Language of document : ECLI:EU:F:2008:83

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tielet Awla)

24 ta’ Ġunju 2008

Kawża F-84/07

Agim Islamaj

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz Pubbliku – Uffiċjali – Ex membri tal-persunal temporanju mħallsa mill-fondi allokati għar-riċerka – Promozzjoni – Tħassir tal-punti akkumulati – Trasferiment ta’ uffiċjal mit-Taqsima ‘Riċerka’ għat-Taqsima ‘Amministrazzjoni’ tal-baġit ġenerali”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu A. Islamaj jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddikjara illegali l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Ġunju 2004, emendata bid-deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2005, dwar il-modalitajiet relatati mal-proċedura ta’ promozzjoni tal-uffiċjali mħallsa mill-fondi allokati “Riċerka” tal-baġit ġenerali, jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tħassar mill-punti akkumulati tiegħu, 38.5 punt li huwa kiseb bħala membru tal-persunal temporanju u d-deċiżjoni li ma tippromwovihx għall-grad AST 5 waqt il-proċedura ta’ promozzjoni 2006 kif ukoll, sa fejn huwa neċessarju, jannulla ċ-ċaħda tal-appell li huwa ppreżenta quddiem il-kumitat ta’ promozzjoni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati żewġ terzi tal-ispejjeż tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, terz tal-ispejjeż tar-rikorrent.

Sommarju

1.      Proċedura – Termini għall-preżentata ta’ rikors – Dekadenza – Żball skużabbli – Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Rikors – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Talbiet li huma nieqsa minn motiv jew argument, iżda li huma marbuta ma’ talbiet oħra – Ammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35)

3.      Uffiċjali – Pożizzjoni vakanti – Pożizzjoni mimlija permezz ta’ promozzjoni jew trasferiment – Avviż ta’ pożizzjoni vakanti li ma jippermettix li tiġi ddeterminata minn qabel il-proċedura użata – Kandidatura li għandha tiġi evalwata bħala talba għal trasferiment jew għal promozzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29(1)(a), u Artikolu 45)

4.      Proċedura – Spejjeż – Kumpens – Motivi eċċezzjonali

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3); Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752, Artikolu 3(4))

1.      Il-kunċett ta’ żball skużabbli, fir-rigward tat-termini għall-preżentata ta’ rikors, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv u jista’ jkopri biss ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom, b’mod partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata tkun adottat imġiba li, waħedha jew b’mod determinanti, toħloq konfużjoni kunsiderevoli fil-moħħ ta’ individwu li jaġixxi in bona fide u li jeżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna li tkun normalment avżata. F’tali sitwazzjoni, l-amministrazzjoni ma tistax, fil-fatt, tinvoka l-ksur min-naħa tagħha stess, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, li kkawża l-iżball imwettaq mill-individwu.

Uffiċjal iwettaq żball skużabbli li jista’ jiġġustifika l-fatt li r-rikors tiegħu jkun ġie ppreżentat tard meta, skont l-indikazzjonijiet mogħtija mid-Direttur Ġenerali kompetenti fil-qasam tal-persunal, minflok jippreżenta, quddiem l-Awtorità tal-Ħatra, ilment kontra l-att li jikkawża preġudizzju fil-konfront tiegħu, huwa jippreżenta rikors quddiem il-kumitat ta’ promozzjoni, minkejja li l-imsemmi att ma huwiex inkluż fl-iżvolġiment tal-proċedura ta’ promozzjoni, u wara li jiġi miċħud l-imsemmi rikors, huwa jippreżenta l-ilment tard.

(ara l-punti 39 sa 41 u 44)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 29 ta’ Mejju 1991, Bayer vs Il‑Kummissjoni, T‑12/90, Ġabra p. II‑219, punt 29; 27 ta’ Settembru 2007, Pelle u Konrad vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑8/95 u T‑9/95, Ġabra p. II‑4117, punt 93

2.      Fil-kuntest ta’ rikors li jikkonċerna uffiċjali, il-fatt li talbiet ma jkunu jinkludu ebda motiv jew argument ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li huma inammissibbli, jekk jirriżulta mill-proċess li, fid-dawl tar-rabta tagħhom ma’ talbiet oħra tar-rikors, huma jistgħu, konsegwentement, jintlaqgħu.

(ara l-punt 47)

3.      Fid-dawl tal-possibbiltajiet differenti li l-Artikolu 29(1)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal joffri lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex timla’ pożizzjoni vakanti, il-kandidaturi għal pożizzjonijiet vakanti fi ħdan istituzzjoni, li jiġu ppreżentati mill-uffiċjali tal-istess istituzzjoni ma jistgħux, a priori, jitqiesu bħala talbiet għal trasferiment. Madankollu, kandidatura ppreżentata minn uffiċjal għal pożizzjoni vakanti fl-imsemmija istituzzjoni għandha tiġi evalwata bħala talba għal trasferiment jew għal promozzjoni fil-każ fejn l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, filwaqt li jeskludi kull possibbiltà ta’ ħatra skont l-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jirreferix minn qabel għall-proċedura li ser tintuża sabiex timtela’ l-pożizzjoni, u li l-grad tal-imsemmija pożizzjoni ma jippermettix minn qabel li jiġu pprovduti indikazzjonjiet deċiżivi f’dan ir-rigward.

Tali kandidatura, li tinkludi talba għal trasferiment, anki jekk ma hijiex limitata għal din tal-aħħar, tagħmel għalhekk parti mill-previżjonijiet tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-modalitajiet marbutin mal-proċedura ta’ promozzjoni ta’ uffiċjali mħallsa minn fondi allokati għar-riċerka tal-baġit ġenerali, li jipprovdu li l-uffiċjali, li qabel kienu membri tal-persunal temporanju mħallsa mill-fondi allokati għar-riċerka, ma jibqgħux iżommu l-punti ta’ promozzjoni miksuba fil-grad li kellhom qabel il-ħatra tagħhom bħala uffiċjali taħt prova, meta jiġu ttrasferiti, fuq talba tagħhom, f’pożizzjoni li taqa’ taħt l-amministrazzjoni tal-baġit ġenerali, fi żmien sentejn b’effett mid-data tal-ħatra tagħhom.

(ara l-punti 53, 54, 74, 75 u 77 sa 79)

4.      Istituzzjoni li tikkontesta b’mod abbużiv l-ammissibbiltà ta’ rikors tista’, minkejja li tirbaħ il-kawża, tiġi kkundannata tbati parti mill-ispejjeż tar-rikorrent.

(ara l-punti 87 u 88)