Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Marzu 2015 – Evropaïki Dynamiki vs AESA

(Kawża T-297/09) 1

(“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Provvista ta’ servizzi tal-informatika – Klassifikazzjoni ta’ offerent fit-tieni jew fit-tielet pożizzjoni fil-proċedura kaskata – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, avukati)

Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (AESA) (rappreżentanti: F. Kämpfe, aġent, assistit minn J. Stuyck, avukat)

Suġġett

Minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-AESA li jikklassifikaw l-offerti tar-rikorrenti fit-tieni jew fit-tielet pożizzjoni skont il-mekkaniżmu ta’ kaskata, fl-ambitu tas-sejħa għal offerti AESA.2009.OP.02 dwar “Servizzi ICT”, fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ĠU 2009/S 22-030588), u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni intiża bħala kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minħabba l-proċedura tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni.

Dispożittiv

Id-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (AESA) tas-6 ta’ Lulju 2009, li tikklassifika l-offerta mressqa minn Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE fit-tielet pożizzjoni fil-mekkaniżmu ta’ kaskata għal-lot Nru 2 (applikazzjonijiet client-server, żvilupp u manutenzjoni) tas-sejħa għal offerti AESA.2009.OP.02, hija annullata.Id-deċiżjoni tal-AESA tal-10 ta’ Lulju 2009, li tikklassifika l-offerta mressqa minn Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis fit-tieni post fil-mekkaniżmu ta’ kaskata għal-lot Nru 3 (amministrazzjoni ta’ sistemi, ta’ databases u ta’ netwerks) tas-sejħa għal offerti AESA.2009.OP.02, hija annullata.Id-deċiżjoni tal-AESA tal-14 ta’ Lulju 2009, li tikklassifika l-offerta mressqa minn Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis fit-tieni post fil-mekkaniżmu ta’ kaskata għal-lot Nru 5 [Enterprise Content Management “ECM”, amministrazzjoni tal-arkivji tal-impriżi u implementazzjoni tal-amministrazzjoni tad-dokumenti (inklużi l-manutenzjoni u l-assistenza)] tas-sejħa għal offerti AESA.2009.OP.02, hija annullata.Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis għandha tbati 25 % tal-ispejjeż tagħha stess u 25 % tal-ispejjeż sostnuti mill-AESA, filwaqt li d

in tal-aħħar għandha tbati 75 % tal-ispejjeż tagħha stess u 75 % tal-ispejjeż sostnuti minn Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis.