Language of document : ECLI:EU:T:2004:354

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

7 ta' Diċembru 2004 (*)

"Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Zokkor – Ammont dovut fir-rigward taz-zokkor C ikkummerċjalizzat fis-suq intern – Dazju doganali – Talba għal remissjoni – Klawżola ta' ekwità prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 1430/79 – Kunċett ta' dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni – Prinċipji ta' ugwaljanza u ta' ċertezza legali – Ekwità"

Fil-kawża T-240/02,

Koninklijke Coöperatie Cosun UA, stabbilita fi Breda (l-Olanda), irrappreżentata minn M. Slotboom, N. Helder u J. Coumans, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn X. Lewis, bħala aġent, assistit minn F. Tuytschaever, avocat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni REM 19/01 tal-Kummissjoni, tat-2 ta' Mejju 2002, li tiddikjara inammissibbli t-talba għal remissjoni ta' dazji fuq l-importazzjoni mressqa mir-Renju ta' l-Olanda favur ir-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn P. Lindh, President, R. García-Valdecasas u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta' Settembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor

1        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1785/81, tat-30 ta' Ġunju 1981, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 177, p. 4, aktar 'il quddiem ir-"Regolament bażiku"), jirregola b'mod partikolari l-produzzjoni, l-importazzjoni u l-esportazzjoni taz-zokkor. Huwa jistabbilixxi, b'mod partikolari, skema ta' kwoti ta' produzzjoni li, skond il-ħmistax-il premessa tiegħu, tikkostitwixxi mezz sabiex il-produtturi jiġu ggarantiti l-prezzijiet Komunitarji u l-kummerċjalizzazzjoni tal-produzzjoni tagħhom.

2        Fil-kuntest ta' din l-iskema ta' kwoti, l-Artikolu 24 tar-Regolament bażiku jistabbilixxi, fir-rigward ta' kull sena kummerċjali (jiġifieri mill-1 ta' Lulju ta' sena sat-30 ta' Ġunju tas-sena ta' wara), kwantitajiet bażiċi għaz-"zokkor A" u għaz-"zokkor B" li kull Stat Membru għandu jaqsam bejn il-produtturi ta' zokkor stabbiliti fit-territorju tiegħu. Għalhekk, kull impriża li tipproduċi z-zokkor tingħata kwota A u kwota B għal kull sena kummerċjali. Kull kwantità ta' zokkor prodotta aktar mill-kwoti A u B tissejjaħ "zokkor C" jew "zokkor barra l-kwota".

3        Il-kundizzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni taz-zokkor ivarjaw skond il-kwalifikazzjoni tiegħu. Iz-zokkor A u z-zokkor B huma s-suġġett ta' diversi mekkaniżmi ta' sostenn previsti mir-Regolament bażiku: iz-zokkor prodott taħt il-kwota A jgawdi minn garanziji ta' livell aktar għoli (prezz ta' intervent garantit u għajnuna għall-esportazzjoni fil-forma ta' rifużjonijiet) minn dak mogħti liz-zokkor B (li jgawdi biss minn rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni).

4        Iz-zokkor C la huwa eliġibbli għall-iskema ta' sostenn tal-prezzijiet u lanqas għall-iskema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. Barra minn hekk, iz-zokkor C ma jistax ikun ikkummerċjalizzat fis-suq intern u, għaldaqstant, ikollu jiġi kkummerċjalizzat barra mill-Komunità sabiex jinbiegħ fis-suq mondjali. F'dan ir-rigward, l-Artikolu 26 tar-Regolament bażiku jipprovdi kif ġej:

"1. […] iz-zokkor C li ma jkunx imwarrab għas-sena sussegwenti […] ma jistax jiġi kkummerċjalizzat fis-suq intern tal-Komunità u għandu jkun esportat fl-istat li jkun qabel l-1 ta' Jannar ta' wara t-tmiem tas-sena kummerċjali in kwistjoni.

[…]

3. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 41.

Dawn ir-regoli dettaljati għandhom jipprovdu, b'mod partikolari, għall-ġbir ta' ammont fuq iz-zokkor C […] imsemmi fil-paragrafu 1 li l-esportazzjoni tiegħu fl-istat naturali tiegħu fit-terminu preskritt ma tkunx għada ġiet provata sa data li għandha tkun iddeterminata." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2670/81, ta' l-14 ta' Settembru 1981, li jippreskrivi regoli dettaljati ta' implimentazzjoni rigward il-produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota (ĠU L 262, p. 14), jippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom l-esportazzjoni taz-zokkor C titqies li tkun saret. L-Artikolu 1 tiegħu, fil-verżjoni tiegħu kif tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3892/88, ta' l-14 ta' Diċembru 1988, li jemenda r-Regolament Nru 2670/81(ĠU L 346, p. 29), jipprovdi, b'mod partikolari, li:

"1. L-esportazzjoni msemmija fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament [bażiku] għandha tkun meqjusa li saret jekk:

(a)       iz-zokkor [C] [...] ikun esportat mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun prodott;

(b)       id-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni fil-kwistjoni tkun aċċettata mill-Istat Membru msemmi taħt (a) qabel l-1 ta’ Jannar [ta'] wara t-tmiem tas-sena ta’ marketing [sena kummerċjali] li matulha z-zokkor [C] [...] kien prodott;

(ċ)       iz-zokkor [C] [...] ikun telaq mit-territorju tad-dwana tal-Komunità ta’ l-anqas fi żmien 60 jum mill-1 ta’ Jannar imsemmi taħt (b);

(d)       il-prodott ikun ġie esportat mingħajr rifużjoni jew dazju [...] mill-Istat Membru msemmi taħt (a).

