Language of document : ECLI:EU:C:2009:762

OPINJONI TAL‑AVUKAT ĠENERALI

BOT

9 ta’ Diċembru 2009 1(1)

Kawża C‑403/09 PPU

Jasna Detiček

vs

Maurizio Sgueglia

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Višje sodišče v Mariboru (is‑Slovenja)]

“Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 2201/2003 dwar ir‑rikonoxximent u l‑infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal‑ġenituri – Tneħħija illegali ta’ minuri – Artikolu 20 tar‑Regolament Nru 2201/2003 – Possibbiltà għal qorti fl‑Istat Membru fejn ir‑rikonoxximent qiegħed jintalab li tieħu miżura provviżorja”





1.        B’din it‑talba għal deċiżjoni preliminari, il‑Qorti tal‑Ġustizzja qed tintalab tiddeċiedi dwar il‑portata tal‑Artikolu 20 tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas‑27 ta’ Novembru 2003, dwar il‑ġurisdizzjoni u r‑rikonoxximent u l‑infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal‑ġenituri, u li jirrevoka r‑Regolament (KE) Nru 1347/2000 (2).

2.        Din id‑dispożizzjoni tipprovdi li qorti ta’ Stat Membru tista’, f’dawn il‑kwistjonijiet u f’każijiet urġenti, tieħu dawk il‑miżuri provviżorji jew kawtelatorji fir‑rigward ta’ persuni jew assi fit‑territorju ta’ dan l‑istat, anki jekk, skont ir‑Regolament Nru 2201/2003, qorti ta’ Stat Membru ieħor ikollha l‑ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il‑mertu.

3.        Il‑kawża preżenti taqa’ fil‑kuntest fattwali li ġej. Il‑konjuġi J. Detiček, ta’ ċittadinanza Slovena, u M. Sgueglia, ta’ ċittadinanza Taljana, għexu fl‑Italja u kellhom tifla. Fl‑2007, bdew proċedura ta’ divorzju fl‑Italja u l‑qorti Taljana, li kellha ġurisdizzjoni fil‑mertu, iddeċidiet li tafda provviżorjament l‑kustodja tat‑tifla lill‑missier. Fl‑istess ġurnata meta ngħatat il‑miżura provviżorja mill‑qorti Taljana, l‑omm telqet lejn u bdiet toqgħod is‑Slovenja flimkien mat‑tifla. Sussegwentement, hija talbet u kisbet mill‑qorti Slovena miżura provviżorja li tafdalha l‑kustodja tat‑tifla tagħha.

4.        Il‑kwistjoni hija dwar jekk il‑qorti tal‑Istat Membru fejn tinsab it‑tifla setgħetx, fiċ‑ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, tieħu tali miżura provviżorja abbażi tal‑Artikolu 20 tar‑Regolament Nru 2201/2003.

5.        Fis‑27 ta’ Ottubru 2009, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li tevalwa din il‑kawża skont il‑proċedura b’urġenza, skont l‑Artikolu 23a tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑Unjoni Ewropea u l‑Artikolu 104b tar‑Regoli tal‑Proċedura. Fil‑kuntest ta’ din il‑proċedura, J. Detiček, attriċi fil‑kawża prinċipali, M. Sgueglia, konvenut fil‑kawża prinċipali, il‑Gvern Sloven u l‑Kummissjoni Ewropea, l‑uniċi partijiet awtorizzati jressqu s‑sottomissjonijiet tagħhom, ippreżentaw l‑osservazzjonijiet bil‑miktub tagħhom. Barra minn hekk, fis‑7 ta’ Diċembru 2009 inżammet seduta.

6.        F’dawn il‑konlużjonijiet jien ser nipproponi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja taqta’ u tiddeċiedi li l‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat, meta qorti ta’ Stat Membru, li jkollha ġurisdizzjoni fil‑mertu, tkun ħadet miżura li tafda b’mod provviżorju l‑kustodja ta’ minuri lil wieħed mill‑ġenituri tiegħu, fis‑sens li huwa ma jippermettix lil qorti ta’ Stat Membru ieħor tieħu, wara d‑deċiżjoni tal‑ewwel Stat Membru, deċiżjoni li tafda l‑kustodja tal‑minuri lill‑ġenitur l‑ieħor.

7.        Ser nindika wkoll kif, fil‑fehma tiegħi, it‑testi applikabbli u l‑għanijiet komuni li jispirawhom, jiġifieri l‑interess tal‑minuri, jirregolaw u jeżiġu kollaborazzjoni bejn il‑qrati fl‑istess żona komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

I –    Il‑kuntest ġuridiku

A –    Il‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980

8.        Il‑Konvenzjoni dwar l‑aspetti ċivili fis‑sekwestru internazzjonali tal‑minuri ġiet konkluża f’Den Haag fil‑25 ta’ Ottubru 1980 (3) fil‑kuntest tal‑organizzazzjoni mondjali għall‑kooperazzjoni transkonfinali f’oqsma ċivili u kummerċjali.

9.        Din il‑konvenzjoni tistabbilixxi r‑regoli ta’ proċedura applikabbli fil‑każ ta’ tneħħija ta’ minuri sabiex jiġi ggarantit ir‑ritorn immedjat tiegħu fl‑Istat ta’ residenza abitwali tiegħu kif ukoll li tiġi assigurata l‑protezzjoni tat‑dritt ta’ aċċess (4).

10.      L‑Artikolu 12 tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 huwa fformulat kif ġej:

“Meta minuri jkun tneħħa jew inżamm b’mod illeċitu skond l‑Artikolu 3 u, fid‑data tal‑bidu tal‑proċedimenti quddiem l‑awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ta’ l‑Istat Kontraenti fejn ikun jinsab il‑minuri, ikun għadda perjodu ta’ inqas minn sena mid‑data tar‑rimozzjoni jew ritenzjoni illeċita, l‑awtorità li tkun għandha tordna r‑ritorn tal‑minuri biex dan isir minnufih.

L‑awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, ukoll meta l‑proċedimenti jkunu inbdew wara li jkun għalaq il‑perjodu ta’ sena msemmi fil‑paragrafu ta’ qabel, għandha tordna wkoll ir‑ritorn tal‑minuri kemm‑il darba ma jiġix pruvat li l‑minuri jkun issa adatta ruħu fl‑ambjent ġdid tiegħu.

[…]”.

11.      L‑Artikolu 13 ta’ din il‑konvenzjoni jipprovdi:

“[…] l‑awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ta’ l‑Istat [Membru fejn il‑minuri jkun ittieħed] m’hiex marbuta li tordna r‑ritorn tal‑minuri jekk il‑persuna, istituzzjoni jew enti oħra li topponi r‑ritorn iġġib prova li:

a)      il‑pesuna, istituzzjoni jew enti oħra li jkunu vestiti bil‑kura tal‑persuna tal‑minuri ma kienux attwalment qegħdin jeżerċitaw id‑drittijiet tal‑kustodja fiż‑żmien meta jkun tneħħa jew inżamm il‑minuri jew li taw il‑kunsens tagħhom jew sussegwentement baqgħu siekta għar‑rimozzjoni jew ritenzjoni tal‑minuri; jew

b)      ikun hemm riskju kbir li r‑ritorn tal‑minuri se jesponih għal dannu fiżiku jew psikoloġiku jew inkella jqiegħed lill‑minuri f’sitwazzjoni intollerabbli.

L‑awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tista’ wkoll tirrifjuta li tordna r‑ritorn tal‑minuri jekk issib li l‑minuri joġġezzjona għar‑ritron tiegħu u jkun laħaq età u livell ta’ maturità li jkun tajjeb li wieħed jagħti każ tal‑fehmiet tiegħu.

[…]”

B –    Id‑dritt Komunitarju

12.      Ir‑Regolament Nru 2201/2003, li jissostitwixxi r‑Regolament Nru 1347/2000, għandu l‑għan li jarmonizza, fiż‑żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, ir‑regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali fil‑qasam ta’ divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż‑żwieġ, kif ukoll fil‑qasam ta’ responsabbiltà tal‑ġenituri.

13.      Filwaqt li r‑Regolament Nru 1347/2000 kien jillimita l‑kwistjonijiet marbuta mar‑responsabbiltà tal‑ġenituri għal dak li kien jaqa’ fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ separazzjoni, ir‑Regolament Nru 2201/2003 jestendi r‑regoli ta’ ġurisdizzjoni għad‑deċiżjonijiet dwar ir‑responsabbiltà tal‑ġenituri, inkluż il‑miżuri ta’ protezzjoni tal‑minuri, indipendentement minn kull rabta mal‑proċedura ta’ żwieġ (5).

14.      Skont l‑Artikolu 1(1)(b) tar‑Regolament Nru 2201/2003 dan għandu japplika, tkun xi tkun in‑natura tal‑qorti, fi kwistjonijiet ċivili dwar l‑attribuzzjoni, l‑eżerċizzju, id‑delega, ir‑restrizzjoni totali jew parzjali tar‑responsabbiltà tal‑ġenituri.

