqgħa bilaterali tal‑4 ta’ Mejju 2011, ir-Repubblika Taljana espressament sostniet li din l-investigazzjoni u l-investigazzjoni EX/2008/008/IT kienu differenti u, b’mod partikolari, li l-ewwel komunikazzjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2010, minn naħa, ma tinkludi l-ebda riferiment għall-investigazzjoni EX/2008/008/IT u għall-ispezzjonijiet imwettqa f’dan il-kuntest u, min-naħa l-oħra, kienet issemmi biss fatti jew ċirkustanzi identifikati biss matul l-investigazzjoni EX/2010/010/IT.

192    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ non bis in idem għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll tad-dmir ta’ premura

193    Ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll id-dmir ta’ premura, sa fejn hija kienet taf il-pożizzjoni tal-awtoritajiet Taljani fir-rigward tal-konservazzjoni tas-silos kontenzjużi fil-każ ta’ żarmar sħiħ, iżda ma ressqet l-ebda oġġezzjoni f’dan ir-rigward sal-investigazzjoni EX/2010/010/IT. Skontha, il-fatt tal-inklużjoni mill-ġdid tal-kwistjoni tas-silos kontenzjużi fl-investigazzjoni EX/2010/010/IT jikkostitwixxi wkoll ksur tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll tad-dmir ta’ premura.

194    Ir-Repubblika Franċiża ssostni, min-naħa tagħha, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali sa fejn, minkejja li l-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ “faċilitajiet ta’ produzzjoni” kienet evolviet matul iż-żmien, hija għadha ma informatx lill-Istati Membri kollha, u dan, skontha, kien ħoloq inugwaljanzi fit-trattament bejn l-imsemmija Stati Membri.

195    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana.  Barra minn hekk, hija tqis li l-argumenti mressqa mir-Repubblika Franċiża insostenn tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali huma riflessi f’motiv li ma tqajjimx mir-Repubblika Taljana u li, għaldaqstant, huwa inammissibbli.

196    Fl-ewwel lok, għar-raġunijiet esposti fil-punti 188 sa 191 iktar ’il fuq, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-Repubblika Taljana li skontha l-Kummissjoni inkludiet mill-ġdid il-kwistjoni tas-silos kontenzjużi fl-investigazzjoni EX/2010/010/IT bi ksur tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll tad-dmir ta’ premura.

197    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(3) TUE, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati.

198    Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali huwa minnu nnifsu ta’ natura reċiproka. Fil-fatt, huwa jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiġu ggarantiti l-portata u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni u jimponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali mal-Istati Membri (sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2003, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑339/00, EU:C:2003:545, punti 71 u 72, u tas‑6 ta’ Novembru 2014, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑632/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:934, punt 34).

199    Mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 198 iktar ’il fuq jirriżulta li, f’dan il-każ, l-Istati Membri kellhom jiżguraw li jitneħħew l-inċertezzi fir-rigward tal-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, jekk ikun il-każ, billi jistaqsu l-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li jagħtu għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ lil impriżi li riedu jżommu silos u dan iktar u iktar peress li, konformement mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 320/2006, id-deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni kellha titieħed mill-Istat Membru li quddiemu tressqet tali applikazzjoni.

200    F’każ ta’ dubji dwar l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, kienet ir-Repubblika Taljana li kellha tistaqsi lill-Kummissjoni.

201    Issa, mill-proċess tal-kawża ma jirriżultax li r-Repubblika Taljana espressament staqsiet lill-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li żżomm is-silos kontenzjużi u tibbenefika minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ. B’mod partikolari, għandu jiġi kkonstatat li din il-kwistjoni ma kinitx tqajmet mill-awtoritajiet Taljani f’faks tat‑22 ta’ Marzu 2006 mibgħuta lill-Kummissjoni sabiex tikseb kjarifiki dwar l-interpretazzjoni tal-abbozz tar-Regolament Nru 968/2006 fir-rigward, b’mod partikolari, taż-żarmar sħiħ. Ir-rapport tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni tal‑10 ta’ Frar 2013 jikkonferma wkoll li r-Repubblika Taljana ma kinitx parti mis-sitt Stati Membri li għamlu mistoqsijiet speċifiċi dwar l-inklużjoni ta’ silos fl-operazzjonijiet ta’ żarmar.

202    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tiddikjara l-pożizzjoni tagħha dwar tas-silos kontenzjużi qabel l-investigazzjoni EX/2010/010/IT.

203    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Franċiża, imfakkar fil-punt 194 iktar ’il fuq, peress li, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, ma setax jiġi rikjest mill-Kummissjoni li hija tikkomunika l-pożizzjoni tiegħu dwar iż-żarmar ta’ silos għall-Istati Membri kollha.

204    Fl-aħħar nett, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, jistipula li t-talbiet fir-rikors għal intervent għandhom ikunu intiżi biss sabiex isostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, l-Artikolu 145(2) tar-Regoli tal-Proċedura jistipula li n-nota ta’ intervent tikkonsisti, b’mod partikolari, fit-talbiet tal-intervenjent li jsostnu jew jiċħdu, għal kollox jew parzjalment, il-konklużjonijiet ta’ waħda mill-partijiet, kif ukoll il-motivi u l-argumenti invokati mill-intervenjent.

205    Skont il-ġurisprudenza, dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-intervenjent id-dritt li jressaq b’mod awtonomu mhux biss argumenti, iżda wkoll motivi, sakemm dawn ikunu intiżi sabiex isostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali u ma jkunux totalment mingħajr ebda rabta mal-kunsiderazzjonijiet li fuqhom tkun ibbażata l-kawża hekk kif ġiet ikkostitwita bejn ir-rikorrent u l-konvenut, b’mod li jbiddlu s-suġġett tal-kawża (ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2011, Regione autonoma della Sardegna et vs Il-Kummissjoni, T‑394/08, T‑408/08, T‑453/08 u T‑454/08, EU:T:2011:493, punti 41 u 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑14 ta’ Jannar 2016, Doux vs Il-Kummissjoni, T‑434/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:7, punt 74 u l-ġurisprudenża ċċitata).

206    F’dan il-każ, billi ssostni, essenzjalment, li l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ żarmar ta’ silos għall-finijiet tal-kisba ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ għall-Istati Membri kollha kienet toħloq inugwaljanza fit-trattament bejn l-imsemmija Stati Membri, ir-Repubblika Franċiża tinvoka motiv awtonomu li ma għandux bażi la fir-rikors u lanqas fir-risposta.

207    Minn dan isegwi li l-motiv invokat mir-Repubblika Franċiża ma huwiex marbut mas-suġġett tat-tilwima kif iddefinit mill-partijiet prinċipali u jimmodifika għaldaqstant il-kuntest ta’ din it-tilwima. Għaldaqstant, huwa għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 205 iktar ’il fuq.

208    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dritt li wieħed jibbaża fuq il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li billi tagħtih assigurazzjonijiet preċiżi, l-amministrazzjoni tal-Unjoni toħloq fih tamiet fondati. B’hekk, informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konkordanti, li toħroġ minn sorsi awtorizzati u ta’ min joqgħod fuqhom, tikkostitwixxi tali assigurazzjoni, tkun xi tkun il-forma li fiha tiġi kkomunikata. Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija lilu mill-amministrazzjoni (ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2012, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑356/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:418, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Novembru 2015, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑255/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:838, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata).

209    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana ma wrietx l-eżistenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li hija kienet irċeviet mill-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li jinżammu s-silos inkwistjoni fil-każ taż-żarmar sħiħ.

210    L-ewwel nett, il-fatt li l-Kummissjoni ma oġġezzjonatx għaż-żamma tas-silos inkwistjoni fl-investigazzjoni EX/2008/008/IT ma tistax tiġi assimilata għal teħid ta’ pożizzjoni mill-istituzzjoni, li japprova l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni magħmula mill-awtoritajiet Taljani. Fil-fatt, manifestazzjoni espressa u ċara mill-Kummissjoni biss setgħet tħallihom jikkonkludu li din l-istituzzjoni kienet approvat iż-żamma tas-silos kontenzjużi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2011, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑106/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:740, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

211    It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li tiddikjara r-Repubblika Taljana, mill-punt 189 iktar ’il fuq jirriżulta, li, matul l-investigazzjoni EX/2008/008/IT, il-Kummissjoni ma kkonstatatx il-preżenza ta’ silos fuq is-siti ta’ produzzjoni ta’ ċerti impriżi Taljani u llimitat ruħha li tieħu nota tal-informazzjoni kkomunikata f’dan ir-rigward mill-ispetturi tekniċi mill-AGEA. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, f’dak iż-żmien, l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ristrutturazzjoni kienet għadha għaddejja u, għaldaqstant, iż-żamma tas-sajlos ma kinitx illegali (ara l-punt 74 iktar ’il fuq).

