Language of document : ECLI:EU:T:2019:168

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

19 ta’ Marzu 2019 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Settur postali – Kumpens għall-ispejjeż netti li jirriżultaw mill-obbligi ta’ servizz universali – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità – Dritt għall-proprjetà – Libertà ta’ intrapriża”

Fil-Kawżi magħquda T‑282/16 u T‑283/16,

Inpost Paczkomaty sp. z o.o., stabbilita fi Kraków (il-Polonja), irrappreżentata inizjalment minn T. Proć, sussegwentement minn M. Doktór, avukati,

rikorrenti fil-kawża T‑282/16,

Inpost S.A., stabbilita fi Kraków, irrappreżentata minn W. Knopkiewicz, avukat,

rikorrenti fil-kawża T‑283/16,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann, K. Blanck u D. Recchia, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talbiet ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8236 finali, tas-26 ta’ Novembru 2015, li permezz tagħha hija ma qajmitx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżura nnotifikata mill-awtoritajiet Pollakki dwar l-għajnuna mogħtija lil Poczta Polska fil-forma ta’ kumpens għall-ispejjeż netti li jirriżultaw mit-twettiq, minn din il-kumpannija, tal-obbligi tagħha ta’ servizz postali universali għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2015,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President tal-Awla, V. Kreuschitz, I. S. Forrester, N. Półtorak u E. Perillo (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Guzdek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi applikabbli

1        Poczta Polska (iktar ’il quddiem il-“PP”) hija kumpannija Pollakka li l-uniku azzjonist tagħha huwa t-Teżor Pubbliku tar-Repubblika tal-Polonja. Fiż-żmien tal-fatti, li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża, l-attività tagħha kienet tinkludi, essenzjalment, is-servizzi postali universali kif ukoll dawk ta’ messaġġerija, li hija kienet l-operatur prinċipali tagħhom fil-Polonja.

2        Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat KE applikabbli għal din it-tilwima u li jirrigwardaw l-iżvilupp tas-suq intern, is-servizzi inkwistjoni kienu jaqgħu, kif fuq kollox għadhom sal-lum, taħt kompetenza leġiżlattiva maqsuma bejn il-Komunità Ewropea, illum l-Unjoni Ewropea, minn naħa, u l-Istati Membri, min-naħa l-oħra.

3        Għalhekk, f’dak li jirrigwarda d-dritt tal-Unjoni, ir-regoli applikabbli ġew stabbiliti mid-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71), kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU 2008, L 52, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 225, p. 49) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Posta”).

4        B’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet li, mil-lat finanzjarju, jistgħu jirriżultaw mil-liberalizzazzjoni ta’ dan is-settur ta’ servizzi fis-suq intern tal-Unjoni, l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva dwar il-Posta jipprevedi, anki sal-lum, li, meta l-obbligi ta’ servizz universali jwasslu għal “piż finanzjarju inġust” li l-fornitur maħtur għal dan is-servizz ikollu jsostni waħdu, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jintroduċi “mekkaniżmu għall-kondiviżjoni ta’ l-ispiża netta ta’ l-obbligi ta’ servizz universali bejn il-fornituri [differenti] tas-servizzi”.

5        Skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva dwar il-Posta, jekk tali mekkaniżmu jiġi introdott, l-Istat Membru kkonċernat jista’ “jistabbilixx[i] fond ta’ kumpens li jista’ jiġi ffinanzjat [minn tariffa imposta fuq il-] fornituri tas-servizz [inkwistjoni]”. Skont l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva dwar il-Posta, waqt l-istabbiliment tal-imsemmi fond ta’ kumpens u waqt l-iffissar tal-livell tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmija fil-paragrafi 3 u 4 tal-imsemmi artikolu, “l-Istat[i] Membr[i] għand[hom] jiżgura[w] li l-prinċipji tat-trasparenza, in-non-diskriminazzjoni u l-proporzjonalità jiġu rispettati”.

6        Skont il-formulazzjoni tat-tieni paragrafu tal-parti B tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-Posta, l-ispejjeż netti tal-obbligi ta’ servizz universali jikkorrispondu għal kwalunkwe spiża marbuta mal-ġestjoni tal-provvista tas-servizz universali. Din l-ispiża hija ekwivalenti għad-“differenza bejn l-ispiża netta għal fornitur innominat ta’ [dan is-] servizz universali biex jopera bl-obbligi [previsti mil-liġi nazzjonali dwar il-posta] u dik ta’ għall-istess fornitur ta’ servizz postali biex jopera mingħajr l-obbligi ta’ servizz universali.”

7        Fil-Polonja, id-Direttiva dwar il-Posta ġiet trasposta fil-liġi permezz tal-ustawa Prawo pocztowe (il-Liġi dwar il-Posta), tat-23 ta’ Novembru 2012 (Dz. U. tal-2012, intestatura 1529) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Postali Pollakka”). Skont l-Artikolu 2 tagħha, is-servizzi li jaqgħu fl-ambitu tas-servizz universali huma, f’dan il-pajjiż, dawk li jinkludu l-kunsinni ta’ ittri u pakketti postali kif ukoll il-kunsinni għall-għomja, li ma jitwettqux mill-operatur maħtur fil-kuntest tal-obbligi tiegħu ta’ servizz universali. Taħt is-servizz postali universali, it-twassil u t-tqassim ta’ ittri u ta’ pakketti postali għandhom ikunu żgurati għal kull ġurnata tax-xogħol u mhux inqas minn ħamest ijiem fil-ġimgħa. Il-piż tal-oġġetti postali kkonċernati ma jistax jaqbeż l-2 000 gramma, filwaqt li dak tal-pakketti jista’ madankollu jitla’ sa 10 000 gramma (Artikoli 45 u 46 tal-Liġi Postali Pollakka).

8        Fuq il-bażi tal-Liġi Postali Pollakka (Artikolu 178(1)), l-implimentazzjoni tar-riforma tas-servizz postali Pollakk ġiet fdata, għall-ewwel u għal perijodu ta’ tliet snin mill-1 ta’ Jannar 2013, lil PP, li għalhekk ġiet inkarigata tassumi l-obbligi ta’ fornitur tas-servizz postali universali fit-territorju Pollakk kollu.

9        Peress li l-kuntest ġuridiku ta’ din ir-riforma ġie stabbilit b’dan il-mod, l-awtoritajiet Pollakki, bl-użu b’mod partikolari tal-possibbiltajiet mogħtija permezz tad-Direttiva dwar il-Posta (ara l-punti 3 sa 6, iktar ’il fuq) kif ukoll id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi Postali Pollakka, innotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea, fl-10 ta’ Ġunju 2014, skema ta’ għajnuna li tirrigwarda, minn naħa, mekkaniżmu għal tqassim tal-ispejjeż netti tal-obbligi ta’ servizz universali u, min-naħa l-oħra, l-istabbiliment ta’ fond ta’ kumpens, addizzjonali għall-istabbiliment ta’ dan il-mekkaniżmu.

10      Il-fond ta’ kumpens kien iffinanzjat, parzjalment, mill-kontribuzzjonijiet li l-operaturi postali kkonċernati kellhom iħallsu lill-imsemmi fond kif ukoll, parzjalment, mill-baġit tal-Istat. B’mod partikolari, l-obbligu ta’ kontribuzzjoni previst fl-Artikolu 108(2) tal-Liġi Postali Pollakka kien intiż għall-operaturi postali li jipprovdu servizzi universali ekwivalenti, li d-dħul annwali rċevut minnhom għal dan il-għan kellu madankollu jkun ogħla minn 1 miljun zloty Pollakk (PLN). Fi kwalunkwe każ, l-ammont dovut minn kull operatur ikkonċernat ma setax jaqbeż, kull sena, il-limitu massimu ta’ 2 % tal-ammont tad-dħul li jkun ġej mill-provvista tagħhom ta’ servizz universali (iktar ’il quddiem il-“perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni”).

11      Inizjalment previst sabiex ikopri l-perijodu bejn l-2013 sal-2026, dan il-mekkaniżmu fl-aħħar ġie limitat, permezz ta’ ittra li l-awtoritajiet kompetenti Pollakki bagħtu lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Jannar 2015, għall-perijodu bejn l-2013 sal-2015 (iktar ’il quddiem l-“iskema nazzjonali ta’ kumpens” jew il-“miżura inkwistjoni”).

12      Fis-26 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, bis-saħħa tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fil-konfront tal-iskema nazzjonali ta’ kumpens minħabba li din kienet għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Skont il-Kummissjoni, konformement mal-kriterji stabbiliti fit-taqsimiet 2.1 sa 2.8 tal-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011) (ĠU 2012, C 8, p. 15, iktar ’il quddiem il-“Qafas SIEĠ”), il-miżura inkwistjoni ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-prinċipji ta’ funzjonament tal-fond ta’ kumpens ma jwasslux għal distorsjonijiet serji tal-kompetizzjoni u ma jimponu għalhekk l-ebda rekwiżiti addizzjonali sabiex jiġi żgurat li l-iżvilupp tal-kummerċ ma jiġix affettwat b’mod li jkun inkompatibbli mal-interessi tal-Unjoni.

13      Ir-rikorrenti huma, minn naħa, Inpost Paczkomaty sp. z o.o. u, min-naħa l-oħra, Inpost S.A. Dawn il-kumpanniji jifformaw parti mill-grupp Pollakk Integer.pl S.A., li, skont l-Artikolu 2 tal-Liġi Postali Pollakka, jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-fond ta’ kumpens li nħoloq permezz tal-imsemmija liġi u li jippermetti lil PP tibbenefika mill-kumpens korrispondenti (ara l-punt 9 iktar ’il fuq).

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti ppreżentaw, rispettivament, ir-rikorsi rreġistrati bir-referenzi T‑282/16 u T‑283/16.

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Settembru 2016, ir-Repubblika tal-Polonja talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni talbet li l-kawżi preżenti jingħaqdu.

17      B’deċiżjonijiet tat-28 ta’ Ottubru 2016, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-intervent tar-Repubblika tal-Polonja.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Novembru 2016, il-Kawżi T‑282/16 u T‑283/16 ingħaqdu għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll għad-deċiżjoni li ttemm l-istanza, skont l-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

19      Ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fid-19 ta’ Jannar 2017.

20      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3) tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet domandi bil-miktub lill-partijiet, u talbithom jirrispondu bil-miktub, li għamlu fit-termini mogħtija.

21      Fuq proposta tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, tibgħat lura l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

22      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-24 ta’ April 2018.

23      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.      Fuq is-suġġett tal-kawża u fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrenti

25      F’dak li jirrigwarda s-suġġett ta’ din it-tilwima, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-iskema nazzjonali ta’ kumpens ma tikkonċernax il-perijodu sussegwenti għall-31 ta’ Diċembru 2015, peress li l-finanzjament tas-servizzi postali universali għall-perijodu bejn l-2016 sal-2025 ma huwiex is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessi 2 u 12 ta’ din id-deċiżjoni u l-punt 11 iktar ’il fuq).

26      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti indikaw li l-fond ta’ kumpens ma kien intuża la fl-2014 u lanqas fl-2015, u li “[l]-assenza effettiva ta’ talba min-naħa ta’ [PP] li tippermetti l-implimentazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu għall-[imsemmija] snin […] [kellha] bħala konsegwenza li d-deċiżjoni kkontestata ma [kinitx] tipproduċi effetti legali sfavorevoli għar-rikorrent[i]”. Minn dan isegwi li, skont l-ammissjoni stess tar-rikorrenti, huma ma għandhomx interess ġuridiku fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija ma tqajjimx oġġezzjonijiet dwar il-miżura inkwistjoni f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tagħha matul is-snin 2014 u 2015, peress li tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ din id-deċiżjoni jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors ikun jista’ għalhekk, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li dawn ir-rikorsi huma ammissibbli biss sa fejn id-deċiżjoni kkontestata pproduċiet effetti legali fil-konfront tar-rikorrenti matul is-sena 2013, peress li l-fond ta’ kumpens li huwa s-suġġett tal-miżura inkwistjoni u tal-imsemmija deċiżjoni ma ġiex attivat matul is-snin 2014 u 2015.

B.      Fuq il-mertu

28      Insostenn tar-rikorsi, ir-rikorrenti jqajmu seba’ motivi, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel ħamsa minnhom, fuq il-ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE sa fejn il-qafas SIEĠ u l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Posta ma ġewx osservati, is-sitt wieħed, fuq il-ksur tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u, l-aħħar wieħed, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE, sa fejn l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar il-Posta kif ukoll il-punt 19 tal-Qafas SIEĠ ma ġewx osservati

29      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-miżura inkwistjoni ma kellhiex tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni, għaliex id-deċiżjoni tal-leġiżlatur Pollakk li jafda lil PP ir-responsabbiltà għas-servizzi postali universali inkwistjoni ma kienet is-suġġett la ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti b’osservanza tar-regoli tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, u lanqas, fi kwalunkwe każ, ta’ proċedura li tosserva l-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

30      Il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan il-motiv. Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni żiedet, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti ma setgħux jinvokaw tali motiv, li, fil-fatt, kien jikkonċerna biss is-sitwazzjoni u d-drittijiet speċifiċi ta’ PP.

31      Skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar il-Posta:

“L-Istati Membri jistgħu jiżguraw il-forniment ta’ servizzi universali billi jakkwistaw dawn is-servizzi skond ir-regoli u r-regolamenti applikabbli dwar l-akkwist pubbliku, inkluż, kif previst mid-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkordina l-proċeduri ta’ l-akkwist pubbliku ta’ entitajiet li joperaw fis-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali, il-proċeduri kompetittivi ta’ djalogu jew dawk innegozjati bil-pubblikazzjoni ta’ notifika ta’ kuntratt jew mingħajrha.”

32      F’dan il-każ, huwa, ċertament paċifiku li PP inħatret mill-Liġi Postali Pollakka bħala fornitur tas-servizzi postali universali mingħajr l-organizzazzjoni mill-awtoritajiet Pollakki ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti.

