Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta' Ġunju 2012 - Amitié vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-234/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Amitié Srl (Bologna, l-Italja) (rappreżentanti: D. Bogaert u M. Picat, avukati)

Konvenuta: L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li n-noti ta' debitu segwenti mibgħuta mill-Kummissjoni ma humiex dovuti:

EUR 50 458.23 fil-kuntest tal-Ftehim MINERVAPLUS konkluż bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni;

EUR 358 712.35 fil-kuntest tal-Ftehim MICHAEL konkluż bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni.

tiddikjara li t-talba għall-irkupru tal-ammont totali ta' EUR 1 083 616.89 hija infondata;

tirrikonoxxi li l-Kummissjoni ma setgħetx, fil-11 ta' Ġunju 2011, timponi fuq ir-rikorrenti proċedura ta' estrapolazzjoni fil-kuntest tal-Ftehim BSOLE;

tiddikjara li l-proċedura ta' estrapolazzjoni hija b'hekk infondata taħt il-Liġi Belġjana;

tiddikjara li l-Kummissjoni ma hijiex intitolata li tapplika proċedura ta' estrapolazzjoni għall-Ftehim BSOLE mill-14 ta' Jannar 2010;

tiddikjara li l-iffriżar unilaterali tal-ħlasijiet tal-Kontribuzzjonijiet Finanzjarji Komunitarji għall-Ftehim ATHENA u JUDAICA huwa mingħajr bażi taħt il-Liġi Lussemburgiża;

tordna t-tneħħija immedjata tal-iffriżar tal-Kontribuzzjonijiet Finanzjarji Komunitarji, jiġifieri l-ammont ta' EUR 263 120 iffriżat mit-8 ta' Frar 2010 għal JUDAICA u mill-14 ta' Ġunju 2010 għal ATHENA;

tordna l-ħlas immedjat mid-data meta tingħata s-sentenza permezz ta' trasferiment elettroniku fil-:

kont bankarju tal-koordinatur tal-proġett, skont l-Artikolu 6.2 tal-Ftehim tal-għotja JUDAICA;

kont bankarju tal-koordinatur tal-proġett, skont l-Artikolu 6.2 tal-Ftehim tal-għotja ATHENA;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-ammont ta':

EUR 150 000 li jikkorrispondi mal-kumpens tal-miżati (provviżorji) tal-avukati u tal-awditur Taljan; u

EUR 256 824.17 li jikkorrispondi mal-kumpens tad-danni kkawżati mill-iffriżar unilaterali mhux iġġustifikat jew abbużiv tal-ħlasijiet fil-kuntest tal-Ftehim ATHENA u JUDAICA mill-Kummissjoni Ewropea.

tikkundanna lill-Kummissjoni tirrimborsa lir-rikorrenti kull infiq u spejjeż imħallsa minnha fil-kuntest ta' dawn il-proċeduri sa fejn l-aġir żleali tal-Kummissjoni huwa l-unika kawża tal-kwistjoni preżenti. B'kunsiderazzjoni tan-natura u tal-karatteristiċi tal-kwistjoni, l-infiq huwa stmat provviżorjament għal EUR 50 000; u

tiddikjara li s-sentenza li ser tingħata tkun infurzabbli minkejja li tista' tiġi appellata.

Sussidjarjament, f'każ li r-rikorrenti tkun responsabbli għall-ħlas ta' xi ammont skont il-verifika tal-Kummissjoni quod non, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li r-rikorrenti hija responsabbli biss għal ammont ta' EUR 54 195.05 u mhux għal EUR 1 083 616.89 skont il-ġurisprudenza Belġjana u Lussemburgiża dwar is-sanzjoni ta' aġir abbużiv tal-Kummissjoni li hija t-tnaqqis ta' tali dritt għal użu normali, jiġifieri ammont ta' EUR 54 195.05 u mhux EUR 1 083 616.89; u

tiddikjara li s-sentenza li ser tingħata tkun infurzabbli minkejja li tista' tiġi appellata.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv, li jikkontesta r-riżultati tal-verifika tal-Kummissjoni, peress illi:

ir-riżultati tal-verifika tal-Kummissjoni huma kkontestati abbażi ta' rapport ta' awditur estern u indipendenti, maħtur espliċitament mir-rikorrenti għal din il-kwistjoni speċifika u sabiex jevalwa r-riżultati tal-verifika tal-Kummissjoni; u

sussidjarjament, huwa allegat li kien hemm aġir abbużiv min-naħa tal-Kummissjoni, u b'hekk inkiser il-prinċipju ta' buona fide (Artikolu 1134 tal-Kodiċi Ċivili tal-Belġju u tal-Lussemburgu).

It-tieni motiv, li jikkontesta l-applikazzjoni tal-proċess ta' estrapolazzjoni għall-Ftehim BSOLE, peress illi:

l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 17 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali għall- Fattibbiltà tal-eTEN/Kuntratti ta' Validazzjoni tas-Suq;

il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 4.2.2.3. tal-Gwida dwar il-Kwistjonijiet Finanzjarji relatati mal-Azzjonijiet Indiretti tas-Sitt Programmi Qafas ta' Ottubru 2003 u ta' Frar 2005;

kien hemm ksur ta' kuntratt mill-Kummissjoni (Artikolu 1134(1) tal-Kodiċi Ċivili Belġjan); u

il-Kummissjoni kisret il-perijodu ta' limitazzjoni għal proċedura skont il-Liġi Ewropea (ara l-Artikolu 46 (ex Artikolu 43) tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

It-tielet motiv, li jallega l-iffriżar mhux iġġustifikat tal-ħlasijiet mogħtija fil-kuntest tal-Ftehim ATHENA u JUDAICA, li jifformaw parti mill-proġett eCONTENTPLUS, peress illi:

l-iffriżar ma huwiex ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet kuntrattwali tal-Ftehim ATHENA u JUDAICA;

l-iffriżar ma setax jiġi ġġustifikat taħt l-Artikoli 106.4 u 183 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2342/2002 ;

lanqas ma japplika l-Artikolu 183 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2342/2002;

huwa allegat li kien hemm aġir illegali min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-iffriżar unilaterali u mhux iġġustifikat tal-ħlasijet tal-Kontribuzzjonijiet Finanzjarji Komunitarji skont l-Artikolu 1134 tal-Kodiċi Ċivili; u

lanqas ma japplika l-prinċipju ta' "exceptio non adimpleti contractus".

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta' Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145)