1.      Ir‑regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni u d‑derogi

15.      Filwaqt li jirreferi għall‑aqwa interess tal‑minuri, ir‑Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi l‑kriterju ta’ prossimità bħala regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni territorjali tal‑qrati, imma malajr jissuġġettaha għal eċċezzjoni, b’mod partikolari f’ċerti każijiet ta’ bidla tar‑residenza, bħalma jirriżulta mill‑Artikoli 8, 9, 10 u 12 ta’ dan ir‑regolament.

16.      B’hekk, l‑Artikolu 8(1) tal‑imsemmi regolament jipprovdi li l‑qorti li għandha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal‑ġenituri hija dik tal‑Istat Membru tar‑residenza abitwali tal‑minuri fil‑mument meta din il‑qorti tintalab tieħu deċiżjoni, fejn il‑preżenza tal‑minuri, kunċett eventwalment differenti minn dak ta’ residenza abitwali, issir l‑istess raġuni ta’ ġurisdizzjoni fin‑nuqqas ta’ kwalunkwe bażi oħra (6).

17.      Ma hemmx eċċezzjonijiet għal dan il‑prinċipju ħlief f’każijiet preċiżi fejn il‑qorti li inizjalment tkun intalbet tieħu deċiżjoni jibqa’ jkollha l‑ġurisdizzjoni jew sabiex jiġi evitat riskju ta’ kunflitt, jew sabiex tiġi żgurata l‑kontinwità ta’ proċedura li bdiet legalment skont kriterju ta’ ġurisdizzjoni territorjali skont ir‑Regolament Nru 2201/2003 u li ma hijiex ikkontestata mill‑ebda waħda mill‑partijiet.

18.      L‑istess jgħodd għal kwistjonijiet ta’ dritt ta’ aċċess fil‑każ fejn minuri jiċċaqlaq legalment minn Stat Membru wieħed għall‑ieħor u jikseb residenza abitwali ġdida hemmhekk. F’dan il‑każ, il‑qorti tal‑Istat Membru tar‑residenza abitwali ta’ qabel tal‑minuri żżomm il‑ġurisdizzjoni, matul perjodu ta’ tliet xhur wara ċ‑ċaqliq, għall‑iskop ta’ modifika ta’ sentenza dwar id‑dritt ta’ aċċess maħruġa f’dak l‑Istat Membru qabel il‑minuri ċċaqlaq (7).

19.      Bl‑istess mod, l‑Artikolu 12(1)(a) u (b) tar‑Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi estensjoni ta’ ġurisdizzjoni favur il‑qorti mitluba tieħu deċiżjoni fi kwistjoni ta’ separazzjoni. Skont din id‑dispożizzjoni, din il‑qorti jibqalha l‑ġurisdizzjoni għal kull kwistjoni fir‑rigward tar‑responsabbiltà tal‑ġenituri marbuta mat‑talba ta’ separazzjoni sakemm tal‑anqas wieħed mill‑konjuġi jeżerċita r‑responsabbiltà bħala ġenitur tal‑minuri u l‑ġurisdizzjoni tal‑imsemmija qorti ġiet aċċettata espressament jew bi kwalunkwe mod ieħor mhux ekwivoku mill‑konjuġi u mid‑detenturi tar‑responsabbiltà tal‑ġenituri. Din il‑ġurisdizzjoni għandha, barra minn hekk, tkun konformi mal‑aqwa interess tal‑minuri. Hija tieqaf minn meta d‑deċiżjoni li tilqa’ t‑talba ta’ separazzjoni jew id‑deċiżjonijiet relatati mar‑responsabbiltà tal‑ġenituri jsiru definittivi (8).

20.      Jekk l‑ebda qorti ta’ xi Stat Membru ma jkollha l‑ġurisdizzjoni skont l‑Artikoli 8 sa 13 tar‑Regolament Nru 2201/2003, il‑ġurisdizzjoni tiġi ddeterminata, f’kull Stat Membru, mil‑liġijiet ta’ dak l‑Istat (9).

21.      L‑aqwa interess tal‑minuri jista’ wkoll jiġġustifika deroga partikolari fejn qorti ta’ Stat Membru tirrinunzja għall‑ġurisdizzjoni tagħha favur qorti ta’ Stat Membru ieħor.

22.      L‑Artikolu 15(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi:

“[...] il‑qrati ta’ xi Stat Membru li għandhom il‑ġurisdizzjoni dwar is‑sostanza ta’ l‑kwistjoni jistgħu, jekk jikkunsidraw li qorti ta’ Stat Membru ieħor, li magħha l‑minuri għandu konnessjoni partikolari, u fejn dan huwa fl‑aħjar interessi ghall‑minuri, tkun f’posizzjoni aħjar biex jisimgħu l‑każ, jew parti speċifika minnu:

a)      twaqqaf l‑każ jew parti minnu fil‑kwistjoni u tistieden lill‑partijiet biex jippreżentaw talba quddiem il‑qorti ta’ dak l‑Istat Membru l‑ieħor skond il‑paragrafu 4; jew

b)      titlob qorti ta’ Stat Membru ieħor biex tassumi l‑ġurisdizzjoni skond il‑paragrafu 5 […]”.

23.      Skont l‑Artikolu 15(2) ta’ dan ir‑regolament, il‑paragrafu 1 għandu japplika fuq talba ta’ waħda mill‑partijiet, fuq inizjattiva proprja tal‑qorti jew inkella fuq talba ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor li l‑minuri għandu konnessjoni partikolari miegħu (10), fid‑dawl tal‑fatt li, f’dawn l‑aħħar żewġ każijiet, ir‑rinviju jsir biss jekk ikun aċċettat tal‑anqas minn waħda mill‑partijiet.

2.      Ir‑regoli applikabbli fil‑każ speċifiku ta’ tneħħija illegali tal‑minuri

24.      Fil‑każ ta’ tneħħija illegali tal‑minuri, ir‑regoli stabbiliti mill‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 ikomplu japplikaw. Madankollu huma kkomplementati mid‑dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 2201/2003 li jipprevalu fuq dawk tal‑konvenzjoni (11).

25.      L‑Artikolu 2(11) tal‑imsemmi regolament jipprovdi:

“Għall‑għanijiet ta’ dan ir‑Regolament:

[…]

il‑kliem ‛tneħħija nġusta jew iż‑żamma’ għandhom ifissru t‑tneħħija ta’ l‑minuri jew iż‑żamma fejn;

a)      hemm ksur ta’ liġi tad‑drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il‑liġi ta’ l‑Istat Membru fejn il‑minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it‑tneħħija jew iż‑żamma;

u

b)      iżda, f’dak iż‑żmien tat‑tneħħija jew iż‑żamma, id‑drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t‑tneħħija jew iż‑żamma. Il‑kustodja se tiġi kkunsidrata biex tiġi eżerċitata konġuntament meta, skond sentenza jew b’operat ta’ liġi, wieħed mill‑ġenituri li għandu jew għandha r‑responsabbilità ma tistax tiddeċiedi dwar il‑post ta’ residenza ta’ l‑minuri mingħajr il‑kunsens ta’ persuna oħra li għandha r‑responsabbilità ta’ l‑ġenitur.”

26.      Fir‑rigward tal‑ġurisdizzjoni tal‑qorti, l‑Artikolu 10 tar‑Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi li l‑qorti tal‑Istat Membru li l‑minuri kellu r‑residenza abitwali fit‑territorju tiegħu qabel it‑tneħħija illegali jibqa’ jkollha ġurisdizzjoni.

27.      Madankollu, u skont il‑kriterju ta’ prossimità, il‑ġurisdizzjoni tiġi ttrasferita lill‑qrati tal‑Istat Membru li t‑territorju tiegħu jkun sar ir‑residenza abitwali l‑ġdida tal‑minuri meta:

a)      kull persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja tagħti l‑kunsens tagħha għat‑tneħħija jew żamma;

jew

b)      il‑minuri jkollu residenza f’dak l‑Istat Membru l‑ieħor għall‑perjodu ta’ mill‑inqas sena wara li l‑persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li jkollha dritt ta’ kustodja jkollha jew jista’ jkollha informazzjoni dwar fejn jinsab il‑minuri u l‑minuri jkun integra ruħu fl‑ambjent il‑ġdid tiegħu u mill‑inqas waħda mill‑kundizzjonijiet segwenti tkun ġiet sodisfatta:

i)      fi żmien sena wara li l‑pussessur tad‑drittijiet ta’ kustodja kellu/ha jew seta’ kellu/ha informazzjoni dwar fejn jinsab il‑minuri, ma tkun saret l‑ebda talba għar‑ritorn lill‑awtoritajiet kompetenti fl‑Istat Membru fejn il‑minuri tneħħa jew inżamm;

ii)      talba għar‑ritorn magħmula mill‑pussessur tad‑drittijiet ta’ kustodja tkun ġiet irtirata u l‑ebda talba ġdida ma tkun saret fit‑terminu indikat mill‑paragrafu (i);

iii)      kawża li tkun tressqet quddiem qorti tal‑Istat Membru fejn il‑minuri kien abitwalment residenti immedjatament qabel it‑tneħħija inġusta jew iż‑żamma tkun ingħalqet skond l‑Artikolu 11(7);

iv)      tkun ingħatat sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax li t‑talba tar‑ritorn tal‑minuri tkun inħarġet mill‑qrati ta’ l‑Istat Membru fejn il‑minuri kien abitwalment residenti immedjatament qabel it‑tneħħija inġusta jew iż‑żamma.