33      Madankollu, kif jirrilevaw ġustament il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar il-Posta ma tobbligax lill-Istat Membru kkonċernat juża l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti sabiex tintgħażel l-entità li lilha huwa għandu l-intenzjoni li jafda l-provvista ta’ servizz postali universali, peress li tali użu huwa, skont it-termini ta’ din id-dispożizzjoni li abbażi tagħhom “[l]-Istati Membri jistgħu jiżguraw”, sempliċi fakultà.

34      Din l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar il-Posta hija kkonfermata minn interpretazzjoni sistematika, fid-dawl b’mod partikolari tal-premessa 23 tad-Direttiva 2008/6, li hija fformulata kif ġej:

“[L]-Istati Membri għandhom jingħataw aktar flessibbiltà fil-possibbiltà li jiddeterminaw il-mekkaniżmu l-aktar effiċjenti u xieraq biex jiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ servizz universali, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji dwar l-oġġettività, it-trasparenza, in-non-diskriminazzjoni, il-proporzjonalità u l-inqas tfixkil għas-suq[, jew billi jitħalla] il-forniment ta’ servizz universali mill-forzi tas-suq, [jew bin-] nomina ta’ impriża waħda jew bosta impriżi biex jipprovdu elementi differenti tas-servizz universali jew biex ikopru partijiet differenti tat-territorju, [jew permezz tal-]akkwist pubbliku tas-servizzi.”

35      Minn dan jirriżulta li l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti huma biss għażla fost dawk li jistgħu jintgħażlu mill-Istat Membru kkonċernat, bil-kundizzjoni b’mod partikolari li, fl-eżerċizzju ta’ din l-għażla, il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament u tan-nondiskriminazzjoni jiġu osservati. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tikkorrispondi għal dik mogħtija mill-Kummissjoni fil-punt 56 tal-Qafas SIEĠ, li fih hija tirrikonoxxi li teżisti l-possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat li jaħtar, “mingħajr ma jwettaq proċedura kompetittiva, fornitur ta’ servizzi pubbliċi għal provvista ta’ SIEĠ f’suq mhux irriżervat […]”

36      Issa, ir-rikorrenti ma jikkontestawx “l-leġittimità bħala tali ta[l-]ħatra ta’ [PP bħala fornitur tas-servizzi postali universali] permezz tal-leġiżlazzjoni”, iżda sempliċement isostnu, essenzjalment, li din il-ħatra kisret ir-rekwiżiti ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba li, f’Diċembru 2012, “l-awtoritajiet Pollakki għaddew [il-Liġi Postali Pollakka] b’kundizzjonijiet fundamentalment differenti minn dawk li kienu ġew ippreżentati għall-konsultazzjoni pubblika f’[Settembru] 2010, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda ż-żieda fir-rata ta’ finanzjament tal-ispejjeż netti, minn 1 għal 2 % tad-dħul”.

37      Għandu madankollu jiġi kkonstatat li tali argument ma jikkonċernax il-mod jew il-proċedura li biha PP inħatret bħala fornitur uniku tas-servizzi postali universali, għal perijodu ta’ tliet snin mill-1 ta’ Jannar 2013, iżda huwa intiż sabiex jikkontesta, b’antiċipazzjoni barra minn hekk tat-tieni motiv, il-mod li bih ir-rata ta’ kumpens inkwistjoni ġiet fl-aħħar nett ikkalkolata u adottata mill-awtoritajiet Pollakki. Konsegwentement, sa fejn dan l-argument huwa bbażat fuq ir-rekwiżiti ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

38      Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-ħatra ta’ PP bħala fornitur tas-servizzi postali universali matul perijodu partikolari kienet diġà prevista waqt il-konsultazzjoni pubblika ta’ Settembru 2010, li seħħet speċifikament fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv nazzjonali rilevanti. Fi kwalunkwe każ, minn dan isegwi li, fir-rigward tal-għażla tal-fornitur tas-servizzi postali universali, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod validu li l-Liġi Postali tal-2012 għaddiet f’kundizzjonijiet “fundamentalment differenti” minn dawk li ġew ippreżentati għall-konsultazzjoni pubblika f’Settembru 2010 sabiex jissostanzjaw l-eżistenza ta’ ksur tar-rekwiżiti ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

39      Fl-aħħar nett, il-fatt li PP inħatret fornitur tas-servizzi postali universali direttament u esklużivament permezz ta’ leġiżlazzjoni ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-Liġi Postali Pollakka ġiet ippubblikata fid-29 ta’ Diċembru 2012 fil-ġurnal uffiċjali ta’ dan il-pajjiż u li r-Repubblika tal-Polonja kienet libera, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha fir-rigward tad-definizzjoni tal-estent ta’ servizz universali (ara s-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il-Kummissjoni, C‑66/16 P sa C‑69/16 P, EU:C:2017:999, punti 69 u 70 u l-ġurisprudenza ċċitata) u skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 15 tal-Qafas SIEĠ, li tiddetermina l-forma legali tal-att li permezz tiegħu r-responsabbiltà tal-ġestjoni tas-servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (SIEĠ) tiġi fdata lill-impriża maħtura.

40      Dan jgħodd ukoll meta l-fornitur maħtur ta’ servizz universali huwa, bħal f’dan il-każ, entità pubblika “100 % proprjetà tal-Istat”. Fil-fatt, in-natura pubblika biss tal-imsemmi fornitur ma tikkontestax il-fatt li l-ħatra tiegħu ġiet deċiża fl-osservanza tal-prinċipji li jirregolaw l-għoti ta’ mandat ta’ fornitur ta’ servizz universali, kif irrikonoxxuti fil-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punti 161 et seq.).

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, u mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv, kif invokat matul is-seduta mill-Kummissjoni, l-ewwel motiv għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud bħala infondat.

2.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE sa fejn il-kundizzjonijiet previsti fil-punti 14 u 60 tal-Qafas SIEĠ ġew b’mod żbaljat ikkunsidrati bħala ssodisfatti

42      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jqajmu żewġ ilmenti distinti. Minn naħa, huma jsostnu li r-rekwiżiti ta’ konsultazzjoni pubblika, kif jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-punt 14 tal-Qafas SIEĠ, ma ġewx, f’dan il-każ, osservati. L-abbozz tal-Liġi Postali Pollakka ġie sostanzjalment varjat fir-rigward tal-abbozz inizjali, li fuqu kienet twettqet il-konsultazzjoni pubblika organizzata f’Settembru 2010, peress li r-rata ta’ kontribuzzjoni fil-frattemp żdiedet minn 1 % għal 2 % tad-dħul ikkonċernat. Għalhekk, fl-assenza ta’ konsultazzjoni ġdida, li kienet imposta abbażi tal-punt 14 tal-Qafas SIEĠ, tali modifika leġiżlattiva seħħet mingħajr ma l-interessi tal-operaturi postali, minbarra dawk ta’ PP, kif ukoll il-ħtiġijiet fil-qasam ta’ servizz universali, ġew debitament ikkunsidrati mill-awtoritajiet Pollakki. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jqisu li lanqas ma ġew osservati r-rekwiżiti ta’ trasparenza previsti fil-punt 60 tal-Qafas SIEĠ, peress li l-Kummissjoni ma kkonstatatx, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika kienu ġew ippubblikati, indipendentement mill-fatt jekk ġewx ippubblikati fuq l-internet jew bi kwalunkwe mezz ieħor ta’ pubblikazzjoni xierqa.

43      Il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan l-argument. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet ukoll li l-motiv inkwistjoni kellu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli, peress li ma jaffettwax is-sitwazzjoni ta’ kull waħda mir-rikorrenti la direttament u lanqas individwalment.

a)      Fuq l-ewwel ilment

44      Fir-rigward tal-ewwel ilment, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha taħt l-Artikolu 106(2) TFUE, il-Kummissjoni tista’ tadotta regoli ta’ kondotta sabiex tistabbilixxi l-kriterji li abbażi tagħhom hija għandha l-intenzjoni tevalwa l-kompatibbiltà, mas-suq intern, ta’ miżuri ta’ għajnuna relatati mal-ġestjoni ta’ SIEĠ, previsti mill-Istati Membri. Bl-adozzjoni ta’ tali regoli ta’ kondotta, bħal dawk tal-Qafas SIEĠ, u bit-tħabbir permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn dak iż-żmien ’il quddiem għall-każijiet ikkonċernati minnhom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali u ma tistax, bħala prinċipju, titbiegħed minn dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament jew dak tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2016, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punti 68 sa 70; tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 38 sa 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Lulju 2014, Zweckverband Tierkörperbeseitigung vs Il-Kummissjoni, T‑309/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:676, punt 212).

45      Il-punt 14 tal-Qafas SIEĠ jaqra’ kif ġej:

“Għall-fini tal-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni, l-Istati Membri għandhom juru li taw konsiderazzjoni xierqa lill-bżonnijiet tas-servizz pubbliku appoġġjati permezz ta’ konsultazzjoni pubblika jew strumenti adatti oħra biex jittieħed kont tal-interessi tal-utenti u tal-fornituri. Dan ma japplikax fejn ikun ċar li konsultazzjoni ġdida mhux ser twassal għal żieda sinifikanti fil-valur ta’ konsultazzjoni reċenti.”

46      Issa, jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li l-organizzazzjoni ta’ konsultazzjoni pubblika ma hijiex obbligatorja, peress li tali proċedura tikkostitwixxi biss, fil-fatt, wieħed mill-mezzi xierqa li l-Istat Membru jista’ juża għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tas-servizz pubbliku kkonċernat u għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-utenti u tal-fornituri ta’ servizz.

47      Barra minn hekk, waqt il-konsultazzjoni pubblika ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti setgħu effettivament jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kundizzjonijiet relatati mal-funzjonament tal-fond ta’ kumpens u b’mod partikolari juru n-nuqqas ta’ qbil tagħhom fir-rigward ta’ rata ta’ kontribuzzjoni fissa ta’ 1 %, jew ta’ rata ta’ inqas minn 2 %.

48      Għaldaqstant, sa fejn ir-rikorrenti setgħu jesprimu n-nuqqas ta’ qbil tagħhom fir-rigward ta’ rata inqas mir-rata adottata fl-aħħar nett, billi jsostnu li huma kienu jarawha diġà eċċessiva, konsultazzjoni ġdida ma kienet twassal, fuq dan il-punt, għal ebda “żieda sinifikanti fil-valur,” fis-sens tal-punt 14 tal-Qafas SIEĠ. Barra minn hekk, il-fatt li, sussegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti ma ttieħdux inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ma jfissirx li dawn il-kumpanniji ma setgħux jesprimu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dan il-punt partikolari (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2014, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il-Kunsill, T‑643/11, EU:T:2014:1076, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Minn dan isegwi li l-konsultazzjoni pubblika ta’ Settembru 2010 kienet tikkostitwixxi “strument adatt”, fis-sens tal-punt 14 tal-Qafas SIEĠ, li, b’mod partikolari, ippermettiet lir-rikorrenti jesprimu b’mod utli l-perspettiva tagħhom u lill-Istat Membru kkonċernat li jieħu debitament inkunsiderazzjoni l-interessi tagħhom bħala fornituri ta’ servizz.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet, fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, tqis mingħajr żball ta’ liġi, jew ta’ evalwazzjoni, li, essenzjalment, ir-Repubblika tal-Polonja kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet tas-servizz sa fejn l-obbligi ta’ SIEĠ fdati lil PP permezz tal-Liġi Postali Pollakka kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ servizz stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Posta u fid-dawl tal-fatt li konsultazzjoni pubblika kienet, fi kwalunkwe każ, seħħet, b’applikazzjoni tal-punt 14 tal-Qafas SIEĠ.

51      Fl-aħħar nett, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti li, minn naħa, “iż-żieda tal-limitu massimu tal-kontribuzzjonijiet għal 2 % [kellha] l-unika raġuni li jiġi evitat l-użu tal-baġit tat-Teżor Pubbliku” u, min-naħa l-oħra, li l-operaturi ta’ servizz ta’ kurrier kellhom jikkontribwixxu wkoll għall-finanzjament tal-fond ta’ kumpens. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti huma ineffettivi għall-finijiet tal-ewwel ilment ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti ta’ trasparenza tal-proċedura stabbiliti fil-punt 14 tal-Qafas SIEĠ.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel ilment ta’ dan it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq it-tieni lment

53      Fir-rigward tat-tieni lment, għandu jitfakkar il-kliem tal-punt 60 tal-Qafas SIEĠ, li huwa fformulat kif ġej:

“Għal kull kumpens tal-SGEI li jaqa’ f l-ambitu ta’ din il-Komunikazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat irid jippubblika l-informazzjoni segwenti fuq l-internet jew b’mod ieħor xieraq:

(a)      ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika jew ta’ strumenti xierqa oħra msemmija fil-paragrafu 14;

[…]”

54      Issa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, fil-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, mingħajr żball ta’ fatt, li l-Liġi Postali Pollakka kienet ġiet ippubblikata. Barra minn hekk, għall-kuntrarju għal dak li jsostnu r-rikorrenti, mill-punt 60 tal-Qafas SIEĠ ma jirriżultax obbligu għall-Istat Membru li jippubblika r-riżultati tal-konsultazzjonijiet pubbliċi separatament. Fl-aħħar nett, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 46 sa 50 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet validament tqis li r-rekwiżiti ta’ trasparenza msemmija fil-punt 14 tal-Qafas SIEĠ kienu ġew osservati, b’tali mod li l-konklużjoni tagħha korrispondenti li tinsab fil-premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex żbaljata.

55      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni lment għandu wkoll jiġi miċħud u, konsegwentement, u mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tiegħu, it-tieni motiv fl-intier tiegħu.

3.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat, minn naħa, fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE sa fejn il-Kummissjoni kisret il-punt 52 tal-Qafas tas-SIEĠ u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-Artikolu 7(1) u (3) sa (5) tad-Direttiva dwar il-Posta

56      Permezz tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-punt 52 tal-Qafas tal-SIEĠ kif ukoll l-Artikolu 7(1) u (3) sa (5) tad-Direttiva dwar il-Posta. Essenzjalment, il-modalitajiet tal-fond ta’ kumpens huma diskriminatorji, sproporzjonati u ġew adottati skont proċedura mhux trasparenti. Barra minn hekk, huma jqisu li l-Kummissjoni ma wettqitx eżami xieraq sabiex jiġi ddeterminat jekk l-obbligi ta’ servizz universali kinux jimponu spiża netta għal PP u kinux jikkostitwixxu piż finanzjarju “inġust” għal din l-impriża, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva dwar il-Posta.

