Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Lulju 2007 - Ir-Repubblika ta' Polonja vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-243/07)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: Ośniecka-Tamecka, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/361/KE, ta' l-4 ta' Mejju 2007, dwar id-determinazzjoni ta' stokkijiet żejda ta' prodotti agrikoli barra z-zokkor u l-konsegwenzi finanzjarji ta' l-eliminazzjoni tagħhom fir-rigward ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1979)1 safejn tikkonċerna lir-Repubblika tal-Polonja;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata ddeterminat il-kwantitajiet ta' prodotti agrikoli f'ċirkulazzjoni ħielsa fit-territorju tal-Polonja fid-data ta' l-adeżjoni tal-Polonja ma' l-Unjoni Ewropea li, fil-fehma tal-Kummissjoni, kienu jeċċedu l-livell ta' stokkijiet normali ta' dawn il-prodotti u għalhekk imponiet fuq il-Polonja "ammonti li għandhom jitħallsu [...] bħala konsegwenza ta' l-ispiża ta' l-eliminazzjoni ta' dawk il-kwantitajiet" ta' tali prodotti.

Ir-rikorrenti qiegħda titlob li d-deċiżjoni tiġi annullata u tibbaża t-talba tagħha fuq żewġ motivi: l-ewwelnett li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata u kisret l-Artikolu 4 tat-Taqsima 4 ta' l-Anness IV ta' l-Att ta' Adeżjoni2; it-tieninett li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità.

In sostenn ta' l-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eċċediet il-kompetenza li tirriżulta mill-Artikolu 4 tat-Taqsima 4 ta' l-Anness IV ta' l-Att ta' Adeżjoni minħabba li din id-deċiżjoni tibdel il-ftehim iffirmati fl-Att ta' Adeżjoni billi tistabbilixxi penali pekunjarji li ma kinux previsti minn dan l-Att. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni in kwistjoni ma tirrispettax il-prinċipju stabbilit fl-Att ta' Adeżjoni li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom effettivament jeliminaw l-istokkijiet żejda ta' prodotti agrikoli li jkunu f'ċirkulazzjoni ħielsa fit-territorju tagħhom fid-data ta' l-adeżjoni.

In sostenn tat-tieni motiv tagħha bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, ir-rikorrenti ssostni li l-għanijiet tad-deċiżjoni kkontestata mhumiex kompatibbli ma' xulxin u għalhekk m'għandhom ebda ġustifikazzjoni legali. Barra minn hekk, skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex miżura adegwata sabiex jiġu likwidati l-ispejjeż ta' l-eliminazzjoni ta' stokkijiet żejda. Ir-rikorrenti ssostni fl-istess ħin li d-deċiżjoni kkontestata hija serjament żbaljata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kwantitajiet ta' stokkijiet żejda f'ċirkulazzjoni ħielsa fit-territorju tal-Polonja u li d-deċiżjoni kkontestata ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-kwantitajiet ta' stokkijiet li l-Polonja eliminat hija stess a spejjeż tagħha wara d-data ta' l-adeżjoni. Skond ir-rikorrenti l-ispejjeż għall-eliminazzjoni ta' stokkijiet, li fil-fatt ma kinux sostnuti mill-Komunità, ġew imputati lill-Polonja b'tali mod li l-Komunità gawdiet minn arrikkiment inġust għad-detriment tal-Polonja. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx meħtieġa fid-dawl tan-nuqqas ta' tfixkil fis-swieq agrikoli b'konsegwenza ta' l-adeżjoni tal-Polonja fl-Unjoni Ewropea u fid-dawl tal-perijodu ta' żmien pjuttost twil li għadda mid-data ta' l-adeżjoni. Skond l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata, minkejja l-fatt li kienet adottata abbażi ta' l-Att ta' Adeżjoni, ma tilħaq ebda wieħed mill-għanijiet ta' dan l-Att fir-rigward tas-settur agrikolu.

____________

1 - ĠU 2007 L 139, p. 14.

2 - L-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta' l-Estonja, tar-Repubblika ta' Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta' l-Ungerija, tar-Repubblika ta' Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003 L 236, p. 33).