28.      It‑Titolu tal‑Artikolu 11 tar‑Regolament Nru 2201/2003 huwa “Ir‑Ritorn ta’ l‑minuri”. Skont il‑paragrafu 1 tiegħu, fejn persuna, li jkollha d‑dritt ta’ kustodja, tapplika mal‑awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza abbażi tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 sabiex tikseb ir‑ritorn tal‑minuri li tneħħa, għandhom japplikaw il‑paragrafi 2 sa 8.

29.      B’mod partikolari, skont l‑Artikolu 11(6) ta’ dan ir‑regolament, jekk deċiżjoni ta’ żamma tkun ittieħdet minn qorti ta’ Stat Membru ieħor skont l‑Artikolu 13 tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, din il‑qorti għandha tittrażmetti kopja ta’ din id‑deċiżjoni u d‑dokumenti rilevanti lill‑qorti li għandha l‑ġurisdizzjoni jew lill‑awtorità ċentrali fl‑Istat Membru fejn il‑minuri kien abitwalment residenti qabel it‑tneħħija jew iż‑żamma illegali.

30.      Barra minn hekk, skont l‑Artikolu 11(8) tar‑Regolament Nru 2201/2003, kwalunkwe deċiżjoni ulterjuri li tordna r‑ritorn tal‑minuri maħruġa minn qorti li għandha l‑ġurisdizzjoni taħt dan ir‑regolament hija eżekuttiva, sabiex jiġi żgurat ir‑ritorn tal‑minuri, skont il‑Kapitolu III, Taqsima 4, tal‑imsemmi regolament, b’mod partikolari skont l‑Artikoli 40, 42 u 43.

31.      Bis‑saħħa tal‑Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003, id‑deċiżjoni li tordna r‑ritorn tal‑minuri għandha tiġi rrikonoxxuta u għandha saħħa eżekuttiva fi Stat Membru ieħor mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ rikors għal proċedura ta’ eżekuzzjoni u mingħajr ma jkun possibbli li ssir oppożizzjoni għar‑rikonoxximent tagħha.

32.      Sabiex isir dan, l‑imsemmija deċiżjoni għandha tiġi ċċertifikata fl‑Istat Membru ta’ oriġni. Il‑qorti li għandha tiċċertifika d‑deċiżjoni li tordna r‑ritorn tal‑minuri ma tistax tagħti ċ‑ċertifikat jekk ma jkunux ġew sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Fil‑fatt, mill‑punti (a), (b) u (ċ) tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 42(2) jirriżulta li ċ‑ċertifikat jista’ jingħata biss jekk il‑minuri jkun ingħata l‑opportunità li jinstema’, ħlief jekk seduta titqies li ma hijiex xierqa wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑età jew il‑livell ta’ maturità tiegħu, jekk il‑partijiet inkunu ngħataw l‑opportunità li jinstemgħu, u jekk il‑qorti tkun tat id‑deċiżjoni tagħha billi tieħu inkunsiderazzjoni l‑motivi u l‑provi li fuqhom kienet ibbażata d‑deċiżjoni ta’ żamma.

3.      Id‑dispożizzjonijiet komuni għas‑separazzjoni u għar‑responsabbiltà tal‑ġenituri

33.      Sabiex ikopri kull sitwazzjoni ta’ urġenza, l‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi li l‑qrati ta’ Stat Membru jistgħu jieħdu miżuri provviżorji jew kawtelatorji fir‑rigward ta’ persuni jew assi preżenti fit‑territorju ta’ dan l‑Istat Membru, u dan anki jekk qorti ta’ Stat Membru ieħor ikollha ġurisdizzjoni fil‑mertu.

34.      L‑effett ta’ dawn il‑miżuri jieqaf, skont l‑Artikolu 20(2) ta’ dan ir‑regolament, meta l‑qorti li jkollha ġurisdizzjoni fil‑mertu tkun ħadet il‑miżuri li hija tqis xierqa.

4.      Ir‑rikonoxximent u l‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal‑ġenituri

35.      Skont l‑Artikolu 21(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003, id‑deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru huma rrikonoxxuti fl‑Istati Membri l‑oħrajn mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ ebda proċedura oħra. L‑Artikolu 21(3) ta’ dan ir‑regolament jipprovdi li kull parti tista’ titlob li tittieħed deċiżjoni li s‑sentenza tiġi jew ma tiġix irrikonoxxuta.

36.      Ir‑raġunijiet għan‑nuqqas ta’ rikonoxximent tas‑sentenzi dwar ir‑responsabbiltà tal‑ġenituri huma stabbiliti fl‑Artikolu 23 tal‑imsemmi regolament. B’mod partikolari, tali deċiżjoni ma tiġix irrikonoxxuta jekk ir‑rikonoxximent imur manifestament kontra l‑ordni pubbliku jew jekk din id‑deċiżjoni tkun ingħatat mingħajr ma l‑minuri jkun ingħata l‑opportunità li jinstema’.

37.      Barra minn hekk, skont l‑Artikolu 24 tar‑Regolament Nru 2201/2003, ma jistax isir stħarriġ tal‑ġurisdizzjoni tal‑qorti tal‑Istat Membru tal‑oriġni (12).

38.      Fl‑aħħar nett, fl‑Artikolu 28(1) tal‑imsemmi regolament jingħad li “sentenza dwar l‑eżerċitar tar‑responsabbilità ta’ l‑ġenituri dwar il‑minuri mogħtija fi Stat Membru li hija nfurzabbli f’dak l‑Istat Membru u li ġiet notifikata għandha tigi nfurzata fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ kwalsijasi parti nteressata, ġiet iddikjarata nfurzabbli hemmhekk”. Barra minn hekk, huwa possibbli għal parti jew għal oħra li tippreżenta rikors kontra d‑deċiżjoni dwar it‑talba ta’ eżekuzzjoni (13).

5.      Il‑kooperazzjoni bejn l‑awtoritajiet ċentrali fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal‑ġenituri

39.      Skont l‑Artikolu 53 tar‑Regolament Nru 2201/2003, kull Stat Membru għandu jinnomina wieħed jew iktar mill‑awtoritajiet ċentrali biex jassistu fl‑applikazzjoni ta’ dan ir‑regolament. Il‑funzjoni tagħhom hija li jikkomunikaw l‑informazzjoni dwar il‑proċedimenti u l‑liġijiet nazzjonali, jieħdu miżuri biex itejbu l‑applikazzjoni tal‑imsemmi regolament kif ukoll li jsaħħu l‑kooperazzjoni bejn id‑diversi awtoritajiet ċentrali tal‑Istati Membri (14).

40.      L‑Artikolu 55 ta’ dan ir‑regolament jipprovdi li l‑awtoritajiet ċentrali għandhom jieħdu kull miżura xierqa sabiex jiġbru u jaqsmu l‑informazzjoni dwar is‑sitwazzjoni tal‑minuri, dwar kwalsijasi proċedimenti li jkunu għaddejjin relatati mar‑responsabbiltà tal‑ġenituri u dwar kull deċiżjoni meħuda li tikkonċerna l‑minuri. B’mod partikolari, huma għandhom jieħdu kull miżura sabiex jiffaċilitaw il‑komunikazzjonijiet bejn il‑qrati għall‑applikazzjoni tal‑Artikoli 11(6) u (7) kif ukoll l‑Artikolu 15 tal‑imsemmi regolament.

C –     Id‑dritt nazzjonali

41.      L‑Artikolu 411(1) tal‑Kodiċi ta’ proċedura ċivili (Zakon o pravdnem postopku) (15) jipprovdi li, fil‑kors ta’ proċedura dwar kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet fir‑relazzjonijiet bejn ġenituri u t‑tfal, il‑qorti tista’ tadotta, fuq proposta ta’ waħda mill‑partijiet jew ex officio, deċiżjonijiet provviżorji fuq il‑kustodja u l‑manteniment tal‑minuri komuni kif ukoll miżuri provviżorji fuq ir‑revoka jew il‑limitazzjoni tad‑dritt ta’ aċċess jew il‑mod ta’ eżerċizzju ta’ dan l‑aċċess.

42.      Skont l‑Artikolu 411(3) ta’ dan il‑kodiċi, dawn id‑deċiżjonijiet provviżorji għandhom jiġu adottati skont id‑dispożizzjonijiet tal‑liġi li jirregolaw il‑miżuri kawtelatorji.

43.      Skont l‑Artikolu 267 tal‑Liġi dwar l‑eżekuzzjoni u l‑miżuri kawtelatorji (Zakon o izvršbi in zavarovanju) (16), deċiżjoni provviżorja tista’ tiġi adottata qabel il‑ftuħ ta’ proċedura ġudizzjarja, matul il‑proċedura, u fit‑tmiem tal‑proċedura, kif ukoll sa dak il‑perijodu ta’ żmien li fih ma tkunx għadha twettqet l‑eżekuzzjoni.

44.      L‑Artikolu 105(3) tal‑Liġi dwar iż‑żwieġ u r‑relazzjonijiet familjari (Zakon o zakonski zvezi in družinskih razmerjih) (17) jipprovdi li, jekk il‑ġenituri, minkejja l‑intervent taċ‑ċentru tal‑affarijiet soċjali, ma jilħqux ftehim fuq il‑kustodja u l‑edukazzjoni tal‑minuri, il‑qorti għandha tiddeċiedi, fuq talba ta’ wieħed minnhom jew tat‑tnejn li huma, li l‑kustodja tal‑minuri kollha tiġi fdata lil wieħed mit‑tnejn jew li l‑kustodja ta’ xi minuri tiġi fdata lil wieħed mill‑ġenituri, u l‑kustodja tal‑minuri l‑oħra tiġi fdata lill‑ieħor. Il‑qorti tista’ wkoll tiddeċiedi ex officio li l‑kustodja tal‑minuri kollha jew ta xi wħud minnhom tiġi fdata lil terzi.

II – Il‑fatti fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

45.      J. Detiček, ta’ ċittadinanza Slovena, u M. Sgueglia, ta’ ċittadinanza Taljana, huma miżżewġin u kienu residenti Ruma għal 25 sena. It‑tifla tagħhom, Antonella, ta’ nazzjonalità Slovena, twieldet fis‑6 ta’ Settembru 1997.

46.      Inbdiet proċedura ta’ divorzju quddiem it‑Tribunale ordinario di Tivoli (il‑qorti ordinarja ta’ Tivoli) (l‑Italja). B’digriet tal‑25 ta’ Lulju 2007, hija ddeċidiet li tafda provviżorjament il‑kustodja esklużiva tat‑tifla minuri tal‑koppja lil M. Sgueglia u li hija tqiegħed lil din il‑minuri f’istitut tad‑dar tas‑sorijiet Kalasantjani f’Ruma.

47.      Mill‑proċess mibgħut lill‑Qorti tal‑Ġustizzja mill‑Višje sodišče v Mariboru (qorti tal‑appell ta’ Maribor) jirriżulta li l‑imħallef tat‑Tribunale ordinario di Tivoli ma xtaqx jafda l‑kustodja tal‑minuri lil J. Detiček minħabba li din tal‑aħħar ma kinitx kapaċi tiddistingwi bejn l‑aħjar interessi tat‑tifla minuri tal‑koppja u l‑interessi tagħha stess. Barra minn hekk, skont il‑qorti Taljana, Antonella kienet tirrifjuta li tara lil missierha. Għalhekk, din il‑qorti ddeċidiet li tafda l‑kustodja provviżorjament lil M. Sgueglia u li tqiegħed lil Antonella f’istitut, sabiex tiġi eskluża mill‑kunflitt bejn il‑ġenituri tagħha. Barra minn hekk, fid‑deċiżjoni mogħtija mill‑qorti Taljana huwa ppreċiżat li kienet J. Detiček stess li pproponiet l‑istitut.

48.      Fl‑istess ġurnata tal‑imsemmija deċiżjoni, J. Detiček u t‑tifla tagħha telqu mill‑Italja lejn Poljčane fis‑Slovenja, fejn għadhom joqgħodu sal‑lum.

49.      B’deċiżjoni tal‑Okrožno sodišče v Mariboru (is‑Slovenja) tat‑22 ta’ Novembru 2007, ikkonfermata bid‑deċiżjoni tal‑Vrhovno sodišče (qorti suprema) (is‑Slovenja) tat‑2 ta’ Ottubru 2008, id‑digriet tat‑Tribunale ordinario di Tivoli tal‑25 ta’ Lulju 2007 ġie ddikjarat eżekuttiv fit‑territorju tar‑Repubblika Slovena u bħalissa għaddejja proċedura ta’ eżekuzzjoni quddiem l‑Okrajno sodišče v Slovenski Bistrici (qorti kantonali ta’ Slovenska Bistrica) (is‑Slovenja), sabiex il‑minuri terġa’ tingħata lil missierha u titqiegħed fl‑istitut f’Ruma. Din l‑eżekuzzjoni ġiet sospiża sakemm tiġi konkluża l‑proċedura fil‑kawża prinċipali.

50.      Fit‑28 ta’ Novembru 2008, J. Detiček talbet lill‑Okrožno sodišče v Mariboru tieħu miżura provviżorja li tafdalha l‑kustodja tal‑minuri.

51.      B’digriet tad‑9 ta’ Diċembru 2008, l‑Okrožno sodišče v Mariboru laqgħet it‑talba ta’ J. Detiček u fdatilha provviżorjament il‑kustodja ta’ Antonella. Hija mmotivat id‑deċiżjoni tagħha billi bbażat ruħha fuq il‑fatt li ċ‑ċirkustanzi kienu nbidlu u li dan kien fl‑interess tal‑minuri, liema qorti tar‑rinviju però ma ppreċiżatx b’iktar dettalji dawn iċ‑ċirkustanzi.

52.      Madankollu, mill‑proċess mibgħut lill‑Qorti tal‑Ġustizzja u, b’mod partikolari, mid‑digriet tad‑9 ta’ Diċembru 2008, jirriżulta li l‑bdil fiċ‑ċirkustanzi kien dan li ġej. Antonella issa hija integrata fis‑Slovenja. Il‑qorti Slovena tqis li r‑ritorn fl‑Italja, u li titqiegħed f’istitut imur kontra s‑saħħa tagħha, għaliex dan jikkawżalha dannu fiżiku u psikoloġiku irreparabbli. Barra minn hekk, il‑qorti semgħet lil Antonella fl‑1 ta’ Diċembru 2008 u din uriet ix‑xewqa li tibqa’ ma’ ommha.

53.      M. Sgueglia appella mill‑imsemmi digriet quddiem l‑istess qorti, li ċaħdet dan l‑appell b’digriet tad‑29 ta’ Ġunju 2009. Il‑qorti tibbaża l‑adozzjoni tal‑miżura kawtelatorja fuq id‑dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal‑Artikolu 20 tar‑Regolament Nru 2201/2003 u tal‑Artikolu 13 tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980.

54.      M. Sgueglia ppreżenta rikors kontra d‑digriet tad‑29 ta’ Ġunju 2009 quddiem il‑Višje sodišče v Mariboru, li ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tressaq lill‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Qorti tar‑Repubblika tas‑Slovenja [...] għandha ġurisdizzjoni bis‑saħħa tal‑Artikolu 20 tar‑regolament [Nru 2201/2003] li tadotta miżuri kawtelatorji meta qorti ta’ Stat membru ieħor, li għandha ġurisdizzjoni bis‑saħħa tal‑imsemmi regolament li tiddeċiedi fuq il‑mertu, tkun ġà adottat miżura kawtelatorja li tkun ġiet iddikjarata eżekuttiva [...] [fis‑]Slovenja?

2)      Fil‑każ ta’ risposta pożittiva għal din id‑domanda, qorti Slovena tista’ tadotta, b’applikazzjoni tad‑dritt nazzjonali (l‑Artikolu 20 tar‑regolament [Nru 2201/2003] li jawtorizza din l‑applikazzjoni) miżura kawtelatorja bis‑saħħa tal‑Artikolu 20 [ta’ dan ir‑] regolament [...], li biha tbiddel jew tannulla miżura kawtelatorja definittiva u eżekuttiva adottata minn qorti ta’ Stat membru ieħor li bis‑saħħa ta’ [l‑imsemmi] regolament [...] għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi fuq il‑mertu?”.

III – Analiżi

55.      Bid‑domandi preliminari tagħha, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003 jistax jiġi interpretat, meta qorti ta’ Stat Membru, li għandha ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni tal‑mertu, tkun ħadet miżura li tafda provviżorjament il‑kustodja ta’ minuri lil wieħed mill‑ġenituri, fis‑sens li jippermetti lil qorti ta’ Stat Membru ieħor tieħu, sussegwentement għad‑deċiżjoni tal‑ewwel Stat Membru, deċiżjoni li tafda l‑kustodja tal‑minuri lill‑ġenitur l‑ieħor.

A –    Osservazzjonijiet preliminari

56.      Preliminarjament, fil‑fehma tiegħi, jaqbel li jsiru l‑osservazzjonijiet li ġejjin.

57.      L‑ewwel nett, jidhirli li huwa paċifiku li d‑domandi li saru lill‑Qorti tal‑Ġustizzja joriġinaw minn kawża li qamet wara tneħħija illegali ta’ minuri fis‑sens tar‑Regolament Nru 2201/2003.

