Language of document : ECLI:EU:T:2014:1058

Kawża T‑235/12

CEDC International sp. z o.o.

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern
(Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tridimensjonali — Forma ta’ werqa ħaxixa ġewwa flixkun — Trade mark nazzjonali tridimensjonali preċedenti — Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti — Artikolu 75 u Artikolu 76(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Produzzjoni ta’ provi għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell — Setgħa diskrezzjonali mogħtija mill-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-11 ta’ Diċembru 2014

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali — Eżami mill-ġdid tal-fatti fid-dawl tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu — Esklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 135(4); Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65)

2.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Motivazzjoni tad-deċiżjonijiet — L-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 — Portata identika għal dik tal-Artikolu 296 TFUE — Appell mill-Bord tal-Appell għal motivazzjoni impliċita ‑ Ammissibbiltà

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75)

3.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-Uffiċċju — Eżami mill-Bord tal-Appell — Portata — Fatti u provi mhux ippreżentati insostenn tal-oppożizzjoni fit-terminu impost għal dan il-għan — Teħid inkunsiderazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell — Obbligu ta’ motivazzjoni tal-Bord tal-Appell

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 42(2) u 76(2))

4.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Użu ġenwin — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Trade marks tridimensjonali

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 42(2))

5.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Regolarizzazzjoni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni fil-mori tal-kawża — Inammissibbiltà

(Artikolu 296 TFUE)

6.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-Uffiċċju — Eżami mill-Bord tal-Appell — Portata — Fatti u provi mhux ippreżentati insostenn tal-oppożizzjoni fit-terminu impost għal dan il-għan — Teħid inkunsiderazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell — Assenza ta’ dispożizzjoni kuntrarja — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/42, Artikoli 42(1) sa (3) u 76(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 22(2))

7.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-Uffiċċju — Eżami mill-Bord tal-Appell — Portata — Fatti u provi mhux ippreżentati insostenn tal-oppożizzjoni fit-terminu impost għal dan il-għan — Teħid inkunsiderazzjoni — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 76(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 22(2))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 25)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 42, 96, 97)

3.      Mill-kliem tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja jirriżulta li, bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja, il-produzzjoni ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-terminu li għalih hija suġġetta tali produzzjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009, u l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) bl-ebda mod ma huwa pprojbit milli jqis fatti u provi invokati jew prodotti tardivament, jiġifieri barra t-terminu stabbiliti mid-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni u, skont il-każ, għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell. Billi jippreċiża li l-Uffiċċju “jista’” jiddeċiedi li ma jiħux inkunsiderazzjoni fatti u provi invokati jew prodotti tardivament, l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jagħtih setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedi, filwaqt li jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu fuq dan il-punt, jekk hemmx lok li jqishom jew le.

Raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba jimmilitaw favur is-setgħa diskrezzjonali tal-Uffiċċju għall-finijiet li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatti u provi prodotti tardivament mill-partijiet. Fil-fatt, setgħa bħal din hija ta’ natura li tikkontribwixxi sabiex jiġi evitat li t-trade marks li l-użu tagħhom jista’ sussegwentement jiġi kkontestat b’suċċess permezz ta’ proċedura għal annullament jew f’każ ta’ proċedura ta’ ksur li jiġu rreġistrati.

Mill-kliem tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li invokazzjoni jew produzzjoni tardiva ta’ fatti u ta’ provi ma tikkonferixxix, lill-parti li tinvoka jew tippreżenta fatti jew provi tardivament, dritt inkundizzjonat li fatti jew provi bħal dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Uffiċċju. L-eventwali teħid inkunsiderazzjoni min-naħa tal-UASI tal-imsemmija provi addizzjonali ma jikkostitwixxi bl-ebda mod “favur” magħmul lil parti jew lil oħra, iżda għandu jkun ir-riżultat ta’ eżerċizzju oġġettiv u motivat tas-setgħa diskrezzjonali li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jagħti lil dan il-korp. Għalhekk il-motivazzjoni meħtieġa tirriżulta iktar neċessarja meta l-Uffiċċju jiddeċiedi li jiġu esklużi provi prodotti għaldaqstant tardivament.

Inkunsiderazzjoni eventwali ta’ provi prodotti tardivament tal-Uffiċċju jista’, b’mod partikolari, ikun iġġustifikat meta dan jikkunsidra, min-naħa, li l-elementi prodotti tardivament jistgħu, mal-ewwel daqqa t’għajn, ikollhom rilevanza vera għal dak li jirrigwarda r-riżultat tal-oppożizzjoni magħmula quddiemu u, min-naħa l-oħra, li l-istadju tal-proċedura li fih isseħħ din il-produzzjoni tard u ċ-ċirkustanzi relatati magħha ma jipprekludux dan it-teħid inkunsiderazzjoni.