Minbarra f’każi ta’ forza maġġuri, jekk il-kundizzjonijiet kollha pprovduti fl-ewwel subparagrafu ma jkunux imħarsa, il-kwantità ta’ zokkor [C] [...] fil-kwistjoni għandh[a] [t]iġ[i] kkunsidrat[a] li nbiegħ[et] fis-suq intern.

Fil-każ ta’ forza maġġuri, l-aġenzija kompetenti ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu iz-zokkor [C] [...] jkun ġie prodott għandha tadotta l-miżuri li huma meħtieġa minħabba ċ-ċirkostanzi mressqa mill-parti interessata."

6        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81, emendat mill-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3559/91, tas-6 ta' Diċembru 1991, li jemenda r-Regolament Nru 2670/81 (ĠU L 336, p. 26), jipprovdi kif ġej:

"1. L-Istat Membru ikkonċernat għandu jimponi fuq il-kwantitajiet li, fit-tifsira ta' l-Artikolu 1(1) ikunu ġew mibjugħa fis-suq intern, ħlas ugwali għas-somma ta':

(a)      għaz-zokkor tat-tip [C], għal kull 100 kilogramma:

–        l-ogħla imposta fuq l-importazzjoni għal kull 100 kilogramma ta’ zokkor abjad jew zokkor mhux maħdum, kif ikun il-każ, applikabbli matul il-per[i]jodu ta’ ż-żmien li jinkludi s-sena tas-suq [sena kummerċjali] li matulha kien prodott iz-zokkor in kwistjoni u s-sitt xhur ta’ wara dik is-sena tas-suq, u

–        1 ECU;

[…]

4. Fil-każ ta’ kwantitajiet ta’ zokkor tat-tip [C] [...] li, qabel l-esportazzjoni, kienu nqerdu jew ġarrbu ħsara mingħajr il-posssibiltà ta’ rkupru, f’ċirkostanzi magħrufa mill-aġenzija kompetenti ta’ l-Istat Membru interessat bħala każ ta’ force majeure, l-ammont rilevanti imsemmi fil-paragrafu 1 m’għandux jiġi impost."

 Klawżola ta' ekwità tal-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja

7        Ir-regolamentazzjoni doganali Komunitarja tipprovdi għall-possibbiltà ta' ħlas lura, totali jew parzjali, tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni jew ta' remissjoni ta' ammont dovut bħala dejn doganali. Il-kundizzjonijiet dwar ir-remissjoni tad-dazji huma stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1430/79, tat-2 ta' Lulju 1979, dwar il-ħlas lura jew ir-remissjoni tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni (ĠU L 175, p. 1), fil-verżjoni tiegħu kif tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3069/86, tas-7 ta' Ottubru 1986, li jemenda r-Regolament Nru 1430/79 (ĠU L 286, p. 1). L-Artikolu 13(1) jipprovdi li:

"Id-dazji fuq l-importazzjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta' ħlas lura jew ta' remissjoni f'sitwazzjonijiet speċjali […] li jirriżultaw minn ċirkustanzi li ma jinvolvux qerq jew negliġenza evidenti min-naħa tal-persuna kkonċernata.

[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1430/79 jippreċiża li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13 ta' l-istess regolament għandhom japplikaw ukoll għall-ħlas lura jew għar-remissjoni tad-dazji fuq l-esportazzjoni.

9        Skond l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 1430/79, "dazji fuq l-importazzjoni" jfissru "kemm id-dazji doganali u taxxi b'effett ekwivalenti u kemm l-imposti agrikoli jew imposti oħra fuq l-importazzjoni previsti fil-kuntest tal-politika agrikola komuni jew fil-kuntest ta' skemi speċifiċi applikabbli, taħt l-Artikolu 235 tat-Trattat [li sar l-Artikolu 308 KE], għal ċerta merkanzija li tirriżulta mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Skond l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1430/79, "dazji fuq l-esportazzjoni" jinkludu "l-imposti agrikoli jew imposti oħra fuq l-esportazzjoni previsti fil-kuntest tal-politika agrikola komuni jew fil-kuntest ta' skemi speċifiċi applikabbli, taħt l-Artikolu 235 tat-Trattat, għal ċerta merkanzija li tirriżulta mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11      Ir-rikorrenti, kooperattiva stabbilita fl-Olanda, ipproduċiet zokkor C matul is-snin kummerċjali 1991/1992 u 1992/1993. Matul il-perijodu bejn l-10 ta' Frar u t-23 ta' Settembru 1993, permezz tal-kumpannija sussidjarja tagħha Limako Suiker BV, hija biegħet lill-kumpannija Django's Handelsonderneming numru ta' lottijiet ta' zokkor C destinati għall-esportazzjoni lejn il-Kroazja u s-Slovenja. Matul il-perijodi bejn, rispettivament, it-22 ta' Lulju u s-16 ta' Awwissu 1993, u bejn is-26 ta' Awwissu u l-24 ta' Settembru 1993, ir-rikorrenti biegħet lottijiet ta' zokkor C lill-kumpanniji NV Noeders SA Aliments Serry u Sieger BV destinati għall-Marokk.

12      Fl-24 ta' Ġunju 1993, id-Dipartiment Olandiż għall-Informazzjoni u Investigazzjonijiet Fiskali (aktar 'il quddiem l-"FIOD") talab mingħand il-Hoofdproduktschap Akkerbouw (aktar 'il quddiem l-"HPA"), l-entità kompetenti fl-Olanda fir-rigward ta' l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq, b'mod partikolari, taz-zokkor, informazzjoni fil-kuntest ta' investigazzjoni dwar, b'mod partikolari, Django's Handelsonderneming. L-FIOD irċieva mingħand l-HPA informazzjoni dwar irregolaritajiet fid-dokumenti doganali li kienu jikkonċernaw operazzjonijiet ta' esportazzjoni ta' zokkor C. Il-FIOD talab lill-HPA sabiex, fid-dawl ta' l-investigazzjoni li kienet qiegħda titwettaq, tadotta mġiba riżervata fir-rigward tar-rikorrenti. L-irregolaritajiet kkonstatati fid-dokumenti ta' esportazzjoni riċevuti mill-HPA taw lok għall-ftuħ ta' investigazzjoni ġudizzjarja għal frodi kontra Django's Handelsonderneming.