58.      Fil‑fatt, mill‑informazzjoni mogħtija lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, jirriżulta li J. Detiček telqet mill‑Italja, l‑Istat ta’ residenza abitwali tal‑familja, sabiex tmur is‑Slovenja flimkien mat‑tifla minuri komuni tal‑koppja, Antonella, li f’dak iż‑żmien kellha 10 snin, fl‑istess ġurnata meta l‑qorti Taljana, mitluba tiddeċiedi mill‑konjuġi, fil‑kuntest ta’ proċedura għal divorzju, tat deċiżjoni li tafda provviżorjament il‑kustodja ta’ Antonella lill‑missier, M. Sgueglia. Din is‑sitwazzjoni għadha hekk sal‑lum, kontra r‑rieda tal‑missier.

59.      Konsegwentement, il‑kundizzjonijiet stabbiliti mill‑Artikolu 2(11) tar‑Regolament Nru 2201/2003, li jiddefinixxi t‑tneħħija illegali ta’ minuri bħala dik fejn ikun hemm “ksur ta’ liġi tad‑drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza [...] taħt il‑liġi ta’ l‑Istat Membru fejn il‑minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it‑tneħħija [...] iżda, f’dak iż‑żmien tat‑tneħħija jew iż‑żamma, id‑drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t‑tneħħija jew iż‑żamma [...]” għalija huma sodisfatti.

60.      Sussegwentement jidhirli neċessarju li jiġi ppreċiżat immedjatament li jekk id‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 11 ta’ dan ir‑regolament, li jistabbilixxu l‑kollaborazzjoni tal‑qrati fl‑interess tal‑minuri, għandhom jiġu applikati fil‑kuntest ta’ azzjoni għal eżekuzzjoni, jiġifieri intiża għar‑ritorn, mibdija mill‑missier quddiem l‑Okrajno sodišče v Slovenski Bistrici, min‑naħa l‑oħra ma jistgħux japplikaw għall‑azzjoni mibdija mill‑omm quddiem l‑Okrožno sodišče v Mariboru.

61.      Fil‑fatt, mill‑Artikolu 11(1) tal‑imsemmi regolament jirriżulta li r‑ritorn tal‑minuri permezz tal‑imsemmi mekkaniżmu jista’ jseħħ biss “[f]ejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id‑drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l‑awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il‑bażi tal‑[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980] ħalli tikseb ir‑ritorn ta’ l‑minuri li ġew inġustament imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l‑Istat Membru fejn il‑minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it‑tneħħija jew iż‑żamma nġusta”.

62.      Issa, mill‑elementi esposti lill‑Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, J. Detiček ma kellhiex dritt ta’ kustodja, lanqas konġunt, skont id‑deċiżjoni tat‑Tribunale ordinario di Tivoli mogħtija fil‑25 ta’ Lulju 2007 u li saret eżekuttiva b’deċiżjoni tal‑Vrhovno sodišče fit‑2 ta’ Ottubru 2008, meta, fit‑28 ta’ Novembru 2008, hija talbet lill‑Okrožno sodišče v Mariboru tattribwixxi, favur tagħha, id‑dritt ta’ kustodja u, min‑naħa l‑oħra, it‑talba tagħha ma kinitx intiża għar‑ritorn ta’ Antonella. Għalhekk, f’dan il‑każ din hija ipoteżi mhux biss differenti, imma wkoll kompletament kuntrarja għal dik intiża mill‑Artikolu 11(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003.

63.      Għalhekk din il‑problema li għandha quddiemha l‑Qorti tal‑Ġustizzja għandha tiġi eżaminata biss fid‑dawl tad‑dispożizzjonijiet awtonomi tal‑Artikolu 20.

64.      Fil‑verità, id‑domanda preliminari li saret mill‑qorti tar‑rinviju hija dwar jekk, f’ipoteżi bħal dik fil‑kawża prinċipali, huwiex possibbli li tinkiseb u li tiġi rrikonoxxuta bħala prevalenti deċiżjoni ta’ qorti mogħtija abbażi tal‑Artikolu 20(1) tal‑imsemmi regolament minn qorti li l‑kriterju ta’ ġurisdizzjoni territorjali tagħha jeżisti biss wara t‑tneħħija illegali tal‑minuri.

65.      Ir‑risposta għal din id‑domanda tiddependi, fl‑opinjoni tiegħi, mir‑risposti mogħtija għaż‑żewġ domandi li ġejjin. L‑ewwel nett, liema huwa, fil‑każ quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja, il‑prinċipju fundamentali tar‑Regolament Nru 2201/2003? Fit‑tieni nett, x’post għandhom id‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 20 ta’ dan ir‑regolament fis‑sistema stabbilita mill‑imsemmi regolament?

B –    Is‑sistema stabbilita bir‑Regolament Nru 2201/2003 fil‑każ speċifiku ta’ tneħħija illegali tal‑minuri

66.      Fil‑fehma tiegħi, ir‑Regolament Nru 2201/2003 huwa bbażat fuq dawn l‑erba’ premessi.

67.      L‑ewwel nett, għandu jitfakkar li dan huwa intiż li jikkontribwixxi fil‑ħolqien ta’ żona ġuridika komuni billi jistabbilixxi regoli ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet matrimonjali u fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal‑ġenituri kif ukoll billi jiffaċilita r‑rikonoxximent u l‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjonijiet f’dawn il‑kwistjonijiet.

68.      Għal dan il‑għan, huwa essenzjali li d‑deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru jkunu reċiprokament irrikonoxxuti. Fil‑fatt, kif inhuwa ppreċiżat fil‑premessa 2 tar‑Regolament Nru 2201/203, il‑prinċipju tar‑rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji ġie approvat bħala l‑bażi tal‑ħolqien ta’ żona ġuridika. Hija r‑raġuni għalfejn ir‑rikonoxximent ta’ dawn id‑deċiżjonijiet kif ukoll l‑eżekuzzjoni tagħhom huma bbażati fuq il‑prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u li r‑raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent huma mnaqqsa għall‑minimu neċessarju (18).

69.      It‑tieni nett, għandu jitfakkar li l‑imsemmi regolament jenfasizza, huwa stess, li r‑regoli ta’ ġurisdizzjoni li huwa jistabbilixxi ġew ifformati skont l‑aqwa interess tal‑minuri (19). Għalhekk jirriżulta, fil‑fehma tiegħi mingħajr ebda ekwivoku, li r‑regoli ta’ ġurisdizzjoni intiżi li jiġġieldu kontra t‑tneħħija illegali tal‑minuri ġew ukoll ifformulati f’dan l‑ispirtu.

70.      Prassi, li fil‑passat kienet komuni, fil‑każ ta’ divorzju bejn konjuġi ta’ nazzjonalitajiet differenti kienet li l‑ġenitur li kien ikun irid jiżgura l‑kustodja tat‑tfal minuri għalih imur joqgħod flimkien mal‑minuri inkwistjoni fil‑pajjiż tal‑oriġni tiegħu u jitlob lill‑qorti nazzjonali tiddeċiedi fuq il‑kustodja, bi ksur, jekk ikun il‑każ, tad‑deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu f’xi Stat Membru ieħor.

71.      Il‑konsegwenza ta’ dan kienet ksur għal perijodi twal ta’ snin, jekk mhux ksur definittiv, tar‑relazzjonijiet bejn il‑minuri u l‑ġenitur l‑ieħor tiegħu, sitwazzjoni li qatt ma tista’ tkun fl‑interess tal‑minuri jew, sabiex tintuża espressjoni li l‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà użat, għas‑saħħa tal‑minuri (20).

72.      Din l‑attitudni, li l‑passat qrib tagħha, anki fl‑attwalità kontemporanja, toffri eżempji frekwenti u ta’ niket, kienet tikkonsisti f’li tqajjem jew fit‑tama li titqajjem fil‑qorti li tintalab tiddeċiedi reazzjoni favorevoli ispirata minn tip ta’ nazzjonaliżmu ġuridiku, li llum huwa assolutament inkompatibbli mal‑kunċett ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Fil‑fatt, il‑minuri kien isib ruħu b’hekk imċaħħad mid‑drittijiet essenzjali u awtentikament fundamentali. Minbarra l‑fatt li wieħed jista’ faċilment jobsor li l‑pressjoni familjari li jbati ċċaħdu, anki ladarba jilħaq ċerta maturità, mil‑libertà ta’ għażla tiegħu u mill‑possibbiltà li juża l‑libertà ta’ moviment tiegħu sabiex imur jara l‑ġenitur l‑ieħor tiegħu, il‑minuri jsib ruħu sempliċiment imċaħħad mid‑dritt fundamentali tiegħu li jkollu relazzjonijiet naturali maż‑żewġ ġenituri tiegħu.

73.      Huwa sabiex jevita dawn il‑prattiki ta’ ħsara kbira għall‑minuri li r‑Regolament Nru 2201/2003 stabbilixxa regoli obbligatorji ta’ ġurisdizzjoni, li l‑ewwel għan tagħhom huwa li jiġi evitat aġir li jippermetti din is‑sistema u li jikkostitwixxi aġir illegali.