57      Qabelxejn, għandu jitfakkar li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-operaturi postali mitluba sabiex jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens huwa stabbilit għal ċertu perċentwali tad-dħul mill-bejgħ rilevanti tagħhom. Id-dħul mill-bejgħ li jittieħed inkunsiderazzjoni huwa d-dħul mill-bejgħ li ġej, matul is-sena ta’ referenza, mill-provvista ta’ servizz universali (għall-fornitur ta’ servizz universali) u mill-provvista ta’ servizzi ekwivalenti (għall-fornitur ta’ servizz universali kif ukoll għall-operaturi postali l-oħra kollha mitluba sabiex jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens). L-operaturi postali li għandhom dħul mill-bejgħ rilevanti ta’ inqas minn PLN 1 miljun matul is-sena ta’ referenza huma madankollu eżentati minn kontribuzzjoni għall-fond ta’ kumpens. Fir-rigward tal-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni dan huwa uniformi għall-operaturi kollha mitluba sabiex jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens u limitat għal 2 % tad-dħul mill-bejgħ rilevanti tagħhom. Dan il-perċentwali għandu jiġi ikkalkolat bħala proporzjon bejn, minn naħa, l-ammont totali tal-kumpens dovut lill-fornitur ta’ servizz universali u, min-naħa l-oħra, it-total tad-dħul mill-bejgħ rilevanti mwettaq mill-operaturi postali kollha mitluba sabiex jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens matul is-sena ta’ referenza (premessi 164, 165 u 170 tad-deċiżjoni kkontestata).

58      Skont il-Liġi Postali Pollakka, il-kalkolu tal-ammont totali tal-kumpens huwa stabbilit permezz ta’ deċiżjoni tar-regolatur postali Pollakk (iktar ’il quddiem l-“UKE”), wara verifika minn perit indipendenti tal-kalkoli u tad-dokumenti kontabbli ta’ sostenn ippreżentati minn PP (premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, l-ispejjeż netti tal-obbligi ta’ servizz universali ta’ PP jagħtu dritt għal kumpens biss jekk il-provvista ta’ servizz universali effettivament waslet għal telf kontabbli (premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata). Jekk għandu jingħata kumpens lil PP, l-UKE jistabbilixxi wkoll l-ammont individwali tal-kumpens għal kull operatur postali mitlub sabiex jikkontribwixxi għall-fond ta’ kumpens (premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata).

59      B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-modalitajiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-ammont tal-kumpens li għalih kienet intitolata PP kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-Qafas SIEĠ, sa fejn PP tirċievi kumpens biss jekk l-obbligi tagħha ta’ servizz universali jkunu jwasslu għal spiża netta u jkunu jirrappreżentaw piż mhux ekwu (premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li l-ammont tal-kumpens u l-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni jissodisfaw il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità (premessi 166 u 171 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-modalitajiet tal-fond ta’ kumpens kienu trasparenti sa fejn huma kienu ġew ippubblikati minn qabel fil-Liġi Postali Pollakka (premessa 176 tad-deċiżjoni kkontestata).

60      Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni ma kinitx tipproduċi distorsjonijiet serji ta’ kompetizzjoni u kienu kompatibbli mar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat (premessa 177 tad-deċiżjoni kkontestata).

a)      Fuq il-portata tat-tielet motiv u n-natura effettiva tiegħu fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Posta

61      Permezz tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 7(1) u (3) sa (5) tad-Direttiva dwar il-Posta.

62      Il-Kummissjoni titlob li l-motiv jiġi miċħud kollu kemm hu. B’mod partikolari, hija ssostni li t-tielet motiv huwa ineffettiv sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Posta. Fil-fatt, fid-dawl tal-kontenut u tal-portata tal-kontroll tagħha ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha tapplika biss ir-regoli speċifiċi għal dan il-qasam, mingħajr ma għandha jkollha tivverifika l-konformità tal-miżura nnotifikata ma’ regoli oħra tal-Unjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, mad-Direttiva dwar il-Posta.

63      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta l-Kummissjoni tapplika l-proċedura relatata mal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, hija għandha, skont l-istruttura ġenerali tat-Trattat, tosserva l-koerenza bejn id-dispożizzjonijiet li jirregolaw dan il-qasam u d-dispożizzjonijiet speċifiċi minbarra dawk relatati mal-għajnuna mill-Istat u, għalhekk, tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet speċifiċi (ara s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il-Kummissjoni, T‑57/11, EU:T:2014:1021, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Madankollu, tali obbligu huwa impost fuq il-Kummissjoni biss fir-rigward tal-modalitajiet ta’ għajnuna li jkunu tant marbuta b’mod inseparabbli mal-għan tal-għajnuna li ma jkunx possibbli li jiġu evalwati b’mod iżolat. Ma huwiex impost, għall-kuntrarju, fir-rigward ta’ kundizzjonijiet jew ta’ elementi ta’ għajnuna li, minkejja li jagħmlu parti mill-għajnuna, jistgħu jitqiesu li ma humiex neċessarji għat-twettiq tal-għan jew tal-funzjonament tagħha (ara s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il-Kummissjoni, T‑57/11, EU:T:2014:1021, punt 182 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Fil-fatt, obbligu tal-Kummissjoni li tieħu pożizzjoni b’mod definittiv, indipendentement mir-rabta bejn il-modalitajiet u l-għan tal-għajnuna inkwistjoni, fil-kuntest ta’ proċedura relatata mal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, fuq l-eżistenza jew l-assenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni distinti minn dawk li jaqgħu taħt l-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE, jekk ikun il-każ, moqrija flimkien mal-Artikolu 106 TFUE, imur kontra, minn naħa, ir-regoli u l-garanziji proċedurali — parzjalment differenti ħafna u li jimplikaw konsegwenzi ġuridiċi distinti — li huma proprji għall-proċeduri previsti speċjalment għall-kontroll tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ awtonomija tal-proċeduri amministrattivi u tar-rimedji ġudizzjarji. Tali obbligu jmur ukoll kontra d-deroga mir-regoli tat-Trattat stabbilita permezz tal-Artikolu 106(2) TFUE, li qatt ma tista’ tipproduċi l-effetti tagħha jekk l-applikazzjoni tagħha kellha fl-istess waqt tiżgura l-osservanza sħiħa tar-regoli li hija mistennija tidderoga minnhom (ara s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il-Kummissjoni, T‑57/11, EU:T:2014:1021, punt 183 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Għalhekk, jekk il-modalitajiet tal-għajnuna inkwistjoni huma marbuta b’mod inseparabbli mal-għan tagħha, il-konformità tagħha mad-dispożizzjonijiet l-oħra minbarra dawk relatati mal-għajnuna mill-Istat tiġi evalwata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista permezz tal-Artikolu 108 TFUE u din l-evalwazzjoni tista’ twassal għal dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern. Għall-kuntrarju, jekk il-modalitajiet tal-għajnuna inkwistjoni jistgħu jiġu separati mill-għan tagħha, il-Kummissjoni ma għandhiex tevalwa l-konformità tagħha mad-dispożizzjonijiet l-oħra minbarra dawk relatati mal-għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-proċedura prevista mill-Artikolu 108 TFUE (ara s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il-Kummissjoni, T‑57/11, EU:T:2014:1021, punt 184 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li diġà ġie deċiż li l-metodu ta’ finanzjament ta’ għajnuna jista’ jirrendi l-iskema tal-Istat kollha inkwistjoni inkompatibbli mas-suq intern, b’tali mod li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni tkun obbligata teżamina l-għajnuna b’teħid ukoll inkunsiderazzjoni tal-effetti ekonomiċi u ġuridiċi li l-finanzjament tagħha tista’ tipproduċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, C‑194/09 P, EU:C:2011:497, punt 48).

68      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni hija intiża sabiex tkopri l-ispejjeż netti tal-obbligi ta’ servizz universali ta’ PP permezz ta’ fond ta’ kumpens iffinanzjat minn kontribuzzjonijiet imposti fuq ċerti operaturi postali.

69      Issa, fil-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni espliċitament ikkunsidrat li kien neċessarju li l-modalitajiet tal-fond ta’ kumpens jiġu eżaminati fid-dettall sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni. B’mod partikolari, hija kkunsidrat li “l-istabbiliment tal-kontribuzzjonijiet tal-operaturi postali għal livell xieraq (jiġifieri għal livell proporzjonat u mhux diskriminatorju) [kien] partikolarment importanti” (premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata).

70      Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnifisha rreferiet espliċitament mhux biss għad-Direttiva dwar il-Posta, iżda wkoll għall-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mal-imsemmija direttiva, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni (premessi 122, 137, 139, 152 u 163 tad-deċiżjoni kkontestata).

71      Konsegwentement, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-modalitajiet ta’ finanzjament meħtieġa għall-funzjonament tal-fond ta’ kumpens huma marbuta b’mod inseparabbli mal-għan tal-għajnuna stess, jiġifieri l-kumpens għal PP tal-obbligi tagħha ta’ servizz universali. Għalhekk, bla ħsara għall-portata tal-kontroll li l-Kummissjoni kienet obbligata twettaq f’dan ir-rigward f’dan il-każ, l-argument tagħha dwar in-natura ineffettiva tat-tielet motiv peress li huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Posta għandha tiġi miċħuda.

72      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat it-tielet motiv fl-intier tiegħu, li essenzjalment jinkludi erba’ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u dispożizzjonijiet oħra billi kkunsidrat li kien possibbli li jiġi applikat uniformament il-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni għall-fornituri ta’ servizzi universali u għall-fornituri ta’ servizzi ekwivalenti (ara l-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata). Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi qieset li l-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni kif ukoll il-livell ta’ dħul ta’ PLN 1 miljun kienu xierqa (ara l-premessi 168 u 171 tad-deċiżjoni kkontestata). Permezz tat-tielet parti, ir-rikorrenti jikkritikaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li abbażi tagħha l-mekkaniżmu tal-fond ta’ kumpens kien trasparenti (ara l-premessa 176 tad-deċiżjoni kkontestata). Permezz tar-raba’ parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat, minn naħa, meta ma wettqitx eżami xieraq tal-miżura sabiex jiġi ddeterminat jekk l-obbligi ta’ servizz universali kinux jimponu spiża netta għal PP u kinux jikkostitwixxu piż finanzjarju “inġust” għal din l-impriża u, min-naħa l-oħra, meta kkunsidrat li t-telf sostnut minn PP kien jikkostitwixxi tali piż finanzjarju inġust (premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata).

b)      Fuq l-ewwel parti, ibbażat fuq in-natura allegatament diskriminatorja tal-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni

73      Essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni bil-konklużjoni li l-applikazzjoni uniformi tal-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni għall-fornituri ta’ servizzi universali u għall-fornituri ta’ servizzi ekwivalenti kien josserva l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata). B’dan il-mod, il-Kummissjoni kisret il-punt 52 tal-Qafas SIEĠ, l-Artikolu 7(3) sa (5) tad-Direttiva dwar il-Posta kif ukoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

74      Insostenn ta’ din l-ewwel parti, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ argumenti. Minn naħa, huma jsostnu li l-fornituri ta’ servizzi universali u l-fornituri ta’ servizzi ekwivalenti ma humiex f’sitwazzjoni komparabbli u li, konsegwentement, l-applikazzjoni uniformi tal-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li l-fornituri ta’ servizzi ta’ kurrier, fis-sens ta’ posta espress, jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-operaturi postali mitluba sabiex jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens u li, konsegwentement, l-eżenzjoni tagħhom mill-obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-fond ta’ kumpens tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

75      F’dan il-każ, jirriżulta kemm mill-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata, li timplimenta l-punt 52 tal-Qafas SIEĠ, kif ukoll mill-Artikolu 7(5) tad-Direttiva dwar il-Posta li d-determinazzjoni tal-operaturi postali mitluba sabiex jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens għandha tissodisfa l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

76      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, imsejjaħ ukoll prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. In-natura komparabbli ta’ sitwazzjonijiet differenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Għandhom, barra minn hekk, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu l-att inkwistjoni (ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2014, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português vs Il-Kummissjoni, T‑487/11, EU:T:2014:1077, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      L-ewwel nett, fir-rigward tal-iskop tal-miżura inkwistjoni, huwa paċifiku li hija intiża bħala kumpens għal PP għall-ispejjeż netti li jirriżultaw mill-obbligi tagħha ta’ servizz universali u bħala finanzjament ta’ dan il-kumpens permezz ta’ fond ta’ kumpens li għalih għandhom jikkontribwixxu ċerti operaturi postali (premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata).

78      It-tieni nett, sabiex jiġi ddeterminat liema impriżi jistgħu jintalbu sabiex jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 27 tad-Direttiva dwar il-Posta tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-servizzi pprovduti minnhom jistgħux, mill-perspettiva tal-utent, jitqiesu bħala servizzi li jaqgħu fl-ambitu tas-servizz universali minħabba l-fatt li huma juru livell suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà ma’ dan, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, inklużi aspetti b’valur miżjud, kif ukoll l-użu u l-prezz tagħhom.

79      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi vverifikat, minn naħa, jekk il-fornitur ta’ servizz universali u l-fornituri ta’ servizzi ekwivalenti humiex f’sitwazzjoni komparabbli u, min-naħa l-oħra, jekk l-operaturi postali mitluba sabiex jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens u l-fornituri tas-servizzi ta’ kurrier, fis-sens ta’ posta espress, humiex f’sitwazzjoni komparabbli.

1)      Fuq il-paragun bejn l-operatur ta’ servizz universali u l-operaturi ta’ servizzi ekwivalenti

80      Ir-rikorrenti jsostnu li l-applikazzjoni uniformi tal-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni kemm għall-operaturi ta’ servizz universali kif ukoll għall-operaturi ta’ servizzi ekwivalenti hija ta’ natura diskriminatorja peress li s-sitwazzjoni ta’ dawk tal-ewwel hija differenti minn dik tat-tieni.