13      F'Ġunju u f'Awwissu 1993, l-HPA kitbet, rispettivament, lir-rikorrenti u lill-kumpannija sussidjarja tagħha Limako Suiker fejn informathom dwar l-ittimbrar inkorrett tad-dokumenti doganali dwar il-merkanzija destinata għall-Kroazja u għall-Islovenja. F'Ottubru 1993, formoli ttimbrati b'mod inkorrett, li kienu jikkonċernaw il-lottijiet ta' zokkor C destinati għall-Marokk, waslu għand l-HPA.

14      Fl-14 ta' Ottubru 1993, l-awtoritajiet Olandiżi nnotifikaw lir-rikorrenti lista bin-numri tal-formoli ta' esportazzjoni li fir-rigward tagħhom l-esportazzjoni barra mill-Komunità ma kinitx ġiet ipprovata.

15      Fil-25 ta' April 1994, l-HPA talbet lir-rikorrenti tħallas ammont ta' 6,284,721.03 fjorini Olandiżi (NLG) minħabba li ma kinitx ipprovat li ċertu numru ta' lottijiet ta' zokkor C kienu ġew esportati mit-territorju tal-Komunità lejn id-destinazzjonijiet previsti fil-Kroazja, fl-Islovenja u fil-Marokk. Fit-13 ta' Ġunju 1994, l-ammont ta' din l-imposta tnaqqas għal NLG 6,250,856.78, jiġifieri EUR 2,836,515.14 minħabba żball imwettaq fil-kalkolu inizjali.

16      Fit-18 ta' Mejju 1994, ir-rikorrenti ppreżentat ilment quddiem l-HPA kontra l-imposta mitluba. Fid-19 ta' Ġunju 1995, dan l-ilment ġie miċħud mill-HPA. Fl-14 ta' Lulju 1995, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni ta' ċaħda quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (Bord dwar Kwistjonijiet Ekonomiċi, aktar 'il quddiem is-"CBB").

17      Fl-24 ta' April 1995, ir-rikorrenti ressqet talba għal remissjoni tad-dazji mitluba quddiem l-HPA abbażi ta' l-Artikolu 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1) u ta' l-Artikolu 905 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU L 253, p. 1). Fis-6 ta' Awwissu 2001, ir-Renju ta' l-Olanda ppreżenta, favur ir-rikorrenti, talba għal remissjoni ta' dazji fuq l-importazzjoni quddiem il-Kummissjoni.

18      Fit-2 ta' Mejju 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni REM 19/01 li tiddikjara inammissibbli t-talba għal remissjoni ta' dazji fuq l-importazzjoni mressqa mir-Renju ta' l-Olanda favur ir-rikorrenti (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). Abbażi ta' din id-deċiżjoni, fis-6 ta' Ġunju 2002, l-HPA għarrfet lir-rikorrenti li t-talba tagħha għal remissjoni kienet inammissibbli.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-9 ta' Awwissu 2002, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

20      Abbażi tar-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza stiednet lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi ċerti dokumenti. Il-Kummissjoni rrispettat din it-talba fit-terminu preskritt.

21      Permezz ta' deċiżjoni tad-9 ta' Ġunju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta' Ġunju ta' wara, is-CBB ressaq, skond l-Artikolu 234 KE, żewġ domandi preliminari (kawża Koninklijke Coöperatie Cosun, C-248/04), fil-kuntest tal-kawża bejn ir-rikorrenti u l-HPA dwar l-imposta mitluba mingħand ir-rikorrenti minħabba li l-kwantitajiet ta' zokkor C in kwistjoni ma kinux ġew esportati. Permezz ta' l-ewwel waħda minn dawn id-domandi, is-CBB jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fil-każ li l-possibbiltà li tingħata remissjoni ta' dazji taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79 ma tapplikax għal imposti fuq iz-zokkor C, ir-Regolament bażiku u r-Regolament Nru 2670/81 humiex invalidi fid-dawl tan-nuqqas ta' possibbiltà ta' ħlas lura jew ta' remissjoni ta' l-imposta in kwistjoni minħabba raġunijiet ta' ekwità. Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effetti ta' l-eventwali invalidità ta' dawn ir-regolamenti fuq il-ħtieġa ta' l-imposta fuq iz-zokkor C f'ċirkustanzi bħal dawk f'din il-kawża.

22      Permezz ta' ittra ta' l-1 ta' Settembru 2004, ir-rikorrenti talbet li din il-proċedura tkun sospiża sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Koninklijke Coöperatie Cosun, C-248/04, iċċitata aktar 'il fuq. Permezz ta' ittra tad-9 ta' Settembru 2004, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din it-talba fejn indikat li fil-fehma tagħha ma kienx hemm bżonn ta' sospensjoni.

23      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu fis-seduta pubblika tas-16 ta' Settembru 2004. Matul is-seduta r-rikorrenti reġgħet talbet is-sospensjoni tal-proċedura u l-Kummissjoni mill-ġdid talbet li l-proċedura titkompla. Peress li l-Kummissjoni opponiet din it-talba għal sospensjoni u fin-nuqqas ta' ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw din is-sospensjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma laqgħatx din it-talba.