212    It-tielet nett, ma jikkostitwixxix assigurazzjoni preċiża fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 208 iktar ’il fuq, il-fatt imsemmi mir-Repubblika Taljana li l-Kummissjoni ma oġġezzjonatx meta rċeviet il-kopja tal-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni adottati mill-benefiċjarji tal-għajnuna, kif approvati mill-awtoritajiet Taljani, li minnu jirriżulta li kien maħsub li jinżammu s-silos kontenjzużi.

213    F’dan ir-rigward, minn naħa, l-assenza ta’ oġġezzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni ma tikkostitwixxix, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 210 iktar ’il fuq, manifestazzjoni espressa u ċara ta’ dak li din l-istituzzjoni kienet approvat iż-żamma tas-silos kontenzjużi. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 320/2006, id-deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni hija tal-Istati Membri u mhux tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 968/2006 jirriżulta li l-Istati Membri huma l-uniċi responsabbli sabiex jevalwaw l-ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u sabiex jivverifika li l-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha elenkati fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu. Finalment, għandu jiġi kkonstatat, bħall-Kummissjoni li, skont l-Artikolu 10(4) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 968/2006, l-istituzzjoni tirċievi kopja tal-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni approvati mill-Istati Membri mingħajr ma jkun rikjest minnha li tagħmel osservazzjonijiet dwar l-imsemmija pjanijiet.

214    Waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li, meta hija kienet tirċievi l-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni, hija wettqet stħarriġ għal skopijiet “ta’ statistika”, fis-sens ekonomiku tat-terminu, li kienet intiża, essenzjalment, sabiex tivverifika l-impatt tar-ristrutturazzjoni tal-impriża kkonċernata dwar it-tnaqqis tal-kwoti kif ukoll il-baġits li għandhom jiġu implimentati. Min-naħa l-oħra, il-konformità tal-implimentazzjoni tar-ristrutturazzjoni mqabbla mal-leġiżlazzjoni inkwistjoni kellha tiġi vverifikata fi stadju ulterjuri, jiġifieri wara li l-miżuri previsti fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni kienu ġew implimentati.

215    Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud.

216    Fir-raba’ u l-aħħar lok, ir-Repubblika Taljana tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura għar-raġuni, essenzjalment, li, qabel l-investigazzjoni EX/2010/010/IT, il-Kummissjoni kienet taf li l-impriżi Taljani benefiċjarji tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ riedu jżommu s-silos inkwistjoni, iżda ma qajmet l-ebda oġġezzjoni qabel l-ewwel komunikazzjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2010.

217    Għandu jiġi osservat li fost il-garanziji mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hemm, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fondamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis‑7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU 2000, C 364, p. 1), li miegħu hemm marbut l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Applied Microengineering vs Il-Kummissjoni, T‑387/09, EU:T:2012:501, punt 76, u l-ġurisprudenza ċċitata).

218    Mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba hemm ukoll id-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-Kawża Nölle, C‑16/90, EU:C:1991:233, punt 28). B’mod partikolari, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dmir ta’ premura jimplika, b’mod partikolari, li meta l-amministrazzjoni tiddeċiedi fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’hekk, hija ma tiħux biss inkunsiderazzjoni l-interess tas-servizz, iżda wkoll l-interess tal-uffiċjal ikkonċernat (ara s-sentrenza tal‑5 ta’ Diċembru 2006, Angelidis vs Il‑Parlament, T‑416/03, EU:T:2006:375, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

219    F’dan il-każ, l-ewwel nett, ma jirriżultax mill-fajl li, qabel l-investigazzjoni EX/2010/010/IT, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni taż-żarmar effettiv tal-faċilitajiet kollha ta’ produzzjoni kollha mill-impriżi Taljani li jipparteċipaw fl-iskema ta’ ristrutturazzjoni (ara l-punt 190 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, qabel l-investigazzjoni EX/2010/010/IT, iż-żamma tas-silos ma kinitx illegali peress li l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ristrutturazzjoni kienet għadha għaddejja (ara l-punt 211 iktar ’il fuq). It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, bl-ebda mod ma huwa stabbilit li, qabel l-investigazzjoni EX/2010/010/IT, il-Kummissjoni kienet infurmata li l-impriżi Taljani benefiċjarji tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ riedu jżommu s-silos kontenzjużi wara l-operazzjonijiet ta’ żarmar. It-tielet nett, fil-każ ta’ dubji dwar l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, kienet ir-Repubblika Taljana li kellha tistaqsi lill-Kummissjoni, dak li hija ma għamlitx (ara l-punti 199 sa 201 iktar ’il fuq). B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li l-Kummissjoni kkomunikat lill-awtoritajiet Taljani l-pożizzjoni tagħha dwar iż-żarmar tas-silos kontenzjużi inkwistjoni għall-ewwel darba fl-ewwel komunikazzjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2010. Għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura.

220    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tiġi miċħuda l-ewwel parti tat-tielet motiv, u, għaldaqstant, it-tielet motiv kollu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1290/2005, tat-tieni subartikolu tal-Artikolu 11(3) tal-Kapitolu 3 tar-Regolament Nru 885/2006, u tal-Linji gwida tal-Kummissjoni ddefiniti fid-dokument VI/5330/97, kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni

221    Ir-raba’ motiv huwa essenzjalment maqsum f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1290/2005, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1290/2005, u tal-Kapitolu 3 tar-Regolament Nru 885/2006, kif ukoll fuq nuqqas ta’ eżami tal-pożizzjoni tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni u, it-tieni waħda, fuq ksur tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni stabbiliti fid-dokument VI/5330/97.

 Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażata, essenzjalment, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1290/2005, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3), u tal-Kapitolu 3 tar-Regolament Nru 885/2006, kif ukoll fuq nuqqas ta’ eżami tal-pożizzjoni tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni

222    Ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata tikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1290/2005, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) u l-Kapitolu 3 tar-Regolament Nru 885/2006. Barra minn hekk, hija tinvoka, essenzjalment, nuqqas ta’ eżami tal-pożizzjoni tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni, kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt.

223    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana.

224    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1290/2005, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) u tal-Kapitolu 3 tar-Regolament Nru 885/2006, għandu jiġi rrilevat, bħall-Kummissjoni, li r-Repubblika Taljana sempliċement tiddikjara li tali ksur twettaq mingħajr ma ssostanzjat id-dikjarazzjonijiet tagħha.

225    Issa, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi, minbarra s-suġġett tat-tilwima, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni sommarja tal-imsemmija motivi, li, f’dan il-każ, ma teżistix.

226    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment tar-Repubblika Taljana bbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1290/2005, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3), u tal-Kapitolu 3 tar-Regolament Nru 885/2006 bħala inammissibbli.

227    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ eżami mill-Kummissjoni, tal-pożizzjoni espressa milll-Korp ta’ Konċiljazzjoni fir-rapport tagħha, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1290/2005:

“Qabel ma tittieħed deċiżjoni sabiex jiġi rrifjutat finanzjament, ir-riżultati tal-kontrolli tal-Kummissjoni u t-tweġibiet mill-Istati Membri interessati għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub, u wara dan, iż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilthom kollha biex jilħqu ftehim dwar l-azzjoni li trid tittieħed.

Jekk ma jintlaħaqx qbil, l-Istat Membru jista’ jitlob proċedura mmirata lejn ir-rikonċiljazzjoni tal-pożizzjoni ta’ kull parti fi żmien erba’ xhur. Rapport tar-riżultat tal-proċedura għandu jingħata lill-Kummissjoni, li għandha teżaminah qabel ma tiddeċiedi dwar kwalunkwe rifjut għall-finanzjament.”

228    Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni ta’ rifjut ta’ finanzjament, il-Kummissjoni hija obbligata biss li “teżamina” ir-rapport tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni u, għaldaqstant, li l-imsemmi rapport ma huwiex vinkolanti fir-rigward tagħha.

229    Barra minn hekk, f’dan il-każ, mir-rapport tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni tal‑10 ta’ Frar 2013 jirriżulta li, fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni li l-Kummissjoni stess kienet qiegħda tiffaċċja, il-Korp ta’ Konċiljazzjoni stieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tnaqqas jew tevita kwalunkwe korrezzjoni finanzjarja, skont id-dokument VI/5330/97.