81      Dan huwa il-każ b’mod partikolari meta s-suq li fih joperaw il-fornituri ta’ servizz universali għandu, b’mod definittiv, operatur wieħed biss, f’dan il-każ PP, u għaldaqstant ma huwiex verament kompetittiv, b’differenza għas-suq li l-fornituri ta’ servizzi ekwivalenti jista’ jkollhom aċċess u li fih huma jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom. Permezz tal-ġestjoni ta’ servizz universali li għalih hija nħatret, PP tiġġenera barra minn hekk proporzjonalment iktar dħul minn dak tas-servizzi ekwivalenti, li, peress li huma suġġetti għall-kompetizzjoni, jistgħu jipproduċu biss marġni ta’ profitt ferm inqas. F’dawn iż-żewġ tipi distinti ta’ suq, l-operaturi kkonċernati ma jistgħux ikunu suġġetti għall-istess rata ta’ kontribuzzjoni. Il-modalitajiet ta’ funzjonament tal-fond ta’ kumpens huma iktar diskriminatorji peress li jippermettu lil PP li tirkupra, permezz tal-finanzjament tal-ispejjeż netti tas-servizzi universali, il-marġni li dan l-istess fornitur jitlef, jekk ikun il-każ, fis-suq tas-servizzi ekwivalenti, b’tali mod li jkun jista’ għalhekk joffri tariffi anormalment baxxi u jeskludi, prattikament, kull forma ta’ kompetizzjoni, b’mod partikolari matul proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt li jqiegħed lill-impriżi kkonċernati f’kompetizzjoni ma’ xulxin.

82      Il-Kummissjoni tirribatti li r-rikorrenti huma, għall-kuntrarju, f’sitwazzjoni essenzjalment komparabbli għal dik ta’ PP sa fejn is-servizzi postali universali u ekwivalenti jikkostitwixxu suq wieħed minħabba li l-operaturi kollha kkonċernati jeżerċitaw, b’mod definittiv, l-istess tip ta’ attività ekonomika.

83      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-applikazzjoni uniformi tal-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni ma tistax, f’dan il-każ, tkun diskriminatorja, għaliex, peress li japplika għal operaturi li għandhom dħul differenti skont is-servizzi ekwivalenti pprovduti, tali kumpens ma jistax iwassal għal trattament diskriminatorju, minħabba li dawn l-operaturi joperaw f’sitwazzjonijiet tas-suq differenti.

84      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li s-servizzi postali universali u s-servizzi postali ekwivalenti għandhom karatteristiċi simili. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 2 tal-Liġi Postali Pollakka, is-servizzi postali ekwivalenti jinkludu, b’mod partikolari, il-kunsinni ta’ ittri u ta’ pakketti postali, li l-piż u d-dimensjonijiet tagħhom huma l-istess bħal dawk previsti għas-servizzi universali. Konsegwentement, minkejja li l-fornituri ta’ servizzi ekwivalenti jistgħu jipprovaw jiddifferenzjaw ruħhom mis-servizzi universali permezz ta’ servizzi addizzjonali jew l-għoti ta’ tnaqqis, xorta jibqa’ l-fatt li s-servizzi universali u s-servizzi ekwivalenti għandhom jitqiesu bħala interkambjabbli mill-perspettiva tal-konsumaturi fid-dawl tal-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom.

85      It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-iskop tal-miżura inkwistjoni huwa l-kumpens tal-fornitur tas-servizz universali għall-ispejjeż netti li jirriżultaw mill-obbligi tiegħu ta’ servizz universali. Madankollu, peress li l-miżura inkwistjoni tagħti dritt għal dan il-kumpens biss bil-kundizzjoni li l-provvista ta’ servizz universali twassal għal telf tal-kontabbiltà, il-kumpens ta’ dan it-telf jista’, min-natura tiegħu stess, jitwettaq biss permezz ta’ dħul ieħor minbarra dak li ġej minn provvista ta’ servizz universali. Konsegwentement, bil-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ PP fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ li jirriżulta mhux biss mill-provvista tagħha ta’ servizzi ekwivalenti, iżda wkoll fuq il-bażi ta’ dak relatat mal-obbligi tagħha ta’ servizz universali, il-miżura inkwistjoni teżiġi fil-fatt li PP tħallas kontribuzzjoni għall-fond ta’ kumpens kontribuzzjoni b’perċentwali ogħla mid-dħul mill-bejgħ tagħha li jkun ġej mill-provvista tagħha ta’ servizzi ekwivalenti mill-kontribuzzjoni ta’ 2 % imposta fuq il-fornituri l-oħra ta’ servizzi ekwivalenti.

86      It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fir-rigward ta’ prattiki possibbli ta’ prezzijiet predatorji u ta’ sussidji trażversali min-naħa ta’ PP huma irrilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża. Tali aġir, li jista’ jiġi eżaminat fid-dawl tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, huwa irrilevanti għall-eżami tal-konformità tal-miżura inkwistjoni fir-rigward tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

87      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ilment dwar l-applikazzjoni uniformi tal-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni kemm għall-operaturi ta’ servizz universali kif ukoll għall-fornituri ta’ servizzi ekwivalenti għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq il-paragun mas-servizzi ta’ kurrier

88      Ir-rikorrenti jsostnu li l-obbligu impost fuqhom li jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens huwa diskriminatorju, peress li l-fornituri ta’ servizzi ta’ kurrier, fis-sens ta’ posta espress, ma humiex ikkonċernati minn dan l-obbligu minkejja li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal tagħhom.

89      Ir-rikorrenti jsostnu, b’mod partikolari, li tali servizzi “jinkludu servizzi ta’ kunsinna ta’ ittri u ta’ pakketti postali, li l-piż u d-dimensjonijiet tagħhom huma l-istess bħal dawk tas-servizzi universali”. Dawn is-servizzi ta’ kurrier huma għalhekk interkambjabbli mas-servizzi universali fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-Direttiva dwar il-Posta, b’mod partikolari il-premessa 27 tagħha. Dan jgħodd ukoll għall-użu tagħhom, it-tariffa tagħhom jew għall-kundizzjonijiet għall-provvista tagħhom, bħall-obbligu li jiġi osservat terminu ddeterminat għat-tqassim tal-oġġetti postali li huwa impost fuq is-servizzi postali kollha, kif ukoll it-traċċar, li ma huwiex iktar irriżervat għal dawn is-servizzi ta’ kurrier u jifforma parti mis-servizzi standard ipprovduti mill-fornituri ta’ servizzi universali jew servizzi ekwivalenti. Fl-aħħar nett, il-prezzijiet tas-servizzi ta’ kurrier ma humiex “sostanzjalment differenti minn dawk tas-servizzi universali, u [huma] saħansitra, f’ħafna każijiet, inqas”.

90      Il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja jsostnu li dawn is-servizzi ta’ kurrier ma humiex komparabbli mas-servizzi ekwivalenti. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, huma biss tal-ewwel li jipprevedu, minn naħa, il-ġbir tal-oġġett postali direttament mingħand il-mittent u, min-naħa l-oħra, it-twassil ta’ dan l-istess oġġett postali personalment lid-destinatarju. Barra minn hekk, skont ir-Repubblika tal-Polonja, id-differenza bejn dawn iż-żewġ servizzi tinsab, b’mod partikolari, fil-prezz. Dan tal-aħħar jiddistingwi s-servizzi ta’ kurrier mis-servizzi postali universali, peress li tal-ewwel huma neċessarjament ogħla mit-tieni.

91      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li s-servizzi ta’ kurrier, fis-sens ta’ posta espress, jiddistingwu ruħhom mis-servizzi postali universali mill-karatteristiċi tagħhom.

92      Fil-fatt, is-servizzi ta’ kurrier espress jiddistingwu ruħhom mis-servizz postali universali mill-valur miżjud għall-benefiċċju ta’ kull klijent, valur li għalih dan l-utent jaċċetta, fil-fatt, li jħallas somma ogħla. Tali servizzi jikkorrispondu, għalhekk, għal offerti kummerċjali speċifiċi, li jistgħu jiġu separati mis-servizz ta’ interess ġenerali u li jissodisfaw ħtiġijiet partikolari li jeżiġu ċerti servizzi addizzjonali li s-servizz postali tradizzjonali ma joffrix (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Ilves Jakelu, C‑368/15, EU:C:2017:462, punt 24).

93      Għalhekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġbir mid-dar li huwa assoċjat ma ħeffa jew flessibbiltà ikbar fit-tqassim kif ukoll fit-twassil tal-oġġett postali lid-destinatarju huma servizzi speċifiċi li jistgħu jiġu separati b’mod ċar mis-“servizz postali tradizzjonali”, peress li dan tal-aħħar huwa ddefinit bħala servizz għall-benefiċċju tal-utenti kollha, fit-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat, suġġett għal tariffi uniformi u għal kundizzjonijiet ta’ kwalità simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1993, Corbeau, C‑320/91, EU:C:1993:198, punti 15 u 19).

94      Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, tali evalwazzjonijiet għadhom validi sal-lum. Ir-rikorrenti ma jurux barra minn hekk kif “il-bidliet u t-trasformazzjonijiet […] li seħħew fis-suq tas-servizzi postali” mill-1993, id-data tas-sentenza msemmija fil-punt 93 iktar ’il fuq, irenduhom invalidi.

95      L-ewwel nett, huwa biss is-servizz ta’ posta espress li jipprevedi l-ġbir dirett tal-oġġett postali mill-mittent kif ukoll it-twassil personali ta’ dan l-oġġett lid-destinatarju kkonċernat. Dawn is-servizzi jikkostitwixxu valur miżjud mill-perspettiva tal-utent meta mqabbla mas-servizzi postali universali li jobbligaw lill-utenti jieħdu huma stess il-posta f’punt ta’ ġbir u jillimitaw ruħhom li jqiegħdu l-imsemmija posta fil-kaxxa postali fl-indirizz indikat tad-destinatarju.

96      Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, la l-possibbiltà ta’ posta rreġistrata b’konferma permezz ta’ irċevuta u l-possibbiltà ta’ traċċar u lanqas il-“multiplikazzjoni [fis-suq] ta’ punti ta’ ġbir u ta’ riċezzjoni tal-posta” intiżi għas-servizzi ta’ kurrier ma jippermettu li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ grad suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà bejn is-servizzi universali u s-servizzi ta’ kurrier sabiex dawn jitqiesu bħala parti mill-istess suq. Minn naħa, fir-rigward tal-posta rreġistrata b’konferma permezz ta’ irċevuta, din ma tirrappreżentax il-parti l-kbira tal-posta koperta mis-servizz universali u jibqgħu jobbligaw lill-utenti jieħdu l-posta huma stess f’punt ta’ ġbir. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-punti ta’ ġbir u ta’ riċezzjoni tal-posta, dawn jikkostitwixxu biss servizzi addizzjonali għas-servizzi ta’ ġbir mid-dar u ta’ twassil personali lid-destinatarji tal-oġġett postali li jkun ġie fdat lilhom.

97      It-tieni nett, għalkemm l-osservanza tat-termini ta’ kunsinna hija imposta fuq is-servizzi postali kollha, inklużi s-servizzi ta’ kurrier, għandu jiġi kkonstatat li dawn is-servizzi joffru wkoll opportunitajiet ta’ posta iktar mgħaġġla. Issa, dawn is-servizzi jikkostitwixxu wkoll valur miżjud mill-perspettiva tal-utent meta mqabbla mas-servizzi postali universali.

98      Konsegwentement, is-servizzi ta’ kurrier espress, preċiżament minħabba n-natura speċifika tas-servizzi tagħhom u l-valur miżjud tagħhom, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala interkambjabbli mas-servizzi postali universali.

99      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti sostnew ukoll li, f’xi Stati Membri, l-obbligu ta’ finanzjament tal-ispejjeż netti tas-servizz postali universali huwa tal-fornituri kollha ta’ servizzi postali u li, konsegwentement, il-fornituri ta’ servizzi ta’ kurrier ikunu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-fornituri ta’ servizzi l-oħra li jaqgħu taħt is-servizz universali.

100    Issa, ir-rapport intitolat “l-istituzzjoni tal-operatur postali maħtur fl-Unjoni Ewropea” tal-Instytut Pocztowy, prodott bħala anness għar-rikors, li fuqu jibbażaw ruħhom ir-rikorrenti, ma huwiex biżżejjed sabiex jissostanzjaw tali dikjarazzjoni. Fil-fatt, għalkemm dan ir-rapport jindika li kontribuzzjoni għal fond ta’ kumpens jista’ jintalab, fi Franza u fi Spanja, lill-“operaturi kollha”, fil-Portugall, lill-“operaturi kollha mkeċċija,” fl-Awstrija, lill-“operaturi kollha mkeċċija li d-dħul tagħhom jaqbeż EUR 1 miljun”, u, fil-Greċja, “lill-operaturi postali awtorizzati kollha”, għandu jiġi rrilevat li dan ma jagħti l-ebda informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni preċiża tal-fornituri li jistgħu effettivament jikkontribwixxu għad-differenti fondi ta’ kumpens, bħal, pereżempju, il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ta’ kull fornitur fil-pajjiż inkwistjoni. Għalhekk, filwaqt li l-fornituri kollha ta’ servizzi postali għandhom jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens, jekk il-kontribuzzjoni ta’ kull fornitur hija kkalkolata pro rata fuq il-bażi tan-numru ta’ oġġetti postali mwassla fl-ambitu tas-servizz universali, il-fornituri ta’ servizzi ta’ kurrier jistgħu jiġu fil-fatt eżentati milli jikkontribwixxu. Barra minn hekk, interrogata fuq dan il-punt waqt is-seduta, il-Kummissjoni ddikjarat li hija kienet eżaminat il-prattika tal-Istati Membri dwar dan is-suġġett u kienet waslet għall-konklużjoni li, barra minn hekk, mhux ikkontestata mir-rikorrenti, l-ebda wieħed mill-Istati li tagħhom hija kellha informazzjoni ma kien jikkunsidra, sal-lum, li s-servizzi ta’ kurrier, fis-sens ta’ kurrier espress, kienu ekwivalenti għas-servizz postali universali. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 91 sa 98 iktar ’il fuq u li jikkonċernaw l-ispeċifiċità ta’ dawn is-servizzi jippermettu, waħedhom, li jiġi miċħud l-argument imressaq hawnhekk mir-rikorrenti.

