Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Lulju 2009 - CNIEL vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-293/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Centre National Interprofessionnel de l'Économie Laitière (CNIEL) (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: A. Cabanes u V. Kostrzewski-Pugnat, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni mogħtija mill-Kummissjoni fl-10 ta' Diċembru 2008, fil-Każ N 561/2008 - Franza (Azzjonijiet imwettqa mill-IPO);

sussidjarjament, tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ proċedura ta' investigazzjoni formali tal-għajnuna kif prevista fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

B'dan ir-rikors, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni C(2008) 7846 finali1 tal-Kummissjoni, tal-10 ta' Diċembru 2008, li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-iskema qafas ta' azzjonijiet li jistgħu jitwettqu mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali agrikoli Franċiżi, li jikkonsistu f'għajnuna għall-assistenza teknika, għall-produzzjoni u għall-bejgħ ta' prodotti agrikoli ta' kwalità, għar-riċerka u għall-iżvilupp u għar-reklamar favur il-produtturi primarji u l-impriżi attivi fit-tkabbir u l-bejgħ ta' prodotti agrikoli, iffinanzjati minn taxxi volontarji li jsiru obbligatorji permezz ta' digriet interministerjali (iktar 'il quddiem "CVO") imposti fuq il-membri ta' dawn l-organizzazzjonijiet interprofessjonali jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi bbażati:

fuq żball manifest ta' evalwazzjoni bi ksur tal-Artikolu 87(1) KE, minħabba li ċ-CVO ma jikkostitwixxux riżorsi tal-Istat u l-miżuri meħuda mhumiex imputabbli lill-Istat u ma joħolqux vantaġġ għall-benefiċjarji finali;

fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni ma tkunx indikat ir-raġunijiet li minħabba fihom hija tkun ikkonkludiet li ċ-CVO jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat jew kif il-kummerċ bejn l-Istati Membri kien ser jiġi affettwat jew kif kien se jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni;

fuq ksur tal-Artikolu 88(3) KE sa fejn il-Kummissjoni naqset milli tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE fin-nuqqas tal-eżistenza ta' diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tan-natura tal-iskema qafas inkwistjoni.

____________

1 - ĠU 2009, C 116, p. 14.