230    Issa, fl-ittra tat‑28 ta’ Marzu 2014, mibgħuta lill-awtoritajiet Taljani mill-Kummissjoni wara l-għoti tas-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), dawn tal-aħħar, essenzjalment, eskludew il-possibbiltà li jnaqqsu jew jastjenu minn kwalunkwe korrezzjoni minħabba d-diffikultajiet fl-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, billi argumentaw, b’mod partikolari, li ħafna mit‑23 Stat Membru li pparteċipaw fl-iskema ta’ ristrutturazzjoni għall-industrija taz-zokkor kienu interpretaw kjarament l-imsemmija leġiżlazzjoni fis-sens li hija imponiet iż-żarmar tas-silos u, għaldaqstant, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma qajmet l-ebda problema ta’ interpretazzjoni.

231    B’dan il-mod, għaldaqstant, il-Kummissjoni impliċitament iżda neċessarjament ħadet pożizzjoni fuq l-opinjoni mogħtija mill-Korp ta’ Konċiljazzjoni.

232    Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Taljana, motivazzjoni adegwata tista’ tikkonsisti f’riproduzzjoni letterali ta’ osservazzjonijiet diġà fformulati mill-Kummissjoni.

233    Għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana ma hijiex intitolata tinvoka nuqqas ta’ eżami tal-pożizzjoni espressa mill-Korp ta’ Konċiljazzjoni, u lanqas nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-imsemmija pożizzjoni.

234    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tal-Linji gwida stabbiliti fid-dokument VI/5330/97

235    Ir-Repubblika Taljana, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u mill-Ungerija tikkritika lill-Kummissjoni talli kisret il-Linji gwida stabbiliti fid-dokument VI/5330/97 fuq il-bażi, essenzjalment, li, wara fir-rigward, minn naħa, tad-diffikultajiet oġġettivi ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni dwar il-kwistjoni tal-konservazzjoni tas-silos fil-każ ta’ żarmar sħiħ u, min-naħa l-oħra, tal-adozzjoni immedjata mill-awtoritajiet Taljani ta’ miżuri sabiex jirrimedjaw għall-irregolaritajiet ikkonstatati mill-Kummissjoni, din tal-aħħar kellha tnaqqas l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja relatata mar-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor, jew saħansitra tastjeni minn kwalunkwe korrezzjoni, konformement mal-Linji gwida stabbiliti fid-dokument VI/5330/97. F’dan ir-rigward, hija tindika li din is-soluzzjoni tkun ukoll konformi mal-prinċipji ta’ ekwità u ta’ amministrazzjoni tajba.

236    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana.

237    Skont l-Anness 2 tad-dokument VI/5330/97, intitolat “Konsegwenzi finanzjarji, għall-clearance tal-kontijiet tat-Taqsima [‘Garanzija’] tal-FAEGG, tan-nuqqasijiet tal-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri”, għandhom jiġu applikati korrezzjonijiet finanzjarji meta l-Kummissjoni tikkonstata li l-Istati Membri ma wettqux il-kontrolli speċifikament meħtieġa mir-regolamenti applikabbli jew, fi kwalunkwe każ, essenzjali sabiex jiżguraw ir-regolarità tal-infiq imwettaq taħt it-Taqsima “Garanzija” tal-FAEGG.

238    L-Anness 2 tad-dokument VI/5330/97, taħt it-titolu “Każijiet limitati”, it-tieni subparagrafu (iktar ’il quddiem “il-każ limitu previst fl-Anness 2 għad-dokument VI/5330/97”), jipprevedi kif ġej:

“Meta n-nuqqasijiet ikunu jirriżultaw minn diffikultajiet fl-estrapolazzjoni tat-testi Komunitarji, ħlief fil-każ meta jkun raġonevoli li wieħed jaħseb li l-Istat Membru ser iqajjem dawk id-diffikultajiet mal-Kummissjoni, u meta l-awtoritajiet nazzjonali jkunu għamlu dak kollu possibbli sabiex jirrimedjaw in-nuqqasijiet li dawn tal-aħħar ikunu skoprew, dawk il-fatturi ta’ konsiderazzjoni jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u jagħtu lok għall-applikazzjoni ta’ rata iktar baxxa jew għan-nuqqas ta’ korrezzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

239    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, billi adottat regoli ta’ kondotta amministrattiva intiżi sabiex jipproduċu effetti esterni, bħalma huma l-linji gwida li huma s-suġġett tad-dokument VI/5330/97, u billi ħabbret permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom jew tal-komunikazzjoni tagħhom lill-Istati Membri, bħal f’dan il-każ, li tapplikahom minn issa ’l quddiem għall-każijiet ikkonċernati minnhom, l-istituzzjoni inkwistjoni, f’dan il-każ, f’din il-kawża, il-Kummissjoni tillimita ruħha waħedha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tinjora dawn ir-regoli taħt piena li tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, abbażi ta’ ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ ċertezza legali jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Għaldaqstant ma jistax jiġi eskluż li, taħt ċerti kundizzjonijiet u skont il-kontenut tagħhom, tali regoli ta’ aġir li għandhom portata ġenerali jistgħu jipproduċu effetti ġuridiċi u li, b’mod partikolari, l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed minnhom, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, bil-kundizzjoni li tali approċċ ma jkunx kuntrarju għal regoli oħra superjuri tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2011, Il-Greċja vs Il-Kummisjoni, T‑344/05, mhux ippubblikata, EU:T:2011:440, punt 192; tas‑16 ta’ Settembru 2013, Spanja vs Il-Kummissjoni. T‑3/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:473, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑10 ta’ Lulju 2014, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑376/12, EU:T:2014:623, punt 106 (mhux ippubblikata)).

240    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat li jekk il-każ limitu previst fl-Anness 2 tad-dokument VI/5330/97 huwa fattur ta’ ponderazzjoni li ma jagħtix awtomatikament id-dritt li jiġi applikat.  Fil-fatt, kif tixhed il-formulazzjoni tad-dokument VI/5330/97 li jipprevedih, l-applikazzjoni tiegħu hija suġġetta għall-kundizzjonijiet, minn naħa, li n-nuqqas ikkonstatat mill-Kummissjoni, matul il-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet, tirriżulta minn diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, li l-awtoritajiet nazzjonali kienu meħtieġa sabiex jirrimedjaw għan-nuqqas malli ġie identifikat mill-Kummissjoni.

241    Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-każ limitu stabbilit fl-Anness 2 tad-dokument VI/5330/97, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li r-Repubblika Taljana, l-Ungerija u r-Repubblika Franċiża sostnew li diversi Stati Membri kienu esperjenzaw diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tar-Regolamenti Nru 320/2006 u Nru 968/2006, b’mod partikolari, dwar il-kunċett ta’ “faċilitajiet ta’ produzzjoni” u l-possibbiltà li jinżammu s-silos ta’ ħażna fil-kuntest ta’ żarmar sħiħ ta’ sit ta’ produzzjoni taz-zokkor. Barra minn hekk, l-Ungerija u r-Repubblika Franċiża sostnew li l-Kummissjoni stess kellha diffikultajiet ta’ interpretazzjoni u li l-pożizzjoni tagħha kienet evolviet maż-żmien. Barra minn hekk, il-Korp ta’ Konċiljazzjoni qies li l-Kummissjoni kellha diffikultajiet ta’ interpretazzjoni peress li, fl-2006, hija kienet talbet opinjoni mingħand is-servizz legali tagħha.  Finalment, għandu jiġi kkonstatat li s-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), indirizzat biss il-kwistjoni dwar taħt liema kundizzjonijiet silo evita l-klassifikazzjoni ta’ faċilità ta’ produzzjoni li jaqa’ taħt l-obbligu ta’ żarmar, iżda ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni ta’ meta huwa xieraq li jiġi evalwat l-użu tas-silos, lanqas dwar jekk l-obbligu ta’ żarmar kienx jimplika neċessarjament il-qerda tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni.

242    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punt 241 iktar ’il fuq, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet tqajjem diffikultajiet ta’ interpretazzjoni fir-rigward tal-kwistjoni taż-żamma tas-silos fil-każ ta’ żarmar sħiħ.

243    Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tal-Kummissjoni li jgħid li hija dejjem ipprovdiet informazzjoni perfettament koerenti dwar l-obbligu ta’ żarmar tas-silos lill-Istati Membri li kienu għamlulha l-mistoqsija, li ma huwiex issostanzjat u, fi kwalunkwe każ, ma għandu l-ebda impatt fuq il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet oġġettivi ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-kwistjoni taż-żamma tas-silos fil-każ ta’ żarmar sħiħ.

