Language of document : ECLI:EU:C:2017:847

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Novembru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċeduri ta’ insolvenza – Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Qorti kompetenti – Kawża minħabba kompetizzjoni żleali mressqa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza – Kawża mressqa minn kumpannija li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, kontra ċ-ċessjonarju ta’ fergħa ta’ attività tal-kumpannija suġġetta għall-proċedura ta’ insolvenza – Kawża li ma għandha ebda relazzjoni mal-proċedura ta’ insolvenza jew azzjoni li toriġina direttament minn din il-proċedura u li hija marbuta mill-qrib magħha”

Fil-Kawża C-641/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura

Tünkers France,

Tünkers Maschinenbau GmbH

vs

Expert France,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Tünkers Maschinenbau GmbH u Tünkers Franza, minn J.- J. Gatineau u C. Fattaccini, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas kif ukoll minn E. de Moustier u E. Armoet, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Tünkers France (iktar ’il quddiem “TF”) u Tünkers Maschinenbau GmbH (iktar ’il quddiem “TM”) kontra Expert France, dwar azzjoni għad-danni minħabba kompetizzjoni żleali mressqa minn din l-aħħar kumpannija kontra TM u TF.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 1346/2000

3        Il-premessi 4, 6 u 7 tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprevedu:

“(4)      Huwa meħtieġ għal funzjonament tajjeb tas-suq intern li jiġu evitati inċentivi għal partijiet li jittrasferixxu assi jew proċedimenti ġudizzjarji minn Stat Membru għall-ieħor, biex b’hekk ifittxu sitwazzjoni legali aktar favorevoli (forum shopping).

[…]

(6)      Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità dan ir-Regolament għandu jkun limitat għal dispożizzjonijiet li jirregolaw ġurisdizzjoni għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment u ġudizzji li jingħataw direttament fuq bażi ta’ proċedimenti ta’ falliment u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċedimenti bħal dawn. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jkun fih dispożizzjonijiet rigward l-għarfien ta’ dawk il-ġudizzji u rigward il-liġi applikabbli li tissodisfa wkoll dak il-prinċipju.”

(7)      Proċedimenti ta’ falliment li huma marbuta ma’ l-egħluq ta’ kumpannija jew ta’ persuni ġuridiċi oħrajn falluti, arranġamenti ġudizzjarji, komposizzjonijiet u proċedimenti analogi huma esklużi mill-iskop tal-Konvenzjoni ta’ Brussel 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar ta’ Ġudizzji f’Materji Ċivili u Kummerċjali [3], kif emendata bil-Konvenzjoni dwar l-Adeżjoni ma’ din il-Konvenzjoni.”

4        L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għand[hom] jkoll[hom] l-ġurisdizzjoni biex jif[tħu] il-proċedimenti ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza]. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001

5        Il-premessi 7 u 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), jgħidu:

“(7)      L-iskop ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri il-materji prinċipali ċivili u kummerċjali apparti minn ċerti materji li jkunu ġew definiti.

[…]

(19)      Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussel u dan ir-Regolament, u għandhom jintalbu għal dan il-għan disposizzjonijiet transitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussel mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Protokolli tal-1971 għandhom jibqgħu japplikaw ukoll f’każijiet diġa pendenti meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ.”

6        L-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.

2.      Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a)      l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta’ persuni naturali, drittijiet ta’ propjetà li joriġinaw minn relazzjonijiet matrimonjali, testmenti u suċċessjoni;

(b)      falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi;

(ċ)      sigurtà soċjali;

(d)      arbitraġġ.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7        Expert Maschinenbau GmbH, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, kienet teżerċita attività ta’ produzzjoni ta’ materjali għall-industrija tal-karozzi, li d-distribuzzjoni tagħhom fi Franza kienet attribwita b’mod esklużiv lil Expert France.

8        Fl-14 ta’ Lulju 2006, l-Amtsgericht Darmstadt (qorti distrettwali ta’ Darmstadt, il-Ġermanja) fetħet proċedura ta’ insolvenza fil-konfront ta’ Expert Maschinenbau u ħatret stralċjarju.

9        Fit-13 ta’ Settembru 2006, l-istralċjarju kkonkluda ftehim provviżorju ta’ ċessjoni ma’ TM li jipprevedi l-irkupru minn din tal-aħħar ta’ fergħa ta’ attività ta’ Expert Maschinenbau. Fit-22 ta’ Settembru 2006, l-istralċjarju ttrasferixxa l-imsemmi settur ta’ attività lil Wetzel Fahrzeugbau GmbH, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż u sussidjarja ta’ TM.

10      Permezz ta’ ittri tad-19 ta’ Settembru 2006 kif ukoll tal-24 u tas-27 ta’ Ottubru 2006, TM stiednet lill-klijenti ta’ Expert France, li lilhom hija introduċiet ruħha li hija ċ-ċessjonarju ta’ Expert Maschinenbau, sabiex jikkuntattjaw lilha sabiex jagħmlu l-ordnijiet tagħhom.