74.      Il‑projbizzjoni konkreta tal‑imsemmija prassi timplika għalhekk il‑projbizzjoni tal‑forum shopping. Fil‑fatt, l‑uniku metodu effettiv huwa li tinżamm u li tiġi kkonfermata bħala intanġibbli l‑ġurisdizzjoni oriġinali tal‑qorti mitluba tieħu konjizzjoni tal‑mertu.

75.      Fil‑fehma tiegħi, huwa għalhekk li r‑Regolament Nru 2201/2003, wara li indika fl‑interess tal‑minuri regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq il‑prossimità (21), jagħmel, dejjem f’dan l‑interess, eċċezzjonijiet fosthom dik applikabbli għat‑tneħħija illegali ta’ minuri.

76.      F’din l‑ipoteżi, intiża u regolata mill‑Artikolu 10 tal‑imsemmi regolament, il‑ġurisdizzjoni hija attribwita lill‑qorti tal‑Istat Membru fejn il‑minuri kellu r‑residenza abitwali tiegħu qabel it‑tneħħija illegali. Il‑ġurisdizzjoni tista’ tingħata biss lill‑qorti tal‑Istat Membru fejn jinsab il‑minuri jekk din it‑tneħħija ssir legali wara li ssir espressament jew impliċitament regolari, skont il‑każijiet imsemmija minn dan ir‑regolament.

77.      Fil‑fatt, dan l‑Artikolu jipprovdi l‑ipoteżi fejn il‑persuna li jkollha d‑dritt ta’ kustodja tagħti l‑kunsens għat‑tneħħija (22) jew inkella meta l‑qorti li tkun żammet il‑ġurisdizzjoni tagħha minħabba n‑natura illegali tat‑tneħħija tagħti deċiżjoni li tikkonferma t‑tneħħija jew tiddeċiedi dwar il‑kustodja b’mod li ma jimplikax ir‑ritorn (23). Bl‑istess mod, impliċitament, l‑imsemmi Artikolu jipprevedi l‑każ fejn, matul perijodu ta’ sena, il‑persuna li kellha d‑dritt titlob ir‑ritorn tal‑minuri jew ma titolbux, jew tirtira u ma terġax tieħu azzjoni intiża li tikseb ir‑ritorn tal‑minuri (24). F’dawn l‑eżempji kollha, il‑ġurisdizzjoni tiġi ttrasferita lill‑qorti tal‑Istat Membru fejn ittieħed il‑minuri.

78.      Fid‑dawl tal‑elementi pprovduti lill‑Qorti tal‑Ġustizzja mill‑qorti tar‑rinviju, huwa evidenti li dan mhuwiex il‑każ f’din il‑kwistjoni. Fil‑fatt, M. Sgueglia, wara li talab u kiseb ir‑rikonoxximent tad‑deċiżjoni Taljana fit‑territorju Sloven, ippreżenta rikors quddiem l‑Okrajno sodišče v Slovenski Bistrici intiż li jikseb ir‑ritorn ta’ Antonella permezz tal‑eżekuzzjoni ta’ din id‑deċiżjoni.

79.      Għalhekk, huwa paċifiku li, skont ir‑Regolament Nru 2201/2003, il‑qorti Taljana żammet il‑ġurisdizzjoni tagħha bl‑esklużjoni ta’ kull qorti oħra, li huwa rrikonoxxut, fil‑fatt, mill‑qorti tar‑rinviju.

80.      Fid‑dawl ta’ dawn il‑kunsiderazzjonijiet jaqbel, issa, li tingħata risposta għad‑domandi preliminari li saru mill‑qorti tar‑rinviju.

C –    Il‑post tal‑Artikolu 20 tar‑Regolament Nru 2201/2003 fl‑arkitettura ġenerali tiegħu

81.      Dan huwa fil‑fatt dak li trid tiddetermina, bid‑domandi preliminari tagħha, il‑qorti tar‑rinviju li tistaqsi, essenzjalment, jekk, abbażi tal‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003, meta qorti ta’ Stat Membru, li għandha ġurisdizzjoni tieħu konjizzjoni tal‑mertu, tkun ħadet miżura li tafda provviżorjament il‑kustodja ta’ minuri lil wieħed mill‑ġenituri tiegħu, qorti ta’ Stat Membru ieħor tistax tieħu, sussegwentement għad‑deċiżjoni tal‑ewwel Stat Membru, deċiżjoni li tafda l‑kustodja tal‑minuri lill‑ġenitur l‑ieħor.

82.      Infakkru, l‑ewwel nett, li l‑Artikolu 20(1) ta’ dan ir‑regolament jippermetti lil qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni tieħu konjizzjoni tal‑mertu li tieħu, b’mod eċċezzjonali, meta jkun neċessarju minħabba l‑urġenza, miżura provviżorja jew miżura kawtelatorja fir‑rigward tal‑assi jew il‑persuni preżenti fit‑territorju tagħha.

83.      Fil‑fehma tiegħi, din id‑dispożizzjoni ma tikkostitwixxix kriterju ta’ ġurisdizzjoni ġenerali, imma awtorizzazzjoni sabiex taġixxi taħt il‑pressjoni doppja ta’ periklu għall‑minuri u tan‑neċessità ta’ azzjoni urġenti sabiex tneħħiħ minn dan il‑periklu.

84.      Fil‑fatt, kif tenfasizza l‑Kummissjoni fil‑punt 27 tal‑osservazzjonijiet tagħha, l‑Artikolu 20 tar‑Regolament Nru 2201/2003, għandu l‑effett li jippermetti li tiġi invokata l‑liġi tal‑qorti mingħajr kriterju ta’ ġurisdizzjoni inizjali.

85.      Issa, jiena rajt li r‑regoli tal‑ġurisdizzjoni, inklużi dawk tal‑Artikolu 10 ta’ dan ir‑regolament, ġew maħsuba fl‑aqwa interess tal‑minuri. L‑intervent tal‑Artikolu 20 tal‑imsemmi regolament, li joħloq deroga minnu, jista’ jsir biss f’ċirkustanzi eċċezzjonalment gravi b’rabta diretta mas‑sitwazzjoni tal‑minuri.

86.      Il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà kellha l‑okkażjoni tippreċiża l‑portata ta’ din id‑dispożizzjoni fis‑sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq. F’din is‑sentenza, hija ddeċidiet li l‑applikazzjoni tal‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003 hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri li l‑miżuri għandhom ikunu urġenti, li għandhom jittieħdu fir‑rigward tal‑persuni u tal‑proprjetà preżenti fl‑Istat Membru tal‑qorti li qed tiddeċiedi dwar il‑kawża, u għandhom ikunu ta’ natura provviżorja (25).

87.      Fl‑ipoteżi konkreta li tressqet quddiemha, il‑Qorti tal‑Ġustizzja indikat li “[il‑miżuri provviżorji li ttieħdu skont l‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003] huma applikabbli għall‑minuri li, għandhom ir‑residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru, jirrisjedu b’mod temporanju jew okkażjonali fi Stat Membru ieħor u jinsabu f’sitwazzjoni li hija suxxettibbli li tkun ta’ ħsara għalihom, inkluż saħħithom jew l‑iżvilupp tagħhom, u li għalhekk jiġġustifikaw l‑adozzjoni immedjata ta’ miżuri ta’ protezzjoni” (26).

88.      Mal‑eżempju mogħti mill‑Qorti tal‑Ġustizzja, nistgħu nżidu dak li tat il‑Kummissjoni fil‑gwida prattika għall‑applikazzjoni tar‑Regolament Nru 2201/2003 (27) li juri sewwa, fil‑fehma tiegħi, il‑mekkaniżmu stabbilit mill‑Artikolu 20 ta’ dan ir‑regolament.

89.      Fil‑fatt, din il‑gwida tieħu l‑eżempju ta’ familja li tiċċirkula bil‑karozza fit‑territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak fejn huma għandhom ir‑residenza abitwali tagħhom. Il‑familja jkollha inċident u ż‑żewġ ġenituri jsibu ruħhom f’koma, għalhekk inkapaċi li jeżerċitaw ir‑responsabbiltà ta’ ġenituri tagħhom. L‑awtoritajiet tal‑Istat Membru fejn il‑familja hija preżenti għandhom għalhekk ikunu jistgħu jieħdu malajr miżuri provviżorji intiżi sabiex jipproteġu t‑tifel minuri tal‑koppja, li ma għandu l‑ebda ġenitur f’dan l‑Istat Membru. F’każ bħal dan, dawn il‑miżuri jistgħu jkunu jikkonsistu f’li t‑tifel jitqiegħed f’istitut.

90.      Huwa evidenti li din l‑eċċezzjoni, neċessarja għar‑regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali, tista’ tiġi ġġustifikata biss permezz ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, bħal dawk li jirriżultaw minn periklu immedjat li l‑prevenzjoni tiegħu timponi l‑urġenza tal‑azzjoni f’kuntest li jew jippreżenta l‑periklu, jew ma jistax jevitah.