244    F’dan il-każ, l-ewwel kundizzjoni sabiex jiġi applikat il-każ limitu previst fl-Anness 2 tad-dokument VI/5330/97 hija għaldaqstant issodisfatta.

245    Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-każ limitu stabbilit fl-Anness 2 tad-dokument VI/5330/97, li tgħid li l-Istat Membru kellu jadotta miżuri intiżi li jirrimedjaw għan-nuqqas malli dan ġie skopert, hemm lok li jiġi rrilevat li r-Repubblika Taljana immedjatament ħadet passi sabiex tikkonforma mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni espressa fl-ewwel komunikazzjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2010, filwaqt li talbet lill-AGEA tissospendi r-rilaxx tal-garanziji kkostitwiti mill-benefiċjarji tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni konformement mal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 968/2006. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana pproduċiet l-ittri mibgħuta mill-AGEA lill-impriżi Taljani benefiċjarji tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, li jindikaw li l-AGEA ma setgħetx tirrilaxxa l-garanziji u li ġew intimati li jwaqqgħu s-silos qabel it‑30 ta’ Settembru 2011.

246    It-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-każ limitu previst mill-Anness għad-dokument VI/5330/97 kienet għaldaqstant issodisfatta wkoll.

247    Madankollu, mill-użu tal-verb “jista’” fil-formulazzjoni tal-każijiet limitu previst fl-Anness 2 tad-dokument VI/5330/97 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ għall-finijiet tal-applikazzjoni tiegħu u, għaldaqstant, li hija ma hijiex obbligata li tnaqqas jew li tastjeni milli tieħu kwalunkwe korrezzjoni finanzjarja anki meta l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 240 iktar ’il fuq huma ssodisfatti.

248    B’mod partikolari, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta milli tapplika l-limitu previst fl-Anness 2 tad-dokument VI/5330/97 jekk din l-applikazzjoni twassal għal ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

249    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-anness tal-minuti tal-laqgħa bilaterali tal‑4 ta’ Mejju 2011, għandha tiġi mfakkra l-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni fil-kuntest tadin il-laqgħa, li skontha, billi evitaw iż-żarmar, il-produtturi taz-zokkor Taljani kisbu għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, ma ħadu l-ebda nefqa għall-finijiet taż-żarmat tas-silos kontenzjużi u waslu għal qligħ finanzjarju tal-użu tal-imsemmija silos, filwaqt li l-produtturi tal-Istati Membri l-oħra li żarmaw is-silos għall-ħażna tagħhom kellhom ibatu l-ispejjeż kollha relatati mingħajr ma kisbu l-ebda benefiċċju. Il-Kummissjoni kkonkludiet li, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, hija ma setgħetx taċċetta ż-żamma tas-silos kontenzjużi fl-Italja filwaqt li hija kienet ċaħdet dan id-dritt lil Stati Membri oħra.

250    Din il-pożizzjoni hija mtennija mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, fejn hija tindika, ġustament, li ż-żamma tas-silos kontenzjużi ta’ vantaġġ kbir lill-produtturi Taljani meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom ġejjin minn Stati Membri oħra li kienu żarmaw.

251    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ġustament qieset li, essenzjalment, li, fl-assenza ta’ qerda tas-silos kontenzjużi, l-applikazzjoni tal-każ estrem previst fl-Anness 2 tad-Dokument Nru°VI/5330/97 ikkawża inugwaljanza ta’ trattament bejn il-produtturi Taljani taz-zokkor u dawk ġejjin mill-istati Membri l-oħra li kellhom iwettqu l-qerda tas-silos sabiex jiksbu l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar totali.

252    Għaldaqtant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma applikatx il-każ limitu previst fl-Anness 2 tad-dokument VI/5330/97.

253    Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni parti tar-raba’ motiv tiġi miċħuda, u, għalhekk, ir-raba’ motiv kollu kemm hu.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 883/2006, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll ta’ żnaturament tal-fatti

254    Il-ħames motiv huwa invokat insostenn tat-talba għal annullament tal-korrezzjoni applikata għal ħlas tardiv tal-bilanċ ta’ primjums tal-qatla relatati mas-sena ta’ talba 2004 u essenzjalment jinqasam fi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 883/2006, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, it-tielet, fuq żnaturament tal-fatti.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 883/2006

255    Ir-Repubblika Taljana tikkritika lill-Kummissjoni, essenzjalment, talli ma aċċettatx li l-qbiż tat-termini tal-pagament tal-bilanċ ta’ primjums tal-qatla relatati mas-sena ta’ talba 2004 (iktar ’il quddiem il-“pagamenti kontenzjużi”), kien jirriżulta mill-eżistenza ta’ kundizzjonijiet speċifiċi ta’ ġestjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 883/2006, li kienu jiġġustifikaw assenza ta’ korrezzjoni fil-każ inkwistjoni.

256    Il-Kummissjoni tikkontesta l-ilment tar-Repubblika Taljana.

257    Skont il-premessa 15 tar-Regolament Nru 883/2006:

“Fil-qafas tal-EAGF, ir-regolamentazzjoni agrikola komunitarja tinkludi termini għall-ħlas ta’ l-għajnuna lill-benefiċjarji, li jridu jiġu rispettati mill-Istati Membri. Kull ħlas effettwat wara dan iż-żmien regolamentari, li d-dewmien tiegħu ma jkunx ġustifikat, għandu jiġi kkunsidrat bħala nefqa irregolari u din għalhekk ma tkunx suġġetta għall-rimbors mill-Kummissjoni. Madankollu, sabiex jiġi aġġustat l-impatt finanzjarju proporzjonalment għaż-żmien ta’ limitu biex isir il-ħlas, jaqbel li jkun stipulat li l-Kummissjoni tapplika tnaqqis tal-pagamenti fi stadji progressivi skond l-importanza ta’ l-eċċessi konstatati. Min-naħa l-oħra, irid ikun stipulat marġni standard, partikolarment biex ikun permess li ma jiġix applikat it-tnaqqis meta d-dewmien fil-ħlas jirriżulta minn proċeduri ta’ kontestazzjoni.”

258    L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2006, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2009 tad‑29 ta’ Mejju 2009 li jemenda r-Regolament Nrtu 883/2006 (ĠU 2009, L 135, p. 12), jipprevedi:

“1. L-infiq effettwat wara l-iskadenzi għandu jkun eliġibbli għall-finanzjament Komunitarju u l-ħlasijiet ta’ kull xahar għandhom jitnaqqsu kif ġej:

a)      meta l-infiq effettwat wara l-iskadenzi jkun ugwali għal 4 % jewinqas tal-infiq effettwat qabel l-iskadenzi, ma għandu jsir ebda tnaqqis;

b)      għal infiq li jaqbeż il-limitu ta’ 4 %, l-infiq kollu li jiġi effettwat tard għandu jitnaqqas skont ir-regoli li ġejjin:

–      għal infiq effettwat fl-ewwel xahar wara x-xahar li fih isseħħ l-iskadenza tal-ħlas, l-infiq għandu jitnaqqas b’ 10 %;

–      għal infiq effettwat fit-tieni xahar wara x-xahar li fih jiisseħħ l-iskadenza tal-ħlas, l-infiq għandu jitnaqqas b’ 25 %;

–      għal infiq effettwat fit-tielet xahar wara x-xahar li fih isseħħ l-iskadenza tal-ħlas, l-infiq għandu jitnaqqas b’ 45 %;

–      għal infiq effettwat fir-raba’ xahar wara x-xahar li fih isseħħ l-iskadenza tal-ħlas, l-infiq għandu jitnaqqas b’ 70 %;

–      għal infiq effettwat aktar tard mir-raba’ xahar wara x-xahar li fih isseħħ l-iskadenza tal-ħlas, l-infiq għandu jitnaqqas b’ 100 %;

3. Il-Kummissjoni tapplika stadji progressivi differenti minn dawk stipulati fil-paragrafi 1 u 2 u/jew rati ta’ tnaqqis inferjuri jew l-ebda tnaqqis jekk jitfaċċjaw kundizzjonijiet partikolari ta’ ġestjoni għal ċerti miżuri, jew jekk jiġu ppreżentati ġustifikazzjonijiet leġittimi mill-Istati Membri.