101    Fit-tielet lok, huwa wkoll irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni l-argument li t-tqassim tal-obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-fond ta’ kumpens stabbilit fis-settur parallel tat-telekomunikazzjonijiet huwa iktar uniformi minn dak applikat fis-settur postali. Għalkemm tali fatt jista’, jekk jitqies rilevanti, jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura proporzjonali jew le tar-rata ta’ kontribuzzjoni adottata (ara l-punti 135 et seq. iktar ’il quddiem), huwa, għall-kuntrarju, irrilevanti għall-ilment ibbażat fuq in-natura allegatament diskriminatorja tal-fond ta’ kumpens stabbilit fis-settur postali, li għandha tiġi evalwata bejn l-uniċi operaturi attivi f’dan is-settur.

102    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-esklużjoni tas-servizzi ta’ kurrier mill-finanzjament tal-fond ta’ kumpens ma tikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Huwa għalhekk mingħajr ma twettaq żball li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, fil-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-applikazzjoni uniformi tal-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni għall-operaturi kollha fis-suq tas-servizzi postali fuq il-bażi tal-provvista minnhom ta’ servizzi universali jew ekwivalenti kienet tiżgura kontribuzzjoni mhux diskriminatorja, peress li kull operatur jikkontribwixxi, fil-fatt, bħala proporzjon tad-dħul iġġenerat mill-attivitajiet tiegħu stess.

103    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

c)      Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni u tal-livell ta’ dħul suġġett għal kontribuzzjoni

104    Essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni bil-konklużjoni li l-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni, jiġifieri 2 % tad-dħul mill-bejgħ rilevanti, u l-livell ta’ dħul ta’ PLN 1 miljun kienu xierqa (ara l-premessi 168 u 171 tad-deċiżjoni kkontestata). Huma jsostnu li dawn il-modalitajiet tas-sistema prevista kellhom bħala effett li “jagħlqu s-suq tas-servizzi postali, jew tal-inqas [ikkawżaw] distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni”.

105    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni ġie ddeterminat mingħajr ma l-awtoritajiet Pollakki ġabru biżżejjed informazzjoni, partikolarment fl-assenza ta’ studji serji tas-suq, u mingħajr ma kkonsultaw lill-atturi kkonċernati kollha. Dan il-perċentwali ġie ddeterminat biss bil-għan li jiġi evitat finanzjament pubbliku sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-fond ta’ kumpens.

106    L-assenza ta’ proporzjonalità tal-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata mill-fatt li l-fond ta’ kumpens previst fil-kuntest tas-suq parallel tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet jipprevedi rata massima ta’ kontribuzzjoni li tkun biss ta’ 1 % tad-dħul, u mhux ta’ 2 %.

107    Ir-rikorrenti jżidu li, kuntrarjament għal dak li tindika l-Kummissjoni fil-premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rata ta’ 2 % ma ġietx stabbilita waqt il-fażi ta’ konsultazzjoni pubblika, iżda wara t-tmiem ta’ dawn il-konsultazzjonijiet.

108    Barra minn hekk, fir-rigward tal-livell ta’ dħul li minnu l-kontribuzzjoni hija obbligatorja, ir-rikorrenti jikkontestaw ir-rilevanza tal-metodu adottat mill-awtoritajiet Pollakki li ġie approvat mill-Kummissjoni. Dan il-metodu jikkonsisti fl-evalwazzjoni ta’ dan il-limitu b’riferiment għal dak adottat għall-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet u bl-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni d-daqs iżgħar tas-suq postali, li l-profittabbiltà u d-dħul tiegħu jkunu inqas. Għar-rikorrenti, madankollu, l-ebda koeffiċjent ta’ korrezzjoni ma kellu jiġi applikat u l-istess limitu bħal dak adottat fis-suq parallel tat-telekomunikazzjonijiet, jiġifieri ta’ PLN 4 miljun, kellu jiġi adottat mill-awtoritajiet Pollakki. Bħas-soluzzjoni adottata għas-suq tat-telekomunikazzjonijiet, il-limitu kellu jinkludi d-dħul iġġenerat mill-attivitajiet kollha tas-settur postali, u mhux biss dak tas-servizzi universali. Fl-aħħar mill-aħħar, il-limitu ta’ dħul adottat iċaħħad il-profittabbiltà tal-attività tar-rikorrenti fis-settur tas-servizzi ekwivalenti, filwaqt li dawn tal-aħħar huma madankollu obbligati li jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens.

109    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma kkonsultathomx fir-rigward tal-livell tad-dħul tagħhom u l-profitti ġġenerati mis-servizzi ekwivalenti, b’tali mod li din l-istituzzjoni kienet, għal din ir-raġuni wkoll, interpretat b’mod żbaljat l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Pollakki.

110    Il-Kummissjoni titlob li dan l-ilment jiġi miċħud. Hija ssostni li l-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni adottata għall-finanzjament tas-servizz universali fis-settur tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet kif ukoll l-livell ta’ dħul applikabbli għall-kumpanniji li joperaw f’dan is-suq ma jistgħux ikunu l-istess bħal dawk applikabbli għall-finanzjament tas-servizz postali universali, peress li s-settur parallel tat-telekomunikazzjonijiet jiġġenera, minħabba n-natura u l-portata tas-servizzi tiegħu, dħul u profitti ogħla mis-settur postali.

111    Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ konsultazzjoni tal-operaturi kollha min-naħa tal-awtoritajiet Pollakki, jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jistax jiġi invokat b’mod utli fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-modalitajiet ta’ kumpens setgħu jiġu kkunsidrati li huma suffiċjentement xierqa. Din l-informazzjoni kienet tikkonċerna, b’mod partikolari, il-livell ta’ profittabbiltà ta’ 7.6 % tal-grupp Integer.pl, li jappartjenu għalih ir-rikorrenti, kif ukoll il-livell ta’ profittabbiltà ta’ 5.5 % irreġistrat għal PP u l-limitu ta’ dħul, sa fejn il-limitu ta’ PLN 1 miljun kien jippermettu lil kwalunkwe operatur ġdid, b’mod partikolari fid-dawl tal-istruttura speċifika tas-suq tas-servizzi postali, li jipposponi l-mument tal-kontribuzzjoni tiegħu għall-fond ta’ kumpens u li, għaldaqstant, ma jaqtax qalb operaturi oħra milli possibbilment jidħlu fis-suq.

112    Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, essenzjalment, li r-rata ta’ kontribuzzjoni ma kinitx sproporzjonata sa fejn hija ma kinitx tesponi lill-kompetituri għar-riskju li jiġu eliminati mis-suq tas-servizzi postali, u lanqas ma kienet taqta’ qalb l-operaturi ġodda milli jidħlu fih liberament.

113    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti ma jirrigwardax in-natura proporzjonata tal-kumpens mogħti lil PP bħala l-fornitur tas-servizz universali, iżda jirrigwarda biss il-modalitajiet ta’ finanzjament tiegħu. B’mod partikolari, ir-rikorrenti jikkontestaw il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li l-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni (jiġifieri rata ta’ 2 %) u limitu ta’ dħul stabbilit għal PLN 1 miljun jissodisfaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

114    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kontroll ta’ proporzjonalità jikkostitwixxi tip wieħed ta’ kontroll li l-Kummissjoni għandha twettaq fil-kuntest tal-verifika tagħha tal-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 106(2) TFUE (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il-Kummissjoni, T‑57/11, EU:T:2014:1021, punt 147).

115    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kontroll tan-natura proporzjonata ta’ miżura intiża għall-eżekuzzjoni ta’ missjoni ta’ SIEĠ għandu jkun limitat għall-verifika dwar jekk il-miżura prevista hijiex meħtieġa sabiex il-missjoni ta’ SIEĠ inkwistjoni tkun tista’ titwettaq f’kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli, jew, għall-kuntrarju, jekk il-miżura inkwistjoni hijiex manifestament mhux xierqa fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq (ara s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il-Kummissjoni, T‑57/11, EU:T:2014:1021, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Bl-istess mod, fir-rigward tal-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali fuq evalwazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni f’deċiżjoni adottata fit-tmiem tal-proċedura ta’ eżami preliminari, għandu jitfakkar li dan għandu jitwettaq abbażi tal-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha fil-mument li fih hija adottat tali deċiżjoni (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

1)      Fuq in-natura proporzjonata tal-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni

117    Mill-proċess jirriżulta li, fit-tmiem tal-proċedura ta’ eżami preliminari u fl-assenza ta’ informazzjoni ddettaljata dwar ir-rata ta’ profittabbiltà tal-operaturi postali mitluba sabiex jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens, il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod prinċipali, sabiex tiġi stabbilita n-natura proporzjonata tal-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni, fuq ir-rata ta’ profittabbiltà ta’ PP fil-qasam ta’ servizzi ekwivalenti u fuq deċiżjonijiet preċedenti li jikkonċernaw Stati Membri oħra (premessi 167 sa 169 tad-deċiżjoni kkontestata).

118    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kummissjoni kienet intitolata li tieħu inkunsiderazzjoni r-rata ta’ profittabbiltà ta’ PP fil-qasam ta’ servizzi ekwivalenti. Ċertament, kif irrikonoxxiet hija stess fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 66, li tirreferi għaliha l-premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata, tali paragun jista’ jidher mhux korrett minħabba l-fatt li PP tibbenefika minn ekonomiji ta’ skala li ma jibbenefikawx minnhom l-operaturi l-oħra obbligati li jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens. Il-Kummissjoni setgħet madankollu tikkunsidra b’mod raġonevoli li l-operaturi l-oħra setgħu jilħqu rata ta’ profittabbiltà simili għal dak ta’ PP, l-operatur pubbliku storiku, minħabba l-effikaċja tagħhom, l-effiċjenza tagħhom u l-flessibbiltà iktar sinjifikattiva tagħhom u, għaldaqstant, għall-kapaċità ikbar tagħhom li jiffokaw fuq l-oqsma l-iktar profittabbli tas-suq (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 66 tad-deċiżjoni kkontestata).

119    Din l-evalwazzjoni hija iktar plawżibbli peress li r-rata ta’ profittabbiltà kkunsidrata mill-Kummissjoni, jiġifieri rata ta’ madwar 5.5 %, kienet simili għal dik li tirriżulta minn studji li saru fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, dwar il-Greċja u l-Belġju, li jikkonċernaw operaturi postali storiċi ta’ Stati Membri oħra, li huma msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 67, li għaliha tirreferi l-premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni ma kellhiex esperjenza kbira fis-settur tas-servizzi postali, hija xorta kellha informazzjoni meħuda mill-esperjenza miksuba fil-kuntest ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Waqt l-eżami tal-fond ta’ kumpens Grieg, il-Kummissjoni kkonstatat, pereżempju, li l-kontribuzzjoni massima mitluba lill-kompetituri tal-operatur storiku hija ogħla mill-profitti stess tal-imsemmi operatur fiż-żoni urbani, li kienu barra minn hekk settur irriżervat, li wasslitha sabiex tiftaħ f’dan ir-rigward, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’dan il-każ, għall-kuntrarju, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tikkonstata li l-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni ma kienx jaqbeż ir-rata ta’ profittabbiltà ta’ 5.5 %.

120    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kritika tar-rikorrenti fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-rata ta’ profittabbiltà ta’ PP għall-evalwazzjoni tal-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni hija kontradetta mir-rati ta’ profittabbiltà li huma stess isemmu fir-rikorsi tagħhom. Huma jindikaw għalhekk li laħqu rata ta’ profittabbiltà ta’ 5.6 % għall-attività tagħhom ta’ provvista ta’ servizzi postali fl-2013, li hija l-unika sena rilevanti għal din it-tilwima u li għaliha r-rikorrenti ntalbu sabiex jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens. Issa, anki jekk jitqies li dawn ir-rati jikkonċernaw l-attivitajiet postali kollha tar-rikorrenti u mhux biss il-provvisti tagħhom ta’ servizzi ekwivalenti, ir-rikorrenti jammettu madankollu li dawn ir-rati “jippermet[tu] li jiġu ppreżentati wkoll ir-riżultati ta’ din il-fergħa ta’ attivitajiet”, jiġifieri dik tas-servizzi ekwivalenti, minħabba “l-istruttura omoġenja tal-ispejjeż”.

121    F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, mid-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-premessa 168 tagħha, ma jirriżultax li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-operaturi mitluba sabiex jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens jilħqu rata ta’ profittabbiltà ta’ 5.5 % għall-provvista minnhom ta’ servizzi ekwivalenti wara tnaqqis tal-kontribuzzjoni għall-fond ta’ kumpens. Għall-kuntrarju, mill-fajls inkwistjoni jirriżulta li l-analiżi tal-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni r-rata ta’ profittabbiltà ta’ tali servizzi qabel, u mhux wara, l-applikazzjoni tar-rata ta’ kontribuzzjoni.

122    Bl-istess mod, il-fatt li r-rata ta’ profittabbiltà tal-grupp Integer.pl, imsemmija mill-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 68 insostenn tar-raġunament tagħha, tikkonċerna l-attivitajiet kollha mwettqa minn dan il-grupp, u mhux biss dawk ta’ servizzi ekwivalenti, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi kkontestata l-plawżibbiltà tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tallegax li hija r-rata ta’ profittabbiltà għas-settur tas-servizzi ekwivalenti, iżda r-rata ta’ profittabbiltà għall-grupp kollu, li jinkludi tmien kumpanniji, li tnejn minnhom huma f’kompetizzjoni diretta ma’ PP bil-provvista ta’ servizzi ekwivalenti. Konsegwentement, għalkemm ir-rata ta’ profittabbiltà globali tal-grupp Integer.pl ma tippermettix fiha nnifisha li tissostanzja r-raġunament tal-Kummissjoni dwar il-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni, hija tikkostitwixxi indizju li jista’ jsaħħaħ l-plawżibbiltà tal-argument li profittabbiltà ta’ madwar 5.5 % setgħet probabbilment tintlaħaq mill-kompetituri ta’ PP fis-settur tas-servizzi ekwivalenti.