91.      Aħna ma naħsbux li dan huwa l‑każ fil‑kawża prinċipali.

92.      Madankollu aħna faċilment nistgħu nimmaġinaw il‑konfużjoni li l‑minuri jħoss f’sitwazzjoni ta’ dan it‑tip, konfużjoni, sfortunatament, komuni fost il‑minuri li l‑ġenituri tagħhom, anki wara li jisseparaw, ikomplu bi ġlied li s‑separazzjoni kellha tnaqqas u għalhekk jonqsu mill‑obbligu fundamentali tagħhom ta’ ġenituri, jiġifieri li jipproteġu l‑minuri, inkluż mill‑konsegwenzi tan‑nuqqas ta’ ftehim tagħhom.

93.      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li din il‑konfużjoni ma tidhirx li tikkorrispondi għall‑kriterji msemmija iktar ’il fuq deskritti bħala li jiġġustifikaw l‑intervent ta’ qorti li ma jkollhiex ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni tal‑mertu, speċjalment sabiex tieħu miżura li tkun, peress li opposta, intiża li tissostitwixxi dik meħuda fil‑mertu mill‑qorti li għandha ġurisdizzjoni.

94.      L‑interpretazzjoni li nipproponi jien tista’ tidher partikolarment restrittiva. Jiena naħseb li għandu jkun hekk mhux biss peress li l‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003 huwa eċċezzjoni għar‑regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti minnu u li, tradizzjonalment, l‑eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett, imma wkoll għaliex din l‑interpretazzjoni hija imposta min‑neċessità li dan ir‑regolament jipproduċi l‑effett utli tiegħu.

95.      Fil‑fatt, fil‑preżenza ta’ sitwazzjoni konkreta bħal dik fil‑kawża prinċipali, li tikkorrispondi eżattament għal dak li l‑imsemmi regolament ried jipprojbixxi, l‑eċċezzjonijiet jistgħu jkunu biss ta’ sens strett u ma għandhom fl‑ebda każ jikkostitwixxu l‑bieb moħbi minn fejn il‑prassi antiki jerġgħu jiġu lura. Fil‑fatt, jitqiegħed fil‑periklu l‑interess ġenerali tal‑minuri kollha li l‑ġenituri tagħhom ma għandhomx l‑istess nazzjonalità u li jistgħu jiġu mħajra minn tali proċeduri jekk isibu possibbiltà fejn jistgħu jużawhom minħabba interpretazzjoni wiesgħa wisq ta’ tali eċċezzjonijiet fil‑ġurisprudenza.

96.      Barra minn hekk, skont l‑Artikolu 20(2) tar‑Regolament Nru 2201/2003, il‑miżuri meħuda jistgħu jkunu biss provviżorji u suġġetti għad‑deċiżjoni fuq il‑mertu.

97.      Fl‑ipoteżi quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja, is‑sitwazzjoni hija kompletament differenti. Minflok interveniet insostenn tal‑qorti li għandha ġurisdizzjoni fil‑mertu, l‑Okrožno sodišče v Mariboru, fil‑fatt, ħadet pożizzjoni frontalment opposta, billi tat fil‑mertu deċiżjoni li taqleb dik adottata mill‑qorti li għandha ġurisdizzjoni u intiża li tissostitwixxiha.

98.      Għalhekk, il‑kundizzjonijiet neċessarji għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003 mhumiex sodisfatti f’dan il‑każ. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l‑qorti tal‑ewwel istanza mitluba tiddeċiedi minn J. Detiček ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it‑talba ta’ din tal‑aħħar u li, fi kwalunkwe każ, hija ma setgħetx tieħu d‑deċiżjonijiet li ħadet.

99.      Fil‑fehma tiegħi, jekk jiġi aċċettat li l‑qorti Slovena tieħu, hija wkoll, miżura provviżorja li tirrigwarda l‑istess suġġett u l‑istess kawża bħal dik meħudha mill‑qorti li għandha ġurisdizzjoni fil‑mertu, dan iwassal, fil‑verità, li ma tiġix irrikonoxxuta l‑miżura li ttieħdet mill‑qorti li għandha ġurisdizzjoni fil‑mertu u li tikser ir‑regoli ta’ ġurisdizzjoni, ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni li ġew stabbiliti mir‑Regolament Nru 2201/2003.

100. Il‑prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad‑deċiżjonijiet ġuridiċi, ibbażati fuq il‑prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l‑Istati Membri, b’hekk jiddgħajjef sew u s‑sistema mwaqqfa’ minn dan ir‑regolament tkun għalhekk imminata.

101. Fil‑fatt, jiena rajt li l‑ambizzjoni li tinħoloq żona ġuridika komuni hija bbażata fuq żewġ prinċipji. Li jiġi aċċettat, fl‑istess ħin li qorti ta’ Stat Membru, li għandha ġurisdizzjoni fil‑mertu, tkun diġà ddeċidiet il‑kawża, li qorti ta’ Stat Membru ieħor tista’ tieħu deċiżjoni fir‑rigward ta’ minuri, ikollu l‑konsegwenza li jneħħi l‑fiduċja reċiproka li għandha teżisti bejn is‑sistemi ġuridiċi tal‑Istati Membri tal‑Unjoni Ewropea.

102. Barra minn hekk, peress li l‑każ ta’ tneħħija illegali ta’ minuri jmur kontra r‑Regolament Nru 2201/2003 u l‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, inqis li jekk l‑aġir ta’ J. Detiček jiġi aċċettat u jekk il‑miżura provviżorja meħudha mill‑qorti Slovena tiġi kkunsidrata valida, dan iwassal li jirrendi legali aġir illegali. Il‑portata dissważiva fuq it‑tneħħija tal‑minuri mill‑ġenituri, intiża minn dawn iż‑żewġ strumenti, tiġi kkanċellata.

103. Għaldaqstant, il‑bdil tas‑sitwazzjoni li sar bħala konsegwenza tat‑tneħħija illegali ta’ Antonella għandu jiġi miċħud?

104. Jien ma naħsibx. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, għaliex jikkostitwixxi fatt li l‑minuri ma hijiex responsabbli għalih u li l‑interess tagħha jitlob li jiġi eżaminat u evalwat. Kif ippreċiżat il‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2008, Rinau (28), ir‑Regolament Nru 2201/2003 jitlaq mill‑kunċett li jgħid li l‑aqwa interess tal‑minuri għandu jipprevali (29). Barra minn hekk fil‑premessa 33 ta’ dan ir‑regolament huwa stabbilit li dan tal‑aħħar “ifittex li jassigura r‑rispett għad‑drittijiet fondamentali ta’ l‑minuri kif stabbiliti fl‑Artikolu 24 ta’ l‑Karta tat‑Drittijiet Fondamentali ta’ l‑Unjoni Ewropea [(30)]”.

105. Għaldaqstant, fil‑fehma tiegħi dan għandu jsir b’osservanza tar‑Regolament Nru 2201/2003 u skont il‑proċeduri li jistabbilixxi.

106. Kif jien qed nifhem id‑dispożizzjonijiet ta’ dan ir‑regolament, huwa quddiem il‑qorti li quddiemha M. Sgueglia beda azzjoni għall‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni tal‑25 ta’ Lulju 2007 tat‑Tribunale ordinario di Tivoli li għandhom jiġu ppreżentati l‑elementi bbażati fuq l‑interess tal‑minuri u li jistgħu, għalhekk, iwasslu lill‑qorti Taljana sabiex terġa’ tikkunsidra d‑deċiżjoni tagħha, jew anki, skont l‑Artikolu 15 tal‑imsemmi regolament, tittrasferixxi l‑ġurisdizzjoni tagħha.

107. Jiena naħseb li din l‑azzjoni għal eżekuzzjoni tikkostitwixxi, fil‑verità, azzjoni għar‑ritorn li matulha għandhom japplikaw il‑garanziji tal‑Artikolu 11 tar‑Regolament Nru 2201/2003.

108. Fil‑fatt, billi l‑uniku skop tagħha huwa r‑ritorn tal‑minuri permezz tal‑effett tal‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni tal‑25 ta’ Lulju 2007, irrikonoxxuta bħala eżekuttiva mill‑Vrhovno sodišče, hija trid tingħata l‑kwalifika vera tagħha li, waħidha, tippermetti li jiġu żgurati garanziji identiċi tkun xi tkun il‑proċedura magħżula. Jidhirli li din l‑interpretazzjoni hija neċessarja minħabba l‑aqwa interess tal‑minuri nnifsu.

109. Id‑diversi possibbiltajiet proċedurali offruti mill‑Artikolu 11 tar‑Regolament Nru 2201/2003 lill‑qrati kkonċernati isibu posthom fil‑kuntest u fl‑ispirtu taż‑żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Minn dan jirriżulta mhux kompetizzjoni, imma djalogu bħal ma għandu jeżisti b’mod naturali bejn il‑qrati ta’ żona ġuridika bbażata fuq ir‑rikonoxximent reċiproku u mingħajr ebda kunsiderazzjoni u tiftix ieħor ħlief is‑soluzzjoni l‑iktar adatta għall‑interess tal‑minuri.