[…]”

259    Skont il-ġurispudenza, l-infiq ta’ finanzjament mill-FAEGG għandu jiġi kkalkolat fuq il-premessa li t-termini applikabbli previsti mil-leġiżlazzjoni agrikola ġew osservati. Konsegwentement, meta l-awtoritajiet nazzjonali jagħmlu l-pagament tal-għajnuna wara l-iskadenza tat-terminu, huma jimputaw lill-FAEGG nefqa irregolari u, għaldaqstant, mhux eliġibbli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ottubru 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑253/97, EU:C:1999:527, punt 126, u tat‑12 ta’ Settembru 2007, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑243/05, EU:T:2007:270, punt 116). Konsegwentement, l-Istat Membru għandu jorganizza s-sistema ta’ kontrolli tiegħu billi jikkunsidra t-terminu stabbilit għall-pagamenti tal-għajnuna mid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-marġni ta’ 4 % jew 5 % previst mill-Artikolu 9(1)(a) u (c) tar-Regolament Nru 883/2006 qiegħed hemm preċiżament sabiex jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jwettqu kontrolli supplimentari mingħajr ma n-numru ta’ xhur ta’ dewmien ikollu effett fuq il-pagamenti li ma jaqbżux dan il-limitu (ara f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2007, T‑243/05, EU:T:2007:270, punt 116).

260    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, huwa l-Istat Membru li għandu juri li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 883/2006 ġew issodisfatti, jiġifieri li jipproduċi l-prova li jeżistu kundizzjonijiet eċċezzjonali ta’ ġestjoni għal ċerti miżuri jew li jipprovdi ġustifikazzjonijiet fondati. B’mod partikolari għandu juri li d-dewmien ma qabiżx il-limiti raġonevoli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑331/00, EU:C:2003:472, 117, tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑33/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:195, punt 372, u tas‑26 ta’ Settembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑84/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:471, punt 136).

261    Fl-aħħar nett, peress li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 883/2006 jintroduċi deroga, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑84/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:471, punt 137 u l-ġurisprudenza ċċitata).

262    F’dan il-każ, ir-Repubblika Taljana ma tikkontestax l-eżistenza ta’ dewmien fil-pagamenti. Hija lanqas ma tikkontesta li l-ispejjeż tħallsu b’dewmien li jeċċedu l-marġni ta’ 5 % tal-ispejjeż mħallsa li josservaw il-kundizzjonijiet u t-termini. Madankollu, hija ssostni li d-dewmien kien iġġustifikat minn kundizzjonijiet partikolari ta’ ġestjoni. Fil-fehma tagħha, dawn iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ ġestjoni kienu kkaratterizzati mill-eżistenza, fl-Italja, ta’ diversi proċeduri kontenzjużi kumplessi dwar ir-regolarità ta’ ċerti spejjeż li hija kienet għamlet u mill-fatt li, minħabba l-imsemmija proċeduri, l-Agenzia per i veneta pagamenti in agricultura (AVEPA) (L-Aġenzija tal-Ħlas tar-Reġjun ta’ Veneto, l-Italja) kienet issospendiet il-pagamenti kollha dovuti lill-impriżi involuti f’dawn il-proċeduri.

263    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li permezz ta’ sinjalar tan-Nucleo Antifrodi Carabinieri di Parma (l-Italja) (iċ-Ċellola Kontra l-Frodi tal-Carabinieri ta’ Parma, l-Italja), tas‑7 ta’ Frar 2005, l-AVEPA u l-AGEA kienu ġew informati bl-eżistenza ta’ frodi preżunt imwettaq għad-dannu tal-Fond, dwar b’mod partikolari l-primjums speċjali għall-annimali tal-ifrat ta’ sess maskili u l-pagamenti għall-estensifikazzjoni mill‑2000 sal‑2003 miġbura minn diversi impriżi Taljani.

264    Bħala riżultat ta’ din is-sinjalazzjoni, inbdew proċeduri kriminali kontra l-imsemmija impriżi quddiem it-Tribunale di Treviso (il-Qorti ta’ Treviso, l-Italja), b’seduta preliminari stabbilita għat‑2 ta’ Ottubru 2006.

265    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-AVEPA adottat miżura ta’ sospensjoni tal-pagamenti kollha dovuti liż-żewġ impriżi kumpanniji involuti f’dawn il-proċeduri kriminali, konformement mal-Artikolu 33 (1) tad-decreto legislativo (id-Digriet Leġiżlattiv) Taljan Nru 228/2001 tat‑18 ta’ Mejju 2001 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 228”), li skontu: “I[l]l-proċeduri ta’ ħlas mill-aġenziji tal-ħlas akkreditati […] huma sospiżi fir-rigward tal-benefiċjarji li għalihom l-aġenziji ta’ verifika u ta’ kontroll ipprovdew informazzjoni ddettaljata dwar il-ġbir indebitu ta’ fondi mill-baġit Kopmunitarju jew nazzjonali, u dan sakemm il-fatti jkunu definittivament stabbiliti”.

266    Fl-istess ħin, il-Procura presso la Corte dei Conti per il Veneto (il-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Awdituri għall-Veneto, l-Italja) ressaq azzjoni fiskali quddiem il-Corte dei Conti per il Veneto (il-Qorti tal-Awdituri għall-Veneto, l-Italja) għall-istess fatti. Fit‑23 ta’ Settembru 2009, din il-qorti ordnat is-sekwestru kawtelatorju ante causam tal-beni tal-impriżi benefiċjarji kkonċernati inkwistjoni, kif ukoll tal-pagamenti li kienu dovuti lil dawn tal-aħħar mill-AVEPA, bl-eċċezzjoni, b’mod partikolari, tal-pagamenti kontenzjużi.

267    Fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni, fid‑19 ta’ Ottubru 2009, l-AVEPA nediet mill-ġdid il-pagament ta’ ċerti somom sospiżi li ma kinux koperti mis-sekwestru kawtelatorju ante causam, inklużi l-primjums tal-qatla marbutin mas-sena ta’ talba 2004, suġġett tal-pagamenti kontenzjużi.

268    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana ma allegatx li l-pagamenti kontenzjużi kienu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali u tal-kontabbiltà msemmija fil-punti 264 u 266 iktar ’il fuq. Għall-kuntrarju, fil-kuntest tal-proċedura ta’ clearance inkwistjoni, hija ammettiet li l-pagamenti kontenzjużi relatati mal-linji tal-baġit 050302092124023, 050302102124033 u 050302992128007 ma kinux speċifikament relatati ma’ sentenza, filwaqt li invokat “il-konnessjoni inseparabbli” bejn, minn naħa, il-pagamenti inkwistjoni fil-proċeduri deskritti fil-punti 263 sa 266 iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, il-pagamenti kontenzjużi.

269    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-proċeduri nazzjonali invokati mir-Repubblika Taljana ma jikkonċernawx il-pagamenti kontenzjużi u, konsegwentement, li s-sospensjoni tal-pagamenti kontenzjużi ma hijiex il-konsegwenza ta’ proċedura ġudizzjarja jew ta’ sentenza, iżda l-applikazzjoni mill-AVEPA tal-Artikolu 33(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 228.

270    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-proċedura ta’ sospensjoni tal-pagamenti prevista fl-Artikolu 33 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 228 għandha tiġi applikata bħala miżura preventiva. Hija tikkonsisti f’li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ irregolaritajiet meta opinjoni tiġi stabbilita f’dan is-sens mill-korpi ta’ kontroll anki qabel l-istabbiliment definittiv tal-fatti u li jitħallsu l-ammonti inkwistjoni lill-benefiċjarju biss jekk dan ikun finalment meħlus minn kull ħtija. Skont il-ġurisprudenza, tali approċċ imur għaldaqstant, bħala prinċipju, kontra l-osservanza tat-termini ta’ ħlas (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑84/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:471, punt 140).

271    Għalhekk għandu jiġi kkonstatat, bħall-Kummissjoni li, fil-każ inkwistjoni, il-proċedura għas-sospensjoni tal-pagamenti kontenzjużi ma tikkostitwixxix kundizzjonijiet partikolari ta’ ġestjoni. Fil-fatt, il-proċedura ta’ sospensjoni tal-pagamenti prevista fl-Artikolu 33 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 228 tikkostitwixxi deroga mit-termini ta’ pagament li jinterferixxu mal-funzjonament xieraq tar-regoli applikabbli tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2012, l-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑84/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:471, punt 142).

272    Fit-tielet lok, minkejja l-istedina tal-Kummissjoni, imfakkra mill-Korp ta’ Konċiljazzjoni fir-rapport tiegħu tas‑6 ta’ Mejju 2014, ir-Repubblika Taljana ma pproduċiet ebda prova sabiex jiġi stabbilit li l-marġni ta’ 5 % kien inqabeż esklużivament minħabba pagamenti li kienu s-suġġett ta’ kontestazzjoni quddiem il-qrati nazzjonali.