123    It-tieni nett, il-Kummissjoni ma wettqitx żball bin-nuqqas ta’ kontestazzjoni tar-raġunament tagħha fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-Ogólnopolski Związek Pracodawców Niepublicznych Operatorów Pocztowych (is-Sindakat Nazzjonali tal-Persuni li Jimpjegaw ta’ Operaturi Postali mhux Pubbliċi, iktar ’il quddiem l-“OZPNOP”), f’ittra indirizzata lid-dipartimenti ta’ din l-istituzzjoni fl-24 ta’ Lulju 2015, li fiha jsir riferiment, minn naħa, għal ittra ta’ Inpost ippreżentata quddiem l-awtoritajiet Pollakki waqt ix-xogħlijiet leġiżlattivi li wasslu għall-adozzjoni tal-Liġi Postali, fejn Inpost sostniet li “il-livell ta’ profittabbiltà [tas-servizzi postali fil-Polonja] [hija] bħalissa bejn 1 u 2.5 % tal-profitti”, u, min-naħa l-oħra, għall-intervent tar-rappreżentant tal-OZPNOP quddiem l-awtoritajiet Pollakki fil-5 ta’ Diċembru 2012, fejn dan tal-aħħar kien jindika li, “[sal-lum] il-ġurnata, il-profittabbiltà jew il-livell ta’ profittabbiltà tal-operaturi kummerċjali […] [kien] ivarja bejn 1 u 2.5 %”.

124    Fil-fatt, jidher li r-rata ta’ profittabbiltà msemmija fl-ittra tal-OZPNOP lill-Kummissjoni kienet ikkalkolata b’teħid inkunsiderazzjoni tal-operaturi postali kollha, filwaqt li l-uniċi operaturi mitluba sabiex jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens huma l-ikbar atturi ta’ dan is-settur, dawk li għandhom dħul mill-bejgħ li jaqbeż PLN 1 miljun. Il-Kummissjoni għalhekk kienet korretta li tikkunsidra li tali rata kienet tirrappreżenta b’mod inqas preċiż is-sitwazzjoni li kellha tiġi evalwata milli r-rata ta’ profittabbiltà ta’ PP fil-qasam ta’ servizzi ekwivalenti jew ir-rati ta’ profittabbiltà osservati fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li r-rata ta’ profittabbiltà invokata mill-OZPNOP tikkonċerna biss is-sena 2012 u ma tkoprix għalhekk il-perijodu msemmi mid-deċiżjoni kkontestata.

125    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti naqsu milli jippreżentaw, fil-mori tal-kawża, provi li jistgħu jistabbilixxu kemm ir-realtà kif ukoll ir-rilevanza tar-rata ta’ profittabbiltà medja msemmija fl-ittra tal-OZPNOP lill-Kummissjoni. B’mod partikolari, huma qatt ma indikaw ir-rata ta’ profittabbiltà tagħhom stess, b’paragun b’mod partikolari mar-rati użati mill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni.

126    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni għall-fond ta’ kumpens previst fis-settur parallel tat-telekomunikazzjonijiet huwa biss ta’ 1 %, tali fatt ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li rata ta’ 2 % fis-settur postali hija sproporzjonata.

127    Fil-fatt, mill-proċess ma jirriżultax li dawn is-setturi huma komparabbli kemm f’termini ta’ operaturi kif ukoll f’termini ta’ dħul iġġenerat. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti jsostnu fir-repliki, livell ta’ dħul inqas ma jiġġustifikax l-applikazzjoni ta’ rata wkoll inqas, iżda jimplika, għall-kuntrarju, l-applikazzjoni ta’ rata ogħla speċifikament sabiex tiġi kkumpensata bażi inqas kbira.

128    Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li kien raġonevoli li tittieħed inkunsiderazzjoni rata ta’ profittabbiltà ta’ 5.5 % fil-qasam ta’ servizzi universali jew ekwivalenti fil-Polonja u li, konsegwentement, il-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni għall-fond ta’ kumpens, jiġifieri, sa massimu ta’ 2 % tad-dħul iġġenerat minn din il-provvista ta’ servizzi, kien proporzjonat.

129    Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li l-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni għall-fond ta’ kumpens ma kienx ġie stabbilit matul il-fażi inizjali ta’ konsultazzjoni nazzjonali, iżda kien ġie deċiż biss fit-tmiem tal-proċedura. Tali argument proċedurali, anki jekk jiġi preżunt li huwa fondat, ma huwiex fil-fatt ta’ natura li jippermetti li jiġi konkluż li, għal din ir-raġuni, il-perċentwali iffissat b’dan il-mod huwa sproporzjonat.

130    Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jikkontestaw il-proċedura nazzjonali segwita mill-awtoritajiet Pollakki, li ma ġabrux biżżejjed informazzjoni, huwa irrilevanti għall-eżami tal-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-kompatibbiltà tal-miżura mal-iskema ta’ għajnuna mill-Istat.

131    L-elementi relatati mal-politika tariffarja ta’ PP, invokati mir-rikorrenti fit-tweġiba tagħhom għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u sussegwentement waqt is-seduta, huma wkoll irrilevanti fir-rigward tal-proporzjonalità tal-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni. Barra minn hekk, huma jikkonċernaw is-snin 2016 sal-2018, jiġifieri snin sussegwenti għall-perijodu rilevanti.

132    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li r-rata ta’ profittabbiltà ġiet stabbilita biss sabiex jiġi evitat l-użu tal-baġit tal-Istat għall-finanzjament tal-fond ta’ kumpens inkwistjoni, anki jekk jiġi preżunt li huwa fondat, dan ma jfissirx għaldaqstant li tali rata hija neċessarjament sproporzjonata peress li tippermetti li PP tgawdi minn finanzjament li jaqbeż l-ispejjeż netti tas-servizz fdat lil dan l-operatur.

133    Fil-fatt, huwa suffiċjenti f’dan ir-rigward li jiġi rrilevat li d-Direttiva dwar il-Posta tipprevedi speċifikament għall-possibbiltà li tali fond jista’ jiġi ffinanzjat “[minn tariffa imposta fuq il-]fornituri u [fuq l-]utenti” tas-servizz ikkonċernat, minbarra kwalunkwe kontribuzzjoni tal-baġit tal-Istat. Barra minn hekk, mill-premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-awtoritajiet statali Pollakki kienu fi kwalunkwe każ mitluba sabiex jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens għas-sena 2013 sal-ammont ta’ EUR 1.5 miljun (1), jiġifieri ammont ogħla minn dak ta’ EUR 1 miljun (2) li l-operaturi postali oħra minbarra PP kienu obbligati jikkontribwixxu għal dan il-fond f’din l-istess sena.

134    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni stabbilita mill-miżura inkwistjoni ma jistax jintlaqa’.

2)      Fuq il-livell ta’ dħul li jiddetermina l-operaturi suġġetti għal kontribuzzjoni

135    Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-istabbiliment ta’ livell ta’ dħul ta’ PLN 1 miljun għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-operaturi mitluba sabiex jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens kien jissodisfa l-prinċipju ta’ proporzjonalità (premessi 170 u 171 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, b’riferiment f’dak li jirrigwarda dan il-punt għar-raġunament tal-awtoritajiet Pollakki u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-istruttura speċifika tas-suq tas-servizzi postali, hija kkonkludiet li kien xieraq li jinżamm livell ta’ dħul ogħla mil-livell ta’ PLN 0.6 miljun li kien ikun ġie adottat li kieku l-istess proporzjon bħal dak tas-settur tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet bejn it-total tad-dħul iġġenerat fis-suq ta’ tali servizzi u l-livell tad-dħul miksub mill-operaturi f’dan is-settur kien inkun inżamm għas-settur tas-servizzi postali. Fil-fatt, il-Kummissjoni rrilevat li tali livell kien jippermetti lil kwalunkwe operatur ġdid jipposponi l-mument tal-kontribuzzjoni tiegħu għall-fond u għalhekk kien isaħħaħ il-proporzjonalità tar-rata tal-kontribuzzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 173 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-emenda leġiżlattiva prevista fil-futur mir-Repubblika tal-Polonja, li tikkonsisti fl-eżenzjoni tal-operaturi kollha li jaqgħu taħt l-ewwel miljun PLN, kienet ta’ natura li ttejjeb it-tfassil tal-fond ta’ kumpens, sa fejn, meta ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata, l-impatt ta’ dan il-fond fuq il-kompetizzjoni kien limitat, fid-dawl tal-ammonti żgħar ikkonċernati u taż-żmien limitat ħafna tiegħu ratione temporis.

136    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fir-rigward tal-argument li l-istess livell bħal dak adottat fis-settur parallel tat-telekomunikazzjonijiet kellu jiġi applikat għas-settur tas-servizzi postali, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod koerenti li l-livell ta’ PLN 4 miljuni kien f’dan il-każ iġġustifikat filwaqt li huma jsostnu, fl-istess ħin, li, sa fejn il-limitu ta’ PLN 1 miljun seta’ jintlaħaq biss minn għadd żgħir ħafna ta’ operaturi, il-kontribuzzjoni mitluba lil kull operatur kienet għalhekk sproporzjonata. Jekk dan huwa l-każ, dan jgħodd ukoll, għall-istess raġuni u a fortiori, ukoll fil-każ ta’ livell stabbilit f’livell ogħla. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti ma jipproduċu ebda element ta’ natura li jiġġustifika li żieda fil-livell kienet tnaqqas b’mod sinjifikattiv in-numru ta’ operaturi obbligati li jikkontribwixxu għall-fond filwaqt li l-Kummissjoni qieset li livell ogħla ma kienx ikun wassal għal tnaqqis fin-numru ta’ operaturi obbligati li jħallsu l-kontribuzzjoni inkwistjoni.

137    Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, mill-71 operatur fis-settur ta’ servizzi ekwivalenti fl-2013, li jirrappreżentaw madwar 5 % tad-dħul ta’ dan is-settur, 10 biss minnhom setgħu jikkontribwixxu għall-fond, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti permezz tal-Liġi Postali Pollakka (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). Jirriżulta wkoll mill-proċess li, fl-2013, 95 % tal-finanzjament tal-fond kellu jiġi żgurat minn PP.

138    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li l-livell ta’ dħul kellu jieħu inkunsiderazzjoni d-dħul postali kollu, dan għandu jiġi miċħud sa fejn huwa bbażat fuq il-premessa mhux korretta li s-servizzi ta’ posta huma ekwivalenti għas-servizz universali (ara l-punti 91 sa 98 iktar ’il fuq).

139    Fl-aħħar nett, ma huwiex ikkontestat li l-mekkaniżmu tal-fond ta’ kumpens fis-settur postali huwa f’dan il-każ ħaġa ġdida, b’tali mod li l-analiżi li titwettaq tiegħu għada ma tistax tkun ibbażata fuq l-esperjenza. Huwa għalhekk ġustament li l-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet, setgħet tqis li, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tas-settur postali, livell ta’ PLN 1 miljun ma kienx sproporzjonat peress li, minn naħa, huwa kien iżomm il-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi postali ekwivalenti u, min-naħa l-oħra, kien jiżgura li numru xieraq ta’ operaturi jintalbu sabiex jikkontribwixxu għall-fond.

140    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa mingħajr ma wettqet żball li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra fid-deċiżjoni kkontestata li l-livell ta’ dħul li jiddetermina l-operaturi suġġetti għal kontribuzzjoni kien josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

141    Dan l-ilment għandu għalhekk jiġi miċħud u, għaldaqstant, it-tieni parti fl-intier tiegħu.

d)      Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza

142    Essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-mekkaniżmu tal-fond ta’ kumpens kien trasparenti (ara l-premessa 176 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li l-iskema nazzjonali ta’ kumpens kienet tosserva l-prinċipju ta’ trasparenza, peress li, għall-kuntrarju għal dak li jallegaw l-awtoritajiet Pollakki, ma kienx hemm, minkejja l-oġġezzjonijiet tal-operaturi postali, konsultazzjoni pubblika effettiva. Huma biss l-għanijiet inizjali tal-Liġi Postali Pollakka li, fil-fatt, taw lok għal tali konsultazzjoni pubblika, u mhux il-verżjoni definittiva ta’ dan l-abbozz leġiżlattiv, b’mod partikolari l-parti li tikkonċerna r-rata ta’ kontribuzzjoni li żdiedet minn 1 għal 2 % f’laqgħa in camera tal-Kunsill tal-Ministri ta’ dan il-pajjiż.

143    Il-Kummissjoni twieġeb li l-partijiet interessati kellhom il-possibbiltà li jesprimu ruħhom dwar iż-żieda fir-rata għal 2 % matul ix-xogħlijiet parlamentari relatati mal-approvazzjoni tal-Liġi Postali Pollakka, peress li r-rikorrenti barra minn hekk irrikonoxxew huma stess li l-istabbiliment ta’ tali rata sab oppożizzjoni qawwija min-naħa tal-operaturi postali kkonċernati matul xogħlijiet leġiżlattivi tas-Sejm tar-Repubblika tal-Polonja.

144    Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni wkoll li dan l-argument huwa infondat.

145    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkru l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 44 sa 55 iktar ’il fuq b’risposta għat-tieni motiv, li miegħu dan il-motiv jikkoinċidi b’mod sinjifikattiv. Minn dan jirriżulta li konsultazzjoni pubblika fis-sens tal-punt 14 tal-Qafas SIEĠ għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet tal-operaturi postali fil-fatt seħħ u li r-rekwiżiti ta’ trasparenza ġew osservati, b’tali mod li l-premessa prinċipali ta’ dan il-motiv hija infondata.