24      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

25      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

26      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, prinċipalment, motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikoli 1 u 13 tar-Regolament Nru 1430/79 u, fl-alternattiv, motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta' ugwaljanza u ta' ċertezza legali u ta' allegat prinċipju ta' ekwità.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikoli 1 u 13 tar-Regolament Nru 1430/79

 L-argumenti tal-partijiet

27      Ir-rikorrenti ssostni li l-ħlas fuq l-importazzjoni impost fuqha abbażi ta' l-Artikolu 26 tar-Regolament bażiku u ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 għandu jitqies bħala dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1430/79. Fil-fatt, dan il-ħlas jikkostitwixxi taxxa b'effett ekwivalenti, jew minn ta' l-anqas imposta agrikola jew imposta oħra fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni prevista fil-kuntest tal-politika agrikola komuni fis-sens ta' din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar.

28      Ir-rikorrenti ssostni li l-kwistjoni dwar jekk l-ammont ikkonċernat huwiex dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni fis-sens ta' din id-dispożizzjoni għandha tkun solvuta biss abbażi ta' kriterji oġġettivi marbuta man-natura ta' dan il-ħlas. Hija tosserva li, skond il-premessi tar-Regolament bażiku, il-ħlas fuq il-produzzjoni applikabbli għaz-zokkor C għandu l-istess oġġettivi bħal dazju doganali, jiġifieri l-protezzjoni tas-suq intern, l-istabbilizzazzjoni tas-swieq u s-sigurtà tal-provvista. Dan il-ħlas huwa intiż b'mod partikolari sabiex jirristawra r-relazzjonijiet kummerċjali li kienu mfixkla mill-fatt li z-zokkor C ma kienx ġie esportat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Jannar 2002, British Sugar, C-101/99, Ġabra p. I-205, punt 41).

29      Ir-rikorrenti tosserva wkoll li, skond it-tielet premessa tar-Regolament Nru 2670/81, iz-zokkor C li ma jkunx ġie esportat għandu jitqiegħed f' kundizzjonijiet komparabbli ma' dawk taz-zokkor importat minn pajjiżi terzi. Minn dan hija tikkonkludi li z-zokkor C għandu jkun suġġett għal imposta minħabba l-qsim tal-fruntiera, jiġifieri imposta fuq l-importazzjoni.

30      Ir-rikorrenti tfakkar ukoll li, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81, l-ammont tal-ħlas fuq il-produzzjoni għandu jkun stabbilit abbażi ta' l-imposta fuq l-importazzjoni applikabbli għaz-zokkor. F'dan ir-rigward hija ssostni li, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni tosserva fid-deċiżjoni kkontestata, dan ir-riferiment għall-imposti fuq l-importazzjoni ma jikkostitwix sempliċement bażi ta' kalkolu u li, għaldaqstant, l-ammont ta' dan il-ħlas huwa dazju doganali. Il-fatt li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 jieħu in kunsiderazzjoni, minbarra imposti fuq l-importazzjoni, ammont b'rata fissa jkompli biss iqabbel iz-zokkor C li ma jkunx ġie esportat maz-zokkor importat peress li, kif jirriżulta mill-premessi tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2645/70, tat-28 ta' Diċembru 1970, dwar id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kwantità ta' zokkor prodotta aktar mill-kwota massima (ĠU L 283, p. 48), dan l-ammont b'rata fissa għandu jkun ikkalkulat abbażi ta' l-ispejjeż ta' kummerċjalizzazzjoni sostnuti miz-zokkor importat u għaldaqstant l-għan tiegħu huwa li jirrimedja l-vantaġġ li l-produttur taz-zokkor C jista' jgawdi minnu fir-rigward ta' importatur ta' zokkor minn pajjiz terz minħabba l-fatt li dan il-produttur m'għandux ċerti spejjeż li għandu l-importatur.

31      Finalment, ir-rikorrenti ssostni li l-leġiżlatur Komunitarju ma setax jagħżel metodu ta' kalkolu ieħor fir-rigward ta' l-ammont li għandu jiġi impost fuq iz-zokkor C li ma jkunx ġie esportat filwaqt li tosserva li, meta l-Kummissjoni adottat l-ewwel Regolament ta' implementazzjoni dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (aktar 'il quddiem l-"OKS tas-zokkor"), jiġifieri r-Regolament Nru 2645/70, hija kuxjentement ikkunsidrat li kien indispensabbli li l-produtturi taz-zokkor C jitqiegħdu taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-importaturi. Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li ma jistax jiġi aċċettat li tingħażel bażi ta' kalkolu differenti jew li l-produttur taz-zokkor C jitqiegħed f'sitwazzjoni differenti minn dik ta' l-importatur.

32      Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata ġustament ikkonstatat l-inammissibbiltà tat-talba għal remissjoni peress li l-ammont li produttur ta' zokkor għandu jħallas fir-rigward ta' l-eċċess tal-kwota ta' produzzjoni li tkun ġiet attribwita lilu ma jistax jitqies bħala dazju fuq l-importazzjoni u għaldaqstant ma jistax ikun is-suġġett ta' remissjoni fis-sens tal-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

33      L-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament Nru 1430/79 joffru l-possibbiltà ta' ħlas lura jew ta' remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni f'sitwazzjonijiet speċjali li jirriżultaw minn ċirkustanzi li ma jinvolvux qerq jew negliġenza evidenti min-naħa tal-persuna kkonċernata.