273    L-argument invokat mir-Repubblika Taljana fir-replika, li jgħid li, essenzjalment, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta eżiġiet li hija tistabbilixxi li d-dewmien tal-pagamenti kontenzjużi joriġina minn sentenza waħda biss, jista’ biss jiġi miċħud. Fil-fatt, b’mod partikolari mill-ittra tat‑18 ta’ Jannar 2012, mibgħuta mill-Kummissjoni lir-Repubblika Taljana skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006 jirriżulta li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 883/2006, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani li turi li l-marġni ta’ 4 % msemmi fl-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2006, li sussegwentement żdied għal 5 % skont l-Artikolu 9(1)(c) tal-istess regolament, kien inqabeż minħabba proċeduri ġudizzjarji u mhux sentenza waħda biss. Fl-ittra tat‑18 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni barra minn hekk stiednet għall-aħħar darba lill-awtoritajiet Taljani sabiex jipprovdu kopja tas-sentenzi li jindikaw l-ammonti żejda għal kull waħda minn dawn il-partiti baġitarji li ġejjin: 050302092124023, 050302102124033 u 050302992128007

274    Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-kumplessità tal-proċeduri kontenzjużi quddiem it-Tribunale di Treviso (il-Qorti ta’ Treviso) u l-Corte dei Conti per il Veneto (il-Qorti tal-Awdituri għall-Veneto), kif ukoll in-natura eċċezzjonali tal-każ inkwistjoni, allegati mir-Repubblika Taljana  lanqas ma jistgħux jiġġustifikaw id-dewmien tal-pagamenti kontenzjużi, peress li, kif imfakkar fil-punt 259 iktar ’il fuq, il-marġni ta’ 5 % previst fl-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 883/2006 jservi preċiżament sabiex jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jwettqu verifiki supplimentari mingħajr mal-għadd ta’ xhur ta’ dewmien ikollu influwenza fuq il-pagamenti li ma jaqbżux dan il-limitu (ara wkoll f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2012, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑86/08, EU:T:2012:345, punt 191, u tas‑26 ta’ Settembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑84/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:471, punt 146).

275    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkunsidrat, minn naħa, li n-nuqqas ta’ osservanza tat-termini ta’ pagament li jirriżultaw minn proċeduri ġudizzjarji għandu jiġi kopert mill-marġni ta’ 5 % msemmi fl-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 883/2006, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2009 tad‑29 ta’ Mejju 2009 li jemenda r-Regolament Nru 883/2006 (ĠU 2009, L 135, p. 12) u, min-naħa l-oħra, il-fatt li jitwettqu pagamenti tard minħabba nuqqas ta’ qbil sabiex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà tal-pagamenti li qabel kienu rrifjutati jew irkuprati mill-awtoritajiet nazzjonali ma kkostitwixxiex kundizzjoni partikolari ta’ ġestjoni fis-sens tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 883/2006, kunsiderazzjoni li l-Kummissjoni kienet uriet lir-Repubblika Taljana fl-ittra tat‑2 ta’ Lulju 2014 (ara l-punt 41 iktar ’il fuq).

276    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

277    Ir-Repubblika Taljana tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn hija applikat korrezzjoni għal pagamenti kontenzjużi, dwar bilanċ ta’ primjums tal-qatla marbutin mas-sena ta’ talba 2004, minkejja li dawn kienu f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ pagamenti tardivi relatati mal-infiq li kienu suġġett tas-sekwestru kawtelatorju ante causam mill-Corte dei Conti per il Veneto (il-Qorti tal-Awdituri għall-Veneto), ta’ ammont ta’ madwar EUR 4.4 miljun, li għalihom ebda korrezzjoni ma ġiet applikata mill-Kummissjoni.

278    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana.

279    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑304/01, EU:C:2004:495, punt 31; tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 70, u tal‑21 ta’ Lulju 2011, Nagy, C‑21/10, EU:C:2011:505, punt 47).

280    Fir-risposta tagħha, wara li indikat li l-argument tar-Repubblika Taljana ma kienx ċar, il-Kummissjoni spjegat li minkejja n-natura tardiva ta’ pagamenti li kienu s-suġġett ta’ sekwestru kawtelatorju ante causam mill-Corte dei Conti per il Veneto (il-Qorti tal-Awdituri għall-Veneto), dawn tal-aħħar ma ġewx inklużi fil-korrezzjoni minħabba r-riferiment, fid-diversi linji tal-baġit li għalihom il-pagamenti kienu ġew iddikjarati, tal-marġni ta’ 4 %, filwaqt li dan ma kienx il-każ għall-pagamenti kontenzjużi.

281    Dawn l-allegazzjonijiet ma humiex ikkontestati mir-Repubblika Taljana, li sempliċement tiddikjara li l-pagamenti tardivi kollha koperti mill-proċedura ta’ clearance inkwistjoni kellhom ikunu ġġustifikati minn neċessità kawtelatorja ġenerali, li kienet murija fl-adozzjoni mill-AVEPA tal-miżura ta’ sospensjoni tal-pagamenti kollha dovuti lill-impriżi inkwistjoni fil-proċeduri pendenti fl-Italja, konformement mal-Artikolu 33 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 228.

282    Minn naħa, mill-punti 266 u mil-punt 271 iktar ’il fuq jirriżulta rispettivament li, minn naħa, li l-Qorti tal-Awdituri għall-Veneto ma inkludietx il-pagamenti kontenzjużi fis-somom suġġetti għas-sekwestru kawtelatorju ante causam li ħarġet u, min-naħa l-oħra, li l-proċedura ta’ sospensjoni tal-pagamenti prevista mill-Artikolu 33 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 228 tmur kontra l-osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar it-termini ta’ pagament. Għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana ma għandhiex raġun meta tinvoka l-eżistenza ta’ neċessità kawtelatorja ġenerali li ġġustifikat is-sospensjoni tal-pagamenti kontenzjużi mill-AVEPA.

283    Min-naħa l-oħra, ma huwiex ikkontestat mir-Repubblika Taljana li fil-linji baġitarji marbuta li fuqhom il-pagamenti jikkorrispondu għal ammont ta’ EUR 4.4 miljun kienu ġew iddikjarati jissemma l-marġni ta’ 4 %, filwaqt li l-marġni ta’ 5 % ma kienx imsemmi fil-linji baġitarji marbuta mal-pagamenti kontenzjużi.

284    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-Repubblika Taljana ma stabbilixxietx li l-pagamenti kontenzjużi u dawk koperti mill-marġni ta’ 4 %, f’ammont ta’ EUR 4.4 miljun, kienu f’sitwazzjoni paragunabbli u, għaldaqstant, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi imponiet korrezzjoni biss għall-pagamenti kontenzjużi.

285    Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni parti tal-ħames motiv tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tal-ħames motiv, ibbażata fuq żnaturament tal-fatti

286    Ir-Repubblika Taljana tilmenta li l-Kummissjoni żnaturat il-fatti. Fir-rikors, hija sempliċement tindika li “[f]id-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-deċiżjoni kkontestata hija, għall-parti kkontestata f’dan il-motiv, illegali minħabba żnaturament tal-fatti […]”.

287    Il-Kummissjoni ma kkontestatx dan l-ilment fin-noti ta’ osservazzjonijiet tagħha. Madankollu, waqt is-seduta, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra l-motiv peress li ma huwiex ċar.

288    Waqt is-seduta wkoll, ir-Repubblika Taljana qajmet l-inammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni billi sostniet li t-tardività tagħha kienet tippreġudika n-natura kontradittorja tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Ir-Repubblika Taljana madankollu ppreċiżat li l-Qorti Ġenerali setgħet tqajjem ex officio l-inammissibbiltà tal-ilment inkwistjoni matul is-seduta. Fl-aħħar nett, fil-każ li l-Qorti Ġenerali riedet li tagħmel dan, ir-Repubblika Taljana ppreċiżat li, bl-ilment tagħha bbażat fuq l-iżnaturament tal-fatti, hija xtaqet, essenzjalment, tikkontesta l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ inkwistjoni mwettqa mill-Kummissjoni. Fil-fatt, għar-Repubblika Taljana, iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni kienu jiġġustifikaw id-dewmien tal-pagamenti kontenzjużi.

289    Għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni tista’ tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li motiv jiġi miċħud fil-mertu, mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punt 52).

