Language of document : ECLI:EU:F:2008:14

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

1 ta’ Frar 2008

Kawża F-77/07

Kay Labate

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol – Marda kkaġunata mix-xogħol – Kanċer tal-pulmun – Tipjip passiv – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu K. Labate titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Ottubru 2004 u tas-6 ta’ Ottubru 2006 li jiċħdu t-talba għar-rikonoxximent tal-oriġini professjonali tal-kanċer tal-pulmun li minnu kien isofri l-konjuġi tar-rikorrenti u li b’kawża tiegħu miet, tordna lill-Kummissjoni tikkumpensaha għad-danni kollha li għandha dritt għalihom skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u li tħallasha l-ispejjeż tal-vjaġġi li l-konjuġi tagħha kellu jagħmel ta’ spiss sabiex jikkonsulta t-tabib tiegħu fi Brussell, b’applikazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali, tordna kull rimedju ieħor li jista’ jitqies ekwu, u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Deċiżjoni: Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti fir-rikors tagħha. It-talbiet għall-kumpens ippreżentati fl-ittra tar-rikorrenti tal-25 ta’ Ottubru 2007, huma miċħuda bħala manifestament infondati. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Rikors għal annullament – Rikors indirizzat kontra deċiżjoni – Irtirar tad-deċiżjoni kkontestata fil-mori tal-kawża – Rikors li ma għadx għandu skop – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 75)

2.      Uffiċjali – Rikors – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kundanna ex officio tal-istituzzjoni konvenuta għall-ħlas ta’ kumpens

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

1.      Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar rikors għal annullament meta, fil-mori tal-kawża, id-deċiżjoni kkontestata ġiet formalment irtirata mill-istituzzjoni awtriċi u fl-istess ħin, ma jkunx hemm adozzjoni ta’ deċiżjoni oħra bl-istess suġġett. Fil-fatt, tali rtirar, li jwassal għat-tħassir retroattiv tad-deċiżjoni kkontestata, jipproduċi effetti ekwivalenti għall-dawk li setgħu jirriżultaw minn annullament kontenzjuż.

F’dan ir-rigward, l-argument li jgħid li l-istituzzjoni rtirat id-deċiżjoni kkontestata sabiex tevita l-istħarriġ tal-qorti, mhux tali li jistabbilixxi jekk il-kawża għadx għandha skop. Fil-fatt, l-istituzzjoni ma tistax tiġi kkritikata li, wara li ġew analizzati r-rikors u l-informazzjoni kollha dwar il-kawża, hija xtaqet tirremedja ċerti nuqqasijiet u irregolaritajiet ta’ din id-deċiżjoni, billi tiftaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ adozzjoni. Barra minn hekk, in-natura tardiva ta’ deċiżjoni rtirata, għalkemm spjaċevoli, ma għandha l-ebda effett fuq il-konstatazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tneħħiet mill-ordinament ġuridiku.

(ara l-punti 7, 11 u 13)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 18 ta’ Settembru 1996, Langdon vs Il‑Kummissjoni, T‑22/96, Ġabra p. II‑1009, punti 12 sa 14

2.      Għalkemm il-qorti Komunitarja għandha ġurisidizzjoni sħiħa fil-kawżi ta’ natura pekunjarja, bis-saħħa tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, u li tista’ tikkundanna istituzzjoni, anki ex officio, għall-ħlas ta’ danni morali kkawżati lir-rikorrenti, hija ma tkunx, mandankollu, f’pożizzjoni li tiddeċiedi, ħlief wara eżami tal-legalità tal-att li wassal għall-kritika tiegħu. Fil-fatt, meta l-qorti Kommunitarja la tkun tista’ teżamina l-legalità tal-att ikkontestat, u lanqas tevalwa r-realtà tad-dannu allegat, ir-responsabbiltà tal-istituzzjoni ma tistax titqies li hija diġà eżistenti.

Għalhekk, fil-każ ta’ talba għall-kumpens għad-danni, minħabba dewmien irraġonevoli ta’ proċedura għar-rikonoxximent li marda hija kkaġunata mix-xogħol, li ħadet fit-tul minħabba l-irtirar tad-deċiżjoni inizjali u l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura quddiem il-kummissjoni medika, il-qorti Komunitarja la tista’ teżamina l-legalità tad-deċiżjoni rtirata u lanqas in-natura irraġonevoli tad-dewmien tal-proċedura li tkun għadha għaddejja u li għaliha l-qorti Komunitarja ma tistax ikollha għarfien dwar il-proċess u l-kundizzjonijiet tal-iżvolgiment kollha tagħha, u ma tistax tiddeċiedi minn qabel, it-tul kollu tagħha. Barra minn hekk, il-partijiet u l-qorti Komunitarja ma jistgħux ikunu jafu l-eżitu tad-deċiżjoni li ser tkun finalment adottata, minħabba l-istess natura tagħha, u t-talbiet tar-rikorrenti għal kumpens għandhom jiġu ddeterminati biss mid-deċiżjoni mogħtija fit-tmiem tal-proċedura.

(ara l-punti 16 sa 22)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Diċembru 1996, Stott vs Il‑Kummissjoni, T‑99/95, Ġabra p. II‑2227, punt 72; 11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il‑Kummissjoni, T‑394/03, ĠabraSP p. I‑A‑2‑95 u II‑A‑2‑441, punti 163 sa 167 u l-ġurisprudenza ċċitata; 15 ta’ Marzu 2007, Katalagarianakis vs Il‑Kummissjoni, T‑402/03, Ġabra p. I‑0000, punt 104