34      F'din il-kawża, it-talba għal remissjoni ta' dazji li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna ammont mitlub mingħand ir-rikorrenti taħt l-Artikolu 26 tar-Regolament bażiku u taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 minħabba li ċerti kwantitajiet ta' zokkor C ma kinux ikkummerċjalizzati barra mill-Komunità. Il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk dan l-ammont għandux jitqies bħala dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79 u, għaldaqstant, jekk it-talba għal remissjoni taqax jew le fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni.

35      Skond l-Artikolu 1(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1430/79, id-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni jinkludu, l-ewwel nett, id-dazji doganali, it-tieni nett, it-taxxi b'effett ekwivalenti għad-dazji doganali u, it-tielet nett, l-imposti agrikoli u imposti oħra fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni previsti fil-kuntest tal-politika agrikoli komuni jew fil-kuntest ta' skemi speċifiċi applikabbli, taħt l-Artikolu 308 KE, għal ċerta merkanzija li tirriżulta mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli.

36      Issa, qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, formalment, l-ammont mitlub ma jikkorrispondi għall-ebda waħda mit-tliet kategoriji msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1430/79.

37      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 26 tar-Regolament bażiku u mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2670/81, il-fatt li ġġenera dan l-ammont huwa n-nuqqas ta' prova, fid-data determinata għal dan l-iskop, ta' l-esportazzjoni ta' kwantità ta' zokkor C fit-terminu preskritt. Għalhekk, dan l-ammont huwa mitlub mingħand il-produttur taz-zokkor C minħabba l-fatt li dan iz-zokkor li jeċċedi l-kwota, prodott ġewwa l-Komunità, kien ġie kkummerċjalizzat fis-suq intern.

38      Minn dan isegwi li l-ammont dovut fir-rigward taz-zokkor C ma jikkostitwixxix dazju doganali, jiġifieri dazju bbażat fuq it-tariffa doganali komuni tal-Komunitajiet Ewropej, fis-sens ta' l-Artikoli 23 KE u 26 KE. Lanqas ma jikkostitwixxi taxxa b'effett ekwivalenti għal dazju doganali peress illi, skond ġurisprudenza stabbilita, din hija kostitwita minn kull piż finanzjarju, impost unilateralment, irrispettivament mill-isem u mill-mod kif ikun impost, u li jolqot il-merkanzija minħabba l-fatt li taqsam il-fruntiera, meta dan il-piż ma jkunx dazju doganali fil-veru sens tal-kelma (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Lulju 1997, Haahr Petroleum, C-90/94, Ġabra p. I-4085, punt 20, u tat-2 ta' April 1998, Outokumpu, C-213/96, Ġabra p. I-1777, punt 20). Fl-aħħar nett, l-ammont in kwistjoni mhuwiex strettament imposta agrikola "fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni", jiġifieri imposta li tolqot prodotti agrikoli minħabba l-fatt li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Komunità.

39      Madankollu, ir-rikorrenti qiegħda ssostni li l-ħlas impost fuq iz-zokkor C li ma kienx esportat għandu jitqies bħala dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni peress li l-għanijiet tiegħhu huma l-istess bħal dawk ta' dazju doganali, peress li l-ammont ta' dan il-ħlas huwa determinat abbażi ta' l-imposti fuq l-importazzjoni applikabbli għaz-zokkor u peress li l-funzjoni tiegħu hija li jqiegħed iz-zokkor barra l-kwota f'kundizzjonijiet komparabbli ma' dawk taz-zokkor importat minn pajjiżi terzi.

40      F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-imposta fuq iz-zokkor barra l-kwota li ma jkunx ġie esportat tagħmel parti mill-mekkaniżmi ta' l-OKS taz-zokkor. Dawn il-mekkaniżmi, bħalma huma d-determinazzjoni ta' prezzijiet indikattivi jew ta' intervent, l-istabbiliment ta' skemi komuni ta' skambji ma' pajjiżi terzi jew id-determinazzjoni ta' skema ta' kwoti ta' produzzjoni, huma intiżi sabiex jassiguraw għanijiet komuni, b'mod partikolari, iż-żamma tal-garanziji meħtieġa fir-rigward ta' l-impjieg u l-livell ta' għajxien tal-produtturi, is-sigurtà tal-provvista ta' zokkor għall-konsumaturi kollha, livell ta' prezz determinat u l-istabbilità tas-suq taz-zokkor.

41      Madankollu, għandu jiġi osservat ukoll li kull wieħed mill-mekkaniżmi indikati għandu għanijiet speċifiċi jew jissodisfa bżonnijiet partikolari. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li qiegħda ssostni r-rikorrenti, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-ammont fuq il-produzzjoni applikabbli għaz-zokkor C għandu strettament l-istess għanijiet bħal dazju doganali jew, b'mod aktar preċiż, bħall-imposti fuq l-importazzjoni jew bħar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni previsti fil-kuntest ta' l-OKS taz-zokkor.

42      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ħames premessa tar-Regolament bażiku, l-istabbiliment ta' skema komuni ta' skambji mal-fruntiera esterna tal-Komunità, li tinvolvi sistema ta' imposti fuq l-importazzjoni u ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, għandu bħala għan li jiġi stabbilizzat is-suq Komunitarju billi jiġi evitat, b'mod partikolari, li l-varjazzjonijiet fil-prezz taz-zokkor fis-suq mondjali jkollhom effett fuq il-prezzijiet applikabbli ġewwa l-Komunità. Għal dan il-għan, l-OKS taz-zokkor tipprevedi l-impożizzjoni ta' imposta fuq l-importazzjonijiet ġejjin minn pajjiżi terzi u l-ħlas ta' rifużjoni fuq l-esportazzjoni lejn dawn l-istess pajjiżi intiżi, kemm l-imposta u kemm ir-rifużjoni, sabiex fir-rigward tas-settur taz-zokkor ikopru d-differenza bejn il-prezzijiet applikabbli barra u ġewwa l-Komunità jekk il-prezzijiet fis-suq mondjali jkunu anqas mill-prezzijiet tal-Komunità.

