Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Ġunju 2008 - Il-Lussemburgu vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-232/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu (rappreżentanti: F. Probst, aġent, u M. Theisen, avocat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej C(2008) 1283 tat-8 ta' April 2008 li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti spejjeż imġarrba mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (FAEGG), Taqsima "Garanzija", safejn eskludiet mill-finanzjament Komunitarju għall-kompetizzjoni għas-snin 2004-2005 l-ammont ta' EUR 949 971,51 bħala spejjeż ta' organizzazzjonijiet li jħallsu minħabba li mhumiex konformi mar-regoli Komunitarji,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta' l-istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/321/KE, tat-8 ta' April 2008, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti spejjeż imġarrba mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (FAEGG), Taqsima "Garanzija", u l-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG)1, safejn teskludi għas-snin finanzjarji 2004 u 2005 ċerti spejjeż effettwati mil-Lussemburgu.

Fir-rigward ta' l-ippjanar tal-kontrolli tal-benefiċjarji fuq il-post, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni żbaljat meta kkritikatu li kien wettaq il-biċċa l-kbira tal-kontrolli fl-istess żmien tas-sena minflok li jsiru matul is-sena sħiħa u mingħajr ma jittieħed in kunsiderazzjoni l-aħjar żmien sabiex jiġu vverifikati ċerti impenji.

Ir-rikorrent barra minn hekk isostni li l-kontrolli magħmula fuq il-post jirrigwardaw effettivament l-impenji u l-obbligi kollha tal-benefiċjarju mill-bidu ta' perjodu tiegħu ta' impenn, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni allegat waqt il-fażi prekontenzjuża quddiem il-Korp ta' Konċiljazzjoni.

Fir-rigward tad-dokumenti tal-kontrolli mwettqa fuq il-post, ir-rikorrent jikkunsidra li l-fatt biss li r-rapporti tal-kontroll mhumiex dettaljati biżżejjed, kif allegat il-Kummissjoni waqt il-fażi prekontenzjuża, ma jfissirx ipso facto li l-kontrolli ma sarux u ma jistabbilixxix ir-realtà ta' riskju finanzjarju li jista' jinvolvi l-applikazzjoni ta' korrezzjoni b'rata fissa.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqas ta' applikazzjoni ta' sanzjonijiet fil-konstatazzjoni ta' dikjarazzjoni eċċessiva mill-benefiċjarji ma jistax jikkostitwixxi raġuni għall-korrezzjoni b'rata fissa ta' 5 %, peress li l-livell reali ta' l-ispejjeż irregolari jista' jiġi ddeterminat b'mod preċiż. Barra minn hekk, l-ammont ta' spejjeż irregolari huwa, skond ir-rikorrent, żgħir ħafna mqabbel ma' l-ammont kollu mħallas mill-Kummissjoni.

____________

1 - Notifikata bin-numru C (2008) 1283, ĠU L 109, p. 35.