11      Peress li qieset li dan l-approċċ jikkostitwixxi kompetizzjoni żleali, fil-25 ta’ Frar 2013, Expert France ressqet azzjoni għad-danni kontra TM u TF quddiem it-tribunal de commerce de Paris (Franza) għat-twettiq tal-atti li jikkostitwixxu kompetizzjoni żleali.

12      TM u TF irrifjutaw il-ġuriżdizzjoni ta’ din il-qorti fuq il-bażi tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, u sostnew li t-tilwima hija ta’ kompetenza tal-Amtsgericht Darmstadt (qorti distrettwali ta’ Darmstadt) bħala qorti li fetħet il-proċedura ta’ insolvenza fil-konfront ta’ Expert Maschinenbau.

13      It-tribunal de commerce de Paris (qorti kummerċjali ta’ Pariġi) ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Novembru 2013, ikkonfermata minn sentenza tal-cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) (Franza) tad-19 ta’ Ġunju 2014. TM u TF ippreżentaw appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju kontra din is-sentenza. Huma jsostnu li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar azzjoni għad-danni minħabba kompetizzjoni żleali, sa fejn tali azzjoni toriġina direttament mill-proċedura ta’ insolvenza, hija l-qorti li fetħet din il-proċedura.

14      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-portata tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti li fetħet il-proċedura ta’ insolvenza, kif prevista fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, u tistaqsi b’mod partikolari dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-azzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni żleali mressqa mis-sussidjarja ta’ kumpannija fi stralċ tistax titqies li hija azzjoni li toriġina direttament mill-proċedura ta’ insolvenza u li hija marbuta mill-qrib magħha.

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni) (Franza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 3 tar-Regolament [Nru 1346/2000] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni għad-danni li permezz tagħha iċ-ċessjonarju ta’ fergħa ta’ attività miksuba fil-kuntest ta’ din il-proċedura huwa akkużat li ppreżenta ruħu b’mod żbaljat bħala li jiżgura d-distribuzzjoni esklużiva ta’ oġġetti prodotti mid-debitur taqa’ esklużivament taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti li tkun fetħet il-proċedura ta’ insolvenza?”

 Fuq id-domanda preliminari

16      Ir-risposta għad-domanda preliminari teżiġi li tiġi ddeterminata l-portata tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li fetħet il-proċedura ta’ insolvenza fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, sa fejn l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, li japplika fil-qasam ċivili u kummerċjali, jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu il-“falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi.”

17      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, abbażi b’mod partikolari tax-xogħlijiet storiċi marbuta mal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni ta’ Brussell”), liema test ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-aħħar regolament u r-Regolament Nru 1346/2000 għandhom jiġu interpretati b’mod li tiġi evitata kull sovrappożizzjoni bejn ir-regoli tad-dritt stabbiliti minn dawn it-testi u kull lakuna legali. Għalhekk, l-azzjonijiet esklużi, abbażi tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, sa fejn dawn jaqgħu taħt “falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi”, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000. B’mod simmetriku, l-azzjonijiet li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition, C-157/13, EU:C:2014:2145, punt 21).

18      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li, kif tindika b’mod partikolari l-premessa 7 tar-Regolament Nru 44/2001, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jagħti kunċett wiesa’ tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” li jinsab fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament u, konsegwentement, kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ta’ dan tal-aħħar. Għall-kuntrarju, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000, konformement mal-premessa 6 tiegħu, ma għandux jiġi suġġett għal interpretazzjoni wiesgħa (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition, C-157/13, EU:C:2014:2145, punt 22).

19      B’applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma biss l-azzjonijiet li joriġinaw direttament minn proċeduri ta’ insolvenza u li huma marbuta mill-qrib magħhom li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Konsegwentement, dawn l-azzjonijiet biss jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition, C-157/13, EU:C:2014:2145, punt 23).

20      Issa, huwa dan l-istess kriterju indikat fil-premessa 6 tar-Regolament Nru 1346/2000 li jintuża sabiex jiġi ddeterminat s-suġġett ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, skont din il-premessa, l-imsemmi regolament għandu jkun limitat għal dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ġurisdizzjoni għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza u t-teħid ta’ deċiżjonijiet li “jingħataw direttament fuq bażi ta’ proċedimenti ta’ falliment u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċedimenti bħal dawn”.

21      F’dan il-kuntest, għandu jiġi ddeterminat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jekk azzjoni għad-danni minħabba kompetizzjoni żleali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tissodisfax dan il-kriterju doppju.

