Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda) fl-14 ta’ Marzu 2024 – Proċeduri kriminali kontra MA

(Kawża C-202/24, Alchaster 1 )

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Supreme Court

Proċeduri kriminali kontra

MA

Domanda preliminari

Fejn, skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni tat-30 ta’ Diċembru 2020 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra 1 (li jinkorpora d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2002/584/JHA) 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”), tintalab konsenja għall-finijiet ta’ azzjonijiet kriminali għal reati terroristiċi u l-persuna kkonċernata tipprova tirreżisti tali konsenja billi tallega li din tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u tal-Artikolu 49(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) minħabba li ġiet introdotta, wara d-data tar-reat allegat li fir-rigward tiegħu l-konsenja tiegħu tkun mitluba, miżura leġiżlattiva li tibdel il-parti tal-piena li neċessarjament tkun ta’ priġunerija u l-modalitajiet għal ħelsien kundizzjonali, u fejn japplikaw il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

L-Istat rikjedenti (f’dan il-każ ir-Renju Unit) ikun parti għall-KEDB u jagħti effett lill-KEDB fid-dritt intern tiegħu bis-saħħa tal-Human Rights Act (l-Att dwar id-Drittijiet tal-Bniedem) tal-1998;

L-applikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni għall-priġunieri li diġà qegħdin jiskontaw piena li ngħatat minn qorti ġiet meqjusa kompatibbli mal-KEDB mill-qrati tar-Renju Unit (inkluża s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit));

Kull persuna, inkluż il-persuna kkonċernata fil-każ ta’ konsenja, għandha l-possibbiltà li tressaq ilment quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”);

Ma jkun hemm l-ebda bażi sabiex jiġi kkunsidrat li deċiżjoni tal-Qorti EDB ma tiġix implimentata mill-Istat rikjedenti;

Konsegwentement, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) tqis li ma jkunx ġie stabbilit li l-konsenja tinvolvi riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 7 tal-KEDB jew tal-Kostituzzjoni;

Ma jkunx allegat li l-konsenja hija prekluża mill-Artikolu 19 tal-Karta;

L-Artikolu 49 tal-Karta ma jkunx japplika għall-proċedura ta’ sentenza jew ta’ kundanna;

Ma jkunx ġie sostnut li teżisti xi raġuni sabiex wieħed jemmen li hemm xi differenza sinjifikattiva fl-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-KEDBB u tal-Artikolu 49 tal-Karta;

B’teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 52(3) tal-Karta u tal-obbligu ta’ lealtà bejn l-Istati Membri u bejn dawk obbligati li jwettqu konsenja abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, huwa permess li qorti li kontra d-deċiżjoni tagħha ma hemm l-ebda dritt ta’ appell, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, tikkonkludi li l-persuna rikjesta ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ riskju reali li l-konsenja tagħha tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 49(2) tal-Karta, jew tali qorti hija obbligata twettaq xi investigazzjoni ulterjuri, u jekk iva, x’inhuma n-natura u l-portata ta’ din l-investigazzjoni?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2021, L 149, p. 10.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.