110. Dan huwa fil‑fatt l‑ispirtu tar‑regolament stess. Fil‑fatt, meta jkun hemm tneħħija illegali ta’ minuri, flimkien mal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, huwa joħloq mekkaniżmu speċifiku ta’ kooperazzjoni bejn il‑qrati kkonċernati intiż li jippermetti r‑ritorn immedjat tal‑minuri fl‑Istat fejn kellu r‑residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel din it‑tneħħija, filwaqt li jipprevedi massimu ta’ prekawzjonijiet li l‑qrati għandhom jieħdu fl‑interess tiegħu (31).

111. B’hekk, fl‑ipoteżi li għandha quddiemha l‑Qorti tal‑Ġustizzja, jekk l‑Okrajno sodišče v Slovenski Bistrici tadotta deċiżjoni ta’ nonritorn, din għandha immedjatament, skont l‑Artikolu 11(6) tar‑Regolament Nru 2201/2003, tittrażmetti kopja ta’ din id‑deċiżjoni u d‑dokumenti rilevanti lill‑qorti Taljana li għandha toħodhom inkunsiderazzjoni fid‑deċiżjoni definittiva tagħha.

112. Fil‑każ fejn din il‑qorti minkejja kollox tordna r‑ritorn tal‑minuri, id‑deċiżjoni tagħha tkun, kif rajna fil‑punt 30 ta’ din l‑opinjoni, direttament eżekuttiva.

113. L‑imsemmija qorti għalhekk ikollha, skont l‑Artikolu 42(2) tar‑Regolament Nru 2201/2003, tittrażmetti ċertifikat lill‑qorti li tkun ħadet id‑deċiżjoni ta’ nonritorn li jiċċertifika li l‑minuri nstema’, ħlief jekk l‑età tiegħu jew il‑livell ta’ maturità ma jkunux jippermettu dan, li l‑partijiet instemgħu wkoll u li hija ħadet id‑deċiżjoni tagħha filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni ir‑raġunijiet u l‑elementi li abbażi tagħhom hija ħadet id‑deċiżjoni ta’ nonritorn.

114. Għalhekk, il‑bdil fiċ‑ċirkustanzi esposti minn J. Detiček insostenn tat‑talba tagħha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil‑kuntest ta’ din il‑kooperazzjoni.

115. F’dan id‑dawl, huwa inkonċepibbli li d‑deċiżjoni finali tal‑imħallfin li jiddeċiedu dwar il‑futur ta’ minuri tista’ tkun iddeterminata minn tropiżmu nazzjonali.

116. Fil‑fatt, in‑natura stess tal‑funzjoni tal‑ġudikant, jiġifieri d‑dover li jirriżulta għal dak li jkollu din il‑funzjoni, timponi fuq il‑qorti fil‑mertu li tieħu inkunsiderazzjoni l‑elementi tal‑kawża fil‑mument fejn hija tiddeċiedi sabiex tiddetermina, bl‑esklużjoni ta’ kull kunsiderazzjoni oħra, liema hija l‑aħjar soluzzjoni, li tippermetti li jiġi protett l‑interess tal‑minuri, jiġifieri li tkunlu żgurata l‑istabbiltà fl‑aħjar ambjent possibbli, inkluż ukoll il‑garanzija ta’ relazzjonijiet normali u kalmi ma’ kull wieħed mill‑ġenituri tiegħu.

117. Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena naħseb li l‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis‑sens li, meta qorti ta’ Stat Membru, li jkollha ġurisdizzjoni fil‑mertu, tkun ħadet miżura li tafda provviżorjament il‑kustodja ta’ minuri lil wieħed mill‑ġenituri tiegħu, huwa ma jippermettix lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li tieħu, sussegwentement għad‑deċiżjoni tal‑ewwel Stat Membru, deċiżjoni li tafda l‑kustodja tal‑minuri lill‑ġenitur l‑ieħor.

IV – Konklużjoni

118. Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, jiena nipproponi li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad‑domandi preliminari magħmula mill‑Višje sodišče v Mariboru:

119. “L‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas‑27 ta’ Novembru 2003, dwar il‑ġurisdizzjoni u r‑rikonoxximent u l‑infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal‑ġenituri, u li jirrevoka r‑Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis‑sens li, meta qorti ta’ Stat Membru, li jkollha ġurisdizzjoni fil‑mertu, tkun ħadet miżura li tafda provviżorjament il‑kustodja ta’ minuri lil wieħed mill‑ġenituri tiegħu, huwa ma jippermettix lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li tieħu, sussegwentement għad‑deċiżjoni tal‑ewwel Stat Membru, deċiżjoni li tafda l‑kustodja tal‑minuri lill‑ġenitur l‑ieħor”.



1 – Lingwa oriġinali: il‑Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 19, Vol. 6 p. 243.


3 – Iktar ’il quddiem il‑“konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980”.


4 – Ara l‑Artikolu 1 tal‑imsemmija konvenzjoni.


5 – Ara l‑premessa 5 tar‑Regolament Nru 2201/2003.


6 – Ara l‑Artikolu 13(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003. Skont din id‑dispożizzjoni, “[f]ejn ir‑residenza abitwali ta’ l‑minuri ma tistax tiġi stabbilita u l‑ġurisdizzjoni ma tistax tiġi ddeterminata dwar [fuq] il‑bażi ta’ l‑Artikolu 12, il‑qrati ta’ l‑Istat Membru fejn il‑minuri huma preżenti għandu jkollhom il‑ġurisdizzjoni”.


7 – Artikolu 9(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003.


8 – Ara l‑Artikolu 12(2)(a) u (b) ta’ dan ir‑regolament.


9 – Ara l‑Artikolu 14 ta’ dan ir‑regolament.


10 – Skont l‑Artikolu 15(3) tal‑imsemmi regolament, il‑minuri għandu konnessjoni partikolari ma’ xi Stat Membru jekk, per eżempju, wara li l‑qorti tintalab tiddeċiedi fil‑mertu, il‑minuri jkun kiseb ir‑residenza abitwali tiegħu f’dan l‑Istat Membru, jekk il‑minuri kien residenti abitwali fl‑imsemmi Stat Membru qabel jew inkella jekk wieħed mid‑detenturi tar‑responsabbiltà tal‑ġenituri jkollu r‑residenza abitwali tiegħu fl‑Istat Membru inkwistjoni.


11 – Ara l‑Artikolu 60(e) ta’ dan ir‑regolament.


12 – Skont l‑Artikolu 2(5) ta’ dan ir‑regolament, “l‑oriġini ta’ l‑Istati Membri [l‑Istat Membru tal‑oriġni” tfisser l‑Istat Membru fejn is‑sentenza li għandha tiġi inforzata tkun inħarġet.


13 – Ara l‑Artikolu 33(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003.


14 – Ara l‑Artikolu 54 tar‑Regolament Nru 2201/2003.


15 – Kif emendat (Uradni list RS, št 26/99).


16 – Uradni list RS, št 51/98.


17 – Uradni list RS, št 69/04.


18 – Ara l‑premessa 21 ta’ dan ir‑regolament.


19– Ara l‑premessa 12 tar‑Regolament Nru 2201/2003.


20 – Ara s‑sentenza tat‑2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, Ġabra p. I‑2805, punt 48).


21 – Ara l‑Artikolu 8 ta’ dan ir‑regolament.


22 – Ara l‑Artikolu 10(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003.


23 – Ara l‑Artikolu 10(b)(iv) ta’ dan ir‑regolament.


24 – Ara l‑Artikolu 10(b)(i) u (ii) ta’ dan ir‑regolament.


25 – Punt 47.


26 – Punt 48.


27 – Gwida prattika għall‑applikazzjoni tar‑regolament il‑ġdid Bruxelles II (verżjoni aġġornata fl‑1 ta’ Ġunju 2005).


28 – C‑195/08 PPU (Ġabra p. I‑5271).


29 – Punt 51.


30 – Din id‑dispożizzjoni tipprovdi:


“1. It‑tfal għandhom id‑dritt għall‑protezzjoni u għall‑kura meħtieġa għall‑ġid tagħhom. Huma jistgħu jesprimu l‑opinjonijiet tagħhom liberament. Dawn l‑opinjonijiet għandhom jitqiesu f'materji li jirrigwardawhom skond l‑età u l‑maturità tagħhom.


2. Fl‑azzjonijiet kollha relatati mat‑tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l‑aħjar interess tat‑tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.


3. It‑tfal kollha għandhom id‑dritt li jkollhom, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż‑żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kontra l‑interessi tat‑tfal.”


31 – Ara l‑premessa 17 ta’ dan ir‑regolament kif ukoll il‑preambolu ta’ din il‑konvenzjoni.