Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2023 – Timchenko vs Il-Kunsill

(Kawża T-1107/23)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Elena Petrovna Timchenko (Moska, ir-Russja) (rappreżentanti: T. Bontinck, J. Goffin, L. Burguin, S. Bonifassi u E. Fedorova, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 tat-13 ta’ Settembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna sa fejn tipproroga l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi adottati kontra r-rikorrenti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/582 tat-8 ta’ April 2022 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/581 tat-8 ta’ April 2022;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765 tat-13 ta’ Settembru 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna sa fejn jipproroga l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi adottati kontra r-rikorrenti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/582 tat-8 ta’ April 2022 u r-Regolament ta’ Implimentezzjani (UE) 2022/581 tat-8 ta’ April 2022;

tikkundanna lill-Kunsill iħallas provviżorjament EUR 1 000 000 għad-dannu morali subit mir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

1.    L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tar-motivi mogħtija mill-Kunsill, u b’mod partikolari dwar il-kriterju ta’ deżinjazzjoni applikat għar-rikorrenti u għan-natura tal-miżuri adottati.

2.    It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kunsill.

3.    It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ.

4.    Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

5.    Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali li r-rikorrenti tislet mill-istatus fundamentali tagħha ta’ ċittadina Ewropeja. Ir-rikorrenti ssostni li l-preġudizzju għal-libertà ta’ moviment tagħha fit-territorju tal-Unjoni Ewropea ggarantit mit-Trattati, abbażi tal-PESK, ma għandux bażi legali u huwa sproporzjonat u inutli.

6.    Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali l-oħra tar-rikorrenti ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, b’mod partikolari l-ksur tad-dritt tagħha għall-proprjetà u tad-dritt tagħha għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha.

____________