43      L-OKS taz-zokkor tistabbilixxi wkoll skema ta' kwoti ta' produzzjoni li, skond il-ħmistax-il premessa tar-Regolament bażiku, jikkostitwixxu mezz sabiex il-produtturi jiġu garantiti l-prezzijiet Komunitarji u l-kummerċjalizzazzjoni tal-produzzjoni tagħhom. Fil-kuntest ta' din l-iskema, ir-Regolament bażiku ħoloq mekkaniżmu intiż sabiex jikkontrolla s-sitwazzjoni ta' produzzjoni li taqbeż il-kwoti A u B mogħtija lill-produtturi, jiġifieri z-zokkor C. Fid-dawl tal-fatt li l-kategorija taz-zokkor C hija komposta biss minn zokkor li jkun eċċeda l-kwoti u li m'għandux jitħalla jfixkel is-suq, il-leġiżlatur Komunitarju stabbilixxa, permezz ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 26(1) tar-Regolament bażiku, projbizzjoni fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni fis-suq intern u, bħala konsegwenza, obbligu ta' esportazzjoni (sentenza British Sugar, iċċitata aktar 'il fuq, punt 41).

44      Bħala konsegwenza tal-ksur ta' dan l-obbligu, il-produttur jintalab iħallas ammont determinat. Għaldaqstant, din is-sanzjoni hija ta' natura diżważiva peress li l-għan tagħha huwa li jkun assigurat ir-rispett tal-projbizzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni taz-zokkor C fis-suq intern. Għalhekk, dan l-ammont huwa stabbilit b'riferiment għall-ogħla imposta fuq l-importazzjoni matul il-perijodu li jinkludi s-sena kummerċjali li matulha z-zokkor in kwistjoni kien ġie prodott u s-sitt xhur ta' wara din is-sena kummerċjali. Dan l-ammont, skond il-ħdax-il premessa tar-Regolament bażiku jikkontribwixxi wkoll sabiex ikun assigurat il-finanzjament integrali mill-produtturi ta' l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni taz-zokkor żejjed li jirriżultaw mid-differenza bejn il-produzzjoni tal-Komunità u l-konsum tagħha.

45      Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-fatt li l-ammont impost fuq iz-zokkor C li ma kienx esportat huwa kkalkulat abbażi ta' l-imposti fuq l-importazzjoni, flimkien ma' ammont b'rata fissa kkalkulat abbażi ta' l-ispejjeż ta' kummerċjalizzazzjoni sostnuti miz-zokkor importat, għandu bħala konsengwenza li dan l-ammont isir dazju fuq l-importazzjoni. Kif osservat ġustament il-Kummissjoni fl-għaxar premessa tad-deċiżjoni kkontestata, dan it-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-imposti fuq l-importazzjoni jservi biss bħala l-bażi jew il-metodu ta' kalkolu sabiex ikun determinat l-ammont. Din il-bażi ta' kalkolu ntgħażlet mil-leġiżlatur Komunitarju minħabba l-għanijiet li jridu jintlaħqu mill-istabbiliment ta' dan l-ammont fuq iz-zokkor barra l-kwota li ma jkunx ġie esportat fit-terminu preskritt, jiġifieri, b'mod partikolari, kif kien indikat aktar 'il fuq, l-għan li jkun assigurat ir-rispett tal-projbizzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni fis-suq intern.

46      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti li t-tielet premessa tar-Regolament Nru 2670/81 tipprovdi li z-zokkor C li ma jkunx esportat għandu jitqiegħed f'kundizzjonijiet komparabbli ma' dawk taz-zokkor importat minn pajjiżi terzi. Fil-fatt, il-premessa in kwistjoni tippreċiża li huwa "meta jiġi fissat il-ħlas [l-ammont] ta' l-imposti f'każi ta' bejgħ fis-suq intern" li z-zokkor C li ma jkunx ġie esportat għandu jitqiegħed f'kundizzjonijiet komparabbli ma' dawk taz-zokkor importat minn pajjiżi terzi. Għaldaqstant, kull ma jagħmlu l-premessi tar-Regolament Nru 2670/81 huwa li jikkonfermaw it-teżi li r-riferiment għall-imposti fuq l-importazzjoni jikkostitwixxu biss il-bażi ta' kalkolu ta' l-ammont in kwistjoni.

47      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-ammont mitlub mingħand ir-rikorrenti skond l-Artikolu 26 tar-Regolament bażiku u skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 minħabba li ċerti kwantitajiet ta' zokkor C ma kinux kummerċjalizzati barra mill-Komunità ma jikkostitwixxix dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79 u li għalhekk il-Kummissjoni ma kisritx dawn id-dispożizzjonijiet billi ddikjarat bħala inammissibbli t-talba għal remissjoni.

48      Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta' ugwaljanza u ta' ċertezza legali u ta' allegat prinċipju ta' ekwità

 L-argumenti tal-partijiet

49      Fl-alternattiv, ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk l-ammont li ntalbet ir-remissjoni tiegħu ma jikkostitwixxix dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 1430/79, il-Kummissjoni kien imissha eżaminat din it-talba fil-kuntest ta' l-Artikolu 13 ta' dan ir-regolament liema artikolu jikkostitwixxi klawżola ġenerali ta' ekwità (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Mejju 2001, Kaufring et vs Il-Kummissjoni, T-186/97, T-187/97, T-190/97 sa T-192/97, T-210/97, T-211/97, T-216/97 sa T-218/97, T-279/97, T-280/97, T-293/97 u T-147/99, Ġabra p. II-1337, punt 224), u li, peress illi sempliċement ċaħdet it-talba bħala inammissibbli, hija kisret il-prinċipji ta' ugwaljanza u ta' ekwità.