146    Għaldaqstant, it-tielet parti għandha tiġi miċħuda.

e)      Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni relatata mal-piż finanzjarju inġust prevista fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva dwar il-Posta

147    Essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni, minn naħa, billi ma wettqitx eżami xieraq sabiex jiġi ddeterminat jekk l-obbligi ta’ servizz universali kinux jinvolvu spejjeż netti għal PP u kinux jikkostitwixxu piż finanzjarju “inġust” għal din l-impriża u, min-naħa l-oħra, billi kkunsidrat li t-telf imġarrab minn PP kien jikkostitwixxi tali piż finanzjarju inġust (premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata).

148    Għalhekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-awtoritajiet Pollakki kienu ttrasponew b’mod korrett id-Direttiva dwar il-Posta filwaqt li huma naqsu milli josservaw il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-determinazzjoni ta’ meta piż finanzjarju kellu jitqies li huwa inġust għall-operatur maħtur sabiex jiġi żgurat is-servizz postali universali, skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva dwar il-Posta, u għalhekk taw lok għal kumpens.

149    F’dan ir-rigward, skont ir-rikorrenti, ma huwiex biżżejjed li jkun hemm defiċit sabiex ikun iġġustifikat il-finanzjament tal-ispejjeż netti, iżda jeħtieġ ukoll li d-defiċit ikun eċċessiv, jiġifieri li jeċċedi l-kapaċità tal-impriża kkonċernata li tħallsu mir-riżorsi proprji, jiġifieri b’mod partikolari l-livell tat-tagħmir tagħha, is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tagħha kif ukoll is-sehem tagħha mis-suq.

150    Barra minn hekk, dejjem skont ir-rikorrenti, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ piż inġust biss minħabba telf imġarrab mill-operatur ta’ servizz universali sabiex dan jiġi ffinanzjat minn fond ta’ kumpens twassal għal ġestjoni ħażina ta’ dan is-servizz, peress li iktar ma jkun kbir it-telf tal-operatur ikbar ikun il-finanzjament miksub tal-ispejjeż netti tas-servizz universali.

151    Il-Kummissjoni twieġeb, essenzjalment, li hija ma kellhiex tevalwa, fil-kuntest tal-kontroll tagħha tal-kompatibbiltà tal-kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil PP, it-traspożizzjoni korretta mill-awtoritajiet Pollakki tad-Direttiva dwar il-Posta fir-rigward ta’ dan il-punt, u lanqas l-eżistenza ta’ piż finanzjarju inġust ta’ natura li jiġġustifika l-istabbiliment tal-fond ta’ kumpens. Il-kontroll tagħha jikkonsisti, fil-fatt, fil-verifika ta’ jekk il-kundizzjonijiet tal-kumpens humiex kompatibbli mas-suq intern, jiġifieri jekk l-obbligu ta’ kontribuzzjoni għandux effett ħażin fuq il-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi postali. Il-finanzjament tal-ispejjeż netti ta’ servizz universali li huwa implimentat indipendentement mill-eżistenza ta’ piż finanzjarju inġust għall-operatur maħtur ma huwiex, għal din ir-raġuni, neċessarjament inkompatibbli mas-suq intern, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE applikabbli għall-għajnuna mill-Istat. Peress li d-domandi huma indipendenti, l-ilment huwa għalhekk ineffettiv.

152    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva dwar il-Posta jipprovdi dan li ġej:

“Jekk Stat Membru jqis li l-obbligi ta’ servizz universali, kif previsti minn din id-Direttiva, jinvolvu spiża netta, ikkalkolata b’kont meħud ta’ l-Anness I, u jirrappreżentaw piż finanzjarju inġust għall-fornitur(i) ta’ servizz universali huwa jista’ jintroduċi:

[…]

(b)      mekkaniżmu għall-kondiviżjoni ta’ l-ispiża netta ta’ l-obbligi ta’ servizz universali bejn il-fornituri tas-servizzi u/jew l-utenti.”

153    L-ewwel nett, bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk, u sa fejn, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet obbligata tivverifika l-konformità tal-miżura inkwistjoni ma’ regoli oħra tal-Unjoni, fosthom dawk tad-Direttiva dwar il-Posta (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 63 sa 66 iktar ’il fuq), mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(3) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jiddetermina jekk l-obbligi ta’ servizz universali inkwistjoni jirrappreżentawx piż inġust għall-fornitur maħtur. Issa, dan huwa l-każ hawnhekk, sa fejn huwa l-UKE li għandu jwettaq din l-evalwazzjoni skont il-Liġi Postali Pollakka li implimentat l-imsemmija Direttiva dwar il-Posta (premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata).

154    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li l-klassifikazzjoni, mill-UKE, tat-telf tal-kontabbiltà ta’ PP li jirriżulta mill-provvista tagħha ta’ servizzi universali bħala piż finanzjarju inġust tmur kontra l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva dwar il-Posta, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan huwa bbażat fuq konfużjoni tal-kunċetti ta’ spejjeż netti u telf tal-kontabbiltà fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-ispejjeż netti tal-obbligi ta’ servizz universali jistgħu jagħtu dritt għal kumpens biss sa fejn dawn jikkostitwixxu piż finanzjarju inġust għall-fornitur ta’ dawn l-obbligi.

155    Bl-istess mod, fis-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Kummissjoni (C‑222/08, EU:C:2010:583), u tas-6 ta’ Ottubru 2010, Base et, (C‑389/08, EU:C:2010:584), iċċitati mir-rikorrenti insostenn tal-argument tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement speċifikat li l-ispejjeż netti kollha ma kinux jikkostitwixxu awtomatikament piż finanzjarju inġust li jagħti lok għal kumpens.

156    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura inkwistjoni ma tagħti lok għal ebda dritt awtomatiku għal kumpens għall-ispejjeż netti tal-obbligi ta’ servizz universali ta’ PP. Fil-fatt, mill-premessi 16, 84 sa 87 u 144 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-dritt għal kumpens mogħti lil PP jingħata biss jekk il-provvista ta’ servizz universali twassal għal telf tal-kontabbiltà. Barra minn hekk, dan id-dritt għal kumpens jikkorrispondi għall-iżgħar ammont jew għat-telf tal-kontabbiltà li jirriżulta minn provvista ta’ servizz universali, jiġifieri l-ispejjeż netti tal-obbligi ta’ servizz universali. B’dan il-mod, kif tirrileva l-Kummissjoni fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata, il-miżura inkwistjoni hija iktar restrittiva mill-Qafas SIEĠ, li potenzjalment jippermetti kumpens totali tal-ispejjeż netti tal-obbligi ta’ servizz universali. Konsegwentement, il-ftuħ u l-limitazzjoni tad-dritt għal kumpens tal-ispejjeż netti tal-obbligi ta’ servizz universali għat-telf li jirriżulta minn provvista ta’ servizz universali ma jistax, fi kwalunkwe każ, jikser l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva dwar il-Posta.

157    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument li l-metodoloġija magħżula ma tipprovdi ebda inċentiva għal PP sabiex tkun effikaċi, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-kalkolu tal-ispejjeż netti tal-obbligi ta’ servizz universali jieħu inkunsiderazzjoni aġġustamenti ta’ effiċjenza sabiex ma jiġux ikkunsidrati ċerti ineffiċjenzi ta’ PP imsemmija fil-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, PP għandha tippreżenta kull sena pjan ta’ azzjonijiet korrettivi intiżi għall-eliminazzjoni jew, tal-inqas, għal-limitazzjoni tat-telf li jirriżulta mill-provvista tagħha ta’ servizz universali (premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti li l-modalitajiet ta’ finanzjament tal-fond ta’ kumpens iwasslu sabiex tiġi koperta, b’mod definittiv, ġestjoni ħażina tas-servizz universali għandhom jiġu miċħuda.

158    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-“potenzjal ekonomiku” ta’ PP jippermettilha tlaħħaq mal-obbligi tagħha ta’ servizz universali, minħabba li l-liberalizzazzjoni tas-settur jippermettilha tnaqqas b’mod sinjifikattiv l-ispejjeż tagħha bl-eliminazzjoni, b’mod partikolari, ta’ diversi mijiet ta’ uffiċċji postali.

159    Minn tali osservazzjonijiet, madankollu, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma juru li tali tnaqqis tal-ispiża tas-servizz universali rrenda ġust il-piż tal-ispejjeż netti u, konsegwentement, li l-finanzjament tat-telf tal-kontabbiltà li jirriżulta minn provvista ta’ servizz universali kien inkompatibbli mal-iżvilupp tal-kummerċ. Tali osservazzjonijiet jenfasizzaw biss il-ksib ta’ effiċjenza li PP wettqet bit-tnaqqis tal-ispejjeż tagħha ta’ servizz universali, peress li twieġeb għalhekk għar-rekwiżiti tal-Qafas SIEĠ.

160    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet, fil-fatt, mitluba tevalwa, b’mod partikolari, jekk l-ammont ta’ dan il-kumpens kienx jaqbeż dak li kien neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż netti tal-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku b’teħid inkunsiderazzjoni mhux tal-ispejjeż potenzjali jew futuri, iżda tal-ispejjeż reali, effettivament imġarrba fl-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2015, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni, T‑125/12, EU:T:2015:687, punti 87 u 88). Issa, ir-rikorrenti ma jurux li l-kumpens mogħti mill-miżura inkwistjoni, għalkemm ma jkoprix neċessarjament l-ispejjeż netti kollha tal-obbligi ta’ servizz universali, għandu impatti negattivi fuq is-suq inkwistjoni.

161    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ parti għandha wkoll tiġi miċħuda u, għaldaqstant, it-tielet motiv fl-intier tiegħu.

4.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Posta

162    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, peress li “aċċettat il-finanzjament tal-ispejjeż netti tas-servizz universali [permezz] tad-drittijiet esklużivi u speċjali mogħtija lil [PP]”, kif elenkati fil-premessi 51 sa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi kisret l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Posta. Fi kwalunkwe każ, skont ir-rikorrenti, l-għoti ta’ dawn id-drittijiet ma jistax jiġi ġġustifikat.

163    Il-Kummissjoni ssostni qabelxejn li, fil-kuntest tad-dmir tagħha ta’ kontroll tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, hija ma kellhiex tivverifika jekk il-Liġi Postali Pollakka kinitx konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Posta. Fi kwalunkwe każ, hija bl-ebda mod ma aċċettat, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, li tagħti tali drittijiet lil PP, iżda sempliċement eżaminat jekk il-metodu ta’ kalkolu tal-ispejjeż netti tal-awtoritajiet Pollakki kienx konformi mal-Qafas SEIĠ.

164    Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li dan il-motiv jiġi miċħud. Hija tesponi, f’dan ir-rigward, li l-eżami mill-Kummissjoni tad-diversi drittijiet esklużivi u speċjali ma kellux l-għan li jagħti lil PP benefiċċji speċifiċi, iżda li jiġu kkalkolati l-ispejjeż netti tas-servizz universali. Barra minn hekk, il-valur ta’ tali drittijiet kien tnaqqas mill-ispejjeż netti tal-obbligu ta’ servizz universali, b’tali mod li dan il-motiv huwa ineffettiv.

165    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-Posta jipprevedi dan li ġej:

“1.      L-Istati Membri m’għandhomx jagħtu jew iżommu fis-seħħ id-drittijiet esklussivi jew speċjali għall-istabbiliment u l-forniment ta’ servizzi postali. L-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw il-forniment ta’ servizz universali skond wieħed jew aktar mill-modi previsti fil-paragrafi 2, 3 u 4, jew skond kwalunkwe mezz ieħor kompatibbli mat-Trattat.”

166    L-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Posta jispeċifika, barra minn hekk, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 “għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ l-Istati Membri li jorganizzaw it-tqegħid tal-kaxxi ta’ l-ittri fuq awtostrada pubblika, il-ħruġ ta’ bolli postali u s-servizz ta’ posta reġistrata użat matul proċeduri ġudizzjali jew amministrattivi skond il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom”.

167    Bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk, u sa fejn, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellhiex tivverifika l-konformità tal-miżura inkwistjoni ma’ regoli oħra tal-Unjoni, inklużi dawk tad-Direttiva dwar il-Posta (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 63 sa 66 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jressqu ebda argument li jista’ jistabbilixxi li d-drittijiet mogħtija lil PP, kif speċifikati fil-premessi 51 sa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, ma kinux jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista espressament mill-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Posta u, għaldaqstant, li jista’ jistabbilixxi l-iżball ikkostitwit mill-allegat ksur ta’ din l-istess direttiva.

168    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

5.      Fuq il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 102 u tal-Artikolu 106(1) TFUE

169    Ir-rikorrenti jsostnu li kumpens ta’ servizz pubbliku mogħti lil PP isaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha, li jwassal għal effett ta’ esklużjoni antikompetittiva fis-suq, fis-sens tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni skont it-tifsira tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti (ĠU 2009, C 45, p. 7). F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata tmur kontra d-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 102 tal-Artikolu 106(1) TFUE.

170    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

171    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-motiv, kif ifformulat fir-rikorsi u, jekk jiġi preżunt li huwa effettiv, huwa fi kwalunkwe każ, inammissibbli, minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni suffiċjenti sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tiegħu.

172    L-argumenti mressqa fir-repliki insostenn ta’ dan il-motiv ma jistgħux jikkontestaw din il-konklużjoni.

173    Għalhekk, fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-argumenti dwar it-telf preżunt ta’ Inpost fl-2015 jew ibbażati fuq id-deċiżjoni tagħha fl-2016 li twaqqaf l-attivitajiet tagħha ta’ servizz postali, dawn huma, f’dan il-każ, irrilevanti, peress li, kif ġie kkonstatat fil-punt 26 iktar ’il fuq, il-fond ta’ kumpens ma ġiex attivat fl-2015 u li, kif ġie speċifikat fil-punt 25 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax il-perijodu sussegwenti għal din is-sena.

174    Fit-tieni lok, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi dwar rata ta’ profittabbiltà tal-attivitajiet ta’ servizzi ekwivalenti ta’ 5.5 % sa fejn hija kkunsidrat, fl-istess ħin li l-ispiża medja ponderata tal-kapital kienet ħafna ogħla, peress li kienet stabbilita għal 10.82 %, u anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti effettivament kellhom l-intenzjoni jressqu tali argument, dawn ma jurux kif tali fatt jikkontribwixxi għall-istabbiliment, fin-nuqqas ta’ dettalji addizzjonali, tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ PP, li r-rikorrenti għandhom l-intenzjoni jikkontestaw hawnhekk.