(ara l-punti 44-46, 57, 60, 62)

4.      Il-karattru tridimensjonali ta’ trade mark bħal dik inkwistjoni jipprekludi viżjoni statika, f’żewġ dimensjonijiet, u jitlob perċezzjoni dinamika, fi tliet dimensjonijiet. Għalhekk, trade mark tridimensjonali tista’, fil-prinċipju, tiġi pperċepita minn diversi naħat mill-konsumatur rilevanti. Rigward il-provi tal-użu ta’ tali trade mark, għandhom għaldaqstant jittieħdu inkunsiderazzjoni, mhux bħala riproduzzjonijiet tal-viżibbiltà tagħha f’żewġ dimensjonijiet, iżda bħala riproduzzjoni tal-perċezzjoni tagħha fi tliet dimensjonijiet mill-konsumatur rilevanti. Minn dan isegwi li rappreżentazzjonijiet mill-ġenb u minn wara ta’ trade mark tridimensjonali jistgħu, fil-prinċipju, ikollhom rilevanza vera sabiex jiġi evalwat l-użu ġenwin tal-imsemmija trade mark u ma jistgħux jiġu esklużi minħabba sempliċi raġuni li huma ma jikkostitwixxux riproduzzjonijiet minn quddiem.

(ara l-punt 65)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 71, 72)

6.      L-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, bħala dispożizzjoni ta’ mertu, ma jinkludi ebda rekwiżit rigward it-terminu stabbilit għall-parti li tkun qiegħda topponi sabiex tipproduċi l-prova tal-użu mit-trade mark preċedenti. Għalhekk, iċ-ċaħda tal-oppożizzjoni, “[fin-nuqqas ta’ tali prova]”, tirriżulta minn evalwazzjoni tal-mertu li tirrigwarda l-prova prodotta, u mhux min-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu ta’ proċedura. Għaldaqstant, l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jistax jaffettwa s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) mill-Artikolu 76(2) tal-istess regolament sabiex jiddeċiedi jekk għandhomx jittieħdu jew le inkunsiderazzjoni provi prodotti tardivament quddiemu.

Min-naħa tagħha, ir-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark tipprovdi li, jekk il-parti li tkun qiegħda topponi għandha tipproduċi l-prova ta’ użu mit-trade mark jew turi li hemm raġunijiet xierqa għan-nuqqas ta’ użu tagħha, l-Uffiċċju għandu jistedinha sabiex tagħmel dan f’terminu li huwa jistabbilixxi. Jekk il-parti li tkun qiegħda topponi ma tipprovdix din il-prova fit-terminu stabbilit, l-Uffiċċju għandu jiċħad l-oppożizzjoni.

F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li mill-kliem tar-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2865/95 jirriżulta li, meta ebda prova tal-użu mit-trade mark ikkonċernata ma tiġi prodotta fit-terminu stabbilit mill-Uffiċċju, l-assenza ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti għandha, fil-prinċipju, tiġi kkonstatata ex officio minn dan tal-aħħar, tali konklużjoni ma tapplikax, min-naħa l-oħra, meta provi ta’ dan l-użu jkunu ġew effettivament prodotti fl-imsemmi terminu. Fil-fatt, f’tali każ u sakemm ma jidhirx li l-imsemmija elementi huma irrilevanti sabiex jiġi stabbilit l-użu ġenwin mit-trade mark, il-proċedimenti għandhom jitkomplew. Għaldaqstant, bħalma jipprovdi l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 207/2009, l-Uffiċċju għandu b’mod partikolari jistieden, ta’ spiss kemm ikun meħtieġ, lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-notifiki indirizzati lilhom jew fuq il-komunikazzjonijiet tal-partijiet l-oħra. F’tali kuntest, jekk l-assenza tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti tiġi kkonstatata ulterjorment, din tal-aħħar ma ssirx abbażi tar-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95, li hija dispożizzjoni ta’ natura essenzjalment proċedurali, iżda esklużivament abbażi ta’ dispożizzjoni sostantiva li tinsab fl-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

B’mod partikolari minn dak li ntqal preċedentement, jirriżulta li l-produzzjoni ta’ provi tal-użu mit-trade mark li jiżdiedu mal-provi stess prodotti fit-terminu stabbiliti mill-Uffiċju, skont ir-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95, tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu u bl-ebda mod ma huwa pprojbit għall-Uffiċċju li jieħu inkunsiderazzjoni provi prodotti tardivament billi juża s-setgħa diskrezzjonali tiegħu mogħtija lilu mill-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li r-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95 ma hijiex tali li tostakola l-eżerċizzju, mill-Bord tal-Appell, tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu permezz tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni eventwali tal-provi addizzjonali li kienu ġew prodotti quddiemu.

(ara l-punti 76-78, 82-86)

7.      Huwa meħtieġ, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għall-finijiet tal-eventwali teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi prodotti tardivament, li l-provi prodotti wara t-terminu stabbilit mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma jkunux l-ewwel u l-uniċi provi tal-użu, iżda jirrigwardaw provi msemmija “supplimentari” jew “addizzjonali”, li jiżdiedu mal-provi rilevanti, prodotti fit-terminu stabbilit. Ma hijiex meħtieġa, f’dan ir-rigward, relazzjoni materjali tal-elementi supplimentari mal-elementi preċedentement prodotti, iżda r-rilevanza intrinsika tagħhom għat-tip tal-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju.

Barra minn hekk, teħid inkunsiderazzjoni eventwali tal-provi addizzjonali tal-użu mit-trade mark, prodotti wara l-iskadenza tat-terminu msemmi fir-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95, ma jeħtieġx neċessarjament li l-persuna kkonċernata tkun sabitha impossibbli li tipproduċi dawn l-elementi fl-imsemmi terminu.

(ara l-punti 89, 90, 95)