290    Mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-Repubblika Taljana waqt is-seduta, imfakkra fil-punt 288 iktar ’il fuq, jirriżulta li bl-ilment tagħha bbażat fuq żnaturament tal-fatti hija riedet, impliċitament, iżda neċessarjament tikkritika lill-Kummissjoni li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt.

291    Issa, mill-punti 263 sa 275 iktar ’il fuq jirriżulta li ċ-ċirkustanzi fattwali allegati mir-Repubblika Taljana ma kinux jikkostitwixxu kundizzjonijiet partikolari ta’ ġestjoni fis-sens tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 883/2006 li setgħu jiġġustifikaw in-natura tardiva tal-pagamenti kontenzjużi. B’hekk, ir-Repubblika Taljana ma għandhiex raġun tinvoka l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata.

292    Peress li t-tielet parti tal-ħames motiv ma hijiex fondata, din għandha tiġi miċħuda mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma fis-seduta rispettivament mill-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana.

293    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 501/2008 kif ukoll tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ responsabbiltà lill-Istati Membri tal-korrezzjonijiet finanzjarji.

294    Is-sitt motiv huwa invokat insostenn tat-talba għal annullament tal-korrezzjoni applikata għal ħlas tardiv ta’ ċertu infiq relatat mal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli. Ir-Repubblika Taljana tilmenta li l-Kummissjoni applikat għaliha korrezzjoni finanzjarja għal nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ 60 jum kalendarju msemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 501/2008, bejn il-wasla ta’ talbiet għal pagament u l-pagament effettiv ta’ ċerta għajnuna dwar l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni favur prodotti agrikoli li hija kienet ingħatat matul is-snin baġitarji 2009 u 2010. Essenzjalment, l-ewwel nett, ir-Repubblika Taljana ssostni li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ pagament stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 501/2008 għandu l-oriġini tiegħu fil-produzzjoni żbaljata, mis-servizzi tal-Kummissjoni, tal-verżjoni Taljana tat-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament hekk kif redatta qabel id-dħul fis-seħħ tar-rettifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat‑18 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012, L 287, p. 25) (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni kontenzjuża”) u, għalhekk, li l-qbiż tat-terminu msemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 501/2008 ma jistax jiġi attribwit lilha. Għaldaqstant, skont din il-qorti, ikun inġust li hija tkun responsabbli tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-dispożizzjoni kontenzjuża, peress li, f’dan il-każ, l-ebda preġudizzju għall-baġit tal-Unjoni ma’ jista’ jiġi kkonstatat. Barra minn hekk, hija tqis li l-iżball li allegatament ikkommettiet huwa manifestament skużabbli. It-tieni nett, hija ssostni li l-korrezzjoni finanzjarja applikata mill-Kummissjoni għandha l-effett li tattribwixxi portata retroattiva lid-dispożizzjoni kontenzjuża, bi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

295    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana.

296    L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 501/2008 jipprevedi:

“L-Istat Membru għandu jagħmel il-ħlasijiet stipulati fl-Artikolu 18 u fl-Artikolu 19 fi żmien sittin jum kalendarju li jibdew jgħoddu minn meta tasal it-talba għall-ħlas.

Madankollu, dan il-perjodu jista’ jiġi sospiż, f’kull waqt matul il-perjodu ta’ sittin jum wara li ssir l-ewwel reġistrazzjoni tat-talba għall-ħlas, permezz ta’ avviż li jintbagħat lill-organizzazzjoni li ħadet il-kuntratt u li għandha tingħata l-flus, fejn jingħad li t-talba tagħha ma tistax tintlaqa’, sew għax is-somma mhix eliġibbli li titħallas, jew għax it-talba ma kellhiex magħha d-dokumenti meħtieġa għal kull talba li ssir, jew inkella għax l-Istat Membru jħoss li jonqsu aktar informazzjoni jew jeħtieġ jagħmel xi verifiki. L-iskadenza għandha tkompli tgħodd għal darb’oħra mid-data ta’ meta tasal l-informazzjoni mitluba jew mid-data ta’ meta jsiru l-verifiki mill-Istat Membru, li għandhom jintbagħtu jew isiru rispettivament fi żmien tletin jum li jibdew jgħoddu minn meta jsir l-avviż dwarhom.

[…].”

297    Il-verżjoni Taljana tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 501/2008 ippubblikat qabel ir-rettifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat‑18 ta’ Ottubru 2012, kienet tipprevedi li:

“Madankollu, dan il-perjodu jista’ jiġi sospiż, f’kull waqt matul il-perjodu ta’ sittin jum wara li ssir l-ewwel reġistrazzjoni tat-talba għall-ħlas, permezz ta’ avviż li jintbagħat lill-organizzazzjoni li ħadet il-kuntratt u li għandha tingħata l-flus, fejn jingħad li t-talba tagħha ma tistax tintlaqa’, sew għax is-somma mhix eliġibbli li titħallas, jew għax it-talba ma kellhiex magħha d-dokumenti meħtieġa għal kull talba li ssir, jew inkella għax l-Istat Membru jħoss li jonqsu aktar informazzjoni jew jeħtieġ jagħmel xi verifiki. L-iskadenza għandha tgħodd mill-ġdid mid-data ta’ meta tasal l-informazzjoni mitluba jew mid-data ta’ meta jsiru l-verifiki mill-Istat Membru, li għandhom jintbagħtu jew isiru rispettivament fi żmien tletin jum li jibdew jgħoddu minn meta jsir l-avviż dwarhom.”

(“Tale termine può tuttavia essere sospeso in qualunque momento del periodo di 60 giorni successivo alla prima registrazione della domanda di pagamento, mediante notifica all’organizzazione contraente creditrice che la domanda non è ricevibile, in quanto il credito non è esigibile oppure la domanda non è corredata dei documenti giustificativi necessari per le domande successive o lo Stato membro ritiene necessario richiedere informazioni supplementari o procedere a verifiche. Il termine decorre nuovamente a partire dalla data di ricevimento delle informazioni richieste o dalla data delle verifiche effettuate dallo Stato membro, che devono essere trasmesse o rispettivamente effettuate entro un termine di 30 giorni di calendario a decorrere dalla notifica.”)

298    Ir-rettifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat‑18 ta’ Ottubru 2012 issostitwixxiet, fid-dispożizzjoni kontenzjuża, l-espressjoni “tgħodd mill-ġdid” (“decorre nuovamente”) b’“tkompli tgħodd” (“continua a decorrere”).

299    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tar-regolamenti tal-Unjoni teskludi li jiġi kkunsidrat test partikolari waħdu, iżda jeħtieġ, f’każ ta’ dubju, li jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 1996, Lubella, C‑64/95, EU:C:1996:388, punt 17).

300    L-ewwel nett, fir-rigward tal-ilmenti mressqa mir-Repubblika Taljana, ibbażati, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 501/2008 u l-assenza ta’ imputabbiltà tal-awtoritajiet Taljani tal-qbiż tat-terminu ta’ pagament imsemmi fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi rrilevat li l-verżjoni Taljana tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 501/2008 kienet ambigwa f’dak, fl-ewwel sentenza, hija rreferiet espressament għas-sospensjoni tat-terminu għall-pagament stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament (“dan il-perjodu jista’ jiġi sospiż […]” - bit-Taljan: “tale termine puo’ […] essere sospeso”) filwaqt li, fit-tieni sentenza, hija donnha rreferiet għall-interruzzjoni ta’ dan l-istess perijodu (“[l]-iskadenza għandha tgħodd mill-ġdid mid-data ta’ meta tasal l-informazzjoni mitluba jew mid-data ta’ meta jsiru l-verifiki mill-Istat Membru – bit-Taljan: ‟[i]l termine decorre nuovamente a partire dalla data di ricevimento delle informazioni richieste o dalla data delle verifiche effettuate dallo Stato membro”).

301    Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Taljana lanqas ma tikkontesta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-Artikoli 2941 et tal-Kodiċi Ċivili Taljan jiddistingwu bejn is-sospensjoni tat-termini u l-interruzzjoni tat-termini, peress li l-interruzzjoni tibda tiddekorri terminu ġdid, filwaqt li f’każ ta’ sospensjoni, iż-żmien li jkun għadda qabel l-okkorrenza ta’ sospensjoni jiżdied ma’ dak li jerġa’ jibda jgħodd wara li jisparixxi l-avveniment li ġġustifika s-sospensjoni.

