Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s-Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-4 ta’ Frar 2021 – X vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(Kawża C-69/21)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s-Hertogenbosch

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: X

Konvenut: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

Domandi preliminari

Żieda sinjinfikattiva fl-intensità tal-uġigħ ikkawżata mill-assenza ta’ kura medika, mingħajr bidla fis-sintomi tal-marda, tikkostitwixxi sitwazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-Karta u mal-Artikolu 4 tal-Karta, jekk l-ebda posponiment tal-obbligu ta’ tluq li jirriżulta mid-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-ritorn”) ma huwa permess?

L-istabbiliment ta’ terminu fiss li fih l-konsegwenzi tal-assenza ta’ kura medika għandhom jimmanifestaw ruħhom sabiex ikun hemm ostakolu mediku għall-obbligu ta’ ritorn li jirriżulta mid-Direttiva dwar ir-ritorn huwa kompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-Karta? Jekk l-istabbiliment ta’ terminu fiss ma jmurx kontra d-dritt tal-Unjoni, Stat Membru jista’ jistabbilixxi perijodu ġenerali li jkun identiku għall-kundizzjonijiet mediċi kollha possibbli u għall-konsegwenzi mediċi kollha possibbli?

L-istabbiliment li l-konsegwenzi ta’ tkeċċija de facto għandhom jiġu evalwati biss fil-mument li fih jiġi stabbilit jekk, u f’liema kundizzjonijiet, il-barrani jista’ jivvjaġġa, huwa konformi mal-Artikolu 19(2) tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-Karta u mal-Artikolu 4 tal-Karta, u mad-Direttiva dwar ir-ritorn?

L-Artikolu 7 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-Karta u mal-Artikolu 4 tal-Karta, u fid-dawl tad-Direttiva dwar ir-ritorn, jeżiġi li l-istat ta’ saħħa tal-barrani u l-kura li huwa jirċievi għal dan l-istat fl-Istat Membru jiġu evalwati fil-mument li jiġi eżaminat jekk ir-rispett tal-ħajja privata għandux jagħti lok għall-awtorizzazzjoni tar-residenza? L-Artikolu 19(2) tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-Karta u mal-Artikolu 4 tal-Karta, u fid-dawl tad-Direttiva dwar ir-ritorn, jeżiġi li l-ħajja privata u l-ħajja tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni dwar jekk problemi mediċi jistgħux jikkostitwixxu ostakolu għat-tkeċċija?

____________

1     ĠU 2008, L 348, p. 98.