50      Ir-rikorrenti tosserva li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija ma kellha ebda dritt li tikseb remissjoni abbażi ta' ċirkustanzi partikolari, billi tosserva li, kif jirriżulta mill-Artikolu 8(1) u mill-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/728/KE, Euratom, tal-31 ta' Ottubru 1994, dwar is-sistema tar-riżorsi tal-Komunitajiet Ewropej stess (ĠU L 293, p. 9), l-awtoritajiet Olandiżi m'għandhom ebda kompetenza sabiex jassiguraw ir-rispett ta' l-ekwità, peress illi huma obbligati jiġbru l-ammont mitlub mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 u li jgħadduh lill-Kummissjoni.

51      B'hekk ir-rikorrenti tirċievi trattament differenti meta mqabbla ma' impriżi li jinsabu f'sitwazzjoni komparabbli u li jixtiequ jressqu talba għal remissjoni ta' dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni minħabba ċirkustanzi partikolari. Fil-fatt, kuntrarjament għal dawn l-impriżi, hija ma tistax tinvoka ebda proċedura ta' remissjoni għal motivi ta' ekwità. Għaldaqstant, il-ħlas fuq il-produzzjoni taz-zokkor C li ma jkunx ġie esportat huwa assimilat f'kull rigward ma' dazju doganali miġbur fuq iz-zokkor importat minn pajjiżi terzi ħlief fil-qasam ta' protezzjoni legali. Ir-rifjut li tkun applikata r-regola ta' remissjoni prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79 f'każijiet identiċi għal każijiet oħra li fihom l-operaturi bbenefikaw minn din ir-remissjoni jmur kontra l-prinċipju ta' ugwaljanza.

52      F'dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li ż-żewġ kundizzjonijiet mitluba mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79 għar-remissjoni jew għall-ħlas lura tad-dazji huma sodisfatti f'dan il-każ. Fl-ewwel lok, hija ssostni li hija ma kienet akkużata bl-ebda qerq jew negliġenza peress li nuqqas ta' esportazzjoni taz-zokkor C f'dan il-każ huwa dovut kompletament għal frodi mwettaq minn terzi. Fit-tieni lok, hija ssostni li s-sitwazzjoni tal-każ tagħha hija komparabbli ma' dik li wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Settembru 1999, De Haan (C-61/98, Ġabra p. I-5003). Ir-rikorrenti tosserva li, f'din il-kawża, l-awtoritajiet Olandiżi kienu saru jafu fi stadju bikri dwar il-frodi fir-rigward tal-lottijiet ta' zokkor C mibjugħa minnha iżda ddeċidew li ma jinformawhiex dwar l-iżvolġiment ta' l-investigazzjoni li kienet qiegħda ssir u, għalhekk, ċaħduha mill-possibbiltà li twettaq l-obbligi tagħha u li tesporta b'mod regolari l-produzzjoni ta' zokkor C tagħha.

53      Dejjem fl-alternattiv, u fil-każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79 mhux applikabbli, ir-rikorrenti ssostni li madankollu l-Kummissjoni kienet obbligata teżamina t-talba għal remissjoni, anki barra mill-kuntest ta' dan ir-regolament, u li, billi sempliċement iddikjarat li t-talba kienet inammissibbli, hija kisret il-prinċipji ta' ċertezza legali, ta' ugwaljanza u ta' ekwità. Ir-rikorrenti ssostni li, jekk il-Kummissjoni ma tissodisfax obbligu bħal dan, ikun hemm lakuna fil-protezzjoni ġuridika tagħha. Hija tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-prinċipji superjuri ta' dritt, fosthom b'mod partikolari l-prinċipju ta' proporzjonalità, japplikaw għall-impożizzjoni ta' imposti fuq iz-zokkor C (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Jannar 1998, Südzucker, C-161/96, Ġabra p. I-281, punti 34 u 35). Hija tfakkar ukoll il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Mischo fis-sentenza British Sugar, iċċitata aktar 'il fuq (Ġabra p. I-208), li fihom huwa ppreċiża li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/91 għandu jiġi interpretat u applikat skond il-prinċipji ġenerali tad-dritt.

54      Il-Kummissjoni ssostni li r-remissjoni ta' l-imposta minħabba li z-zokkor C ma kienx ġie esportat għandha tiġi eżaminata fil-kuntest leġiżlattiv li japplika għaliha u li l-prinċipju ta' ekwità bl-ebda mod ma jimponilha twettaq investigazzjoni barra mill-imsemmi kuntest. Hija tqis li s-sitwazzjoni tal-produttur ta' zokkor C li ma jirrispettax l-obbligu tiegħu li jesporta dan iz-zokkor mhix komparabbli ma' dik ta' operatur li jimporta kwantità ta' zokkor fil-Komunità u li għaldaqstant ma jistax ikun hemm ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza minħabba li dawn l-operaturi huma trattati b'mod differenti. Barra minn hekk hija tosserva li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2670/81 jippermetti li f'ċirkustanzi partikolari, b'mod partikolari fil-każ ta' forza maġġuri, tinkiseb remissjoni ta' imposta fir-rigward ta' zokkor C li ma kienx ġie esportat.