302    Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 299 iktar ’il fuq, ir-Repubblika Taljana ma setgħetx tinterpreta d-dispożizzjoni kontenzjuża bħala li tawtorizzaha, permezz ta’ talbiet għal informazzjoni jew verifiki supplimentari mill-organizzazzjonijiet kontraenti kredituri, sabiex tinterrompi t-terminu stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 501/2008, mingħajr ma l-ewwel tivverifika jekk il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tad-dispożizzjoni kontenzjuża jikkonfermawx l-interpretazzjoni tagħha u, jekk ikun il-każ, jinterpretaw u japplikaw din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali oħra, kif ukoll tal-istruttrura u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, EU:C:1977:172, punt 14, u tad‑9 ta’ Jannar 2003, Givane et, C‑257/00, EU:C:2003:8, punt 37).

303    Issa, f’dan il-każ, ir-Repubblika Taljana applikat id-dispożizzjoni kkontestata, minkejja l-ambigwità tagħha fir-rigward tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 501/2008, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 501/2008, u b’hekk esklużivament responsabbli għall-ksur tal-limitu ta’ żmien għall-pagament imsemmi fl-Artikolu 20, l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament Nru 501/2008

304    Għaldaqstant, l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 501/2008 u l-assenza ta’ imputabbiltà ta’ dewmien ta’ pagamenti lir-Repubblika Taljana għandhom jiġu miċħuda.

305    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi bħala riżultat tal-applikazzjoni retroattiva tad-dispożizzjoni kontenzjuża kif rettifikata fl-2012, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, dan il-prinċipju ma jistax jiġi invokat kontra leġiżlazzjoni tal-Unjoni ħlief meta l-Unjoni stess ħolqot minn qabel sitwazzjoni li tista’ twassal għal aspettattiva leġittima (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2002, Weidacher, C‑179/00, EU:C:2002:18, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2009, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, T‑257/04, EU:T:2009:182, punt 245).

306    Issa, fil-każ inkwistjoni, ma huwiex stabbilit li l-Unjoni kienet ħolqot sitwazzjoni li tippermetti lir-Repubblika Taljana temmen li d-dispożizzjoni kontenzjuża hija korretta u tistenna b’mod leġittimu li tista’ tapplikaha.

307    L-ewwel nett, essenzjalment, mill-komunikazzjoni tas‑27 ta’ April 2010 indirizzata taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006 (ara l-punt 43 iktar ’il fuq, jirriżulta minn naħa li, waqt iż-ewġ investigazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni kienet diġà kkonstatat problemi ta’ dewmien ta’ pagament fir-rigward tar-Repubblika Taljana u, min-naħa l-oħra li mill-2005, is-servizzi tal-Kummissjoni kienu dejjem spjegaw, fl-iskambji tagħhom mal-awtoritajiet Taljani, b’liema mod kien hemm lok li jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet li issa huma s-suġġett tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2006.

308    Huwa għalhekk li, bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata abbażi tal-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni pproduċiet ittra tad‑9 ta’ Frar 2006 li hija bagħtet lir-Repubblika Taljana fil-kuntest ta’ investigazzjoni preċedenti, li fiha hija indikat espressament li “t-terminu [ta’ pagament għandu] jerġa’ jibda jiddekorri malli l-informazzjoni mistennija tiġi rċevuta jew li l-verifika titwettaq”.

309    F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-fatti kkonċernati mill-investigazzjoni msemmija fil-punt 308 iktar ’il fuq, ma hijiex l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 501/2008, iżda l-Artikolu 12(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 94/2002 tat‑18 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2826/2000 dwar l-azzjonijiet ta’ tagħrif u ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 35, p. 57). Madankollu dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet kienu essenzjalment identiċi. Fil-fatt, skont l-Artikolu 12(5) tar-Regolament Nru 94/2002:

“L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-ħlasijiet riferiti fil-paragrafi preċedenti fi żmien 60 jum kalendarju mill-irċevuta ta’ l-applikazzjoni għall-ħlas. Madankollu, dan il-perjodu taż-żmien jista’ jiġi interrott f’kull ħin matul is-60 jum wara li l-applikazzjoni għall-ħlas tkun ġiet irreġistrata għall-ewwel darba kif irċevuta, billi jiġi notifikat il-kuntrattur [kontraent] interessat li l-applikazzjoni ma kenitx aċċettabbli jew minħabba li l-ammont ma jkunx wasal biex jitħallas jew minħabba li d-dokumenti ta’ appoġġ [sostenn] meħtieġa għall-applikazzjonijiet addizzjonali kollha ma jkunux ġew forniti jew minħabba li l-Istat Membru jara l-ħtieġa għal aktar tagħrif jew kontrolli. Il-perijodu taż-żmien tal-ħlas jerġa’ jibda jgħodd mid-data ta’ l-irċevuta tat-tagħrif mitlub, li jrid jintbagħat fi żmien 30 jum kalendarju. Għajr f’każijiet ta’ forza maġġuri, fejn il-ħlasijiet imsemmija hawn isiru tard, l-ammont imħallas lura lill-Istat Membru għandu jiġi mnaqqas skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 296/96.”

310    Għalhekk, għandu jitqies li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet, diversi drabi, informat lill-awtoritajiet Taljani dwar kif għandu jiġi kkalkulat it-terminu ta’ pagament ta’ sittin jum wara s-sospensjoni tiegħu.

311    It-tieni nett, waqt is-seduta, ir-Repubblika Taljana kkonfermat li, fil-mument fejn il-proċedura ta’ clearance inkwistjoni tnediet, kienet hija li kienet informat lill-Kummissjoni bil-problema ta’ traduzzjoni tad-dispożizzjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana ma setgħetx ma tkunx taf li d-dispożizzjoni kontenzjuża tista’ ma tkunx korretta, iżda xorta waħda deliberatament iddeċidiet li tapplikaha.

312    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-Repubblika Taljana ma tistax tippretendi li d-dispożizzjoni kontenzjuża ħolqot aspettattivi leġittimi fir-rigward tagħha.

313    Fit-tielet u l-aħħar lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Taljana li jgħid li n-nuqqas ta’ osservanza tat-termini ta’ pagament ma kienx ser jikkawża preġudizzju għall-baġit tal-Unjoni u, għaldaqstant, li huwa inġust li jkun responsabbli tal-konsegwenzi tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni kontenzjuża.

314    Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-FAEG jiffinanzja biss l-interventi mwettqa skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑300/02, EU:C:2005:103, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

315    Issa, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea tirrikjedi li l-Istati Membri josservaw it-terminu ta’ pagament imsemmi fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 501/2008, taħt piena ta’ sanzjonijiet finanzjarji.

316    L-ewwel nett, mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 883/2006, esposta fil-punt 256 iktar ’il fuq, jirriżulta li kull pagament li sar wara t-termini stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ħlas tal-għajnuna lill-benefiċjarji, li d-dewmien tiegħu ma jkunx iġġustifikat, għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi infiq irregolari u li, minħabba dan il-fatt, ma għandux ikun suġġett għal rimborsi mill-Kummissjoni.

317    Barra minn hekk, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 501/2008 jipprevedi li “[ħ]lief f’każijiet ta’ forza maġġuri, kull dewmien fil-ħlasijiet għandu jwassal għal tnaqqis fis-somma ta’ ħlasijiet bil-quddiem li jsiru kull xahar mill-Kummissjoni lill-Istati Membri, skond ir-regoli stipulati fl-Artikolu 9 tar-Regolament […] Nru 883/2006.”

318    Fl-aħħar nett, skont il-premessa 19 tar-Regolament Nru 501/2008, “[s]abiex jintlaħqu l-ħtiġijiet marbutin mal-ġestjoni baġitarja, għandha tiġi prevista sanzjoni finanzjarja f’każ ta’ dewmien fil-ħlasijiet mill-Istati Membri”.

319    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-qbiż, mir-Repubblika Taljana, tat-terminu għall-pagament imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 501/2008 jikser il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea u huwa biżżejjed sabiex irendi l-infiq irregolari u, għaldaqstant, mhux eliġibbli, mingħajr il-ħtieġa li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu għall-Fond.

320    Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

321    Peress li l-ebda wieħed mill-motivi invokati mir-Repubblika Taljana ma huwa fondat, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

322    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

323    Peress illi r-Repubblika Taljana tilfet fir-rigward tat-talbiet tagħha, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tal-Kummissjoni.

324    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

325    Għaldaqstant, ir-Repubblika Franċiża u l-Ungerija għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Franċiża u l-Ungerija għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑12 ta’ Marzu 2019.

Firem

Werrej



*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.