Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' Ġunju 2008 - Impala vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-229/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Independent Music Publishers and Labels Association (Impala, international association) (Brussell, il-Belgju) (rappreżentanti: S. Crosby, J. Golding, Solicitors, u I. Wekstein, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2007 fil-Każ Nru COMP/M.3333-Sony/BMG li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/891;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Bid-Deċiżjoni C(2004) 2815 tad-19 ta' Lulju 2004, il-Kummissjoni ddikjarat kompatibbli mas-suq komuni konċentrazzjoni li permezz tagħha Bertelsmann AG u Sony Corporation of America akkwistaw kontroll konġunt ta' l-impriża konġunta Sony BMG u b'hekk għaqdu flimkien in-negozju tagħhom tar-reġistrazzjoni tal-mużika (Każ Nru. COMP/M.3333-Sony/BMG). Permezz tas-sentenza tat-13 ta' Lulju 2006, il-Qorti tal-Prim'Istanza annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni2. Wara dan l-annullament, il-każ reġa' ġie nnotifikat lill-Kummissjoni li evalwat mill-ġdid il-konċentrazzjoni fiċ-ċirkustanzi attwali tas-suq u permezz tad-deċiżjoni kkontestata, id-Deċiżjoni C(2007) 4507 tat-3 ta' Ottubru 2007, awtorizzat il-konċentrazzjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE.

Ir-rikorrenti li hija assoċjazzjoni internazzjonali li tirrapreżenta kumpanniji indipendenti tal-mużika - kompetituri tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, titlob l-annullament ta' din id-deċiżjoni. Hija ssostni li billi awtorizzat il-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni, u/jew applikat b'mod żbaljat il-liġi dwar il-pożizzjoni dominanti kollettiva u/jew kisret l-Artikolu 253 KE billi:

-    naqset milli tapplika t-test korrett u milli tevalwa b'mod xieraq l-eżistenza, it-tisħiħ jew il-ħolqien ta' pożizzjoni dominanti kollettiva fis-suq tal-mużika rreġistrata b'mod fiżiku, u fis-suq tal-mużika rreġistrata f'forom diġitali;

-    naqset milli twettaq analiżi prospettiva dwar jekk il-konċentrazzjoni tistax isaħħah jew toħloq pożizzjoni dominanti kollettiva jew le fis-suq tal-mużika rreġistrata b'mod fiżiku u/jew fis-suq tal-mużika rreġistrata f'forom diġitali, u naqset milli tagħti raġunijiet jew raġunijiet suffiċjenti talli ma għamlitx analiżi prospettiva;

-    naqset milli tagħmel analiżi xierqa ta' l-effetti li l-konċentrazzjoni jista' jkollha fuq l-għażla tal-konsumatur jew fuq id-diversità kulturali, jew milli tagħmel analiżi prospettiva ta' dan; u

-    fl-aħħar nett, naqset milli tistabbilixxi li l-konċentrazzjoni saħħet jew ħolqot pożizzjoni dominanti kollettiva fis-suq tal-mużika rreġistrata b'mod fiżiku u fis-suq tal-mużika rreġistrata f'forom diġitali.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta' Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU 1989 L 395, p. 1, corrigendum ĠU 1990 L 257, p. 13)

2 - Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Lulju 2006, Impala vs Il-Kummissjoni, (T-464/04, Ġabra II-2289), li tinsab taħt appell, u sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C-413/06 P).