22      Fir-rigward tal-ewwel kriterju, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni toriġinax direttament minn proċeduri ta’ insolvenza, l-element determinanti adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tidentifika l-qasam li fih taqa’ azzjoni ma huwiex il-kuntest proċedurali li fih taqa’ din l-azzjoni, iżda l-bażi legali ta’ din tal-aħħar. Skont dan l-approċċ, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk id-dritt jew l-obbligu li fuqu tkun ibbażata l-azzjoni joriġinax mir-regoli komuni tad-dritt ċivili u kummerċjali jew minn regoli derogatorji, speċifiċi għall-proċeduri ta’ insolvenza (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition, C-157/13, EU:C:2014:2145, punt 27).

23      F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-azzjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li żżomm responsabbli lil TM u TF, peress li l-ewwel waħda minn dawn il-kumpanniji hija ċessjonarju ta’ fergħa ta’ attività miksuba fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, minħabba li allegatament wettqu atti ta’ kompetizzjoni żleali għad-dannu ta’ Expert France. Fil-kuntest ta’ din l-azzjoni, Expert France ma tikkontestax il-validità taċ-ċessjoni mwettqa fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza li nfetħet mill-Amtsgericht Darmstadt (qorti distrettwali ta’ Darmstadt), iżda l-fatt li TM, peress li kkuntattjat lill-klijenti ta’ Expert France u stidnithom jikkuntattjaw lilha direttament sabiex jagħmlu l-ordnijiet tagħhom, ipprovat tieħu l-klijenti tagħha, għad-dannu tal-interessi tagħha.

24      Ċertament, fis-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2009, SCT Industri (C-111/08, EU:C:2009:419, punt 33), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li azzjoni intiża sabiex tikkontesta ċessjoni ta’ ishma f’kumpannija mwettqa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000.

25      Madankollu, b’differenza għall-kawża li wasslet għal din is-sentenza, li fiha l-istralċjarju li ttrasferixxa l-ishma f’kumpannija ġie akkużat li ma użax prerogattiva li huwa jislet speċifikatament mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirregolaw l-proċeduri kollettivi, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-aġir adottat miċ-ċessjonarju biss.

26      Barra minn hekk, Expert France aġixxiet esklużivament għad-difiża tal-interessi tagħha u mhux għad-difiża tal-interessi tal-kredituri f’din il-proċedura ta’ insolvenza. Fl-aħħar nett, din l-azzjoni hija intiża kontra TM u TF li l-aġir tagħhom huwa rregolat minn regoli differenti minn dawk applikabbli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza. Għalhekk, l-eventwali konsegwenzi ta’ tali azzjoni ma jistgħu jaffettwaw bl-ebda mod il-proċedura ta’ insolvenza.

27      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-eżerċizzju ta’ azzjoni għad-danni minħabba kompetizzjoni żleali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija distinta u ma hijiex ibbażata fuq regoli speċifiċi għall-proċeduri ta’ insolvenza.

28      Fir-rigward tat-tieni kriterju, imsemmi fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija l-intensità tar-rabta li teżisti bejn azzjoni ġudizzjarja u l-proċedura ta’ insolvenza li hija determinati sabiex jiġi deċiż jekk l-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għandhiex tiġi applikata (sentenza tat-2 ta’ Lulju 2009, SCT Industri, C-111/08, EU:C:2009:419, punt 25).

29      Ċertament, fil-kawża prinċipali, l-azzjoni għad-dannu hija intiża kontra TM, ċessjonarju ta’ fergħa ta’ attività fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza. Madankollu, id-dritt miksub, ladarba jkun daħal fil-patrimonju taċ-ċessjonarju, ma jistax iżomm rabta diretta mal-insolvenza tad-debitur fi kwalunkwe ċirkustanza.

30      F’dan il-kuntest, minkejja li ma tistax tiġi kkontestata l-eżistenza ta’ rabta bejn l-azzjoni prinċipali u l-proċedura ta’ insolvenza li tagħha kien is-suġġett Expert Maschinenbau, din ir-rabta ma tidher li hija la suffiċjentement diretta u lanqas suffiċjentement stretta sabiex ir-Regolament Nru 44/2001 jiġi eskluż u, konsegwentement, sabiex ikun applikabbli r-Regolament Nru 1346/2000.

31      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti li tkun fetħet il-proċedura ta’ insolvenza azzjoni għad-danni minħabba kompetizzjoni żleali li permezz tagħha ċ-ċessjonarju ta’ fergħa ta’ attività miksuba fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza huwa akkużat li ppreżenta ruħu b’mod żbaljat bħala li jiżgura d-distribuzzjoni esklużiva ta’ oġġetti prodotti mid-debitur.

 Fuq l-ispejjeż

32      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti li tkun fetħet il-proċedura ta’ insolvenza azzjoni għad-danni minħabba kompetizzjoni żleali li permezz tagħha ċ-ċessjonarju ta’ fergħa ta’ attività miksuba fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza huwa akkużat li ppreżenta ruħu b’mod żbaljat bħala li jiżgura d-distribuzzjoni esklużiva ta’ oġġetti prodotti mid-debitur.

Firem



*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.