Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Lulju 2007 - Buzzi Unicem vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-241/07)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Buzzi Unicem SpA (rappreżentanti: C. Vivani u M. Vellano, avvocati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara n-nullità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15.05.2007 fuq il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni tal-kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra nnotifikat mill-Italja b'mod konformi mad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87/KE - minħabba ksur tat-Trattat KE u tal-prinċipji u r-regoli tad-dritt adottati fl-applikazzjoni tagħha - safejn timponi l-modifika tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni fir-rigward tat-tneħħija ta' l-ammissibbiltà tal-miżuri ta' razzjonalizzazzjoni skond liema l-operatur jista' jżomm parti mill-kwoti allokati, f'każ ta' "egħluq minħabba proċessi ta' razzjonalizzazzjoni tal-produzzjonijiet" (Artikolu 1(4) u l-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni).

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti f'din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata f'din il-kawża ddefiniet bħala inkompatibbli mad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, tat-13 ta' Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni nnotifikat mill-Italja b'ittra tal-15 ta' Diċembru 2006.

Il-punt speċifikament ikkontestat jirrigwarda l-eventwalità li l-operatur jista' jżomm parti mill-kwoti allokati, f'każ ta' egħluq, minħabba proċessi ta' razzjonalizzazzjoni, ta' l-impjanti ta' produzzjoni jew ta' partijiet minnhom.

In sostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni:

-    li l-konvenuta imponiet b'mod żbaljat l-analiżi kritika tagħha stess f'termini ta' "aġġustament ta' allokazzjonijiet", billi eskludiet il-possibbiltà ta' l-hekk imsejħa "aġġustamenti ex-post". F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti taċċetta li dan it-tip ta' aġġustamenti joħolqu distorzjoni fis-suq u inċertezza għall-impriżi u jiksru l-kriterju Nru 100 ta' l-Anness III tad-Direttiva msemmija iktar 'il fuq. Skond ir-rikorrenti, il-kwistjoni tittratta iktar li jiġi evitat it-telf tat-titolarità tal-kwoti suġġetti għal assenjazzjoni, u b'hekk it-telf tal-kapaċità ġuridika li jiġu użati f'impjanti oħra. Essenzjalment, il-kwistjoni titratta li jiġi evitat ostaklu għall-organizzazzjoni u l-applikazzjoni libera tad-dritt suġġettiv ta' impriża, li fuq kollox imur kontra l-prinċipji ta' raġjonevolezza, ta' proporzjonalità u ta' ħarsien ta' l-ambjent u tal-kompetizzjoni skond l-Artikoli 5, 174 u 157 tat-Trattat KE.

-    Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja fir-rigward tal-premessi loġiċi li hija bbażata fuqhom. Fuq dan il-punt, għandu jingħad li fir-raba' premessa tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stess tammetti li d-Direttiva tikkunsidra l-possibbiltà għall-Istati Membri li jagħmlu aġġustamenti, bil-kudizzjoni li l-effett ta' l-aġġustament ma jkollux portata retroattiva u li ma jkunx ta' ħsara għat-tħaddim tas-sistema Komunitarja. Fil-fatt, f'dan il-każ, l-operatur ta' l-impjanti li qedin jiġu magħluqa jibqa' jassisti u jopera ma' l-impjanti awtorizzati l-oħra. Għaldaqstant, skond il-Kummissjoni stess, "aġġustament ta' l-allokazzjoni" huwa possibbli.

-    Il-konvenuta naqset milli tiġġustifika r-raġunament li segwiet sabiex tasal għall-konklużjoni li l-mekkaniżmu kkritikat ma kienx kompatibbli peress li kien "ex-post adjustment".

-    Il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali, fid-dawl ta' dak li ntqal fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' approvazzjoni tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni għar-Renju Unit.

____________