175    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

6.      Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 16 u tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 52

176    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata, peress li timponi fuqhom kontribuzzjoni obbligatorja sproporzjonata, twassal għal limitazzjoni mhux iġġustifikata tal-libertà ta’ intrapriża tagħhom u tad-dritt għall-proprjetà tagħhom, kif protetti mill-Artikolu 16 u mill-Artikolu 17(1) tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 52.

177    Il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja jikkontestaw il-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti.

178    Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jispeċifikawx, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-elementi ta’ fatt li jistgħu jissostanzjaw tali motiv u ta’ natura li juru kif il-kumpens inkwistjoni limitata b’mod sproporzjonat id-dritt għall-proprjetà tagħhom u l-libertà ta’ intrapriża tagħhom, jiġifieri b’mod li jmur lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tas-servizz universali inkwistjoni.

179    Barra minn hekk, minn naħa, eventwali limitazzjoni ta’ dawn id-drittijiet fundamentali hija l-konsegwenza mhux tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kummissjoni ma kkontestatx il-miżura ta’ għajnuna li ġiet innotifikata lilha, iżda tal-Liġi Postali Pollakka stess jew, fl-aħħar nett, tad-deċiżjoni individwali li tapplikaha, li r-rikorrenti, kif jirriżulta mill-proċess, ma kkontestawx, minn din il-perspettiva, quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat ukoll li, peress li ma ġiex stabbilit li hija tostakola lill-operaturi ta’ servizzi postali fil-kummerċjalizzazzjoni, fil-Polonja, ta’ servizzi ekwivalenti għas-servizz universali, l-iskema ta’ kumpens inkwistjoni lanqas ma tippreġudika l-libertà ta’ intrapriża jew id-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti. Tali miżura kontributtiva, fil-fatt, bl-ebda mod ma tostakola t-tgawdija, mir-rikorrenti, tad-dritt tagħhom li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi fis-suq ikkonċernat, u lanqas l-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà tagħhom fil-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi, b’mod partikolari d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom.

180    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

7.      Fuq is-seba’motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

181    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx suffiċjentement immotivata u huma jinvokaw f’dan ir-rigward, id-disa’ motivi li ġejjin: l-ewwel nett, il-Kummissjoni “ma ġabret l-ebda informazzjoni dwar il-profitti mwettqa fuq il-bejgħ mill-operaturi l-oħra minbarra PP”; it-tieni nett, “[hija] ikkonstatat b’mod żbaljat li hija ma kellhiex informazzjoni dwar il-profittabbiltà operattiva tal-operaturi l-oħra minbarra PP[,] li hija r-raġuni għalfejn hija bbażat ruħha biss fuq l-informazzjoni ta’ PP”; it-tielet nett, “[hija] aċċettat b’mod żbaljat rata ta’ profitabbiltà tal-kapital ta’ 10.82 % għal PP, filwaqt li hija ammettiet li rata ta’ profittabbiltà operattiva ta’ 5.5 % [kienet] suffiċjenti għall-kompetituri”; ir-raba’ nett, hija “ma spjegatx fil-motivi [tad-deċiżjoni kkontestata] ir-raġunijiet għalfejn rata ta’ kontribuzzjoni limitata għal 2 % tad-dħul kienet xierqa”; il-ħames nett, hija lanqas ma “speċifikat, fil-motivi [tad-deċiżjoni kkontestata], ir-raġunijiet għalfejn hija ma kinitx ikkunsidrat l-obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-fond bħala diskriminatorju”; is-sitt nett, “[hija] ikkonkludiet b’mod żbaljat li l-abbozz tal-Liġi Postali kien is-suġġett ta’ konsultazzjoni pubblika fl-2012”; is-seba’ nett, “[hija] ikkunsidrat[, ukoll] b’mod żbaljat, li l-awtoritajiet Pollakki kienu stabbilixxew ir-rata ta’ kontribuzzjoni għall-fond [ta’ kumpens] għal 2 % u l-limitu għal miljun PLN”; it-tmien nett, “[hija] ikkonkludiet b’mod żbaljat li l-operaturi postali ma kinux għamlu l-osservazzjonijiet tagħhom” u, fl-aħħar nett, id-disa’ nett, “[hija] ma [ħaditx] inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza aggravanti, ir-rinunzja għal sejħa għal offerti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-impatt fuq il-kompetizzjoni”.

182    Il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja jitolbu li dan il-motiv jiġi miċħud kollu kemm hu.

183    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament li sar f’dan ir-rigward minn din l-istituzzjoni, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fil-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, adottata wara l-proċedura ta’ eżami preliminari, għandha tinkludi l-motivi essenzjali li jippermettu lit-terzi kkonċernati jifhmu l-elementi li abbażi tagħhom il-Kummissjoni qieset li ma jeżistux diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punti 64 u 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

184    Jirriżulta b’mod ċar mill-qari ta’ sebgħa minn disa’ motivi indikati fil-qosor fil-punt iktar ’il fuq li r-rikorrenti jfixklu, essenzjalment, il-fondatezza tal-punti ta’ fatt u ta’ dritt li huma l-bażi tad-deċiżjoni kkontestata man-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ dan l-att, b’tali mod li tali lmenti għandhom jiġu kkunsidrata li huma ineffettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punti 65 sa 67). Fil-fatt, “motivazzjoni ħażina”, anki jekk tiġi preżunta bħala stabbilita, ma tistax tagħti awtomatikament lok għal “assenza” jew “insuffiċjenza” ta’ motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il-Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 37).

185    Dan huwa l-każ tal-ewwel tliet ilmenti kif ukoll tal-aħħar erba’ lmenti, kif imfakkra fil-punt 181 iktar ’il fuq, li huma intiżi, essenzjalment, li jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba nuqqas ta’ provi suffiċjenti (l-ewwel ilment), żball materjali ta’ fatt (it-tieni, is-sitt u t-tmien ilment), u żball ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi (it-tielet, is-seba’ u d-disa’ lmenti).

186    F’dak li jikkonċerna r-raba’ ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni, skont ir-rikorrenti, “ma spjegatx fil-motivi [tad-deċiżjoni kkontestata] ir-raġunijiet għalfejn rata ta’ kontribuzzjoni limitata għal 2 % tad-dħul kienet xierqa”, għandu jitfakkar li, fil-premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu ta’ kontribuzzjoni, stabbilit għal 2 % tad-dħul mill-bejgħ, seta’ jitqies bħala proporzjonali, peress li kien limitat għal livell li jirrappreżenta biss frazzjoni tar-rata ta’ profittabbiltà ta’ PP fil-qasam tas-servizzi ekwivalenti. Il-Kummissjoni speċifikat li hija stenniet li l-kompetituri ta’ PP ikunu jistgħu wkoll jiksbu tali profittabbiltà u li seta’ għalhekk jiġi raġonevolment konkluż li dan il-livell ta’ kontribuzzjoni ma jwassalx jew ma jżommx il-kompetituri effettivi barra mis-suq.

187    Minn dan il-punt jirriżulta li l-Kummissjoni indirizzat ir-raġunijiet għalfejn hija kienet tikkunsidra li l-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu ta’ kontribuzzjoni kien xieraq f’dan il-każ. Peress li l-Kummissjoni indikat li l-perċentwali kien jirrappreżenta biss frazzjoni tar-rata ta’ profittabbiltà ta’ PP fil-qasam tas-servizzi ekwivalenti — rata ta’ profittabbiltà li jistgħu fil-fehma tagħha jiksbu l-fornituri li għandhom jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens — u li għalhekk ma jwassalx jew ma jżommx lill-kompetituri effettivi barra mis-suq, hija debitament esponiet ir-raġunijiet għalfejn hija kienet tikkunsidra l-imsemmi perċentwali bħala xieraq. Barra minn hekk, dan il-punt tad-deċiżjoni kkontestata ppermetta, minn naħa, lir-rikorrenti jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti setgħu jikkontestaw il-fondatezza ta’ dawn l-evalwazzjonijiet permezz tal-kritika, b’mod partikolari, lill-Kummissjoni li kkunsidrat ir-rata ta’ profittabbiltà ta’ PP bħala uniku punt ta’ referenza għall-evalwazzjoni tan-natura xierqa tal-perċentwali ta’ 2 % minkejja li l-OZPNOP kien informaha dwar il-fatt li r-rata ta’ profittabbiltà tal-kompetituri ta’ PP kienet taqa’ bejn 1 u 2.5 %. Barra minn hekk, kif indikat fil-punti 113 et seq. iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet dwar din l-allegazzjoni. Għaldaqstant, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jallegaw f’dan ir-rigward nuqqas ta’ motivazzjoni.

188    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ħames ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni lanqas ma “speċifikat, fil-motivi [tad-deċiżjoni kkontestata], ir-raġunijiet għalfejn hija ma kinitx ikkunsidrat l-obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-fond bħala diskriminatorju”, għandu jiġi osservat li l-premessi 10, 11 u 166 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdu dan li ġej:

“(10)      Il-Liġi dwar il-Posta tagħti definizzjoni wkoll tas-‘servizzi li jinkludu servizzi postali universali’ (iktar ’il quddiem imsejħa ‘servizzi interkambjabbli’). Skont l-Artikolu 3(30) tal-Liġi dwar il-Posta, dawn is-servizzi jinkludu ‘ittri u pakketti postali li għandhom piż u dimensjonijiet stabbiliti għal servizzi universali u oġġetti għall-għomja, li ma humiex ipprovduti mill-operatur maħtur sabiex jipprovdi servizzi universali suġġett għall-obbligu li jiġu pprovduti servizzi universali’. Is-servizzi interkambjabbli ma jinkludux servizzi postali li jikkonsistu fil-ġbir, l-issortjar, it-trasport u l-kunsinna ta’ oġġetti bil-kurrier.

(11)      L-awtoritajiet Pollakki jikkonfermaw li dawn is-servizzi huma interkambjabbli ma’ servizzi universali skont il-premessa 27 tat-tielet Direttiva dwar il-Posta, li tipprovdi: ‘Sabiex jiġi ddeterminat liema impriżi jistgħu jintalbu jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jekk is-servizzi pprovduti minn tali impriżi jistgħux, mill-perspettiva tal-utent, jitqiesu bħala servizzi li jaqgħu fl-ambitu tas-servizz universali, minħabba l-fatt li juru interkambjabbiltà f’livell suffiċjenti mas-servizz universali, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-servizzi, inklużi aspetti b’valur miżjud, kif ukoll l-użu intenzjonat u l-prezz. Dawn is-servizzi ma għandhomx neċessarjament ikopru l-karatteristiċi kollha tas-servizz universali, bħall-kunsinna ta’ kuljum jew il-kopertura nazzjonali sħiħa.’”

“(166)      Jekk l-indikatur ta’ perċentwali uniformi miksub huwa ikbar minn 2 %, il-kontribuzzjoni dovuta minn kull operatur għandha tiġi kkalkolata bħala 2 % (il-limitu) tad-dħul rilevanti ta’ kull fornitur ta’ servizz li għandu jikkontribwixxi. Peress li dan l-indikatur ta’ perċentwali japplika b’mod uniformi għall-parteċipanti kollha fis-suq, kull operatur jikkontribwixxi l-istess proporzjon ta’ dħul fil-qasam tas-servizzi universali u tas-servizz interkambjabbli. Bħali tali, il-kontribuzzjoni mitluba minn kull operatur tista’ titqies bħala nondiskriminatorja.”

189    Peress li l-Kummissjoni indikat li, skont il-Liġi Postali Pollakka, is-servizzi ekwivalenti ma kinux jinkludu s-servizzi ta’ kurrier u spjegat li, sabiex jiġi ddeterminat liema impriżi kellhom jikkontribwixxu għall-fond, kellu jiġi eżaminat jekk is-servizzi pprovduti minn dawn l-impriżi setgħux, mill-perspettiva tal-utent, jitqiesu bħala servizzi li jaqgħu fl-ambitu tas-servizz universali, hija impliċitament, iżda ċertament, ikkunsidrat li s-servizzi ta’ kurrier ma kinux, mill-perspettiva tal-utenti, servizzi li jaqgħu fl-ambitu tas-servizz universali. Il-Kummissjoni qieset li, peress li l-perċentwali li jiddetermina l-ammont massimu ta’ kontribuzzjoni japplika b’mod uniformi għall-atturi kollha tas-suq, il-kontribuzzjoni mitluba minn kull fornitur ma kinitx diskriminatorja. Barra minn hekk, dawn il-punti tad-deċiżjoni kkontestata ppermettew, minn naħa, lir-rikorrenti jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward. Fil-fatt, ir-rikorrenti setgħu jikkontestaw il-fondatezza ta’ dawn l-evalwazzjonijiet bl-allegazzjoni, b’mod partikolari fil-punti 58 u 59 tar-rikorsi, li ma kienx diffiċli li jiġi ddeterminat s-servizzi ta’ kurrier li kienu simili, mill-perspettiva tal-utenti, għas-servizzi universali u li, minħabba l-użu tagħhom, it-tariffa tagħhom u l-kundizzjonijiet għall-provvista tagħhom, is-servizzi ta’ kurrier kienu jissostitwixxu is-servizzi universali. Barra minn hekk, kif indikat fil-punti 91 et seq. iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi dwar din l-allegazzjoni. Ir-rikorrenti jallegaw għalhekk b’mod żbaljat li teżisti insuffiċjenza ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

190    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud kif ukoll, konsegwentement, ir-rikors kollu.

 Fuq l-ispejjeż

191    Skont l-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

192    Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

193    Ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Inpost Paczkomaty sp. z o.o. u Inpost S.A. għandhom ibatu kull waħda minnhom l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Frimodt Nielsen

Kreuschitz

Forrester

Półtorak

 

      Perillo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Marzu 2019.

Firem

Werrej



*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.


1 “PLN 1.5 miljun”?


2 “PLN 1 miljun”?