55      Fir-rigward ta' l-argument alternattiv tar-rikorrenti, il-Kummissjoni jidhrilha li l-applikazzjoni tal-klawżola ta' ekwità prevista fil-leġiżlazzjoni doganali għal każ li ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni tammonta fiha nfisha għal ksur tal-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' ugwaljanza. Fl-aħħar nett, hija tikkunsidra li r-rikorrenti qiegħda tfixkel il-klawżola ġenerali ta' ekwità li teżisti fil-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja ma' allegat prinċipju ta' ekwità. Issa, dan il-prinċipju ta' l-aħħar ma jeżistix bħala prinċipju ġenerali ta' dritt Komunitarju peress li l-ekwità ta' miżura hija tradizzjonalment is-suġġett ta' stħarriġ fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56      Permezz tat-tieni motiv tagħha, imressaq fl-alternattiv, ir-rikorrenti qiegħda essenzjalment issostni li anki jekk l-ammont mitlub mingħandha ma jikkostitwixxix dazju doganali fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta' ugwaljanza u ta' ċertezza legali u allegat prinċipju ta' ekwità minħabba li hija ċaħdet bħala inammissibbli t-talba għal remissjoni mingħajr ma eżaminat fil-fond il-mertu ta' din it-talba la fil-kuntest tar-Regolament Nru 1430/79 u lanqas fid-dawl ta' dawn il-prinċipji.

57      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-ekwità ma tippermettix li jsiru derogi għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji ħlief fil-każijiet previsti mil-leġiżlazzjoni jew fil-każijiet fejn il-leġiżlazzjoni nfisha tkun iddikjarata invalida (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, First City Trading et, C-263/97, Ġabra p. I-5537, punt 48). Issa, kif diġà ġie deċiż, l-ammont previst mill-Artikolu 26 tar-Regolament bażiku u mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79.

58      F'dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni ta' l-OKS taz-zokkor tipprovdi, b'mod partikolari fit-tieni u fit-tielet paragrafi ta' l-Artikolu 1(1) u ta' l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 2670/81, li l-imposta fuq iz-zokkor C m'għandhiex tkun miġbura f'sitwazzjonijiet li kienu rikonoxxuti mill-awtoritajiet nazzjonali bħala sitwazzjonijiet ikkawżati minn forza maġġuri. Għaldaqstant, l-ekwità ma tistax tiġġustifika l-estenzjoni tal-possibbiltajiet ta' deroga mill-ġbir ta' l-ammont in kwistjoni barra minn dawn il-każijiet ta' forza maġġuri.

59      Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta' ugwaljanza, li jagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jkunux ittrattati b'mod differenti sakemm din id-differenza ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Novembru 1986, Klensch et, 201/85 u 202/85, Ġabra p. 3477, punt 9; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Settembru 1995, Lefebvre et vs Il-Kummissjoni, T-571/93, Ġabra p. II-2379, punt 78).

60      Issa, il-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha li l-produttur Komunitarju ta' zokkor C u l-operatur ekonomiku suġġett għal dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni ma jinsabux, fi kwalunkwe każ, f'sitwazzjonijiet komparabbli. Fil-fatt, kif diġà ġie indikat, il-fatti li jwasslu għall-ammonti dovuti, jiġifieri, rispettivament, in-nuqqas ta' prova ta' l-esportazzjoni ta' kwantità ta' zokkor C fit-terminu preskritt u l-importazzjoni ta' merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità, mhumiex l-istess fiż-żewġ każijiet. Il-produttur ta' zokkor huwa suġġett għall-projbizzjoni li jikkumerċjalizza l-produzzjoni tiegħu ta' zokkor barra l-kwota fis-suq intern u, bħala konsegwenza, għandu l-obbligu li jesporta dan iz-zokkor (sentenza British Sugar, iċċitata aktar 'il fuq, punt 41). Barra minn hekk, il-produttur ta' zokkor C għandu jirrispetta sekwenza kronoloġika tal-produzzjoni, jiġifieri huwa jrid ikun effettivament ipproduċa volum ta' zokkor ekwivalenti għat-total tal-kwoti A u B tiegħu qabel ma jkun jista' jidentifika kwantità ta' zokkor bħala zokkor C (sentenza British Sugar, iċċitata aktar 'il fuq, punt 44). Importatur, mill-banda l-oħra, mhuwiex suġġett għal dawn l-obbligi.

61      Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet li jippermettu li tkun ikkonstatata l-eżistenza ta' diskriminazzjoni mhumiex sodisfatti f'dan il-każ.

62      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-prinċipju ta' ċertezza legali, kuntrarjament għal dak li qiegħda tallega r-rikorrenti, in-nuqqas ta' mekkaniżmu speċifiku li jippermettilha li titlob remissjoni, minħabba raġunijiet ta' ekwità, ta' l-ammont li hija mitluba tħallas ma jistax jammonta għal ksur ta' l-imsemmi prinċipju. Fil-fatt, il-ħlas lura jew ir-remissjoni tad-dazji minħabba raġunijiet ta' ekwità jikkostitwixxu eċċezzjonijiet u ma jistgħux jingħataw ħlief f'każijiet previsti speċifikament peress li d-dispożizzjonijiet rilevanti għandhom jiġu interpretati b'mod strett. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-prinċipju ta' ċertezza legali huwa rrispettat f'dan il-każ safejn l-obbligi ta' min għandu jħallas l-ammont previst fl-Artikolu 26 tar-Regolament bażiku u fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 jirriżultaw minn sitwazzjoni legali definita b'mod ċar li tippermetti lill-operatur ekonomiku jsir jaf b'dawn l-obbligi inerenti għall-attività tiegħu.

63      Minn dak li għadu kemm intqal jirriżulta li dan l-ilment għandu jiġi miċħud. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud ukoll.

64      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

65      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tal-Kummissjoni, skond it-talbiet ta' din ta' l-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tal-Kummissjoni.

Lindh

García-Valdecasas

Jürimäe

Sentenza mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta' Diċembru 2002.

H. Jung

 

       P. Lindh

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.